EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0207

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet (Linja Baġitarja 04 03 01 03 - Sigurtà Soċjali)

COM/2018/207 final - 2018/0102 (NLE)

Brussell, 19.4.2018

COM(2018) 207 final

2018/0102(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31
tal-Ftehim ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

(Linja Baġitarja 04 03 01 03 - Sigurtà Soċjali)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà legali meħtieġa u l-omoġeneità tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-UE fil-Ftehim ŻEE malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħha u għandu jippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-azzjonijiet jew il-programmi tal-UE li huma relevanti għaż-ŻEE.

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet sabiex jippermetti lill-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) jkomplu l-kooperazzjoni fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi (il-Linja Baġitarja 04 03 01 03), imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness huwa konsistenti għalkollox mal-għan tal-Ftehim ŻEE li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenea.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt hija wkoll konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-għan li tiġi protetta l-omoġeneità tas-suq intern tal-UE.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 1 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.

Is-SEAE f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni jissottometti l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.

L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.

L-għażla tal-istrument

F'konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

L-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għal-Linja Baġitarja 04 03 01 03 “Moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi”. L-ammont eżatt jiġi determinat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, ladarba dan l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Madankollu, skont il-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati taż-ŻEE-EFTA qed tasal kull sena sal-31 ta’ Awwissu, wara s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet u ppreżentata lill-Istati taż-ŻEE-EFTA sal-15 ta’ Awwissu.

Għalhekk, sabiex jimla l-vojt fiż-żmien bejn Jannar u Awwissu, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se jkun applikabbli b’mod retroattiv minn Jannar. B’dan il-mod, il-kontinwità ta’ kooperazzjoni, kif previst fil-Ftehim ŻEE, hija żgurata matul is-sena kalendarja kollha.

Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

2018/0102 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31

tal-Ftehim ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet


(Linja Baġitarja 04 03 01 03 - Sigurtà Soċjali)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 46 u 48, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.

(3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet.

(4)Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi.

(5)Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tkompli wara l-31 ta' Diċembru 2017.

(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8.
(2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(3)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
Top

Brussell,19.4.2018

COM(2018) 207 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

(Linja Baġitarja 04 03 01 03 - Sigurtà Soċjali)


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru

ta'

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE
dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi.

(2)Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2018,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-paragrafi 5 u 13 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, il-kliem “u 2017” jiġi sostitwit bil-kliem “, 2017 u 2018”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.*

1Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President
   
   
   
   Is-Segretarji
   tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

(1) *[Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
Top