This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018IP0225
European Parliament resolution of 30 May 2018 on the interpretation and implementation of the Interinstitutional Agreement on Better Law-Making (2016/2018(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2016/2018(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2016/2018(INI))
ĠU C 76, 9.3.2020, p. 86–102
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 76/86 |
P8_TA(2018)0225
L-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2016/2018(INI))
(2020/C 76/10)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (1) ("il-FII l-ġdid"), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (2) ("il-Ftehim Qafas tal-2010"), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3) ("il-FII tal-2003"), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat għall-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi (4), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità (5), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali (6), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-13 ta' Ġunju 2007 dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni (7), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (8), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 (9), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-2019 (10), |
— |
wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta' Marzu 2014 ("il-kawża dwar il-bijoċidi"), tas-16 ta' Lulju 2015 ("il-kawża dwar il-mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża"), tas-17 ta' Marzu 2016 ("il-kawża dwar l-att delegat dwar is-CEF"), tal-14 ta' Ġunju 2016 ("il-kawża dwar it-Tanzanija") u tal-24 ta' Ġunju 2014 ("il-kawża dwar Mauritius") (11), |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar ir-reviżjoni ġenerali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (12), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi (13), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017 (14), |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea (15), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs (16), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (17), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011 (18), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010) (19), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità u r-Regolamentazzjoni Intelliġenti (20), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti (21), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mil-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Kompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar" (COM(2017)0651), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 294 tat-TFUE dwar il-proċedura ta' kodeċiżjoni, |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Overview of the Union's Efforts to Simplify and to Reduce Regulatory Burdens" (Ħarsa Ġenerali tal-Isforzi tal-Unjoni Favur is-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Piżijiet Regolatorji" (SWD(2017)0675), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016, bit-titolu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar" (22), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016, bit-titolu "Ir-Regolamentazzjoni Aħjar: Inwasslu riżultati aħjar għal Unjoni iktar b'saħħitha" (COM(2016)0615), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar - Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2017 intitolat "Better regulation guidelines" (Linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar) (SWD(2017)0350), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0170/2018), |
A. |
billi l-FII l-ġdid daħal fis-seħħ fil-jum li fih ġie ffirmat, jiġifieri fit-13 ta' April 2016; |
B. |
billi, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-FII l-ġdid, il-Parlament u l-Kummissjoni għamlu dikjarazzjoni fejn affermaw li l-ftehim il-ġdid "jirrifletti l-bilanċ bejn u l-kompetenzi rispettivi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kif stipulati fit-Trattati" u "huwa mingħajr preġudizzju għall-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea" (23); |
C. |
billi, sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-FII l-ġdid dwar il-programmazzjoni interistituzzjonali, il-Parlament irreveda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu, fost affarijiet oħra, sabiex jistabbilixxi l-proċessi interni għan-negozjar u l-adozzjoni ta' konklużjonijiet konġunti dwar programmazzjoni pluriennali u dikjarazzjonijiet konġunti dwar programmazzjoni interistituzzjonali annwali; |
D. |
billi, fil-kuntest tal-programmazzjoni interistituzzjonali annwali, it-tliet Istituzzjonijiet qablu dwar żewġ dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għas-snin 2017 u 2018-2019 rispettivament; |
E. |
billi, għall-kuntrarju tal-FII tal-2003, il-FII l-ġdid m'għadux jinkludi qafas legali għall-użu ta' metodi alternattivi ta' regolamentazzjoni, bħalma huma l-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni, u konsegwentement ma fih l-ebda referenza għal dawn il-metodi; |
F. |
billi l-paragrafu 13 tal-FII l-ġdid jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni kemm jista' jkun wiesgħa fil-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt tagħha; billi, bl-istess mod, il-paragrafu 19 tal-FII l-ġdid jirrikjedi li l-Kummissjoni, qabel ma tadotta proposta u mhux wara, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi b'mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li tiżgura li l-modalitajiet u l-iskadenzi ta' dawk il-konsultazzjonijiet pubbliċi jkunu jippermettu l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli, li ma tkunx limitata għall-interessi partikolari u l-lobbisti relatati; |
G. |
billi, f'Lulju tal-2017, il-Kummissjoni rrivediet il-linji gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar bl-għan li tispjega u tisfrutta aħjar ir-rabtiet bejn id-diversi stadji tat-tfassil tal-politika fi ħdan il-Kummissjoni, billi ssostitwiet il-linji gwida awtonomi preċedenti, li kienu jindirizzaw b'mod separat il-valutazzjoni tal-impatt, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni, filwaqt li inkludiet gwida ġdida dwar l-ippjanar u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati; |
H. |
billi skont il-paragrafu 16 tal-FII l-ġdid, il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva proprja jew fuq stedina mill-Parlament jew mill-Kunsill, tikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess jew twettaq ħidma analitika oħra li tkun tqis meħtieġa. |
I. |
billi l-FII l-ġdid jirrikonoxxi s-sostituzzjoni tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt preċedenti bil-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni; billi l-kompitu ta' dan tal-aħħar, inter alia, huwa li jwettaq kontroll oġġettiv tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni; billi sabiex inizjattiva, akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, tiġi ppreżentata għall-adozzjoni mill-Kummissjoni, hemm bżonn tal-opinjoni pożittiva tal-Bord; billi, fil-każ ta' opinjoni negattiva, l-abbozz tar-rapport irid jiġi rieżaminat u ppreżentat mill-ġdid lill-Bord, u, fil-każ ta' opinjoni negattiva sussegwenti, ikun hemm bżonn ta' deċiżjoni politika sabiex l-inizjattiva tkun tista' tkompli tipproċedi; billi l-opinjoni tal-Bord tiġi ppubblikata fis-sit web tal-Kummissjoni fl-istess ħin bħar-rapport relatat mal-inizjattiva kkonċernata u, fil-każ tal-valutazzjonijiet tal-impatt, ladarba l-Kummissjoni tkun adottat l-inizjattiva ta' politika relatata (24); |
J. |
billi fil-bidu tal-2017, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju kkompleta l-proċess ta' reklutaġġ tal-persunal tiegħu, fosthom tliet Membri minn barra l-Istituzzjonijiet tal-UE; billi fl-2016 il-Bord eżamina 60 valutazzjoni tal-impatt separata, li minnhom 25 (42 %) irċevew valutazzjoni inizjali negattiva, u dan wassal għal reviżjoni u preżentazzjoni mill-ġdid lill-Bord; billi, sussegwentement, il-Bord ta valutazzjonijiet ġeneralment pożittivi fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt riveduti kollha li waslulu ħlief waħda; billi l-Bord kellu skambju ta' informazzjoni mas-servizzi tal-Parlament dwar l-aħjar prattiki u metodoloġiji relatati mal-valutazzjonijiet tal-impatt; |
K. |
billi skont il-paragrafu 25 tal-FII l-ġdid, jekk tiġi prevista modifika tal-bażi ġuridika li tkun tinvolvi bidla mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal proċedura leġiżlattiva speċjali jew għal proċedura mhux leġiżlattiva, it-tliet Istituzzjonijiet se jkollhom skambju ta' fehmiet dwar dan. billi l-Parlament irreveda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jimplimenta din id-dispożizzjoni; billi s'issa ma kienx neċessarju li din id-dispożizzjoni tiġi applikata; |
L. |
billi skont il-paragrafu 27 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni eżistenti kollha tiġi allinjata mal-qafas legali li ġie introdott mit-Trattat ta' Lisbona, u b'mod partikolari l-ħtieġa li tingħata prijorità għolja lill-allinjament fil-pront tal-atti bażiċi kollha li għadhom jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS). billi l-Kummissjoni pproponiet dak it-tali allinjament f'Diċembru 2016 (25); billi l-Parlament u l-Kunsill attwalment qed jeżaminaw f'dettall kbir din il-proposta; |
M. |
billi hemm verżjoni ġdida tal-Fehim Komuni dwar l-Atti Delegati u dwar il-klawżoli standard relatati annessa mal-FII l-ġdid; billi skont il-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet se jidħlu f'negozjati mingħajr dewmien żejjed wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim, bil-ħsieb li jissupplementaw dan il-Fehim Komuni billi jipprevedu kriterji mhux vinkolanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE. billi, wara ħidma ta' tħejjija twila, finalment dawn in-negozjati bdew f'Settembru tal-2017; |
N. |
billi fil-paragrafu 29 tal-FII l-ġdid it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jistabbilixxu, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017, reġistru funzjonali konġunt ta' atti delegati, li jipprovdi informazzjoni b'mod strutturat tajjeb u faċli għall-utent, sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġi ffaċilitat l-ippjanar u tkun tista' ssir traċċabbiltà tal-istadji differenti kollha fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' att delegat. billi r-reġistru issa ġie stabbilit u beda jitħaddem f'Diċembru tal-2017; |
O. |
billi l-punt 32 tal-FII jipprevedi li "l-Kummissjoni għandha taqdi r-rwol tagħha bħala faċilitatur bit-trattament ugwali taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva, b'rispett sħiħ għar-rwoli assenjati mit-Trattati lit-tliet Istituzzjonijiet"; |
P. |
ifakkar li skont il-paragrafu 34 tal-FII l-ġdid, il-Parlament u l-Kunsill, fil-kapaċità tagħhom ta' leġiżlaturi, enfasizzaw l-importanza li jinżammu kuntatti mill-qrib diġà minn qabel in-negozjati interistituzzjonali, sabiex ikun hemm fehim reċiproku aħjar tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, u qablu, għal dak il-għan, li jiffaċilitaw skambju reċiproku ta' fehmiet u informazzjoni, inkluż billi jistiednu lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet l-oħra għal skambji informali ta' fehmiet fuq bażi regolari; billi dawn id-dispożizzjonijiet ma wasslu għall-ebda proċedura jew struttura speċifika ġdida; billi, filwaqt li l-kuntatt bejn l-Istituzzjonijiet ġie intensifikat fi ħdan il-qafas tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi, l-esperjenza tal-kumitati tagħti x'wieħed jifhem li ma hemm l-ebda approċċ sistematiku biex jiġi ffaċilitat tali skambju reċiproku ta' fehmiet u li għadu diffiċli biex wieħed jikseb informazzjoni u feedback mill-Kunsill dwar kwistjonijiet li jitqajmu fi ħdanu mill-Istati Membri; billi l-Parlament iħoss li din is-sitwazzjoni xejn ma hija sodisfaċenti; |
Q. |
billi, sabiex ikompli jsaħħaħ it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv, il-Parlament irreveda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jadatta r-regoli tiegħu dwar in-negozjati interistituzzjonali matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, filwaqt li kompla jibni fuq id-dispożizzjonijiet li ddaħħlu fl-2012; billi, filwaqt li l-mandati ta' negozjar kollha tal-Parlament huma pubbliċi, dan ma japplikax għall-mandati tal-Kunsill; billi l-Parlament iħoss li din is-sitwazzjoni xejn ma hija sodisfaċenti; |
R. |
billi fil-paragrafu 39 tal-FII l-ġdid, sabiex tiġi ffaċilitata t-traċċabbiltà tad-diversi passi fil-proċess leġiżlattiv, it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jidentifikaw, sal-31 ta' Diċembru 2016, modi ta' kif jiżviluppaw aktar pjattaformi u għodod għal dak l-għan, bil-ħsieb li tiġi stabbilita bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi; billi, sal-lum, ma nħolqot l-ebda bażi tad-data konġunta ta' dan it-tip; |
S. |
billi fil-paragrafu 40 tal-FII l-ġdid, rigward in-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jiltaqgħu fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-FII l-ġdid sabiex jinnegozjaw arranġamenti prattiċi mtejba għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni fil-qafas tat-Trattati, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; billi dawn in-negozjati bdew f'Novembru tal-2016 u għadhom għaddejjin; |
T. |
billi l-kooperazzjoni regolatorja ħarġet bħala strument ewlieni fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali fit-triq lejn id-djalogu regolatorju u l-koerenza bejn is-sħab kummerċjali; billi f'dak il-proċess il-Kummissjoni għandha tibqa' impenjata favur il-prinċipji ta' kundizzjonijiet ġusti u ekwi għall-partijiet interessati kollha filwaqt li tiggarantixxi l-ogħla livell ta' trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; |
U. |
billi fil-paragrafu 46 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet ikkonfermaw l-impenn tagħhom li jużaw it-teknika leġiżlattiva ta' riformulazzjoni għall-modifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti b'mod aktar frekwenti u b'rispett sħiħ tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni ta' atti legali; |
V. |
billi skont il-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid, bħala kontribut għall-programm tagħha dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni timpenja ruħha li kull sena tippreżenta ħarsa ġenerali, inkluż stħarriġ annwali dwar il-piżijiet, tar-riżultati tal-isforzi tal-Unjoni biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tevita r-regolamentazzjoni eċċessiva u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi; billi r-riżultati tal-ewwel stħarriġ annwali dwar il-piżijiet ġew ippreżentati fl-24 ta' Ottubru 2017 bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018; |
W. |
billi l-istħarriġ annwali dwar il-piżijiet joffri opportunità unika għall-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tar-riżultati tal-isforzi tal-UE biex tiġi evitata regolamentazzjoni żejda u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; billi dan l-istħarriġ jipprovdi opportunità eċċellenti biex jintwera l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tiġi pprovduta trasparenza liċ-ċittadini tal-UE; |
X. |
billi l-FII l-ġdid jitlob kooperazzjoni interistituzzjonali bl-għan li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u jiġu evitati piżijiet amministrattivi u regolamentazzjoni żejda għaċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet u n-negozji; billi l-Parlament jenfasizza li fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali dawn l-objettivi ma għandhomx iwasslu għal standards aktar baxxi għall-protezzjoni tal-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-ħaddiema, is-sikurezza, l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol jew id-drittijiet tal-konsumaturi; |
Y. |
billi skont il-paragrafu 50 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet se jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-FFI l-ġdid b'mod konġunt u regolari, kemm fil-livell politiku permezz ta' diskussjonijiet annwali, kif ukoll fil-livell tekniku fil-Grupp ta' Koordinazzjoni Interistituzzjonali; billi l-monitoraġġ fil-livell politiku jinkludi diskussjonijiet regolari fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-laqgħa ta' rendikont annwali ta' livell għoli; billi, barra minn hekk, ġew stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta' monitoraġġ fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 u l-2018-2019 rispettivament; billi, barra minn hekk, l-esperjenza miksuba s'issa mill-kumitati hija għodda imprezzabbli għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FII l-ġdid; billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu kompetenza speċifika fir-rigward tat-tfassil aħjar tal-liġijiet u s-simplifikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; |
Impenji u objettivi komuni
1. |
Iqis il-FII l-ġdid bħala eżerċizzju interistituzzjonali li jaspira li jtejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; ifakkar li, f'ħafna każijiet, il-leġiżlazzjoni tal-UE tarmonizza jew tissostitwixxi regoli differenti fi 28 Stat Membru, u b'hekk tagħmel is-swieq nazzjonali aċċessibbli b'mod reċiproku u ugwali u tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi b'mod ġenerali biex jinħoloq suq intern li jiffunzjona għalkollox; |
2. |
Jilqa' l-progress u l-esperjenza miksuba fl-ewwel sena u nofs mill-applikazzjoni tal-FII l-ġdid u jinkoraġġixxi lill-Istituzzjonijiet jagħmlu sforzi ulterjuri sabiex jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehim, b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjati interistituzzjonali dwar kriterji mhux vinkolanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, l-allinjament tal-atti bażiċi kollha li għadhom jirreferu għall-RPS, in-negozjati interistituzzjonali dwar l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, u l-istabbiliment ta' bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi; |
3. |
Ifakkar li l-FII l-ġdid għandu l-għan li jiżviluppa relazzjoni aktar miftuħa u trasparenti bejn it-tliet Istituzzjonijiet bil-ħsieb li titwassal leġiżlazzjoni ta' kwalità għolja fl-interess taċ-ċittadini tal-UE; iqis li, għalkemm il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet jissemma biss fil-paragrafi 9 u 32 fir-rigward ta' oqsma speċifiċi koperti mill-FII l-ġdid, dan jinħtieġ li jiġi osservat matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu bħala wieħed mill-prinċipji minquxa fl-Artikolu 13 tat-TUE; |
Programmazzjoni
4. |
Jilqa' l-ftehim tat-tliet Istituzzjonijiet li jsaħħu l-programmazzjoni annwali u pluriennali tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE permezz ta' proċedura aktar strutturata bi skeda ta' żmien preċiża; jinnota b'sodisfazzjon li t-tliet Istituzzjonijiet ipparteċipaw b'mod attiv fl-ewwel eżerċizzju ta' programmazzjoni interistituzzjonali annwali skont il-FII l-ġdid, u din il-parteċipazzjoni wasslet għal dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017, fejn ġew identifikati 59 proposta leġiżlattiva ewlenija bħala prijoritajiet għall-2017 u, b'segwitu għal dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi għall-2018-2019, ġew identifikati 31 proposta leġiżlattiva ewlenija bħala prijoritajiet sal-aħħar tal-leġiżlatura attwali; jilqa' b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, l-involviment attiv tal-Kunsill u għandu fiduċja li tali involviment se jkompli fil-futur, inkluż fir-rigward tal-programmazzjoni pluriennali għall-mandat il-ġdid; iqis, madankollu, li t-trattament prijoritarju għal ċerti fajls leġiżlattivi maqbula f'dikjarazzjonijiet konġunti m'għandux jintuża biex titqiegħed pressjoni żejda fuq il-koleġiżlaturi, u li ż-żieda fil-veloċità m'għandhiex tkun prijoritizzata għad-detriment tal-kwalità leġiżlattiva; iqis li huwa importanti li tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-prattika u r-regoli attwali għall-approvazzjoni tad-dikjarazzjonijiet konġunti u jiġi evalwat ukoll jekk jistax isir ċertu titjib fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fir-rigward tan-negozjati dwar il-programmazzjoni interistituzzjonali, pereżempju biex jissaħħaħ il-mandat mogħti lill-President mill-gruppi politiċi; |
5. |
Iqis li huwa ta' importanza assoluta li l-kumitati parlamentari jiġu kkonsultati b'mod sħiħ matul il-proċess ta' tħejjija u implimentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet konġunti; |
6. |
Jinnota li l-FII l-ġdid huwa mingħajr preġudizzju għall-impriżi mutwi maqbula bejn il-Parlament u l-Kummissjoni fil-Ftehim Qafas tal-2010; ifakkar, b'mod partikolari, li l-arranġamenti relatati mal-iskeda ta' żmien tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni stabbiliti fl-Anness 4 tal-Ftehim Qafas tal-2010 jridu jiġu rispettati fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 6-11 tal-FII l-ġdid; |
7. |
Iqis li l-Kummissjoni jinħtieġ li, meta tkun qed tippreżenta l-Programm ta' Ħidma tagħha, minbarra l-elementi msemmija fil-paragrafu 8 tal-FII l-ġdid, tindika kif il-leġiżlazzjoni prevista hija ġustifikabbli fid-dawl tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u tispeċifika l-valur miżjud Ewropew tagħha; |
8. |
Jilqa' t-twaqqif tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u li "Nagħmlu Anqas b'Aktar Effiċjenza", li trid taħdem id f'id mal-FII l-ġdid biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini li jqisu l-prinċipju tas-sussidjarjetà bħala aspett fundamentali tal-proċess demokratiku; |
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Programmi ta' Ħidma iktar inklużivi, iktar dettaljati u iktar affidabbli; jitlob, b'mod partikolari, li l-Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni jindikaw b'mod ċar in-natura legali ta' kull proposta b'perjodi ta' żmien preċiżi u realistiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti leġiżlattivi li ġejjin – speċjalment il-pakketti leġiżlattivi ewlenin – jaslu sew qabel tmiem din il-leġiżlatura, biex b'hekk il-koleġiżlaturi jingħataw biżżejjed ħin biex jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom b'mod sħiħ; |
10. |
Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni effiċjenti orjentata lejn l-iżvilupp tal-protezzjoni tal-impjiegi u l-kompetittività Ewropea b'enfasi partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fis-setturi kollha tal-ekonomija; |
11. |
Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni wieġbet għat-talbiet tal-Parlament għal proposti għal atti tal-Unjoni skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, fil-parti l-kbira fi żmien l-iskadenza ta' tliet xhur imsemmija fil-paragrafu 10 tal-FII l-ġdid; jirrimarka, madankollu, li l-Kummissjoni naqset milli tadotta komunikazzjonijiet speċifiċi kif previst f'dik id-dispożizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta komunikazzjonijiet bħal dawn bil-ħsieb li tiġi żgurata trasparenza sħiħa u tingħata reazzjoni politika għat-talbiet li jagħmel il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, u bil-kunsiderazzjoni dovuta fir-rigward tal-analiżi rilevanti tal-Parlament dwar il-Valur Miżjud Ewropew u l-Kost tan-Non-Ewropa; |
12. |
Jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni trasparenti u leali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li fil-prattika għandha tfisser impenn ġenwin min-naħa tal-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-istess livell, fl-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' programmazzjoni tagħha u jfakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tirrispondi minnufih għar-rapporti fuq inizjattiva proprja, kemm leġiżlattivi u kemm mhux leġiżlattivi; jiddeplora l-fatt li diversi rapporti fuq inizjattiva proprja baqgħu bla tweġiba, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-koleġiżlaturi – fi żmien tliet xhur – ir-raġunijiet għalfejn tkun irtirat test u tagħti wkoll risposta motivata għat-talbiet għal proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi; |
13. |
Iqis li t-tħassir ta' kwalunkwe referenza għall-użu ta' metodi alternattivi ta' regolamentazzjoni fil-FII l-ġdid huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Parlament li l-istrumenti legali nonvinkolanti jinħtieġ li jkunu applikati b'attenzjoni kbira u fuq bażi ġustifikata b'mod xieraq biss, mingħajr ħsara għaċ-ċertezza legali u ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u wara konsultazzjoni mal-Parlament (26); jinsab imħasseb, barra minn hekk, li n-nuqqas ta' limiti ċari dwar l-użu ta' strumenti legali nonvinkolanti jista' saħansitra jħeġġeġ ir-rikors għalihom, mingħajr ebda garanzija li l-Parlament ikun jista' jwettaq skrutinju; |
14. |
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaqblu li l-metodi alternattivi ta' regolamentazzjoni, sakemm dawn ikunu strettament meħtieġa, għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti ta' programmazzjoni pluriennali u annwali, sabiex jingħata lok għall-identifikazzjoni korretta u l-iskrutinju mil-leġiżlaturi; |
Għodod għal tfassil aħjar tal-liġijiet
15. |
Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt jistgħu jinfurmaw iżda qatt ma għandhom jieħdu post id-deċiżjonijiet politiċi jew jikkawżaw dewmien żejjed fil-proċess leġiżlattiv; jenfasizza li, tul il-proċess leġiżlattiv u fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha tal-leġiżlazzjoni proposta, trid tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tal-impatti potenzjali fuq dawk il-partijiet interessati li għandhom l-inqas possibbiltà li jippreżentaw it-tħassib tagħhom lil dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi l-SMEs u oħrajn li ma għandhomx il-vantaġġ ta' aċċess faċli għall-Istituzzjonijiet; jemmen li l-valutazzjonijiet tal-impatt iridu jagħtu attenzjoni ugwali b'mod partikolari lill-evalwazzjoni tal-konsegwenzi soċjali, tas-saħħa u dawk ambjentali, u li jrid jiġi vvalutat l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi; |
16. |
Ifakkar li l-SMEs jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, jiġġeneraw 58 % tal-fatturat tal-UE u huma responsabbli għal żewġ terzi tal-impjiegi privati kollha; ifakkar li l-Kummissjoni, fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, impenjat ruħha li timplimenta l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fit-tfassil tal-politika tagħha, u li dan jinkludi t-test tal-SMEs biex jiġi vvalutat l-impatt tal-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi amministrattivi futuri fuq l-SMEs (27); ifakkar li fid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-FII l-ġdid il-Parlament iddikjara li l-formulazzjoni tal-FII l-ġdid ma timpenjax biżżejjed lit-tliet Istituzzjonijiet biex jinkludu testijiet tal-SMEs u tal-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom (28); jenfasizza kemm hu importanti li l-impatt kemm fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni kif ukoll fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs jiġi kkunsidrat u jingħata l-attenzjoni dovuta fl-istadji kollha taċ-ċiklu leġiżlattiv u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jipprevedu li l-impatti potenzjali fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività jridu jiġu kkunsidrati u rrapportati b'mod sistematiku fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-test tal-SMEs ħafna drabi jkun ikkaratterizzat minn nuqqas ta' kwalità u implimentazzjoni koerenti; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra kif l-impatt fuq l-SMEs jista' jiġi kkunsidrat aħjar, u biħsiebu jsegwi din il-kwistjoni mill-qrib fis-snin li ġejjin; |
17. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, tivvaluta aħjar il-konsegwenzi soċjali u ambjentali tal-politiki tagħha, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, billi tikkunsidra wkoll l-ispiża tan-nuqqas ta' leġiżlazzjoni fil-livell Ewropew u l-fatt li l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tikkostitwixxi biss wieħed minn bosta kriterji; |
18. |
Itenni l-appell tiegħu għall-inklużjoni obbligatorja fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha ta' analiżi bbilanċjata tal-impatti ekonomiċi, soċjali ambjentali u fuq is-saħħa fuq perjodu medju sa twil ta' żmien; |
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet ex post biex teżamina l-kompatibbiltà ta' inizjattivi, proposti jew biċċiet ta' leġiżlazzjoni eżistenti mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, kif ukoll l-impatt tagħhom, rispettivament, fuq il-progress u l-implimentazzjoni ta' dawn l-Għanijiet; |
20. |
Ifakkar li l-idea ta' panel ad hoc indipendenti tekniku supplimentari fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-FII l-ġdid ma ġietx segwita ulterjorment matul in-negozjati; jinnota li l-għan tal-ħolqien ta' tali panel kien it-tisħiħ tal-indipendenza, it-trasparenza u l-oġġettività tal-valutazzjonijiet tal-impatt; ifakkar li ġie miftiehem, fil-paragrafu 15 tal-FII l-ġdid, li l-Parlament u l-Kunsill, fejn u meta jqisu li dan ikun adatt u neċessarju, iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-emendi sostanzjali tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni, li huma assolutament meħtieġa sabiex jieħdu deċiżjoni infurmata u fuq bażi soda; ifakkar lill-kumitati tiegħu dwar l-importanza li jagħmlu użu minn din l-għodda kull fejn ikun meħtieġ; |
21. |
Jilqa' r-referenza fil-FII l-ġdid għall-inklużjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità fil-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom dejjem jinkludu analiżi bir-reqqa u rigoruża tal-konformità ta' proposta mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u jispeċifikaw il-valur miżjud Ewropew tagħha; |
22. |
Jinnota li għadd sinifikanti ta' proposti tal-Kummissjoni ma kinux akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt u li l-kumitati esprimew tħassib minħabba li l-kwalità u l-livell ta' dettall ivarja minn valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi għal valutazzjonijiet tal-impatt pjuttost superfiċjali; jinnota li fl-ewwel fażi ta' applikazzjoni tal-FII l-ġdid, 20 minn 59 proposta tal-Kummissjoni inklużi fid-dikjarazzjoni konġunta tal-2017 ma kinux akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt; ifakkar, f'dan ir-rigward, li, filwaqt li huwa, fi kwalunkwe każ, previst li l-inizjattivi li mistennija li jkollhom impatt soċjali, ekonomiku jew ambjentali sinifikanti għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt, il-paragrafu 13 tal-FII l-ġdid jiddikjara wkoll li l-inizjattivi inklużi fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jew fid-dikjarazzjoni konġunta għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu akkompanjati minn valutazzjoni tal-impatt; |
23. |
Jilqa' l-fatt li l-FII jistipula li għandhom jitqiesu l-"valur miżjud Ewropew" ta' kwalunkwe azzjoni proposta min-naħa tal-Unjoni kif ukoll il-"kost tan-non-Ewropa" fin-nuqqas ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni meta tiġi stabbilita l-aġenda leġiżlattiva; jenfasizza li l-kost tan-non-Ewropa jista' jiġi stmat f'EUR 1, 75 triljun fis-sena, ekwivalenti għal 12 % tal-PDG tal-UE (2016); ifaħħar il-ħidma tad-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (ERPS) f'dan il-kuntest; |
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tikkjarifika kif għandha l-ħsieb li tivvaluta l-kost tan-non-Ewropa – inter alia l-kost għall-produtturi, il-konsumaturi, il-ħaddiema, l-amministraturi u l-ambjent minħabba n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni armonizzata fil-livell tal-UE u meta regoli nazzjonali diverġenti jikkawżaw kostijiet żejda u jnaqqsu l-effettività tal-politiki – kif imsemmi fil-paragrafi 10 u 12 tal-FII l-ġdid; jirrimarka li tali valutazzjoni jeħtieġ li ma ssirx biss f'każ ta' klawżoli ta' estinzjoni, lejn tmiem il-programm, jew meta jkun previst tħassir, iżda jinħtieġ li titqies ukoll f'każijiet fejn l-azzjoni jew il-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE tkun għadha mhux fis-seħħ jew tkun taħt rieżami; |
25. |
Ifakkar li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt preċedenti ġie sostitwit b'Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġdid, biex b'hekk tissaħħaħ l-indipendenza tal-Bord; ifakkar li l-indipendenza, it-trasparenza u l-oġġettività tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u l-ħidma tiegħu jridu jiġu mħarsa u li l-membri tal-Bord ma għandhom jiġu soġġetti għall-ebda kontroll politiku (29); jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-opinjonijiet kollha tal-Bord, inklużi dawk negattivi, isiru pubbliċi u aċċessibbli fl-istess waqt meta jiġu ppubblikati l-valutazzjonijiet tal-impatt rilevanti; jitlob evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-twettiq tar-rwol tiegħu fis-superviżjoni u fl-għoti ta' pariri oġġettivi dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt; |
26. |
Jirrimarka li d-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament, stabbilit fi ħdan l-amministrazzjoni tiegħu, jassisti lill-kumitati parlamentari u joffrilhom varjetà ta' servizzi, li fir-rigward tagħhom għandu jkun hemm disponibbli riżorsi suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-Membri u l-kumitati jirċievu l-aħjar appoġġ possibbli disponibbli; jinnota b'apprezzament il-fatt li l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati adottat verżjoni aġġornata tal-"Impact Assessment Handbook – Guidelines for Committees" (Manwal għall-Valutazzjoni tal-Impatt - Linji Gwida għall-Kumitati) fit-12 ta' Settembru 2017; |
27. |
Jistieden lill-kumitati kollha jeżaminaw il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni u jeżaminaw l-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-Parlament kmieni kemm jista' jkun fil-proċess leġiżlattiv; |
28. |
Ifakkar li skont il-paragrafu 14 tal-FII l-ġdid, il-Parlament Ewropew, waqt li jkun qed jikkunsidra l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, se jieħu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-kumitati parlamentari jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tal-impatt tagħha u l-opzjoni ta' politika magħżula f'laqgħa tal-kumitat sħiħ u jistieden lill-kumitati tiegħu jagħmlu użu minn din l-opportunità b'mod aktar regolari, kif ukoll mill-possibbiltà li jaraw preżentazzjoni tal-evalwazzjoni inizjali tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni mis-servizzi proprja tal-Parlament; jindika, madankollu, li dan ma jridx iwassal għar-restrizzjoni tal-ispazju ta' manuvra tal-koleġiżlaturi; |
29. |
Jilqa' l-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkomplementa l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha stess matul il-proċess leġiżlattiv; iqis li l-paragrafu 16 tal-FII l-ġdid għandu jiġi interpretat fis-sens li, fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha, bħala regola ġenerali, tipprovdi minnufih tali valutazzjonijiet tal-impatt komplementari; |
30. |
Jisħaq fuq l-importanza li l-partijiet ikkonċernati jiġu involuti u kkonsultati pubblikament, b'mod trasparenti u f'waqtu, u li jingħataw biżżejjed żmien għal risposti sinifikanti; isostni li hu essenzjali li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi bil-lingwi uffiċjali kollha matul il-fażi ta' tħejjija; |
31. |
Jinnota li, kif speċifikat fil-paragrafu 17 tal-FII l-ġdid dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, "kull waħda mit-tliet Istituzzjonijiet hija responsabbli li tiddeċiedi kif torganizza l-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha, inklużi r-riżorsi interni tal-organizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità"; |
32. |
Jilqa' l-fatt li fil-paragrafu 17 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u metodoloġiji b'rabta mal-valutazzjonijiet tal-impatt; huwa tal-opinjoni li dan għandu jinkludi l-kondiviżjoni tad-data mhux ipproċessata li tirfed il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni kull fejn ikun possibbli, u b'mod partikolari meta l-Parlament jiddeċiedi li jikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni bil-ħidma ulterjuri tiegħu stess; iħeġġeġ, għal dak il-għan, is-servizzi tat-tliet Istituzzjonijiet biex jikkooperaw kemm jista' jkun possibbli, inkluż fir-rigward ta' sessjonijiet ta' taħriġ konġunti dwar il-metodoloġiji tal-valutazzjoni ta' l-impatt, bil-ħsieb, barra minn hekk, li tinkiseb metodoloġija interistituzzjonali komuni futura; |
33. |
Isostni li, bħalma jgħid il-paragrafu 18 tal-FII, huwa essenzjali li "l-valutazzjoni tal-impatt inizjali tal-Kummissjoni u kwalunkwe ħidma addizzjonali fuq il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa matul il-proċess leġiżlattiv" mill-Istituzzjonijiet ser isiru pubbliċi sa tmiem il-proċess leġiżlattiv fl-interess tat-trasparenza fil-konfront taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati; |
34. |
Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-partijiet interessati, fosthom it-trade unions u s-soċjetà ċivili, għandhom ikunu jistgħu jagħtu kontribut effettiv għall-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt kmieni kemm jista' jkun fil-fażi ta' konsultazzjoni, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, għal dak il-għan, biex tagħmel użu aktar sistematiku mill-pjanijiet direzzjonali u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu u tippubblikahom fi żmien debitu fil-bidu tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt; |
35. |
Jilqa' l-impenn magħmul mill-Kummissjoni li, qabel ma tadotta proposta, twettaq konsultazzjoni wiesgħa u tħeġġeġ, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni diretta tal-SMEs, tas-soċjetà ċivili u ta' utenti finali oħrajn fil-konsultazzjonijiet; jinnota b'sodisfazzjon li l-Linji Gwida riveduti tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar ħadu din id-direzzjoni; |
36. |
Jissottolinja d-dispożizzjonijiet il-ġodda għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet interessati, li għandhom iservu ta' għodda importanti kemm fil-fażi ta' tħejjija kif ukoll matul il-proċess leġiżlattiv kollu; |
37. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskadenzi obbligatorji stabbiliti għar-rapporti ta' implimentazzjoni u għar-rieżami tad-direttivi u r-regolamenti; |
38. |
Jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti, f'konformità mal-prinċipju "l-ewwel evalwa", u jirrakkomanda li, kull meta jkun possibbli, din tieħu l-forma ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex post bl-applikazzjoni tal-istess metodoloġija bħall-valutazzjoni tal-impatt ex ante relatata mal-istess biċċa leġiżlazzjoni, biex b'hekk tkun tista' ssir valutazzjoni aħjar tal-prestazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni; |
39. |
Jilqa' l-paragrafu 22 tal-FII l-ġdid, fejn, sabiex jappoġġaw dawn il-proċessi, it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jistabbilixxu, kif xieraq, rekwiżiti ta' rapportar, monitoraġġ u evalwazzjoni fil-leġiżlazzjoni, filwaqt li jevitaw ir-regolamentazzjoni eċċessiva u l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari għall-Istati Membri; jinnota l-isfidi marbutin mal-ġbir tad-data fl-Istati Membri dwar il-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward; |
40. |
Jilqa' l-paragrafu 23 tal-FII l-ġdid, fejn it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li b'mod sistematiku jqisu l-użu tal-klawżoli ta' rieżami fil-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi klawżoli ta' rieżami fil-proposti tagħha kull meta jkun xieraq u, jekk le, biex tiddikjara r-raġunijiet tagħha għalfejn ma tkunx żammet ma' din ir-regola ġenerali; |
Strumenti leġiżlattivi
41. |
Jilqa' l-impenji magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja kull waħda mill-proposti tagħha; jesprimi sodisfazzjon partikolari għall-fatt li l-Kummissjoni se tispjega wkoll kif il-miżuri proposti huma ġustifikati fid-dawl tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' valutazzjoni u ġustifikazzjoni msaħħa u komprensivi rigward il-konformità ma' dawn il-prinċipji kif ukoll il-valur miżjud Ewropew tal-miżura proposta; |
42. |
Iqis li hemm bżonn ta' konsistenza bejn il-memorandum ta' spjegazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-istess proposta; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura tali konsistenza u biex tispjega l-għażla magħmula meta titbiegħed mill-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt; |
43. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-paragrafu 25 tal-FII l-ġdid, il-Kummissjoni impenjat ruħha biss li "tieħu kont dovut tad-differenzi fin-natura u l-effetti bejn ir-regolamenti u d-direttivi"; itenni t-talba tiegħu li, fuq l-istess approċċ bħal dak deskritt fir-rapport Monti, għandu jsir użu akbar mir-regolamenti fil-proposti leġiżlattivi (30), f'konformità mar-rekwiżiti legali stabbiliti bit-Trattati fir-rigward tal-użu tagħhom, sabiex jiġu żgurati konsistenza, sempliċità u ċertezza legali madwar l-Unjoni; |
44. |
Jilqa' l-impenn tat-tliet Istituzzjonijiet li jkollhom skambju ta' fehmiet dwar il-modifiki tal-bażi ġuridika, kif imsemmi fil-paragrafu 25 tal-FII l-ġdid; jenfasizza r-rwol u l-kompetenza esperta tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Legali fil-verifika tal-bażijiet ġuridiċi (31); ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li se jirreżisti kwalunkwe tentattiv li jdgħajjef is-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew permezz ta' modifika mhux meħtieġa tal-bażi ġuridika; jistieden lill-Kunsill biex jirrispetta bis-sħiħ l-impenn tiegħu li jkollu djalogu mal-Parlament f'każ ta' nuqqas ta' qbil dwar il-bażi ġuridika proposta, speċjalment f'fajls li jkunu politikament sensittivi; |
45. |
Jenfasizza l-fatt li l-għażla tal-bażi ġuridika għall-proposta tal-Kummissjoni għandha ssir abbażi ta' raġunijiet oġġettivi soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju; jenfasizza, madankollu, id-dritt tal-Parlament, bħala koleġiżlatur, li jipproponi modifiki għall-bażi ġuridika, abbażi tal-interpretazzjoni li jagħti lit-Trattati; |
Atti delegati u ta' implimentazzjoni
46. |
Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju minqux fil-paragrafu 26 tal-FII l-ġdid, u jtenni li hija l-kompetenza tal-leġiżlatur li jiddeċiedi, fil-limiti tat-Trattati u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, jekk u sa liema punt għandhomx jintużaw atti delegati jew atti ta' implimentazzjoni (32); |
47. |
Jinnota li d-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni mhijiex sempliċement kwistjoni teknika iżda tista' tinvolvi wkoll kwistjonijiet ta' sensittività politika li huma ta' importanza konsiderevoli għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi u għan-negozji tal-UE; |
48. |
Jilqa' l-isforz tal-Kummissjoni biex tirrispetta l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 27 tal-FII l-ġdid biex tipproponi l-allinjament tal-atti bażiċi kollha li għadhom jirreferu għall-RPS; jikkunsidra wkoll li, bħala regola, il-każijiet kollha li ġew trattati qabel taħt l-RPS issa għandhom ikunu allinjati mal-Artikolu 290 tat-TFUE u għalhekk jiġu konvertiti f'atti delegati (33); |
49. |
Iwissi li l-inklużjoni tal-obbligu għall-Kummissjoni ta' rikors sistematiku għall-esperti tal-Istati Membri b'rabta mat-tħejjija tal-atti delegati m'għandux iwassal biex il-proċedura rilevanti ssir simili ħafna, jekk mhux għal kollox identika, għal dik stabbilita għat-tħejjija tal-atti ta' implimentazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-prerogattivi proċedurali mogħtija lil dawk l-esperti; iqis li dan ukoll jista' jċajpar id-differenzi bejn iż-żewġ tipi ta' atti sal-punt li dan jista' jimplika qawmien mill-ġdid de facto tal-mekkaniżmu ta' komitoloġija ta' qabel it-Trattat ta' Lisbona; |
50. |
jesprimi nuqqas ta' sodisfazzjon dwar il-fatt li, minkejja l-konċessjonijiet magħmula mill-Parlament, il-Kunsill għadu jsibha bi tqila li jaċċetta atti delegati meta l-kriterji tal-Artikolu 290 tat-TFUE jkunu ssodisfati; ifakkar li, kif stipulat fil-premessa 7 tiegħu, il-FII l-ġdid għandu jiffaċilita n-negozjati fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jtejjeb l-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f'diversi fajls leġiżlattivi l-Kunsill, madankollu, insista fuq l-għoti ta' setgħat ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE jew fuq l-inklużjoni tal-elementi kollha eliġibbli in abstracto għad-delega tas-setgħat jew tal-għoti tas-setgħat ta' implimentazzjoni fl-att bażiku nnifsu; jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li, f'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni ma ddefendietx il-proposti oriġinali tagħha stess; |
51. |
Huwa preokkupat ħafna li l-Kunsill qed jipprova, kważi b'mod sistematiku, jissostitwixxi l-atti delegati b'atti ta' implimentazzjoni; iqis li huwa partikolarment inaċċettabbli li l-Kunsill qed jipprova juża l-allinjament ta' wara Lisbona biex jissostitwixxi l-RPS b'atti ta' implimentazzjoni, minflok b'atti delegati; |
52. |
Jilqa' l-bidu tan-negozjati interistituzzjonali msemmija fil-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid; jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu dwar kriterji mhux vinkolanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 (34); iqis li dawn għandhom ikunu l-bażi għal dawk in-negozjati; |
53. |
Ifakkar li elementi sinifikanti politikament, bħal-listi jew ir-reġistri tal-Unjoni ta' prodotti jew sustanzi, għandhom jibqgħu parti integrali minn att bażiku – meta jkun xieraq fil-forma ta' annessi – u għalhekk għandhom jiġu emendati biss permezz ta' atti delegati; jenfasizza li l-ħolqien ta' listi indipendenti għandu jiġi evitat fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt; |
54. |
Iqis li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jridu jieħdu kont tas-sentenzi tal-QtĠ-UE, bħal dawk maħruġa fil-każ tal-Bijoċidi, fil-każ l-att delegat tas-CEF u fil-każ tal-Mekkaniżmu ta' Reċiproċità tal-Viża (35); |
55. |
Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li jekk tkun meħtieġa kompetenza akbar fit-tħejjija bikrija tal-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni, tagħmel użu mill-gruppi ta' esperti, tikkonsulta lill-partijiet interessati fil-mira u twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi, kif xieraq; iqis li, kull meta jinbeda tali proċess ta' konsultazzjoni, il-Parlament għandu jiġi infurmat debitament; |
56. |
Jinnota b'apprezzament il-fatt li l-Kummissjoni, fil-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid, qablet li tiżgura li l-Parlament u l-Kunsill ikollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni kollha dwar l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni, b'tali mod li huma jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri; jilqa' l-fatt li l-esperti tal-Parlament u tal-Kunsill se jkollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li għalihom ikunu mistiedna l-esperti tal-Istati Membri u li jikkonċernaw it-tħejjija ta' atti delegati; jistieden lill-Kummissjoni biex tosserva dan l-impenn b'mod ġenwin u konsistenti; jinnota li tali aċċess diġà ttejjeb; |
57. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni informali aħjar matul il-fażi ta' tħejjija tal-atti delegati u tal-atti ta' implimentazzjoni; iwissi kontra r-riskju li tintesa l-intenzjoni tal-koleġiżlaturi, kif espressa f'att leġiżlattiv u bħala parti mill-għan tiegħu, fit-tħejjija tal-atti delegati u tal-atti ta' implimentazzjoni; jenfasizza l-importanza tar-Reġistru tal-Atti Delegati, li issa sar operattiv; |
58. |
Jiddispjaċih minħabba l-fatt li f'ħafna okkażjonijiet il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta' livell 2 proposti mit-tliet awtoritajiet tas-servizzi finanzjarji (l-ESAME, l-EBA u l-EIOPA) jiġu adottati mingħajr tibdil, u dan inaqqas il-ħin ta' skrutinju disponibbli għall-Parlament meta jiġu introdotti tibdiliet importanti jew numru sostanzjali ta' tibdiliet; |
59. |
Ifaħħar il-progress rapidu li sar fil-livell interistituzzjonali fl-istabbiliment ta' reġistru funzjonali konġunt ta' atti delegati u jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija uffiċjali tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017; |
60. |
Jistenna bil-ħerqa li juża reġistru strutturat sew u faċli għall-utent ta' atti delegati, li ġie ppubblikat fit-12 ta' Diċembru 2017 u li kien ġie mitlub mill-Parlament; |
61. |
Jinnota li proċeduri leġiżlattivi mtejba fil-livell tal-UE, b'kooperazzjoni interistituzzjonali f'waqtha u aktar profonda, jistgħu jwasslu għal applikazzjoni aktar konsistenti u armonizzata tad-dritt tal-UE; |
Trasparenza u koordinazzjoni tal-proċess leġiżlattiv
62. |
Jilqa' l-fatt li skont il-paragrafu 32 tal-FII l-ġdid, il-Parlament u l-Kunsill, bħala l-koleġiżlaturi, se jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fuq l-istess livell, u l-Kummissjoni għandha twettaq ir-rwol tagħha bħala faċilitatur billi tittratta ż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva bl-istess mod; ifakkar li dan il-prinċipju diġà huwa minqux fit-Trattat ta' Lisbona; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel id-dokumenti rilevanti kollha relatati mal-proposti leġiżlattivi, inklużi d-dokumenti informali, disponibbli għaż-żewġ leġiżlaturi fl-istess ħin u, meta jkun fattibbli, tippubblikahom; |
63. |
Jiddeplora l-fatt li l-paragrafi 33 u 34 tal-FII l-ġdid għadhom ma wasslux għal titjib fil-fluss tal-informazzjoni mill-Kunsill, partikolarment peress li jidher li hemm nuqqas ġenerali ta' informazzjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill u ma hemm l-ebda approċċ sistematiku li jiffaċilita l-iskambju reċiproku tal-fehmiet u l-informazzjoni; jinnota bi tħassib li l-fluss ta' informazzjoni normalment ivarja ħafna bejn Presidenza u oħra u bejn is-servizzi tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; jenfasizza l-aċċess asimmetriku għal informazzjoni bejn il-koleġiżlaturi, peress li l-Kunsill jista' jattendi laqgħat tal-kumitati parlamentari iżda r-rappreżentanti tal-Parlament ma jkunux mistednin biex jattendu l-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill; iqis, għalhekk, li huwa mixtieq approċċ li jkun trasparenti b'mod koerenti; jissuġġerixxi li l-Kunsill, bħala regola, għandu jmexxi l-laqgħat kollha tiegħu fil-pubbliku kif jagħmel il-Parlament; |
64. |
Jitlob li l-paragrafi 33 u 34 tal-FII l-ġdid jiġu implimentati bis-sħiħ; jitlob lill-Kunsill, b'mod partikolari, li l-aġendi, id-dokumenti ta' ħidma u l-proposti tal-gruppi ta' ħidma u tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper) jintbagħtu lill-Parlament b'mod regolari u strutturat sabiex jingħata lok għal livell ekwu ta' informazzjoni bejn il-koleġiżlaturi; iqis li l-paragrafi 33 u 34 tal-FII l-ġdid jinħtieġ li jiġu interpretat fis-sens li, minnbarra l-iskambji informali ta' fehmiet, il-Parlament jista' jkun mistieden jibgħat rappreżentant għal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u l-Coreper; |
65. |
Jenfasizza li, fi ħdan it-tifsir tal-paragrafi 35 u 36 rispettivament tal-FII l-ġdid, is-sinkronizzazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċess leġiżlattiv jistgħu jsiru biss jekk ikun żgurat li l-prerogattivi ta' kull Istituzzjoni jiġu ppriżervati kompletament; iqis, għalhekk, li s-sinkronizzazzjoni jew l-aċċellerazzjoni bl-ebda mod ma tista' twassal għall-impożizzjoni ta' skeda ta' żmien fuq il-Parlament minn Istituzzjonijiet oħra; |
66. |
Iħeġġeġ sabiex jiżdiedu l-isforzi biex tiġi stabbilita l-bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi msemmija fil-paragrafu 39 tal-FII l-ġdid; ifakkar li din il-bażi tad-data għandha tinkludi informazzjoni dwar il-passi kollha tal-proċedura leġiżlattiva biex tiffaċilita t-traċċabilità tagħha; jissuġġerixxi li tali informazzjoni għandha tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt; |
67. |
Ifakkar lit-tliet istituzzjonijiet tal-UE li jeħtieġ isir aktar progress fl-istabbiliment ta' bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi; |
68. |
Jipproponi li l-Kunsill jiltaqa' mill-inqas darba mal-Parlament fil-qafas tal-proċedura ta' konsultazzjoni sabiex il-Parlament ikun jista' jippreżenta u jiġġustifika r-raġunijiet għall-emendi approvati, filwaqt li l-Kunsill ikun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar kull waħda minnhom; jipproponi, fi kwalunkwe każ, li l-Kunsill jipprovdi tweġiba bil-miktub; |
69. |
Jissuġġerixxi li l-Parlament iwettaq studju kwantitattiv dwar l-effettività tal-proċedura ta' konsultazzjoni; |
70. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-qafas ta' żmien stabbilit fir-Regolament tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex tiddeċiedi jekk tapprovax, temendax jew ma tapprovax l-istandards tekniċi abbozzati u, bħala minimu, tinforma uffiċjalment lill-koleġiżlaturi bil-quddiem sew jekk, fuq bażi straordinarja, ikollha l-ħsieb li ma tirrispettax dan iż-żmien, filwaqt li tagħti wkoll ir-raġunijiet tagħha għal dan; jenfasizza l-fatt li dan l-aħħar il-Kummissjoni naqset milli tagħmel dan f'bosta każijiet; ifakkar lill-Kummissjoni li l-proċeduri li permezz tagħhom il-Parlament jiddikjara li m'għandux oġġezzjonijiet għal att mhumiex maħsuba biex jikkumpensaw għal dewmien li joriġina min-naħa tal-Kummissjoni u li dawn il-proċeduri għandhom impatt sinifikanti fuq iż-żmien disponibbli għall-Parlament biex jeżerċita d-drittijiet ta' skrutinju tiegħu; |
71. |
Jilqa' l-fatt li n-negozjati interistituzzjonali msemmija fil-paragrafu 40 tal-FII l-ġdid bdew f'Novembru tal-2016; jinnota b'diżappunt li wara aktar minn sena ta' diskussjonijiet, tliet sessjonijiet ta' negozjati fil-livell politiku u għadd ta' laqgħat fil-livell tekniku, għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim minkejja ġurisprudenza ċara u stabbilita; jinnota l-progress li sar s’issa u jinsisti bil-qawwa li dawn in-negozjati għandhom jiġu konklużi taħt il-presidenza Bulgara; |
72. |
Jilqa' t-tgħarrif bil-miktub mogħti mill-Kummissjoni qabel il-konferenzi internazzjonali u t-tgħarrif orali ta' kuljum mogħti mill-Presidenza tal-Kunsill u mill-Kummissjoni matul dawn il-konferenzi; |
73. |
Jiddispjaċih għall-fatt li l-Parlament ma jitħalliex jattendi, bħala osservatur, il-laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE matul il-konferenzi internazzjonali; |
74. |
Ifakkar lill-Kunsill u l-Kummissjoni li l-arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali jridu jkunu konformi mat-Trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, u jieħdu kont tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal dawk maħruġa fil-każ tat-Tanzanija u fil-każ ta' Mauritius (36); |
75. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra jikkonformaw mat-Trattati u mar-regolamenti u josservaw il-ġurisprudenza rilevanti sabiex jiżguraw li l-Parlament:
|
76. |
Jemmen li huwa essenzjali li tiġi rispettata b'mod orizzontali l-prattika dejjiema li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel ma jiġu applikati b'mod proviżorju d-dispożizzjonijiet kummerċjali u ta' investiment ta' ftehimiet politikament importanti, bi qbil ukoll mal-impenn li ħadet il-Kummissarju Malmström fis-smigħ tagħha fid-29 ta' Settembru 2014; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkomplu jestendu din il-prattika għall-ftehimiet internazzjonali kollha; |
77. |
Jinnota li l-Parlament jinsab lest li jressaq kawża quddiem il-QtĠ-UE għal darb' oħra sabiex jiżgura li d-drittijiet tal-Parlament jiġu rispettati jekk ma jsir l-ebda progress konklużiv fil-futur qarib fin-negozjati dwar il-paragrafu 40 tal-FII l-ġdid; |
78. |
Jinnota li kull istituzzjoni għandha tkun konxja li r-responsabilità tagħha bħala leġiżlatur ma tiqafx ladarba jiġu konklużi l-ftehimiet internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni u l-isforzi li għaddejjin sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet qed jilħqu l-għanijiet tagħhom; jitlob li l-istituzzjonijiet jestendu l-aħjar prattiki u approċċ kollaborattiv għall-fażijiet ta' implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali; |
79. |
Jinnota li l-valutazzjonijiet tal-impatt, inkluża analiżi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jaf ikunu għodda importanti fin-negozjar tal-ftehimiet kummerċjali u dwar l-investiment u jistgħu jgħinu lill-partijiet jikkonformaw mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u jfakkar fin-natura vinkolanti ta' ftehimiet bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; |
80. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif jista' jiġi dedott mill-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017, għall-adozzjoni ta' direttivi ta' negozjar, negozjati u l-bażi ġuridika tal-proposti li jridu jiġu ffirmati u konklużi, u b'mod partikolari għall-firma tal-Kunsill u l-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali; |
81. |
Jistieden lir-rappreżentanti Ewropej jagħtu attenzjoni partikolari għall-konsistenza bejn l-istandards/ir-rekwiżiti internazzjonali u l-leġiżlazzjoni adottata u vinkolanti tal-UE; |
82. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela d-dokumenti li jiddeskrivu l-pożizzjoni tagħha f'organizzazzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards fl-oqsma finanzjarji, monetarji u regolatorji, b'mod partikolari l-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja; jitlob li l-Parlament ikun infurmat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-istandards internazzjonali li jista' jkollhom impatt fuq id-dritt tal-UE; |
83. |
Jitlob l-istabbiliment u l-formalizzazzjoni ta' djalogu finanzjarju dwar l-adozzjoni u l-koerenza tal-pożizzjonijiet Ewropej fit-tħejjija għal negozjati internazzjonali ewlenin, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji (37); jenfasizza li, abbażi ta' linji gwida dettaljati, li potenzjalment jistgħu jiġu kkomplementati b'riżoluzzjonijiet ta' gwida proattivi, dawn il-pożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu diskussi u jkunu magħrufa ex ante, filwaqt li jiġi żgurat segwitu, fejn il-Kummissjoni tirrapporta lura b'mod regolari dwar l-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida; |
84. |
Ifakkar fid-dikjarazzjoni tiegħu adottata fil-15 ta' Marzu 2018 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (38), fejn il-Parlament wera d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li r-rwol u d-drittijiet tiegħu bħala koleġiżlatur ugwali mal-Kunsill, ma ġewx ikkunsidrati debitament; |
85. |
Jirrikonoxxi l-mandat approvat mill-Coreper fis-6 ta' Diċembru 2017 li jaqbel dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward il-proposta tal-Kummissjoni għal reġistru ta' trasparenza obbligatorju; jistieden lill-partijiet kollha jiffinalizzaw in-negozjati fi spirtu ta' kooperazzjoni tajba biex titjieb it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv; |
86. |
Jieħu inkunsiderazzjoni dovuta s-sentenza De Capitani (39) li tafferma li l-prinċipji ta’ pubbliċita' u ta’ trasparenza huma inerenti għall-proċess leġislattiv tal-UE u li l-ebda preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ma tista’ tiġi aċċettata fir-rigward tad-dokumenti leġislattivi, inkluż dokumenti tat-trilogi; |
Implimentazzjoni u applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
87. |
Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju stipulat fil-paragrafu 43 tal-FII l-ġdid, li meta, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jagħżlu li jżidu elementi li bl-ebda mod ma jkunu relatati ma' dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tali żidiet għandhom ikunu identifikabbli permezz tal-att(i) ta' traspożizzjoni, jew permezz ta' dokumenti assoċjati; jinnota li din l-informazzjoni għadha tkun nieqsa ta' spiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b'mod konġunt u konsistenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' trasparenza u problemi oħra relatati ma' regolamentazzjoni żejda (40); |
88. |
Huwa tal-fehma li fl-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni ta' atti tal-UE, trid issir distinzjoni ċara bejn każijiet ta' "regolamentazzjoni żejda", fejn l-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti amministrattivi addizzjonali mhux relatati mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-istabbiliment ta' standards ogħla li jmorru lil hinn mill-istandards minimi fl-UE kollha għall-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, il-kura tas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel; |
89. |
Iqis li, sabiex jitnaqqsu l-problemi relatati mar-regolamentazzjoni żejda, it-tliet Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jadottaw leġiżlazzjoni tal-UE li tkun ċara u tista' tiġi trasposta faċilment, u li jkollha valur miżjud Ewropew speċifiku; ifakkar li, filwaqt li għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, dan ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jkollhom jew jieħdu miżuri aktar ambizzjużi u jadottaw standards soċjali, ambjentali u ta' protezzjoni tal-konsumatur ogħla f'każijiet fejn ikunu definiti biss standards minimi mid-dritt tal-Unjoni; |
90. |
Jistieden lill-Istati Membri jevitaw kemm jista' jkun li joħolqu rekwiżiti amministrattivi addizzjonali meta jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE, u f'konformità mal-paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali, jagħmlu dawn iż-żidiet identifikabbli fl-att ta' traspożizzjoni jew fid-dokumenti assoċjati; |
91. |
Ifakkar li skont il-paragrafu 44 tal-FII l-ġdid, l-Istati Membri mistiedna jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-kisba tal-informazzjoni u d-data meħtieġa biex l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi mmonitorjata u evalwata; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jirrispettaw l-impenji tagħhom, inkluż billi jipprovdu tabelli ta' korrelazzjoni li jkun fihom informazzjoni ċara u preċiża dwar il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-direttivi fl-ordni ġuridiku domestiku tagħhom, kif miftiehem fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni u fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni; |
92. |
Iqis li l-impenn meħud mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 45 tal-FII l-ġdid għandu jiġi interpretat fis-sens li, bir-rispett dovut għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità, l-aċċess tal-Parlament għal informazzjoni relatata ma' proċeduri ta' qabel il-ksur u ta' ksur se jissaħħaħ b'mod konsiderevoli; itenni, għal dan il-għan, it-talbiet li ilu jagħmel lill-Kummissjoni fir-rigward tad-data li l-Parlament huwa intitolat jaċċessa (41); |
93. |
Itenni l-apprezzament tiegħu fir-rigward tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-problemi EU Pilot bħala mod aktar informali, iżda xorta waħda effettiv, biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Istati Membri (42); ma japprovax it-tħabbira tal-Kummissjoni li, bħala regola ġenerali, se tniedi proċeduri ta' ksur mingħajr ma tibqa' tibbaża ruħha fuq dan il-mekkaniżmu (43); |
94. |
Jirrimarka li l-Membri tal-Kummissjoni huma obbligati jirrispettaw il-prerogattivi leġiżlattivi tal-Membri tal-Parlament Ewropew; huwa tal-fehma li dawn għandhom jipprovdu lill-Parlament l-istudji kollha mwettqa b'mod indipendenti li abbażi tagħhom ikunu ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jiżvelaw dawk li jikkontradixxu l-konklużjonijiet tagħhom; |
95. |
Jiddispjaċih li mhux it-traduzzjonijiet kollha tal-proposti leġiżlattivi jsiru disponibbli fl-istess ħin, u dan iwassal għal dewmien fil-proċess leġiżlattiv; |
96. |
Jisħaq fuq il-punt li f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tagħha, leġiżlazzjoni tal-UE effikaċi għandha timmira li tiżgura li l-proċeduri stabbiliti fiha jkunu jaqblu mal-iskop sottostanti tal-att leġiżlattiv innifsu, u partikolarment mal-mira aħħarija tal-ħarsien tal-ambjent f'dak li jikkonċerna l-iżgurar ta' grad għoli ta' protezzjoni ambjentali. |
97. |
Jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma li qed issir fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-valutazzjoni tal-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE f'dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni proprja, u bħala bażi għat-titjib tat-testi u l-proċeduri leġiżlattivi; jinnota, f'dan ir-rigward, kemm hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali ġenwina mal-Kummissjoni bil-għan li jiġi żgurat li l-petizzjonijiet jiġu eżaminati kif suppost; |
Simplifikazzjoni
98. |
Jilqa' l-impenn meħud fil-paragrafu 46 tal-FII l-ġdid favur użu aktar frekwenti tat-teknika leġiżlattiva ta' riformulazzjoni; itenni li din it-teknika għandha tikkostitwixxi t-teknika leġiżlattiva ordinarja bħala għodda imprezzabbli biex tinkiseb is-simplifikazzjoni (44); iqis, madankollu, li fil-każ ta' riforma politika sħiħa, il-Kummissjoni għandha, minflok tuża riformulazzjoni teknika, tressaq proposta għal att legali ġdid għal kollox li jħassar il-leġiżlazzjoni eżistenti, sabiex il-koleġiżlaturi jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet politiċi wiesgħa u jaraw li l-prerogattivi tagħhom kif minquxa fit-Trattati jkunu ppreżervati għal kollox; |
99. |
Ifakkar li, fil-valutazzjoni tal-piżijiet amministrattivi u regolatorji mhux meħtieġa, skont il-ftehim milħuq bejn it-tliet Istituzzjonijiet fil-paragrafi 47 u 48 tal-FII l-ġdid, u meta jiġu eżaminati l-objettivi ta' tnaqqis ta' piż possibbli sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet u n-negozji, inklużi l-SMEs, it-tfassil aħjar tal-liġijiet, fejn xieraq, jista' jfisser ukoll iktar leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża l-armonizzazzjoni tad-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b'kont meħud tal-benefiċċji tal-miżuri leġiżlattivi u l-konsegwenzi f'każ ta' nuqqas ta' azzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tal-istandards ta' protezzjoni soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, u filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw standards ogħla jekk ikunu definiti biss standards minimi mid-dritt tal-Unjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-klawsola soċjali orizzontali minquxa fl-Artikolu 9 tat-TFUE tirrikjedi li l-Unjoni tikkunsidra bir-reqqa l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-istandards soċjali u l-impjiegi, b'konsultazzjoni xierqa tal-partijiet soċjali interessati, b'mod partikolari t-trade unions, il-konsumaturi u r-rappreżentanti tal-interessi tal-gruppi vulnerabbli, u b'rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali u l-ftehimiet li jistgħu jikkonkludu f'konformità mal-Artikolu 155 tat-TFUE; jenfasizza, għalhekk, li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux bilfors ifisser deregolamentazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, dan m'għandux jikkomprometti d-drittijiet fundamentali u l-istandards ambjentali, soċjali, tax-xogħol, tas-saħħa u s-sikurezza, ta' protezzjoni tal-konsumatur, ta' ugwaljanza bejn is-sessi jew ta' benesseri tal-annimali, inklużi r-rekwiżiti ta' informazzjoni relatati magħhom, u għalhekk ma għandux ikun ta' detriment għad-drittijiet tal-ħaddiema – irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija –, jew iwassal għal żieda fil-kuntratti ta' impjieg prekarju; |
100. |
Jilqa' l-ewwel stħarriġ annwali tal-Kummissjoni dwar il-piżijiet imwettaq fil-kuntest tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li fir-rigward tiegħu wettqet stħarriġ Flash tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjonijiet tan-negozju dwar ir-regolament, fejn intervistat aktar minn 10 000 negozju fit-28 Stat Membru, b'mod partikolari l-SMEs, u tat stampa tad-distribuzzjoni tan-negozju fl-UE; jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet tal-istħarriġ, li jikkonfermaw li l-enfasi fuq il-qtugħ tal-ispejjeż żejda għadha xierqa u jissuġġerixxu li hemm interazzjoni kumplessa ta' fatturi differenti li jinfluwenzaw il-perċezzjoni tan-negozji, li tista' tkun ikkawżata wkoll minn varjazzjonijiet fil-konfigurazzjonijiet amministrattivi u legali nazzjonali li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jirrimarka li r-regolamentazzjoni żejda u anki l-kopertura mhux eżatta min-naħa tal-midja jistgħu jaffettwaw ukoll din il-perċezzjoni; iqis li l-kunċett ta' stħarriġ annwali dwar il-piżijiet, filwaqt li huwa għodda importanti għall-identifikazzjoni ta' problemi rigward l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ma jistax iwassal biex wieħed jassumi li r-regolamentazzjoni tirriżulta, min-natura tagħha stess, f'piżijiet amministrattivi eċċessivi; jaqbel mal-Kummissjoni li l-uniku mezz sabiex jiġi identifikat b'mod konkret dak kollu li tassew jista' jiġi ssimplifikat, imħaffef jew eliminat huwa li jinkisbu l-fehmiet tal-partijiet interessati kollha, inklużi dawk b'rappreżentanza inqas b'saħħitha, dwar biċċiet ta' leġiżlazzjoni speċifiċi jew diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni li japplikaw għal settur partikolari; jistieden lill-Kummissjoni biex tirfina l-istħarriġ annwali dwar il-piżijiet, abbażi tal-lezzjonijiet misluta mill-ewwel edizzjoni, biex tapplika metodi ta' ġbir ta' data trasparenti u verifikabbli, biex tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs, u biex tinkludi kemm il-piżijiet reali kif ukoll dawk perċepiti; |
101. |
barra minn hekk, jinnota l-eżitu tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fattibbiltà, mingħajr detriment għall-għan tal-leġiżlazzjoni, tal-istabbiliment ta' objettivi għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi speċifiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi ta' tnaqqis tal-piżijiet għal kull inizjattiva b'mod flessibbli iżda b'mod affidabbli u bbażat fuq l-evidenza, u f'konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet interessati, kif tagħmel diġà fir-REFIT; |
102. |
Jenfasizza li standard tal-UE fil-prinċipju jissostitwixxi 28 standard nazzjonali, u dan isaħħaħ is-suq intern u jwassal għal inqas burokrazija; |
103. |
Jenfasizza l-importanza li tiġi evitata burokrazija żejda u li titqies il-korrelazzjoni bejn id-daqs tal-kumpanija u r-riżorsi meħtieġa biex l-obbligi jiġu implimentati; |
Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-FII l-ġdid
104. |
Jinnota li l-Konferenza tal-Presidenti se tirċievi rapport regolari, imfassal mill-President, li jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni kemm internament kif ukoll interistituzzjonalment; iqis li dan ir-rapport jinħtieġ li jieħu kont dovut tal-valutazzjoni magħmula mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati abbażi tal-esperjenzi tal-kumitati differenti, b'mod partikulari l-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli għat-tfassil aħjar tal-liġijiet u s-semplifikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (45); |
105. |
Jilqa' l-ewwel laqgħa ta' eżami interistituzzjonali annwali dwar is-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FII, li saret fit-12 ta' Diċembru 2017; iħeġġeġ lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati biex tipprovdi lill-Konferenza tal-Presidenti kwalunkwe rakkomandazzjoni li tqis xierqa dwar l-implimentazzjoni tal-FII l-ġdid; |
o
o o
106. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(2) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(3) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(7) ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5.
(8) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 15.
(9) ĠU C 484, 24.12.2016, p. 7.
(10) ĠU C 446, 29.12.2017, p. 1.
(11) Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-18 ta' Marzu 2014, Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kawża C-427/12, ECLI:EU:C:2014:170; sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tas-16 ta' Lulju 2015, Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kawża C-88/14, ECLI:EU:C:2015:499; sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Marzu 2016, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea, Kawża C-286/14, ECLI:EU:C:2016:183; sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-14 ta' Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, Kawża C-263/14, ECLI:EU:C:2016:435; sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-24 ta' Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill, Kawża C-658/11, ECLI:EU:C:2014:2025.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0484.
(13) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 39.
(14) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 116.
(15) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 91.
(16) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 53.
(17) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 11.
(18) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 14.
(19) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 117.
(20) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 87.
(21) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 31.
(22) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 91.
(23) Ara l-Anness II għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea.
(24) L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta' Mejju 2015 dwar l-istabbilment ta' Bord tal-Iskrutinju Regolatorju indipendenti (C(2015)3263).
(25) Ara COM(2016)0798 u COM(2016)0799.
(26) Ara l-paragrafu 47 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Settembru 2010 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – il-15-il rapport annwali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 66).
(27) Ara l-paragrafu 16 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs.
(28) Ara l-paragrafu 4 tad-deċiżjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea.
(29) Ara l-paragrafu 12 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Novembru 2014, imsemmija hawn fuq, u l-paragrafu 6 tad-deċiżjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2016, imsemmija hawn fuq.
(30) Ara l-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti.
(31) Ara r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-Anness V, punt XVI.1.
(32) Ara l-premessa D tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq.
(33) Ara l-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq.
(34) Ibid., paragrafu 1.
(35) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Marzu 2014, Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, imsemmija hawn fuq; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Marzu 2016, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea, imsemmija hawn fuq; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta' Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsemmija hawn fuq.
(36) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta' Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsemmija hawn fuq; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta' Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsemmija hawn fuq.
(37) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 76.
(38) Ara t-Testi adottati, P8_TA(2018)0086.
(39) Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Seba’Awla Estiża) tat-22 ta’ Marzu 2018, De Capitani v Il-Parlament Ewropew, Kawża T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167.
(40) Ara l-paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta' Novembru 2012 dwar it-28 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2010) (ĠU C 419, 16.12.2015, p. 73).
(41) Ara l-paragrafi 21 u 22 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Frar 2014 dwar id-29 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2011).
(42) Ara l-paragrafu 16 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Rapport Annwali 2014 (Testi adottati, P8_TA(2016)0385).
(43) Ara l-punt 2 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "EU law: Better results through better application" (Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar), imsemmija hawn fuq (ara l-paġna 12 fil-ĠU C 18, 19.1.2017).
(44) Ara l-paragrafu 41 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011, imsemmija hawn fuq.
(45) Ara r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-Anness V, punt XVI.3.