This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018IP0372
European Parliament resolution of 3 October 2018 on International Financial Reporting Standards: IFRS 17 Insurance Contracts (2018/2689(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni (2018/2689(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni (2018/2689(RSP))
ĠU C 11, 13.1.2020, p. 2–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.1.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 11/2 |
P8_TA(2018)0372
Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni (2018/2689(RSP))
(2020/C 011/02)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (2), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi tal-assigurazzjoni (3), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (4), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (5), |
— |
wara li kkunsidra l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni, maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) fit-18 ta' Mejju 2017, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' Ottubru 2013 minn Philippe Maystadt bit-titlu "Should IFRS standards be more 'European'?"(L-IFRS għandhom ikunu aktar 'Ewropej'?), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-evalwazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) u dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) u tal-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB) (6), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9 (7), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 bit-titlu "Fitness check on the EU framework for public reporting by companies"(Kontroll tal-idoneità fuq il-qafas tal-UE għar-rappurtar pubbliku min-naħa tal-kumpaniji), |
— |
wara li kkunsidra t-talba tal-Kummissjoni li saret fis-27 ta' Ottubru 2017 għal parir għall-konferma tal-EFRAG rigward l-IFRS 17, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-ittra ta' osservazzjonijiet tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għall-abbozz ta' espożizzjoni tal-IASB dwar il-kuntratti tal-assigurazzjoni, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2017 dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2016 (COM(2017)0684), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) ta' Lulju 2017 bit-titlu "Financial stability implications of IFRS 9"(L-implikazzjonijiet tal-IFRS 9 għall-istabbiltà finanzjarja), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ta' Ottubru 2017 dwar l-istabbiltà finanzjarja globali bit-titlu "Is Growth at Risk?"(It-tkabbir jinsab f'riskju?), |
— |
wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa dwar l-IFRS 17 maħruġa mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) fis-17 ta' Lulju 2017, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima adottat fit-12 ta' Diċembru 2015, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-FSB ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Recommendations of the Task Force on Climate-related Financial Disclosure"(Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-divulgazzjoni finanzjarja relatata mal-klima), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 intitolata "Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli"(COM(2018)0097), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli tal-31 ta' Jannar 2018 intitolat "Financing a Sustainable European Economy"(Il-finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli), |
— |
wara li kkunsidra d-dokumenti tal-laqgħat ta' informazzjoni tal-EFRAG rigward l-IFRS 17 dwar ir-rilaxx tal-marġni ta' servizzi kuntrattwali, ir-rekwiżiti tranżizzjonali u l-livell tar-rekwiżiti ta' aggregazzjoni, |
— |
wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet rigward l-IFRS 17 bejn il-President tal-IASB, Hans Hoogervorst, il-President tal-fiduċjarji tal-Fondazzjoni tal-IFRS, Michel Prada, u l-President tal-Bord tal-EFRAG, Jean-Paul Gauzès, |
— |
wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2016 ippreparat għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji bit-titlu "Changes to Accounting and Solvency Rules: The (possible) Impact on Insurance and Pensions" (8) (Tibdil fir-regoli rigward il-kontabilità u s-solvenza: L-impatt (possibbli) fuq l-assigurazzjonijiet u l-pensjonijiet, |
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi, fit-18 ta' Mejju 2017, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ħareġ standard ġdid dwar il-kuntratti tal-assigurazzjoni, l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 17; billi, jekk approvat mill-UE, l-IFRS 17 se jidħol fis-seħħ fl-UE fl-1 ta' Jannar 2021 u se jissostitwixxi l-istandard interim IFRS 4; billi l-IFRS 17 huwa t-tielet standard prinċipali tal-kontabilità maħruġ mill-IASB wara l-IFRS 16 Kuntratti ta' kiri u l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji; billi l-emendi għall-IFRS 4 indirizzaw l-ispariġġ tad-dati ta' applikazzjoni bejn l-IFRS 17 u l-IFRS 9; |
B. |
billi l-IFRS 4 kien maħsub biss bħala standard temporanju, iżda jippermetti l-użu ta' firxa wiesgħa ta' standards u prattiki ta' kontabilità nazzjonali; billi teżisti diversità konsiderevoli fil-kontabilità tal-assigurazzjonijiet kurrenti, inkluż fil-kejl tal-obbligazzjonijiet u fir-rikonoxximent tad-dħul u tal-profitti; |
C. |
billi l-IFRS 17 jarmonizza r-regoli tal-kontabilità għall-kuntratti tal-assigurazzjoni f'kostitwenzi differenti, u huwa maħsub biex jipprovdi deskrizzjoni aktar realistika u jippermetti komparabilità aħjar tar-rapporti finanzjarji fis-settur tal-assigurazzjoni; |
D. |
billi, fir-rapport ta' Ottubru 2017 dwar l-istabbiltà finanzjarja globali, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) talab titjib fl-oqfsa regolatorji għall-assigurazzjoni tal-ħajja sabiex tiżdied it-trasparenza fir-rapportar u tinbena r-reżiljenza tal-industrija; billi l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) laqa' l-IFRS 17; |
E. |
billi l-kumpaniji tal-assigurazzjoni Ewropej, fl-għoti ta' firxa wiesgħa ta' prodotti ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni, ivarjaw fil-mudell kummerċjali tagħhom, inklużi fl-istrutturi tagħhom ta' investiment u obbligazzjoni; billi, bħala investituri istituzzjonali prinċipali, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni huma wkoll investituri fit-tul importanti; |
F. |
billi l-Kummissjoni qed twettaq kontroll tal-idoneità fuq il-qafas tal-UE għar-rapportar pubbliku min-naħa tal-kumpaniji, li fih eżaminat l-interazzjonijiet possibbli bejn l-IFRS 17, id-Direttiva dwar il-Kontabilità tal-Assigurazzjonijiet u s-Solvibbiltà II; |
G. |
billi bħalissa l-EFRAG qed iħejji l-parir għall-konferma tiegħu dwar l-IFRS 17 u jagħmel valutazzjoni tal-impatt dettaljata għal dan il-għan; billi fil-laqgħat ta' informazzjoni tiegħu, l-EFRAG identifika bħala oqsma kontroversjali l-livell ta' aggregazzjoni, il-marġni ta' servizzi kuntrattwali, ir-riassigurazzjoni, ir-rekwiżiti tranżizzjonali u l-impatt operattiv; |
H. |
billi l-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji se jeżamina l-IFRS 17 bir-reqqa; |
1. |
Jinnota li l-IFRS 17 se jirrikjedi bidla fundamentali fil-kontabilità għall-kuntratti tal-assigurazzjoni, iżda se jipprovdi aktar konsistenza u trasparenza u għandu l-għan li jżid il-komparabilità; |
2. |
Jinnota li hemm bżonn sforzi u spejjeż konsiderevoli u sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-IFRS 17, b'mod partikolari għall-SMEs li jaħdmu fil-qasam tal-assigurazzjoni, u dan juri l-kumplessità tal-istandard il-ġdid; jinnota li diġà qed isiru sforzi ta' implimentazzjoni u li l-IASB qed jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni, b'mod partikolari bl-istabbiliment ta' Grupp ta' Riżorsi ta' Tranżizzjoni (TRG) tal-IFRS 17; |
3. |
Jinnota l-eżistenza ta' tħassib relatat mal-preżentazzjoni tal-kuntratti ta' assigurazzjoni ġenerali, inkluż ir-riskju ta' tnaqqis fil-kwalità tad-divulgazzjoni, żidiet bla bżonn fil-kost tal-implimentazzjoni u żidiet sinifikanti fil-kumplessità tal-operazzjonijiet ta' rappurtar fl-ambitu tal-IFRS 17; jistieden lill-EFRAG iqis l-kost antiċipat ta' din il-miżura u jekk hijiex se tostakola l-fehim tal-impatt finanzjarju tal-kuntratti ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja; |
4. |
Jinnota li wieħed mill-għanijiet tal-IFRS 17 huwa li tiġi ġġenerata informazzjoni rilevanti għall-azzjonisti permezz ta' evalwazzjoni tal-obbligazzjonijiet fil-kuntratti ta' assigurazzjoni; jinnota li dan huwa proċess fundamentalment kumpless u jista' jaċċentwa t-taqlib finanzjarju; |
5. |
Jinnota li x-xogħol li qiegħed jagħmel l-EFRAG biex jabbozza l-parir għall-konferma tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet identifikati minnu, jiġifieri l-livell ta' aggregazzjoni, il-marġni ta' servizzi kuntrattwali, ir-riassigurazzjoni, ir-rekwiżiti tranżizzjonali u l-impatt operattiv; jinnota li f'Diċembru 2018 mistenni joħroġ il-parir għall-konferma finali; jirrakkomanda li dan il-kalendarju jiġi rieżaminat ladarba jkunu ġew mifhuma l-kobor u l-kumplessità tal-kwistjonijiet identifikati fil-proċess tat-testijiet fil-post; jilqa' b'sodisfazzjon il-kwistjonijiet indirizzati mill-Kummissjoni fl-appell tagħha lill-EFRAG għal parir, b'mod partikolari l-bżonn ta' eżami tal-effetti potenzjali fuq l-istabilità finanzjarja, il-kompetittività u s-swieq tal-assigurazzjoni, partikolarment għall-SMEs fil-qasam tal-assigurazzjoni, u l-bżonn ta' analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji; jistieden lill-EFRAG jara li l-karatteristiċi essenzjali kollha tal-koperturi tal-assigurazzjoni jkunu riflessi b'tali mod li ma jfixklux il-garanziji soċjali offruti; |
6. |
Jisħaq fuq il-bżonn li tkun mifhuma bis-sħiħ l-interazzjoni bejn l-IFRS 17, li juża approċċ ibbażat fuq il-prinċipji, u rekwiżiti regolatorji oħra għall-entitajiet tal-assigurazzjoni fl-UE, partikolarment Solvibbiltà II, speċjalment fir-rigward tal-kost tal-implimentazzjoni tal-IFRS 17; jiddispjaċih għall-fatt, iżda, li għadu ma ġie żviluppat l-ebda test fil-post biex jeżamina r-riperkussjonijiet potenzjali tal-IFRS 17 fuq l-istabilità finanzjarja, il-kompetittività u s-swieq finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tikkunsidra testijiet aktar estiżi, fosthom dawk fil-post, biex tivvaluta dawn l-effetti u l-interazzjonijiet; jilqa' pożittivament il-kontroll tal-idoneità li qiegħda tagħmel il-Kummissjoni fuq il-qafas tal-UE għar-rappurtar pubbliku min-naħa tal-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' dan il-kontroll u tqishom debitament fil-proċedura ta' konferma; jinnota t-tħassib tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-fatt li l-IFRS 17 jippermetti trattament kontabilistiku inkonsistenti għal tranżazzjonijiet simili, skont is-settur tal-emittenti; jistieden lill-EFRAG, għaldaqstant, iżomm kuntatt strett mal-EBA bil-għan li jivvaluta jekk dan it-tħassib għadux validu fil-kuntest tar-rekwiżiti finali tal-IFRS 17 u jekk tranżazzjonijiet ta' sustanza ekonomika simili humiex ittrattati b'mod konsistenti fl-ambitu tal-IFRS 17; |
7. |
Jinnota t-tħassib espress mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) bħala parti mir-risposta tagħha għall-konsultazzjoni tal-2013 dwar l-abbozz ta' espożizzjoni tal-IASB rigward il-kuntratti ta' assigurazzjoni, dwar il-preżentazzjoni tal-effetti tal-modifiki fir-rata ta' skont parzjalment fl-"introjtu ieħor komprensiv (OCI)"u parzjalment fil-profitt jew telf, li minħabba f'hekk ir-rapporti finanzjarji jistgħu jkunu diffiċli wisq biex jinftiehmu u b'hekk itellfu l-komparabilità tal-kuntratti li jkollhom karatteristiċi simili; jistieden lill-EFRAG, għaldaqstant, iżomm kuntatt strett mal-ESMA u jqis dan it-tħassib, jekk għadu rilevanti, huwa u jabbozza l-parir għall-konferma tiegħu, bħala parti mir-rekwiżiti finali tal-IFRS 17 u jikkonkludi jekk l-IFRS 17 jissodisfax il-kriterju tal-komprensibilità fil-proċess tal-konferma; jinnota t-tħassib espress mill-ESMA fl-ittra tagħha tal-2013 li kien fiha l-osservazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti proposti dak iż-żmien, jiġifieri li l-IFRS 17 jista' jonqos milli jkun biżżejjed ċar f'dik li hi l-preżentazzjoni tad-dħul, u li d-determinazzjoni tar-rata ta' skont u l-aġġustament għar-riskju jistgħu jxekklu l-infurzar effikaċi; jistieden lill-EFRAG, għaldaqstant, iżomm kuntatt strett mal-ESMA u jqis dan it-tħassib, jekk għadu rilevanti, huwa u jabbozza l-parir għall-konferma tiegħu, bħala parti mir-rekwiżiti finali tal-IFRS 17; jinnota t-tħassib tal-EBA dwar il-fatt li l-IFRS 17 jippermetti lil entità tal-assigurazzjoni tiddetermina rata ta' skont bl-użu ta' approċċ minn fuq għal isfel jew inkella minn isfel għal fuq; jistieden lill-EFRAG, għaldaqstant, iżomm kuntatt strett mal-EBA u jqis dan it-tħassib, jekk għadu rilevanti, huwa u jabbozza l-parir għall-konferma tiegħu, bħala parti mir-rekwiżiti finali tal-IFRS 17, partikolarment jekk din l-għażla tistax iżżid b'mod sinifikanti l-portata tal-ġudizzju u tal-inkonsistenza fl-applikazzjoni, li jwasslu potenzjalment għal tnaqqis tal-komparabilità tal-informazzjoni finanzjarja u għal ġestjoni suġġettiva tal-qligħ; jilqa' b'sodisfazzjon il-proġett ta' riċerka tal-IASB dwar ir-rati ta' skont u jinkoraġġixxi lill-IASB jiżviluppa approċċ konsistenti u olistiku rigward il-metodoloġiji għall-istimi u għall-applikazzjoni tar-rati ta' skont; |
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG iqisu r-rakkomandazzjonijiet spjegati fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-evalwazzjoni tal-IAS u tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-IFRS 9 għall-konferma tal-IFRS 17, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt tal-istandards il-ġodda fuq l-istabilità finanzjarja u l-investiment fit-tul fl-UE, iżda wkoll ir-riskji marbuta mat-tendenza li l-proviżjonijiet kontabilistiċi jikkawżaw effetti proċikliċi u/jew aktar volatilità, partikolarment peress li l-IFRS 17 se jdawwar l-attenzjoni mill-kost storiku għall-valuri kurrenti; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet Maystadt dwar l-espansjoni tal-kriterju tal-"ġid pubbliku", jiġifieri li l-istandards tal-kontabilità la għandhom jipperikolaw l-istabilità finanzjarja fl-UE u lanqas ixekklu l-iżvilupp ekonomiku tagħha; jistieden lill-Kummissjoni teżamina b'mod speċifiku jekk il-prattika ta' ċerti Stati Membri li jibbażaw it-tqassim tal-profitti fil-kontijiet IFRS mingħajr ma japplikaw l-ebda filtru għall-qligħ mhux realizzat, tirrispettax id-Direttiva dwar il-Manteniment tal-Kapital; |
9. |
Jinnota li, bħala konsegwenza tal-IFRS 17 u tal-IFRS 9, żewġ bidliet importanti fl-istandards tar-rappurtar finanzjarju qegħdin jaffettwaw il-kontabilità għall-impriżi tal-assigurazzjoni; jinnota, partikolarment, li l-bidliet fil-valwazzjoni issa jokkorru kemm fuq in-naħa tal-attiv kif ukoll fuq dik tal-passiv tal-karta bilanċjali tal-assiguratur, billi l-assi ta' investiment huma skont is-suq ("marked-to-market") u l-valwazzjonijiet tal-kuntratti ta' assigurazzjoni jinkludu stimi previżjonali tal-fluss tal-flus nett; jistieden lill-EFRAG jivvaluta l-interazzjoni potenzjali u kwalunkwe asimmetrija bejn l-IFRS 9 u l-IFRS 17; |
10. |
Jinnota li l-eżenzjonijiet għall-IFRS 17 u għall-IFRS 9 jippermettu l-applikazzjoni tal-IFRS 15 għall-kuntratti rilevanti; jistieden lill-EFRAG jivvaluta jekk dan it-trattament huwiex f'loku; |
11. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG iqisu t-tħassib relatat mal-livell ta' aggregazzjoni, inklużi r-rekwiżiti tal-mod kif jitmexxew fil-prattika l-affarijiet u tar-raggruppament tal-kuntratti f'koorti annwali, li jafu jagħtu rifless xejn ċar tat-tmexxija tal-affarijiet; |
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG iqisu, barra minn hekk, it-tħassib relatat mal-livell ta' aggregazzjoni sa fejn id-diżaggregazzjoni ta' portafoll skont kriterji ta' profittabilità u ta' koorti annwali taf ma tirriflettix il-mod kif jitmexxew l-affarijiet, filwaqt li, possibbilment, iżżid l-ispejjeż, il-kumplessità u l-piż amministrattiv għall-kumpaniji; |
13. |
Jitlob kjarifika ta' ċerti implikazzjonijiet negattivi potenzjali tar-rekwiżiti tranżizzjonali, partikolarment f'termini ta' kumplessità tal-approċċ retrospettivi u d-disponibilità limitata tad-data f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG iqisu l-konsegwenzi potenzjali fuq il-komparabilità kif ukoll il-kwistjonijiet marbuta mad-data fir-rigward tal-bżonn ta' applikazzjoni ta' bosta approċċi ta' tranżizzjoni għal portafoll wieħed ta' kuntratti ta' assigurazzjoni; |
14. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG iqisu l-vantaġġi potenzjali għall-partijiet ikkonċernati kollha; |
15. |
Jinnota li hemm ċertu tħassib fir-rigward tal-kuntratti ta' riassigurazzjoni, li jikkostitwixxu forma speċifika ta' assigurazzjoni; jistieden lill-EFRAG iqis l-impatt tar-rekwiżiti tal-IFRS 17 fuq il-kontabilità tar-riassigurazzjoni, billi jqis kemm l-interessi tal-benefiċjarji kif ukoll il-modus operandi tal-fornituri ta' riassigurazzjoni; |
16. |
Jistieden lill-European Corporate Reporting Lab, li l-EFRAG għandu kemm ħoloq, iwettaq it-tfassil tal-aħjar prattiki fil-qasam tar-rappurtar tal-kumpaniji, primarjament fir-rigward tad-divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima, konformement mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar dan is-suġġett; |
17. |
Jinnota li l-kobor u l-kumplessità reali tal-IFRS 17 se jkunu ċari biss ladarba l-EFRAG ikun lesta l-valutazzjoni tal-impatt tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG jeżaminaw, suġġett għar-riżultati ta' din il-valutazzjoni, il-fattibilità tal-kalendarju tal-lum għall-implimentazzjoni tal-IFRS 17, u jqisu l-interazzjoni potenzjali mad-dati ta' implimentazzjoni f'ġurisdizzjonijiet oħrajn; |
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), il-BĊE, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-EFRAG, tagħmel monitoraġġ, fil-każ ta' konferma pożittiva, tal-implimentazzjoni tal-IFRS 17 fl-UE, tħejji valutazzjoni tal-impatt ex post mhux aktar tard minn Ġunju 2024, u tippreżenta din il-valutazzjoni lill-Parlament u taġixxi skont il-fehmiet tal-Parlament dwar din il-valutazzjoni; |
19. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-assiguraturi huma responsabbli li jinfurmaw lill-investituri dwar l-effetti potenzjali tal-implimentazzjoni tal-IFRS 17; |
20. |
Jistieden lill-BERS jistabbilixxi task force dwar l-IFRS 17; |
21. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-IFRS 17, f'każ ta' adozzjoni, ikun jiffavorixxi l-ġid pubbliku Ewropew, inklużi s-sostenibilità tiegħu u l-objettivi ta' investiment fit-tul konformement mal-Ftehim ta' Pariġi; |
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.
(3) ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7.
(4) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0248.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0381.
(8) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/569996/IPOL_STU(2016)569996_EN.pdf