EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0349

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistru elettroniku

COM/2018/349 final

Brussell, 25.5.2018

COM(2018) 349 final

2018/0181(CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistru elettroniku


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 1 jistabbilixxi l-bażi ġuridika għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

Din il-proposta takkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa rigward il-Kapitolu V tad-Direttiva tal-Kunsill XXX/KE 2 . Dan għandu x’jaqsam mal-awtomatizzazzjoni tas-superviżjoni tal-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed u li jkunu qed jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali f’dak l-Istat Membru.

L-arranġamenti l-ġodda se jeħtieġu r-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jċaqalqu l-oġġetti skont il-Kapitolu V tad-Direttiva XXX/KE 3 fir-reġistru tal-operaturi ekonomiċi li bħalissa huwa limitat għall-operaturi ekonomiċi li jużaw l-arranġamenti fil-Kapitoli III u IV tad-Direttiva XXX/KE 4 . Din il-proposta timplimenta dan ir-rekwiżit fir-Regolament (UE) Nru 389/2012.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija relatata mar-riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Il-proċeduri eżistenti ta’ reġistrazzjoni nazzjonali jvarjaw ħafna u mhumiex adattati bħala bażi għall-awtomatizzazzjoni ta’ dawn il-proċeduri.

Proporzjonalità

L-emenda proposta ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ikkonċernati u, b’dak il-mod, jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat ta’ funzjonament tajjeb u effettiv tas-Suq Intern.

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tal-proporzjonalità stabbiliti fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

L-għan tal-proposta huwa li tintroduċi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jċaqalqu l-oġġetti skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu V tad-Direttiva XXX/KE 5 . Fin-nuqqas ta’ dik il-proposta, mhux se tkun tista’ ssir l-awtomatizzazzjoni sħiħa tal-movimenti ta’ oġġetti li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum.

Għażla tal-istrument

Regolament tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ġiet evalwata d-Direttiva 2008/118/KE u l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa hi msejsa fuq din l-evalwazzjoni u fuq ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa” mill-21 ta’ April 2017 (COM(2017) 184 final). Ir-rapport jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar awtomatizzazzjoni u din il-proposta tikkonċerna biss adattament minuri li jirrifletti din l-alternattiva ta’ politika.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hemm bżonn l-ebda valutazzjoni tal-impatt separata għax l-alternattiva ta’ politika għal aktar awtomatizzazzjoni hi mirfuda bil-valutazzjoni tal-impatt għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/118/KE.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/118/KE saret fil-qafas tal-programm REFIT tal-Kummissjoni.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza permezz tad-dispożizzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data li tinsab fir-Regolament (UE) Nru 389/2012.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Kull impatt finanzjarju relatat mal-introduzzjoni tal-Fażi 4 tar-riżultati tal-EMCS mid-Deċiżjoni XXX/KE 6 . L-impatt fuq il-baġit bl-iżvilupp u l-operat ċentrali ta’ servizz ġdid estiż se jkun kopert mill-baġit FISCALIS fl-approprjazzjonijiet diġà previsti fl-ipprogrammar finanzjarju uffiċjali. Ma hemm bżonn l-ebda riżorsa addizzjonali mill-baġit tal-UE. Barra minn hekk, din l-inizjattiva mhix beħsiebha tippreġudika l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Ma hemm bżonn l-ebda dokument ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta temenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament biex tinkludi żewġ kategoriji ġodda ta’ operaturi ekonomiċi: spedituri ċċertifikati, li huma rreġistrati bħala spedituri għall-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa li jkunu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum u destinatarji ċċertifikati li huma rreġistrati bħala destinatarji għall-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa li jkunu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum. Il-magazzinieri awtorizzati u l-ispedituri rreġistrati se jkollhom il-possibbiltà li jaġixxu bħala spedituri ċċertifikati filwaqt li l-magazzinieri awtorizzati u d-destinatarji rreġistrati se jkunu jistgħu jaġixxu bħala destinatarji rreġistrati. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jridu jiġu infurmati dwar dak il-fatt u jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi inkluża wkoll fir-reġistru.

Barra minn hekk, skont il-proposta, ir-reġistru elettroniku se jinkludi informazzjoni dwar id-dritt tal-ispeditur irreġistrat li ma jimliex l-entrati tad-destinazzjoni fl-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku f’każ ta’ moviment ta’ prodotti tal-enerġija taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju bil-baħar jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva XXX/KE 7 , il-magazzinier awtorizzat u l-ispeditur irreġistrat jistgħu jħallu barra l-entrata tad-destinazzjoni. Bħalissa, fir-Regolament (UE) Nru 389/2012, ir-reġistru ċentrali jinkludi din l-informazzjoni dwar l-entrata vojta tad-destinazzjoni fil-każ biss ta’ magazzinier awtorizzat.

2018/0181 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistru elettroniku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 8 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 10 jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li jżommu reġistri elettroniċi ta’ awtorizzazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u tal-magazzinieri li huma involuti fiċ-ċaqliq tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju.

(2)Id-Direttiva XXX/KE testendi l-użu tas-sistema kompjuterizzata li qed tintuża bħalissa biex tissorvelja l-movimenti tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju, għas-superviżjoni tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li mbagħad jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali.

(3)Sabiex jitħalla l-funzjonament tajjeb tas-sistema kompjuterizzata billi jiġi żgurat il-ħżin ta’ data kompluta, aġġornata u preċiża, jeħtieġ li jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 biex jiġu inklużi żewġ kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi: spedituri ċċertifikati, li huma rreġistrati bħala spedituri għall-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa li jkunu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum u destinatarji ċċertifikati li huma rreġistrati bħala destinatarji għall-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa li jkunu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum.

(4)Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva XXX/KE, fil-każ ta’ movimenti tal-prodotti tal-enerġija taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju bil-baħar jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ jistgħu jawtorizzaw lill-ispeditur biex fil-ħin tad-dispaċċ iħalli barra d-dettalji tad-destinatarju fl-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fl-Artikolu 21(2) ta’ dik id-Direttiva. Skont ir-Regolament (UE) Nru 389/2012, magazzinier awtorizzat biss għandu jinkludi dik l-informazzjoni fir-reġistru elettroniku. Huwa essenzjali li anke l-ispeditur irreġistrat ikun jista’ jintroduċi fir-reġistru elettroniku l-informazzjoni dwar id-dritt tiegħu li jħalli barra d-dettajli tad-destinatarju fil-ħin tad-dispaċċ.

(5)Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-estensjoni tar-reġistru elettroniku biex jinkludi lill-operaturi ekonomiċi li jċaqalqu l-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, biex jiġi żgurat il-funzjonament armonizzat tas-sistema kompjuterizzata u biex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(6)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali. Fid-dawl tal-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament, l-ipproċessar ta’ din id-data mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interssi fiskali leġittimi tal-Istati Membri.

(7)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 .

(8)Sabiex id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva XXX/KE dwar l-awtomatizzazzjoni tal-movimenti tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor u biex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju għall-bidliet li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplika mill-14 ta’ Frar 2022.

(9)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 389/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)fil-paragrafu 1(a), jiżdiedu l-punti (iv) u (v) li ġejjin:

“(iv) spedituri ċċertifikati skont it-tifsira tal-punt (11) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva XXX/KE;

(v) destinatarji ċċertifikati skont it-tifsira tal-punt (12) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva XXX/KE;”;

(2)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punti (f) u (g) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(f) għall-magazzinieri awtorizzati, il-maħżen tat-taxxa jew il-lista ta’ mħażen tat-taxxa li għalihom tapplika l-awtorizzazzjoni tagħhom u, jekk applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, indikazzjoni li huma awtorizzati biex iħallu barra d-dettalji tad-destinatarju fil-ħin tad-dispaċċ skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva XXX/KE, li huma awtorizzati jaqsmu moviment skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva XXX/KE, jew huma awtorizzati li jkollhom l-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa trasferiti lejn post tat-twassil dirett skont l-Artikolu 17(4) ta’ dik id-Direttiva, indikazzjoni li qed jaġixxu bħala spedituri ċċertifikati jew destinatarji ċċertifikati skont l-Artikolu 36(6) u (7) tad-Direttiva XXX/KE;

(g) għad-destinatarji rreġistrati, jekk applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, indikazzjoni li huma awtorizzati biex ikollhom l-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa trasferiti lejn post tat-twassil dirett skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva XXX/KE, indikazzjoni li qed jaġixxu bħala destinatarji ċċertifikati skont l-Artikolu 36(7) tad-Direttiva XXX/KE;”;

(b)jiżdied il-punt (k) li ġej:

“(k) għall-ispedituri rreġistrati, indikazzjoni li huma awtorizzati jħallu barra d-dettalji tad-destinatarji fil-ħin tad-dispaċċ skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva XXX/KE, indikazzjoni li qed jaġixxu bħala spedituri ċċertifikati skont l-Artikolu 36(6) tad-Direttiva XXX/KE.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Frar 2022. 

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 121, 2.5.2012, p. 1
(2)    COM(2018) 346
(3)    COM(2018) 346
(4)    COM(2018) 346
(5)    COM(2018) 346
(6)    COM(2018) 341
(7)    COM(2018) 346
(8)    ĠU C […], […], p. […].
(9)    ĠU C […], […], p. […].
(10)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1).
(11)    Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
Top