EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52018IP0497

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru (2018/2092(INI))

ĠU C 388, 13.11.2020, s. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 388/18


P8_TA(2018)0497

L-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru (2018/2092(INI))

(2020/C 388/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (11997D/PRO/02),

wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija tad-29 ta' Settembru 2010 (14142/2010) u tat-8 ta' Lulju 2011 (14142/1/2010),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-qafas għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija tas-7 ta' Diċembru 2011 (14302/3/11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011, tat-22 u t-23 ta' Settembru 2011, tal-25 u s-26 ta' Ottubru 2012, tas-7 u d-9 ta' Marzu 2013, u tal-5 u s-6 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għal Schengen (2),

wara li kkunsidra t-tmien rapport biannwali tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament taż-żona Schengen tal-15 ta' Diċembru 2015 (COM(2015) 0675 final),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen (3),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 tat-12 ta' Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (4),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (15820/1/2017),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0365/2018),

A.

billi l-Bulgarija u r-Rumanija adottaw l-acquis ta' Schengen mal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea fl-2007; billi fl-2008 il-Bulgarija ddikjarat li tinsab lesta biex tibda l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Grupp ta' Ħidma tal-Evalwazzjoni ta' Schengen (SCH-EVAL), kompost minn esperti mill-Istati Membri ta' Schengen; billi fl-2007 u fl-2008 ir-Rumanija ddikjarat li lesta tibda l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-SCH-EVAL;

B.

billi t-tlestija tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen għall-Bulgarija u r-Rumanija u l-istat ta' tħejjija taż-żewġ pajjiżi biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen ġew ikkonfermati mill-esperti SCH-EVAL u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011; billi fl-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2011, il-Kunsill ivverifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen ġew issodisfati fl-oqsma kollha, jiġifieri l-protezzjoni tad-data, il-fruntieri tal-ajru, il-fruntieri fuq l-art, il-kooperazzjoni tal-pulizija, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, il-fruntieri tal-baħar u l-viżi; billi minbarra l-isfida tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, it-tlestija tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen wasslet liż-żewġ pajjiżi biex jirristrutturaw fundamentalment is-sistemi tagħhom ta' sorveljanza tal-fruntieri u jinvestu f'żieda fil-kapaċità tal-infurzar tal-liġi; billi skont l-Att tal-Adeżjoni 2005, it-tlestija b'suċċess tal-proċeduri ta' evalwazzjoni ta' Schengen hija l-unika prerekwiżit għall-applikazzjoni sħiħa tal-aqcuis ta' Schengen, inkluża l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; billi l-istat ta' tħejjija tal-Bulgarija u tar-Rumanija biex japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ ġie rikonoxxut diversi drabi mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern fil-Kunsill, kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Parlament, l-aktar reċentement fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2017 u fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-30 ta' Mejju 2018;

C.

billi fl-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2010, il-Kunsill ippropona l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija u l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; billi fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011, il-Parlament approva din id-deċiżjoni u talab lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsulta lill-Parlament jekk ikun beħsiebu jemendaha b'mod sostanzjali;

D.

billi f'Settembru 2011 il-Presidenza tal-Kunsill ippreżentat proposta għal implimentazzjoni parzjali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija, jiġifieri l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-baħar u tal-ajru biss, filwaqt li pprevediet deċiżjoni separata, fi stadju sussegwenti, fir-rigward tal-fruntieri fuq l-art;

E.

billi fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kkonferma f'diversi okkażjonijiet l-impenn tiegħu li jibbaża kwalunkwe deċiżjoni futura dwar l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni għall-Bulgarija u r-Rumanija fuq approċċ f'żewġ stadji; billi l-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ġiet differita ripetutament;

F.

billi bid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2017, il-Bulgarija u r-Rumanija ngħataw aċċess passiv għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża; billi fl-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 il-Kunsill ippropona l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fiż-żewġ Stati Membri;

G.

billi la l-Att tal-Adeżjoni 2005 u lanqas il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen ma jipprevedu l-iffissar ta' skedi ta' żmien differenti għall-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; billi kull tkabbir preċedenti taż-żona Schengen ġie stabbilit b'att legali wieħed;

H.

billi ż-żona Schengen hija arranġament uniku u waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea, li tippermetti l-moviment liberu tal-persuni għall-fruntieri interni ta' Schengen; billi dan sar possibbli permezz ta' diversi miżuri ta' kumpens, bħall-istabbiliment tas-sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen sabiex jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri u titrawwem fiduċja reċiproka fil-funzjonament taż-żona Schengen;

I.

billi ż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni fl-Unjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tagħhom fiż-żona Schengen għandhom impatt serju fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej u ta' dawk kollha li jgawdu mill-prinċipju tal-moviment liberu ġewwa l-UE u jdgħajfu serjament il-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet u l-integrazzjoni Ewropej; billi dan jinvolvi spejjeż operattivi u ta' investiment diretti għall-ħaddiema transfruntiera, it-turisti, it-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, b'effetti debilitanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u l-funzjonament tas-suq intern tal-UE; billi ż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni għall-Bulgarija u r-Rumanija għandha impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet minn u lejn iż-żewġ Stati Membri, kif ukoll fuq l-operazzjonijiet tat-trasport minn u lejn uħud mill-akbar flotot ċivili u portijiet tal-merkanzija tan-Nofsinhar tal-Ewropa, u dan jirriżulta f'benefiċċji mitlufa u żieda fl-infiq; billi l-istimi tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri għall-Unjoni Ewropea jvarjaw bejn EUR 0,05 biljun u EUR 20 biljun fi spejjeż ta' darba u EUR 2 biljun fi spejjeż operattivi annwali (6);

J.

billi ż-żamma ta' kontrolli fil-fruntieri interni fl-Unjoni jew l-introduzzjoni mill-ġdid tagħhom fiż-żona Schengen jidhru li huma marbuta ma' perċezzjoni ta' theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna pjuttost milli evidenza soda tal-eżistenza effettiva ta' theddida serja; billi l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni b'riżultat tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fl-Istati Membri li aderixxu preċedentement ma rriżultatx f'rati ogħla ta' kriminalità; billi t-tkabbir ta' Schengen tal-2007 huwa assoċjat ma' rati aktar baxxi ta' kriminalità relatata ma' akkwist materjali kemm fl-Istati Membri l-ġodda ta' Schengen kif ukoll fl-Istati Membri eżistenti ta' Schengen u ma żiedx il-perċezzjoni ta' nuqqas ta' sigurtà fost iċ-ċittadini tal-UE (7);

1.

Ifakkar li l-kundizzjonijiet meħtieġa kollha għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen ġew issodisfati mill-Bulgarija u mir-Rumanija fl-2011;

2.

Jiddispjaċih għall-fatt li f'dawn l-aħħar seba' snin, il-Kunsill naqas milli jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija minkejja l-appelli ripetuti tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Parlament dwar dan;

3.

Iqis li l-proposta għall-qsim tal-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'żewġ atti legali sabiex jiġu stabbiliti skedi ta' żmien differenti għall-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru, titbiegħed b'mod sinifikanti mit-test tal-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2010 approvat mill-Parlament;

4.

Ifakkar li l-Kunsill jista' jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija biss wara konsultazzjoni mal-Parlament – obbligu li joħroġ mill-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jinnotifika lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011;

5.

Jesprimi tħassib li l-introduzzjoni ta' approċċ f'żewġ stadji jista' jaffettwa b'mod negattiv it-tkabbir futur taż-żona Schengen; jenfasizza li nuqqas ta' qbil fil-Kunsill iqajjem dubju dwar l-applikazzjoni unitarja tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE u l-kredibbiltà tal-UE, u dan inaqqas kontinwament l-appoġġ pubbliku għall-politiki komuni tal-UE peress li juri trattament inugwali tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom u jintroduċi linji artifiċjali tad-diviżjoni fi ħdan l-Unjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu li tali prattiki jikkontribwixxu għaż-żieda fil-populiżmu u n-nazzjonaliżmu madwar il-kontinent, li jippreżenta sfida fundamentali għall-funzjonament tal-UE;

6.

Jissottolinja l-fatt li l-moviment liberu tal-persuni madwar il-fruntieri interni, li jirriżulta mill-inkorporazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas legali tal-UE, huwa wieħed mill-kisbiet ewlenin tal-UE; jenfasizza li l-funzjonament u t-tkabbir taż-żona Schengen ma għandux jiġi affettwat b'mod negattiv min-nuqqasijiet f'politiki oħra tal-UE, bħas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil;

7.

Jilqa' l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2017 li tagħti lill-Bulgarija u lir-Rumanija aċċess passiv għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u l-proposta tal-Kunsill għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen relatati mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fiż-żewġ Stati Membri; jiddispjaċih għall-fatt li l-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet ma saritx immedjatament wara verifika tat-tlestija b'suċċess tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen fl-2011, iżda bdiet bħala miżura ad hoc sabiex tiżgura konformità mal-prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ, li mistennija tibda topera sa mhux aktar tard mill-2020; iqis li dawn l-atti legali jikkostitwixxu pass lejn l-indirizzar tal-lakuni ta' informazzjoni bejn dawk l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ u dawk li japplikawh parzjalment; jinsisti bil-qawwa li l-adozzjoni ta' dawn l-atti ma għandhiex isservi biex tkompli ddewwem l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; jinnota li bl-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, il-Bulgarija u r-Rumanija se jaqsmu r-responsabbiltajiet u l-obbligi kollha, iżda mhux il-benefiċċji kollha, tas-sħubija sħiħa fiż-żona Schengen;

8.

Jenfasizza li l-acquis ta' Schengen ma tfassalx biex jakkomoda lill-Istati Membri bi status legali differenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' azzjoni fuq perjodu twil tal-Kunsill ħoloq il-ħtieġa li ssir distinzjoni ċara fil-leġiżlazzjoni tal-UE, relatata mas-sistemi ta' informazzjoni u ta' ġestjoni tal-fruntieri, bejn dawk l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ u dawk li japplikawh parzjalment; jesprimi t-tħassib tiegħu li dan jikkodifika legalment eżistenza parallela, de facto, ta' żona Schengen b'moviment liberu u żona Schengen mingħajr moviment liberu, u dan joħloq ir-riskju ta' lakuni fl-iskambju ta' informazzjoni, nuqqsijiet leġiżlattivi u nuqqas ta' konnettività bejn is-sistemi ta' ġustizzja u affarijiet interni;

9.

Jenfasizza li fir-rigward tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen, ma għandu jiġi introdott l-ebda kriterju addizzjonali, ħlief għall-prerekwiżiti speċifikati stabbiliti fl-Att ta' Adeżjoni tal-2005, u l-ebda rabta ma' mekkaniżmi u politiki oħra tal-Unjoni, inkluż, u bla preġudizzju għall-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika; jistieden lill-Istati Membri jieħdu deċiżjoni dwar it-tkabbir taż-żona Schengen biss abbażi tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni taż-żona Schengen wara t-tlestija tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen;

10.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jippreżenta abbozz ġdid ta' deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija fuq il-bażi tal-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2010 (14142/2010) malajr kemm jista' jkun u, permezz ta' att legali wieħed, jieħu deċiżjoni immedjata għall-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru;

11.

Jistieden lill-Kunsill biex japplika l-istess approċċ għall-Kroazja u jikkonforma l-adeżjoni sħiħa tal-pajjiż maż-żona Schengen hekk kif tlesti b'suċċess il-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen u tissodisfa l-kriterji rilevanti;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.

(2)  ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 13.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0228.

(4)  ĠU L 269, 19.10.2017, p. 39.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2018)0253.

(6)  van Ballegooij, W., “The Cost of Non-Schengen: Civil Liberties, Justice and Home Affairs aspects” (Il-Kost tan-Non-Schengen: l-aspetti tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni), Ir-rapport dwar il-Kost tan-Non-Ewropa, Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, 2016, p. 32.

(7)  Ibid., pp. 28 u 31.


Op