IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,14.2.2018
COM(2018) 71 final
ANNESS
ta' [...]
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020
ANNESS
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”
u
IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Iżvizzera",
Minn hawn 'il quddiem imsejħin "il-Partijiet"
WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen ("il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera"),
BILLI:
(1)L-Unjoni stabbiliet l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna permezz tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera.
(3)Billi r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu impatt dirett fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, u b’hekk jaffettwa l-qafas legali ta’ dan tal-aħħar, u billi l-proċeduri stipulati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera ġew applikati għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, ħaġa li ġiet innotifikata lill-Iżvizzera, il-Partijiet jirrikonoxxu li r-Regolament (UE) Nru 514/2014 jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera sakemm ikun meħtieġ biex isseħħ l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.
(4)L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen – fosthom l-Iżvizzera – jipparteċipaw fl-istrument skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li jenħtieġ li jiġu konklużi arranġamenti li jispeċifikaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi u r-regoli supplimentari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tas-setgħa ta' awditu tal-Qorti tal-Awdituri.
(5)L-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna (“il-FSI – Fruntieri u Viża”) jikkostitwixxi strument speċifiku fil-kuntest tal-acquis ta' Schengen imfassal biex jipprevedi l-qsim tal-piżijiet u l-appoġġ finanzjarju fil-qasam tal-fruntieri esterni u tal-politika dwar il-viża fl-Istati Membri u fl-Istati assoċjati.
(6)L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi regoli dwar il-ġestjoni indiretta li huma applikabbli meta l-pajjiżi terzi, inklużi l-Istati assoċjati, ikunu fdati b’kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit.
(7)
L-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 jipprevedi l-eliġibbiltà tan-nefqa li saret fl-2014 minn Awtorità Responsabbli li għadha ma ġietx nominata formalment, biex b'hekk tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel bejn il-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond għas-Sigurtà Interna. Bl-istess mod huwa importanti li l-istess ħsieb ikun rifless f’dan il-Ftehim. Billi dan il-ftehim ma daħalx fis-seħħ qabel tmiem l-2014, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-eliġibbiltà tan-nefqa li tkun saret qabel u sakemm tiġi nnominata formalment l-Awtorità Responsabbli, dment li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll applikati qabel ikunu essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ wara n-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli.
(8)Sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkolu u l-użu tal-kontribuzzjonijiet annwali dovuti mill-Iżvizzera għall-FSI – Fruntieri u Viża, il-kontribuzzjonijiet tagħha għall-perjodu 2014-2020 se jitħallsu f'ħames pagamenti akkont annwali mill-2016 sal-2020. Mill-2016 sal-2018, il-kontribuzzjonijiet annwali huma stabbiliti f'ammonti fissi filwaqt li l-kontribuzzjoni dovuta għas-snin 2019 u 2020 se tiġi determinata fl-2019 abbażi tal-prodott domestiku gross tal-Istati kollha li jipparteċipaw fil-FSI – Fruntieri u Viża filwaqt li jkunu ikkunsidrati l-pagamenti li effettivament ikunu saru,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta' Applikazzjoni
Dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli supplimentari meħtieġa għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-FSI – Fruntieri u Viża skont ir-Regolament (UE) Nru 515/2014.
Artikolu 2
Ġestjoni u kontroll finanzjarji
1.
L-Iżvizzera għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti għall-ġestjoni u l-kontroll finanzjarji li huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u fid-dritt tal-Unjoni bbażat fuq it-TFUE.
Id-dispożizzjonijiet tat-TFUE u tad-dritt sekondarju msemmija fl-ewwel subparagrafu huma dawn li ġejjin:
(a)l-Artikolu 287(1), (2) u (3) TFUE;
(b)l-Artikoli 30, 32 u 57, l-Artikolu 58(1)(c)(i), l-Artikolu 60 u l-Artikoli 79(2) u 108(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;
(c)l-Artikoli 32, 38, 42, 84, 88, 142 u 144 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012;
(d)Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96;
(e)ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jemendaw din il-lista bi ftehim reċiproku.
2.
L-Iżvizzera għandha tapplika d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fit-territorju tagħha f'konformità ma' dan il-Ftehim.
Artikolu 3
Rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba
Il-Fondi allokati għall-Iżvizzera taħt il-FSI – Fruntieri u Viża għandhom jintużaw skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.
Artikolu 4
Rispett tal-prinċipju dwar il-kunflitt ta' interess
L-atturi finanzjarji kollha u kull persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit, inklużi l-atti preparatorji relattivi, l-awditu jew il-kontroll fit-territorju tal-Iżvizzera għandhom jiġu pprojbiti milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'kunflitt ma' dawk tal-Unjoni.
Artikolu 5
Eżekuzzjoni
Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni li jimponu obbligu finanzjarju fuq persuni ħlief l-Istati, għandhom ikunu eżegwibbli fit-territorju tal-Iżvizzera.
L-eżekuzzjoni għandha tkun irregolata mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Iżvizzera. It-titolu għall-eżekuzzjoni għandu jiġi mehmuż mad-deċiżjoni, mingħajr formalitajiet oħra għajr il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità nazzjonali li l-gvern tal-Iżvizzera għandu jaħtar għal dan il-għan u jgħarraf lill-Kummissjoni biha.
Meta jitlestew dawn il-formalitajiet, b'talba mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tkun tista' tipproċedi bl-eżekuzzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti.
L-eżekuzzjoni tista' tiġi sospiża biss b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Iżvizzera għandu jkollhom ġuriżdizzjoni rigward denunzji li l-eżekuzzjoni tkun qed issir b'mod irregolari.
Artikolu 6
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi
1.L-Iżvizzera għandha
(a)tiġġieled il-frodi u kull attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta' miżuri li għandhom jaġixxu ta' deterrent u li jkunu tali li jippermettu protezzjoni effettiva fl-Iżvizzera;
(b)tieħu l-istess miżuri biex tiġġieled il-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma tieħu biex tiġġieled il-frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tagħha stess; u
(c)tikkoordina l-azzjoni tagħha li għandha l-għan li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni.
2.L-Iżvizzera għandha tadotta miżuri ekwivalenti għal dawk adottati mill-Unjoni skont l-Artikolu 325(4) TFUE li jkunu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.
Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu bi ftehim reċiproku li jadottaw miżuri ekwivalenti għal kwalunkwe miżura sussegwenti adottata mill-Unjoni skont dan l-Artikolu.
Artikolu 7
Verifiki u spezzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni (OLAF)
Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 5(8) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, il-Kummissjoni (l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, OLAF) għandha tkun awtorizzata twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tal-Iżvizzera fir-rigward tal-FSI – Fruntieri u Viża f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.
L-awtoritajiet tal-Iżvizzera għandhom jiffaċilitaw il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post li jistgħu, jekk l-awtoritajiet jixtiequ dan, jitwettqu b'mod konġunt magħhom.
Artikolu 8
Il-Qorti tal-Awdituri
F'konformità mal-Artikolu 287(3) TFUE u mal-Ewwel Parti, it-Titolu X, il-Kapitolu 1 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha l-possibbiltà li twettaq awditi fil-post fil-bini ta' kull korp li jamministra dħul jew nefqa f'isem l-Unjoni fit-territorju tal-Iżvizzera fir-rigward tal-FSI – Fruntieri u Viża inkluż fil-bini ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit.
Fl-Iżvizzera, l-awditjar mill-Qorti tal-Awdituri għandu jitwettaq f'kooperazzjoni mal-korpi nazzjonali tal-awditjar jew, jekk dawn ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti. Il-Qorti tal-Awdituri u l-korpi nazzjonali tal-awditjar tal-Iżvizzera għandhom jikkooperaw fi spirtu ta' fiduċja reċiproka filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom. Dawn il-korpi jew dipartimenti għandhom jinfurmaw lill-Qorti tal-Awdituri jekk ikollhomx l-intenzjoni li jieħdu sehem fl-awditu.
Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha mill-anqas l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u l-Artikolu 7 ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 9
Akkwist pubbliku
L-Iżvizzera għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha dwar l-akkwist pubbliku b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 4 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi) u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ċerti aspetti ta’ akkwisti tal-gvern.
L-Iżvizzera għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku lill-Kummissjoni.
Barra minn hekk, hija għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku applikati f'kull rapport ta’ implimentazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 10
Kontribuzzjonijiet finanzjarji
1.Għas-snin mill-2016 sal-2018, l-Iżvizzera għandha tagħmel pagamenti annwali lill-baġit tal-FSI – Fruntieri u Viża skont it-tabella li ġejja:
(L-ammonti kollha f'EUR)
|
2016
|
2017
|
2018
|
L-Iżvizzera
|
25 106 140
|
25 106 140
|
25 106 140
|
2.Il-kontribuzzjonijiet tal-Iżvizzera għas-snin 2019 u 2020 għandhom jiġu kkalkulati skont il-Prodott Domestiku Gross (PDG) rispettiv tagħha bħala perċentwal tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fil-FSI – Fruntieri u Viża f'konformità mal-formula deskritta fl-Anness.
3.Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmijin f'dan l-Artikolu għandhom ikunu dovuti mill-Iżvizzera irrispettivament mid-data ta' adozzjoni tal-programm nazzjonali tagħha msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 11
Użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji
1.It-total tal-pagamenti annwali tal-2016 u l-2017 għandu jiġi assenjat kif ġej:
(a)75 % għar-rieżami ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;
(b)15 % għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, bil-kundizzjoni tal-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni sat-30 ta' Ġunju 2017;
(c)10 % għall-azzjonijiet tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u għall-assistenza ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.
Meta l-ammont imsemmi fil-punt (b) ma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, tallokah mill-ġdid għall-azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.
Jekk dan il-Ftehim ma jidħolx fis-seħħ jew ma jiġix applikat fuq bażi proviżorja sal-1 ta’ Ġunju 2017, il-kontribuzzjoni kollha tal-Iżvizzera għandha tintuża skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2.It-total tal-pagamenti annwali tal-2018, tal-2019 u tal-2020 għandu jiġi assenjat kif ġej:
(a)40 % għal azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;
(b)50 % għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, soġġett għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni sal-31 ta' Diċembru 2018;
(c)10 % għall-azzjonijiet tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u għall-assistenza ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.
Meta l-ammont imsemmi fil-punt (b) ma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, tallokah mill-ġdid għall-azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.
3.L-ammonti addizzjonali assenjati għar-rieżami ta' nofs it-terminu, għall-azzjonijiet tal-Unjoni, għall-azzjonijiet speċifiċi jew għall-programm dwar l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT għandhom jintużaw f'konformità mal-proċedura rilevanti stipulata f'waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014;
(b)l-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;
(c)l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;
(d)it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 515/2014.
4.
Ta' kull sena, il-Kummissjoni tista' tuża sa EUR 181 424 mill-pagamenti li jsiru mill-Iżvizzera għall-finanzjament tan-nefqa amministrattiva relatata mal-persunal jew mal-persunal estern meħtieġ għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u ta' dan il-Ftehim mill-Iżvizzera.
Artikolu 12
Kunfidenzjalità
L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma bis-saħħa ta' dan il-Ftethim għandha tkun koperta mis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod bħalma informazzjoni simili tkun protetta bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u bil-liġijiet tal-Iżvizzera. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief dawk fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-Istati Membri jew fl-Iżvizzera li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafuha, u lanqas ma tista' tintuża għal skopijiet oħra ħlief dawk li jservu biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.
Artikolu 13
Nomina ta' Awtorità Responsabbli
1.
L-Iżvizzera għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bin-nomina formali f'livell ministerjali tal-Awtorità Responsabbli inkarigata mill-ġestjoni u l-kontroll tan-nefqa taħt il-FSI – Fruntieri u Viża, malajr kemm jista' jkun wara l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali.
2.
In-nomina msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-konformità tal-korp mal-kriterji ta' nomina dwar l-ambjent intern, l-attivitajiet ta' kontroll, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-monitoraġġ stipulati fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jew fuq il-bażi tiegħu.
3.
In-nomina ta’ Awtorità Responsabbli għandha tkun ibbażata fuq opinjoni ta’ korp tal-awditjar, li jista’ jkun l-Awtorità tal-Awditjar, li jivvaluta l-konformità tal-Awtorità Responsabbli mal-kriterji ta’ nomina. Dak il-korp jista' jkun l-istituzzjoni pubblika awtonoma responsabbli mill-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-awditjar tal-amministrazzjoni. Il-korp tal-awditjar għandu jiffunzjona indipendentement mill-Awtorità Responsabbli u għandu jwettaq il-ħidma tiegħu f'konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. L-Iżvizzera tista' tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar in-nomina fuq jekk is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll humiex essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ għall-perjodu preċedenti u jekk ħadmux b'mod effikaċi. Jekk ir-riżultati tal-awditu u tal-kontroll eżistenti juru li l-korp nominat ma għadux jikkonforma mal-kriterji tan-nomina, l-Iżvizzera għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li jinstab rimedju għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-kompiti ta' dan il-korp, inkluż billi tintemm in-nomina.
Artikolu 14
Definizzjoni tas-sena finanzjarja
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, is-sena finanzjarja msemmija fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għandha tkopri n-nefqa mħallsa u d-dħul irċevut li jiddaħħlu fil-kontijiet tal-Awtorità Responsabbli fil-perjodu li jibda mis-16 ta’ Ottubru tas-sena "N-1" u jintemm fil-15 ta’ Ottubru tas-sena "N".
Artikolu 15
Eliġibbiltà tan-nefqa
B'deroga mill-Artikolu 17(3)(b) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, in-nefqa għandha tkun eliġibbli meta din tkun tħallset mill-Awtorità Responsabbli qabel in-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan il-Ftehim, dment li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll applikati preċedentement ikunu essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ wara n-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli.
Artikolu 16
Talba għal pagament tal-bilanċ annwali
1.
Sal-15 ta' Frar tas-sena li ssegwi s-sena finanzjarja, l-Iżvizzera għandha tippreżenta lill-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni mitluba fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
B'deroga mill-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-Iżvizzera għandha tippreżenta lill-Kummissjoni l-opinjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 sal-15 ta' Marzu tas-sena li ssegwi s-sena finanzjarja.
Id-dokumenti ppreżentati msemmijin f'dan il-paragrafu għandhom iservu ta' talba għall-ħlas tal-bilanċ annwali.
2.
Id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jitfasslu skont il-mudelli adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 17
Rapport ta’ implimentazzjoni
B’deroga mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-Iżvizzera għandha tippreżenta lill-Kummissjoni, sa u inkluża s-sena 2022, rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali fis-sena finanzjarja ta' qabel sal-15 ta' Frar ta' kull sena, u tista’ fil-livell xieraq tippubblika din l-informazzjoni.
L-ewwel rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għandu jiġi ppreżentat fil-15 ta' Frar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim jew il-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.
L-ewwel rapport għandu jkopri s-snin finanzjarji mill-2014 ’il quddiem, sas-sena finanzjarja ta' qabel ma għandu jiddaħħal l-ewwel rapport annwali, f’konformità mat-tieni subparagrafu.
L-Iżvizzera għandha tippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2023.
Artikolu 18
Sistema ta' skambju elettroniku ta' dejta
F'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, kull skambju tal-informazzjoni uffiċjali bejn l-Iżvizzera u l-Kummissjoni għandu jitwettaq permezz ta' sistema ta' skambju elettroniku ta' dejta prevista mill-Kummissjoni għal dan l-għan.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
1.Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni għandu jkun id-depożitarju ta' dan il-Ftehim.
2.Il-Partijiet għandhom japprovaw dan il-Ftehim skont il-proċeduri tagħhom stess. Huma għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija ta' dawn il-proċeduri.
3.Dan l-Arranġament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-jum tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 2.
4.Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5, il-Partijiet għandhom japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament mill-jum ta' wara l-firma tiegħu, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali.
Artikolu 20
Validità u terminazzjoni
1.Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Iżvizzera jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-Parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom. Il-Ftehim għandu jieqaf japplika tliet xhur wara d-data ta' dik in-notifika. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-mument tat-terminazzjoni għandhom jissoktaw skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom isolvu bi qbil reċiproku kull konsegwenza oħra tat-terminazzjoni.
2.Dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat meta l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera jiġi tterminat skont l-Artikolu 7(4), l-Artikolu 10(3) jew l-Artikolu 17 tal-Protokoll ta' Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera.
Artikolu 21
Lingwi
Dan il-Ftehim għandu jinkiteb f'oriġinal uniku bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, b'kull test ugwalment awtentiku.
ANNESS
Il-formula biex jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-snin 2019 u 2020 kif ukoll id-dettalji tal-ħlas
(1)Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Iżvizzera għall-FSI – Fruntieri u Viża msemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 515/2014 għas-snin 2019 u 2020 tiġi kkalkulata kif ġej:
Għal kull sena mill-2013 sal-2017, iċ-ċifri finali tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Iżvizzera disponibbli fil-31 ta' Marzu 2019 għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fil-FSI – Fruntieri u Viża għas-sena rispettiva. Il-medja tal-ħames perċentwali miksuba għas-snin mill-2013 sal-2017 għandha tiġi applikata għas-somma tal-approprjazzjonijiet annwali effettivi tal-FSI – Fruntieri u Viża għas-snin mill-2014 sal-2019 u tal-approprjazzjoni ta' impenn annwali tal-FSI – Fruntieri u Viża għas-sena 2020 kif inkluż fl-abbozz tal-baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 adottat mill-Kummissjoni biex jinkiseb l-ammont totali li għandu jitħallas mill-Iżvizzera matul il-perjodu kollu ta' implimentazzjoni tal-FSI – Fruntieri u Viża. Minn dan l-ammont għandhom jitnaqqsu l-ħlasijiet annwali li saru effettivament mill-Iżvizzera f’konformità mal-Artikolu 10(1) ta’ dan il-Ftehim sabiex jinkiseb l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tagħha għas-snin 2019 u 2020. Nofs dan l-ammont għandu jitħallas fl-2019 u n-nofs l-ieħor fl-2020.
(2)Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f’euro.
(3)L-Iżvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tagħha mhux aktar tard minn 45 jum wara li tirċievi n-nota ta' debitu. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni għandu jwassal għal ħlas ta’ mgħax ta’ inadempjenza fuq l-ammont pendenti mid-data li fih ikun dovut. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikat fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tinzerta l-iskadenza, miżjuda bi 3,5 punti perċentwali.