Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR6422

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġiji makroreġjonali, bħar-Reġjun tad-Danubju: qafas għall-promozzjoni tar-raggruppamenti transnazzjonali

COR 2018/06422

ĠU C 404, 29.11.2019, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 404/1


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġiji makroreġjonali, bħar-Reġjun tad-Danubju: qafas għall-promozzjoni tar-raggruppamenti transnazzjonali

(2019/C 404/01)

Relatur

:

Dainis Turlais (LV/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Riga

Dokument ta’ referenza

:

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali tal-UE

COM(2019) 21 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

Jilqa’ t-talba tal-Presidenza Rumena lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għal opinjoni dwar il-kompetittività u l-politika industrijali tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li jiġu żviluppati raggruppamenti transnazzjonali għal konverġenza ekonomika aħjar fil-livell makroreġjonali (bħal pereżempju r-Reġjun tad-Danubju);

2.

Jilqa’ t-tieni rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE, li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-erba’ strateġiji makroreġjonali (1) għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u jeżamina l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn l-istrateġiji fid-dawl tal-possibbiltà ta’ qafas baġitarju tal-UE wara l-2020. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2) li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jinkludi valutazzjonijiet dettaljati ta’ kull strateġija makroreġjonali;

3.

Jilqa’ l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jidentifika kisbiet konkreti fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima kif ukoll ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-konnettività. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ġustament tirreferi għall-problemi li jiffaċċjaw dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali: livelli differenti ta’ kapaċità amministrattiva u ta’ żvilupp ekonomiku, u problemi fil-qasam tal-governanza f’diversi livelli u l-aċċess għall-kapital;

4.

Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Mejju 2019 dwar l-implimentazzjoni ta’ Strateġiji Makroreġjonali tal-UE (3), li jappellaw lill-pajjiżi parteċipanti biex isaħħu s-sjieda u l-appoġġ politiku fil-livell nazzjonali filwaqt li jitrawwem l-involviment tal-partijiet interessati lokali u reġjonali, kif ukoll jenfasizza l-importanza li jkomplu jintużaw strateġiji makroreġjonali bħala qafas strateġiku li jippromovi l-implimentazzjoni aktar koerenti u sinerġetika tal-politiki, il-programmi u l-fondi tal-UE;

5.

Jenfasizza li l-governanza f’diversi livelli mhijiex biss essenzjali f’termini ta’ koordinazzjoni fil-livell makroreġjonali u nazzjonali. L-involviment dirett tar-rappreżentanti tal-bliet u r-reġjuni huwa ferm aktar importanti;

6.

Ifakkar li l-istrateġiji makroreġjonali għandhom l-għeruq tagħhom f’viżjoni Ewropea ġenwina u profonda (4) u jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rapport li l-istrateġiji makroreġjonali joffru potenzjal kbir u jrawmu l-kooperazzjoni, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha, b’mod uniku u innovattiv. Il-Kumitat itenni li l-UE teħtieġ viżjoni transkonfinali għall-iżvilupp territorjali (5);

7.

Ifakkar li l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona għadu ma ntlaħaqx. It-tkabbir ekonomiku u l-prosperità li jġib miegħu għaċ-ċittadini ser jagħtu saħħa reali lill-UE. Billi jisfruttaw il-potenzjal tal-livelli kollha tal-gvern fl-UE biex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku, l-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, jallinjaw l-istandards tal-għajxien ta’ dawk li jgħixu f’żoni ġirien u b’hekk jikkontribwixxu wkoll b’suċċess għall-objettiv ta’ koeżjoni stabbilit fit-Trattat tal-UE. It-titjib tal-benesseri taċ-ċittadini għandu jkun fil-qalba ta’ kull dokument ta’ strateġija;

8.

Ifakkar li l-istrateġiji makroreġjonali żviluppaw f’għodda sinifikanti ta’ koordinazzjoni territorjali minn isfel għal fuq li permezz tagħha jista’ jinkiseb “użu aktar effettiv tal-potenzjali komuni tal-makroreġjuni” (6). Huma joffru opportunitajiet għal governanza ġenwina f’diversi livelli mingħajr burokrazija ġdida u fl-istess ħin inaqqsu d-distakk bejn il-politiki Ewropej u dawk lokali permezz tal-involviment dirett ta’ rappreżentanti tal-bliet u r-reġjuni;

9.

Jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tar-raggruppamenti u jappella għal rabta aktar mill-qrib bejn il-politika tar-raggruppamenti u l-istrateġiji makroreġjonali. Din tista’ tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-kisba tal-objettivi ta’ koeżjoni, peress li l-għan ewlieni tal-politika msemmija huwa t-tisħiħ tal-vantaġġi tal-kompetittività reġjonali. Ir-raggruppamenti diġà taw kontribut reali u pożittiv ħafna għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali. Pereżempju, il-proġett “DanuBioValNet” (7) fir-Reġjun tad-Danubju ser joħloq ktajjen ġodda ta’ valur għall-prodotti bijoloġiċi. L-istrateġiji makroreġjonali jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ raggruppamenti iżda ma jillimitawx ruħhom għaż-żona ġeografika ta’ strateġija makroreġjonali;

10.

Jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar “L-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali” (8), li tappoġġja l-prinċipju ta’ “Tliet Iva” biex jittejjeb il-funzjonament tal-istrateġiji makroreġjonali: “Il-KtR jgħid iva għal sinerġiji aħjar bi strumenti ta’ finanzjament, iva għal integrazzjoni aħjar tal-istrutturi eżistenti fl-istrateġiji makroreġjonali u iva għal implimentazzjoni aħjar tar-regoli eżistenti.” Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma qisitx din il-proposta;

11.

Jaqbel bis-sħiħ mal-fehma tal-Presidenza Taljana tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi li l-integrazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE fil-qafas legali tal-Politika ta’ Koeżjoni għas-snin 2021-2027 tkun ta’ vantaġġ għal kulħadd, peress li ssaħħaħ dawn l-istrateġiji u tgħin fit-titjib tal-koeżjoni territorjali tal-Unjoni;

12.

Huwa miftuħ għal inizjattiva għal strateġija makroreġjonali ġdida żviluppata u appoġġjata minn diversi Stati Membri u reġjuni b’mod konġunt biex tindirizza sfidi komuni f’żona ġeografika definita. Meta jiġi vvalutat it-tfassil ta’ strateġija makroreġjonali ġdida, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-funzjonament tal-istrateġiji makroreġjonali eżistenti m’għandux isir aktar diffiċli;

13.

Jappoġġja l-inizjattiva biex tinħoloq Strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Karpazji, li tifforma qafas permanenti għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-komunitajiet tal-Karpazji. Il-ħolqien ta’ dokument strateġiku għar-reġjun tal-Karpazji, minn naħa, se jiffoka fuq il-problemi li jiffaċċja l-makroreġjun u, min-naħa l-oħra, se joħloq opportunitajiet għall-potenzjal kulturali u ambjentali speċifiku tal-istati tal-Karpazji. L-involviment ta’ ħafna atturi li jirrappreżentaw kemm il-livell lokali u reġjonali kif ukoll il-livell nazzjonali u Ewropew għandu jiġi enfasizzat hawnhekk fil-proċess tal-istabbiliment ta’ din l-istrateġija, li fost l-oħrajn hija riflessa fl-attivitajiet tal-Grupp Interreġjonali tal-Karpazji fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni;

14.

Jappoġġja d-diskussjoni tar-reġjuni u l-istati tal-Atlantiku, li attwalment jipparteċipaw fl-istrateġija tal-baċiri tal-baħar tal-Atlantiku, bil-għan li tinħoloq strateġija makroreġjonali bbażata fuq il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba tal-Atlantiku li ilha teżisti għal għexieren ta’ snin. Strateġija makroreġjonali għaż-Żona tal-Atlantiku tikkomplementa l-istrateġija marittima attwali, billi tagħtiha dimensjoni politika u governanza f’diversi livelli li tista’ tinkludi stati u reġjuni terzi, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal kwistjonijiet territorjali u tippromovi koerenza akbar bejn il-prijoritajiet tematiċi u l-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti. Il-fokus tal-istrateġija makroreġjonali jkun il-qasam marittimu bħal, pereżempju, l-enerġiji tal-oċean, li ġew identifikati bħala prijorità għall-partijiet interessati tal-Atlantiku, kif ukoll oqsma rilevanti bħall-impjieg jew it-taħriġ;

Finanzjament u governanza

15.

Jenfasizza li l-istrateġiji makroreġjonali u l-programmi ta’ politika settorjali tal-UE, bħall-Orizzont 2020, Erasmus+, Ewropa Kreattiva, il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), LIFE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-fondi tal-UE għal investimenti strateġiċi, għandhom jiġu integrati aktar sabiex jinħolqu sinerġiji għar-riżoluzzjoni konġunta tal-problemi urġenti;

16.

Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura sinerġiji aħjar mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali permezz tal-proposta leġislattiva tagħha dwar il-kooperazzjoni territorjali Ewropea (9); jinnota, madankollu, li dawn l-aġġustamenti jkopru biss proporzjon żgħir ħafna tal-finanzjament tal-UE;

17.

Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-prijoritajiet tal-istrateġiji makroreġjonali jiġu allinjati aħjar mal-fondi tal-UE permezz tal-koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ippjanar mal-implimentaturi ewlenin tal-istrateġiji makroreġjonali qabel il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija. Il-pajjiżi u r-reġjuni involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali jridu jaqblu fuq il-prijoritajiet ta’ dawn l-istrateġiji permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq u b’mod konġunt;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mhux biss fi ħdan u bejn l-Istati Membri, iżda wkoll fit-tielet livell, dak Ewropew. L-istrateġiji makroreġjonali jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika u qed jiġu żviluppati b’mod separat mill-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni territorjali (KTE). Għaldaqstant, l-istrateġiji politiki li jikkonċernaw il-finanzjament fil-livell makroreġjonali mhumiex marbutin ma’ xulxin. Sabiex jiġi żgurat approċċ ġenwin f’diversi livelli, l-istrateġiji makroreġjonali għandhom jiġu implimentati wkoll taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kummissjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħidma ta’diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni tkun integrata f’kull strateġija makroreġjonali;

19.

Iqis li n-netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali, li ilu jmexxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku sa mill-2016, huwa eżempju tajjeb ta’ koordinazzjoni minn isfel għal fuq li tista’ tiġi promossa f’oqsma ta’ politika settorjali oħra u f’żoni ġeografiċi oħra;

20.

Jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni Ewropea li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġiji makroreġjonali tiddependi mill-impenn tal-Istati Membri u r-reġjuni. Dawn l-istrateġiji ma jilħqux il-potenzjal tagħhom u ma jkunux jistgħu jiġu implimentati b’mod effettiv jekk l-Istati Membri u r-reġjuni ma jirċevux ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa;

21.

Jenfasizza li l-istrateġiji makroreġjonali jgħinu fil-koordinazzjoni tal-ħidma u l-għarfien espert tal-istrutturi eżistenti u jagħmlu l-użu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli aktar effettiv, u b’dan il-mod taw xhieda tal-importanza tagħhom għall-promozzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-UE;

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

22.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, li l-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp integrat lil hinn mill-fruntieri tal-UE; jissuġġerixxi, għalhekk, li jiġi kkunsidrat kif l-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jgħinu fit-tfassil ta’ relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-UE, u jistieden liż-żewġ naħat biex jinvolvu mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-diskussjonijiet ulterjuri dwar din il-kwistjoni;

23.

Jirrimarka li l-KtR jirrikonoxxi l-istrateġiji makroreġjonali li jinvolvu r-reġjuni tar-Renju Unit u tal-UE jistgħu jkunu għodda importanti li, fil-futur, se tiżgura programmazzjoni konġunta sostenibbli, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni tar-Renju Unit u tal-UE. Il-KtR jappella għall-involviment attiv tal-bliet u r-reġjuni fit-tfassil ta’ din il-kooperazzjoni;

Raggruppamenti

24.

Jirrimarka li f’dinja fejn il-kompetizzjoni globali ma għadhiex biss kompetizzjoni bejn in-negozji, iżda wkoll bejn ir-reġjuni, ir-raggruppamenti jaqdu rwol importanti, bħala ċentri fejn hemm konċentrazzjoni ta’ ħiliet, biex iżidu l-prosperità u l-kompetittività tar-reġjuni u jagħtu spinta lill-iżvilupp ekonomiku tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali;

25.

Ifakkar li r-raggruppamenti huma xpruni importanti tal-innovazzjoni, peress li huma ugwalment interessanti għall-investituri u għall-innovaturi u jgħaqqdu lin-negozji, l-awtoritajiet lokali, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u taħriġ; iqis li huwa ta’ importanza kbira li jiġu involuti r-raggruppamenti fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, b’mod partikolari fil-pjattaformi tematiċi S3 promossi mill-Kummissjoni Ewropea. L-impulsi naturali għal approċċ ta’ raggruppament jistgħu jkunu bbażati fuq strateġiji makroreġjonali; jenfasizza li koordinazzjoni effettiva bejn strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u politiki reġjonali u nazzjonali hija importanti biex tiġi żgurata kooperazzjoni interreġjonali effettiva, u għalhekk il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali, permezz ta’ preżenza akbar ta’ raggruppament u aċċess aħjar għall-finanzi li jippromovi żvilupp armonjuż taż-żoni affettwati; itenni l-ħtieġa li jiġu żgurati opportunitajiet ta’ finanzjament sostenibbli sabiex jissaħħu l-inizjattivi ta’ raggruppament fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali;

26.

Jirrimarka li l-kooperazzjoni bejn ir-raggruppamenti hija għodda promettenti għat-titjib tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tar-reġjuni, u għalhekk l-organizzazzjonijiet tar-raggruppamenti għall-kooperazzjoni transkonfinali jew reġjonali m’għandhomx ikunu limitati għall-Ewropa biss, iżda għandu jkollhom firxa globali bil-għan li jiffurmaw raggruppamenti globali. L-istrateġiji makroreġjonali bejn ir-reġjuni tal-UE, l-Istati Membri u, fejn xieraq, pajjiżi terzi, jistgħu jipprovdu qafas xieraq għal tali kooperazzjoni;

27.

Ifakkar fil-konklużjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Marzu 2018 li appella għal aktar żvilupp tal-politika Ewropea tar-raggruppamenti, sabiex jinħoloq netwerk ta’ raggruppamenti reġjonali, ibbażat fuq il-prinċipji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u biex jiġu żviluppati raggruppamenti pan-Ewropej ta’ klassi dinjija, sabiex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur ġodda madwar l-Ewropa. Il-finanzjament għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fl-UE kollha għandu għalhekk jiġi żgurat fil-baġit li jmiss għall-Interreg;

28.

Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Mejju 2019 dwar l-implimentazzjoni ta’ Strateġiji Makroreġjonali tal-UE (10), li jappellaw biex jittieħed vantaġġ mir-rabtiet bejn l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u r-raggruppamenti sabiex l-ekosistemi, kif ukoll il-politiki industrijali u ta’ innovazzjoni jkunu konnessi aħjar fi ħdan l-istrateġiji makroreġjonali;

29.

Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa miżuri biex jiġu promossi aktar l-attivitajiet tar-raggruppamenti u l-kooperazzjoni tagħhom, u b’hekk, b’mod partikolari, tissaħħaħ id-dimensjoni reġjonali tar-raggruppamenti; barra minn hekk, approċċ territorjali u reġjonali għandu jiżgura aktar koerenza u sinerġiji fil-politiki tar-raggruppamenti;

30.

Jemmen li l-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jikkontribwixxu għal ambjent favur ir-raggruppamenti. Dan se jippermetti li l-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-kumpaniji jaġixxu b’mod koordinat. Ir-raggruppamenti transkonfinali jippromovu b’mod naturali l-kooperazzjoni bejn imsieħba differenti lil hinn mill-konfini ġeografiċi u settorjali;

31.

Jistieden lill-UE tippromovi aktar l-kooperazzjoni transkonfinali fil-politika tar-raggruppamenti tagħha, pereżempju billi tappoġġja t-tfittxija għal imsieħba internazzjonali għal raggruppamenti (u l-membri tagħhom) u, sa ċertu punt, tipprovdi finanzjament għall-ittestjar u l-iżvilupp ulterjuri ta’ kooperazzjoni bejn ir-raggruppamenti. Dan l-approċċ ġie implimentat b’suċċess, pereżempju, għall-proġett “Innovation Express” fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku (11);

Strateġija makroreġjonali għar-Reġjun tad-Danubju

32.

Jinnota li r-Reġjun tad-Danubju għandu differenzi sinifikanti f’termini ta’ innovazzjoni, fejn xi reġjuni jagħmlu parti mill-grupp tar-reġjuni bl-aħjar prestazzjoni fl-UE, filwaqt li xi reġjuni oħrajn għadhom lura. Dan huwa dovut għal kundizzjonijiet qafas mhux ekwi u għall-firxa wiesgħa ta’ proċeduri ta’ governanza fil-qasam tar-riċerka u l-investiment. Jappella, f’dan il-kuntest, li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-politiki pubbliċi rilevanti u investimenti aktar intelliġenti u mmirati, inkluż fil-qafas tal-programmi tal-UE;

33.

Jirrimarka li t-tkabbir relattivament b’saħħtu tal-SMEs huwa wieħed mill-aktar fatturi importanti għall-kompetittività tal-makroreġjun tad-Danubju. Peress li l-inizjattivi tar-raggruppamenti tipikament jiffokaw fuq l-SMEs u hemm korrelazzjoni qawwija u pożittiva bejn il-prestazzjoni tal-innovazzjoni reġjonali u l-kompetittività reġjonali, dan jista’ jipprovdi opportunità biex reġjun itejjeb il-kompetittività tiegħu;

34.

Jirrimarka li t-titjib tal-kompetittività fil-livell makroreġjonali jirrikjedi approċċ aktar attiv u li hemm bżonn li jissaħħaħ il-qafas għall-iżvilupp futur tar-raggruppamenti, anke jekk diġà qed jitwettqu diversi proġetti u inizjattivi promettenti mill-makroreġjuni. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet responsabbli mit-twettiq tal-istrateġija makroreġjonali biex mhux biss jissorveljaw u jivvalutaw il-progress u r-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi, iżda wkoll biex jisiltu konklużjonijiet, jaqsmu l-esperjenzi u joffru mekkaniżmi ġodda biex tingħata spinta lit-tkabbir u tissaħħaħ il-kompetittività fil-livell makroreġjonali;

35.

Huwa favur il-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li tiġi żviluppata strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti għall-makroreġjun tad-Danubju, filwaqt li jitqiesu l-vantaġġi u l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjun, bħat-tkabbir relattivament b’saħħtu tal-SMEs;

36.

Jitlob li jingħata bidu għal skambju sistematiku ta’ esperjenzi, informazzjoni u data ma’ strateġiji makroreġjonali oħra, sabiex tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-makroreġjuni li jiffukaw fuq l-ekonomija ekoloġika, is-settur tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg;

37.

Jenfasizza li r-raggruppamenti għandhom rwol importanti wkoll fl-approċċ tal-ispiral triplu għall-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat. Minħabba l-prossimità tagħhom għas-swieq lokali u l-għarfien tagħhom tal-ħtiġijiet lokali, dawn huma għodod xierqa biex tiġi implimentata fil-prattika l-idea bażika ta’ miżuri bbażati fuq il-post flimkien ma’ approċċ minn isfel għal fuq.

Konklużjonijiet

38.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġjata kwalunkwe inizjattiva li ssaħħaħ l-għaqda, il-kooperazzjoni, l-integrazzjoni, is-sigurtà, l-ugwaljanza soċjali u l-koeżjoni reali tal-Unjoni Ewropea. L-istrateġija makroreġjonali tista’ tagħti kontribut importanti biex jiġi żgurat li l-livell ta’ għajxien tal-abitanti taż-żoni tal-viċinat jiġi allinjat f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

39.

L-istrateġija makroreġjonali hija kkaratterizzata minn viżjoni profondament Ewropea, toffri potenzjal kbir u tippromovi mezzi innovattivi ta’ kooperazzjoni biex jiġu implimentati objettivi komuni li huma importanti għaċ-ċittadini, irrispettivament mill-pajjiż jew reġjun fejn jgħixu;

40.

L-istrateġija makroreġjonali tippermetti governanza ġenwina f’diversi livelli mill-awtoritajiet lokali sal-Kummissjoni Ewropea. Ma toħloq l-ebda strutturi burokratiċi ġodda, iżda tnaqqas id-distakk bejn il-politiki Ewropej u dawk lokali. L-interazzjoni tal-politika tar-raggruppamenti u tal-istrateġija makroreġjonali tista’ tikkontribwixxi biex taċċellera l-kisba tal-objettiv tat-Trattat ta’ Lisbona għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2019) 21 final.

(2)  SWD(2019) 6 final.

(3)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9895-2019-INIT/mt/pdf

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali” (COR-2017-02554).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Viżjoni territorjali għall-2050: x’inhu l-ġejjieni?” (COR-2015-04285).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali” (COR-2017-02554).

(7)  http://www.interreg-danube.eu/approved-projects/danubiovalnet.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali” (COR-2017-02554).

(9)  Artikolu 15(3) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern, COM(2018) 374 final.

(10)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9895-2019-INIT/mt/pdf

(11)  http://www.bsr-stars.eu/innovation-express/.


Top