This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018IR6068
Opinion of the European Committee of the Regions — Towards a comprehensive EU framework on endocrine disruptors
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali
COR 2018/06068
ĠU C 404, 29.11.2019, p. 34–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 404/34 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali
(2019/C 404/07)
Relatur |
: |
Is-Sur SILBERG (AE/EE), President tal-Kunsill Muniċipali ta’ Kose |
Dokument ta’ referenza |
: |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali COM(2018) 734 final |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Kummenti Ġenerali
1. |
iqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tniedi rieżami komprensiv tal-qafas regolatorju eżistenti tal-UE dwar l-interferenti endokrinali, u jaqbel mal-fehma li jinħtieġ li jiġi aġġornat l-approċċ tal-UE għall-ġestjoni tal-interferenti endokrinali abbażi tal-għarfien, ir-riżultati u l-esperjenza, sabiex dan ikompli jirrifletti l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u jippermetti ġestjoni konsistenti ta’ dawn is-sustanzi f’oqsma differenti; |
2. |
iqis li huwa ta’ tħassib li l-provi xjentifiċi dwar ir-rabta bejn l-esponiment għall-interferenti endokrinali u l-mard fil-bnedmin, jew l-effetti negattivi fil-fawna u l-flora, ġew sostanzjati aktar mill-1999 ’il quddiem; |
3. |
jinsab imħasseb dwar in-natura superfiċjali tal-informazzjoni dwar l-interferenti endokrinali li ġiet indirizzata lill-pubbliku s’issa, peress li ħafna ċittadini aktarx ma jkunux familjari mat-termini “funzjoni endokrinali” u “interferent endokrinali”; |
4. |
jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini tal-UE u l-ambjent, filwaqt li, fl-istess ħin, tadatta s-suq uniku fid-dawl taċ-ċirkostanzi l-ġodda u għall-benefiċċju tal-konsumaturi; |
5. |
jiġbed l-attenzjoni għall-kunflitti li jistgħu jinqalgħu bejn livell għoli ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini u l-ambjent u l-kumpaniji li joperaw bi skop ta’ qligħ; fid-dawl ta’ dan, l-impatti tal-miżuri u r-riskji għall-ekonomija għandhom jiġu kkunsidrati sa mill-bidu nett; |
6. |
jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef it-tħejjija u l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida dwar l-interferenti endokrinali; |
7. |
jitlob li l-istrateġija l-ġdida tkun akkumpanjata minn skeda dettaljata għall-implimentazzjoni ta’ kriterji xierqa għall-interferenti endokrinali fil-leġislazzjonijiet rilevanti kollha tal-UE, u speċjalment għall-aktar gruppi vulnerabbli, isir progress fit-tnaqqis tal-esponiment għal dawn is-sustanzi kimiċi; |
8. |
jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza malajr kemm jista’ jkun id-differenzi eżistenti bejn il-leġislazzjonijiet tal-UE u tarmonizza l-ġestjoni tal-interferenti endokrinali, jiġifieri, bil-preżunzjoni li mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit b’biżżejjed ċertezza limitu sikur għall-esponiment; |
9. |
jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħtu prijorità lill-eżiti tas-saħħa taċ-ċittadini filwaqt li jqisu wkoll l-interessi tal-konsumaturi u tal-industrija u jżidu b’mod sinifikanti l-fondi għar-riċerka indipendenti ffinanzjata pubblikament dwar l-interferenti endokrinali u alternattivi sikuri, kif ukoll dwar soluzzjonijiet innovattivi oħra; |
10. |
iqis li l-Ewropa għandha rwol mexxej fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-ittestjar, il-kontroll u l-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali; jaqbel mal-ġbir imtejjeb u l-iskambju tad-data u jappoġġja l-idea ta’ klassifikazzjoni internazzjonali ta’ interferenti endokrinali; |
Riċerka dwar l-interferenti endokrinali
11. |
huwa konvint li l-awtoritajiet fil-livelli kollha ta’ gvern għandhom jikkontribwixxu sabiex tiġi ffinanzjata r-riċerka dwar l-interferenti endokrinali bil-għan li jingħalqu l-lakuni fl-għarfien u tkun provduta l-evidenza ferm meħtieġa; |
12. |
jenfasizza l-ħtieġa għal informazzjoni dwar kif u sa fejn in-nies u organiżmi ħajjin oħrajn jinsabu esposti għall-interferenti endokrinali, dwar kif jinfirxu dawn is-sustanzi, u x’impatt għandhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq il-flora u l-fawna; |
13. |
jappoġġja bis-sħiħ il-proposta mressqa f’din il-Komunikazzjoni li jiġu ffinanzjati attivitajiet ta’ riċerka, permezz ta’ Orizzont Ewropa, li jiffukaw fuq l-effett cocktail, il-valutazzjoni tar-riskju u tal-periklu; fuq l-eliminazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib fil-produzzjoni u fl-aħħar fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, l-innovazzjoni ekoloġika u r-rimedju tat-tniġġis ambjentali u dwar l-interferenza bejn is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart; |
14. |
jistieden lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex jikkooperaw u jikkoordinaw ħidmiethom aktar mill-qrib sabiex ir-riżorsi eżistenti jintużaw b’mod effettiv għal valutazzjonijiet komprensivi; |
15. |
jiġbed l-attenzjoni għar-rapport dwar l-ispiża ta’ nuqqas ta’ azzjoni (“The Cost of Inaction” (1)) ikkummissjonat mill-Kunsill Nordiku tal-Ministri, li jistma l-ispiża (totali) tal-effetti tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa riproduttiva tal-irġiel fl-UE-28 għal EUR 1 267 miljun fis-sena; |
16. |
jenfasizza s-sejbiet ta’ studju ieħor (2) fejn l-interferenti endokrinali huma assoċjati ma’ dgħufija tal-kwozjent tal-intelliġenza u d-diżabbiltà intellettwali relatata; mal-awtiżmu, man-nuqqas ta’ attenzjoni/id-disturb tal-iperattività; l-endometrijożi; il-fibroma uteri; l-obeżità fit-tfal; l-obeżità fl-adulti; id-dijabete fl-adulti; il-cryptorchidism; l-infertilità fl-irġiel, u rata ogħla ta’ mortalità minħabba nuqqas ta’ testosteron. Dan l-istudju jistma li l-ispiża annwali għall-Ewropa se tilħaq EUR 163 biljun (ekwivalenti għal 1,28 % tal-PDG tal-UE); |
17. |
għandu dubji dwar id-definizzjoni stabbilita fl-2002 mill-Programm Internazzjonali dwar is-Sigurtà tas-Sustanzi Kimiċi – programm konġunt ta’ diversi Aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluża l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – li skontha “interferent endokrinali huwa sustanza jew taħlita eżoġena li tbiddel il-funzjoni(jiet) tas-sistema endokrinali u konsegwentement jikkawża effetti negattivi fuq is-saħħa f’organiżmu intatt, jew fil-wild tiegħu, jew f’(sub)popolazzjonijiet”. Abbażi tal-evidenza attwali, din id-definizzjoni hija ristretta wisq u ma tqisx biżżejjed l-impatt fuq il-flora u l-fawna; |
18. |
jipproponi li tiġi kkunsidrata d-definizzjoni li ġejja għal interferent endokrinali abbażi tal-għarfien attwali: “L-interferenti endokrinali huma sustanzi kimiċi eżoġeni, jew taħlita ta’ sustanzi kimiċi li jbiddlu l-funzjoni(ijiet) tal-ormoni u s-sistema endokrinali, u jaffettwaw b’mod negattiv il-proċessi fiżjoloġiċi u tal-żvilupp, inkluża s-saħħa tal-bniedem u l-annimali u n-nisel tagħhom”; |
19. |
jenfasizza li mhuwiex biżżejjed li tiġi investigata biss ir-rabta bejn l-interferenti endokrinali u l-mard fil-bniedem; il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata b’mod partikolari mil-lat tas-saħħa tal-bniedem, tal-fawna, tal-flora u tal-ambjent u l-ħtieġa li jiġu evitati konsegwenzi possibbli – kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi – għas-soċjetà b’mod usa’; |
20. |
jenfasizza li filwaqt li hemm ftehim li l-aktar perjodu kritiku għall-esponiment għall-interferenti endokrinali huwa l-istadji importanti tal-iżvilupp, bħalma huma l-iżvilupp tal-fetu u l-pubertà, iqis li huwa ta’ tħassib li l-esponiment għall-interferenti endokrinali f’dawn il-perjodi għandu konsegwenzi dejjiema u jista’ jwassal għal suxxettibbiltà akbar għall-mard iktar tard fil-ħajja; |
21. |
jirrakkomanda li jiġu approfonditi u ppubblikati s-sejbiet dwar il-kawżi tal-iżvilupp tal-mard, bħaż-żieda fit-tfal li jitwieldu bl-awtiżmu jew iż-żieda tal-kanċer tat-testikoli; |
22. |
jenfasizza wkoll li s-sitwazzjoni attwali tax-xjenza ma tipprovdix bażi suffiċjenti biex jiġi stabbilit limitu li taħtu ma jkunx hemm effetti negattivi. Għalhekk, l-interferenti endokrinali għandhom jitqiesu bħala sustanzi mingħajr konċentrazzjoni ta’ limitu, li jfisser li kwalunkwe esponiment għal tali sustanzi jista’ jippreżenta riskju, b’mod partikolari matul il-fażijiet kritiċi tal-iżvilupp (qabel it-twelid, wara t-twelid u l-pubertà), u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-effetti tat-taħlit; |
23. |
jinsab imħasseb li r-riċerka sa issa ffokat essenzjalment fuq għadd limitat ta’ modi ta’ azzjoni enokrinali: madankollu, f’dawn l-aħħar snin intwera li hemm oqsma oħrajn tas-sistema endokrinali li jistgħu jkunu suxxettibbli għall-interferenti endokrinali u li flimkien dawn l-interferenti endokrinali jista’ jkollhom effett sinerġistiku (“kombinatorju” jew “cocktail”), b’tali mod li l-esponiment għal taħlita ta’ interferenti endokrinali f’konċentrazzjonijiet suffiċjenti jista’ jwassal għal effett negattiv li ma jkunx stabbilit għal dak l-interferent individwali; |
24. |
iqis li tinħtieġ aktar riċerka, iffinanzjata b’mod partikolari mill-programm Orizzont 2020, sabiex jiġu ċċarati l-effetti tal-esponiment għall-interferenti endokrinali fir-rigward tal-etjopatoġenesi u l-iżvlupp tal-mard kif ukoll fuq il-fawna u l-flora; |
25. |
iqis li tinħtieġ riċerka għat-tfassil, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ metodi ta’ ttestjar u għall-iżvilupp ta’ mudelli ta’ previżjoni; |
26. |
jappoġġja l-fatt li taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) qed isir sforz immirat biex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ linji gwida għall-ittestjar għall-identifikazzjoni ta’ interferenti endokrinali u biex jiġu eliminati l-lakuni fil-metodi tal-ittestjar fil-livell tal-UE u dak internazzjonali; |
27. |
jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti ta’ riċerka mmirati, inkluż l-iżvilupp ta’ metodi ġodda ta’ ttestjar u analiżi, dwar sustanzi li jistgħu jaffettwaw is-sistema endokrinali u biex tenfasizza l-effetti negattivi ta’ konċentrazzjonijiet baxxi jew ta’ esponiment kombinat; |
28. |
jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodi in vitro u in silico sabiex jiġi minimizzat l-ittestjar fuq l-annimali għall-iskrinjar tal-interferenti endokrinali; |
29. |
jinnota b’sodisfazzjon ir-riċerka li ġiet iffinanzjata jew ikkummissjonata sal-lum il-ġurnata u jittama li ser jiġu allokati aktar riżorsi baġitarji għall-promozzjoni futura tar-riċerka dwar l-interferenti endokrinali; |
Il-politika u r-regolament attwali tal-UE dwar l-interferenti endokrinali
30. |
jilqa’ d-diversi inizjattivi u proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-interferenti endokrinali, inklużi l-proposta għal Regolament dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju, l-istrateġija Ewropea għall-plastiks, id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, il-Patt il-Ġdid għall-Konsumaturi, il-Pakkett dwar il-Prodotti u l-aġġornament tal-qafas legali eżistenti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; |
31. |
jinnota, madankollu, li fid-Deċiżjoni 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (3), il-Kummissjoni impenjat ruħha li twettaq – sal-2015 – miżuri orizzontali dwar “il-minimizzazzjoni tal-esponiment għal interferenti endokrinali” u li sal-2018 tkun lesta strateġija sħiħa tal-UE; f’dan ir-rigward, il-KtR jesprimi d-dispjaċir tiegħu li d-dokument attwali ma jilħaqx il-wegħda li saret fl-2013; |
32. |
jinnota li l-prinċipji ta’ “Regolamentazzjoni aħjar” m’għandhom idewmu l-ebda miżura li l-għan tagħha jkun li tevita jew tnaqqas konsegwenzi potenzjalment serji jew irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent, skont l-obbligu impost mill-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fit-Trattati tal-UE; |
33. |
ifakkar li l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tindirizza s-sustanzi perikolużi fil-livell internazzjonali, u jirreferi għad-dikjarazzjonijiet Ewropej tad-WHO minn Parma u Ostrava; |
34. |
jilqa’ l-approċċ meħud minn Franza, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Belġju għall-protezzjoni aħjar taċ-ċittadini tagħhom permezz ta’ miżuri nazzjonali komprensivi li jillimitaw l-użu tal-interferenti endokrinali; jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża fuq dawn l-Istati Membri mexxejja u tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-popolazzjoni kollha tal-Ewropa; |
35. |
iqis li l-leġislazzjoni kollha għandha bżonn tiffoka aktar fuq attivitajiet upstream, fi kliem ieħor li jeħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti aktar stretti fuq il-manifatturi tas-sustanzi kimiċi, l-industrija farmaċewtika, eċċ. Mhuwiex kosteffettiv li wieħed jiffoka fuq passi ta’ purifikazzjoni addizzjonali fl-impjanti tal-ilma tax-xorb u x-xogħlijiet tad-drenaġġ; |
36. |
jinsab imħasseb li, b’differenza pereżempju mill-prodotti tat-tabakk, is-sustanzi b’effetti endokrinali ma jistgħux jiġu evitati għalkollox, peress li jinsabu kullimkien u jidħlu fil-ġisem tal-bnedmin mingħajr ma dawn ikunu jafu jew iridu; |
37. |
jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu liċ-ċittadini Ewropej b’informazzjoni affidabbli f’forma xierqa u b’lingwaġġ li jifhmu kulħadd dwar il-perikli relatati mal-interferenti endokrinali, l-effetti tagħhom, u modi possibbli ta’ kif jitnaqqas l-esponiment għalihom; |
38. |
jitlob li jiġu projbiti l-bisfenoli u l-ftalati f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel; |
39. |
jinnota li l-bisfenol A (BPA) sikwit jiġi sostitwit mill-bisfenol S (BPS), il-bisfenol F (BPF) u l-bisfenol HPF (BHPF) li s’issa ftit li xejn saret riċerka dwarhom, iżda apparentement għandhom effetti endokrinali simili; għaldaqstant jemmen li l-korpi leġislattivi għandhom jirregolaw gruppi ta’ sustanzi relatati pjuttost milli sustanzi individwali. Fejn l-ebda data affidabbli ma tagħti provi kuntrarji, għandu jitqies li s-sustanzi bi strutturi simili għandhom l-istess karatteristiċi tossikoloġiċi negattivi bħall-aktar sustanzi tossiċi magħrufa fil-grupp; |
40. |
josserva li approċċ ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-konformità stretta tiegħu huma wkoll fl-interess tal-industrija (tal-kimika), jikkontribwixxu għal investiment fir-riċerka u għall-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kif ukoll jipprovdu alternattivi siguri u sostenibbli u b’hekk iħallu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tas-suq intern u l-ekonomija inġenerali; |
41. |
jipproponi l-modernizzazzjoni tal-qafas legali u s-salvagwardji tal-UE relatati mal-interferenti endokrinali, li għandhom effetti diretti fuq is-saħħa tal-bniedem, sabiex pereżempju l-leġislazzjoni u l-linji gwida għall-prodotti kożmetiċi jiffukaw ukoll fuq il-protezzjoni ta’ nisa tqal; |
42. |
jissuġġerixxi li jiġu analizzati “artijiet u territorji f’riskju kbir”, bħal pereżempju l-art agrikola u l-bwar li jiġu fertilizzati bil-ħama tad-dranaġġ, iż-żoni tal-madwar tal-miżbliet u tal-impjanti tal-inċinerazzjoni, jew f’sens usa’ reġjuni bħaż-żoni muntanjużi, il-Baħar Baltiku, il-Mediterran u r-reġjun tad-Danubju, eċċ.; |
Il-promozzjoni tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-interferenti endokrinali – l-impatt tal-miżuri ppjanati fil-livell lokali u reġjonali
43. |
jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni se tniedi kontroll tal-idoneità biex tanalizza jekk il-leġislazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-interferenti endokrinali hijiex qed tikseb l-għan ġenerali tagħha li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi jiġi mminimizzat l-esponiment għal dawn is-sustanzi; |
44. |
jilqa’ fehim ibbażat fuq l-aktar evidenza xjentifika aġġornata disponibbli tal-interferenti endokrinali u t-tfassil tal-politika f’dan ir-rigward; |
45. |
iqis li huwa essenzjali li l-pubbliku jingħata kemm jista’ jkun informazzjoni dwar l-interferenti endokrinali, id-disseminazzjoni tagħhom, u l-perikli li dawn iġibu magħhom; |
46. |
iqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tagħmel kull sforz sabiex tidentifika sustanzi kimiċi tossiċi, inklużi interferenti endokrinali, fil-prodotti, u tistabbilixxi u timplimenta tikkettar informattiv xieraq tal-prodotti eċċ.; |
47. |
huwa tal-fehma li għalkemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali normalment ma jkollhomx setgħat biex jadottaw leġislazzjonijiet dwar l-interferenti endokrinali, huma madankollu obbligati jieħdu ħsieb il-benesseri tal-popolazzjoni tagħhom (fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, il-livell reġjonali huwa responsabbli mis-sistemi tas-saħħa); |
48. |
iqis għalhekk li huwa essenzjali u ta’ importanza etika u ekonomika li l-livell lokali u reġjonali jieħu pożizzjoni fir-rigward l-interferenti endokrinali peress li, kif inhu magħruf, jaffettwaw is-saħħa tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri; |
49. |
ma għandu l-ebda dubju li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma lesti jipproteġu lill-ġenerazzjonijiet futuri, mingħajr ma jaqgħu għall-pressjoni dejjem tikber ta’ industrija b’saħħitha u ta’ xi msieħba kummerċjali tal-UE; |
50. |
Fin-nuqqas ta’ leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea adegwata u komprensiva dwar l-interferenti endokrinali, jenfasizza l-inizjattivi bħal “bliet u territorji ħielsa mill-pestiċidi u mis-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (EDC)”, “bliet mhux perikolużi”, “bliet mingħajr pestiċidi”, adottati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex inaqqsu l-esponiment tal-abitanti tagħhom għal sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali, b’mod partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli, it-tfal u n-nisa tqal. |
51. |
iqis li huwa essenzjali li nippromovu l-politika tal-UE fil-qasam tal-interferenti endokrinali u nanalizzaw l-effetti tal-miżuri ppjanati fil-livell lokali u reġjonali; |
52. |
josserva li llum il-ġurnata ċerti ftalati jinħtieġu fil-kura tas-saħħa sabiex irattbu apparat mediku b’mod suffiċjenti. Huwa importanti li jiġi xprunat l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda li jiggarantixxu l-istess prestazzjoni qabel ma jitnaqqas il-kontenut tal-ftalati. Sakemm dawn is-sustanzi jibqgħu jintużaw, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-apparat jintrema b’mod adatt wara li jintuża, permezz ta’ sistemi effettivi ta’ ġbir u qerda; |
53. |
huwa konvint li l-prijoritizzazzjoni ta’ indikaturi tas-saħħa tal-bniedem fil-konfront tal-interessi tal-industrija u tas-suq uniku se toħloq sfidi ġodda għall-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji sostenibbli għas-saħħa u l-ambjent u tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-kompetittività tal-kumpaniji billi timbuttahom biex jaġġornaw u jinvestu f’soluzzjonijiet aktar intelliġenti fit-tul. Madankollu, din għandha tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika soda u tkun akkumpanjata minn analiżi tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi. |
Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) https://www.norden.org/en/publication/cost-inaction
(2) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/27003928