Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0511

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pakkett dwar is-suq uniku (2018/2903(RSP))

    ĠU C 388, 13.11.2020, p. 39–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.11.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 388/39


    P8_TA(2018)0511

    Pakkett dwar is-Suq Uniku

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pakkett dwar is-suq uniku (2018/2903(RSP))

    (2020/C 388/06)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” (COM(2015)0550),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Report on Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States” (Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-Kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2011)0206),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bl-isem “Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2012)0573),

    wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' Mejju 2010 minn Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni bit-titolu “A New Strategy for the Single Market – At the Service of Europe's Economy and Society” (Strateġija Ġdida għas-Suq Uniku għas-Servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-suq uniku fis-Semestru Ewropew 2015 (1),

    wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Settembru 2014, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu “The cost of non-Europe in the single market” (Il-kost tan-non-Ewropa fis-suq uniku),

    wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Jannar 2016, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu “A strategy for completing the single market: the trillion euro bonus” (Strateġija għall-ikkompletar tas-suq uniku: il-bonus ta' triljun euro),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar ostakli nontariffarji fis-suq uniku (2), ibbażata fuq rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-istrateġija għas-suq uniku (3), ibbażata fuq rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar l-analiżi ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali – Suq Uniku Diġitali Konness għal kulħadd (COM(2017)0228),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2018 bit-titolu “Is-Suq Uniku f'dinja li qed tinbidel – Ass uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded” (COM(2018)0772),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi s-suq uniku kien, u jibqa', il-pedament tal-integrazzjoni Ewropea u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, kif ukoll mutur tat-tkabbir u l-impjiegi; billi dan ġie aċċentwat aktar matul in-negozjati reċenti dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

    B.

    billi d-dinja tinsab għaddejja minn proċess ta' bidla rapida u sinifikanti li għandha wkoll impatt fuq is-suq uniku tal-UE;

    C.

    billi s-suq uniku mhuwiex qed jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu;

    D.

    billi s-suq uniku ma jistax jitqies purament f'termini ekonomiċi;

    E.

    billi, skont ir-riċerka tal-Parlament stess, il-kisba antiċipata mill-ikkompletar tas-suq hija ta' EUR 1 triljun f'żieda fil-PDG b'mod kollettiv madwar l-Unjoni, inklużi kisbiet sinifikanti li għandu jkun hemm fis-settur tas-servizzi;

    F.

    billi hemm bżonn ta' approċċ strateġiku u komprensiv, u billi r-reazzjoni għall-isfidi ffaċċjati għandha tkun politika daqskemm għandha tkun teknika fin-natura tagħha;

    G.

    billi s-sinjali riċenti ta' traspożizzjoni mhumiex rassiguranti; billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq uniku f'dinja li qed tinbidel, id-defiċit tat-traspożizzjoni għal 16-il direttiva b'dati ta' traspożizzjoni bejn Diċembru 2017 u Mejju 2018 kien ta' 25 % f'Ġunju 2018;

    1.

    Jilqa' l-objettivi ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq uniku f'dinja li qed tinbidel, ftit xhur biss qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 u fil-25 anniversarju tas-suq uniku;

    2.

    Jenfasizza li suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa wieħed mill-pedamenti essenzjali tal-Unjoni Ewropea, u l-approfondiment tas-suq uniku għandu għalhekk jinġieb lura fil-quċċata tal-aġenda politika, peress li jikkontribwixxi għal-libertà, l-opportunitajiet u l-prosperità għall-Ewropa, joħloq drittijiet u obbligi speċifiċi għaċ-ċittadini, il-ħaddiema, il-konsumaturi, l-intraprendituri u n-negozji, u jkun ta' benefiċċju għal aktar minn 500 miljun Ewropew u aktar minn 21 miljun SME;

    3.

    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu eliminati l-ostakli mhux ġustifikati li fadal fis-suq uniku sabiex jinkisbu riżultati rapidi u tanġibbli f'termini ta' tkabbir, innovazzjoni, ħolqien ta' impjiegi, għażla għall-konsumatur u mudelli kummerċjali ġodda;

    4.

    Jisħaq li l-Unjoni għandha taħdem biex tiżgura li l-moviment liberu tas-servizzi jingħata l-istess prijorità bħall-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-suq uniku; jissottolinja li l-moviment liberu tas-servizzi huwa ħafna inqas żviluppat mill-moviment liberu tal-merkanzija;

    5.

    Jisħaq li, minkejja t-tneħħija tal-ostakli tariffarji fis-suq uniku, għad jeżisti għadd kbir ta' ostakli nontariffarji varji mhux ġustifikati; jenfasizza li t-tisħiħ tas-suq uniku jeħtieġ azzjoni urġenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali sabiex jiġu indirizzati dawn l-ostakli mhux ġustifikati;

    6.

    Jemmen li integrazzjoni aktar profonda tas-suq uniku tirrikjedi aktar kuraġġ u impenn politiku minn 25 sena ilu u sforzi akbar biex jingħalaq id-distakk bejn il-kliem u l-fatti u jiġu indirizzati d-dgħufijiet tagħha;

    7.

    Huwa konvint li, biex ikollna integrazzjoni aktar profonda, huwa essenzjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi li japplikaw għall-parteċipanti kollha f'kull Stat Membru;

    8.

    Jinnota li 7 % biss tal-SMEs joffru prodotti u servizzi online lil klijenti fi Stati Membri oħra u 15 % biss tal-konsumaturi jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, u jirrimarka li l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali jista' jiġġenera gwadann ta' aktar minn EUR 415-il biljun u joħloq impjiegi ġodda;

    9.

    Jenfasizza li din id-data turi biċ-ċar il-bżonn urġenti li titkompla l-ħidma biex l-isfera diġitali ssir kompletament aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji u titjieb il-fiduċja tal-konsumaturi fid-dimensjoni diġitali;

    10.

    Iħeġġeġ biex ma tibqax issir id-distinzjoni antikwata bejn is-suq uniku “diġitali” u s-suq uniku “offline”, peress li s-soluzzjonijiet diġitali huma parti indispensabbli mill-ekonomija moderna u l-prodotti u s-servizzi li tipprovdi, u kull aspett tas-suq uniku għandu jkun adatt għad-dinja diġitali;

    11.

    Jitlob lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq is-suq uniku diġitali permezz ta' proposti ambizzjużi, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti regoli komuni moderni u effikaċi sabiex jitħarsu l-konsumaturi, tingħata għajnuna lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, tissaħħaħ il-kompetittività tan-negozji u l-SMEs Ewropej u jkun hemm kompetizzjoni ġusta;

    12.

    Jemmen li, sabiex niddefendu u napprofondixxu s-suq uniku, huwa kruċjali li niddefendu b'mod qawwi l-erba' libertajiet, jiġifieri l-libertà tal-persuni, tas-servizzi, tal-merkanzija u tal-kapital kemm fiżikament kif ukoll online, u jenfasizza li l-atturi kollha tal-UE jeħtieġ josservaw ir-regoli li jkun intlaħaq qbil dwarhom;

    13.

    Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tirrifletti b'mod konsistenti l-ambizzjoni tal-integrazzjoni tas-suq, il-bżonn li jiġu eliminati l-ostakli regolatorji u amministrattivi mhux ġustifikati u l-ħtieġa ta' validità għall-futur;

    14.

    Jirrimarka li s-suq uniku qiegħed jiġi dejjem aktar taħt pressjoni minn regoli nazzjonali li jmorru kontra l-prinċipji sottostanti tiegħu, speċjalment fil-livell nazzjonali li għandhom impatt fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi; jirrikonoxxi li miżuri nazzjonali mhux ġustifikati u sproporzjonati jistgħu jkunu leġittimi u neċessarji biex jitħarsu l-objettivi ta' interess pubbliku rikonoxxuti fit-Trattati, kif ukoll miżuri mhux ikkoordinati, jistgħu jpoġġu f'riskju l-unità u l-effettività tas-Suq Uniku; ifakkar, madankollu, li ċerti miżuri jistgħu jkunu leġittimi u neċessarji biex jipproteġu l-għanijiet tal-interess pubbliku kif rikonoxxuti fit-trattati;

    15.

    Jisħaq li huwa importanti li jiġi żgurat li, fil-prattika, ir-regoli jwasslu għal riżultati: iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jgawdu mill-ħafna vantaġġi tas-suq uniku biss jekk ir-regoli li jkun intlaħaq qbil dwarhom b'mod konġunt fil-fatt ikunu qegħdin jaħdmu fil-prattika u jkunu ta' benefiċċju għal dawk iċ-ċittadini u n-negozji;

    16.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu aħjar mill-istrumenti eżistenti biex tieħu azzjoni kontra r-regoli nazzjonali li mhumiex f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku;

    17.

    Jirrikonoxxi l-ħtieġa ċara li l-istruttura tal-governanza tas-suq uniku tissaħħaħ bil-għan li jiġu żgurati mekkaniżmi ta' monitoraġġ effikaċi u tiġi identifikata t-traspożizzjoni inadegwata tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku jew kwalunkwe inadegwatezza fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħha, b'tali mod li jiġu applikati proċeduri ta' ksur meta jkun hemm bżonn;

    18.

    Jappoġġja bis-sħiħ l-istedina tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew biex jiddedika diskussjoni fil-fond fil-livell ta' kapijiet ta' stat jew ta' gvern għas-suq uniku fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, bil-ħsieb li jiġu identifikati prijoritajiet komuni għal azzjoni u mekkaniżmi xierqa biex jintlaħaq l-impenn politiku mġedded tant meħtieġ għas-suq uniku;

    19.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni li jmiss, fid-dawl tal-mandat politiku 2019-2024 futur, biex b'mod ambizzjuż tippjana azzjonijiet dwar is-suq uniku; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ppreżentat għadd ta' proposti leġiżlattivi tard wisq biex il-koleġiżlaturi jkunu jistgħu jaħdmu fuqhom b'mod xieraq u jadottawhom qabel it-tmiem tal-mandat;

    20.

    Jitlob lill-Kunsill Ewropew jimpenja ruħu għal wegħda ġdida biex jitlesta s-suq uniku sal-2025, inkluża skeda pubblika ġdida għall-azzjonijiet, kif għamlu l-mexxejja Ewropej fl-1985; jinsab imħasseb ħafna, madankollu, mill-fatt li bosta proposti leġiżlattivi huma kompletament imblukkati fil-Kunsill, li ma rnexxilux jadotta pożizzjoni dwarhom; jistieden lill-Kunsill itemm din is-sitwazzjoni, li tagħmel ħsara kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-kumpaniji tagħna;

    21.

    Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-responsabbiltà tagħhom f'dak li jikkonċerna s-suq uniku, speċjalment lejn iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;

    22.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 98.

    (2)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 105.

    (3)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.


    Top