IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,25.5.2018
COM(2018) 318 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill
dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)
ANNESS
I. Missjoni
Il-bord tal-għażla għandu jfassal lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati għall-kariga ta’ Kap Prosekutur Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Għandu wkoll jipprovdi opinjoni motivata dwar il-kwalifiki tal-kandidati nominati għall-kariga ta’ Prosekutur Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, qabel il-ħatra tagħhom mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-ewwel każ u mill-Kunsill fit-tieni każ.
II. Għamla u mandat
Il-bord tal-għażla għandu jikkonsisti minn tnax-il persuna li, fil-mument tal-ħatra tagħhom, ikunu eks membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, eks membri nazzjonali ta’ Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta’ livell għoli u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta. Il-membri kollha għandhom jissodisfaw minn tal-anqas kriterju wieħed minn fost dawk imsemmija aktar ’il fuq fil-mument tal-ħatra tagħhom.
Il-membri tal-bord tal-għażla għandhom jinħatru mill-Kunsill, wara proposta mill-Kummissjoni, għal perjodu ta’ erba’ snin. Waħda mill-persuni magħżula għandha tkun proposta mill-Parlament Ewropew. Il-persuna li tkun se tissostitwixxi membru qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu, għandha tinħatar għall-bqija tal-mandat tal-predeċessur tagħha. Il-membri tal-bord jistgħu jerġgħu jinħatru darba oħra.
III. Presidenza u segretarjat
Il-bord tal-għażla għandu jkun ippresedut minn wieħed mill-membri tiegħu, elett għal dak l-iskop mill-membri tal-bord permezz ta’ vot ta’ maġġoranza. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mis-segretarjat tal-bord. Għandha tipprovdi l-appoġġ amministrattiv meħtieġ għall-ħidma tal-bord, inkluża t-traduzzjoni tad-dokumenti. Is-segretarjat għandu wkoll jittrażmetti l-lista ristretta tal-kandidati għall-kariga ta’ Kap Prosekutur Ewropew lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u, rispettivament, l-opinjoni motivata dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-doveri ta’ Prosekuturi Ewropej lill-Kunsill.
IV. Deliberazzjonijiet u quorum
Id-deliberazzjonijiet tal-bord tal-għażla għandhom ikunu kunfidenzjali u għandhom isiru bil-magħluq. Il-laqgħat tal-bord għandhom ikunu validi biss jekk ikunu preżenti minn tal-anqas disa’ membri.
Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-għażla għandhom jittieħdu b’kunsens. Madankollu, jekk membru jitlob biex jittieħed vot, id-deċiżjoni għandha tittieħed permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti. F’każ li l-voti jiġu ndaqs, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.
V. Referenza lil kumitat u talbiet għal informazzjoni addizzjonali
Malli jaslu l-applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Kap Prosekutur Ewropew, is-segretarjat għandu jibgħathom lill-President tal-bord. L-istess japplika għan-nomini għall-kariga ta’ Prosekutur Ewropew, inklużi d-dokumenti ta’ akkumpanjament ippreżentati mill-Istati Membri.
Il-bord tal-għażla jista’ jitlob lill-applikanti u, fil-każ tan-nomini għall-kariga ta’ Prosekutur Ewropew, lill-gvern tal-Istat Membru li jinnomina, biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali jew materjal ieħor li l-bord iqis li huwa meħtieġ għad-deliberazzjonijiet tiegħu.
VI. Analiżi u smigħ
1. Il-Proċedura għall-ħatra ta’ Kap Prosekutur Ewropew
Malli jaslulu l-applikazzjonijiet tal-kandidati, il-bord tal-għażla għandu janalizza l-applikazzjonijiet b’rabta mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2017/1939, kif speċifikat ulterjorment fl-avviż ta’ post battal. Il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu esklużi mill-passi tal-proċedura li jkun imiss. Il-bord għandu jikklassifika lill-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, abbażi tad-dokumentazzjoni u l-informazzjoni provduta fl-applikazzjoni jew li tiġi prodotta wara li ssir talba skont ir-Regola V. Il-bord għandu jisma’ għadd suffiċjenti ta’ kandidati fost l-ogħla klassifikati sabiex ikun jista’ jistabbilixxi l-lista ristretta msemmija fir-Regola VII. Is-smigħ għandu jsiru bil-preżenza fiżika.
Il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà jew li ma jkunux mistiedna għal smigħ mill-bord għandhom ikunu mgħarrfa bir-raġunijiet. Il-kandidati jistgħu jirreaġixxu għal din id-deċiżjoni billi jiddikjaraw ir-raġunijiet għaliex ma jaqblux mal-valutazzjoni tal-bord. Sussegwentement, il-bord jerġa’ jivvaluta l-applikazzjoni tal-kandidati u jgħarrafhom bil-miktub bil-konklużjoni tiegħu. Il-kandidati esklużi mill-proċedura tal-għażla jistgħu jressqu lment lill-Kunsill fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
2. Il-Proċedura għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej
Malli jaslulu n-nomini, il-bord tal-għażla għandu janalizzahom b’rabta mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2017/1939. Il-bord għandu jisma’ lill-kandidati nominati. Is-smigħ għandu jsiru bil-preżenza fiżika.
VII. Sejbiet u dikjarazzjoni tar-raġunijiet
1. Kap Prosekutur Ewropew
Abbażi tas-sejbiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, il-bord tal-għażla għandu jfassal lista ristretta ta’ bejn tlieta sa ħames kandidati li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għandu jipprovdi raġunijiet għaliex ikun għażel lill-kandidati fuq il-lista ristretta. Il-kandidati li ma jkunux tqiegħdu fuq il-lista ristretta għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet.
Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Il-klassifikazzjoni għandha tindika l-ordni ta’ preferenza tal-bord u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-kandidati li ma jkunux tqiegħdu fuq il-lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati mfassla mill-bord, jistgħu jressqu lment lill-Kunsill fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
2. Prosekuturi Ewropej
Il-bord tal-għażla, abbażi tas-sejbiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, għandu jsawwar opinjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-dmirijiet ta’ Prosekuturi Ewropej u għandu jiddikjara espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 16(1)tar-Regolament 2017/1939. Il-bord għandu jipprovdi raġunijiet għall-opinjoni tiegħu.
Fl-eventwalità li l-kandidati nominati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-bord tal-għażla għandu, permezz tas-segretarjat tiegħu, jitlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jinnomina għadd korrispondenti ta’ kandidati ġodda.
Il-bord għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Il-klassifikazzjoni għandha tindika l-ordni ta’ preferenza tal-bord u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kunsill.
VIII. Dispożizzjonijiet finanzjarji
Il-membri tal-bord tal-għażla li jkun jeħtiġilhom jivvjaġġaw lil hinn mill-post ta’ residenza tagħhom sabiex jaqdu d-doveri tagħhom għandhom ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż tagħhom u għal gratifika f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill 2016/300.
L-ispiża korrispondenti għandha tiġġarrab mill-Kunsill.
IX. Data personali
L-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ħidma tal-bord tal-għażla għandu jsir taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-regoli applikabbli għas-sigurtà tal-informazzjoni proċessata fil-kuntest tal-ħidma tal-bord tal-għażla, u għall-aċċess għaliha, għandhom ikunu dawk applikabbli għall-Kummissjoni.
X. Ir-reġim lingwistiku
Il-bord tal-għażla għandu, wara proposta mill-president tiegħu, jiddetermina l-lingwa/i ta’ ħidma tal-bord, fid-dawl tal-lingwi komuni mitkellma mill-membri tiegħu.