EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0238

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

COM/2018/238 final

Brussell, 26.4.2018

COM(2018) 238 final

2018/0112(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2018) 209 final}
{SWD(2018) 138 final}
{SWD(2018) 139 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-pjattaformi online huma faċilitaturi ewlenin tal-kummerċ diġitali. Daż-żmien hawn aktar minn miljun intrapriża tal-UE li jagħmlu kummerċ bil-pjattaformi online biex jilħqu lill-klijenti tagħhom 1 , u hu stmat li madwar 60 % tal-konsum privat u 30 % tal-konsum pubbliku tal-prodotti u s-servizzi relatati mal-ekonomija diġitali totali jsiru bi tranżazzjoni permezz ta’ intermedjarji online. 2 Ġeneralment, dawn l-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni online jibbenefikaw minn effetti tan-netwerk diretti u indiretti importanti li jitmexxew mid-dejta, li għandhom tendenza jwasslu biss għal għadd limitat ta’ pjattaformi ta’ suċċess għal kull segment intermedjat tal-ekonomija. Din l-intermedjazzjoni dejjem akbar ta’ tranżazzjonijiet bil-pjattaformi online, flimkien ma’ effetti tan-netwerk indiretti b’saħħithom li jistgħu jiksbu vantaġġi mmexxija mid-dejta mill-pjattaformi online, iwasslu biex tiżdied id-dipendenza tan-negozji fuq il-pjattaformi online bħala kważi “gwardjani” tas-swieq u tal-konsumaturi. L-asimetrija bejn is-saħħa relattiva tas-suq ta’ għadd żgħir ta’ pjattaformi online – mhux neċessarjament dominanti fis-sens tal-liġi tal-kompetizzjoni – tiggrava għax in-naħa tal-provvista hi frammentata b’mod inerenti, magħmula minn eluf ta’ negozjanti żgħar. Sa fejn dawn jeżistu, dinamika simili mhix osservata fir-rigward tal-pjattaformi online li jintermedjaw bejn in-negozji (B2B), meta ż-żewġ utenti kummerċjali u l-pjattaforma online ikollhom it-tendenza li jikkostitwixxu impriżi kbar u sofistikati li huma aktar kapaċi biex jiżguraw relazzjonijiet kuntrattwali bilanċjati. Studju tal-Kummissjoni mill-2006 3 josserva li dan l-għarfien tar-riskji kien fattur wieħed li żamm lura l-adozzjoni mifruxa tas-swieq elettroniċi B2B.

Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online koperti minn din l-inizjattiva, fil-prinċipju jinkludu s-swieq tal-kummerċ elettroniku online, ix-xiri tal-applikazzjonijiet online u l-midja soċjali online. Dawn it-tipi differenti ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online kollha għandhom l-għan li, bil-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiffaċilitaw il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn l-utenti kummerċjali marbuta kuntrattwalment u l-konsumaturi, irrispettivament minn jekk it-tranżazzjonijiet aħħarija jiġux eżegwiti online jew offline. Biex jiġu ffaċilitati dawn it-tranżazzjonijiet diretti, dawn is-servizzi tal-intermedjazzjoni online kollha jippermettu essenzjalment li jkun hemm preżenza online ta’ utenti kummerċjali li joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi, mingħajr ma dawk l-utenti kummerċjali, fil-prinċipju, jintalbu jħaddmu sit web awtonomu. Minbarra li jippermettu li jkun hemm preżenza online ta’ utenti kummerċjali, is-servizzi tal-intermedjazzjoni online spiss jiffaċilitaw il-komunikazzjoni diretta bejn utenti kummerċjali individwali u konsumaturi permezz ta’ interfaċċja integrata tal-komunikazzjoni online. Rigward il-midja soċjali online, hu nnutat li ċerti fornituri ta’ din il-kategorija ta’ fornituri tas-servizzi online effettivament jinkorporaw servizzi tal-intermedjazzjoni online differenti fi ħdan l-istess ambjent diġitali wieħed, li lkoll jistgħu jiġu koperti minn din l-inizjattiva. Il-paġni tan-negozju, pereżempju, jippermettu lill-konsumaturi jsibu negozji lokali u fornituri tas-servizzi u huma faċilitaturi importanti għat-tranżazzjonijiet min-negozji u għall-konsumaturi (B2C). Dawn il-paġni tan-negozju qed kulma jmur jiġu integrati iżjed b’funzjonalità ta’ prenotazzjoni jew xiri dirett, u b’hekk dawn is-servizzi qed isiru swieq tal-kummerċ elettroniku online.

Filwaqt li joffru potenzjal kbir mil-lat ta’ aċċess effiċjenti għas-swieq (transfruntieri), in-negozji Ewropej ma jistgħux jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekonomija tal-pjattaformi online minħabba għadd ta’ prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi u minħabba nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ rimedju effettivi fl-Unjoni. Fl-istess waqt, il-fornituri tas-servizzi online kkonċernati jsibuha diffiċli biex joperaw fis-suq uniku minħabba l-frammentazzjoni emerġenti.

Id-dipendenza tan-negozji fuq ċerti servizzi online timplika li l-fornituri ta’ dawn is-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom ambitu biex jimpenjaw ruħhom f’għadd ta’ prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi li jillimitaw il-bejgħ tal-utenti kummerċjali permezz tagħhom u jirriskjaw li jimminaw il-fiduċja tagħhom, b’mod partikolari: bidliet bla spjegazzjoni fit-termini u l-kundizzjonijiet mingħajr avviż minn qabel; it-tneħħija mil-lista ta’ prodotti jew servizzi u s-sospensjoni ta’ kontijiet mingħajr motivazzjoni ċara; in-nuqqas ta’ trasparenza relatata mal-ikklassifikar ta’ prodotti u servizzi u tal-impriżi li joffruhom; kundizzjonijiet mhux ċari għall-aċċess għad-dejta miġbura mill-fornituri, u l-użu tagħha; u nuqqas ta’ trasparenza fejn jidħlu l-favuri lis-servizzi kompetittivi tal-fornituri stess u l-hekk imsejħa l-aktar klawżoli (MFN) tan-nazzjon iffavoriti li jirrestrinġu l-abbiltà tal-impriżi milli joffru kundizzjonijiet aktar attraenti permezz ta’ mezzi oħra minbarra servizzi tal-intermedjazzjoni online.

Minbarra dan, anki l-magni tat-tiftix ġenerali online jistgħu jkunu sorsi importanti ta’ traffiku tal-Internet għan-negozji u jistgħu jaffettwaw is-suċċess kummerċjali ta’ utenti ta’ siti web korporattivi li joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom online fis-suq intern. L-ikklassifikar tas-siti web mill-fornituri tal-magni tat-tiftix online, inkluż ta’ dawk is-siti web li permezz tagħhom in-negozji joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-konsumaturi, iħalli impatt importanti fuq l-għażla tal-konsumaturi u fuq is-suċċess kummerċjali ta’ dawk l-utenti ta’ siti web korporattivi. Għalhekk, anki meta ma jkollhomx relazzjoni kuntrattwali mal-utenti ta’ siti web korporattivi tagħhom, il-magni tat-tiftix ġenerali online bl-istess mod juru kwistjoni xprunata mid-dipendenza, b’mod speċifiku għall-prattiki tal-ikklassifikar potenzjalment dannużi, li jistgħu jaffettwaw lill-utenti kummerċjali.

Fl-istess ħin, il-qafas regolatorju attwali ma jistax ikun effettiv għall-prevenzjoni ta’ wħud minn dawn il-prattiki, u lanqas biex jipprovdi rimedju effettiv. Il-frammentazzjoni regolatorja emerġenti sinifikanti fl-UE tikkomplika aktar l-ambjent regolatorju. Filwaqt li primarjament tħalli impatti fuq l-utenti kummerċjali, din is-sitwazzjoni taffettwa lill-atturi kollha fl-ekosistemi tal-pjattaformi online b’diversi naħat, inkluż il-konsumaturi, li jistgħu jġarrbu inqas għażla fil-prodotti u s-servizzi kompetittivi.

Din il-proposta hi kkumplimentata b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti għall-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online li essenzjalment hu inkarigat bil-monitoraġġ tal-opportunitajiet u l-isfidi għall-Unjoni fl-ekonomija tal-pjattaformi online, inkluż kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament li l-Kummissjoni issa qed tipproponi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

M’hemm l-ebda leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni li tindirizza r-relazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni online bejn in-negozji inkwistjoni.

Il-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni tindirizza, fost l-oħrajn, l-imġiba antikompetittiva min-naħa tal-impriżi. Il-prattiki kummerċjali unilaterali potenzjalment dannużi li tkopri din l-inizjattiva mhux neċessarjament imorru kontra l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 tat-TFUE. Minħabba f’hekk, il-liġi dwar il-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali ma tistax tindirizza t-tipi kollha ta’ kwistjonijiet koperti minn din l-inizjattiva. 

Il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi tindirizza firxa ta’ prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi, fil-livell tal-UE, l-aktar bid-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali 4 u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar Klawżoli Inġusti f’Kuntratti 5 . Dawn id-Direttivi jeħtieġu livell għoli ta’ trasparenza u “diliġenza professjonali”. Iżda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom hu limitat għat-tranżazzjonijiet B2C. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2006/114/KE dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv 6 tkopri ċerti relazzjonijiet B2B. Din għandha l-għan li tipproteġi lin-negozjanti mir-reklamar qarrieqi u mill-konsegwenzi inġusti tiegħu u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom hu permess ir-reklamar komparattiv. Madankollu, id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-istrument tal-aħħar huma limitati għall-prattiki tar-reklamar u b’mod ġenerali ma jindirizzawx il-prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi msemmija hawn fuq, li jseħħu bħala parti minn relazzjoni kuntrattwali eżistenti bejn il-pjattaformi online u l-utenti kummerċjali tagħhom.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura ambjent ġuridiku ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli għall-utenti kummerċjali, l-utenti ta’ siti web korporattivi, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-magni tat-tiftix online, li se jillimita l-okkorrenza u l-impatt ta’ prattiki kummerċjali dannużi bejn il-pjattaformi u n-negozji f’ċerti attivitajiet online, biex b’hekk titħares il-fiduċja fl-ekonomija tal-pjattaformi online u tiġi evitata aktar frammentazzjoni legali fis-Suq Uniku Diġitali.

Għalhekk l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-miri tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali billi toħloq ambjent ġuridiku ċar, stabbli u trasparenti online għall-fornituri tas-servizzi B2C u għall-utenti kummerċjali tagħhom, biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq u biex kull attur ikun jista’ jisfrutta d-dinamiki ġodda fis-suq b’kundizzjonijiet ġusti u bilanċjati u bi grad xieraq ta’ trasparenza.

Minbarra dan, il-proposta hi konsistenti ma’ għadd ta’ politiki u regoli oħra tal-Unjoni. B’mod partikolari, din tikkumplimenta r-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi msemmija hawn fuq, filwaqt li ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

Barra minn hekk, partikolarment fejn jidħol ir-rimedju, il-proposta jenħtieġ tinftiehem fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, bħal pereżempju r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 7 ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali 8 , ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali 9 u d-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali 10 .

L-obbligu li tingħata deskrizzjoni tal-parametri prinċipali tal-ikklassifikar jikkumplimenta r-rekwiżiti għan-negozjanti skont il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE. F’dan ir-rigward jista’ jiġi osservat li l-Kummissjoni pproponiet emendi bħala parti mill-Patt Ġdid għall-Konsumaturi 11 , li jinkludu rekwiżit li jiġi identifikat b’mod ċar għall-konsumaturi kwalunkwe riżultati ġġenerati mit-tiftix li jiġu promossi abbażi ta’ pagamenti, kif ukoll rekwiżit li jingħata tagħrif dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw l-ikklassifikar fis-swieq online.

Fl-aħħar nett, din il-proposta hi kompatibbli mad-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 12 , li tistabbilixxi qafas ġenerali li għandu x’jaqsam mal-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Unjoni.

Ir-Regolament propost mhux se jaffettwa kull att tad-dritt tal-Unjoni eżistenti li jissemma hawn fuq.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Minħabba (i) li l-inizjattiva tikkostitwixxi parti essenzjali tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, (ii) in-natura intrinsika transfruntiera tas-servizzi online li qed jiġu kkunsidrati, u (iii) l-frammentazzjoni emerġenti tas-suq uniku permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika dwar il-kwistjonijiet koperti, l-Artikolu 114 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika rilevanti għal din l-inizjattiva.

Fil-fatt, l-Artikolu 114 tat-TFUE għandu l-għan li jqarreb id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri u li jiżgura li fl-Unjoni jkunu japplikaw regoli koerenti u mhux diskriminatorji. Applikazzjoni bħal din ta’ regoli komuni mal-Unjoni kollha tindirizza u tevita d-diverġenzi bejn l-Istati Membri u tiżgura ċ-ċertezza legali, biex b’hekk l-impriżi u l-konsumaturi jkunu jistgħu jisfruttaw il-benefiċċji tas-suq intern. Bħala tali, din l-inizjattiva tikkontribwixxi għat-twaqqif u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

In-natura intrinsika transfruntiera tas-servizzi online inkwistjoni timplika li l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’mod effettiv mill-Istati Membri waħedhom. Il-fornituri prinċipali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jkunu stabbiliti fi Stat Membru wieħed, iżda dawn ikunu jipprovdu aċċess għal kważi l-popolazzjoni kollha tal-UE, kemm mill-post tar-residenza normali tagħhom u anki waqt li jkunu qed jivvjaġġaw madwar l-Unjoni. Fuq kollox, ċerti tipi ta’ servizzi online jintużaw fl-istess ħin għall-komunikazzjoni kummerċjali billi jkollhom preżenza fuq l-internet minn 90 % ta’ dawk li wieġbu l-eżerċizzju tal-ġbir tal-informazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-pjattaformi u n-negozji.

Għaldaqstant, l-azzjoni tal-Unjoni tikkostitwixxi l-uniku mod kif ikunu żgurati regoli komuni, xierqa u effettivi li japplikaw għall-fornituri tas-servizzi kkonċernati u għall-utenti ta’ dawk is-servizzi irrispettivament mil-liġi u l-forum identifikati fit-termini u l-kundizzjonijiet. Fuq is-sett speċifiku ta’ kwistjonijiet deskritti hawn, il-Kunsill Ewropew “enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza fil-prattiki u fl-użu tal-pjattaformi 13 ” bħala parti minn qafas regolatorju orjentat lejn il-futur tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Din il-proposta għandha l-għan li toffri ambjent tan-negozju aħjar lill-utenti kummerċjali u lill-utenti ta’ siti web korporattivi fl-Unjoni. Fl-istess ħin, il-fornituri tas-servizzi online kkonċernati jibqgħu liberi, fil-prinċipju, li jistabbilixxu l-politiki ġenerali għall-għoti tas-servizzi tagħhom u jingħataw l-opportunità li jsawru l-impenji volontarji tagħhom bil-kodiċijiet ta’ kondotta tal-industrija fi ħdan qafas legali bbażat fuq il-prinċipji. Għaldaqstant din tipprova tipprovdi rispons xieraq għall-problema identifikata, filwaqt li tissalvagwardja l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-fornituri tas-servizzi online. Barra minn hekk, l-għażla ta’ Regolament se tiffaċilita ż-żieda fil-fornituri għall-benefiċċju tal-atturi kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, għax ir-regoli komuni applikabbli mal-Unjoni kollha se jnaqqsu b’mod inerenti l-ispejjeż tal-konformità u jtejbu ċ-ċertezza legali b’mod partikolari għall-operazzjonijiet transfruntieri.

Il-proporzjonalità tal-alternattiva ppreferuta, kif riflessa f’din il-proposta, tinsab ukoll fil-kombinazzjoni tar-regoli tal-Unjoni bbażati fuq il-prinċipji, komparattivament ġenerali, b’ambitu importanti għal azzjoni industrijali u monitoraġġ immirat. Dan l-approċċ hu mfassal apposta għall-ambjent teknoloġiku u ekonomiku online li tant jinbidel malajr. Il-grupp ta’ esperti għall-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online, li se jiġi stabbilit b’mod parallel ma’ din il-proposta, se jsegwu kemm l-evoluzzjoni ġenerali tal-ekonomija usa’ tal-pjattaformi online u anki l-kwistjonijiet speċifiċi koperti hawn, infurmati fost l-oħrajn bl-obbligi tat-trasparenza legali. Għalhekk l-approċċ stabbilit f’dan ir-Regolament propost jibqa’ proporzjonat mal-kwistjonijiet identifikati fir-relazzjonijiet online bejn in-negozji.

Meta jitqies il-piż amministrattiv tal-komponenti varji tal-inizjattiva, l-intrapriżi żgħar se jibbenefikaw minn eżenzjoni mmirata mill-obbligu li jdaħħlu fis-seħħ sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti. Jenħtieġ jiġi nnutat li dan l-obbligu partikolari jistabbilixxi biss kriterji tal-effettività u tal-aċċessibbiltà relattivament għoljin, li se jħalli lill-fornituri fil-libertà biex jimplimentaw soluzzjonijiet tekniċi kosteffettivi li jwasslu għal spejjeż inqas minn dawk medji. L-eżenzjoni mmirata se tiggarantixxi li meta ma jkunx jista’ jitneħħa l-piż amministrattiv kollha li ġġib magħha l-inizjattiva, jiġu koperti biss dawk l-impriżi li jiġġeneraw dħul biżżejjed biex jassorbu dan.

Għażla tal-istrument

Hu possibbli li tiġi limitata l-azzjoni tal-Unjoni li tippromwovi azzjoni industrijali volontarja u ċerti miżuri ta’ akkumpanjament, iżda aktarx dan ma jkunx effettiv għax essenzjalment dan jistrieħ fuq l-inċentivi u r-rieda tal-industrija nnifisha biex tibdel l-istatus quo. Filwaqt li kemm il-fornituri tas-servizzi kif ukoll l-utenti kummerċjali tagħhom għandhom interess li jimmassimizzaw l-interazzjonijiet u t-tranżazzjonijiet mal-konsumaturi fuq il-pjattaformi, l-interessi tagħhom fi żmien qasir biex jindirizzaw kwistjonijiet li jqumu fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom huma allinjati biss b’mod mhux perfett. Anki l-esperjenza preċedenti bl-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) fis-settur tal-ikel tissuġġerixxi li inizjattivi purament volontarji mhumiex adattati biex jinħoloq mekkaniżmu ta’ rimedju indipendenti li jiffunzjona u biex jiġu stabbiliti regoli dwar il-korrettezza li jkunu attraenti u kredibbli għaż-żewġ naħat tas-suq. Minkejja li sar xi progress (l-elaborazzjoni ta’ prinċipji ta’ prattika tajba u t-twaqqif ta’ grupp ta’ governanza), il-fornituri agrikoli – li suppost huma l-benefiċjarji tal-iskema – ma ffirmawx l-iskema minħabba tħassib dwar il-kunfidenzjalità u l-infurzar. Sadanittant, 21 Stat Membru diġà adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali u inizjattivi li jiġġieldu l-prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Għal din ir-raġuni, strument leġiżlattiv biss jista’ jindirizza l-problemi identifikati b’mod effettiv. Minbarra dan, Regolament hu ppreferut għax dan ikun japplika direttament fl-Istati Membri, jistabbilixxi l-istess livell ta’ obbligi għall-partijiet privati, u jippermetti l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kummerċ inerentement transfruntier tal-intermedjazzjoni online u t-tiftix fuq l-internet. Dan se jindirizza u jevita wkoll il-frammentazzjoni fis-Suq Uniku Diġitali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-rapport ta’ Kontroll tal-Idoneità tal-liġi tal-konsumatur u tal-kummerċjalizzazzjoni 14 jikkonkludi li kien hemm bżonn jitqiesu l-bidliet fid-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv fir-rigward tar-relazzjonijiet B2B, fil-biċċa l-kbira jikkonfermaw ir-riżultati tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 li tħabbar l-intenzjoni ta’ reviżjoni ta’ dik id-Direttiva 15 . Iżda l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu dwar reviżjoni mmirata tad-Direttivi tal-UE dwar il-liġi tal-konsumatur ħarġet fid-dieher li jkun aħjar li s-sejbiet ta’ dan il-Kontroll tal-Idoneità jinfurmaw din l-inizjattiva dwar ir-relazzjonijiet bejn il-pjattaforma u n-negozji speċifikament fil-kuntest tas-Suq Uniku Diġitali. Għalhekk, din l-inizjattiva tibni fuq is-sejbiet tal-aħħar Kontroll tal-Idoneità tal-liġi tal-konsumatur u tal-kummerċjalizzazzjoni.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

Il-Kummissjoni kkonsultat b’mod wiesa’ fuq kwistjonijiet relatati mal-B2B emerġenti fl-ekosistema tal-pjattaformi online. L-ewwel nett, qabel il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjattaformi online ta’ Mejju 2016 16 saret konsultazzjoni wiesgħa li wasslet għal definizzjoni aktar ċara tal-problema u tat bidu għal eżerċizzju tal-ġbir ta’ informazzjoni dettaljata. It-tieni, saru sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u konsultazzjoni wiesgħa permezz ta’ diversi stħarriġiet li infurmaw lid-definizzjoni tal-problema u wasslu għal alternattivi preliminari ta’ politika. Fl-aħħar nett, saru sessjonijiet ta’ ħidma dettaljata, gruppi ta’ ħidma, kwestjonarju u preżentazzjoni miftuħa lill-Istati Membri li lkoll ikkontribwew għat-tfassil u l-ittestjar tal-alternattivi ta’ politika. Minbarra l-għodod tal-konsultazzjoni użati, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu jew wettqu intervisti mal-partijiet konċernati tul serje ta’ laqgħat bilaterali.

L-utenti kummerċjali, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, b’mod ġenerali jappoġġaw l-azzjoni leġiżlattiva biex ikunu żgurati alternattivi ta’ rimedju effettiv u trasparenza akbar fil-prattiki tal-ikklassifikar, tal-klawżoli MFN (tal-parità tal-prezz), u t-trasparenza tal-proċessi tat-tneħħija mil-lista.

Ħafna mill-fornituri tas-servizzi online ikkonċernati li ġew ikkonsultati jaqblu li hu obbligu legali raġonevoli li tingħata spjegazzjoni għalfejn utent kummerċjali jkun tneħħa mil-lista jew għalfejn offerta tkun ġiet rifjutata, diment li dawn jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom li jneħħu l-kontenut illegali u jikkoperaw mal-investigazzjonijiet. Il-fornituri kkonsultati argumentaw li mhumiex qed jagħrfu l-valur miżjud tar-riżoluzzjoni esterna għat-tilwim għax huma jafdaw is-sistemi tar-riżoluzzjoni interna għat-tilwim tagħhom stess. B’mod ġenerali, dawn ma jsibux problema biex jimplimentaw perjodi ta’ notifika għal bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet, iżda ma jaqblux ma’ perjodi ta’ notifika riġidi. Fejn tidħol it-trasparenza fl-ikklassifikar u l-użu tad-dejta, il-fornituri donnhom jaqblu mal-obbligi tal-iżvelar ta’ livell relattivament għoli, iżda jwissu dwar tbagħbis u manipulazzjoni tal-algoritmi jekk ikun hemm wisq trasparenza. B’mod ġenerali, il-fornituri jaqblu mal-idea ta’ monitoraġġ tal-ekonomija tal-pjattaformi online, diment li dan il-monitoraġġ isir b’rispett sħiħ għas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Bosta esperti nazzjonali mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jidhrilhom li hu fundamentali għal kull kwistjoni ta’ bejn in-negozji online li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mat-termini u l-kundizzjonijiet. Dawn jidhrilhom ukoll li l-proporzjonalità ta’ obbligu tat-trasparenza tkun tiddependi fuq il-formulazzjoni preċiża u fuq id-daqs tal-fornitur. Fuq kwistjonijiet bħall-perjodi ta’ notifika, hemm opinjonijiet differenti, skont l-esperjenza fil-livell nazzjonali, li jvarjaw minn dawk li ma jarawx il-bżonn ta’ regolamentazzjoni sa oħrajn li jaqblu ma’ termini ta’ notifika fissi u obbligatorji. Xi esperti nazzjonali huma tal-fehma wkoll li t-termini u l-kundizzjonijiet jenħtieġ jiġu ssimplifikati ħalli jsiru aktar trasparenti u faċli għall-utenti kummerċjali. L-esperti nazzjonali kkonsultati jappoġġaw l-obbligu tat-trasparenza legali li tingħata dikjarazzjoni bir-raġunijiet għat-tneħħija mil-lista. Dawn huma tal-fehma ġenerali li r-rekwiżiti relatati mat-tneħħija mil-lista jenħtieġ jiġu allinjati mal-proċeduri tal-kontenut illegali/ta’ notifika u azzjoni. B’mod ġenerali l-obbligu tat-trasparenza dwar il-kriterju tal-ikklassifikar hu meqjus bħala proporzjonat u leġittimu. L-esperti b’aktar esperjenza fi kwistjonijiet dwar l-ikklassifikar huma favur miżuri li jistgħu jsolvu fil-ħin il-problemi li jiltaqgħu magħhom, iżda xi wħud jgħidu li din il-kwistjoni jenħtieġ titħalla f’idejn il-liġi kummerċjali u tal-kompetizzjoni. Il-konsensus wiesa’ jagħti preferenza ġenerali għal (i) obbligu tat-trasparenza li jkopri l-prattiki tal-ikklassifikar b’mod ġenerali, u (ii) ħidma biex jingħarfu l-aqwa prattiki għall-ikklassifikar. Fejn tidħol id-dejta, l-esperti fin-nondiskriminazzjoni u fl-MFN wissew li hemm bżonn issir aktar riflessjoni. Madankollu, hemm qbil ġenerali fost l-esperti dwar l-importanza ta’ rimedju. Jeżisti xi tħassib li s-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti jistgħu jkunu ta’ piż għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Xi esperti nazzjonali jaqblu mal-promozzjoni tal-aqwa prattiki eżistenti (possibbilment bħala parti minn miżura ta’ awtoregolamentazzjoni). B’mod ġenerali, l-esperti li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali jagħrfu l-interess tal-eżerċizzju tal-monitoraġġ. Iżda ġeneralment huma kontra l-ħolqien ta’ korp ġdid jew aġenzija Ewropea għal dak il-għan.

In-natura mmirata u koregolatorja ta’ din l-inizjattiva, imsejsa fuq miżuri ta’ trasparenza u rimedju flimkien ma’ monitoraġġ aħjar permezz tal-grupp ta’ esperti stabbilit b’mod paralleli, tirrifletti l-elementi komuni fil-fehmiet tal-bosta gruppi ta’ partijiet konċernati kkonsultati.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Bejn l-2015 u l-2017 saru diversi stħarriġiet, konsultazzjoni pubblika u bosta studji mill-Kummissjoni jew mill-kuntratturi esterni. Il-Valutazzjoni tal-Impatt sottostanti għal din l-inizjattiva kisbet aktar tagħrif minn riċerka ekonomika li saret internament u appoġġ għat-tfassil tal-politika miċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta. Minbarra dan, ġew ikkonsultati wkoll l-Istati Membri permezz ta’ konsultazzjoni online li minnha nkiseb tagħrif għal laqgħa tal-grupp ta’ esperti fil-kummerċ elettroniku li saret apposta għal din l-inizjattiva. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni organizzat għadd kbir ta’ seminars ma’ esperti akkademiċi, li l-fehmiet tagħhom ikkontribwew għall-formulazzjoni tal-problema u għall-istrateġija tal-ġbir tal-evidenza.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hi bbażata fuq Valutazzjoni tal-Impatt. Għall-ewwel, fl-1 ta’ Diċembru 2017, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni negattiva b’kummenti komprensivi fuq din il-Valutazzjoni tal-Impatt. Imbagħad fit-22 ta’ Marzu 2018, wara reviżjoni sinifikanti, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt ta opinjoni pożittiva b’xi riżervi. L-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż ma’ din il-proposta jinkludi l-opinjoni tal-Bord, ir-rakkomandazzjonijiet u spjegazzjoni ta’ kif tqiesu. L-Anness 4 jagħti ħarsa ġenerali lejn min jintlaqat b’din il-proposta u kif.

Il-Kummissjoni għarblet diversi alternattivi ta’ politika biex jintlaħaq l-għan ġenerali ta’ din l-inizjattiva; dan l-għan hu li jiġi stabbilit ambjent tan-negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli, filwaqt li tinżamm u titħeġġeġ ekosistema mmexxija mill-innovazzjoni għall-pjattaformi online madwar l-UE. F’dan l-ambjent tan-negozju, in-negozjanti jenħtieġ ikollhom is-salvagwardji meħtieġa biex jipprevjenu d-dannu minn prattiki kummerċjali inġusti u jenħtieġ ikollhom l-abbiltà li jitolbu rimedju effettiv meta meħtieġ. Minbarra dan, jenħtieġ li dan jindirizza u jipprevjeni l-frammentazzjoni regolatorja madwar l-UE. Għal tfassil koregolatorju ppreferut li hemm bżonn biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għall-utenti kummerċjali filwaqt li jkun salvagwardjat il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-fornituri tas-servizzi online, fl-aħħar inżammu erba’ alternattivi ta’ politika. Dawn l-alternattivi ta’ politika kollha pprevedew obbligi tat-trasparenza legali u tar-rimedju, ibbażati fuq il-prinċipji, ta’ livell relattivament għoli, li jiġu imposti fuq il-fornituri, iżda dawn ivarjaw mil-lat ta’ firxa tal-prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi li jkopru. Barra minn hekk, tnejn mill-erba’ alternattivi miżmuma jwessgħu l-applikazzjoni tal-obbligu tat-trasparenza legali fl-ikklassifikar għall-fornituri tal-magni tat-tiftix ġenerali online, ħalli tkun massimizzata l-effiċjenza u jkun żgurat trattament ugwali. Fl-aħħar nett, waħda minn dawn iż-żewġ alternattivi tal-aħħar għandha obbligu waħdieni aktar estensiv għall-fornituri biex l-utenti kummerċjali jingħataw l-opportunità li, b’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 17 , jitolbu l-kunsens tal-klijenti biex jiksbu u jipproċessaw l-indirizzi tal-posta elettronika tagħhom wara li tintemm tranżazzjoni bl-użu tas-servizzi.

L-alternattiva ta’ politika li tipprevedi l-obbligi tat-trasparenza legali fuq għadd aktar limitat ta’ prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi ġiet iġġudikata li għandha effettività limitata. Filwaqt li żżid iċ-ċertezza legali permezz ta’ miżuri tat-trasparenza legali u tar-rimedju, fuq kollox se tħalli r-riskju ta’ dannu dirett għan-negozji u ta’ frammentazzjoni għax xi prattiki kummerċjali b’livell għoli ta’ impatt (ikklassifikar, dejta, diskriminazzjoni, MFNs) tqiesu improbabbli li jiġu indirizzati biżżejjed bl-awtoregolamentazzjoni.

It-tliet alternattivi ta’ politika l-oħra li jipprevedu l-obbligi tat-trasparenza legali fuq il-firxa sħiħa tal-prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi identifikati bħala parti minn din l-inizjattiva lkoll instabu li kienu effettivi. F’dan ir-rigward, it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu speċifiku tat-trasparenza legali fl-ikklassifikar għall-fornituri tal-magni tat-tiftix ġenerali online ġie ġġudikat li jikseb l-ogħla grad ta’ effettività relattiva. Fl-istess waqt, l-alternattiva li jiġi inkluż obbligu waħdieni aktar estensiv għall-qsim tad-dejta ġie ġġudikat bħala sproporzjonat, meta min-naħa tqies l-għan speċifiku li jinżamm il-potenzjal tal-innovazzjoni fl-ekonomija tal-pjattaformi online, u min-naħa l-oħra tqiesu l-miżuri mhux leġiżlattivi li qed jiġu ppreżentati b’mod parallel biex jitrawmu politiki ġusti għall-qsim tad-dejta bejn in-negozji. Barra minn hekk, l-alternattiva ta’ politika miżmuma timplika li l-obbligi tat-trasparenza legali jkunu akkumpanjati minn skrutinju estern tal-prattiki kummerċjali tal-pjattaformi online, li hu fattur importanti biex ikun inċentivat ambjent ġust u prevedibbli għall-utenti kummerċjali.

Għaldaqstant, l-aqwa alternattiva ta’ politika hi li jkunu previsti obbligi legalment vinkolanti tat-trasparenza u tar-rimedju fuq il-firxa sħiħa tal-prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi identifikati bħala parti minn din l-inizjattiva, inkluż it-trasparenza fl-ikklassifikar tal-magni tat-tiftix ġenerali online (li għaliha tapplika biss id-dispożizzjoni dwar l-infurzar ta’ rimedju kollettiv – minflok ma japplikaw ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra dwar ir-rimedju ta’ dan ir-Regolament propost – biex tkun żgurata l-proporzjonalità). Barra minn hekk, biex jitħares il-potenzjal tas-Suq Uniku tal-ekonomija tal-pjattaformi online, il-proposta hi stmata li tkun kapaċi treġġa’ lura l-effett dissważiv minn fuq l-ekonomija tal-pjattaformi online li jirriżulta min-nuqqas ta’ fiduċja tal-utenti kummerċjali u li jammonta għal mill-inqas bejn EUR 0,81 biljun u EUR 4,05 biljun. Din se tħalli impatt soċjali pożittiv ukoll għax ir-Regolament propost se jwassal għal żieda fil-fatturat għal għadd dejjem akbar ta’ impriżi tal-UE li jużaw servizzi tal-intermedjarzzjoni online li, min-naħa tagħha mistennija twassal għal aktar opportunitajiet ta’ impjiegi.

Minkejja li s-swieq tal-kummerċ elettroniku, wieħed minn diversi tipi ta’ fornituri li fil-prinċipju huma koperti mill-inizjattiva, jistgħu jinvolvu t-twassil fiżiku tal-prodotti fornuti mill-utenti kummerċjali lill-konsumaturi, iż-żieda fl-użu ta’ dan it-tip ta’ servizz minħabba l-proposta mhux mistenni jħalli impatt negattiv sinifikanti fuq l-ambjent. Hu mistenni li l-ispejjeż tal-konformità assoċjati mal-proposta jkunu limitati, u li jolqtu l-aktar lill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u tal-magni tat-tiftix online. L-obbligu legali propost biex tiġi stabbilita sistema interna tat-trattament tal-ilmenti jixħet l-akbar piż relattivament potenzjali fuq il-fornituri, għax il-fornituri iżgħar għandhom l-akbar ċans li jġarrbu xi spejjeż tal-konformità. Għalhekk dawk l-intrapriżi żgħar, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-SMEs tal-2003 18 , huma eżentati minn din id-dispożizzjoni speċifika. Għalhekk, il-proposta hi meqjusa wkoll bħala proporzjonata.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Kif imsemmi hawn fuq, l-intrapriżi żgħar se jibbenefikaw minn eżenzjoni mmirata mill-obbligu li jdaħħlu fis-seħħ sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti. Il-proposta speċifikament għandha l-għan li tiffaċilita t-tkabbir sostenibbli tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u hi mfassla biex tkun għalkollox teknoloġikament newtrali.

Drittijiet fundamentali

L-Unjoni hi impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ drittijiet fundamentali. L-għan speċifiku ta’ rimedju f’waqtu u effettiv għall-utenti kummerċjali jikkontribwixxi biex jissaħħaħ id-dritt tal-utenti kummerċjali għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) sakemm dan ikun jinvolvi aċċess aħjar għall-ġudikatura.

Barra minn hekk, l-ambjent tan-negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli li din il-proposta għandha l-għan li toħloq se jikkontribwixxi biex ikun żgurat bilanċ xieraq bejn il-libertajiet rispettivi li jsir negozju mill-fornituri tas-servizzi u l-utenti kummerċjali tagħhom (l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea). B’mod partikolari, il-miżuri tat-trasparenza stabbiliti fir-Regolament propost huma prekundizzjoni għall-monitoraġġ ta’ jekk id-dritt fundamentali li jsir negozju ma jkunx ristrett bla bżonn f’dak li jirrigwarda lill-aktar parti vulnerabbli fir-relazzjonijiet bejn in-negozji.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta mhux se jkollha implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tal-impatti jikkostitwixxi parti ewlenija tal-intervent propost f’dan il-qasam għax l-ekonomija tal-pjattaformi online tibqa’ qasam ekonomiku dinamiku li qed jevolvi malajr. Għalhekk, il-monitoraġġ hu maqsum f’żewġ partijiet strateġiċi:

Waħda hija fdata lil grupp ta’ esperti apposta li, flimkien ma’ tim ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni, jikkostitwixxu l-Osservatorju tal-UE dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online. Bħalma tistabbilixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)2393, il-grupp ta’ esperti se jipprovdi parir u analiżi esperta dwar l-evoluzzjoni tal-ekonomija tal-pjattaformi online, b’mod partikolari dawk relatati mat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-algoritmi, l-aċċess għad-dejta, ir-remunerazzjoni għall-materjal muri fuq l-internet, it-trasparenza u l-kontabbiltà fir-relazzjonijiet B2B tar-reklamar online, it-trattament differenzjat u r-restrizzjonijiet għall-utenti kummerċjali li joffru kundizzjonijiet differenti meta jużaw mezzi oħra tad-distribuzzjoni. Din se taħdem ukoll ma’ gruppi ta’ esperti rilevanti oħrajn u ma’ ċentri tal-eċċellenza stabbiliti mill-UE u mill-Istati Membri, meta xieraq.

It-tieni waħda hija l-monitoraġġ speċifiku tal-evoluzzjoni tal-impatti relatati mal-komponenti regolatorji u awtoregolatorji tar-Regolament propost.

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-indikaturi tas-suq għall-ekonomija tal-pjattaformi online, b’mod partikolari permezz tal-Osservatorju tal-UE dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online u abbażi tal-ħidma tal-grupp ta’ esperti. Din l-analiżi tinkludi dejta bħal: l-għadd u t-tipi ta’ negozjanti li jwettqu kummerċ fis-servizzi tal-intermedjazzjoni online, l-għadd u t-tip ta’ lmenti trattati permezz tar-rimedju intern u estern, l-għadd ta’ każijiet li ssolvew b’suċċess, l-ammont ta’ ħin meħtieġ biex jissolva l-każ, il-post tal-istabbiliment, id-daqs tal-fornituri li qed jinnegozjaw fl-UE, inkluż il-fatturat miksub fis-suq tal-UE bl-intermedjazzjoni online. Fi żmien sentejn minn meta jibda jaħdem l-Osservatorju tal-UE, is-servizzi tal-Kummissjoni se jħejju rapport ibbażat fuq l-attivitajiet tagħha u jagħrfu s-sitwazzjoni attwali, il-progress li sar biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika u xi kwistjonijiet mhux solvuti.

L-effettività u l-effiċjenza tal-proposta se jiġu monitorjati b’indikaturi definiti, biex iservu ta’ tagħrif għall-iżvilupp tal-politika b’rabta mal-evoluzzjoni tal-prattiki kummerċjali potenzjalment dannużi. Minħabba f’hekk, se jiġi vvalutat l-impatt tal-intervent fil-kuntest ta’ eżerċizzju tal-evalwazzjoni u meta xieraq, dik il-valutazzjoni se tagħti tagħrif lir-reviżjoni tar-Regolament propost kif speċifikat fil-klawżola tar-reviżjoni tiegħu, li għandha sseħħ tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u mbagħad kull tliet snin.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jispeċifika s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost. Dan jispjega li r-Regolament propost jistabbilixxi obbligi għall-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u, f’ċerti aspetti, għall-magni tat-tiftix online biex lill-utenti kummerċjali u lill-utenti ta’ siti web korporattivi rispettivament, jipprovdulhom trasparenza xierqa u joffrulhom ċerti possibbiltajiet ta’ rimedju. Dan jispjega wkoll l-ambitu ġeografiku tar-Regolament propost, li jirrifletti n-natura transfruntiera inerenti tas-servizzi online inkwistjoni, meta l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet li jsiru fl-Unjoni jistgħu jiġu intermedjati mill-fornituri li mhux stabbiliti hemmhekk.

L-Artikolu 2 fih id-definizzjonijiet legali applikabbli.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi r-rekwiżiti taċ-ċarezza, tal-aċċessibbiltà u tal-modifiki tat-termini u l-kundizzjonijiet standard, definiti minn qabel, użati mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi r-rekwiżiti għal dikjarazzjoni tar-raġunijiet min-naħa tal-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online meta jissospendi jew jittermina l-użu ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tiegħu minn utent kummerċjali.

L-Artikolu 5 jistabbilixxi r-rekwiżiti għal deskrizzjoni tal-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar tal-utenti kummerċjali fir-riżultati ġġenerati mit-tiftix, inkluż deskrizzjoni meta l-ikklassifikar ikun influwenzat mill-utenti kummerċjali billi jagħti remunerazzjoni diretta jew indiretta lilhom, fit-termini u l-kundizzjonijiet użati mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online. Dan l-Artikolu jistabbilixxi rekwiżit simili li jkunu previsti l-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar għall-fornituri tal-magni tat-tiftix online permezz ta’ deskrizzjoni aċċessibbli faċilment u disponibbli għall-pubbliku. Dan jeżiġi wkoll li d-deskrizzjoni tal-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar jenħtieġ tagħti għarfien adegwat lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti kkonċernati ta’ siti web korporattivi dwar l-implikazzjonijiet possibbli tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi offruti, ir-rilevanza ta’ dawk il-karatteristiċi għall-konsumaturi, u l-karatteristiċi tad-disinn tas-siti web użati fil-kuntest tal-magni tat-tiftix online.

L-Artikolu 6 jistabbilixxi r-rekwiżiti għal deskrizzjoni ta’ xi trattament differenzjat mogħti lill-prodotti u lis-servizzi offruti mill-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online stess, jew mill-utenti kummerċjali li dan jikkontrolla, fit-termini u l-kundizzjonijiet użati mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi rekwiżit biex tkun inkluża deskrizzjoni tal-aċċess għad-dejta personali jew għal dejta oħra li l-utenti kummerċjali jew il-konsumaturi jipprovdu lis-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew li jiġu ġġenerati minn dawk is-servizzi, fit-termini u l-kundizzjonijiet standard użati mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.

L-Artikolu 8 jistabbilixxi rekwiżit biex tkun prevista u ppubblikata deskrizzjoni tar-raġunijiet għar-restrizzjoni tal-abbiltà li l-utenti kummerċjali joffru kundizzjonijiet differenti lill-konsumaturi biex jiksbu prodotti jew servizzi permezz ta’ mezzi oħra apparti s-servizzi tal-intermedjazzjoni online, fit-termini u l-kundizzjonijiet użati mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.

L-Artikolu 9 jistabbilixxi rekwiżit għall-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex jipprevedu sistema interna tat-trattament tal-ilmenti tal-utenti kummerċjali flimkien ma’ rekwiżiti b’rabta mat-trattament ta’ dawn l-ilmenti, inkluż obbligi li l-ilmenti jiġu kkunsidrati kif xieraq, malajr u b’mod effettiv u li l-eżitu tagħhom jiġi kkomunikat b’mod ċar u mingħajr ambigwità lill-utent kummerċjali. Dan jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżit li t-termini u l-kundizzjonijiet jagħtu ċerta informazzjoni dwar is-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti. Minbarra dan, dan jistabbilixxi obbligu għall-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex jippubblikaw rapporti dwar l-għadd ta’ lmenti mressqa, is-suġġett ta’ dawn l-ilmenti, il-perjodu taż-żmien meħtieġ biex jiġu pproċessati l-ilmenti u d-deċiżjoni meħuda dwar l-ilmenti.

L-Artikolu 10 jistabbilixxi rekwiżit għall-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom jindikaw medjatur wieħed jew bosta li magħhom il-fornitur hu dispost li jilħaq ftehim ’il barra mill-qorti jekk jinqala’ xi tilwim, pereżempju meta kwistjoni ma tkunx ġiet solvuta mis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti (stabbilita bl-Artikolu 9). Barra minn hekk, dan jistabbilixxi ċerti rekwiżiti għall-medjaturi, fosthom l-imparzjalità, l-aċċessibbiltà, il-kompetenza u r-riżorsi kif ukoll obbligu għall-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex jidħlu għall-medjazzjoni b’bona fede. Ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull parti biex tibda proċedimenti ġudizzjarji.

L-Artikolu 11 jistabbilixxi rekwiżit għall-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex, individwalment jew b’mod konġunt, iwaqqfu organizzazzjoni indipendenti waħda jew bosta ta’ medjaturi biex jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni barra mill-qorti tat-tilwim li jkollhom fil-kuntest tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, l-aktar minħabba n-natura transfruntiera tagħhom.

L-Artikolu 12 jistabbilixxi dritt għal proċedimenti ġudizzjarji li jinfetħu minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi, assoċjazzjonijiet jew korpi pubbliċi biex jitterminaw jew jipprojbixxu xi nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, dan jeżiġi li l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u l-assoċjazzjonijiet jissodisfaw ċerti rekwiżiti, fosthom li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, ikunu stabbiliti bħala entità legali skont il-liġi tal-Istat Membru rilevanti, u jkollhom għanijiet li huma fl-interess kollettiv tal-utenti kummerċjali li jirrappreżentaw.

L-Artikolu 13 jistabbilixxi rekwiżit għall-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u lill-magni tat-tiftix online, u lill-organizzazzjonijiet u lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, biex ifasslu kodiċi ta’ kondotta.

L-Artikolu 14 jistabbilixxi rekwiżit għall-Kummissjoni biex tevalwa regolarment ir-Regolament, għall-ewwel darba tliet snin wara d-data meta r-Regolament jidħol fis-seħħ.

L-Artikolu 15 jistabbilixxi d-data meta r-Regolament għandu japplika, sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni.

2018/0112 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 19 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 20 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Is-servizzi tal-intermedjazzjoni online huma faċilitaturi ewlenin tal-intraprenditorija, tal-kummerċ u tal-innovazzjoni, li jistgħu wkoll itejbu l-benesseri tal-konsumaturi u li kulma jmur qed jintużaw dejjem aktar mis-settur privat u mis-settur pubbliku. Dawn joffru aċċess għal swieq ġodda u opportunitajiet kummerċjali li jippermettu lill-impriżi jaħsdu l-benefiċċji tas-suq intern. Minbarra dan, dawn jippermettu wkoll li l-konsumaturi fl-Unjoni jisfruttaw dawk il-benefiċċji, l-aktar għax tiżdied l-għażla tagħhom tal-prodotti u tas-servizzi offruti online.

(2)Is-servizzi tal-intermedjazzjoni online jistgħu jkunu kruċjali għas-suċċess kummerċjali tal-impriżi li jużaw dawn is-servizzi biex jaslu għand il-konsumaturi. L-intermedjazzjoni dejjem akbar tat-tranżazzjonijiet permezz ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online, xprunata minn effetti tan-netwerk qawwija u indiretti mmexxija mid-dejta, twassal biex tiżdied id-dipendenza ta’ dawn l-utenti kummerċjali, fosthom tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji, fuq dawn is-servizzi biex ikunu jistgħu jaslu għand il-konsumaturi. Peress li d-dipendenza qed dejjem tiżdied, il-fornituri ta’ dawk is-servizzi ta’ spiss ikollhom superjorità fil-poter tan-negozjar li jippermettilhom biex effettivament iġibu ruħhom b’mod unilaterali b’mod li jista’ jkun inġust u li jista’ jagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tal-utenti kummerċjali tagħhom u, indirettament, anki tal-konsumaturi fl-Unjoni.

(3)Bl-istess mod, il-magni tat-tiftix ġenerali online jistgħu jkunu sorsi importanti ta’ traffiku tal-Internet għan-negozji li joffru prodotti u servizzi lill-konsumaturi permezz tas-siti web u li għalhekk jistgħu jaffettwaw ferm is-suċċess kummerċjali ta’ dawn l-utenti ta’ siti web korporattivi li joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom online fis-suq intern. F’dan ir-rigward, l-ikklassifikar tas-siti web mill-fornituri tal-magni tat-tiftix online, inkluż ta’ dawk is-siti web li fihom l-utenti ta’ siti web korporattivi joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-konsumaturi, iħalli impatt importanti fuq l-għażla tal-konsumaturi u fuq is-suċċess kummerċjali ta’ dawk l-utenti ta’ siti web korporattivi. Għalhekk, anki fin-nuqqas ta’ relazzjoni kuntrattwali mal-utenti ta’ siti web korporattivi, il-fornituri tal-magni tat-tiftix online jistgħu effettivament iġibu ruħhom b’mod unilaterali b’mod li jista’ jkun inġust u li jista’ jagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tal-utenti ta’ siti web korporattivi u, indirettament, anki tal-konsumaturi fl-Unjoni.

(4)Barra minn hekk, id-dipendenza tal-utenti kummerċjali fuq is-servizzi tal-intermedjazzjoni online twassal ukoll għal sitwazzjoni li fiha l-utenti kummerċjali ta’ spiss ikollhom possibbiltajiet limitati biex ifittxu rimedju meta l-azzjonijiet unilaterali tal-fornituri ta’ dawk is-servizzi jwasslu għal tilwima. F’ħafna każijiet, dawk il-fornituri ma joffrux sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti li jkunu aċċessibbli u effettivi. Il-mekkaniżmi alternattivi eżistenti tar-riżoluzzjoni tat-tilwim barra l-qorti jistgħu jkunu ineffettivi wkoll għal bosta raġunijiet varji, fosthom in-nuqqas ta’ medjaturi speċjalizzati u l-biża’ ta’ ritaljazzjoni li jkollhom l-utenti kummerċjali.

(5)Is-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-magni tat-tiftix online, kif ukoll it-tranżazzjonijiet kummerċjali ffaċilitati minn dawk is-servizzi, għandhom importanza partikolari għall-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-Unjoni fl-ekonomija ta’ żmienna. Il-prattiki kummerċjali potenzjalment inġusti u dannużi ta’ ċerti fornituri ta’ dawk is-servizzi fir-rigward tal-utenti kummerċjali u tal-utenti ta’ siti web korporattivi jxekklu l-ħatfa sħiħa ta’ dak il-potenzjal u jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Barra minn hekk, il-ħatfa sħiħa ta’ dak il-potenzjal hi mxekkla, u l-funzjonament xieraq tas-suq intern hu affettwat ħażin minħabba liġijiet diverġenti ta’ ċerti Stati Membri li jirregolaw dawn is-servizzi bi gradi differenti ta’ effettività, filwaqt li Stati Membri oħrajn qed jikkunsidraw li jadottaw liġijiet bħal dawn.

(6)Għalhekk jenħtieġ li fil-livell tal-Unjoni jiġu stabbiliti sett ta’ regoli obbligatorji uniformi u mmirati biex jiżguraw ambjent tan-negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fis-suq intern billi jkun żgurat, b’mod partikulari, li l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jkollhom it-trasparenza xierqa u possibbiltajiet ta’ rimedju effettiv mal-Unjoni kollha. Dawk ir-regoli jenħtieġ jipprovdu wkoll għal trasparenza xierqa fejn jidħol l-ikklassifikar tal-utenti ta’ siti web korporattivi fir-riżultati ġġenerati mill-magni tat-tiftix online. Fl-istess ħin, dawk ir-regoli jenħtieġ ikunu tali biex jissalvagwardjaw il-potenzjal importanti tal-innovazzjoni fl-ekonomija usa’ tal-pjattaformi online.

(7)Peress li s-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-magni tat-tiftix online tipikament ikollhom dimensjoni globali, dan ir-Regolament jenħtieġ ikun japplika għall-fornituri ta’ dawk is-servizzi irrispettivament minn jekk ikunux stabbiliti f’xi Stat Membru jew barra mill-Unjoni, diment li jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, l-utenti kummerċjali jew l-utenti ta’ siti web korporattivi jenħtieġ ikunu stabbiliti fl-Unjoni. It-tieni nett, permezz tal-forniment ta’ dawk is-servizzi, l-utenti kummerċjali jew l-utenti ta’ siti web korporattivi jenħtieġ joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni mill-inqas għal parti mit-tranżazzjoni. Dawn il-konsumaturi jenħtieġ ikunu jinsabu fl-Unjoni, iżda la hu meħtieġ li jkollhom il-post tar-residenza tagħhom fl-Unjoni u lanqas ma jeħtieġ ikollhom iċ-ċittadinanza ta’ xi Stat Membru. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkunx japplika meta l-utenti kummerċjali jew l-utenti ta’ siti web korporattivi ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni, jew meta jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda jużaw servizzi tal-intermedjazzjoni online jew magni tat-tiftix online li joffru prodotti jew servizzi esklussivament għal konsumaturi li jinsabu barra l-Unjoni jew għal persuni li mhumiex konsumaturi.

(8)Varjetà wiesgħa ta’ relazzjonijiet kummerċjali bejn in-negozji u l-konsumaturi huma intermedjati online minn fornituri li joperaw servizzi b’diversi naħat li essenzjalment huma bbażati fuq l-istess mudell tan-negozju tal-bini ta’ ekosistemi. Biex ikopru s-servizzi rilevanti, is-servizzi tal-intermedjazzjoni online jenħtieġ jiġu definiti b’mod preċiż u teknoloġikament newtrali. B’mod partikolari, is-servizzi jenħtieġ ikunu jikkonsistu f’servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li huma kkaratterizzati mill-fatt li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn l-utenti kummerċjali u l-konsumaturi, irrispettivament minn jekk it-tranżazzjonijiet ikunux finalment konklużi online, fuq il-portal online tal-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online inkwistjoni, fuq dak tal-utent kummerċjali, jew inkella offline. Barra minn hekk, is-servizzi jenħtieġ jingħataw abbażi ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-fornituri u l-utenti kummerċjali u bejn il-fornituri u l-konsumaturi. Din ir-relazzjoni kuntrattwali jenħtieġ titqies li teżisti meta ż-żewġ partijiet konċernati jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jintrabtu b’mod inekwivokabbli u verifikabbli, mingħajr ma jkun bilfors meħtieġ xi ftehim espress bil-miktub.

(9)Għalhekk eżempji ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online li jkopri dan ir-Regolament jenħtieġ jinkludu swieq tal-kummerċ elettroniku online, fosthom dawk kollaborattivi li fihom l-utenti kummerċjali jkunu attivi, servizzi tal-applikazzjonijiet online u s-servizzi online tal-midja soċjali. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkunx japplika għal għodod tas-servizzi tar-reklamar online jew għall-iskambji tar-reklamar online li mhumiex provduti bil-għan li jiffaċilitaw il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti u li ma jinvolvux relazzjoni kuntrattwali mal-konsumaturi. Jenħtieġ li dan ir-Regolament lanqas ma jkun japplika għas-servizzi tal-pagament online għax dawn minnhom infushom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti applikabbli, iżda huma awżiljarji b’mod inerenti għat-tranżazzjoni għall-forniment ta’ prodotti u servizzi lill-konsumaturi kkonċernati.

(10)B’konformità mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fid-dawl tal-fatt li l-pożizzjoni dipendenti tal-utenti kummerċjali ġiet osservata prinċipalment fir-rigward tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li jservu ta’ portal għall-konsumaturi bl-għamla ta’ persuni fiżiċi, il-kunċett ta’ konsumatur użati biex jiddelinja l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ jinftiehem bħala li jirreferi biss għall-persuni fiżiċi, li jkunu qed jaġixxu għal finijiet li huma barra mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħhom.

(11)Għal raġunijiet ta’ konsistenza, id-definizzjoni ta’ magna tat-tiftix online użata f’dan ir-Regolament jenħtieġ tiġi allinjata mad-definizzjoni użata fid-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 .

(12)Biex jipproteġi b’mod effettiv lill-utenti kummerċjali meta meħtieġ, dan ir-Regolament jenħtieġ japplika meta t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ relazzjoni kuntrattwali, irrispettivament mill-isem jew l-għamla tagħhom, ma jkunux innegozjati individwalment mill-partijiet għalihom. Jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ikunux ġew innegozjati individwalment jew le jenħtieġ jiġi ddeterminat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali, fejn il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tagħhom setgħu ġew innegozjati individwalment, minnu nnifsu, mhux deċiżiv.

(13)Biex jiżguraw li t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ relazzjoni kuntrattwali jkunu jippermettu li l-utenti kummerċjali jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-użu, it-terminazzjoni u s-sospensjoni tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, u jiksbu l-prevedibbiltà fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, dawk it-termini u l-kundizzjonijiet jenħtieġ jitfasslu b’lingwaġġ ċar u mhux ambigwu, li jista’ jinftiehem faċilment minn utent kummerċjali medju. Jenħtieġ li t-termini u l-kundizzjonijiet ma jitqisux li tfasslu b’lingwaġġ ċar u mhux ambigwu meta dawn ikunu vagi, mhux speċifiċi jew mingħajr ċertu dettall dwar kwistjonijiet kummerċjali importanti u għalhekk jonqsu milli jagħtu livell raġonevoli ta’ prevedibbiltà lill-utenti kummerċjali fejn jidħlu l-aktar aspetti importanti tar-relazzjoni kuntrattwali.

(14)Li tkun żgurata t-trasparenza fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tista’ tkun essenzjali biex jiġu promossi relazzjonijiet kummerċjali sostenibbli u biex tkun evitata l-imġiba inġusta għad-detriment tal-utenti kummerċjali. Għalhekk jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jiżguraw li t-termini u l-kundizzjonijiet ikunu disponibbli faċilment fl-istadji kollha tar-relazzjoni kuntrattwali, inkluż għall-utenti kummerċjali prospettivi fil-fażi prekuntrattwali, u li kull bidla f’dawn it-termini tiġi notifikata lill-utenti kummerċjali fi żmien perjodu ta’ notifika stabbilit li jkun raġonevoli u proporzjonat fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi u ta’ mill-inqas 15-il ġurnata. Jenħtieġ li dak il-perjodu ta’ notifika ma jkunx japplika jekk, u sa fejn, dan jiġi rinunzjat b’mod mhux ambigwu mill-utent kummerċjali kkonċernat jew meta, u sa fejn, il-ħtieġa li tiġi implimentata l-bidla mingħajr rispett għall-perjodu ta’ notifika tkun toħroġ minn obbligu legali impost fuq il-fornitur tas-servizzi skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

(15)Biex jitħarsu l-utenti kummerċjali, jenħtieġ ikun possibbli li qorti kompetenti tistabbilixxi li t-termini u l-kundizzjonijiet li ma jkunux konformi, ma jkunux vinkolanti fuq l-utent kummerċjali kkonċernat, b’effetti ex nunc. Iżda jenħtieġ li sejba bħal din minn qorti tkun tikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-termini u l-kundizzjonijiet li ma jkunux konformi. Il-bqija tad-dispożizzjonijiet jenħtieġ jibqgħu validi u infurzabbli, sakemm dawn ikunu jistgħu jinfirdu mid-dispożizzjonijiet li mhumiex konformi. Kull bidla li ssir ħesrem fit-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti tista’ tfixkel b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tal-utenti kummerċjali. Għaldaqstant, biex jiġu limitati dawn l-effetti negattivi fuq l-utenti kummerċjali u jkun skoraġġit dan it-tip ta’ aġir, il-bidliet li jsiru bi ksur tal-obbligu li jingħata perjodu ta’ notifika stabbilit, jenħtieġ li jkunu nulli u bla effett, jiġifieri daqslikieku qatt ma eżistew b’effetti erga omnes u ex tunc.

(16)Fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jista’ jkollu raġunijiet leġittimi biex jiddeċiedi li jissospendi jew itemm, għalkollox jew parzjalment, il-forniment tas-servizzi tiegħu lil xi utent kummerċjali partikolari, inkluż billi jneħħi mil-lista xi prodotti jew servizzi individwali ta’ utent kummerċjali partikolari jew effettivament billi jneħħi r-riżultati ġġenerati mit-tiftix. Madankollu, minħabba li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jaffettwaw ferm l-interessi tal-utent kummerċjali kkonċernat, dawn jenħtieġ jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għalihom. Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet jenħtieġ tippermetti li l-utenti kummerċjali jaċċertaw jekk hemmx lok għal kontestazzjoni tad-deċiżjoni, u b’hekk jitjiebu l-possibbiltajiet tal-utenti kummerċjali li jfittxu rimedju effettiv meta meħtieġ. Barra minn hekk, li dan jeżiġi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandu jgħin biex tkun evitata jew rimedjata kwalunkwe tneħħija mhux intenzjonata ta’ kontenut online provdut minn utent kummerċjali li l-fornitur ikun jidhirlu b’mod skorrett li hu kontenut illegali, b’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 22 . Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet jenħtieġ tidentifika r-raġuni jew ir-raġunijiet oġġettivi tad-deċiżjoni, abbażi tar-raġunijiet li l-fornitur kien stabbilixxa minn qabel fit-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu, u jenħtieġ tirreferi b’mod proporzjonat għaċ-ċirkostanzi speċifiċi rilevanti li wasslu għal dik id-deċiżjoni.

(17)L-ikklassifikar tal-prodotti u s-servizzi mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online iħalli impatt importanti fuq l-għażla tal-konsumaturi u, għaldaqstant, fuq is-suċċess kummerċjali tal-utenti kummerċjali li joffru dawk il-prodotti u s-servizzi lill-konsumaturi. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jenħtieġ jiddeskrivu l-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar minn qabel, biex titjieb il-prevedibbiltà għall-utenti kummerċjali, biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-ikklassifikar u biex dawn ikunu jistgħu jqabblu l-prattiki tal-ikklassifikar ta’ fornituri differenti. Il-kunċett ta’ parametri prinċipali jenħtieġ jinftiehem li qed jirreferi għal kwalunkwe kriterji ġenerali, proċessi, sinjali speċifiċi inkorporati fl-algoritmi jew mekkaniżmi oħra ta’ aġġustament jew tnaqqis fil-klassifika użati fil-kuntest tal-ikklassifikar. Jenħtieġ li d-deskrizzjoni tal-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar tkun tinkludi wkoll spjegazzjoni ta’ kwalunkwe possibbiltà li jkollhom l-utenti kummerċjali biex jinfluwenzaw b’mod attiv l-ikklassifikar b’rimunerazzjoni, kif ukoll tal-effetti relattivi tagħhom. Jenħtieġ li b’din id-deskrizzjoni, l-utenti kummerċjali jifhmu sew kif il-mekkaniżmu tal-ikklassifikar ikun qed iqis il-karatteristiċi tal-prodotti jew is-servizzi proprja li joffri l-utent kummerċjali, u r-rilevanza tagħhom għall-konsumaturi tas-servizzi speċifiċi tal-intermedjazzjoni online.

(18)Bl-istess mod, l-ikklassifikar tas-siti web mill-fornituri tal-magni tat-tiftix online, notevolment ta’ dawk is-siti web li permezz tagħhom l-impriżi joffru prodotti u servizzi lill-konsumaturi, iħalli impatt importanti fuq l-għażla tal-konsumaturi u fuq is-suċċess kummerċjali tal-utenti ta’ siti web korporattivi. Għalhekk jenħtieġ li l-fornituri tal-magni tat-tiftix online jipprovdu deskrizzjoni tal-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar tas-siti web kollha indiċjati, inkluż dawk tal-utenti ta’ siti web korporattivi kif ukoll ta’ siti web oħrajn. Minbarra l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi u r-rilevanza tagħhom għall-konsumaturi, fil-każ tal-magni tat-tiftix online, din id-deskrizzjoni jenħtieġ tippermetti li l-utenti ta’ siti web korporattivi jifhmu aħjar jekk humiex qed jitqiesu ċerti karatteristiċi tad-disinn tas-sit web użat, bħalma huma l-ottimizzazzjoni tagħhom biex jidhru fuq it-tagħmir tat-telekomunikazzjoni mobbli, u jekk iva kif u sa liema punt. Fin-nuqqas ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornituri tal-magni tat-tiftix online u l-utenti ta’ siti web korporattivi, dik id-deskrizzjoni jenħtieġ tkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mod viżibbli u faċilment aċċessibbli fuq il-magna tat-tiftix online rilevanti. Biex tkun żgurata l-prevedibbiltà tal-utenti ta’ siti web korporattivi, id-deskrizzjoni jenħtieġ ukoll tinżamm aġġornata, inkluż il-possibbiltà li kwalunkwe bidla fil-parametri prinċipali jenħtieġ tkun identifikabbli faċilment. Filwaqt li fl-ebda ċirkostanza, il-fornituri mhuma meħtieġa jiżvelaw xi sigriet kummerċjali kif definit fid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 meta jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit li jiżvelaw il-parametri prinċipali tal-ikklassifikar, jenħtieġ li d-deskrizzjoni mogħtija tkun mill-inqas ibbażata fuq dejta attwali dwar ir-rilevanza tal-parametri tal-ikklassifikar użati.

(19)Meta fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online joffri ċerti prodotti jew servizzi lill-konsumaturi permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online tiegħu stess, jew inkella jagħmel dan permezz ta’ utent kummerċjali kkontrollat minnu, dak il-fornitur jista’ jikkompeti direttament ma’ utenti kummerċjali oħrajn tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online tiegħu li mhumiex ikkontrollati mill-fornitur. F’dawn is-sitwazzjonijiet b’mod partikolari, hu importanti li l-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jaġixxi b’mod trasparenti u jipprovdi deskrizzjoni ta’ kull trattament differenzjat, permezz ta’ mezzi ġuridiċi, kummerċjali jew tekniċi, li jaf ikun jagħti b’rabta mal-prodotti u s-servizzi li joffri hu stess, meta mqabbla ma’ dawk offruti mill-utenti kummerċjali. Biex tkun żgurata l-proporzjonalità, dan l-obbligu jenħtieġ ikun japplika fil-livell tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ġenerali, u mhux fil-livell ta’ prodotti jew servizzi individwali offruti permezz ta’ dawk is-servizzi.

(20)L-abbiltà ta’ aċċess għad-dejta, u tal-użu tagħha, inkluż tad-dejta personali, tista’ tippermetti l-ħolqien ta’ valur importanti fl-ekonomija tal-pjattaformi online. Għaldaqstant, hu importanti li l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jipprovdu lill-utenti kummerċjali deskrizzjoni ċara tal-ambitu, in-natura u l-kundizzjonijiet tal-aċċess tagħhom għal ċerti kategoriji tad-dejta, u l-użu tagħha. Jenħtieġ li d-deskrizzjoni tkun proporzjonata u tista’ tkun tirreferi għal kundizzjonijiet tal-aċċess ġenerali, minflok identifikazzjoni eżawrjenti tad-dejta attwali, jew ta’ kategoriji tad-dejta, ħalli l-utenti kummerċjali jkunu jistgħu jifhmu jekk jistgħux jużaw id-dejta biex itejbu l-ħolqien tal-valur, inkluż billi possibbilment iżommu servizzi tad-dejta minn parti terza. Jenħtieġ li l-ipproċessar tad-dejta personali jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 .

(21)F’ċerti każijiet, fit-termini u l-kundizzjonijiet, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jistgħu jirrestrinġu l-abbiltà tal-utenti kummerċjali li joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi b’kundizzjonijiet aktar favorevoli permezz ta’ mezzi oħra apparti permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online. F’dawk il-każijiet, il-fornituri kkonċernati jenħtieġ jistabbilixxu r-raġunijiet għal dan, b’mod partikolari b’referenza għall-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali jew ġuridiċi ewlenin għar-restrizzjonijiet. Iżda jenħtieġ li dan l-obbligu tat-trasparenza ma jkunx jinftiehem li jaffettwa l-valutazzjoni tal-legalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet skont atti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-kompetizzjoni u prattiki kummerċjali inġusti, u l-applikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet.

(22)Biex l-utenti kummerċjali, inkluż dawk li ġarrbu sospensjoni jew waqfien milli jużaw is-servizzi tal-intermedjazzjoni online rilevanti, ikollhom aċċess għal possibbiltajiet ta’ rimedju aċċessibbli, immedjat u effettiv, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jipprovdu għal sistema interna tat-trattament tal-ilmenti. Dik is-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti jenħtieġ ikollha l-għan li tiżgura li proporzjon sinifikanti tal-ilmenti jkunu jistgħu jissolvew b’mod bilaterali mill-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali rilevanti. Barra minn hekk, jekk ikun żgurat li l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jippubblikaw informazzjoni dwar il-funzjonament u l-effikaċja tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti tagħhom, dan jenħtieġ jgħin lill-utenti kummerċjali biex jifhmu t-tipi ta’ kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online differenti u l-possibbiltà li tinstab riżoluzzjoni bilaterali malajr u effettiva.

(23)Ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament b’rabta mas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti għandhom l-għan li l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jiksbu livell raġonevoli ta’ flessibbiltà meta joperaw dawk is-sistemi u jindirizzaw ilmenti individwali, ħalli jonqos kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv. Barra minn hekk, is-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti jenħtieġ jippermettu lill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex jindirizzaw, meta meħtieġ, b’mod proporzjonat kull użu in mala fede ta’ dawk is-sistemi min-naħa ta’ ċerti utenti kummerċjali. Minbarra dan, f’każijiet oħrajn, għajr għal xi allegat nuqqas ta’ konformità mal-obbligi legali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti ma jkunux miftuħa għal ilmenti li jinvolvu biss effetti negattivi negliġibbli fuq l-utenti kummerċjali kkonċernati. Fid-dawl tal-ispejjeż biex jinħolqu u jitħaddmu dawn is-sistemi, jixraq li jiġi eżentat minn dawk l-obbligi kull fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li jikkostitwixxi intrapriża żgħira, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 25 .

(24)Permezz tal-medjazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jiksbu mezz għar-riżoluzzjoni tat-tilwim b’mod sodisfaċenti, mingħajr il-bżonn li jintużaw proċedimenti ġudizzjarji li jistgħu jkunu twal u għaljin. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jenħtieġ jiffaċilitaw il-medjazzjoni, b’mod partikolari, minn medjaturi identifikati li magħhom ikunu lesti jimpenjaw ruħhom. Il-medjaturi li jipprovdu s-servizzi tagħhom minn post barra mill-Unjoni jenħtieġ jiġu identifikati biss meta jkun żgurat li l-użu ta’ dawn is-servizzi bl-ebda mod ma jċaħħad lill-utenti kummerċjali kkonċernati minn xi protezzjoni legali offruta lilhom bid-dritt tal-Unjoni jew bil-liġi tal-Istati Membri, inkluż ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u s-sigrieti kummerċjali. Biex ikunu aċċessibbli, ġusti, u kemm jista’ jkun rapidi, effiċjenti u effettivi, dawn il-medjaturi jenħtieġ jissodisfaw ċerti kriterji stabbiliti.

(25)Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jenħtieġ ikollhom proporzjon raġonevoli tal-ispejjeż totali tal-medjazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Għal dak il-għan, il-medjatur jenħtieġ jissuġġerixxi liema proporzjon hu raġonevoli f’dak il-każ individwali. Iżda jenħtieġ li dan il-proporzjon ma jkun qatt inqas min-nofs dawk l-ispejjeż.

(26)Biex teħfief ir-riżoluzzjoni tat-tilwim relatat mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li jużaw il-medjazzjoni fl-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ tinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ organizzazzjonijiet speċjalizzati tal-medjazzjoni, li bħalissa huma neqsin. Jenħtieġ li l-involviment tal-medjaturi b’għarfien speċjalizzat fis-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-magni tat-tiftix online kif ukoll fis-setturi speċifiċi tal-industrija li fi ħdanhom jiġu pprovduti dawk is-servizzi, iżid il-fiduċja taż-żewġ partijiet fil-proċess tal-medjazzjoni u jżid il-probabbiltà li l-proċess iwassal għal eżitu mingħajr dewmien, ġust u sodisfaċenti.

(27)Minħabba diversi fatturi, bħal mezzi finanzjarji limitati, il-biża’ ta’ ritaljazzjoni u l-għażla esklussiva ta’ liġijiet u d-dispożizzjonijiet tal-forum fit-termini u l-kundizzjonijiet, tista’ tiġi limitata l-effikaċja tal-possibbiltajiet eżistenti ta’ rimedju ġudizzjarju, b’mod partikolari dawk li jeħtieġu li l-utenti kummerċjali jew l-utenti ta’ siti web korporattivi jaġixxu individwalment u b’mod identifikabbli. Biex tkun żgurata applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-organizzazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti ta’ siti web korporattivi, kif ukoll il-korpi pubbliċi stabbiliti fl-Istati Membri jenħtieġ jingħataw il-possibbiltà li jieħdu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali. Jenħtieġ li azzjoni bħal din quddiem il-qrati nazzjonali jkollha l-għan li twaqqaf jew tipprojbixxi każijiet ta’ ksur tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament u li tevita dannu futur li jista’ jxekkel ir-relazzjonijiet kummerċjali sostenibbli fl-ekonomija tal-pjattaformi online. Biex ikun żgurat li dawn l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet jeżerċitaw dak id-dritt b’mod effettiv u kif xieraq, dawn jenħtieġ jissodisfaw ċerti kriterji. Meta jitqies l-istatus partikolari tal-korpi pubbliċi rilevanti fl-Istati Membri fejn dawn il-korpi jkunu ġew stabbiliti, jenħtieġ jintalab biss li dawn ikunu speċifikament responsabbli, skont ir-regoli rilevanti tal-liġi nazzjonali, biex iressqu dawn l-azzjonijiet fl-interess kollettiv tal-partijiet konċernati jew fl-interess ġenerali, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu applikati dawk il-kriterji għal dawn il-korpi pubbliċi. Jenħtieġ li kull azzjoni bħal din bl-ebda mod ma taffettwa d-drittijiet tal-utenti kummerċjali u tal-utenti ta’ siti web korporattivi li jieħdu azzjoni ġudizzjarja fuq bażi individwali.

(28)Il-kodiċijiet ta’ kondotta, imfassla mill-fornituri tas-servizzi kkonċernati jew mill-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, jistgħu jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament u għalhekk jenħtieġ ikunu mħeġġa. Meta jkunu qed jitfasslu dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta, b’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati rilevanti kollha, jenħtieġ jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-setturi kkonċernati u l-karatteristiċi speċifiċi tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji.

(29)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza dan ir-Regolament minn żmien għal żmien, b’mod partikolari bil-għan li tiddetermina l-ħtieġa għal tibdil fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi jew kummerċjali rilevanti.

(30)Meta tingħata l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament, jenħtieġ jitqiesu kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet partikolari tal-persuni b’diżabbiltà, b’konformità mal-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 26 .

(31)Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat ambjent kummerċjali online ġust , prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fi ħdan is-suq intern, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(32)Jixraq jiġi ċċarat li dan ir-Regolament jenħtieġ ma jkunx jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi finanzjarji.

(33)Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u jippromwovi l-applikazzjoni tal-libertà li jsir negozju, stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea rispettivament.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jiżguraw li l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti ta’ siti web korporattivi fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jingħataw trasparenza xierqa u possibbiltajiet ta’ rimedju effettiv.

2.Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u tal-magni tat-tiftix online mogħtija, jew offruti biex jingħataw, lill-utenti kummerċjali u lill-utenti ta’ siti web korporattivi rispettivament, li l-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħhom ikun fl-Unjoni u li, permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew permezz tal-magni tat-tiftix online, joffru prodotti jew servizzi lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tal-fornituri ta’ dawk is-servizzi.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1) “utent kummerċjali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online toffri prodotti jew servizzi lill-konsumaturi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(2)“servizzi tal-intermedjazzjoni online” tfisser servizzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) jikkostitwixxu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 ;

(b) ikunu jippermettu lill-utenti kummerċjali li joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn dawk l-utenti kummerċjali u l-konsumaturi, irrispettivament minn fejn jiġu konklużi finalment dawk it-tranżazzjonijiet;

(c) jingħataw lill-utenti kummerċjali abbażi ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn, minn naħa, il-fornitur ta’ dawn is-servizzi u, min-naħa l-oħra, dawk l-utenti kummerċjali u l-konsumaturi li lilhom dawk l-utenti kummerċjali joffru prodotti jew servizzi;

(3)“fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi, jew li toffri li tipprovdi, servizzi tal-intermedjazzjoni online lill-utenti kummerċjali;

(4)“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li qed taġixxi għal finijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(5) “magna tat-tiftix online” tfisser servizz diġitali li permezz tiegħu isir tiftix, fil-prinċipju, tas-siti web kollha jew tas-siti web b’lingwa partikolari abbażi ta’ rikjesta dwar kwalunkwe suġġett fil-forma ta’ kelma muftieħ, frażi jew input ieħor, u li tagħti lura links ta’ fejn tista’ tinstab informazzjoni relatata mal-kontenut mitlub;

(6)“fornitur tal-magna tat-tiftix online” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi, jew li toffri li tipprovdi, magni tat-tiftix online lill-konsumaturi;

(7)“utent ta’ sit web korporattiv” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża s-siti web biex toffri prodotti jew servizzi lill-konsumaturi, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(8)“ikklassifikar” tfisser il-prominenza relattiva mogħtija lill-prodotti jew lis-servizzi offruti lill-konsumaturi minn utenti kummerċjali permezz ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online, jew għal siti web indiċjati għall-konsumaturi permezz ta’ magni tat-tiftix online, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati lil dawk il-konsumaturi mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew mill-fornituri tal-magni tat-tiftix online, rispettivament, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal dawn il-preżentazzjoni, l-organizzazzjoni jew il-komunikazzjoni;

(9)“kontroll” tfisser proprjetà ta’ impriża, jew l-abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 28 ;

(10)“termini u kundizzjonijiet” tfisser kull terminu, kundizzjoni, klawsola u informazzjoni oħra, irrispettivament mill-isem jew il-forma, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali tagħhom, u huma determinati b’mod unilaterali mill-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.

Artikolu 3

It-termini u l-kundizzjonijiet

1.Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jiżguraw li t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom:

(a)jitfasslu b’lingwaġġ ċar u mhux ambigwu; 

(b)ikunu disponibbli faċilment għall-utenti kummerċjali fl-istadji kollha tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mal-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, inkluż l-istadju prekuntrattwali;

(c)jistabbilixxu r-raġunijiet oġġettivi għad-deċiżjonijiet li jissospendu jew jitterminaw, għalkollox jew parzjalment, il-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online tagħhom lill-utenti kummerċjali.

2.It-termini u l-kundizzjonijiet, jew id-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom, li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq l-utent kummerċjali kkonċernat meta qorti kompetenti ssib nuqqas ta’ konformità bħal dan.

3. Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jinnotifikaw lill-utenti kummerċjali kkonċernati kull bidla fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom.

Il-bidliet maħsuba ma għandhomx jiġu implimentati qabel l-iskadenza ta’ perjodu ta’ notifika li jkun raġonevoli u proporzjonat għan-natura u l-firxa tal-bidliet previsti u għall-konsegwenzi tagħhom fuq l-utent kummerċjali kkonċernat. Dak il-perjodu ta’ notifika għandu jkun ta’ mill-inqas 15-il ġurnata li jibdew mid-data meta l-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jinnotifika lill-utenti kummerċjali kkonċernati dwar il-bidliet maħsuba.

L-utent kummerċjali kkonċernat jista’ jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub jew azzjoni affermattiva ċara biex jirrinunzja mill-perjodu ta’ notifika msemmi fit-tieni subparagrafu.

4. Il-bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet implimentati minn fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom ikunu nulli u bla effett.

5. Il-paragrafu 3 ma għandux japplika meta fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ikun soġġett għal obbligu legali li jitolbu jibdel it-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu b’mod li ma jippermettilux jirrispetta l-perjodu ta’ notifika msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3.

Artikolu 4

Sospensjoni u terminazzjoni

1.Meta fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jiddeċiedi li jissospendi jew jittermina, għalkollox jew parzjalment, il-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online tiegħu lil utent kummerċjali partikolari, dan għandu jipprovdi lill-utent kummerċjali kkonċernati, mingħajr dewmien żejjed, b’dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

2.Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħmel referenza għall-fatti jew iċ-ċirkustanzi speċifiċi li wasslu għad-deċiżjoni tal-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, u referenza għar-raġuni jew ir-raġunijiet oġġettivi applikabbli għal dik id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(c).

Artikolu 5

L-ikklassifikar

1.Fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jistabbilixxu l-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar u r-raġunijiet għall-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri prinċipali meta mqabbla ma’ parametri oħra.

Meta dawk il-parametri prinċipali jkunu jinkludu l-possibbiltà li jinfluwenzaw l-ikklassifikar b’rimunerazzjoni diretta jew indiretta mħallsa mill-utenti kummerċjali lill-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, dak il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandu jinkludi wkoll fit-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu deskrizzjoni ta’ dawk il-possibbiltajiet u tal-effetti ta’ din ir-rimunerazzjoni fuq l-ikklassifikar.

2.Il-fornituri tal-magni tat-tiftix online għandhom jistabbilixxu l-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar, għall-utenti ta’ siti web korporattivi, billi jipprovdu deskrizzjoni aċċessibbli faċilment u disponibbli għall-pubbliku mfassla b’lingwaġġ ċar u mhux ambigwu dwar il-magni tat-tiftix online ta’ dawk il-fornituri. Dawn għandhom iżommu dik id-deskrizzjoni aġġornata.

3. Id-deskrizzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu biżżejjed biex l-utenti kummerċjali jew l-utenti ta’ siti web korporattivi jkunu jistgħu jiksbu għarfien xieraq ta’ jekk il-mekkaniżmu tal-ikklassifikar jikkunsidrax dawn li ġejjin, u jekk iva kif u sa liema punt:

(a)il-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi offruti lill-konsumaturi permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew il-magna tat-tiftix online;

(b)ir-rilevanza ta’ dawk il-karatteristiċi għal dawk il-konsumaturi;

(c)fir-rigward tal-magna tat-tiftix online, il-karatteristiċi tad-disinn tas-sit web użat mill-utenti ta’ siti web korporattivi.

4.Meta jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-fornituri tal-magni tat-tiftix online ma għandhomx jintalbu jiżvelaw xi sigrieti kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/943.

Artikolu 6

Trattament differenzjat

1.Fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jinkludu deskrizzjoni ta’ kull trattament differenzjat li jagħtu, jew li jistgħu jagħtu, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi offruti, minn naħa, lill-konsumaturi permezz ta’ dawk is-servizzi tal-intermedjazzjoni online minn dak il-fornitur stess jew minn xi utent kummerċjali u, min-naħa l-oħra, lil utenti kummerċjali oħrajn.

2.Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri mill-anqas, meta applikabbli, kull trattament differenzjat permezz ta’ miżuri speċifiċi meħuda mill-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, jew bl-imġiba tiegħu, relatati ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)l-aċċess li l-fornitur, jew li l-utenti kummerċjali li dak il-fornitur jikkontrolla, jista’ jkollhom għal xi dejta personali jew dejta oħra, jew it-tnejn li huma, li l-utenti kummerċjali jew il-konsumaturi jipprovdu għall-użu tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ikkonċernati jew li huma ġġenerati permezz tal-forniment ta’ dawk is-servizzi;

(b)l-ikklassifikar;

(c)kull rimunerazzjoni diretta jew indiretta mħallsa għall-użu tas-servizz tal-intermedjazzjoni online ikkonċernat;

(d)l-aċċess għal servizzi, jew il-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom, li huma konnessi direttament jew anċillari għas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ikkonċernati.

Artikolu 7

L-aċċess għad-dejta

1.Fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-aċċess tekniku u kuntrattwali, jew in-nuqqas tiegħu, tal-utenti kummerċjali għal xi dejta personali jew dejta oħra, jew it-tnejn li huma, li l-utenti kummerċjali jew il-konsumaturi jipprovdu għall-użu tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ikkonċernati jew li huma ġġenerati permezz tal-forniment ta’ dawk is-servizzi.

2.Bid-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jinfurmaw lill-utenti kummerċjali kif xieraq mill-inqas dwar dawn li ġejjin:

(a)jekk il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandux aċċess għal dejta personali jew għal dejta oħra, jew it-tnejn li huma, li l-utenti kummerċjali jew il-konsumaturi jipprovdu għall-użu ta’ dawk is-servizzi jew li huma ġġenerati permezz tal-forniment ta’ dawk is-servizzi, u jekk iva għal liema kategoriji ta’ dik id-dejta u b’liema kundizzjonijiet;

(b)jekk utent kummerċjali għandux aċċess għal dejta personali jew għal dejta oħra, jew għat-tnejn li huma, mogħtija minn dak l-utent kummerċjali b’rabta mal-użu tiegħu tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ikkonċernati jew iġġenerata permezz tal-forniment ta’ dawk is-servizzi lil dak l-utent kummerċjali u lill-konsumaturi tal-prodotti jew is-servizzi tiegħu, u jekk iva għal liema kategoriji ta’ din id-dejta u b’liema kundizzjonijiet;

(c)jekk, minbarra l-punt (b), utent kummerċjali għandux aċċess għal dejta personali jew għal dejta oħra, jew għat-tnejn li huma, inkluż f’forma aggregata, mogħtija jew iġġenerata permezz tal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online kollha lil kull utent kummerċjali u lill-konsumaturi tagħhom, u jekk iva għal liema kategoriji ta’ din id-dejta u b’liema kundizzjonijiet.

Artikolu 8

Restrizzjonijiet biex jiġu offruti kundizzjonijiet differenti b’mezzi oħra

1.Meta, fil-forniment tas-servizzi tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jillimitaw l-abbiltà tal-utenti kummerċjali li joffru l-istess prodotti u servizzi lill-konsumaturi b’kundizzjonijiet differenti permezz ta’ mezzi oħra, għajr permezz ta’ dawk is-servizzi, dawn għandhom jinkludu r-raġunijiet għal dik ir-restrizzjoni fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom u jagħmlu dawk ir-raġunijiet disponibbli faċilment għall-pubbliku. Dawk ir-raġunijiet għandhom jinkludu il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali jew ġuridiċi ewlenin għal dawk ir-restrizzjonijiet.

2. L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa l-projbizzjonijiet jew il-limitazzjonijiet minħabba l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet bħal dawn li ġġib magħha l-applikazzjoni ta’ regoli oħrajn tal-Unjoni jew ta’ regoli nazzjonali li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni u li għalihom huma soġġetti l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.

Artikolu 9

Is-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti

1.Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jipprovdu sistema interna li tittratta l-ilmenti tal-utenti kummerċjali.

Dik is-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti għandha tkun aċċessibbli faċilment għall-utenti kummerċjali. Din għandha tippermettilhom iressqu lmenti direttament lill-fornitur ikkonċernat b’rabta ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)l-allegat nuqqas ta’ konformità minn dak il-fornitur mal-obbligi legali stabbiliti f’dan ir-Regolament u li jaffettwaw ħażin lill-ilmentatur;

(b)kwistjonijiet teknoloġiċi li għandhom x’jaqsmu direttament mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, u li jaffettwaw ħażin lill-ilmentatur b’mod mhux negliġibbli;

(c)miżuri meħuda minn dak il-fornitur, jew bl-imġiba tiegħu, li għandhom x’jaqsmu direttament mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, u li jaffettwaw ħażin lill-ilmentatur b’mod mhux negliġibbli.

2. Bħala parti mis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom:

(a)jikkunsidraw kif xieraq l-ilmenti u s-segwitu li jaf ikollhom bżonn jagħtu lill-ilment biex il-kwistjoni tiġi indirizzata sew, b’mod proporzjonat mal-importanza u l-kumplessità ta’ dik il-kwistjoni;

(b)jipproċessaw l-ilmenti malajr u b’mod effettiv, skont l-importanza u l-kumplessità tal-kwistjoni;

(c)jgħarrfu lill-ilmentatur dwar l-eżitu tal-proċess intern tat-trattament tal-ilmenti, b’mod individwalizzat u mfassal b’lingwaġġ ċar u mingħajr ambigwità.

3.Fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-aċċess għas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti tagħhom u t-tħaddim tagħha.

4.Kull sena, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jistabbilixxu informazzjoni dwar il-funzjonament u l-effikaċja tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti tagħhom, u jagħmluha aċċessibbli faċilment għall-pubbliku.

Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-għadd totali ta’ lmenti mressqa, is-suġġett ta’ dawn l-ilmenti, il-perjodu taż-żmien meħtieġ biex jiġu pproċessati l-ilmenti u d-deċiżjoni meħuda dwar l-ilmenti.

5.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li huma intrapriżi żgħar, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 29 .

Artikolu 10

Il-medjazzjoni

1.Fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jidentifikaw medjatur wieħed jew bosta li huma lesti jimpenjaw ruħhom biex jippruvaw jilħqu ftehim mal-utenti kummerċjali dwar ir-riżoluzzjoni, barra mill-qorti, ta’ tilwim bejn il-fornitur u l-utent kummerċjali li jinqala’ b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ikkonċernati, inkluż ilmenti li ma setgħux jissolvew bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 9.

Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jistgħu jidentifikaw biss lill-medjaturi li jipprovdu s-servizzi tal-medjazzjoni tagħhom minn post barra l-Unjoni fejn ikun żgurat li l-utenti kummerċjali kkonċernati ma jiġux imċaħħda effettivament mill-benefiċċju tas-salvagwardji legali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istati Membri minħabba l-fatt li l-medjaturi jkun qed jipprovdu dawn is-servizzi minn barra l-Unjoni.

2.Il-medjaturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)ikunu imparzjali u indipendenti;

(b)is-servizzi tal-medjazzjoni tagħhom ikunu affordabbli għal utent kummerċjali medju tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online ikkonċernati;

(c)ikunu kapaċi jipprovdu s-servizzi tal-medjazzjoni tagħhom bil-lingwa tat-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utent kummerċjali kkonċernat;

(d)ikunu aċċessibbli faċilment, kemm fiżikament fil-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tal-utent kummerċjali, jew mill-bogħod permezz ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni;

(e)ikunu kapaċi jipprovdu s-servizzi tal-medjazzjoni tagħhom mingħajr dewmien żejjed;

(f)ikunu jifhmu biżżejjed ir-relazzjonijiet kummerċjali ġenerali bejn in-negozji, li jippermettulhom jikkontribwixxu b’mod effettiv biex jippruvaw isolvu t-tilwim.

3.Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jimpenjaw ruħhom in bona fede f’kull tentattiv biex jintlaħaq ftehim permezz tal-medjazzjoni ta’ xi wieħed mill-medjaturi li jidentifikaw skont il-paragrafu 1, bil-ħsieb li jilħqu ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwima.

4.Il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom iġarrbu proporzjon raġonevoli tal-ispejjeż totali tal-medjazzjoni f’kull każ individwali. Proporzjon raġonevoli ta’ dawk l-ispejjeż totali għandu jiġi ddeterminat, abbażi ta’ suġġeriment mill-medjatur, billi jitqiesu l-elementi rilevanti kollha ta’ dan il-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-merti relattivi tal-pretensjonijiet tal-partijiet tat-tilwima, il-kondotta tal-partijiet, u d-daqs u l-qawwa finanzjarja tal-partijiet b’mod relattiv għal xulxin. Iżda l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom mill-inqas iġarrbu nofs l-ispejjeż totali f’kull każ.

5.Kull tentattiv biex jintlaħaq ftehim permezz tal-medjazzjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa d-drittijiet tal-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u tal-utenti kummerċjali kkonċernati milli jiftħu proċedimenti ġudizzjarji fi kwalunkwe ħin waqt jew wara l-proċess tal-medjazzjoni.

Artikolu 11

Medjaturi speċjalizzati

Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, kif ukoll l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom biex individwalment jew b’mod konġunt jistabbilixxu organizzazzjoni waħda jew bosta li jipprovdu servizzi tal-medjazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 10(2), għall-għan speċifiku li tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni barra mill-qorti ta’ tilwim mal-utenti kummerċjali li jinqala’ b’rabta mal-forniment ta’ dawk is-servizzi, filwaqt li titqies b’mod partikolari n-natura transfruntiera tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online.

Artikolu 12

Proċedimenti ġudizzjarji minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u minn korpi pubbliċi

1.L-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li għandhom interess leġittimu f’li jirrappreżentaw lill-utenti kummerċjali jew f’li jirrappreżentaw lill-utenti ta’ siti web korporattivi, kif ukoll il-korpi pubbliċi stabbiliti fl-IstatiMembri, għandu jkollhom id-dritt li jieħdu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali fl-Unjoni, skont ir-regoli tal-liġi tal-Istat Membru fejn tkun tressqet l-azzjoni, biex jitterminaw jew jipprojbixxu xi nuqqas ta’ konformità mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew mill-fornituri tal-magni tat-tiftix online mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.L-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet għandu jkollhom id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 biss jekk, meta tiġi ppreżentata l-azzjoni, dawn ikunu jissodisfaw kull rekwiżit li ġej:

(a)ikunu kostitwiti sew skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(b)ikunu qed isegwu għanijiet li huma fl-interess kollettiv tal-grupp ta’ utenti kummerċjali jew utenti ta’ siti web korporattivi li jirrappreżentaw;

(c)ikunu mingħajr skop ta’ qligħ.    

Fl-Istati Membri fejn hemm stabbiliti dawn il-korpi pubbliċi, dawk il-korpi pubbliċi għandu jkollhom id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, fejn huma responsabbli biex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-utenti kummerċjali jew tal-utenti ta’ siti web korporattivi, jew biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

3. Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-utenti kummerċjali u tal-utenti ta’ siti web korporattivi biex jieħdu azzjoni individwali quddiem qrati nazzjonali kompetenti, skont ir-regoli tal-liġi tal-Istat Membru fejn tkun tressqet l-azzjoni, ħalli jindirizzaw xi nuqqas ta’ konformità mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Kodiċijiet ta’ kondotta

1.Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u mill-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi li fihom jingħataw servizzi tal-intermedjazzjoni online, kif ukoll tal-karatteristiċi speċifiċi tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji.

2. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta mill-fornituri tal-magni tat-tiftix online u mill-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 5(2) u (3).

Artikolu 14

Reviżjoni

1.Sa [date: three years after the date of entry into force], u mbagħad kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.L-ewwel evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha ssir, b’mod partikolari, bil-ħsieb li tiġi evalwata l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 7 u 8, u l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija tal-pjattaformi online, u dwar jekk hemmx bżonn regoli addizzjonali, inkluż rigward l-infurzar, biex jiżguraw ambjent tan-negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fis-suq intern.

3.L-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti li tintalab mill-Kummissjoni bl-iskop li jitħejja r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

4. Waqt li tkun qed twettaq l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis l-opinjonijiet u r-rapporti ppreżentati lilha mill-grupp ta’ esperti għall-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)2393. Għandha tqis ukoll il-kontenut u l-funzjonament ta’ kull kodiċi ta’ kondotta msemmi fl-Artikolu 13, meta xieraq. 

Artikolu 15

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Dan għandu japplika minn [date: six months following the day of its publication].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     Copenhagen Economics , “Online Intermediaries: Impact on the EU economy”, 2015.
(2)    Ibid.
(3)    Legal Study on unfair commercial practices within B2B e-markets, ENTR/04/69 ta’ Mejju 2006.
(4)    ĠU L 149, 11.6.2005, p.22.
(5)    ĠU L 95, 21.4.1993, p.29.
(6)    ĠU L 376, 27.12.2006, p.21.
(7)    ĠU L 351, 20.12.2012, p.1.
(8)    ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
(9)    ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40
(10)    ĠU L 136, 24.5.2008, p.3.
(11)    COM(2018) 185 (final) tal-11 ta’ April 2018, ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1523880940100&uri=COM:2018:185:FIN
(12)    ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1
(13)    Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, id-19 ta’ Ottubru 2017, ST 14 2017 INIT .
(14)    Għal ħarsa ġenerali dwar il-Kontroll tal-Idoneità REFIT tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni ara http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=59332  
(15)    COM (2012) 702 final.
(16)    COM (2016) 288 final.
(17)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 fir-rigward tad-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(19)    ĠU C , , p. .
(20)    ĠU C , , p. .
(21)    Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
(22)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online (ĠU L 63, 6.3.2018, p. 50).
(23)    Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(24)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(25)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(26)    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (UNCRPD), tinsab fuq: https://www.un.org/development/desa/disabilities/convention-on-the-rights-of-persons-with-disabilities.html
(27)    Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
(28)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(29)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 fir-rigward tad-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
Top