Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0226

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali

    COM/2018/226 final - 2018/0107 (COD)

    Strasburgu, 17.4.2018

    COM(2018) 226 final

    2018/0107(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali

    {SWD(2018) 118 final}
    {SWD(2018) 119 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    •Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Fornituri ta’ servizzi onlajn bħal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew netwerks soċjali, postijiet tas-suq onlajn u fornituri ta’ servizzi ta’ hosting oħrajn huma motivaturi importanti tal-innovazzjoni u t-tkabbir fl-ekonomija diġitali. Dawn jiffaċilitaw aċċess li ma kienx jeżisti qabel għall-informazzjoni u jagħmluha aktar faċli biex l-individwi jikkomunikaw flimkien. Dawn is-servizzi jikkollegaw mijiet ta’ miljuni ta’ utenti u jipprovdu servizzi innovattivi lill-individwi u l-impriżi. Dawn jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti għas-suq uniku diġitali u għall-benesseri ekonomika u soċjali tal-utenti fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha. L-importanza u l-preżenza li dejjem qed jikbru tal-internet u tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u fis-soċjetajiet tagħna huma riflessi fiż-żieda esponenzjali tal-użu. Madankollu, dawn is-servizzi jistgħu jintużaw ukoll ħażin bħala għodda sabiex jitwettqu jew jiġu ffaċilitati reati, inklużi reati serji bħal attakki terroristiċi. Meta jiġri dan, dawn is-servizzi u applikazzjonijiet (“apps”) ħafna drabi jkunu l-uniċi postijiet fejn l-investigaturi jkunu jistgħu jsibu ħjiel sabiex jiddeterminaw min ikun wettaq reat u sabiex jiksbu evidenza li tkun tista’ tintuża fil-qorti.

    Minħabba n-natura bla konfini tal-internet, fil-prinċipju, servizzi bħal dawn jistgħu jingħataw minn kullimkien fid-dinja u ma jirrikjedux neċessarjament infrastruttura fiżika, preżenza korporattiva jew persunal fl-Istati Membri fejn jingħataw is-servizzi jew fis-suq intern b’mod ġenerali. L-offerta transfruntiera ta’ servizzi bħal dawn hija mħeġġa u appoġġata fl-UE, partikolarment bil-libertà tal-forniment tas-servizzi.

    Il-fornituri ta’ servizzi li huma attivi fis-suq intern jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji prinċipali: (1) fornituri ta’ servizzi bil-kwartieri tagħhom fi Stat Membru, li joffru servizzi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru biss; (2) fornituri ta’ servizzi bil-kwartieri tagħhom fi Stat Membru, li joffru servizzi f’diversi Stati Membri; u (3) fornituri ta’ servizzi bil-kwartieri tagħhom barra mill-UE, li joffru servizzi fi Stat Membru tal-UE wieħed jew aktar minn wieħed, bi stabbiliment jew mingħajru fi Stat Membru wieħed jew aktar minn dawn.

    Fin-nuqqas ta’ rekwiżit ġenerali għall-fornituri ta’ servizzi sabiex jiżguraw li jkollhom preżenza fiżika fit-territorju tal-Unjoni, l-Istati Membri ħadu passi fil-livell nazzjonali sabiex jiżguraw konformità mal-obbligi legali nazzjonali li huma jikkunsidraw li huma essenzjali u f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 1 (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku) Passi bħal dawn jinkludu talba għal aċċess għall-evidenza jew għal tipi oħrajn ta’ informazzjoni meta din tintalab mill-awtoritajiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali. Dawn l-approċċi nazzjonali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u jinkludu miżuri li jvarjaw minn ġurisdizzjoni ta’ infurzar imwessgħa 2 sal-obbligu li jinħatar rappreżentant legali fit-territorju rilevanti tal-Istat Membru għal ċerti fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi f’dak it-territorju. Pereżempju, il-Ġermanja reċentement għaddiet “L-Att ta’ Infurzar tan-Netwerks” 3 , li jobbliga lill-fornituri tan-netwerks soċjali 4 li jaħtru persuna fil-Ġermanja awtorizzata li tirċievi talbiet ta’ infurzar tal-liġi. Il-liġi timponi sanzjonijiet li jlaħħqu sa’ EUR 500 000 jekk wieħed jonqos milli jagħżel rappreżentant jew milli jwieġeb għal talbiet għall-informazzjoni meta jkun qed jaġixxi bħala l-persuna awtorizzata li tirċievi servizz. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar miżuri simili fl-Italja 5 . Stati Membri oħrajn, bħall-Belġju, ma jirrikjedux rappreżentanza lokali iżda minflok ifittxu li jinfurzaw obbligi nazzjonali direttament kontra l-fornituri bbażati barra minn pajjiż permezz ta’ proċedimenti domestiċi 6 .

    L-Istati Membri japplikaw ukoll għadd ta’ fatturi ta’ konnessjoni differenti sabiex jasserixxu l-ġurisdizzjoni fuq fornitur tas-servizzi, bħas-sede prinċipali tiegħu, il-post fejn is-servizzi jiġu offruti, is-sit tad-data jew taħlita ta’ fatturi. Barra minn hekk, jeżistu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ftehimiet informali differenti għalkollox bejn l-awtoritajiet ta’ ċerti Stati Membri u xi fornituri ta’ servizzi. Uħud mill-fornituri ta’ servizzi aktar kbar stmaw, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-impatt, li l-kostijiet annwali tagħhom biex ikunu konformi mal-obbligi legali nazzjonali huma fuq in-naħa l-għolja u b’seba’ ċifri. Il-kost tal-konformità ma’ rekwiżiti nazzjonali diverġenti, filwaqt li huwa preżunt li huwa proporzjonat meta mqabbel mal-preżenza tas-suq, jista’ jxekkel lil fornituri ta’ servizzi iżgħar.

    Fir-rigward ta’ kemm ikunu infurzabbli t-talbiet mibgħutin fil-kuntest ta’ arranġamenti bħal dawn, jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri dwar jekk il-fornituri ta’ servizzi humiex taħt obbligu li jikkooperaw jew le. Is-sanzjonijiet u l-infurzar fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità huma frammentati wkoll. Anki f’każijiet fejn il-fornitur ta’ servizz ikun konformi mal-ordni li timponi s-sanzjoni, xorta waħda jibqa’ diffiċli li tiġi infurzata l-ordni oriġinali li tiġi pprovduta d-data.

    L-Istati Membri għamlu enfasi fuq dawn l-isfidi bħala kwistjonijiet prinċipali li jridu jiġu trattati b’mod konġunt f’diversi okkażjonijiet.

    ·Fit-22 ta’ Marzu 2016, dikjarazzjoni konġunta bejn il-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni u rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell 7 , saħqet fuq il-bżonn, bħala kwistjoni prijoritarja, li jinstabu modi biex tiġi żgurata u tinkiseb evidenza elettronika b’mod aktar imħaffef u effettiv permezz ta’ kooperazzjoni intensifikata ma’ pajjiżi terzi u ma’ fornituri ta’ servizzi li huma attivi f’territorju Ewropew, sabiex tiġi mtejba l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri.

    ·Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fid-9 ta’ Ġunju 2016 8 , l-Istati Membri tennew id-determinazzjoni tagħhom sabiex jaġixxu biex jappoġġjaw l-istat tad-dritt fiċ-ċiberspazju u talbu lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa approċċ komuni tal-UE lejn it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju bħala kwistjoni prijoritarja.

    Approċċ leġiżlattiv b’għan doppju huwa neċessarju sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Din il-proposta tistipula regoli dwar ir-rappreżentanza legali fl-Unjoni ta’ ċerti fornituri ta’ servizzi għall-finijiet tal-ġbir ta’ evidenza fi proċeduri kriminali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ strument adottat abbażi tal-Artikolu 82(1) tat-TFUE, sabiex jipprevedi l-għoti dirett tal-ordnijiet lill-fornitur ta’ servizz f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Għaldaqstant, l-isfidi li ssemmew qabel jiġu trattati permezz ta’ taħlita ta’ dawn iż-żewġ proposti. Iżda huwa importanti li wieħed jiftakar li din il-proposta b’mod ċar u qabel kollox għandha l-għan li tidentifika d-destinatarju tal-ordnijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex tinkiseb evidenza fi kwistjonijiet kriminali miżmumin mill-fornituri ta’ servizzi. Għalhekk, din il-proposta timmira li tneħħi wħud mill-ostakoli biex jiġu indirizzati l-fornituri ta’ servizzi billi toffri soluzzjoni komuni għall-UE kollha sabiex jiġu indirizzati l-ordnijiet ġuridiċi lill-fornituri ta’ servizzi permezz ta’ rappreżentant legali. Dan ineħħi l-bżonn ta’ approċċi nazzjonali individwalizzati u mhux koordinati u jipprovdi ċertezza tad-dritt fil-livell tal-UE. Għal dan il-għan, din il-proposta tistipula obbligi għall-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi jaħtru rappreżentanti legali li jkollhom is-setgħa u li jkunu legalment responsabbli għall-konformità mal-ordnijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’isem dawn il-fornituri ta’ servizzi.

    Barra minn hekk, approċċ armonizzat joħloq kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha li joffru l-istess tipi ta’ servizzi fl-UE, irrilevanti minn fejn ikunu stabbiliti jew minn fejn jaġixxu, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stipulat fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Dak il-prinċipju japplika biss għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li huma stabbiliti fl-UE u, barra minn hekk, huwa suġġett għal għadd ta’ eċċezzjonijiet u eżenzjonijiet possibbli. Regoli armonizzati fil-livell tal-UE mhumiex neċessarji biss sabiex jeliminaw l-ostakoli għall-forniment tas-servizzi u jiżguraw funzjonament aħjar tas-suq intern, iżda anki sabiex jiżguraw approċċ aktar koerenti lejn il-liġi kriminali fl-Unjoni. Kundizzjonijiet ekwi huma neċessarji wkoll għal premessi fundamentali oħrajn għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u r-rispett tas-sovranità u l-awtorità pubblika fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea.

    Konsistenza mal-qafas legali tal-UE eżistenti fil-qasam tal-politika

    L-obbligu li jinħatar rappreżentant legali għall-fornituri ta’ servizzi li mhumiex stabbiliti fl-UE, iżda li joffru servizzi fl-UE, diġà jeżisti f’ċerti atti tal-liġi tal-UE applikabbli f’oqsma partikolari. Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 (l-Artikolu 27) 9 u fid-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ siġurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (l-Artikolu 18) 10 . Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Privatezza Elettronika wkoll tinkludi tali obbligu (l-Artikolu 3) 11 .

    Kif ġie nnutat aktar ’il fuq, din il-proposta hija konsistenti mad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u b’mod partikolari mal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stipulat fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. Din ma taffettwax id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, inklużi r-rekwiżiti dwar l-għoti tal-informazzjoni skont l-Artikolu 5.

    Sommarju tad-Direttiva proposta (kif din ittejjeb il-qafas attwali)

    Fil-preżent, jeżistu approċċi differenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizzi, speċjalment fil-proċeduri kriminali. Il-frammentazzjoni dehret, b’mod partikolari, fl-evidenza elettronika, minħabba li ċerti fornituri tas-servizzi jaħżnu informazzjoni li tista’ tkun rilevanti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Din il-frammentazzjoni toħloq inċertezza legali għal dawk involuti u tista’ tqiegħed lill-fornituri ta’ servizzi taħt obbligi u reġimi ta’ sanzjonijiet differenti, u xi drabi kunfliġġenti f’dak ir-rigward, skont jekk jipprovdux is-servizzi tagħhom fuq livell nazzjonali, transfruntier fl-Unjoni jew minn barra l-Unjoni. Sabiex jitnaqqsu l-ostakoli għal-libertà tal-forniment tas-servizzi, din id-Direttiva tagħmilha obbligatorja għall-fornituri ta’ servizzi li jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni sabiex jirċievi, jikkonforma ma’ u jinforza deċiżjonijiet immirati lejn il-ġbir tal-evidenza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi proċeduri kriminali. It-tnaqqis tal-ostakoli sussegwenti jiżgura funzjonament aħjar tas-suq intern b’tali mod li jkun koerenti mal-iżvilupp ta’ żona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    L-obbligu li jinħatar rappreżentant legali għall-fornituri ta’ servizzikollha li joperaw fl-Unjoni jiżgura li dejjem ikun hemm destinatarju ċar tal-ordnijiet immirati lejn il-ġbir ta’ evidenza fi proċeduri kriminali. Min-naħa tiegħu, dan jagħmilha aktar faċli għall-fornituri ta’ servizzi li jikkonformaw ma’ dawk l-ordnijiet, minħabba li r-rappreżentant legali jkun responsabbli sabiex jirċievi, jikkonforma ma’ u jinforza dawk l-ordnijiet f’isem il-fornitur ta’ servizzi.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika li tappoġġa l-azzjoni fil-qasam tinstab fl-Artikoli 53 u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jiġu kkoordinati d-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-istabbiliment u l-forniment tas-servizzi.

    Fil-każ preżenti, obbligu li jinħatar rappreżentant legali fl-Unjoni jgħin b’mod partikolari sabiex jiġu eliminati ostakoli għal-libertà tal-forniment tas-servizzi stipulati fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif deskritt aktar ’il fuq.

    Għażla tal-istrument

    Skont l-Artikoli 53 u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tipproponi direttivi u strumenti mhux vinkolanti, bħal rakkomandazzjonijiet. Minħabba l-bżonn li tiġi provduta ċertezza tad-dritt u li jitneħħew l-ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi, li ma jistgħux jintlaħqu bl-adozzjoni ta’ strument mhux vinkolanti, intgħażlet il-forma ta’ direttiva.

    Sussidjarjetà

    Din il-proposta tkopri lill-fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi fl-UE, irrilevanti mill-post fejn ikunu stabbiliti, li jista’ jkun fl-UE jew barra mill-UE. Fin-nuqqas ta’ approċċ komuni tal-UE, soluzzjonijiet nazzjonali mhux koordinati relatati mar-riċezzjoni u l-infurzar tad-deċiżjonijiet għall-ġbir ta’ evidenza fi proċeduri kriminali jew il-konformità magħhom, x’aktarx li jwasslu għal frammentazzjoni li toħloq taħlita ta’ obbligi nazzjonali differenti u li possibbilment ikunu kunfliġġenti għal fornituri ta’ servizzi attivi f’diversi swieq. Dan ixekkel il-forniment tas-servizzi fl-UE kollha. Minħabba d-diversità tal-approċċi legali u l-firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni hija l-aktar mezz adattat sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tfittex li tippreżenta approċċ armonizzat sabiex jitneħħew ostakoli eżistenti u emerġenti għall-forniment tas-servizzi fir-rigward tal-kwistjoni tar-riċezzjoni u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet għall-ġbir ta’ evidenza fi proċeduri kriminali jew il-konformità magħhom. L-approċċ magħżul huwa kkunsidrat proporzjonat meta mqabbel mal-piż impost. Fid-dawl tal-importanza u l-preżenza li dejjem qed jiżdiedu tal-internet u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jeżistu għadd ta’ għażliet possibbli sabiex jiġu indirizzati l-ostakoli eżistenti. Waħda minn dawn l-għażliet, kif inhu diskuss f’aktar dettall fil-Valutazzjoni tal-Impatt 12 li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva, il-ħatra obbligatorja ta’ rappreżentant legali għal ċerti fornituri ta’ servizz attivi fl-UE, tissodisfa l-għan li jiġi provdut mekkaniżmu effettiv li jippermetti li l-ordnijiet legali jingħataw mingħajr ma jimponu piż mhux meħtieġ fuq il-fornituri tas-servizzi.

    L-obbligu li jinħatar rappreżentant legali jirrappreżenta piż akbar għall-kumpaniji li mhumiex stabbiliti fl-UE, minħabba li ma setgħux jibbażaw fuq preżenza korporattiva eżistenti fl-UE. Min-naħa l-oħra, dan ir-rappreżentant legali jista’ jkun parti terza, li tista’ tiġi kondiviża bejn diversi fornituri ta’ servizz, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), u r-rappreżentant legali jista’ jakkumula funzjonijiet differenti (pereżempju, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jew rappreżentanti tal-Privatezza Elettronika barra mir-rappreżentant legali previst f’dan l-istrument). Dan ser japplika biss għal SMEs li joffru s-servizzi tagħhom fl-UE, u mhux fil-każ ta’ proċessar tad-data okkażjonali fl-UE.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet ma’ partijiet interessati

    Fuq medda ta’ sena u nofs, il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet interessati kollha sabiex tidentifika l-problemi u t-triq ’il quddiem, inkluż fir-rigward tal-possibbiltajiet għal titjib fil-mezzi ta’ interazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-fornituri ta’ servizzi. Dan sar permezz ta’ stħarriġ, li varja minn konsultazzjoni pubblika miftuħa sa stħarriġ iffukat mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Ġew organizzati wkoll laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti u laqgħat bilaterali sabiex jiġu diskussi l-effetti potenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Saru wkoll konferenzi fejn ġie diskuss l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika sabiex jinġabar feedback dwar l-inizjattiva.

    Permezz ta’ stħarriġ iffukat fuq l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, ġie żvelat li ma kienx hemm approċċ komuni fir-rigward tal-kisba ta’ aċċess transfruntier għal evidenza elettronika, minħabba li kull Stat Membru kellu l-prattika domestika tiegħu. Il-fornituri ta’ servizzi wkoll irreaġixxew b’mod differenti għal talbiet minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi barranin, u ż-żmien kemm damu ma ngħataw ir-risposti varja skont min kien l-Istat Membru li għamel it-talba. Dan joħloq inċertezza legali għall-partijiet interessati involuti kollha.

    Tul il-konsultazzjoni, il-fornituri tas-servizzi u ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indikaw il-bżonn li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt f’kooperazzjoni diretta mal-awtoritajiet pubbliċi u sabiex jiġu evitati kunflitti tal-liġi. Kwistjonijiet prinċipali li ġew innutati mill-awtoritajiet pubbliċi inkludew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni affidabbli mal-fornituri ta’ servizz, in-nuqqas ta’ trasparenza u l-inċertezza legali li takkumpanja l-ġurisdizzjoni għall-miżuri investigattivi. Xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkunsidraw li l-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE f’dan il-qasam ma kinitx ideali u indikaw preferenza sabiex l-azzjoni tal-UE tiġi limitata għat-titjib tal-proċeduri tal-assistenza legali reċiproka, li fil-futur ser jimxu b’mod parallel.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt 13 u ressaq diversi suġġerimenti għal titjib 14 . Wara din l-opinjoni, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata sabiex jiġu diskussi f’aktar dettall kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali assoċjati mal-kondiviżjoni transfruntiera tad-data, partikolarment ir-rabtiet bejn id-diversi miżuri li huma parti mill-għażla preferuta. Il-valutazzjoni ġiet immodifikata wkoll sabiex tirrifletti aħjar l-opinjonijiet tal-partijiet interessati u tal-Istati Membri u kif dawn ġew ikkunsidrati. Barra minn hekk, il-kuntest tal-politika kien rieżaminat sabiex jinkludi referenzi għal diversi aspetti, bħal diskussjonijiet fi gruppi ta’ esperti, li għenu fit-tfassil tal-inizjattiva. Il-kumplimentarjetà bejn il-miżuri differenti kienet iċċarata f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, twaqqit u profondità, u x-xenarju ta’ referenza kien rivedut sabiex jirrifletti aħjar l-iżviluppi li x’aktarx isiru b’mod indipendenti mill-adozzjoni tal-miżuri proposti. Finalment, ġew miżjudin flowcharts sabiex jiddeskrivu aħjar is-sekwenza tax-xogħol għall-kondiviżjoni tad-data.

    Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet ta’ politika prinċipali barra mix-xenarju ta’ referenza (l-Għażla O): għadd ta’ miżuri prattiċi sabiex jittejbu kemm il-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja kif ukoll il-kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri ta’ servizzi (l-Għażla A: mhux leġiżlattiva); għażla li tikkumbina l-miżuri prattiċi tal-Għażla A ma’ soluzzjonijiet internazzjonali (l-Għażla B: leġiżlattiva); għażla li tikkumbina miżuri preċedenti inklużi fl-Għażla B ma’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u miżura sabiex jittejjeb l-aċċess għall-bażijiet ta’ data (l-Għażla C: leġiżlattiva); għażla li tikkumbina l-miżuri kollha ta’ qabel inklużi fl-Għażla C ma’ leġiżlazzjoni dwar l-aċċess dirett għal data maħżuna b’mod remot (Għażla D: leġiżlattiva). Il-Valutazzjoni tal-Impatt identifikat ukoll il-bżonn li l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-UE jinnominaw rappreżentant legali fl-Unjoni, u dan ġie inkluż fl-Għażliet C u D.

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt żvelat li l-għażliet li jinkludu r-rappreżentant legali (C u D) iżidu valur ċar meta mqabblin mal-għażliet l-oħrajn. Għalkemm il-fornituri ta’ servizzi jkollhom iġarrbu kostijiet addizzjonali fuq perjodu ta' żmien medju minħabba l-ħatra ta’ rappreżentant legali, qafas armonizzat fil-livell tal-UE x'aktarx li jnaqqas il-piż fuq dawk il-fornituri li bħalissa qed iwieġbu għal talbiet għad-data mill-infurzar tal-liġi fuq bażi volontarja, li jkollhom jivvalutawhom skont il-liġijiet differenti tal-Istati Membri kollha. Il-mudell tal-kost stabbilit u vvalidat f’kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi rilevanti indika li l-inizjattiva kieku tiġġenera frankar sinifikanti fit-terminu medju u twil u tneħħi l-ostakoli għas-suq intern. Barra minn hekk, iċ-ċertezza legali u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri wkoll jeħtieġ li jkollhom impatt pożittiv fuq l-SMEs, minħabba li dawn itaffu l-piż amministrattiv. B’mod ġenerali, l-inizjattiva hija mistennija wkoll li tiġġenera frankar għalihom.

    Drittijiet fundamentali

    L-obbligu li jinħatar rappreżentant legali jfittex li jelimina ostakoli għall-eżerċitar tal-libertà li jiġu provduti s-servizzi u għaldaqstant jiffaċilitah. B’mod partikolari din il-proposta tippermetti li l-fornituri ta’ servizz stabbiliti fl-Unjoni jaħtru stabbiliment eżistenti bħala r-rappreżentant legali tagħhom, b’eċċezzjoni biss meta dan l-istabbiliment ikun fi Stat Membru li ma jipparteċipax fi strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja adottati skont it-Titolu V tat-Trattat. Din l-eċċezzjoni hija maħsuba sabiex tindirizza sitwazzjoni partikolari maħluqa mit-Titolu V tat-Trattat, li trid tiġi kkunsidrata.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta leġiżlattiva ma għandhiex impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ valutazzjoni u ta’ rapportar

    Id-Direttiva trid tiġi implimentata mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ser tappoġġja dan il-proċess ta’ implimentazzjoni billi tistabbilixxi kumitat ta’ kuntatt sabiex tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata u koerenti u jiġu evitati sistemi differenti għall-fornituri ta’ servizzi. Jekk ikun neċessarju, il-Kummissjoni ser toħroġ gwida għall-fornituri ta’ servizzi. Il-Kummissjoni ser tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tagħha, li jkun ibbażat fuq reviżjoni ddettaljata tal-funzjonament tagħha, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, l-aktar tard, ħames (5) snin wara d-dħul fis-seħħ. Fejn ikun meħtieġ, ir-rapport ser ikun akkumpanjat minn proposti sabiex din id-Direttiva tiġi adattata

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Artikolu 1 Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

    L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-materja ta’ din id-Direttiva, li hija li tistipula regoli dwar ir-rappreżentanza legali fl-Unjoni ta’ ċerti fornituri ta’ servizzi għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali.

    It-tip ta’ obbligi mitlubin mill-fornituri tas-servizzi jistgħu jieħdu diversi forom, bħall-wasla ta’ ordni fil-proċeduri kriminali mingħand prosekutur jew imħallef b’konsegwenzi legali, l-għoti tad-data meħtieġa f’dawk il-proċeduri kriminali, it-teħid ta’ ċerti miżuri għall-priżervazzjoni tad-data fi proċeduri kriminali jew li tiġi indirizzat bi proċedura ta’ infurzar fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Minħabba l-politiki kummerċjali u territorjali tagħhom, il-fornituri ta’ servizzi jista’ jkollhom diffikultà biex jikkonformaw ma’ dawn it-tipi differenti ta’ talbiet, li dejjem qed isiru aktar frekwenti. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jkunu jafu lil min għandhom jindirizzaw u kif għandhom jindirizzaw lill-fornituri tas-servizzi stabbiliti jew li joffru servizzi fit-territorju tal-Unjoni.

    L-Istati Membri ma għandhomx iqiegħdu obbligi addizzjonali għal dawk li jirriżultaw minn din id-Direttiva fuq il-fornituri ta’ servizz skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bħall-obbligu li jistabbilixxu rappreżentant legali fit-territorju tagħhom minflok fi kwalunkwe post fl-Unjoni fejn huma joffru s-servizzi.

    Ir-regoli armonizzati dwar ir-rappreżentanza legali ma jeħtieġx li jillimitaw is-setgħat mogħtijin mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jindirizzaw lill-fornituri tas-servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom. F’każijiet bħal dawn, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li jindirizzaw l-ordnijiet tagħhom direttament lill-istabbiliment tal-fornitur ta’ servizz, ir-responsabbiltà tar-rappreżentant legali kif inhi stabbilita f’din id-Direttiva ma tapplikax.

    Artikolu 2: Definizzjonijiet

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi definizzjonijiet li japplikaw f’dan l-istrument.

    Ir-rappreżentant legali jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika maħtura mill-fornitur ta’ servizz sabiex taġixxi f’ismu biex jikkonforma ma’ kull deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji kompetenti għal finijiet ta’ ġbir ta’ evidenza fi kwistjonijiet kriminali. Il-fornituri ta’ servizzi jeħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu li jaħtru stabbiliment eżistenti fi Stat Membru, inklużi s-sedja jew il-kwartieri prinċipali tagħhom, u li jaħtru wkoll diversi rappreżentanti legali.

    It-tipi li ġejjin ta’ fornituri ta’ servizzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva: fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaħżnu d-data bħala parti mis-servizz mogħti lill-utent, inklużi netwerks soċjali, postijiet tas-suq onlajn u fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ ospitar, u fornituri ta’ servizzi ta’ ismijiet u numerazzjoni għall-internet.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkopri lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif inhu ddefinit [fid-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropea għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi]. Is-servizzi tradizzjonali tat-telekomunikazzjoni, il-konsumaturi u n-negozji qed jibbażaw dejjem iżjed fuq servizzi ġodda bbażati fuq l-internet li jippermettu komunikazzjoni interpersonali bħall-Vuċi fuq IP (Voice over IP), messaġġerija istantanja u servizzi ta’ posta elettronika, minflok servizzi ta’ komunikazzjonijiet tradizzjonali. Dawn is-servizzi, flimkien man-netwerks soċjali, bħal Twitter u Facebook, li jippermettu lill-utenti jikkondividu l-kontenut, huma għalhekk koperti minn din il-proposta.

    F’ħafna każijiet, id-data ma tibqax maħżuna fuq l-apparat tal-utent iżda tkun tista’ tiġi aċċessata fuq infrastruttura bbażata fuq il-cloud li, fil-prinċipju, tippermetti l-aċċess minn kullimkien Il-fornituri ta’ servizzi ma għandhomx bżonn jistabbilixxu jew ikollhom servers f’kull ġurisdizzjoni, iżda jużaw sistemi ċentralizzati sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom. Sabiex jiġi kkunsidrat dan l-iżvilupp, id-definizzjoni tkopri servizzi tal-cloud li jipprovdu varjetà ta’ riżorsi tal-kompjuter bħal netwerks, servers jew infrastruttura oħra, ħżin, apps u servizzi li jippermettu l-ħżin tad-data għal raġunijiet differenti. L-istrument japplika wkoll għal postijiet tas-suq diġitali li jippermettu lill-konsumaturi u / jew lin-negozjanti li jikkonkludu tranżazzjonijiet permezz ta’ bejgħ jew kuntratti ta’ servizz onlajn man-negozjanti. Tranżazzjonijiet bħal dawn isiru fuq is-sit elettroniku tal-post tas-suq onlajn jew fuq sit elettroniku ta’ negozjant li juża servizzi ta’ kompjuters mogħtija mill-post tas-suq onlajn. Huwa għalhekk dan il-post tas-suq onlajn li ġeneralment ikollu l-evidenza elettronika li tista’ tkun meħtieġa waqt il-proċeduri kriminali.

    Servizzi li għalihom il-ħżin tad-data mhuwiex komponent ta’ definizzjoni mhumiex koperti mill-proposta. Għalkemm ħafna mis-servizzi mwasslin mill-fornituri llum il-ġurnata jinvolvu xi għamla ta’ ħżin tad-data, speċjalment meta dawn jitwasslu onlajn mill-bogħod, jistgħu jiġu identifikati servizzi li għalihom il-ħżin tad-data mhuwiex karatteristika prinċipali u huwa għalhekk biss ta’ natura anċillari, inklużi servizzi legali, arkitettoniċi, ta’ inġinerija u kontabbilistiċi provduti onlajn mill-bogħod.

    Id-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi tal-infrastruttura tal-internet, bħal reġistraturi u reġistri tal-ismijiet tad-dominju u fornituri tas-servizzi ta’ privatezza u bi proxy jew mir-reġistri reġjonali tal-internet għal indirizzi ta’ protokoll tal-internet, tista’ tkun ta’ rilevanza għal proċeduri kriminali minħabba li tista’ toffri traċċi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ individwu jew entità possibbilment involuti f’attività kriminali.

    Għall-finijiet ta’ definizzjoni ta’ dawk il-fornituri ta’ servizz li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jeħtieġ li jkun hemm rabta b’saħħitha biżżejjed bejn il-fornitur u l-Unjoni. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-fornitur ta’ servizz jippermettix persuni ġuridiċi jew fiżiċi fl-Unjoni jużaw is-servizzi tiegħu. Madankollu, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-servizz (li tista’ tirriżulta wkoll mill-aċċessibbiltà ta’ sit elettroniku jew ta’ indirizz ta’ email jew ta’ dettalji ta’ kuntatt oħrajn tal-fornitur ta’ servizzi jew ta’ intermedjarju) ma jeħtieġx li tkun kondizzjoni suffiċjenti għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għaldaqstant, konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jeħtieġ li tkun rekwiżita. Konnessjoni sostanzjali bħal din ċertament tkun preżenti meta l-fornitur ta’ servizz ikollu stabbiliment fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ stabbiliment fl-Unjoni, il-kriterju ta’ konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jeħtieġ li jiġi vvalutat abbażi tal-eżistenza ta’ għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew attivitajiet immirati lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jiġi ddeterminat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fatturi bħall-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li ġeneralment jintużaw f’dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru jista’ jirriżulta wkoll mid-disponibbiltà ta’ app fil-ħanut tal-apps nazzjonali rilevanti, mill-forniment ta’ riklamar lokali jew riklamar f’lingwa li tintuża fi Stat Membru, mill-użu ta’ kull informazzjoni li toriġina minn persuni fl-Istati Membri waqt l-attivitajiet tagħhom jew mill-ġestjoni tar-relazzjonijiet tal-konsumaturi, pereżempju bl-għoti ta’ servizzi tal-konsumaturi f’lingwa li ġeneralment tintuża fi Stat Membru. Konnessjoni sostanzjali għandha tkun preżunta wkoll li tkun preżenti fejn fornitur tas-servizzi jimmira l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif inhu stipulat fl-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

    Artikolu 3 Rappreżentant Legali

    L-Artikolu 3(1) u (2) jistabbilixxi l-obbligu li jrid jiġi impost fuq il-fornituri ta’ servizz li jipprovdu servizzi fl-Unjoni sabiex jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni. Fil-prinċipju, il-fornituri ta’ servizzi jeħtieġ li jkunu liberi li jagħżlu f’liema Stat Membru jaħtru r-rappreżentant legali tagħhom, u f’konformità mal-Artikolu 1(2), l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu din l-għażla libera, pereżempju billi jimponu obbligu li huma jaħtru r-rappreżentant legali tagħhom fit-territorju tagħhom. Madankollu, l-Artikolu 3(1) sa (3) jinkludu ċerti restrizzjonijiet fir-rigward ta’ din l-għażla libera ta’ fornituri ta’ servizz, b'mod partikolari li r-rappreżentant legali jeħtieġ li jkun stabbilit fi Stat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi jipprovdi servizzi jew ikun stabbilit. Din ir-restrizzjoni, li tirrikjedi konnessjoni eżistenti minn qabel bejn il-fornitur ta’ servizzi u l-Istat Membru fejn ikun se jinħatar ir-rappreżentant legali , tillimita l-possibbiltà tal-fornituri ta’ servizzi li jagħżlu l-Istat Membru abbażi ta’ konsiderazzjonijiet li jmorru kontra l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, bħal-livell tal-multi. L-Artikolu 3(1) sa (3) jiddefinixxi wkoll liema Stati Membri huma responsabbli sabiex jimponu l-obbligi fuq il-fornituri ta’ servizz.

    L-Artikolu 3(1) japplika għall-fornituri ta’ servizz stabbiliti fl-Unjoni. Dawn iridu jaħtru tal-anqas rappreżentant legali wieħed fl-Unjoni, b’mod aktar speċifiku fi Stat Membru fejn joffru s-servizzi jew fejn huma stabbiliti. L-Istati Membri fejn ikunu stabbiliti l-fornituri ta’ servizzi huma responsabbli sabiex jimponu dan l-obbligu.

    L-Artikolu 3(2) japplika għall-fornituri ta’ servizzi li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni. F’dak il-każ, huma jeħtieġ li jaħtru rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn joffru s-servizzi tagħhom. L-Istati Membri fejn il-fornitur ta’ servizzi joffri s-servizzi huma responsabbli biex jimponu dan l-obbligu.

    L-Artikolu 3(3) japplika fiż-żewġ każijiet koperti mill-Artikolu 3(1) u 3(2) u jimponi rekwiżiti addizzjonali sabiex tiġi indirizzata l-problema inerenti għall-interkonnessjoni bejn strument tas-suq intern u strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja adottati skont it-Titolu V tat-Trattat. Rappreżentant legali maħtur fi Stat Membru li ma jipparteċipax fi strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja rilevanti ma jissodisfax ir-rwol tiegħu kompletament, minħabba li ma jkunx jista’ jiġi indirizzat b’ordni skont dan l-istrument. Huwa għalhekk li l-Artikolu 3(3) jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi li joffru s-servizzi tagħhom fi Stati Membri li jipparteċipaw fi strumenti bħal dawn jaħtru rappreżentant legali f’wieħed minnhom. B’riżultat ta’ dan, fornitur ta’ servizzi li jistabbilixxi rappreżentant legali fi Stat Membru li jipparteċipa fi strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja skont it-Titolu V jissodisfa l-obbligi tiegħu kemm skont il-paragrafu 1 jew 2, skont il-każ, u skont il-paragrafu 3. Min-naħa l-oħra, fornitur ta’ servizz li jaħtar rappreżentant legali fi Stat Membru li ma jipparteċipax fi strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja skont it-Titolu V għaldaqstant jissodisfa l-obbligu tiegħu skont il-paragrafu 1 jew 2, iżda sabiex jissodisfa wkoll l-obbligu tiegħu skont il-paragrafu 3, ikun jeħtieġ li jinnomina rappreżentant legali ieħor f’wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fi strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja skont it-Titolu V. L-Istati Membri li jipparteċipaw fi strument rilevanti u fejn il-fornitur ta’ servizzi joffri s-servizzi huma responsabbli biex jiġi impost dan l-obbligu.

    Minħabba l-“ġeometrija varjabbli” li teżisti fil-qasam tal-liġi kriminali, bid-Danimarka ma tipparteċipa f'ebda leġilazzjoni tal-Unjoni skont it-Titolu V, u d-dritt ta’ inklużjoni għar-Renju Unit u l-Irlanda, attwalment jeżistu strumenti differenti li japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri fil-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali. Dawn l-istrumenti jinkludu d-Direttiva rigward l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea u l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka tal-2000. L-Ordni dwar il-Produzzjoni Ewropea ser iżżid ma’ dan ir-reġim legali multidimensjonali. Il-kumplessità li tirriżulta x'aktarx li twassal għal riskju miżjud li l-Istati Membri li jipparteċipaw fir-Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej jistgħu jiżviluppaw soluzzjonijiet nazzjonali mhux ikkoordinati li, min-naħa tagħhom, iwasslu għal aktar frammentazzjoni u inċertezza legali għall-partijiet interessati kollha involuti. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jintalbu jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni iżda li joffru servizzi fl-Unjoni jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni, li jkun id-destinatarju fil-każ ta’ talbiet diretti f’sitwazzjonijiet transfruntiera, u ta’ talbiet ibbażati fuq kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tiddgħajjef l-effettività tal-istrumenti tal-UE adottati skont it-Titolu V, il-Kapitolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE għall-ġbir tal-evidenza fi kwistjonijiet kriminali, li fihom jipparteċipaw biss ċerti Stati Membri, jeħtieġ li jinħatar rappreżentant legali f’wieħed minn dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’dawk l-istrumenti legali.

    Il-fornituri ta’ servizzi jeħtieġ li jkunu liberi li jagħżlu wieħed mill-istabbilimenti tagħhom fl-Unjoni, inkluż is-sede jew il-kwartieri prinċipali tagħhom, bħala r-rappreżentant legali tagħhom, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fid-Direttiva.

    L-Artikolu 3(6) jiċċara li l-Istati Membri jridu jiżguraw fil-liġi nazzjonali li rappreżentant legali maħtur jista’ jinżamm responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-fornitur ta servizz innifsu. Ma jeħtieġx ikun possibbli li l-fornituri ta’ servizzi jiddikjaraw li mhumiex responsabbli għal, pereżempju, in-nuqqas ta’ konformità tar-rappreżentant legali tagħhom. Dawn lanqas jistgħu jiskolpaw lilhom infushom minħabba proċedura interna nieqsa jew ineffettiva, minħabba li huma responsabbli biex jipprovdu r-riżorsi u s-setgħat neċessarji sabiex tiġi garantita konformità mal-ordnijiet u d-deċiżjonijiet nazzjonali. Rappreżentant legali lanqas jeħtieġ li jkun jista’ jiskolpa lilu nnifsu billi jiddikjara, pereżempju, li ma għandux is-setgħa li jwassal id-data.

    Artikolu 4 Notifiki u lingwi

    L-Artikolu 4 jistipula l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi jaħtru rappreżentant legali wieħed jew aktar u li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

    In-notifika jeħtieġ li tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-lingwa/i li permezz tagħhom il-fornitur ta’ servizzi jkun jista’ jiġi indirizzat. Il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih jinsab ir-rappreżentant legali tkun dik użata b'mod prestabbilit. Jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali, il-fornitur ta’ servizzi jista’ jagħżel waħda jew aktar minnhom. Barra minn hekk, il-fornituri ta’ servizzi ser ikunu jistgħu jagħżlu lingwi uffiċjali addizzjonali tal-Unjoni sabiex ikunu indirizzati bihom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha. Dan jippermetti li l-fornituri ta’ servizz jagħżlu lingwa użata, pereżempju, f’komunikazzjonijiet interni mal-kwartieri jew li attwalment tintuża frekwentement fit-talbiet u, għalhekk, iġibu aktar konsistenza u ċertezza kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi.

    Fejn fornitur ta’ servizz jaħtar diversi rappreżentanti legali, dawn jistgħu jinnotifikaw ukoll konsiderazzjonijiet sabiex jiddeterminaw liema waħda jeħtieġ li tiġi indirizzata. Dawn mhumiex vinkolanti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda jeħtieġ li jiġu segwiti ħlief f’każijiet iġġustifikati kif xieraq.

    Il-fornituri ta’ servizzi huma responsabbli biex jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, pereżempju fuq is-sit elettroniku tagħhom, u sabiex iżommu din l-informazzjoni aġġornata. Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti kollha fuq siti elettroniċi ddedikati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jidentifikaw id-destinatarju korrett.

    Artikolu 5 Sanzjonijiet

    Għal każijiet fejn il-fornituri ta’ servizz koperti minn din id-Direttiva ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jeħtieġ li jipprovdu fil-liġi nazzjonali tagħhom sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi li jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi talli ma jaħtrux rappreżentant legali kif inhu stipulat f’din id-Direttiva u ma jipprovdux is-setgħat, ir-riżorsi u l-kondizzjonijiet neċessarji bħall-infrastruttura għar-rappreżentant legali talli, b’mod ġenerali, jikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali u jwassal l-evidenza mitluba.

    Penali jew multi għal nuqqas ta’ konformità mir-rappreżentant legali ma’ deċiżjoni speċifika bħal ordni fi proċedimenti konkreti, min-naħa l-oħra, huma l-kwistjoni ta’ strumenti speċifiċi oħrajn, bħar-Regolament dwar il-Produzzjoni Ewropea u l-Ordnijiet ta’ Priżervazzjoni għall-evidenza elettronika fi kwistjonijiet kriminali jew il-liġi nazzjonali.

    Artikolu 6 Mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni

    Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti, id-Direttiva tipprevedi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni abbażi tal-awtoritajiet ċentrali maħturin mill-Istati Membri. Permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni l-Istati Membri se jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni, jipprovdu għajnuna u kooperazzjoni fl-approċċ ta’ infurzar tagħhom, pereżempju billi jidentifikaw liema huwa l-aktar Stat Membru adattat sabiex jieħu azzjoni f’każ partikolari ta’ nuqqas ta’ konformità.

    L-Artikoli 7, 8, 9 u 10

    Dawn l-Artikoli jinkludu dispożizzjonijiet ulterjuri dwar it-traspożizzjoni mill-Istati Membri, ir-rieżami mill-Kummissjoni, id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u d-destinatarji tad-Direttiva. Ir-Regolament propost se jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali. L-Istati Membri ser ikollhom sitt (6) xhur ċans biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni u skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 15 .

    2018/0107 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 53 u 62 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 16 ,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

    Billi:

    (1)Is-servizzi bbażati fuq netwerk jistgħu, fil-prinċipju, jiġu pprovduti minn kullimkien u ma jirrikjedux infrastruttura fiżika, preżenza korporattiva jew persunal la fil-pajjiż fejn jiġu offruti s-servizzi u lanqas fis-suq intern innifsu. Konsegwentement, jista’ jkun diffiċli li jiġu applikati u infurzati obbligi stipulati fil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi kkonċernati, partikolarment l-obbligu li jikkonformaw ma' ordni jew deċiżjoni ta' awtorità ġudizzjarja. Dan huwa l-każ, partikolarment fir-rigward tal-liġi kriminali, fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jaffaċċjaw diffikultajiet sabiex jimponu, jiżguraw konformità u jinfurzaw id-deċiżjonijiet tagħhom, partikolarment fejn servizzi rilevanti jingħataw barra mit-territorju tagħhom.

    (2)F’dan l-isfond, l-Istati Membri ħadu għadd ta’ miżuri differenti ħafna sabiex japplikaw u jinfurzaw b’mod aktar effettiv il-leġiżlazzjoni tagħhom. Dan jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati fornituri tas-servizzi sabiex tinkiseb evidenza elettronika li tkun ta’ rilevanza għall-proċeduri kriminali.

    (3)Għal dan il-għan, ċerti Stati Membri adottaw, jew qed jikkunsidraw li jadottaw, leġiżlazzjoni li timponi rappreżentanza legali obbligatorja fit-territorju tagħhom stess, għal għadd ta’ fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi f’dak it-territorju. Rekwiżiti bħal dawn joħolqu ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi fis-suq intern.

    (4)Jeżisti riskju sinifikanti li Stati Membri oħrajn jippruvaw jegħlbu nuqqasijiet eżistenti marbutin mal-ġbir ta’ evidenza fil-proċeduri kriminali permezz ta’ impożizzjoni ta’ obbligi nazzjonali differenti ħafna fin-nuqqas ta’ approċċ mifrux mal-Unjoni kollha. Dan x'aktarx joħloq aktar ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi fis-suq intern.

    (5)Fiċ-ċirkostanzi attwali, l-inċertezza legali li tirriżulta taffettwa kemm lill-fornituri ta’ servizzi kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali. Obbligi differenti ħafna u possibbilment kunfliġġenti huma stabbiliti għall-fornituri ta’ servizzi li huma stabbiliti jew li joffru servizzi fi Stati Membri differenti, li jagħmluhom soġġetti wkoll għal reġimi ta’ sanzjonijiet differenti f’każijiet ta’ ksur. Din id-differenza fil-qafas tal-proċeduri kriminali x'aktarx li tkompli tespandi minħabba l-importanza li qed tiżdied tas-servizzi tal-komunikazzjoni u tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum tagħna u s-soċjetà. Dan li ntqal ma jirrappreżentax biss ostakolu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, iżda jimplika wkoll problemi għall-istabbiliment u l-funzjonament korrett taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni.

    (6)Sabiex tiġi evitata frammentazzjoni bħal din u sabiex jiġi żgurat li l-impriżi attivi fis-suq intern jiġu suġġetti għall-istess obbligi jew għal obbligi simili, l-Unjoni adottat għadd ta’ atti legali f’oqsma relatati bħall-protezzjoni tad-data 17 . Sabiex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tas-suġġetti tad-data, ir-regoli tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data 18 jipprevedu l-ħatra ta’ rappreżentant legali fl-Unjoni minn kontrolluri jew proċessuri li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni iżda li joffru prodotti jew servizzi lil individwi fl-Unjoni jew jimmonitorjaw jekk l-imġiba tagħhom issirx fl-Unjoni, sakemm il-proċess ikun okkażjonali, ma jkunx jinkludi proċessar, fuq skala kbira, ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali jew l-ipproċessar ta’ data personali marbuta ma’ kundanni penali u reati kriminali, u ma jkunx probabbli li tirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, b’kunsiderazzjoni għan-natura, il-kuntest, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet tal-ipproċessar jekk il-kontrollur ikun awtorità jew korp pubbliku.

    (7)Bl-istabbiliment ta’ regoli armonizzati dwar ir-rappreżentanza legali ta’ ċerti fornituri ta’ servizz fl-Unjoni biex jirċievu, jinforzaw u jikkonformaw mad-deċiżjonijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għall-finijiet tal-ġbir ta’ evidenza fi proċeduri kriminali, l-ostakoli eżistenti għall-forniment liberu tas-servizzi jeħtieġ li jitneħħew, u tiġi evitata l-impożizzjoni futura ta’ approċċi nazzjonali differenti. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta’ servizzi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ffaċilitat infurzar aktar effettiv tal-liġi kriminali fiż-żona komuni tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja .

    (8)Ir-rappreżentant legali inkwistjoni jeħtieġ li jservi bħala d-destinatarju ta' ordnijiet u deċiżjonijiet domestiċi u ta' ordnijiet u deċiżjonijiet skont l-istrumenti legali tal-Unjoni adottati fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V, il-Kapitolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ġbir tal-evidenza fi kwistjonijiet kriminali. Dan jinkludi ż-żewġ strumenti li jippermettu l-għoti dirett tal-ordnijiet f’sitwazzjonijiet transfruntiera lill-fornitur ta’ servizzi, u l-istrumenti bbażati fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji skont it-Titolu V, il-Kapitolu 4.

    (9)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu li jaħtru rappreżentant legali huwa immedjat, jiġifieri mid-data tat-traspożizzjoni stipulata fl-Artikolu 7 għall-fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni f’dik id-data, jew mill-mument li l-fornituri ta’ servizzi jibdew joffru s-servizzi fl-Unjoni għal dawk il-fornituri ta’ servizzi li jkunu ser jibdew joffru s-servizzi wara d-data tat-traspożizzjoni.

    (10)L-obbligu li jinħatar rappreżentant legali jeħtieġ li japplika għall-fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni, jiġifieri fi Stat Membru wieħed jew aktar. Sitwazzjonijiet fejn il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru u joffri servizzi esklużivament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, ma jeħtieġx li jkunu koperti minn din id-Direttiva.

    (11)Minkejja l-ħatra ta’ rappreżentant legali, Stat Membru jeħtieġ li jkun jista’ jkompli jindirizza lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorju tiegħu, sew jekk f’sitwazzjonijiet purament domestiċi, u sew jekk wara li jirċievi talba għall-għajnuna skont l-istrumenti legali dwar l-għajnuna legali reċiproka u dwar ir-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali.

    (12)Id-determinazzjoni ta’ jekk fornitur ta’ servizzi jipprovdix servizzi fl-Unjoni tirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-fornitur ta’ servizzi jippermettix lil persuni ġuridiċi jew fiżiċi fl-Unjoni jużaw is-servizzi tiegħu. Madankollu, is-sempliċi aċċessibbiltà ta’ interfaċċja onlajn (pereżempju l-aċċessibbiltà tas-sit elettroniku jew l-indirizz tal-email u ta’ dettalji oħrajn ta’ kuntatt tal-fornitur tas-servizzi jew ta’ intermedjaru) meħuda f’iżolament ma jeħtieġx li tkun kondizzjoni biżżejjed għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (13)Konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jeħtieġ li tkun rilevanti wkoll sabiex jiġi ddeterminat l-ambitu tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Konnessjoni sostanzjali bħal din mal-Unjoni jeħtieġ li tiġi kkunsidrata li teżisti fejn il-fornitur ta’ servizzi jkollu stabbiliment fl-Unjoni. Fin-nuqqas tat-tali stabbiliment, il-kriterju ta’ konnessjoni sostanzjali jeħtieġ li jiġi vvalutat abbażi tal-eżistenza ta’ għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew l-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jiġi ddeterminat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fatturi bħall-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li ġeneralment jintużaw f’dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru jista’ jirriżulta wkoll mid-disponibbiltà ta’ applikazzjoni (“app”) fil-ħanut tal-apps nazzjonali rilevanti, mill-għoti ta’ riklamar lokali jew riklamar fil-lingwa użata f’dak l-Istat Membru, jew mill-ġestjoni tar-relazzjonijiet tal-klijenti pereżempju bl-għoti ta’ servizz tal-konsumaturi f’lingwa li ġeneralment tintuża f’dak l-Istat Membru. Konnessjoni sostanzjali għandha tkun preżunta wkoll li tkun preżenti fejn fornitur tas-servizzi jimmira l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif inhu stipulat fl-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Min-naħa l-oħra, l-għoti tas-servizz fid-dawl tas-sempliċi konformità mal-projbizzjoni li ssir diskriminazzjoni stipulata fir-Regolament UE (2018/302) 19 ma jistax ikun ikkunsidrat, abbażi ta’ din ir-raġuni biss, bħala li jidderieġi jew jimmira l-attivitajiet lejn territorju partikolari fl-Unjoni. L-istess konsiderazzjonijiet jeħtieġ li japplikaw sabiex jiġi ddeterminat jekk fornitur tas-servizzi joffrix servizzi fi Stat Membru.

    (14)Il-fornituri ta’ servizzi li huma obbligati jaħtru rappreżentant legali jeħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu għal dan il-għan stabbiliment eżistenti fi Stat Membru, sew jekk ikun korp jew fergħa korporattiva, aġenzija, uffiċċju jew sedja jew kwartieri prinċipali, u anki aktar minn rappreżentant legali wieħed. Madankollu, grupp korporattiv ma jeħtieġx ikun sfurzat li jaħtar diversi rappreżentanti, wieħed għal kull parti li tikkostitwixxi intrapriża ta’ dak il-grupp. Strumenti differenti adotatti fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V, il-Kapitolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri meta tkun qed tinġabar l-evidenza fil-proċeduri kriminali. B’konsegwenza tal-“ġeometrija varjabbli” li teżisti fil-qasam komuni tal-liġi kriminali, teżisti l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-Direttiva ma tiffaċilitax il-ħolqien ta’ aktar diskrepanzi jew ostakoli għall-forniment tas-servizzi fis-suq intern billi tippermetti li l-fornituri ta’ servizzi li joffru servizz fit-territorju tagħhom jaħtru rappreżentanti legali fi Stati Membri li ma jiħdux sehem fl-istrumenti legali rilevanti, billi dan ma jkunx qed jindirizza l-problema. Għaldaqstant, tal-anqas rappreżentant wieħed jeħtieġ li jinħatar fi Stat Membru li jipparteċipa fl-istrumenti legali rilevanti tal-Unjoni sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-effettività tal-ħatra prevista f’din id-Direttiva tiddgħajjef u sabiex jiġi żgurat li s-sinerġiji li jirriżultaw meta jkun hemm rappreżentant legali li jirċievi, jikkonforma ma’ u jinforza d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġin fil-kuntest tal-ġbir ta’ evidenza fi proċeduri kriminali, inkluż skont ir-[Regolament] jew il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Legali Reċiproka tal-2000. Barra minn hekk, il-ħatra ta’ rappreżentant legali, li tista’ tintuża wkoll sabiex tiġi żgurata konformità mal-obbligi legali nazzjonali, tagħmel użu mis-sinerġiji ta’ punt ċar ta’ aċċess sabiex jiġu indirizzati l-fornituri ta’ servizzi għall-finijiet tal-ġbir ta’ evidenza fi kwistjonijiet kriminali.

    (15)Il-fornituri ta’ servizzi jeħtieġ li jkunu liberi jagħżlu f’liema Stat Membru jagħżlu r-rappreżentant legali tagħhom, u l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu din l-għażla libera, pereżempju billi jimponu obbligu li jinħatar rappreżentant legali fit-territorju tagħhom. Madankollu, id-Direttiva tinkludi wkoll restrizzjonijiet fir-rigward ta’ din l-għażla libera ta’ fornituri ta’ servizzi, b'mod partikolari li r-rappreżentant legali jeħtieġ li jkun stabbilit fi Stat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi jipprovdi servizzi jew ikun stabbilit, kif ukoll l-obbligu li jinħatar rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fi strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja adottati skont it-Titolu V tat-Trattat.

    (16)Il-fornituri ta’ servizzi li jkunu l-aktar rilevanti għall-ġbir ta’ evidenza fil-proċeduri kriminali huma l-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u fornituri speċifiċi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-utenti. Għaldaqstant, iż-żewġ gruppi jeħtieġ li jkunu koperti b’din id-Direttiva. Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika huma ddefiniti fil-proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropea dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Dawn jinkludu komunikazzjonijiet interpersonali bħal vuċi fuq IP, messaġġerija istantanja u servizzi ta’ email. Il-kategoriji tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni inklużi hawnhekk huma dawk li għalihom il-ħżin tad-data huwa komponent li jiddefinixxi s-servizz provdut lill-utent u jirreferu b’mod partikolari għan-netwerks soċjali diment li dawn ma jikkwalifikawx bħala servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, swieq elettroniċi onlajn li jiffaċilitaw tranżazzjonijiet bejn l-utenti tagħhom (bħal konsumaturi u negozji) u servizzi oħrajn ta’ ospitar, inkluż fejn is-servizz jingħata permezz tal-cloud. Is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li għalihom il-ħżin tad-data mhuwiex komponent li jiddefinixxihom, u li għalihom dan huwa biss ta’ natura anċillari, bħal servizzi legali, arkitettoniċi, ta’ inġinerija u kontabilistiċi pprovduti onlajn mill-bogħod, jeħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, anki fejn dawn jistgħu jaqgħu fid-definizzjoni tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni skont id-Direttiva (UE) 2015/1535.

    (17)Il-fornituri ta’ servizzi ta’ infrastruttura tal-internet marbutin mal-assenjar tal-ismijiet u numri, bħal reġistraturi u reġistri tal-ismijiet tad-dominju u fornituri ta’ servizzi ta’ privatezza u bi proxy jew reġistri tal-internet reġjonali għall-indirizzi tal-protokoll tal-internet (“PI”), huma ta’ rilevanza partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ atturi ta’ siti elettroniċi malizzjużi jew kompromessi. Id-data li tinżamm li hija ta’ rilevanza partikolari għall-investigazzjonijiet kriminali minħabba li tista’ tippermetti li ssir l-identifikazzjoni ta’ individwu jew entità li jmexxu sit elettroniku użat f’attività kriminali jew il-vittma tal-attività kriminali fil-każ ta’ sit elettroniku kompromess li jkun ġie taħt il-kontroll ta' kriminali.

    (18)Ir-rappreżentant legali jeħtieġ li jkun jista’ jikkonforma mad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet indirizzati lilu mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’isem il-fornitur tas-servizzi, li għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiżgura dan ir-riżultat, inklużi biżżejjed riżorsi u setgħat. In-nuqqas ta’ miżuri bħal dawn jew in-nuqqasijiet tagħhom ma għandhomx jipprovdu raġuni li abbażi tagħha jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjonijiet jew ordnijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, la għall-fornitur tas-servizzi u lanqas għar-rappreżentant legali tiegħu.

    (19)Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jinnotifikaw lill-Istat Membru li fih jirresjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali bl-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant legali tagħhom, kif ukoll bil-bidliet u l-aġġornamenti tal-informazzjoni relatata. In-notifika jeħtieġ li tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-lingwi li fihom ir-rappreżentant legali jista’ jiġi indirizzat, li jeħtieġ li jinkludu tal-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jirresjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali, iżda li jistgħu jinkludu lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni, bħal-lingwa ta' fejn ikunu jinsabu l-kwartieri tiegħu. Fejn il-fornitur tas-servizz jaħtar aktar minn rappreżentant legali wieħed, jista’ jinnotifika wkoll konsiderazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat liema wieħed jeħtieġ li jiġi indirizzat. Dawn il-konsiderazzjonijiet mhumiex vinkolanti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda jeħtieġ li jiġu segwiti ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati. Din l-informazzjoni kollha, li hija ta’ rilevanza partikolari għall-awtoritajiet tal-Istati Membri jeħtieġ li ssir aċċessibbli għall-pubbliku mill-fornitur tas-servizz, pereżempju fuq is-sit elettroniku tiegħu, b’mod kumparabbli għar-rekwiżiti li informazzjoni ġenerali ssir disponibbli skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 20 (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku). Għal dawk il-fornituri ta’ servizzi soġġetti għad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, l-Artikolu 3(3) jikkumplementa iżda ma jiħux post dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Istati Membri jippubblikaw ukoll l-informazzjoni rilevanti għall-pajjiż tagħhom fuq sit iddedikat tal-portal tal-ġustizzja elettronika sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-użu tar-rappreżentant legali minn awtoritajiet minn Stat Membru ieħor.

    (20)Il-ksur tal-obbligi li jinħatar rappreżentant legali u li tiġi nnotifikata u ssir pubblika l-informazzjoni relatata magħhom jeħtieġ li jkun soġġett għal sanzjonijiet effettivi, disważivi u proporzjonati. Jeħtieġ li s-sanzjonijiet, taħt l-ebda ċirkostanza, ma jiddeterminaw projbizzjoni, temporanja jew permanenti, tal-forniment tas-servizzi. L-Istati Membri jeħtieġ li jikkoordinaw l-azzjoni ta’ infurzar tagħhom fejn fornitur ta’ servizz joffri servizzi f’diversi Stati Membri. Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u proporzjonat, huwa pprovdut mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita koordinazzjoni bħal din jekk ikun neċessarju, iżda trid tiġi infurmata b’każijiet ta’ ksur. Id-Direttiva ma tirregolax l-arranġamenti kuntrattwali għat-trasferiment jew iċ-ċaqliq ta’ konsegwenzi finanzjarji bejn il-fornituri tas-servizzi u rappreżentanti legali ta’ sanzjonijiet imposti fuqhom.

    (21)Id-Direttiva hija bla ħsara għas-setgħat investigattivi ta’ awtoritajiet fi proċedimenti ċivili jew amministrattivi, inkluż fejn dawk il-proċedimenti jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet.

    (22)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-Direttiva b’mod konsistenti, jeħtieġ li jiġu implimentati mekkaniżmi addizzjonali għall-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jeħtieġ li jaħtru awtorità ċentrali li tista’ tipprovdi lil awtoritajiet ċentrali fi Stati Membri oħrajn b’informazzjoni u għajnuna fl-applikazzjoni tad-Direttiva, partikolarment fejn jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet ta’ infurzar skont id-Direttiva. Dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni jeħtieġ li jiżgura li l-Istati Membri rilevanti jkunu infurmati bl-intenzjoni ta’ Stat Membru li jieħu azzjoni ta’ infurzar. Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet ċentrali jkunu jistgħu jipprovdu lil xulxin bl-għajnuna f’dawk iċ-ċirkostanzi u jikkooperaw flimkien fejn ikun rilevanti. Il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ċentrali fil-każ ta’ azzjoni ta’ infurzar tista’ tfisser il-koordinazzjoni ta’ azzjoni ta’ infurzar bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri differenti. Għall-koordinazzjoni ta’ azzjoni ta’ infurzar, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jinvolvu wkoll lill-Kummissjoni, fejn dan ikun rilevanti. L-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tkun bla ħsara għad-dritt ta’ Stat Membru individwali li jimponi sanzjonijiet fuq il-fornituri tas-servizzi li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva. L-għażla u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-awtoritajiet ċentrali tiffaċilita n-notifika mill-fornituri tas-servizzi tad-dettalji tal-għażla u ta’ kuntatt tar-rappreżentant tagħhom lill-Istat Membru fejn ir-rappreżentant legali tagħhom jirresjedi jew ikun stabbilit tad-dettalji ta’ għażla u ta’ kuntatt.

    (23)Billi l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jitneħħew l-ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi fil-qafas tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba n-natura bla konfini ta’ servizzi bħal dawn, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

    (24)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 u ta opinjoni nhar (…) 22 ,

    (25)Il-Kummissjoni jeħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva li jeħtieġ li tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE u jeħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri oħra possibbli. L-evalwazzjoni jeħtieġ li ssir ħames (5) snin wara d-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni, sabiex tkun tista’ tinġabar biżżejjed data dwar l-implimentazzjoni prattika tagħha. L-informazzjoni jeħtieġ li tinġabar b’mod regolari u tinforma l-evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

    1.Din id-Direttiva tistipula r-regoli dwar ir-rappreżentanza legali fl-Unjoni ta’ ċerti fornituri ta’ servizzi sabiex jirċievu, jikkonformaw ma’ u jinforzaw dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fil-proċeduri kriminali.

    2.L-Istati Membri ma jistgħux jimponu obbligi addizzjonali ma' dawk li jirriżultaw minn din id-Direttiva fuq il-fornituri tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

    3.Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali sabiex jiġu indirizzati fornituri tas-servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom għal finijiet msemmijin fil-paragrafu 1.

    4.Din id-Direttiva għandha tapplika għall-fornituri tas-servizzi ddefiniti fl-Artikolu 2(2) li joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni. Din ma għandhiex tapplika fejn dawn il-fornituri tas-servizzi jkunu stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u joffru servizzi esklużivament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

    Artikolu 2
    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) “rappreżentant legali” tfisser persuna ġuridika jew fiżika, maħtura bil-miktub minn fornitur tas-servizzi għall-finijiet tal-Artikoli 1(1), 3(1), 3(2) u 3(3);

    (2) “fornitur ta' servizzi” tfisser kull persuna ġuridika jew fiżika li tipprovdi kategorija waħda jew aktar minn dawn is-servizzi:

    (a)servizz ta’ komunikazzjoni elettronika kif iddefinit fl-Artikolu 2(4) ta’ [id-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi];

    (b)servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif iddefinit fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 li għalihom il-ħżin tad-data huwa komponent li jiddefinixxi s-servizz provdut lill-utent, inklużi netwerks soċjali, swieq elettroniċi onlajn li jiffaċilitaw tranżazzjonijiet bejn l-utenti tagħhom u fornituri ta’ servizzi ta’ hosting;

    (c)servizzi ta’ ismijiet tad-dominju tal-internet u servizzi ta’ numerazzjoni tal-IP, bħal fornituri ta’ indirizzi IP, reġistri tal-ismijiet tad-dominju, reġistrars tal-ismijiet tad-dominju u servizzi ta’ privatezza u ta’ proxy relatati.

    (3)“l-offerta ta’ servizz fi Stat Membru” tfisser:

    (a)li jkun permess lil persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru sabiex jużaw is-servizzi msemmijin fil-punt (2); u

    (b)li jkun hemm konnessjoni sostanzjali mal-Istat Membru msemmi fil-punt (a);

    (4)“stabbiliment” tfisser it-twettiq proprju ta’ attività ekonomika għal perjodu indefinit permezz ta’ infrastruttura stabbli minn fejn in-negozju tal-forniment tas-servizzi jitwettaq jew infrastruttura stabbli minn fejn jiġi ġestit in-negozju;

    (5)“grupp” tfisser grupp kif definit fl-Artikolu 3(15) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 .

    Artikolu 3
    Rappreżentant legali

    1.Stati Membri fejn ikun stabbilit fornitur ta’ servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni għandhom jiżguraw li dan jaħtar tal-anqas rappreżentant legali wieħed fl-Unjoni biex jirċievi, jinforza u jikkonforma mad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali. Ir-rappreżentant legali għandu jkun jirresjedi jew ikun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur ta’ servizzi jkun stabbilit jew joffri s-servizzi.

    2.Fejn fornitur ta’ servizzi ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali fornitur ta’ servizzi li joffri servizzi fit-territorju tagħhom jagħżel tal-anqas rappreżentant legali wieħed fl-Unjoni biex jirċievi, jinforza u jikkonforma mad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali. Ir-rappreżentant legali għandu jkun jirresjedi jew ikun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur tas-servizzi jipprovdi s-servizzi.

    3.Fir-rigward tar-riċezzjoni, l-infurzar u l-konformità mad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-istrumenti legali tal-Unjoni adottati fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V, il-Kapitolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, l-Istati Membri li jipparteċipaw f’dawn l-istrumenti legali għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jaħtru tal-anqas rappreżentant wieħed fi Stat Membru wieħed. Ir-rappreżentant legali għandu jkun jirresjedi jew ikun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur tas-servizzi jipprovdi s-servizzi.

    4.Il-fornituri tas-servizzi għandhom ikunu liberi li jaħtru rappreżentanti legali addizzjonali, residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, inklużi dawk fejn il-fornituri tas-servizzi joffru s-servizzi tagħhom. Il-fornituri tas-servizzi li jkunu parti minn grupp għandhom jitħallew li, flimkien, jaħtru rappreżentant legali wieħed.

    5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali jiġu indirizzati lir-rappreżentanti legali maħturin mill-fornitur tas-servizzi għal dan il-għan. Dan ir-rappreżentant għandu jkun fdat biex jirċievi, jinforza u jikkonforma mad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet f’isem il-fornitur tas-servizzi kkonċernat.

    6.Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentant legali li jirresjedi jew li jkun stabbilit fit-territorju tagħhom jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti meta jirċievi dawn id-deċiżjonijiet u ordnijiet, skont il-qafas legali applikabbli.

    7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jagħtu lir-rappreżentanti legali tagħhom is-setgħat u r-riżorsi neċessarji sabiex dawn jikkonformaw ma’ dawn id-deċiżjonijiet u ordnijiet.

    8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti legali maħturin ikunu jistgħu jinżammu responsabbli għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-qafas legali applikabbli meta jirċievu deċiżjonijiet u ordnijiet, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà u l-azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur tas-servizzi. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ proċeduri interni xierqa bejn il-fornitur tas-servizzi u r-rappreżentanti legali ma jistax jintuża bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi.

    9.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu li jaħtru rappreżentant legali japplika mid-data tat-traspożizzjoni stipulata fl-Artikolu 7 għall-fornituri tas-servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni f’dik id-data, jew mill-mument li l-fornituri tas-servizzi jibdew joffru s-servizzi fl-Unjoni għal dawk il-fornituri tas-servizzi li jkunu ser jibdew joffru s-servizzi wara d-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva.

    Artikolu 4
    Notifiki u lingwi

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mal-ħatra tar-rappreżentant legali tagħhom f’konformità mal-Artikolu3(1), (2) u (3), kull fornitur ta’ servizzi li jkun stabbilit jew li joffri servizzi fit-territorju tagħhom jinnotfika bil-miktub lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn jirresjedi r-rappreżentant legali tiegħu jew ikun stabbilit bil-ħatra u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant legali tiegħu, kif ukoll kwalunkwe tibdil fihom.

    2.In-notifika għandha tispeċifika l-lingwa/i uffiċjali tal-Unjoni, kif inhu stipulat fir-Regolament 1/58, li fiha/fihom ir-rappreżentant legali jista’ jiġi indirizzat. Din għandha tinkludi, tal-anqas, waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jirresjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali.

    3.Fejn fornitur tas-servizzi jaħtar diversi rappreżentanti, in-notifika għandha tispeċifika l-lingwa/i uffiċjali tal-Unjoni jew tal-Istat Membru kopert minn kull waħda minnhom jew kull kunsiderazzjoni oħra sabiex jiġi ddeterminat ir-rappreżentant legali adegwat li għandu jiġi indirizzat. F’każijiet debitament iġġustifikati, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jitbiegħdu minn dawk il-konsiderazzjonijiet.

    4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur tas-servizzi jagħmel l-informazzjoni nnotifikata lilhom f’konformità ma’ dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni fuq paġna ddedikata tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

    Artikolu 5
    Sanzjonijiet

    1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważiv.

    2.L-Istati Membri għandhom, sad-data stipulata fl-Artikolu 7, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn ir-regoli u dwar dawn il-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li tolqothom. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-fornituri tas-servizzi li ma jkunux konformi u l-azzjoni ta’ infurzar rilevanti li tkun ittieħdet kontrihom.

    Artikolu 6
    Il-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità ċentrali jew, fejn is-sistema legali tagħhom tistipula dan, aktar minn awtorità ċentrali waħda, sabiex jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ssir b’mod konsistenti u proporzjonat.

    2.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità ċentrali, jew l-awtoritajiet ċentrali maħtura tagħhom, imsemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lista ta’ awtoritajiet ċentrali maħturin lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ser tagħmel disponibbli għall-pubbliku wkoll lista ta’ awtoritajiet ċentrali maħturin sabiex tiffaċilita n-notifiki minn fornitur tas-servizzi tal-Istati Membri fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirresjedi jew ikun stabbilit.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ċentrali jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni rilevanti u b'għajnuna reċiproka rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’mod konsistenti u proporzjonat. L-għoti tal-informazzjoni u tal-għajnuna reċiproka għandu jkopri, b’mod partikolari, l-azzjonijiet ta’ infurzar.

    4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ċentrali jikkooperaw flimkien u, fejn ikun rilevanti, mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ssir b’mod konsistenti u proporzjonat. Il-Koperazzjoni għandha tkopri, b'mod partikolari, azzjonijiet ta’ infurzar.

    Artikolu 7
    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa sitt (6) xhur mid-dħul fis-seħħ. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

    2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 8
    Evalwazzjoni

    Sa mhux aktar tard minn [ħames (5) snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li għandha tinkludi valutazzjoni tal-bżonn li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jitwessa’. Fejn xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex tiġi emendata din id-Direttiva. Il-valutazzjoni għandha ssir skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-Rapport.

    Artikolu 9
    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10
    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)     Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).
    (2)    It-terminu “kompetenza eżekuttiva” jirreferi għall-kompetenza tal-awtoritajiet rilevanti li jieħdu miżura investigatorja.
    (3)     http://www.bmjv.de/DE/Themen/FokusThemen/NetzDG/NetzDG_node.html .
    (4)    L-Att japplika “għal fornituri ta’ servizzi tat-telemedia li, għall-finijiet ta’ qliegħ, joperaw pjattaformi tal-internet li huma maħsubin sabiex jippermettu li l-utenti jaqsmu kwalunkwe kontenut ma’ utenti oħrajn jew jagħmlu t-tali kontenut disponibbli għall-pubbliku (netwerks soċjali)(...) L-istess ħaġa tapplika għal pjattaformi li huma maħsubin sabiex jippermettu komunikazzjoni individwali jew it-tixrid ta’ kontenut speċifiku.”
    (5)     http://www.publicpolicy.it/wp-content/uploads/2016/03/Relazione-Franco-Roberti-Dna.pdf .
    (6)    Il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, sentenza tal-15 ta’ Novembru 2017, http://www.lesoir.be/124825/article/2017-11-17/la-justice-belge-condamne-skype-payer-une-amende-de-30000-euros.
    (7)     Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell tat-22 ta’ Marzu 2016 .
    (8)     Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju , ST9579/16 .
    (9)     Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)
    (10)     Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
    (11)

        Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (ir-Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika), COM (2017) 10 final.

    (12)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposta għal Regolament dwar l-Ordnijiet Ewropej ta’ Produzzjoni u ta' Preservazzjoni għall-evidenza elettronika f’materji kriminali u l-Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, SWD(2018) 118.
    (13)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposta għal Regolament dwar l-Ordnijiet Ewropej ta’ Produzzjoni u ta' Preservazzjoni għall-evidenza elettronika f’materji kriminali u l-Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, SWD(2018) 118.
    (14)    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni Ewropea – Proposta għal Regolament dwar l-Ordnijiet Ewropej ta’ Produzzjoni u ta' Preservazzjoni għall-evidenza elettronika f’materji kriminali u l-Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, SEC(2018) 199.
    (15)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1-14.
    (16)    ĠU C , , p. .
    (17)     Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31); Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1);  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
    (18)     Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)
    (19)     Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-konsumaturi fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 601, 2.3.2018, p. 1).
    (20)     Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).
    (21)     Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.).
    (22)    ĠU C , , p. .
    (23)     Id-Direttiva 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
    (24)     Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
    Top