EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0451

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (ETS Nru 108)

COM/2018/451 final

Brussell, 5.6.2018

COM(2018) 451 final

2018/0238(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ FMT:ItalicData Personali (ETS Nru 108)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tawtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (ETS Nru 108) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Emendatorju”).

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Sfond

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali (“il-Konvenzjoni 108”) hija l-uniku ftehim multilaterali legalment vinkolanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. L-għan tal-Konvenzjoni huwa li jiġi protett id-dritt tal-privatezza, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma minquxa fl-Artikolu 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 16 TFUE.

Il-Konvenzjoni 108 teħtieġ li l-Partijiet idaħħlu fil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ta’ kull individwu fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. Din kienet wieħed mis-sorsi prinċipali ta’ ispirazzjoni għall-iżvilupp tal-acquis tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Skont il-premessa 11 tagħha, wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva (KE) 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data kien preċiżament li “isostnu u jwessgħu [il-prinċipji u d-drittijiet] li jinsabu fil-[Konvenzjoni 108]”.

Bħalissa, 51 Stat irratifikaw il-Konvenzjoni 108, inklużi t-28 Stat Membru tal-UE, l-erba’ Stati tal-EFTA, il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, diversi pajjiżi ġirien (pereżempju l-Armenja, il-Ġeorġja), il-Federazzjoni Russa, it-Turkija u diversi pajjiżi mhux Ewropej kemm fl-Afrika (pereżempju s-Senegal, it-Tuneżija) kif ukoll fl-Amerika Latina (l-Urugwaj).
Diversi applikazzjonijiet (eż. l-Arġentina, il-Messiku, il-Marokk) huma pendenti u numru ta' pajjiżi għandhom status ta' osservatur (eż. il-Ġappun, il-Korea t'Isfel).

Il-Konvenzjoni 108 nfetħet għall-iffirmar fl-1981, ħafna qabel l-era tal-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-iżvilupp tat-teknoloġija u l-globalizzazzjoni tal-informazzjoni qed tippreżenta sfidi ġodda fil-qasam tal-protezzjoni tal-informazzjoni personali. L-għan tal-Protokoll emendatorju huwa l-immodernizzar tal-Konvenzjoni 108, sabiex jipprovdi soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi.

2.2.Il-Protokoll emendatorju

Il-Konvenzjoni modernizzata (jiġifieri l-Konvenzjoni 108 mmodifikata mill-Protokoll emendatorju) se jkollha kamp uniformi ta’ applikazzjoni għall-Partijiet kollha tal-Konvenzjoni, mingħajr il-possibbiltà li teskludi totalment setturi jew attivitajiet (pereżempju fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali) mill-applikazzjoni tagħha, kif inhu l-każ fit-test tal-Konvenzjoni 108 attwali. B’hekk din tkun tkopri t-tipi kollha ta’ pproċessar tad-data taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Partijiet, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat.

Il-Protokoll emendatorju jżid b’mod sinifikanti l-livell ta’ protezzjoni tad-data mogħti taħt il-Konvenzjoni 108. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni modernizzata se tispeċifika aktar il-prinċipju tal-ipproċessar legali (b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti għall-approvazzjoni) u ssaħħaħ aktar il-protezzjoni ta’ kategoriji speċjali ta’ data (filwaqt li testendi l-kategoriji għal dawk rikonoxxuti bħala kategoriji speċjali ta’ data personali fil-liġi tal-Unjoni). Barra minn hekk, il-Konvenzjoni modernizzata se tipprovdi salvagwardji addizzjonali għall-individwi meta d-data personali tagħhom tiġi pproċessata (b’mod partikolari, obbligi tal-eżaminar tal-impatt probabbli ta’ operazzjoni maħsuba tal-ipproċessar tad-data u tal-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali rilevanti; l-obbligu tar-rappurtar ta’ ksur serju tad-data) u se ssaħħaħ ukoll id-drittijiet tagħhom (speċjalment fir-rigward tat-trasparenza u l-aċċess għad-data). Ġew introdotti wkoll drittijiet ġodda tas-suġġetti tad-data, bħal pereżempju d-dritt li ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni li tolqot b’mod sinifikanti lis-suġġett tad-data bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, id-dritt għall-oġġezzjoni għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għal rimedju f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-individwu.

Il-Konvenzjoni modernizzata se tinkludi dispożizzjonijiet riveduti (li bħalissa huma inklużi fi Protokoll Addizzjonali ffirmat biss minn xi Partijiet) li jeħtieġu li l-Partijiet jistabbilixxu awtorità indipendenti waħda jew aktar responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni 108. Il-pożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet għandha tissaħħaħ bil-ħtieġa li l-Partijiet jagħtuhom setgħat addizzjonali, pereżempju s-setgħa li joħorġu deċiżjonijiet rigward ksur tal-Konvenzjoni 108 u li jimponu sanzjonijiet amministrattivi.

Is-sistema ta’ derogi mid-drittijiet u l-obbligi msemmija iktar ʼil fuq kif ifformulat fil-Protokoll emendatorju tissodisfa tliet kundizzjonijiet essenzjali: il-preservazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni komprensiv tal-Konvenzjoni 108 (l-ebda konċessjonijiet ġenerali), il-flessibilità (li tippermetti li jiġu rrikonċiljati standards għoljin ta’ protezzjoni tad-data ma’ interessi pubbliċi importanti oħra, pereżempju kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali) u l-koerenza ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (b’mod partikolari l-ebda restrizzjoni li taffettwa l-essenza tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ).

B’mod ġenerali, il-Konvenzjoni modernizzata għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li tħalli marġni ta’ flessibbiltà lill-Partijiet rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi domestika. Fil-prattika, din tkun tagħmel l-adeżjoni għall-Konvenzjoni 108 modernizzata attraenti għal dawk il-pajjiżi, anke barra mill-Ewropa, li qed jikkunsidraw li jistabbilixxu jew isaħħu s-sistemi ta’ protezzjoni ta’ data tagħhom. L-impatt prattiku tagħha jista’ jkun mistenni li jkun ħafna ikbar mill-impatt tal-Konvenzjoni 108 bħalissa, kemm f’termini tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha kif ukoll tal-obbligi stipulati fiha.

Il-Protokoll emendatorju, ladarba jidħol fis-seħħ, jintroduċi l-possibbiltà għall-Unjoni li ssir Parti mill-Konvenzjoni (modernizzata). F’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-vot tal-Kumitat tal-Konvenzjoni, it-test maqbul jiżgura l-prinċipju li l-Unjoni tista’ tivvota fiż-żona tal-kompetenza tagħha billi titfa’ numru ta’ voti għall-Unjoni li jkun ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma Partijiet f'din il-Konvenzjoni. Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib rigward il-piż tal-vot tal-Unjoni, ġiet miftiehma soluzzjoni ta’ kompromess fejn id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu biss b’“ipermaġġoranza” (erbgħa minn kull ħamsa) tal-Partijiet u, għall-iktar deċiżjonijiet importanti rigward il-konformità mal-Konvenzjoni minn Parti, ir-rekwiżit ta’ “maġġoranza doppja” (maġġoranza kwalifikata flimkien ma’ maġġoranza sempliċi ta’ Partijiet mhux tal-UE).

Il-Konvenzjoni modernizzata ssaħħaħ ukoll l-effettività tal-protezzjoni tad-data billi tipprevedi li l-Kumitat tal-Konvenzjoni jista’ jivvaluta l-effikaċja tal-miżuri meħuda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

It-test tal-Protokoll emendatorju ġie kkoordinat mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma kompetenti tal-Kunsill u jimplimenta d-Direttivi ta’ Negozjati tal-Kunsill. Dan hu wkoll kompletament konformi kemm mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, “GDPR”) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (id-“Direttiva tal-Pulizija” tal-protezzjoni tad-data ), bl-esklużjoni, għalhekk, li l-Istati Membri jkunu suġġetti għal obbligi differenti, jew saħansitra kunfliġġenti, taħt il-liġi tal-Unjoni u tal-Kunsill tal-Ewropa. L-adozzjoni ta’ Konvenzjoni b’saħħitha, ibbażata fuq l-istess approċċ u prinċipji bħall-acquis (il-ġdid) tal-Unjoni, hija ta’ importanza partikolari għall-istrateġija internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Il-Konvenzjoni 108, li hija wkoll miftuħa għal Stati mhux Ewropej, kisbet impuls qawwi minn pajjiżi madwar id-dinja li qed iħejju jew jippjanaw li jadottaw leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Jannar 2017 dwar “L-Iskambjar u l-Protezzjoni tad-Data Personali f’Dinja Globalizzata” (COM/2017/07 final), il-Kummissjoni rreferiet għall-Konvenzjoni 108, filwaqt li rrikonoxxiet li l-Konvenzjoni modernizzata għandha tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u b’hekk tkun qed “tikkontribwixxi għall-konverġenza lejn sett ta’ standards għoljin ta’ protezzjoni tad-data” f’livell globali. Għalhekk hija esprimiet impenn biex “tippromwovi l-adozzjoni mgħaġġla” tal-Protokoll emendatorju.

2.3.Il-liġi u l-politika eżistenti tal-Unjoni fil-qasam

Il-qasam irregolat mill-Konvenzjoni emendata huwa fil-biċċa l-kbira kopert mill-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Il-GDPR, applikabbli mill-25 ta’ Mejju 2018, u d-Direttiva tal-Pulizija, li għaliha l-perjodu ta’ traspożizzjoni ntemm fis-6 ta’ Mejju 2018, jipprevedu sistema komprensiva ta’ regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u jiżguraw standard ta’ protezzjoni mill-inqas ekwivalenti, u – f’ħafna każijiet – ogħla. Skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni modernizzata, il-Partijiet jistgħu jagħtu lis-suġġetti tad-data “miżura ta’ protezzjoni usa’ minn dik stipulata f’din il-Konvenzjoni”, u b’hekk iħalluhom liberi li jadottaw protezzjonijiet aktar b’saħħithom.

2.4.Raġunijiet għall-proposta

Il-Protokoll emendatorju se jidħol fis-seħħ wara li l-Partijiet kollha jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk, minħabba l-għadd kbir ta’ Partijiet li jeħtieġu li jirratifikaw, il-Protokoll emendatorju jippermetti għal “dħul parzjali” fost gruppi iżgħar ta’ Partijiet wara ħames snin ladarba tal-anqas tmienja u tletin Parti jkunu esprimew il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta bih.

L-Istati Membri tal-UE (attwalment il-Partijiet għall-Konvenzjoni 108 biss) għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll emendatorju:

L-ewwel nett, peress li l-Konvenzjoni modernizzata se jkun fiha salvagwardji fil-biċċa l-kbira simili għal dawk tal-GDPR u d-Direttiva dwar il-Pulizija, id-dħul fis-seħħ (parzjali) se jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istandards ta’ protezzjoni tad-data tal-Unjoni madwar id-dinja. Fil-fatt, il-Konvenzjoni 108 kellha rwol kruċjali fit-tixrid tal-“mudell” Ewropew tal-protezzjoni tad-data fil-livell globali għaliex ta’ spiss tintuża bħala sors ta’ ispirazzjoni minn pajjiżi li qed jikkunsidraw li jadottaw jew jimmodernizzaw il-liġijiet ta’ privatezza tagħhom. Dan huwa saħansitra aktar importanti llum il-ġurnata minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi li jippromulgaw leġiżlazzjoni bħal din f’ħafna reġjuni tad-dinja. Iż-żieda ta’ standards ta’ protezzjoni mill-Partijiet għall-Konvenzjoni għandha wkoll tiffaċilita l-flussi tad-data bejn il-Partijiet għall-Konvenzjoni tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE. Għal għadd ta’ pajjiżi, l-adeżjoni għall-Konvenzjoni 108 swiet ukoll għat-tħejjija għal sejba eventwali ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni Ewropea. Il-GDPR isaħħaħ dan l-aspett billi jipprovdi espressament li l-adeżjoni għall-Konvenzjoni 108 hija fattur importanti li għandu jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni Ewropea fil-valutazzjoni tal-adegwatezza. Anki mingħajr l-adegwatezza, livell ogħla ta’ protezzjoni (speċjalment f’dak li jikkonċerna id-disponibbiltà ta’ kemm ir-rimedji ġudizzjarji kif ukoll dawk mhux ġudizzjarji, kif ukoll is-sorveljanza effettiva mill-awtoritajiet superviżorji) se jiffaċilita l-iskambju ta’ data abbażi ta’ salvagwardji adatti (b’mod partikolari minħabba li dawn is-salvagwardji jistgħu jsiru eħfef biex jiġu infurzati fis-sistemi legali tal-Partijiet).

It-tieni nett, huwa importanti li l-Konvenzjoni modernizzata tinżamm f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR u d-Direttiva tal-Pulizija, sabiex l-Istati Membri tal-UE jiġu megħjuna jibqgħu Partijiet għall-Konvenzjoni u josservaw id-dispożizzjonijiet tagħha mingħajr ma jiksru l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan jikkonċerna b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-fluss liberu ta’ data bejn il-partijiet, peress li l-Konvenzjoni modernizzata (b’differenza għat-test attwali) fiha eżenzjoni minn din ir-regola għall-Partijiet “marbuta b’regoli armonizzati ta’ protezzjoni kondiviżi mill-Istati Membri li jappartjenu għal organizzazzjoni internazzjonali reġjonali”. Dan se jiżgura konformità mill-Istati Membri tal-UE, minkejja l-kundizzjonijiet rigward it-trasferimenti internazzjonali stipulati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

It-tielet nett, il-Konvenzjoni 108 attwali ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ adeżjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Protokoll emendatorju jibdel dan u għalhekk id-dħul fis-seħħ tiegħu hija kundizzjoni għall-adeżjoni futura tal-Konvenzjoni mill-UE.

3.BAŻI LEGALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 218(6) TFUE, flimkien mal-Artikolu 16 TFUE.

2018/0238 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (ETS Nru 108)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(6)(a)(v), flimkien mal-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa f’isem l-Unjoni fin-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali (EST 108) (il-“Konvenzjoni 108”) u l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni modernizzata.

(2)Il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni 108 (il-“Protokoll emendatorju”) ġie adottat mill-Kunsill tal-Kumitat Ewropew tal-Ministri fit-18 ta’ Mejju 2018 u se jkun miftuħ għall-iffirmar mill-25 ta’ Ġunju 2018.

(3)Il-Protokoll emendatorju għandu l-għan li jwessa’ l-ambitu, iżid il-livell u l-effettività tal-protezzjoni tad-data mogħtija taħt il-Konvenzjoni 108.

(4)Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni 108 emendata, sa fejn japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-ambitu tagħhom fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE, minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet jikkoinċidu mal-obbligi li jinsabu fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 .

(5)Peress li Konvenzjoni 108 mmodernizzata jkun fiha salvagwardji simili ħafna għal tar-Regolament (UE) 2016/679 u tad-Direttiva (UE) 2016/680, id-dħul fis-seħħ se jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ standards ta’ protezzjoni tad-data tal-UE fil-livell globali, jiffaċilita l-flussi tad-data bejn l-UE u Partijiet għall-Konvenzjoni li mhumiex tal-UE, u tiżgura l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-Konvenzjoni u jippermettu l-adeżjoni futura tal-UE għall-Konvenzjoni.

(6)L-Unjoni ma tistax tiffirma jew tirratifika l-Protokoll emendatorju, billi skont il-Konvenzjoni 108 attwali l-Istati biss huma Partijiet.

(7)Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jirratifikaw il-Protokoll Emendatorju, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (ETS Nru 108), sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (KE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(2)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
Top