EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0373

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar teknoloġiji tar-reġistru distribwit u blockchains: noħolqu l-fiduċja bid-diżintermedjazzjoni (2017/2772(RSP))

ĠU C 11, 13.1.2020, p. 7–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/7


P8_TA(2018)0373

Teknoloġiji tar-reġistru distribwit u blockchains: noħolqu l-fiduċja bid-diżintermedjazzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar teknoloġiji tar-reġistru distribwit u blockchains: noħolqu l-fiduċja bid-diżintermedjazzjoni (2017/2772(RSP))

(2020/C 011/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar teknoloġiji tar-reġistru distribwit u blockchains: noħolqu l-fiduċja bid-diżintermedjazzjoni (O-000092/2018 – B8-0405/2018),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2017 dwar "FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar l-"Imblukkar Ġeografiku u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-konsumaturi" (3),

wara li kkunsidra r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (COM(2016)0597 – C8-0375/2016 – 2016/0276(COD)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (11815/2017 – C8-0313/2017 – 2017/2044(BUD)) (4),

wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-esplorazzjoni tat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit li jinkludu, "Blockchain4EU: Blockchain for Industrial Transformations", "EU Blockchain and Observatory Forum", "Blockchains for Social Good"u "Study on the Opportunity and Feasibility of an EU Blockchain Infrastructure",

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT) u l-blockchain jistgħu jikkostitwixxu għodda li tippromwovi l-għoti ta' setgħa taċ-ċittadini billi jagħtuhom l-opportunità li jikkontrollaw d-data tagħhom stess u jiddeċiedu liema data jikkondividu fir-reġistru kif ukoll il-kapaċità li jagħżlu min iżjed jista' jara din id-data;

B.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit hija teknoloġija b'għan ġenerali li tista' ttejjeb l-effiċjenza relatata mal-ispiża tat-tranżazzjoni billi tneħħi l-intermedjarji u l-ispejjeż tal-intermedjazzjoni, kif ukoll iżżid it-trasparenza fit-tranżazzjonijiet, u ssawwar ukoll mill-ġdid il-katini tal-valur u ttejjeb l-effiċjenza organizzattiva permezz ta' deċentralizzazzjoni affidabbli;

C.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tintroduċi, permezz tal-mekkaniżmi neċessarji tal-kriptaġġ u tal-kontroll, paradigma bbażata fuq l-IT li tista' tiddemokratizza d-data u ttejjeb il-fiduċja u t-trasparenza, filwaqt li tipprovdi rotta sigura u effiċjenti għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet;

D.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tippromwovi l-psewdonimizzazzjoni tal-utenti iżda mhux l-anonimizzazzjoni tagħhom;

E.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit hija teknoloġija li għadha qed tevolvi u li teħtieġ qafas favur l-innovazzjoni, ta' abilitazzjoni u ta' inkoraġġiment li jipprovdi ċertezza legali u jirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġija, filwaqt li fl-istess ħin jippromwovi l-protezzjoni tal-konsumatur, tal-investitur u dik ambjentali, iżid il-valur soċjali tat-teknoloġija, inaqqas id-distakk diġitali u jtejjeb il-ħiliet diġitali taċ-ċittadini;

F.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tipprovdi qafas ta' trasparenza, tnaqqas il-korruzzjoni, tidentifika l-evażjoni tat-taxxa, tippermetti t-traċċar ta' pagamenti illegali, tiffaċilita l-politiki kontra l-ħasil tal-flus u tidentifika l-miżapproprjazzjoni tal-assi;

G.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tagħmilha possibbli li tiġi żgurata l-integrità tad-data, u l-kapaċità li tipprovdi permessi tal-awditjar li juru kull tbagħbis, tippermetti mudelli ġodda ta' amministrazzjoni pubblika u tgħin biex ikun hemm titjieb fis-sikurezza;

H.

billi l-approċċ regolatorju lejn it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit jenħtieġ li jkun favur l-innovazzjoni u bbażat fuq il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, filwaqt li jippermetti wkoll il-ħolqien ta' ekosistemi favur l-innovazzjoni u ċentri ta' innovazzjoni;

I.

billi l-blockchain hija biss waħda minn diversi tipi ta' Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit; billi ċerti soluzzjonijiet tat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit jaħżnu t-tranżazzjonijiet individwali kollha fi blokok li jkunu marbutin ma' xulxin f'ordni kronoloġika biex tinħoloq katina li tiżgura s-sikurezza u l-integrità tad-data;

J.

billi l-attakki ċibernetiċi huma kkunsidrati li għandhom inqas impatt fuq dawn il-ktajjen peress li jridu jattakkaw b'suċċess numru kbir ta' kopji minflok verżjoni ċentralizzata;

K.

billi t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' ttejjeb b'mod sinifikanti s-setturi ewlenin tal-ekonomija kif ukoll il-kwalità tas-servizzi pubbliċi, billi tipprovdi lill-konsumaturi u ċ-ċittadini livell għoli ta' sodisfazzjon fit-tranżazzjonijiet li jwettqu u tnaqqas l-ispejjeż li jġarrbu;

L.

billi l-mistoqsijiet u t-tħassib relatati mal-applikazzjoni ta' regolamentazzjoni u regoli orizzontali, fi kwistjonijiet bħall-protezzjoni tad-data jew it-tassazzjoni, jistgħu jxekklu l-iżvilupp potenzjali tat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit fl-UE;

M.

billi l-applikazzjonijiet tat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit għandhom il-potenzjal li malajr isiru sistemiċi, bl-istess mod kif l-innovazzjonijiet diġitali biddlu b'mod fundamentali s-servizzi f'setturi oħra, bħat-telekomunikazzjoni;

N.

billi r-riskji u l-problemi tat-teknoloġija għadhom mhumiex magħrufa għalkollox;

Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit, deċentralizzazzjoni u applikazzjonijiet

1.

Jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tnaqqas l-ispejjeż relatati mal-intermedjazzjoni f'ambjent fdat bejn il-partijiet fi tranżazzjoni u tippermetti skambju ta' valur bejn il-pari li jista' jagħti s-setgħa liċ-ċittadini, joħloq xkiel għall-mudelli tradizzjonali, itejjeb is-servizzi u jnaqqas l-ispejjeż tul il-ktajjen ta' valur f'firxa wiesgħa ta' setturi ewlenin;

2.

Jissottolinja l-impatt qawwi li l-applikazzjonijiet ibbażati fuq it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit jista' jkollhom fuq l-istruttura tal-governanza pubblika u r-rwol tal-istituzzjonijiet, u jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju li jivvaluta x-xenarji potenzjali ta' adozzjoni usa' ta' netwerks pubbliċi bbażati fuq it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit;

3.

Jenfasizza l-firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit li potenzjalment jistgħu jaffettwaw is-setturi kollha tal-ekonomija;

Applikazzjonijiet b'Konsum Baxx ta' Enerġija u li jirrispettaw l-Ambjent

4.

Jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tittrasforma u tiddemokratizza s-swieq tal-enerġija billi tippermetti li l-unitajiet domestiċi jipproduċu enerġija li tirrispetta l-ambjent u jiskambjawha fuq bażi bejn il-pari; jenfasizza li tali teknoloġiji jipprovdu l-iskalabbiltà u l-flessibbiltà għall-operaturi tal-impjanti, il-fornituri u l-konsumaturi;

5.

Jissottolinja li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tappoġġa l-produzzjoni u l-konsum ta' enerġija ekoloġika u tista' ttejjeb l-effiċjenza tal-iskambji ta' enerġija; jinnota li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tittrasforma l-operazzjoni tal-grid u tippermetti lil komunitajiet u individwi jipprovdu servizzi tal-grid kif ukoll jintegraw ir-riżorsi rinnovabbli b'mod aktar effiċjenti; jenfasizza wkoll lit-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' toħloq alternattivi għall-iskemi ta' investiment pubbliku favur l-enerġija rinnovabbli;

6.

Jinnota li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tiffaċilita t-trażmissjoni tal-enerġija u l-infrastruttura tad-distribuzzjoni u toħloq ekosistema ġdida ta' tranżazzjonijiet għall-vetturi elettriċi; jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit ittejjeb ir-rapportar dwar l-enerġija u tippermetti t-traċċar eżatt taċ-ċertifikati tas-sorsi rinnovabbli jew tal-karbonju;

7.

Jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tappoġġa l-elettrifikazzjoni ta' komunitajiet rurali fqar permezz ta' mekkaniżmi alternattivi ta' pagament u ta' donazzjoni;

8.

Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu promossi s-soluzzjonijiet tekniċi li jikkunsmaw inqas enerġija u ġeneralment huma kemm jista' jkun favur l-ambjent; jenfasizza li bosta mekkaniżmi ta' kunsens, fosthom il-"prova tax-xogħol", il-"prova tal-involviment", il-"prova tal-awtorità"u l-"prova tal-ħin li għadda", għandhom bżonnijiet differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsum tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni żżid dimensjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fl-attivitajiet tagħha relatati mat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit u, permezz tal-inizjattivi ta' riċerka, tesplora l-impatt fuq l-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija tal-bosta mekkaniżmi ta' kunsens;

9.

Jitlob li jkun hemm valutazzjoni tal-mudelli ta' governanza fid-diversi mekkaniżmi ta' kunsens li qed jiġu żviluppati, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet potenzjali ta' sistemi, atturi u organizzazzjonijiet intermedjarji sabiex tiġi vvalidata u vverifikata l-awtentiċità tal-iskambji u biex tiġi evitata mġiba frawdolenti fi żmien debitu;

10.

Jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' ġġib opportunitajiet ġodda għall-ekonomija ċirkolari billi tinċentiva r-riċiklaġġ u tippermetti sistemi ta' fiduċja u reputazzjoni f'ħin reali;

It-trasport

11.

Jenfasizza l-potenzjal tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit għall-mobilità u l-loġistika, inklużi r-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tal-vetturi, il-verifika tad-distanzi tas-sewqan, l-assigurazzjoni intelliġenti u l-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi;

Is-settur tal-Kura tas-Saħħa

12.

Jenfasizza l-potenzjal tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit biex jitjiebu l-effiċjenza tad-data u r-rapportar tal-provi kliniċi fis-settur tas-saħħa, li jippermetti l-iskambju ta' data diġitali bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati taħt il-kontroll taċ-ċittadini/tal-pazjenti;

13.

Jirrikonoxxi l-potenzjal biex tittejjeb l-effiċjenza tas-settur tal-kura tas-saħħa permezz tal-interoperabbiltà tad-data elettronika dwar is-saħħa, il-verifika tal-identità u distribuzzjoni aħjar tal-mediċini;

14.

Jinnota li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw id-data tagħhom relatata mas-saħħa u jibbenefikaw minn trasparenza, u jagħżlu liema data jikkondividu, kif ukoll fir-rigward tal-użu tagħha mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-ekosistema usa' tal-kura tas-saħħa; jenfasizza li l-applikazzjonijiet tat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit jenħtieġ li jipproteġu l-privatezza tad-data sensittiva dwar is-saħħa;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-użu ta' każijiet abbażi tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit fil-ġestjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, u tidentifika każijiet ta' referenza u rekwiżiti li jippermettu entraturi tad-data ta' kwalità għolja u interoperabbiltà fost it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit, skont is-sistemi u t-tipi ta' istituzzjoni u l-proċessi ta' ħidma tagħhom;

Ktajjen tal-Provvista

16.

Jissottolinja l-importanza tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit fit-titjib tal-ktajjen tal-provvista; jinnota li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tiffaċilita t-trażmissjoni u l-monitoraġġ tal-oriġini tal-beni u l-ingredjenti jew il-komponenti tagħhom, it-titjib fit-trasparenza, il-viżibbiltà u l-kontroll tal-konformità, billi tipprovdi garanziji li l-protokolli tas-sostenibbiltà u tad-drittijiet tal-bniedem huma rispettati fil-post ta' oriġini ta' prodott, u b'hekk jonqos ir-riskju li l-beni illegali jidħlu fil-katina tal-provvista u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur; jinnota li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tintuża bħala għodda biex ittejjeb l-effiċjenza tal-uffiċjali doganali għal kontroll kontra l-falsifikazzjoni;

L-Edukazzjoni

17.

Jenfasizza l-potenzjal tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit fil-verifika tal-kwalifiki akkademiċi, fiċ-ċertifikazzjoni edukattiva kriptata (eż. il-"blockcerts"), u fil-mekkaniżmi ta' trasferiment ta' kreditu;

18.

Jenfasizza li n-nuqqas ta' għarfien dwar il-potenzjal tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit jiskoraġġixxi liċ-ċittadini Ewropej milli jużaw soluzzjonijiet innovattivi għan-negozji tagħhom;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti entitajiet mingħajr skop ta' qligħ, pereżempju ċentri tar-riċerka li jkunu ċentri tal-innovazzjoni li jispeċjalizzaw f'Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit sabiex iwettqu funzjonijiet edukattivi b'rabta mat-teknoloġija fl-Istat Membru;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li toħloq netwerk interoperabbli, faċilment skalabbli u mal-UE kollha li jagħmel użu mir-riżorsi teknoloġiċi tal-istituzzjonijiet edukattivi fl-Unjoni, bil-għan li tiġi adottata din it-teknoloġija għall-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni, u dan iwassal għar-rikonoxximent aktar effettiv tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jadattaw kurrikuli speċjalizzati fil-livell universitarju sabiex jiġi inkluż l-istudju tat-teknoloġiji emerġenti bħat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit;

21.

Jirrikonoxxi li biex it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tkun fdata, jeħtieġ li jittejbu l-għarfien u l-fehim tat-teknoloġija; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw dan permezz ta' taħriġ u edukazzjoni mmirati;

L-industriji kreattivi u d-drittijiet tal-awtur

22.

Jissottolinja l-fatt li għal kontenut kreattiv "diġitalizzat", it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tippermetti t-traċċar u l-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali u tiffaċilita d-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tal-privattivi; jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tippermetti sjieda akbar u żvilupp kreattiv akbar tal-artisti permezz ta' reġistru pubbliku miftuħ li jista' jidentifika wkoll biċ-ċar sjieda u drittijiet tal-awtur; jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tista' tgħin torbot il-ħallieqa max-xogħol tagħhom, b'hekk tiżdied is-sikurezza u l-funzjonalità fil-kuntest ta' ekosistema tal-innovazzjoni kollaborattiva u miftuħa, speċjalment f'oqsma bħall-manifattura addittiva u l-istampar 3D;

23.

Jinnota li l-awturi jistgħu jibbenefikaw mit-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit billi l-użu tal-kontenut kreattiv tagħhom ikun aktar trasparenti u traċċabbli, kif ukoll biex jitnaqqsu l-intermedjarji fir-rigward tal-pagament tal-kontenut kreattiv tagħhom;

Is-settur finanzjarju

24.

Jenfasizza s-sinifikat tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit fl-intermedjazzjoni finanzjarja u l-potenzjal tagħha għat-titjib tat-trasparenza u t-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u l-ispejjeż moħbija u dan billi jiġu ġestiti aħjar il-proċessi tad-data u tas-simplifikazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi tal-interoperabbiltà u li l-użu tat-teknoloġija jista' jkollu għas-settur finanzjarju;

25.

Jilqa' r-riċerka u l-esperimentazzjoni li l-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin wettqu fl-esplorazzjoni tal-kapaċitajiet tat-Teknoloġija fir-Reġistru Distribwit; jenfasizza li l-użu tat-teknoloġija jista' jaffettwa wkoll l-infrastrutturi tal-industrija finanzjarja u jxekkel l-intermedjazzjoni finanzjarja;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet finanzjarji jissorveljaw it-tendenzi li qed jiżviluppaw u l-każijiet ta' użu fis-settur finanzjarju;

27.

Jenfasizza l-volatilità u l-inċertezza li hemm marbuta mal-kriptomuniti; jinnota li l-fattibbiltà ta' metodi alternattivi ta' pagament u trasferiment ta' valur bl-użu tal-kriptomuniti jistgħu jiġu eżaminati aktar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE jipprovdu feedback dwar is-sorsi ta' volatilità tal-kriptomuniti, jidentifikaw perikli għall-pubbliku u jesploraw il-possibbiltajiet tal-inkorporazzjoni tal-kriptomuniti fis-sistema Ewropea tal-pagamenti;

L-ekosistema tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit

L-Awtosovranità, l-Identità u l-Fiduċja

28.

Jissottolinja l-fatt li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tippermetti lill-utenti jidentifikaw lilhom infushom waqt li jkunu jistgħu jikkontrollaw liema data personali jridu jikkondividu; jinnota li firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet tista' tippermetti livelli ta' trasparenza differenti, filwaqt li titqajjem bżonn għall-applikazzjonijiet biex ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni; jenfasizza wkoll li d-data f'reġistru pubbliku hija psewdonima u mhux anonima;

29.

Jenfasizza li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tappoġġa l-emerġenza ta' mudelli ġodda biex jinbidlu l-kunċett u l-arkitettura attwali tal-identitajiet diġitali; jinnota li bħala riżultat, l-identità diġitali tiġi estiża għan-nies, l-organizzazzjonijiet u l-oġġetti, u tissimplifika aktar il-proċessi tal-identità bħal "Kun Af lill-Klijent Tiegħek", filwaqt li tippermetti kontroll personali tad-data;

30.

Jenfasizza li l-ġestjoni tad-data personali timplika li l-utenti jkollhom il-kapaċità u l-għarfien u l-ħiliet tekniċi biex jimmaniġġjaw id-data tagħhom stess; huwa mħasseb dwar il-perikli tal-użu ħażin tad-data tagħhom stess u l-vulnerabbiltà fi skemi frawdolenti minħabba n-nuqqas ta' għarfien;

31.

Jenfasizza li l-identitajiet diġitali huma importanti ħafna għall-futur ta' din it-teknoloġija; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif tiġi żgurata s-sigurtà ta' din id-data;

32.

Jissottolinja li, għalkemm it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit tippromwovi l-identità awtosovrana, id-"dritt li jkun minsi"mhuwiex applikabbli faċilment f'din it-teknoloġija;

33.

Jenfasizza li huwa ta' importanza fundamentali li l-użu tat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit ikun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u, b'mod partikolari, mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) jipprovdu aktar gwida dwar dan il-punt;

34.

Jenfasizza li l-fiduċja fit-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit hija possibbli permezz ta' algoritmi kriptografiċi li jissostitwixxu parti terza intermedjarja permezz ta' mekkaniżmu li jwettaq il-validazzjoni, is-salvagwardja u l-preservazzjoni tat-tranżazzjonijiet;

35.

Jenfasizza li l-fiduċja fil-blockchains mhux ristretti hija possibbli permezz ta' algoritmi kriptografiċi, il-parteċipanti, id-disinn tan-netwerk u l-istruttura, u li partijiet terzi intermedjarji jistgħu jiġu sostitwiti permezz ta' mekkaniżmu li jwettaq il-validazzjoni, is-salvagwardja u l-preservazzjoni ta' tranżazzjonijiet u jaċċellera l-kklerjar u l-ħlas ta' ċerti tranżazzjonijiet tat-titoli; jinnota li l-effiċjenza tas-salvagwardji tiddependi fuq l-implimentazzjoni xierqa tat-teknoloġija, u li dan jappella għal żviluppi teknoloġiċi li jiżguraw sikurezza reali, u b'hekk it-tisħiħ tal-fiduċja;

Kuntratti intelliġenti

36.

Jenfasizza li l-kuntratti intelliġenti huma element importanti ffaċilitat bit-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit u jaġixxu bħala faċilitatur fundamentali tal-applikazzjonijiet deċentralizzati; jenfasizza li l-Kummissjoni teħtieġ twettaq valutazzjoni fil-fond tal-implikazzjonijiet potenzjali u legali, eż. ir-riskji relatati mal-ġurisdizzjoni; jemmen li l-monitoraġġ tal-każijiet ta' użu se jkun ta' benefiċċju fl-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-kuntratti intelliġenti;

37.

Jenfasizza li ċ-ċertezza legali rigward il-validità ta' firma kriptografika diġitali hija pass kruċjali lejn il-faċilitazzjoni tal-kuntratti intelliġenti;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards tekniċi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-ISO, ITU u CEN-CELENEC, u twettaq analiżi fil-fond tal-qafas legali eżistenti fl-Istati Membri individwali b'rabta mal-infurzabbiltà tal-kuntratti intelliġenti; jitlob lill-Kummissjoni, jekk jirriżultaw ostakli potenzjali fl-użu ta' tali kuntratti fis-Suq Uniku Diġitali, tieħu miżuri xierqa sabiex tivvaluta jekk tali ostakli humiex proporzjonati; jinnota, madankollu, li fir-rigward il-kuntratti intelliġenti, iċ-ċertezza legali tista' tissaħħaħ permezz ta' koordinazzjoni legali jew rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri;

L-Interoperabilità, l-istandardizzazzjoni u l-iskalabbiltà

39.

Jenfasizza li hemm kostellazzjoni ta' teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit b'diversi karatteristiċi teknoloġiċi kif ukoll mekkaniżmi differenti li jikkonċernaw il-governanza (reġistri distribwiti awtorizzati jew mhux awtorizzati) u l-kunsens;

40.

Jinnota li l-iżgurar fl-effiċjenza jirrikjedi interoperabbiltà: (i) bejn it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit; (ii) bejn applikazzjonijiet mibnija fuq l-istess teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit; u (iii) bejn it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit u s-sistemi tradizzjonali;

41.

Jilqa' l-inizjattivi ta' organizzazzjonijiet bħall-ISO biex jiġu stabbiliti standards għat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tikkollabora ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jistabbilixxu l-istandards;

42.

Jenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ globali għall-istabbiliment tal-istandards sabiex b'hekk il-kumpaniji innovattivi ma jiġux rregolati barra l-UE;

43.

Jissottolinja l-fatt li biex tiġi ġġenerata l-fiduċja permezz ta' Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit jeħtieġ li jkun hemm għadd akbar ta' reġistri distribwiti b'saħħithom u estiżi bil-għan li tiġi evitata l-konċentrazzjoni ta' data f'idejn ftit parteċipanti tas-suq minħabba li dan jista' jwassal għal kollużjoni; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ċentri tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit madwar l-UE;

Is-Sigurtà tal-infrastruttura

44.

Ifakkar l-importanza tal-ħarsien tal-infrastruttura tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit, u jissuġġerixxi li, sabiex nisfruttaw il-benefiċċji ta' din it-teknoloġija b'mod effikaċi, l-abbużi ta' pożizzjoni dominanti ma jridux ikunu permessi;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi teknoloġiċi (bħal quantum computing), tivvaluta r-riskji teknoloġiċi, tappoġġa r-reżiljenza għal attakk ċibernetiku jew kollass tas-sistema, u tippromwovi l-proġetti tal-protezzjoni tad-data li jiżguraw is-sostenibbiltà tal-pjattaformi tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit bħala parti mill-aġenda tal-EU Blockchain Observatory; jistieden lill-Kummissjoni biex talloka riżorsi kif meħtieġ;

46.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni jiżviluppaw testijiet tal-istress għal applikazzjonijiet tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit;

L-importanza Strateġika tat-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit għall-infrastruttura pubblika

47.

Jissottolinja l-potenzjal ta' effiċjenza tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit għas-servizzi u l-ġestjoni tas-settur pubbliku fir-rigward tat-tnaqqis fil-burokrazija, speċjalment fid-dawl tal-infurzar tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku, b'referenza partikolari għall-adozzjoni, fl-UE kollha, tal-prinċipju diġitali tat-trażmissjoni ta' informazzjoni darba biss (TOOP), u biex b'hekk ikompli jitnaqqas il-piż amministrattiv għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

48.

Jenfasizza l-potenzjal tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit biex il-governanza tiġi deċentralizzata u biex tittejjeb l-abbiltà taċ-ċittadini li jżommu lill-gvernijiet responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-titjib tas-servizzi pubbliċi tradizzjonali, inklużi fost l-oħrajn id-diġitalizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni tar-reġistri pubbliċi, ir-reġistri tal-artijiet, il-liċenzjar, iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċittadini (eż. ċertifikati tat-twelid jew taż-żwieġ) u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' każijiet ta' użu u proġetti pilota konkreti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora wkoll l-applikazzjonijiet tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit li jtejbu l-proċessi relatati mal-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-iskambji tad-data, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi tal-gvern elettroniku bl-użu ta' identità diġitali deċentralizzata;

49.

Huwa konxju tar-riskji assoċjati mal-applikazzjonijiet tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit, b'mod partikolari l-użu ta' applikazzjonijiet blockchain mhux ristretti għal attivitajiet kriminali, inklużi l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, u jinsisti li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu ssorveljati u indirizzati b'mod urġenti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, biex tesplora wkoll il-potenzjal tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi, it-traċċar tal-ħasil tal-flus u tat-tranżazzjonijiet tal-ekonomija sewda, u l-monitoraġġ tat-taxxa;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-potenzjal tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit biex ittejjeb l-interess kollettiv u tivvaluta l-impatt soċjali tat-teknoloġija;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaformi bbażati fuq it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit li jippermettu l-monitoraġġ u t-traċċar tal-finanzjament tal-UE lill-NGOs, biex b'hekk jiżdiedu l-viżibbiltà tal-programmi ta' għajnuna tal-UE u r-responsabbiltà ta' min jirċeviha;

52.

Jenfasizza, filwaqt li jżomm f'moħħu l-opportunitajiet ta' effiċjenza li ġġib magħha t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit, il-potenzjal tal-blockchains tas-settur pubbliku Ewropew tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit, konformi mad-dritt tal-Unjoni, li se jippermettu tranżazzjonijiet transkonfinali deċentralizzati bejn l-Istati Membri, b'hekk jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' servizzi aktar siguri u ssimplifikati, ir-rapportar regolatorju, u t-tranżazzjonijiet tad-data bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE;

53.

Jissottolinja li l-blockchains tas-settur pubbliku tal-UE jippermettu aktar trasparenza, kif ukoll ipproċessar aktar simplifikat tal-informazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi aktar siguri għaċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza kif netwerk ta' blockchains ristretti kondiviż bejn l-Istati Membri jista' jkun iddiżinjat biex jaħżen id-data taċ-ċittadini b'mod sigur u flessibbli;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa s-sikurezza u l-effiċjenza tas-sistemi tal-votazzjoni elettroniċi, inklużi dawk li jużaw it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit, kemm għas-setturi privati kif ukoll dawk pubbliċi; iħeġġeġ l-esplorazzjoni ulterjuri tal-każijiet ta' użu;

L-SMEs, il-finanzjament u t-trasferiment tat-teknoloġija

55.

Jilqa' l-fatt li t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit għandha l-potenzjal li ttejjeb il-ktajjen ta' valur eżistenti, tittrasforma l-mudelli kummerċjali u b'hekk tippromwovi l-prosperità mmexxija mill-innovazzjoni; jenfasizza l-impatt tas-simplifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u taż-żieda tal-interoperabbiltà fost id-ditti;

56.

Jenfasizza li l-protokolli tal-blockchains miftuħa jistgħu jnaqqsu l-ostakli għad-dħul tal-SMEs u jtejbu l-kompetizzjoni fis-swieq diġitali;

57.

Jenfasizza li l-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn diżintermedjazzjoni billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni kif ukoll l-ispejjeż u l-burokrazija żejda tal-intermedjazzjoni; jinnota li l-użu tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit jirrikjedi investimenti f'infrastruttura speċjalizzata jew f'servizzi ta' kapaċità għolja;

58.

Jinnota li SMEs innovattivi u negozji ġodda jeħtieġu aċċess għall-finanzjament sabiex jiżviluppaw proġetti abbażi tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit; jistieden lill-BEI u l-FEI joħolqu opportunitajiet ta' finanzjament li bihom jappoġġaw l-isforzi intraprenditorjali abbażi tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit biex jaċċelleraw it-trasferiment tat-teknoloġija;

59.

Jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi sħab mal-Istati Membri biex tiżgura ċ-ċertezza legali għall-investituri, l-utenti u ċ-ċittadini, kemm attivi kif ukoll passivi, filwaqt li tinkoraġġixxi armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni u tistudja l-idea tal-introduzzjoni ta' passaport Ewropew għal proġetti abbażi tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit;

60.

Jenfasizza l-potenzjal tal-Offerti Inizjali tal-Muniti(ICOs) bħala strument ta' investiment alternattiv fil-finanzjament tal-SMEs u n-negozji ġodda innovattivi u biex jaċċellera t-trasferiment tat-teknoloġija; jenfasizza l-fatt li n-nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tal-qafas legali applikabbli għall-ICOs jista' jaffettwa b'mod negattiv il-potenzjal tagħhom; ifakkar li ċ-ċertezza legali tista' tkun strumentali fiż-żieda tal-protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur u fit-tnaqqis tar-riskji li ġejjin minn informazzjoni asimmetrika, imġiba frawdolenti, attivitajiet legali bħall-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa, u riskji oħra kif enfasizzat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fir-rapport tagħha tal-2017 dwar l-ICOs; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida, standards, u rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni, speċjalment fil-każ ta' tokens ta' utilità li jikkwalifikaw aktar bħala klassi tal-assi distinta milli bħala titolu;

61.

Jenfasizza l-perikli relatati mal-ICOs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati jidentifikaw kriterji li jsaħħu l-protezzjoni tal-investitur u jistabbilixxu rekwiżiti u obbligi ta' divulgazzjoni għall-inizjaturi tal-ICOs; jenfasizza li ċ-ċarezza legali hija essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ICOs u jiġu evitati l-frodi u s-sinjali negattivi tas-suq;

62.

Jenfasizza li l-ICOs jistgħu jkunu element essenzjali fi ħdan l-nnjoni tas-swieq kapitali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora r-rekwiżiti legali li jippermettu din il-klassi ta' assi titħallat ma' vetturi finanzjarji oħra fit-tisħiħ tal-finanzjament u l-proġetti ta' innovazzjoni tal-SMEs;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq Osservatorju għall-Monitoraġġ tal-ICOs, kif ukoll bażi ta' data tal-karatteristiċi u t-tassonomija tagħhom, u b'hekk issir distinzjoni bejn tokens ta' titoli u ta' utilità; jissuġġerixxi li qafas mudell ta' sperimentazzjoni regolatorja u kodiċi ta' kondotta akkumpanjat minn standards jista' jkun l-eżitu ta' benefiċċju ta' dan l-osservatorju f'termini ta' għajnuna lill-Istati Membri biex jesploraw il-possibbiltajiet tal-ICOs;

64.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex jinkludu t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit bħala settur leġittimu ta' finanzjament fil-FEIS 2.0;

Politiki li jsaħħu t-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit fl-Ewropa

65.

Jenfasizza li kwalunkwe approċċ regolatorju fir-rigward tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit jenħtieġ li jkun favur l-innovazzjoni, jippermetti l-passaportar, u jenħtieġ li jkun iggwidat mill-prinċipji ta' newtralità teknoloġika u ta' newtralità mil-lat tal-mudell tan-negozju;

66.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jwettqu strateġiji ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid fil-qasam tal-ħiliet diġitali, li jistgħu jiżguraw parteċipazzjoni attiva u inklużiva tas-soċjetà Ewropea fil-bidla tal-paradigma;

67.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jibnu malajr l-għarfien espert tekniku u l-kapaċità regolatorja li jippermettu li tittieħed azzjoni leġiżlattiva jew regolatorja rapida, jekk u meta jkun xieraq;

68.

Jissottolinja l-fatt li l-Unjoni jenħtieġ li ma tirregolax it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit per se, iżda jenħtieġ li tipprova tneħħi l-ostakli eżistenti għall-implimentazzjoni tal-blockchains; jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni li ssegwi l-metodu abbażi tal-użu f'każijiet preċedenti biex tesplora l-ambjent regolatorju rigward l-użu tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit u l-atturi li jużawha skont is-settur, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-konverġenza u l-armonizzazzjoni tal-approċċi regolatorji;

69.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta u tiżviluppa qafas legali Ewropew sabiex issolvi kwalunkwe problema ġurisdizzjonali li tista' tinqala' fil-każ ta' każijiet frawdolenti jew kriminali fl-iskambju tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit;

70.

Jinnota li l-użu ta' każijiet huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-aħjar prattiki fl-ekosistema tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit u għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-effetti fuq l-istruttura tal-impjiegi li joriġinaw mill-awtomatizzazzjoni tal-proċeduri;

71.

Jilqa' l-oqfsa tar-riċerka li jħarsu 'l quddiem immirati biex itejbu l-valutazzjoni tal-opportunitajiet u l-isfidi potenzjali ta' teknoloġiji emerġenti b'appoġġ għat-teħid aħjar tad-deċiżjonijiet, u jilqa' b'mod konkret il-proġett tal-Kummissjoni "Blockchain4EU: Blockchain for Industrial Transformations"(Blockchain4EU: Blockchain għat-Trasformazzjonijiet Industrijali);

72.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi komuni biex iżidu s-sensibilizzazzjoni u jħarrġu liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jiġu ffaċilitati l-fehim u l-użu ta' din it-teknoloġija;

73.

Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-investiment fit-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit; jinnota li l-QFP ta' wara l-2020 jenħtieġ li jiżgura finanzjament għal inizjattivi u proġetti ta' riċerka bbażati fuq it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit, billi riċerka bażika dwar it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit hija meħtieġa, inkluża riċerka dwar ir-riskji potenzjali u l-impatt soċjetali;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit, tieħu inizjattivi għall-edukazzjoni taċ-ċittadini rigward it-teknoloġija u tindirizza l-problema tad-distakk diġitali bejn l-Istati Membri;

75.

Jirrakkomanda li inizjattivi u proġetti pilota eżistenti u futuri relatati mat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit imwettqa mill-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu kkoordinati mill-qrib, possibilment taħt il-gwida tal-Osservatorju tal-Blockchains tal-UE, sabiex jinkisbu effetti ta' sinerġija u jinħoloq valur miżjud reali filwaqt li jiġu evitati strutturi doppji li jiswew ħafna flus; jistieden lill-Kummissjoni twettaq skambji regolari mal-Parlament dwar il-progress miksub fi proġetti pilota relatati mat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit;

76.

Jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi ta' politika li jippromwovu l-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fil-qasam tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit;

77.

Jenfasizza li l-Unjoni għandha opportunità eċċellenti biex tkun minn ta' quddiem nett fil-qasam tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit u biex tkun attur kredibbli fit-tfassil tal-iżvilupp tagħha u tas-swieq b'mod globali f'kollaborazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħna;

o

o o

78.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0228.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2017)0211.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0023.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0408.


Top