Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0277

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport

    COM/2018/277 final - 2018/0138 (COD)

    Brussell, 17.5.2018

    COM(2018) 277 final

    2018/0138(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport

    {SEC(2018) 228 final}
    {SWD(2018) 178 final}
    {SWD(2018) 179 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Il-bidla teknoloġika qed tolqot lil kull parti tas-soċjetà u tal-ekonomija, u qed tittrasforma l-ħajja taċ-ċittadini tal-UE. Anki t-trasport qed isegwi din ix-xejra. It-teknoloġiji ġodda qed ibiddlu l-pajsaġġ tal-mobbiltà mill-qiegħ. F’dan il-kuntest, l-UE u l-industriji tagħha jridu jilqgħu l-isfida biex isiru mexxejja dinjija fl-innovazzjoni, fid-diġitalizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat strateġija komprensiva biex tiżgura li l-politiki tal-mobbiltà tal-UE jkunu jirriflettu dawn il-prijoritajiet politiċi fil-forma ta’ tliet pakketti tal-mobbiltà msejħin “L-Ewropa Attiva”.

    Wara l-Istrateġija għall-Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, il-Kummissjoni adottat żewġ pakketti tal-mobbiltà f’Mejju u Novembru 2017. Dawn il-pakketti jistabbilixxu aġenda pożittiva li timplimenta l-istrateġija tal-mobbiltà b’livell baxx ta’ emissjonijiet u li tiżgura tranżizzjoni bla xkiel lejn mobbiltà nadifa, kompetittiva u konnessa għal kulħadd. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenħtieġ jiżguraw l-adozzjoni malajr ta’ dawn il-proposti.

    Din l-inizjattiva hi parti mit-Tielet Pakkett ta’ “L-Ewropa Attiva”, li jwettaq l-istrateġija l-ġdida tal-politika industrijali ta’ Settembru 2017, u tfasslet biex jitlesta l-proċess biex l-Ewropa tkun tista’ tgawdi bis-sħiħ il-benefiċċji kollha tal-modernizzazzjoni tal-mobbiltà. Hu essenzjali li s-sistema tal-mobbiltà tal-ġejjieni tkun sikura, nadifa u effiċjenti għaċ-ċittadini kollha tal-UE. L-għan hu li l-mobbiltà Ewropea ssir aktar sikura u aktar aċċessibbli, l-industrija Ewropea ssir aktar kompetittività, l-impjiegi Ewropej jsiru aktar siguri, u biex ikunu aktar nodfa u adattati aħjar għall-isforzi li jiffaċċjaw it-tibdil fil-klima. Dan se jkun jeħtieġ l-impenn sħiħ tal-UE, tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari biex jissaħħu l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport.

    Fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni hemm l-istimulazzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-ixprunar tal-investiment fl-ekonomija reali. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa 1 li jsarraf din il-mira ġenerali f’termini operattivi, għandu tliet għanijiet: li jimmobilizza l-finanzjament għall-ekonomija reali, li jagħti viżibbiltà u assistenza teknika lill-proġetti tal-investiment, u li jtejjeb il-qafas regolatorju għall-investiment.

    L-investiment fl-infrastruttura tat-trasport jikkontribwixxi ġmielu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. B’mod partikolari, it-tlestija tan-netwerk ewlieni tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u tal-kurituri tiegħu mistennija tiġġenera EUR 4 500 biljun addizzjonali jew 1,8 % tal-PDG tal-UE u tammonta għal 13-il miljun sena tal-impjieg sal-2030 2 . Hu stmat li l-investiment meħtieġ biex jitlesta n-netwerk ewlieni tat-TENT-T jammonta għal madwar EUR 500 biljun bejn l-2021 u l-2030, u għal madwar EUR 1 500 biljun li jinkludu l-investiment tan-netwerk komprensiv tat-TEN-T u investiment tat-trasport ieħor 3 .

    Mill-esperjenza jidher li l-implimentazzjoni tal-proġetti tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T hi affettwata minn proċeduri amministrattivi kumplessi u inċertezza regolatorja, li jistgħu jwasslu għal aktar spejjeż u dewmien 4 .

    Fost ir-rakkomandazzjonijiet li jgħinu fit-tlestija tat-TEN-T, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Christophersen-Bodewig-Secchi 5 - Making the best use of new financial schemes for European transport infrastructure projects (Nagħmlu l-aħjar użu mill-iskemi finanzjarji ġodda għall-proġetti infrastrutturali tat-trasport fl-Ewropa) (2015) li ġie aġġornat dan l-aħħar, jidentifika s-simplifikazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet amministrattivi, ir-regoli dwar l-għoti tal-permessi u proċeduri regolatorji oħrajn. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni ġie ppreżentat mill-Koordinaturi Ewropej tat-TEN-T Bodewig u Secchi kif ukoll mill-Eks Viċi President H. Christophersen.

    It-tlestija effettiva tat-TEN-T hi essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku, għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport u għat-tranżizzjoni lejn mobbiltà b’livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju 6 . Fil-Komunikazzjonijiet riċenti tagħha, il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li jiġu mmobilizzati investimenti privati f’setturi kritiċi għall-ġejjieni tal-UE 7 u fejn għad hemm fallimenti tas-suq 8 . Din tenniet ukoll l-importanza tat-trasport transfruntier u sostenibbli u tal-infrastruttura TEN-T għall-iżvilupp tal-UE lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju 9 .

    Li noħolqu ambjent regolatorju ta’ sostenn u ndaħħlu proċeduri effiċjenti huma sfida mhux biss fil-livell Ewropew. Il-G7 irrikonoxxa wkoll il-kumplessità tar-regolamentazzjoni li taffettwa l-effiċjenza tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, b’mod speċifiku fid-Dikjarazzjoni tal-Ministri adottata waqt il-Laqgħa tal-Ministri tat-Trasport tal-G7 f’Cagliari f’Ġunju 2017. Id-Dikjarazzjoni enfasizzat l-importanza li tiżdied l-aċċettazzjoni tal-pubbliku għall-proġetti infrastrutturali, li jitħaddmu proċeduri amministrattivi effiċjenti u li jiġi simplifikat l-ambjent regolatorju 10 . L-Istati Membri għamlu wkoll sforzi biex jirrazzjonalizzaw il-proċeduri fil-livell nazzjonali 11 .

    Din l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas id-dewmien li nħoloq fl-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali tat-TEN-T. L-inizjattiva tpoġġi limitu massimu ta’ tliet snin għall-proċess kollu tal-għoti tal-permessi. Għandha l-għan ukoll li tiċċara aktar il-proċessi li l-promoturi tal-proġetti jeħtieġ isegwu, l-aktar fejn jidħlu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi, tal-akkwist pubbliku u proċeduri oħra.

    Din l-inizjattiva tħares l-aċċess għall-ġustizzja fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali tat-TEN-T. Ma taffettwax il-proċeduri amministrattivi tal-appell u ta’ rimedji ġudizzjarji quddiem qorti jew tribunal. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli proċedurali speċifiċi, fosthom l-inammissibbiltà ta’ argument ippreżentat b’mod abbużiv jew in mala fide, li jkunu jikkostitwixxu mekkaniżmi xierqa li jiżguraw l-effiċjenza tal-proċedimenti ġuridiċi. Il-proġetti transfruntieri qed jiffaċċjaw diffikultajiet waqt it-twettiq tal-akkwist pubbliku, l-aktar minħabba l-ħtieġa li jiġu applikati leġiżlazzjonijiet differenti, kif enfasizzaw il-partijiet ikkonċernati. Dan iżid il-kumplessità tal-proġetti u toħloq l-ispejjeż. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tippermetti applikazzjoni sistematika ta’ qafas uniku wieħed fil-każ ta’ proġetti transfruntieri implimentati minn entità konġunta, diment li l-Istati Membri parteċipanti ma jiddeċidux mod ieħor. Dan hu konformi mal-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni riċenti “Insaħħu t-Tkabbir u l-Koeżjoni f’Reġjuni mal-Fruntieri tal-UE” 12 .

    Minbarra li tiġġenera aktar investiment u jattira l-kapital privat għal infrastruttura ta’ valur miżjud għoli tal-UE, hu mifhum li din l-inizjattiva se tipprovdi aktar ċarezza għaċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili għax se ssaħħaħ il-qafas tat-trasparenza biex jinvolvu ruħhom fl-ippjanar ta’ proġetti tat-TEN-T.

    Hu stmat li l-benefiċċji speċifiċi mistennija jkunu dawn li ġejjin:

    ·Iffrankar fil-ħin: il-proċeduri tal-għoti tal-permessi huma mistennija jdumu sa massimu ta’ tliet snin u dan hu titjib sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali.

    ·Iffrankar fl-ispejjeż tal-utent: aktar minn EUR 5 biljun fi ffrankar tal-ispejjeż tal-utent.

    ·Investiment: 84 % tal-investiment totali fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T se jitressqu qabel l-2025.

    ·Tnaqqis fl-effetti esterni tat-trasport: EUR 700 miljun iffrankati mil-lat ta’ emissjonijiet tas-CO2, storbju, tniġġis tal-arja, konġestjoni u inqas inċidenti. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 hu stmat li se jiffranka 2 686 elf tunnellata tul il-perjodu 2018-2030.

    ·Spejjeż amministrattivi: tfaddil nett ta’ EUR 150 miljun għall-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet pubbliċi.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Bħalissa ma teżisti l-ebda dispożizzjoni speċifika relatata mal-proċeduri tal-għoti tal-permessi u mal-proċeduri regolatorji fil-qasam tat-TEN-T. Iżda jeżistu dispożizzjonijiet simili applikabbli fil-qasam tan-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) 13 .

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    L-għanijiet ta’ din l-inizjattiva huma konformi mal-politiki rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport, tas-suq uniku u oqsma oħra. L-inizjattiva tikkontribwixxi biex jitrawwem l-investiment u jinħolqu l-impjiegi billi tirrazzjonalizza l-investiment fl-ekonomija reali.

    It-tlestija tat-TEN-T se twassal biex jinħoloq suq intern aktar profond u ġust, għax it-TEN-T għandu l-għan li jgħaqqad fiżikament lill-Istati Membri u għandu valur miżjud ċar għall-Unjoni għax jiffoka fuq konnessjonijiet transfruntieri.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hi l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-iżvilupp ikkoordinat tat-TEN-T li jappoġġa l-flussi tat-trasport fis-suq uniku Ewropew u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Il-proċeduri tal-għoti tal-permessi huma differenti ferm fost l-Istati Membri fejn jidħlu l-għadd ta’ permessi meħtieġa u d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu; dan jagħmilha diffiċli li wieħed jissinkronizza l-iżvilupp tan-netwerk. Qabel ma jitlestew l-elementi kollha tiegħu, in-netwerk tat-TEN-T la jista’ jiffunzjona sew b’mod ġenerali u lanqas ma jista’ joffri l-benefiċċji tiegħu fil-livell tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din taqa’ fl-ambitu għal azzjoni fil-qasam tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, kif definit fl-Artikolu 170 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    L-azzjoni maħsuba f’din il-proposta hi limitata b’mod speċifiku għad-dimensjoni Ewropea tal-infrastruttura tat-trasport.

    Regolament hu strument effettiv għax dan ikun applikabbli direttament fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri mal-adozzjoni tiegħu u ma jkun jeħtieġ l-ebda perjodu ta’ traspożizzjoni qabel ma jikseb l-effett ġuridiku sħiħ tiegħu. Dan jikkonforma mal-għan li jixxejnu d-diskrepanzi li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tad-Direttivi u jsir avvanz fit-tħejjija tal-proġetti u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni.

    3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-politika tat-TEN-T ssaħħet ġmielu fl-2013 bl-adozzjoni ta’ Regolament ġdid li jiddefinixxi strateġija ħolistika bbażata fuq l-istabbiliment tan-netwerk ewlieni sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050. Iżda l-politika tat-TEN-T ilha teżisti għal 25 sena u waqt it-tħejjija tal-qafas attwali tat-TEN-T, diġà kienet teżisti evidenza dwar l-eżistenza u l-impatti ta’ dewmien fil-proċeduri tal-għoti tal-permessi u proċeduri regolatorji oħra. Il-miżuri tas-simplifikazzjoni ġew previsti inizjalment fil-qafas tat-TEN-T, iżda mbagħad tqiesu prematuri minħabba diversi fatturi. B’mod speċifiku, il-qafas tat-TEN-T imsawwar mill-ġdid kien diġà fih sett ambizzjuż ta’ innovazzjonijiet, l-aktar b’rabta mal-ħolqien ta’ strument ġdid tal-finanzjament, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

    Minħabba f’hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 attwali ma jipprevedi l-ebda soluzzjoni speċifika fejn jidħlu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi, b’differenza mir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea 14 . Għaldaqstant din l-inizjattiva ma setgħetx tiġi żviluppata bħala parti mill-programm REFIT; iżda tnebbħet mill-esperjenza tat-TEN-E.

    Konsultazzjonijiet, ġbir tad-dejta u użu tal-għarfien espert

    L-attivitajiet tal-konsultazzjoni inkludew:

    (1)Saret konsultazzjoni pubblika miftuħa fuq l-internet għal 13-il ġimgħa mill-1 ta’ Awwissu 2017 sad-9 ta’ Novembru 2017. B’kollox waslu 99 tweġiba li jirrappreżentaw 23 Stat Membru differenti ekwivalenti għal 94 % tal-kontributi kollha. Il-kategoriji tal-organizzazzjoni bl-akbar rappreżentanza kienu l-awtoritajiet reġjonali, lokali jew muniċipali (20 %), il-promoturi tal-proġetti (19 %) u l-assoċjazzjonijiet industrijali, kummerċjali jew settorjali (20 %), u warajhom kien hemm il-gvernijiet nazzjonali (16 %).

    (2)Is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-oqsma tal-inizjattiva organizzaw sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma b’mod konġunt, dwar l-akkwist pubbliku fil-15 ta’ Ġunju 2017, dwar l-għajnuna mill-Istat u l-finanzjament fil-21 ta’ Settembru 2017, u dwar il-valutazzjonijiet ambjentali u l-għoti tal-permessi fis-17 ta’ Ottubru 2017.

    (3)Bejn is-6 ta’ Diċembru 2017 u s-17 ta’ Jannar 2018 saru wkoll intervisti mal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt;

    (4)l-attivitajiet tal-konsultazzjoni saru bħala parti mill-istudju esploratorju preċedenti flimkien ma’ konsultazzjoni pubblika miftuħa li damet għaddejja 12-il ġimgħa kif ukoll sessjonijiet ta’ ħidma apposta;

    (5)mekkaniżmu ta’ rispons ġie inkluż fil-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni f’Ġunju 2017.

    L-inizjattiva ġiet diskussa wkoll fil-livell ministerjali f’żewġ okkażjonijiet, flimkien ma’ kwistjonijiet oħra relatati mal-iżvilupp u l-finanzjament tat-TEN-T: waqt il-Konferenza dwar l-Investiment tat-Trasport Reġjonali fit-23 ta’ Marzu 2017 f’Sofija u waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri tat-Trasport fil-21 ta’ Settembru 2017 f’Tallinn.

    Sinteżi tal-kontributi li waslu u użu tar-riżultati

    Ġew ikkonsultati l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li jirrappreżentaw lill-Istati Membri kollha u taw il-fehmiet tagħhom, flimkien ma’ xi informazzjoni kwantitattiva, meta disponibbli, dwar kwistjonijiet eżistenti u l-miżuri ta’ politika li qed jiġu kkunsidrati. Mill-konsultazzjoni ħareġ li l-kwistjonijiet ewlenin identifikati dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tat-TEN-T għandhom x’jaqsmu mal-passi fil-livell strateġiku tat-tħejjija ta’ proġett, fosthom il-kisba tal-permessi tal-ippjanar spazjali, il-permessi tal-ippjanar u l-valutazzjonijiet ambjentali.

    L-appoġġ għall-integrazzjoni ta’ proċeduri f’entità nazzjonali waħda, punt uniku ta’ servizz ġie espress b’mod partikolari, minn promoturi tal-proġetti, individwi u gruppi ta’ interess industrijali. Il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali esprimew opinjonijiet aktar riżervati, li ġew ikkonfermati wkoll fl-intervisti bilaterali.

    Għadd sinifikanti ta’ gvernijiet nazzjonali u reġjonali esprimew xi tħassib dwar il-punt uniku ta’ servizz. Madankollu, l-analiżi kwalitattiva individwali tal-kummenti tagħhom turi li dan in-nuqqas ta’ qbil apparenti joħroġ, xi drabi, mill-fatt li xi pajjiżi diġà għandhom proċeduri integrati f’entità waħda (inkluż proċeduri mgħaġġla). Dawn l-entitajiet nazzjonali uniċi li diġà jeżistu jistgħu jitqiesu bħala eżempju tal-aqwa prattika fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz.

    Skont il-promoturi tal-proġetti u l-individwi, kull punt uniku ta’ servizz jenħtieġ ikollu kapaċità estiża tat-teħid tad-deċiżjonijiet li tkun tmexxi l-valutazzjonijiet ambjentali kollha fil-livell tal-proġetti, il-permessi tal-ippjanar spazjali u l-permessi tal-kostruzzjoni. Min-naħa l-oħra, l-opinjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali kienu varji fejn tidħol il-firxa tal-integrazzjoni tal-proċeduri u l-livell ta’ awtorità. Għadd sinifikanti ta’ rappreżentanti nazzjonali ddikjaraw li l-punti uniċi ta’ servizz jenħtieġ ikollhom biss setgħat ta’ koordinazzjoni.

    Dawk li wieġbu, l-aktar promoturi tal-proġetti, individwi u gruppi ta’ interess industrijali, qablu li jenħtieġ li l-proċess tal-għoti tal-permessi ma jdumux aktar minn sentejn, u li l-istabbiliment ta’ dan il-limitu taż-żmien jista’ jgħin biex jonqos id-dewmien eċċessiv. L-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll xi gvernijiet nazzjonali kellhom aktar riżervi dwar din il-kwistjoni.

    Sett komuni ta’ regoli fil-livell tal-Unjoni li japplikaw għall-proġetti transfruntieri ġie identifikat bħala l-aktar soluzzjoni effettiva biex jitjiebu l-kwistjonijiet tal-akkwist pubbliku, l-aktar mill-promoturi tal-proġetti u l-gruppi industrijali; l-awtoritajiet nazzjonali ddikjaraw li sett ta’ regoli bħal dan ikun aktar effettiv meta applikat għall-proġetti transfruntieri li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Unjoni.

    Minn fost l-istrumenti disponibbli għall-adozzjoni ta’ miżuri li jiffaċilitaw it-tħejjija ta’ proġetti tat-TEN-T u l-għoti tal-permessi, il-konsultazzjoni wriet li dawk li wieġbu kellhom preferenza ġenerali għal Regolament dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi u elementi oħra tat-tħejjija ta’ proġetti tat-TEN-T, li jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri.

    Ġbir tad-dejta u użu tal-għarfien espert

    L-inizjattiva ssegwi proċess ta’ riflessjoni fit-tul u twieġeb is-sejħa għal azzjoni politika. Id-definizzjoni tal-problema kienet ibbażata l-aktar fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni fil-ġestjoni għat-tlestija tat-TEN-T 15 , l-attivitajiet tal-konsultazzjoni u l-istudji esterni:

    Studju dwar l-għoti tal-permessi u l-iffaċilitar tat-tħejjija ta’ proġetti tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T, Milieu et al., Diċembru 2016 16 ;

    Studju ta’ appoġġ għal Valutazzjoni tal-Impatt dwar miżuri li jissimplikaw it-TEN-T, Panteia, PwC, M-FIVE, Frar 2018 17 .

    Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta hi appoġġata b’valutazzjoni tal-impatt. Din kisbet opinjoni pożittiva b’xi riżervi mingħand il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-Bord jirrakkomanda li hemm bżonn isiru xi aġġustamenti u kjarifiki dwar dan li ġej:

    Tingħata aktar evidenza dwar kif il-proċeduri tal-akkwist pubbliku u tal-għoti tal-permessi jaffettwaw id-dewmien fil-kostruzzjoni. Tingħata aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni li tvarja bejn is-setturi u l-Istati Membri kif ukoll deskrizzjoni tal-lezzjonijiet meħuda mit-TEN-E, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, u l-azzjoni meħuda fl-Istati Membri biex jirrazzjonalizzaw il-proċessi.

    Tingħata aktar informazzjoni fuq l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-alternattivi, speċjalment dawk tal-Istati Membri u taċ-ċittadini.

    Issir analiżi tas-sensittività flimkien ma’ spjegazzjoni tas-suppożizzjonijiet li saru b’rabta mal-kalkolu tar-riżultati, l-aktar dwar sa liema punt il-miżuri jistgħu jgħinu realistikament biex ikun evitat id-dewmien.

    Dawn il-kummenti tqiesu fil-valutazzjoni tal-impatt riveduta, kif indikat fl-Anness I tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, saru dawn l-emendi li ġejjin:

    Ġew ippreżentati b’mod aktar prominenti xi eżempji li juru l-impatti li d-dewmien fil-proċessi tal-għoti tal-permessi u tal-akkwist iħalli fuq proġetti individwali u kif dan jaffettwa t-tlestija tat-TEN-T, kif ukoll effetti oħra tan-netwerk. Saru aktar referenzi għar-riżultati tat-tlestija tat-TEN-E u t-trattament ta’ prijorità għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat 18 . Żdiedu xi paragrafi speċifiċi li jiddeskrivu l-esperjenza tal-Istati Membri, inkluż azzjonijiet li ħadu biex jirrazzjonalizzaw il-proċessi tagħhom. Dawn l-elementi kollha jsaħħu l-metikolożità tal-analiżi.

    Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u ma’ partijiet ikkonċernati oħra ġew ippreżentati f’aktar dettall. Fil-Kapitolu 7 żdiedet sezzjoni speċifika dwar it-tqabbil tal-alternattivi ta’ politika.

    Saret analiżi tas-sensittività u ġiet ippreżentata fit-taqsimiet rilevanti tal-valutazzjoni tal-impatt.

    L-alternattivi ta’ politika vvalutati jikkonsistu f’pakketti ta’ miżuri ta’ politika li jindirizzaw l-għanijiet speċifiċi u, b’mod partikolari, il-fatturi ewlenin tal-problema identifikata:

    stadji differenti u l-awtoritajiet involuti fil-proċeduri tal-għoti tal-permessi;

    in-nuqqas ta’ limiti taż-żmien jew il-limiti taż-żmien mhux infurzati;

    il-proċeduri varji tal-akkwist pubbliku għall-proġetti transfruntieri tat-TEN-T;

    l-isfidi tal-koordinazzjoni għat-twettiq tal-proġetti transfruntieri; kif ukoll

    inċertezzi perċepiti relatati mal-proċeduri għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

    L-analiżi wasslet għal konklużjoni ċara li m’hemmx bżonn ikun hemm l-istess livell ta’ ambizzjoni f’kull qasam, u li jixraq jitħaddem approċċ gradwali.

    Għall-proċeduri tal-għoti tal-permessi, is-sitwazzjoni tvarja fost l-Istati Membri, u fil-livell tal-Unjoni ma jitħaddem l-ebda approċċ armonizzat. Hemm bżonn livell ogħla ta’ intervent biex jissinkronizza l-proċeduri bejn il-fruntieri u tkun tista’ ssir implimentazzjoni aktar ikkoordinata, effettiva u effiċjenti tal-proġetti.

    Għall-akkwist pubbliku, tul l-aħħar ftit snin beda japplika qafas modernizzat 19 . Iżda għadu jeżisti distakk fil-qasam tal-akkwist transfruntier u l-proġetti żviluppati b’mod konġunt minn żewġ Stati Membri jew aktar. F’dan il-qasam, l-intervent jimmira biss dan id-distakk speċifiku.

    Għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-kjarifiki li għadhom kif ġew adottati, fi kwalunkwe każ diġà neħħew il-biċċa l-kbira tal-inċertezza li allegatament setgħet fixklet l-iżvilupp ta’ proġetti fil-passat. Madankollu jidher li, fil-każ ta’ proġett kumpless bi strutturi finanzjarji sofistikati, hemm bżonn tiżdied il-kwalità tan-notifiki anki permezz ta’ koperazzjoni aħjar bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Istat Membru u l-komunità legali u kummerċjali. B’mod allinjat mal-Kodiċi tal-Aqwa Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, jista’ jingħata trattament ta’ prijorità lil proġetti ta’ interess komuni fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T skont skeda maqbula b’mod konġunt bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li tistabbilixxi b’mod ċar it-tappi u l-informazzjoni li jridu jwettqu l-Istati Membri. B’hekk, il-proċeduri tal-Kummissjoni se jkunu jistgħu jimxu ħarir ħalli d-deċiżjoni tkun tista’ tiġi adottata malajr.

    L-alternattivi ta’ politika kienu bbażati fuq livelli dejjem akbar ta’ intervent, ambizzjoni u impatt mistenni “kumulattiv”:

    L-alternattiva ta’politika 1 (PO1) tipprevedi bidla minima fl-istrumenti eżistenti u l-iżvilupp ta’ liġi mhux vinkolanti u miżuri ta’ akkumpanjament.

    L-alternattiva ta’politika 2 (PO2) tipprevedi azzjoni vinkolanti limitata li trid tiġi deċentralizzata u implimentata fil-livell nazzjonali.

    L-alternattiva ta’politika 3 (PO3) tipprevedi qafas tal-UE għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T li jrid jiġi applikat fil-livell nazzjonali (PO3a) jew fil-livell tal-UE (PO3b).

    Il-valutazzjoni tal-impatt tirrakkomanda l-alternattiva ta’ politika 2, u l-inizjattiva ssegwi din ir-rakkomandazzjoni.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta mhu se tinvolvi l-ebda spiża addizzjonali għall-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt jagħti sett ta’ indikaturi li jenħtieġ jintużaw biex jimmonitorjaw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika ewlenin:

    It-tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ dewmien li jġarrbu ċerti proġetti individwali tat-TEN-T:

    L-avvanz tal-implimentazzjoni tat-TEN-T mil-lat ta’ konformità mal-istandards u mar-rekwiżiti.

    Il-progress fl-investimenti appoġġati mill-UE fl-infrastruttura tat-trasport tat-TEN-T imkejjel skont in-numru ta’ proġetti tas-CEF (jew ta’ proġetti appoġġati mis-suċċessur tagħha) li ġew implimentati fil-ħin u/jew li ma ddewmux minħabba kwistjonijiet ta’ għoti tal-permessi jew tal-akkwist.

    Aktar ċertezza legali lill-promoturi tal-proġetti u b’hekk jiġu attirati aktar investituri privati lejn l-infrastruttura tat-trasport.

    Aktar proġetti infrastrutturali tat-TEN-T iffinanzjati permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament appoġġati mill-UE (eż. l-EFSI u s-suċċessuri tiegħu).

    Il-monitoraġġ se jibni fuq miżuri eżistenti li jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tat-TEN-T innifsu. Għalhekk se juża kemm jista’ jkun il-qafas eżistenti u b’mod sempliċi u trasparenti biex jagħmlu aċċessibbli faċilment għall-partijiet ikkonċernati interessati. Mhemmx il-ħsieb li tinħoloq sistema kumplessa ta’ indikaturi tal-prestazzjoni ġodda.

       Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    It-titolu tar-Regolament jittratta l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet tal-att, li għandu l-għan li jiffaċilita t-tlestija tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

    Artikolu 1 – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan l-Artikolu jintroduċi s-suġġett u l-għanijiet tar-Regolament, jiġifieri t-tlestija effettiva u fil-ħin tat-TEN-T madwar l-Unjoni billi jitnaqqas ir-riskju ta’ dewmien u jiżdied il-livell ta’ ċertezza għall-investituri u għall-promoturi tal-proġetti fir-rigward tat-tul tal-proċeduri applikabbli. Għan ieħor hu li jiġi ffaċilitat l-involviment tal-investituri privati u tinkiseb aktar ċarezza dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi.

    Artikolu 3 – “Status prijoritarju” tal-proġetti ta’ interess komuni

    Ċerti Stati Membri fl-oqfsa legali nazzjonali rispettivi tagħhom jagħtu trattament speċjali ta’ proċeduri mħaffin u ssimplifikati għall-kategoriji ta’ proġetti bbażati fuq l-importanza tagħhom għall-iżvilupp tal-pajjiż jew għal raġunijiet oħra. Biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tlestija tat-TEN-T, li l-Istati Membri impenjaw ruħhom għalihom billi adottaw Regolament fil-Kunsill li jiddefinixxi dan in-netwerk u skadenzi vinkolanti għat-tlestija tiegħu, jenħtieġ li għall-proġetti tal-Unjoni ta’ interess komuni jkun japplika trattament preferenzjali simili.

    Artikoli 4-6 – Integrazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi

    Dan l-Artikolu għandu l-għan li jintegra diversi proċessi tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tat-TEN-T ta’ interess komuni. L-Artikolu 4 jeżiġi li l-awtorizzazzjoni tal-proġetti tat-TEN-T tieħu ħsiebha awtorità waħda li tmexxi u tieħu s-sjieda tal-proċess ġenerali u taġixxi bħala punt uniku ta’ servizz għall-promoturi u għal investituri oħra. L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-ħatra u r-rwol ta’ awtorità bħal din. L-Artikolu 6 jiddefinixxi l-passi proċedurali li jwasslu għal deċiżjoni komprensiva li tawtorizza lill-investitur biex iwettaq il-proġett.

    Artikolu 7 – Koordinazzjoni tal-proċeduri transfruntieri tal-għoti tal-permessi

    Dan l-Artikolu jiddikjara l-importanza li ssir koordinazzjoni tal-proċeduri transfruntieri tal-għoti tal-permessi u jsaħħaħ ir-rwol tal-Koordinaturi Ewropej fil-monitoraġġ tal-proċedura tal-għoti tal-permessi.

    Artikolu 8 – L-akkwist pubbliku fil-proġetti transfruntieri ta’ interess komuni

    Dan l-Artikolu jipprevedi l-applikazzjoni ta’ qafas legali wieħed biss dwar l-akkwist pubbliku għall-proġetti transfruntieri. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fi ftehim intergovernattiv, l-entitajiet konġunti li jiżviluppaw dawn il-proġetti se japplikaw sistema waħda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali biex jakkwistaw ix-xogħlijiet u s-servizzi meta jkunu qed jimplimentaw il-proġett.

    Artikolu 9 – Assistenza teknika

    L-iskemi eżistenti ta’ assistenza teknika bbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni se jkunu miftuħa għall-proġetti ta’ interess komuni kkonċernati minn din l-inizjattiva, soġġetti għad-disponibbiltà ta’ riżorsi mmexxija mis-servizzi rispettivi.

    2018/0138 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 20 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 21 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 jistabbilixxi qafas komuni għall-ħolqien ta’ netwerks interoperabbli mill-aktar avvanzati għall-iżvilupp tas-suq intern. In-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) għandhom struttura ta’ żewġ saffi: in-netwerk komprensiv jiżgura l-konnettività tar-reġjuni kollha tal-Unjoni, filwaqt li n-netwerk ewlieni jikkonsisti mill-elementi tan-netwerk li għandhom l-aktar importanza strateġika. Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 jiddefinixxi miri tat-tlestija vinkolanti għall-implimentazzjoni biex in-netwerk ewlieni jitlesta sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050.

    (2)Minkejja l-ħtieġa u l-iskadenzi vinkolanti, mill-esperjenza jidher li ħafna investimenti bil-għan li jitlesta t-TEN-T iħabbtu wiċċhom ma’ proċeduri tal-għoti tal-permessi, proċeduri transfruntieri tal-akkwist u proċeduri oħrajn li huma kumplessi. Din is-sitwazzjoni xxekkel l-implimentazzjoni fil-ħin tal-proġetti, u ħafna drabi twassal għal dewmien sinifikanti u aktar spejjeż. Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet u ssir tlestija sinkronizzata tat-TEN-T, hemm bżonn azzjoni armonizzata fil-livell tal-Unjoni.

    (3)Fl-oqfsa legali ta’ ħafna Stati Membri jingħata trattament ta’ prijorità lil ċerti kategoriji ta’ proġetti abbażi tal-importanza strateġika tagħhom għall-ekonomija. It-trattament prijoritarju hu kkaratterizzat minn skadenzi iqsar, proċeduri simultanji jew perjodi taż-żmien limitati għall-appelli filwaqt li jiżgura li jintlaħqu wkoll l-għanijiet ta’ politiki orizzontali oħra. Meta jkun jeżisti qafas bħal dan fi ħdan qafas legali nazzjonali, jenħtieġ li dan ikun japplika awtomatikament għall-proġetti tal-Unjoni rikonoxxuti bħala proġetti ta’ interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

    (4)Biex titjieb l-effikaċja tal-valutazzjonijiet ambjentali u jiġi razzjonalizzat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, meta l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali ta’ proġetti tan-netwerk ewlieni jkun joriġina simultanjament mid-Direttiva 2011/92/UE, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE, u minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, bħalma huma d-Direttiva 92/43/KEE, id-Direttiva 2009/147/KE, id-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 2010/75/UE, id-Direttiva 2012/18/UE u d-Direttiva 2011/42/KE, l-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li tkun prevista proċedura konġunta li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dawn id-Direttivi.

    (5)Il-proġetti tan-netwerk ewlieni jenħtieġ ikunu appoġġati minn proċeduri integrati tal-għoti tal-permessi biex issir ġestjoni ċara tal-proċedura ġenerali possibbli u biex jingħata punt uniku ta’ servizz għall-investituri. L-Istati Membri jenħtieġ jaħtru awtorità kompetenti b’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali u strutturi amministrattivi tagħhom.

    (6)Jenħtieġ li bl-istabbiliment ta’ awtorità kompetenti unika fil-livell nazzjonali li tintegra l-proċeduri kollha tal-għoti tal-permessi (punt uniku ta’ servizz) tonqos il-kumplessità, titjieb l-effiċjenza u tiżdied it-trasparenza tal-proċeduri. Jenħtieġ ukoll li titjieb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri meta xieraq. Il-proċeduri jenħtieġ jippromwovu koperazzjoni reali bejn l-investituri u l-awtorità kompetenti unika, u għalhekk jenħtieġ jippermettu l-ambitu tal-proċedura tal-għoti tal-permessi waqt il-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni. Dan l-ambitu jenħtieġ ikun integrat fid-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni u jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/92/UE, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE.

    (7)Il-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament jenħtieġ tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq tar-rekwiżiti ddefiniti mil-liġi internazzjonali u tal-Unjoni, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

    (8)Minħabba l-urġenza biex jitlesta n-netwerk ewlieni tat-TEN-T, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi jenħtieġ tkun akkumpanjata b’limitu taż-żmien li matulu l-awtoritajiet kompetenti responsabbli jenħtieġ jieħdu deċiżjoni komprensiva fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-proġett. Dan il-limitu taż-żmien jenħtieġ jistimola trattament aktar effiċjenti tal-proċeduri, u jenħtieġ li fl-ebda ċirkostanza ma jikkomprometti l-istandards għoljin tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ambjent u l-parteċipazzjoni pubblika.

    (9)Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-appelli li jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjoni komprensiva jiġu ttrattati bl-iżjed mod effiċjenti possibbli.

    (10)Il-proġetti infrastrutturali transfruntieri tat-TEN-T iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari fejn tidħol il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi. Jenħtieġ li l-Koordinaturi Ewropej ikollhom is-setgħa li jimmonitorjaw dawn il-proċeduri u jiffaċilitaw is-sinkronizzazzjoni u t-tlestija tagħhom.

    (11)L-akkwist pubbliku fi proġetti transfruntieri ta’ interess komuni jenħtieġ jitmexxa skont it-Trattat u d-Direttivi 2014/25/UE u/jew 2014/24/UE. Biex tkun żgurata t-tlestija tal-proġetti transfruntieri ta’ interess komuni tan-netwerk ewlieni, jenħtieġ li l-akkwist pubbliku mwettaq minn entità konġunta jkun soġġett għal leġiżlazzjoni nazzjonali unika. B’deroga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, ir-regoli nazzjonali applikabbli jenħtieġ, fil-prinċipju, ikunu dawk tal-Istat Membru fejn l-entità konġunta għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Jenħtieġ jibqa’ possibbli li l-leġiżlazzjoni applikabbli tiġi ddefinita fi ftehim intergovernattiv.

    (12)Il-Kummissjoni mhix involuta sistematikament fl-awtorizzazzjoni ta’ proġetti individwali. Iżda xi drabi, ċerti aspetti tat-tħejjija tal-proġetti jkunu suġġetti għal approvazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Meta l-Kummissjoni tkun involuta fil-proċeduri, din se tagħti trattament ta’ prijorità lill-proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni u tiżgura ċertezza lill-promoturi tal-proġetti. F’xi każijiet, jaf ikun hemm bżonn approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Skont il-Kodiċi tal-Aqwa Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex il-proġetti ta’ interess komuni tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T li jikkunsidraw bħala prijorità, jittrattawhom bi skedi taż-żmien aktar prevedibbli skont l-approċċ tal-portafoll tal-każ jew l-ippjanar miftiehem b’mod reċiproku.

    (13)L-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T jenħtieġ jiġu appoġġati wkoll mil-linji gwida tal-Kummissjoni li jġibu aktar ċarezza b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ proġetti filwaqt li jirrispettaw l-acquis tal-Unjoni. Pereżempju l-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija 23 jipprevedi din il-gwida biex jagħti aktar ċarezza ħalli jiġu rispettati d-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats. Jenħtieġ li l-appoġġ dirett relatat mal-akkwist pubbliku jkun disponibbli għall-proġetti ta’ interess komuni biex ikun żgurat l-aqwa valur għall-flus pubbliċi 24 . Barra minn hekk, jenħtieġ li tkun disponibbli ċerta assistenza teknika xierqa permezz tal-mekkaniżmi żviluppati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, bil-għan li tingħata għajnuna finanzjarja għall-proġetti ta’ interess komuni tat-TEN-T.

    (14)Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u, minħabba l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni ta’ dawk l-għanijiet, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (15)Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li l-proċeduri amministrattivi li nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ma jkunux soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli għall-proċeduri amministrattivi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b’rabta mal-awtorizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti kollha ta’ interess komuni tan-netwerk ewlieni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013. Id-definizzjoni li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (a)“deċiżjoni komprensiva” tfisser id-deċiżjoni jew is-sett ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtorità jew awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma jinkludux il-qrati jew it-tribunali, li jiddeterminaw jekk promotur ta’ proġett għandux jingħata awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura tat-trasport biex jitlesta proġett mingħajr preġudizzju għal xi deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell amministrattiv;

    (b)“proċeduri tal-għoti tal-permessi” tfisser kull proċedura li għandha tiġi segwita jew kull pass li għandu jittieħed quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, qabel ma l-promotur ta’ proġett ikun jista’ jimplimenta l-proġett;

    (c)“promotur ta’ proġett” tfisser l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorità pubblika li tibda proġett;

    (d)“awtorità kompetenti unika” tfisser l-awtorità li l-Istati Membri jaħtru bħala dik responsabbli biex twettaq id-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva;

    (e)“proġett transfruntier ta’ interess komuni” tfisser proġett ta’ interess komuni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 li jkopri sezzjoni transfruntiera kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, li jkun implimentat minn entità konġunta.

    KAPITOLU II – L-GĦOTI TAL-PERMESSI

    Artikolu 3

    “Status prijoritarju” tal-proġetti ta’ interess komuni

    1.Kull proġett ta’ interess komuni tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T għandu jkun soġġett għal proċedura integrata tal-għoti tal-permessi mmexxija minn awtorità kompetenti unika maħtura minn kull Stat Membru b’konformità mal-Artikoli 5 u 6.

    2.Meta fil-liġi nazzjonali jkun jeżisti status prijoritarju, il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jingħataw l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli u jiġu ttrattati bħala tali fil-proċeduri tal-għoti tal-permessi, meta u bil-mod li dan it-trattament ikun previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tipi korrispondenti ta’ infrastruttura tat-trasport.

    3.Biex ikunu żgurati proċeduri amministrattivi effiċjenti marbuta ma’ proġetti ta’ interess komuni, il-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet ikkonċernati kollha għandhom jiżguraw li dawn il-proġetti jingħataw l-aktar trattament rapidu li hu legalment possibbli, inkluż fejn jidħlu r-riżorsi allokati.

    Artikolu 4

    L-integrazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi

    1.Biex jiġu ssodisfati l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 6 u jonqos il-piż amministrattiv relatat mat-tlestija tal-proġetti ta’ interess komuni, il-proċeduri amministrattivi kollha li jirriżultaw mil-liġi applikabbli, kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, għandhom jiġu integrati u jwasslu għal deċiżjoni komprensiva waħda biss.

    2.Fil-każ ta’ proġetti ta’ interess komuni li għalihom l-obbligu li jsiru valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament mid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  u liġijiet oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu previsti proċeduri konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2011/92/UE.

    Artikolu 5

    Awtorità kompetenti unika għall-għoti tal-permessi

    1.Sa mhux aktar tard minn [OP please insert the date one year of the entry into force of this Regulation], kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti unika waħda li tkun responsabbli biex tiffaċilita l-proċess tal-għoti tal-permessi inkluż għat-teħid tad-deċiżjoni komprensiva.

    2.Ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti unika msemmija fil-paragrafu 1 u/jew il-kompiti relatati magħha jistgħu jiġu delegati lil awtorità oħra fil-livell amministrattiv xieraq, jew jitwettqu minnha, għal kull proġett ta’ interess komuni jew għal kull kategorija ta’ proġetti ta’ interess komuni, skont dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) awtorità waħda biss tkun responsabbli għal kull proġett ta’ interess komuni;

    (b) l-awtorità tkun l-uniku punt ta’ kuntatt għall-promotur tal-proġett fil-proċedura li twassal għad-deċiżjoni komprensiva għal proġett speċifiku ta’ interess komuni, u

    (c) l-awtorità tikkoordina t-tressiq tad-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti kollha.

    L-awtorità kompetenti unika tista’ tibqa’ responsabbli biex tistabbilixxi limiti taż-żmien, mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti skont l-Artikolu 6.

    3.L-awtorità kompetenti unika għandha tieħu deċiżjoni komprensiva fil-limiti taż-żmien speċifikati fl-Artikolu 6. Din għandha tagħmel dan wara proċeduri konġunti.

    Id-deċiżjoni komprensiva maħruġa mill-awtorità kompetenti unika għandha tkun l-unika deċiżjoni legalment vinkolanti li tirriżulta mill-proċedura statutorja tal-għoti tal-permessi. Meta jkun hemm awtoritajiet oħrajn ikkonċernati mill-proġett, dawn jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala kontribut għall-proċedura, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din l-opinjoni għandha titqies mill-awtorità kompetenti unika.

    4.Meta tieħu d-deċiżjoni komprensiva, l-awtorità kompetenti unika għandha tiżgura li jiġu rrispettati r-rekwiżiti rilevanti skont il-liġi internazzjonali u tal-Unjoni u għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha kif xieraq.

    5.Jekk proġett ta’ interess komuni jkun jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet f’żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi għandhom jieħdu kull pass meħtieġ għal koperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti u effettivi bejniethom. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mil-liġijiet tal-Unjoni u internazzjonali applikabbli, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu proċeduri konġunti, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali.

    Artikolu 6

    It-tul taż-żmien u l-implimentazzjoni tal-proċedura tal-għoti tal-permessi

    1.Il-proċedura tal-għoti tal-permessi għandha tkun tikkonsisti fil-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni u fil-fażi tal-valutazzjoni tal-applikazzjoni u t-teħid tad-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti unika.

    2.Il-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni, li tkopri l-perjodu mill-bidu tal-proċedura tal-għoti tal-permessi sat-tressiq tal-fajl sħiħ tal-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti unika, fil-prinċipju ma għandhiex taqbeż is-sentejn.

    3.    Biex titnieda proċedura tal-għoti tal-permessi, il-promotur ta’ proġett għandu jinnotifika bil-miktub lill-awtorità kompetenti unika tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-proġett u għandu jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-proġett. Sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li tirċievi n-notifika msemmija hawn fuq, l-awtorità kompetenti unika għandha tikkonferma dan, jew jekk tqis li l-proġett mhuwiex matur biżżejjed biex jidħol fil-proċedura tal-għoti tal-permessi, din għandha tirrifjuta n-notifika bil-miktub. Jekk l-awtorità kompetenti unika tiddeċiedi li tirrifjuta n-notifika, għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Id-data tal-firma tar-rikonoxximent tan-notifika mill-awtorità kompetenti għandha sservi bħala l-bidu tal-proċedura tal-għoti tal-permessi. Meta jkun hemm żewġ Stati Membri jew aktar ikkonċernati, id-data tal-aċċettazzjoni tal-aħħar notifika mill-awtorità kompetenti kkonċernata għandha sservi bħala d-data tal-bidu tal-proċedura tal-għoti tal-permessi.

    4.Fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-proċedura tal-għoti tal-permessi, l-awtorità kompetenti unika, b’koperazzjoni mill-qrib mal-promotur tal-proġett u mal-awtoritajiet l-oħra kkonċernati, u filwaqt li tqis l-informazzjoni mressqa mill-promotur tal-proġett abbażi tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3, għandha tistabbilixxi u tikkomunika deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni lill-promotur tal-proġett, li tkun tinkludi:

    (a)l-ambitu materjali u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li jrid iressaq il-promotur tal-proġett, bħala parti mill-fajl tal-applikazzjoni għad-deċiżjoni komprensiva;

    (b)skeda tal-proċess tal-għoti tal-permessi li mill-inqas tkun tidentifika dan li ġej:

    (i)id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li jridu jinkisbu;

    (ii)l-awtoritajiet, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku li aktarx ikunu kkonċernati;

    (iii)l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul tagħhom;

    (iv)it-tappi ewlenin li jridu jintlaħqu u l-iskadenzi tagħhom fid-dawl tad-deċiżjoni komprensiva li trid tittieħed;

    (v)ir-riżorsi ppjanati mill-awtoritajiet u l-ħtiġijiet possibbli ta’ riżorsi addizzjonali.

    5.Biex tiżgura li l-fajl tal-applikazzjoni jkun sħiħ u jkollu kwalità xierqa, il-promotur tal-proġett għandu jitlob l-opinjoni tal-awtorità kompetenti unika fuq l-applikazzjoni tiegħu mill-aktar fis possibbli tul il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni. Il-promotur tal-proġett għandu jikkopera għalkollox mal-awtorità kompetenti unika biex jiġu rispettati l-iskadenzi u d-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni kif definit fil-paragrafu 4.

    6.Il-promotur tal-proġett għandu jressaq fajl tal-applikazzjoni abbażi tad-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni fi żmien 21 xahar minn meta tasal id-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni. Wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, id-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni ma għadhiex meqjusa applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti unika ma tiddeċidix li dak il-perjodu jiġi estiż, skont talba ġustifikata mill-promotur tal-proġett.

    7.Sa mhux aktar tard xahrejn mid-data tas-sottomissjoni tal-fajl sħiħ tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf bil-miktub dwar il-kompletezza tal-fajl tal-applikazzjoni u tikkomunikaha lill-promotur tal-proġett. Il-fajl tal-applikazzjoni mressaq mill-promotur tal-proġett għandu jitqies sħiħ, sakemm, fi żmien xahrejn mid-data tas-sottomissjoni, l-awtorità kompetenti ma tagħmilx talba dwar l-informazzjoni nieqsa li jrid iressaq il-promotur tal-proġett. Fejn jidħol l-ambitu materjali u l-livell ta’ dettall, dik it-talba għandha tkun limitata għall-elementi identifikati fid-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni. Kull talba addizzjonali għall-informazzjoni għandha toħroġ biss minn ċirkostanzi ġodda eċċezzjonali u mhux previsti u għandha tiġi ġustifikata kif xieraq mill-awtorità kompetenti unika.

    8.L-awtorità kompetenti unika għandha tivvaluta l-applikazzjoni u tadotta deċiżjoni komprensiva fi żmien sena mid-data tas-sottomissjoni tal-fajl sħiħ tal-applikazzjoni skont il-paragrafu 7. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skadenza aktar bikrija, meta xieraq.

    9.Il-limiti taż-żmien fid-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mill-atti legali internazzjonali u tal-Unjoni, kif ukoll għall-proċeduri amministrattivi ta’ appell u rimedji ġudizzjarji quddiem qorti jew tribunal.

    Artikolu 7

    Koordinazzjoni tal-proċeduri transfruntieri tal-għoti tal-permessi

    1.Għall-proġetti li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jallinjaw l-iskedi tagħhom u jaqblu fuq skeda konġunta.

    2.Il-Koordinatur Ewropew imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE)² Nru 1315/2013 għandu jingħata s-setgħa li jsegwi mill-qrib il-proċedura tal-għoti tal-permessi għall-proġetti transfruntieri ta’ interess komuni, kif ukoll li jiffaċilita l-kuntatti bejn l-awtoritajiet kompetenti involuti.

    3.Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jiġu rrispettati l-limiti taż-żmien skont dan ir-Regolament, jekk il-limitu taż-żmien għad-deċiżjoni komprensiva ma jiġix osservat, l-awtorità kompetenti għandha tinforma minnufih lill-Koordinatur Ewropew ikkonċernat dwar il-miżuri meħuda jew li jridu jittieħdu biex tiġi konkluża l-proċedura tal-għoti tal-permessi bl-inqas dewmien possibbli. Il-Koordinatur Ewropew jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti biex tirrapporta regolarment dwar il-progress miksub.

    KAPITOLU III – L-AKKWIST PUBBLIKU

    Artikolu 8
    L-akkwist pubbliku fil-proġetti transfruntieri ta’ interess komuni

    1.L-akkwist pubbliku fi proġetti transfruntieri ta’ interess komuni għandu jitmexxa skont it-Trattat u d-Direttivi 2014/25/UE u/jew 2014/24/UE.

    2.Jekk il-proċeduri tal-akkwist jitwettqu minn entità konġunta mwaqqfa mill-Istati Membri parteċipanti, dik l-entità għandha tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri u, b’deroga minn dawn id-Direttivi, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu d-dispożizzjonijiet stabbiliti skont il-punt (a) tal-Artikolu 57(5) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew il-punt (a) tal-Artikolu 39(5) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif applikabbli, sakemm ma jkunx hemm ftehim bejn l-Istati Membri parteċipanti li jipprovdi mod ieħor. F’kull każ, dan il-ftehim għandu jipprevedi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali unika fil-każ tal-proċeduri tal-akkwist imwettqa minn entità konġunta.

    KAPITOLU IV – L-ASSISTENZA TEKNIKA

    Artikolu 9
    Assistenza teknika

    B’talba mill-promotur tal-proġett jew minn Stat Membru, skont il-programmi rilevanti ta’ finanzjament tal-Unjoni u mingħajr preġudizzju għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali, l-Unjoni għandha tagħmel disponibbli assistenza teknika biex jiġi implimentat dan ir-Regolament u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni.

    KAPITOLU V – DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 10
    Dispożizzjonijiet transizzjonali

    Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-proċeduri amministrattivi li nbdew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 11
    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    COM(2014) 903 final.
    (2)    It-twettiq tat-TEN-T, Fatti u Ċifri, https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/delivering_ten_t.pdf, Settembru 2017
    (3)    Skont ir-rispons li taw l-Istati Membri f’Mejju 2017. Il-pjanijiet ta’ ħidma tas-CNC flimkien mal-istudji ta’ appoġġ tagħhom jinsabu fuq: https://ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/downloads_en
    (4)    Dan japplika wkoll għat-30 proġett ta’ prijorità tat-TEN-T li kienu ġew identifikati qabel. Ħafna minnhom tlestew iżda oħrajn għandhom għaddejjin; l-esperjenza bil-Proġetti ta’ Prijorità turi li jeżistu kwistjonijiet relatati mal-proċeduri tal-għoti tal-permessi li jaffettwaw it-twettiq ta’ bosta proġetti (eż. PP17, PP18/30, PP24), Implementation of the Priority Projects (l-Implimentazzjoni tal-Proġetti ta’ Prijorità), Novembru 2012; id-DĠ MOVE abbażi tad-dejta tal-Istati Membri, https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/infrastructure/ten-t-policy/priority-projects/doc/pp_report_nov2012.pdf
    (5)    L-Eks Viċi President tal-Kummissjoni H. Christophersen, il-Koordinatur Ewropew u Professur K. Bodewig, il-Koordinatur Ewropew u Professur C. Secchi, fil-Pjan ta’ Azzjoni – Making the best use of new financial schemes for European transport infrastructure projects (Rapport tas-CBS), Ġunju 2015, li jinsab fuq: http://ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/ten-t-guidelines/doc/2015_06_03_cbs_action_plan_final.pdf Progress Report of the Action Plan Making the best use of new financial schemes for European transport infrastructure projects, January 2018, https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/cbs2_report_final.pdf, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Rapport ta’ Progress tas-CBS”).
    (6)    Fil-konklużjonijiet adottati fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill tenna l-impenn qawwi tiegħu għall-implimentazzjoni tat-TEN-T u l-ħtieġa li din il-politika tissokta biex tingħata spinta lill-investiment fit-trasport u tikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali, l-aktar fejn jidħol it-tibdil fil-klima. 15425/17 TRANS 541.
    (7)    COM(2016) 359 final.
    (8)    The Results and Efficiency of Railway Infrastructure Financing within the European Union (Ir-Riżultati u l-Effiċjenza tal-Finanzjament fl-Infrastruttura Ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea), Studju għall-Parlament Ewropew, Ottubru 2015.
    (9)    COM(2016)501 final.
    (10)     http://www.g7italy.it/sites/default/files/documents/Final%20Declaration_0.pdf  
    (11)    L-istrateġija Ġermaniża biex jitħaffef il-proċess tal-ippjanar: https://www.bmvi.de/SharedDocs/DE/Publikationen/G/innovationsforum-planungsbeschleunigung-abschlussbericht.pdf?_ _blob=publicationFile  
    (12)    COM(2017) 534 final.
    (13)    Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009, (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).
    (14)    Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39-75).
    (15)    Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-Netwerk tat-TEN-T fl-2014 u fl-2015, Frar 2017.
    (16)     https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/permitting_ten-t_final_report.pdf  
    (17)    Il-link jingħata ladarba jiġi ppubblikat.
    (18)    Proġetti appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi skont ir-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dak il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34-52).
    (19)    B’mod partikolari, id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243) u d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
    (20)    ĠU C , , p. .
    (21)    ĠU C , , p. .
    (22)    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
    (23)    COM(2017) 198 final.
    (24)    COM(2017) 573 final.
    Top