EUR-Lex Достъп до правото на Европейския съюз

Обратно към началната страница на EUR-Lex

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 52018IP0215

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli (2018/2007(INI))

ĠU C 76, 9.3.2020г., стр. 23—35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/23


P8_TA(2018)0215

Finanzi sostenibbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli (2018/2007(INI))

(2020/C 76/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-impenn tal-G20 favur it-tkabbir sostenibbli taħt il-Presidenza Ġermaniża mill-1 ta' Diċembru 2016 sat-30 ta' Novembru 2017, b'riferiment partikolari għad-dikjarazzjoni: "se nkomplu nużaw l-istrumenti kollha tal-politika monetarja, fiskali u strutturali, b'mod individwali u kollettiv, biex nilħqu l-għan tagħna ta' tkabbir sod, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv, filwaqt li nsaħħu r-reżiljenza ekonomika u finanzjarja",

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-impenn li tittieħed azzjoni sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu u jiġu żgurati konsum u produzzjoni sostenibbli,

wara li kkunsidra l-impenn tal-Kummissjoni favur investiment sostenibbi f'dan ir-rigward fil-pjan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u b'mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli (HLEG) dwar il-Finanzi Sostenibbli,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-HLEG ta' Lulju 2017 bit-titolu "Financing a Sustainable European Economy" (Finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli), li jispjega t-tensjoni bejn l-aġir mingħajr skop ta' lukru fit-terminu qasir u l-bżonn ta' investiment fit-terminu twil biex jintlaħqu l-miri ambjentali, soċjali u ta' governanza, u partikolament għall-punt 5 dwar il-fatt li s-sistema finanzjarja u l-qafas politiku jirriskjaw li jċedu għall-hekk imsejħa "tragedy of the horizon" (traġedja tal-orizzont) fil-paġna 16,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2017)0292),

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-HLEG ta' Jannar 2018 bit-titolu "Financing a Sustainable European Economy" (Finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli),

wara li kkunsidra l-paġna 14 tar-rapport interim tal-HLEG li jafferma li l-investituri tal-Ewropa għandhom skopertura kombinata għas-setturi b'intensità għolja ta' karbonju ta' bejn wieħed u ieħor 45 % u li inqas minn 1 % tal-investituri istituzzjonali globali huma assi infrastrutturali ekoloġiċi,

wara li kkunsidra l-fatt li l-oqfsa prudenzjali, partikolarment id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u r-regoli tal-kontabilità għall-investituri jiskoraġġixxu approċċ fit-tul, u li r-regoli prudenzjali jirrikjedu livell ta' kapital proporzjonali għal-livell ta' riskju fuq medda ta' sena u jqis biss ir-riskju finanzjarju għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 173 tal-Liġi Franċiża Nru 2015-992 tas-17 ta' Awwissu 2015 dwar it-Tranżizzjoni Enerġetika għat-Tkabbir Ekoloġiku,

wara li kkunsidra d-diskors li għamel fit-22 ta' Settembru 2016 Mark Carney, Gvernatur tal-Bank tal-Ingilterra u President tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja, u r-rapport tal-2015 tal-Carbon Tracker Initiative, b'riferiment partikolari għall-fatt li minn tmiem l-2010 l-kapitalizzazzjoni kombinata tas-suq tal-ewwel erba' produtturi ta' faħam tal-Istati Uniti niżlet b'aktar minn 99 %;

wara li kkunsidra l-Pjattaforma tal-Finanzjament għall-Ġlieda Kontra t-Tibdil fil-Klima li tnediet mill-BEI u l-Lussemburgu f'Settembru 2016,

wara li kkunsidra l-paġna 9 tad-dokument ta' diskussjoni ta' E3G ta' Mejju 2016 bit-titolu "Clean Energy Lift Off – Capitalising Europe's Energy Union" (Bidu għall-Enerġija Nadifa – Kapitalizzazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija tal-Ewropa), b'riferiment partikolari għall-fatt li mill-2008 sal-2013 spiċċa fix-xejn aktar minn nofs il-valur tas-suq tal-ewwel 20 kumpanija tas-servizzi enerġetiċi fl-Ewropa, li kien jammonta għal EUR 1 triljun,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-2015 u tal-2016 tal-Carbon Tracker Initiative li jindikaw li bejn USD 1,1 u USD 2 triljun oħra ta' nefqa kapitali mill-fjuwils fossili huma f'riskju li jkunu abbandunati, b'USD 500 biljun fis-settur tal-enerġija Ċiniż biss,

wara li kkunsidra r-"Recommendation of the Council on Common Approaches for Officially Supported Export Credits and Environmental and Social Due Diligence" (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Approċċi Komuni għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati u d-Diliġenza Dovuta ambjentali u soċjali) ("Common Approaches" (l-Approċċi Komuni)) tal-OECD li tirrikonoxxi "r-responsabilità tal-Aderenti li jimplimentaw l-impenji meħuda mill-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima" u "r-responsabilità tal-Aderenti li jqisu l-impatti ambjentali u soċjali pożittivi u negattivi tal-proġetti, b'mod partikolari f'setturi sensittivi jew li jinsabu f'żoni sensittivi jew ħdejhom, u r-riskji ambjentali u soċjali assoċjati ma' operazzjonijiet eżistenti, fid-deċiżjonijiet tagħhom li joffru appoġġ uffiċjali għal krediti għall-esportazzjoni",

wara li kkunsidra r-Responsible Business Conduct for Institutional Investors guidelines (linji gwida dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Invesituri Istituzzjonali) tal-OECD tal-2017, partikolarment il-paġna 13 fejn hemm imniżżel li l-investituri, anki dawk b'parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja, jafu jkunu direttament marbuta mal-impatti negattivi kkawżati minn destinatarji ta' investiment jew li għal dawn l-impatti kkontribwew dawn tal-aħħar, bħala konsegwenza tas-sjieda tagħhom ta' ishma jew tal-ġestjoni ta' tali ishma, fil-kumpanija li tkun qiegħda tikkawża ċerti impatti soċjali jew ambjentali jew tikkontribwixxi għalihom;

wara li kkunsidra l-approċċ tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Ekoloġika (GET) tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li għandu l-għan li jimmitiga u/jew jibni reżiljenza għall-effetti tat-tibdil fil-klima u ta' forom oħra ta' degradazzjoni ambjentali, b'riferiment partikolari għad-dokumenti tal-BERŻ li jgħaqqdu l-impatt tat-tranżizzjoni mal-ambjent, inklużi, fejn xieraq, bidliet fil-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-proġett,

wara li kkunsidra d-dokument tal-OECD bit-titolu "Responsible Business Conduct for Institutional Investors: Key Considerations for Due Diligence under the OECD Guidelines for Multinational Enterprises" (Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Invesituri Istituzzjonali: Kunsiderazzjonijiet Fundamentali għad-Diliġenza Dovuta fil-kuntest tal-Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali),

wara li kkunsidra r-rapport tat-2018 tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa bit-titolu "Boosting Investment in Social Infrastructure in Europe" (It-Titjib tal-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa),

wara li kkunsidra l-Liġi Franċiża dwar id-Dmir Korporattiv ta' Viġilanza tas-27 ta' Marzu 2017, b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (2) (Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju – NFRD), u b'mod partikolari l-Artikoli 19 u 19(a) tad-Direttiva 2013/34/UE u l-premessi 3, 6, 7 u 8 tad-Direttiva 2014/95/UE,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti (3) (Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (4) (Direttiva dwar l-IORPs),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (6) (ir-Regolament dwar l-STS),

wara li kkunsidra l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIP) (7) (Regolament dwar il-PRIIPs), li jgħid li meta prodott aggregat ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni jkollu objettiv ambjentali jew soċjali muri, il-manifattur irid juri lill-investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur u lill-partijiet interessati f'sens usa' kif dawn l-objettivi jintlaħqu matul il-proċess ta' investiment kollu,

wara li kkunsidra s-suġġeriment tat-Triodos Bank ta' "mandati mudell" li jinkludu r-rekwiżit ta' integrazzjoni totali tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-deċiżjonijiet ta' investiment, l-involviment attiv u l-votazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, l-għażla ta' parametri referenzjarji sostenibbli, rappurtar inqas frekwenti iżda iktar sinifikattiv min-naħa tal-maniġers tal-assi u struttura tariffarja u tal-pagamenti orjentata fuq terminu twil,

wara li kkunsidra r-reinterpretazzjoni min-naħa tal-Gvern tar-Renju Unit tad-dmir fiduċjarju, li ddgħajjef ir-rabta mar-redditi massimi u tippermetti l-eżami ta' kwistjonijiet etiċi u ambjentali,

wara li kkunsidra r-rwol pijunier tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-ħruġ tal-ewwel bond aħdar fid-dinja u billi minn Jannar 2018 sar l-akbar emittent ta' bonds ħodor fid-dinja,

wara li kkunsidra l-"Principles for Positive Impact Finance" (Prinċipji għal Finanzi b'Impatt Pożittiv) żviluppati mill-Inizjattiva Finanzjarja tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP FI),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi" li tenfasizza r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fit-titjib tal-portafoll tal-investimenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi,

wara li kkundira l-Inkjesta tal-UNEP dwar it-Tifsil ta' Sistema Finanzjarja Sostenibbli (Inquiry into the Design of a Sustainable Financial System),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2017 tal-Climate Bonds Initiative, li juri kif il-bonds qegħdin jintużaw għat-tranżizzjoni lejn ekonomija globali b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2016 tal-Inkjesta tal-UNEP, li wasal għall-konklużjoni li bosta regolaturi finanzjarji nazzjonali diġà qegħdin jagħmlu jew iħejju valutazzjonijiet tas-sostenibilità u tali inizjattivi għandhom jiġu integrati malajr fil-livell tal-UE, u b'riferiment għall-punt li tali analiżijiet għandhom jibnu fuq xenarji klimatiċi standardizzati, fosthom xenarju li fih żieda fit-temperaturi tad-dinja tinżamm sew taħt iż-2 °C,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni fir-rapport finali ta' Jannar 2018 tal-HLEG li tgħid li l-Kummissjoni jmissha tagħmel test tas-sostenibilità għall-proposti leġiżlattivi finanzjarji kollha;

wara li kkunsidra ir-rieżami ta' nofs it-terminu tas-CMU (COM(2017)0292) u l-istqarrija ċara tal-Kummissjoni li "tappoġġja l-allinjament ta' investimenti privati mal-objettivi li jolqtu l-klima,l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ambjent, kemm permezz ta' miżuri ta' politika kif ukoll ta' investiment pubbliku" (COM(2016)0601),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Federali Ġermaniż (Bundesbank) tal-2017 u l-Bullettin Trimestrali (Quarterly Bulletin) tal-Bank tal-Ingilterra tar-raba' trimestru tal-2014, li jgħidu li l-maġġor parti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni tinħoloq mis-settur bankarju privat meta l-banek isellfu;

wara li kkunsidra l-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-ħtieġa li l-flussi finanzjarji jsiru konsistenti ma' pjan orjentat lejn żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra u reżistenti għat-tibdil fil-klima;

wara li kkunsidra r-rapport tal-UNISDR u taċ-ĊRED bit-titolu "The Human Cost of Weather-Related Disasters 1995-2015" (Il-Prezz Uman tad-Diżastri Relatati mat-Temp 1995-2015) li kkonkluda li 90 % tad-diżastri ewlenin irreġistrati f'dan il-perjodu kkawżati minn perikli naturali kienu marbuta mal-klima u mat-temp u li, globalment, id-diżastri jikkawżaw USD 300 biljun f'dannu ekonomiku kull sena (8),

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 u l-Prijorità 3 tiegħu "Investing in disaster risk reduction for resilience" (Ninvestu fit-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri għal reżiljenza) inkluż il-paragrafu 30 li jsemmi l-ħtieġa "li tiġi promossa, kif xieraq, l-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet u miżuri relatati mat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fi strumenti finanzjarji u fiskali",

wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Recommendations of the Task Force on Climate-related Financial Disclosure" (Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force għad-Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima),

wara li kkunsidra x-xogħol tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) dwar ir-riskji marbuta mal-assi mhux irkuprabbli u l-ħtieġa ta' "testijiet tal-istress relatati mal-karbonju" fil-livell Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 31/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li wasal għall-konklużjoni li minkejja li l-UE għamlet impenn politiku fl-ambitu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020 biex tonfoq euro wieħed minn kull ħamsa (20 %) għal skopijiet relatati mal-klima, ma kinitx fit-triq it-tajba biex tonora dan l-impenn, peress li l-programmazzjoni attwali tkun tirrappreżenta madwar 18 % biss,

wara li kkunsidra r-Rapport Statistiku 2016 tal-BEI tas-27 ta’ April 2017, li juri li l-appoġġ tal-BEI favur l-azzjoni klimatika jkompli jirrifletti l-kuntesti differenti tas-swieq madwar l-UE u ma laħaqx il-livell ta' 20 % f'16-il Stat Membru tal-UE fl-2016, u li, filwaqt li l-investiment fl-azzjoni klimatika fl-2016 kien prevalentement jinsab fl-ekonomiji l-aktar b'saħħithom tal-UE, fl-2016 il-BEI ffinanzja proġetti favur l-enerġija rinnovabbli fi 11-il Stat Membru u proġetti ta' effiċjenza enerġetika fi 18-il Stat Membru,

wara li kkunsidra r-rapport tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa, li jikkalkula li d-diskrepanza minima fl-investiment tal-infrastruttura soċjali fl-UE hi ta' EUR 100-150 biljun kull sena u li d-diskrepanza totali se tkun ta' aktar minn EUR 1,5 triljun bejn l-2018 u l-2030,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur (11),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2017/2018,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar l-innovazzjoni għal tkabbir sostenibbli: bijoekonomija għall-Ewropa (12),

wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni tal-2015 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (13),

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u r-responsabilità għal Protezzjoni, Rispett u Rimedju,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0164/2018),

A.

billi s-swieq finanzjarji jistgħu u għandhom jaqdu rwol essenzjali biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli fl-UE li tmur lil hinn mit-tranżizzjoni klimatika u minn kwistjonijiet ekoloġiċi u tirrigwarda anki kwistjonijiet soċjali u ta' governanza; billi hemm ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-fallimenti relatati mas-suq; billi l-isfidi ambjentali, ekonomiċi u soċjali huma marbuta flimkien mill-qrib; billi, skont ir-rapport tal-HLEG ta' Lulju 2017, id-diskrepanza tal-likwidità biex l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa jħallu l-frott hija kważi EUR 180 biljun, esklużi l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli oħrajn;

B.

billi jeħtieġ li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun mezz biex jiżdiedu s-solidarjetà u l-koeżjoni; billi l-finanzi sostenibbli jistgħu jkunu mezz li bih jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà lejn tkabbir inklużiv fit-tul u jiġi promoss il-benessri taċ-ċittadini; billi l-kriterji għall-investiment favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jidhru promettenti ħafna u jistgħu jkun punt tat-tluq tajjeb; billi l-finanzi sostenibbli jmorru lil hinn mill-investimenti ekoloġiċi u favur il-klima u għandhom iqisu b'urġenza anki kriterji soċjali u ta' governanza;

C.

billi sistema regolatorja prevedibbli u stabbli għall-investimenti relatati mat-tibdil fil-klima hija ta' importanza kbira sabiex jitrawwem l-involviment tas-settur privat fil-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi l-Unjoni Ewropea tista' tistabbilixxi standard għal sistema finanzjarja sostenibbli billi tintroduċi qafas kredibbli u komprensiv, li d-dettalji tiegħu għandhom jiġu stabbiliti b'mod progressiv permezz ta' inizjattivi leġiżlattivi speċifiċi;

D.

billi hemm bżonn bidla fil-mentalità tal-partijiet ikkonċernati kollha, li tirrikjedi leġiżlazzjoni trasversali min-naħa tal-Kummissjoni; billi l-investituri istituzzjonali u fil-livell tal-konsumatur qed juru interess akbar biex jinvestu fi prodotti li josservaw il-kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza;

E.

billi hemm bżonn żieda fit-trasparenza tad-data ambjentali, soċjali u ta' governanza dwar il-kumpaniji sabiex jiġi evitat il-"greenwashing";

F.

billi l-evalwazzjoni tal-impatt għandha tkun parti mit-tassonomija ta' prodotti finanzjarji sostenibbli; billi l-għarfien espert dwar kif għandu jiġi kkalkulat l-impatt tal-investimenti fuq l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza qiegħed jikber;

Il-ħtieġa ta' qafas ta' politika xieraq għall-mobilizzazzjoni tal-kapital meħtieġ għal tranżizzjoni sostenibbli

1.

Jisħaq fuq il-potenzjal ta' tranżizzjoni sostenibbli aktar rapida bħala opportunità biex is-swieq kapitali u l-intermedjarji finanzjarji jiġu orjentati lejn investimenti fit-tul, innovattivi, soċjalment favorevoli, ambjentalment sani u effiċjenti; josserva x-xejra attwali ta' żvestiment mill-faħam, iżda jirrimarka l-ħtieġa ta' sforzi ulterjuri għall-iżvestiment minn fjuwils fossili oħra; jenfasizza l-importanza li l-banek u s-swieq kapitali Ewropej jieħdu vantaġġ mill-innovazzjoni f'dan il-qasam; jinnota li l-benefiċċji u r-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza sikwit ma jkunux integrati adegwatament fil-prezzijiet u li dan jagħti inċentivi tas-suq lill-finanzi insostenibbli u ingranati għal terminu qasir għal ċerti parteċipanti fis-suq li jiffukaw fuq redditi rapidi; jenfasizza li hemm bżonn qafas regolatorju, politiku u superviżorju mfassal tajjeb sabiex jirregola l-finanzi sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet differenti li joffru r-reġjuni tal-UE; jinnota li qafas bħal dan jista' jgħin sabiex jiġi mmobilizzat il-kapital fuq skala kbira għall-iżvilupp sostenibbli u jtejjeb l-effiċjenza tas-suq biex jidderieġi l-flussi tal-kapital lejn assi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas leġiżlattiv ambizzjuż li jirrikonoxxi l-proposti mressqa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli;

Ir-rwol tas-settur finanzjarju fir-rigward tas-sostenibilità u l-politiki meħtieġa għall-korrezzjoni tal-fallimenti tas-suq

2.

Jenfasizza li s-settur finanzjarju kollu kemm hu, kif ukoll il-funzjoni prinċipali tiegħu li jalloka l-kapital b'mod effiċjenti kemm jista' jkun għall-ġid tas-soċjetà, f'konformità mal-objettivi tal-UE, għandhom ikunu rregolati mill-valuri tal-ekwità u tal-inklużjoni kif ukoll mill-prinċipju tas-sostenibilità, u għandhom jinkludu indikaturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-kost ta' nuqqas ta' azzjoni fl-analiżi tal-investiment u fid-deċiżjonijiet relatati; jinnota li l-valutazzjoni ineżatta jew il-preżentazzjoni qarrieqa tar-riskji klimatiċi u ambjentali oħra tal-prodotti finanzjarji jistgħu jikkostitwixxu riskju għall-istabilità tas-suq; jenfasizza r-rwol strumentali tal-politika ekonomika, fiskali u monetarja biex jitrawmu finanzi sostenibbli billi tiffaċilita l-allokazzjoni tal-kapital u torjenta mill-ġdid l-investimenti lejn teknoloġiji u impriżi aktar sostenibbli u lejn attivitajiet ekonomiċi dekarbonizzati, reżiljenti għad-diżastri u effiċjenti fir-riżorsi li jkunu kapaċi jnaqqsu l-bżonn attwali ta' riżorsi futuri u b'hekk ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi relatati mas-sostenibilità tal-UE u l-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi li prezz xieraq u dejjem ogħla għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra huwa komponent fundamentali f'ekonomija tas-suq ambjentali u soċjali funzjonanti u effiċjenti billi jikkoreġi l-fallimenti attwali tas-suq; jinnota li l-prezzijiet fis-suq Ewropew tal-karbonju kienu instabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu biex jeliminaw gradwalment is-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili;

L-assi mhux irkuprabbli u r-riskji sistemiċi relatati

3.

Jissottolinja li għalkemm l-assi tal-karbonju għad għandhom valur fil-karta bilanċjali tal-impriżi, dan il-valur irid isegwi xejra negattiva biex tkun tista' ssir tranżizzjoni lejn soċjetà b'livell baxx ta' karbonju; jenfasizza, għaldaqstant, ir-riskji sistemiċi sostanzjali li l-assi mhux irkuprabbli relatati mal-karbonju u li jagħmlu ħsara lill-ambjent jirrappreżentaw għall-istabilità finanzjarja jekk ma jiġux ipprezzati fil-ħin skont il-profil tar-riskju fit-tul tagħhom; jisħaq fuq il-bżonn ta' identifikazzjoni, valutazzjoni u ġestjoni prudenti tal-iskoperturi u, wara perjodu tranżitorju, ta' rappurtaġġ proporzjonat u obbligatorju, kif ukoll id-disponiment progressiv ta' dawn l-assi, bħala essenzjali għat-tranżizzjoni ordinata, bilanċjata u stabbli lejn investimenti pożittivi f'termini ta' klima u ta' effiċjenza fir-riżorsi; jirrakkomanda li l-kunċett tal-assi mhux irkuprabbli jiġi estiż biex jinkludi sistemi u servizzi ekoloġiċi fundamentali;

4.

Jitlob l-introduzzjoni ta' "testijiet tal-istress relatati mal-karbonju" fil-livell Ewropew kif propost mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fl-2016 għall-banek u għall-intermedjarji finanzjarji l-oħra biex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati r-riskji relatati ma' dawn l-assi mhux irkuprabbli; jilqa' l-proposti tal-BERS għall-iżvilupp ta' politiki prudenzjali reżiljenti għall-klima, pereżempju aġġustamenti addizzjonali speċifiċi tal-kapital abbażi tal-intensità tal-karbonju ta' skoperturi individwali vvalutati bħala eċċessivi applikati għall-investiment globali f'assi meqjusa vulnerabbli ħafna għal tranżizzjoni f'daqqa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jiġbed l-attenzjoni għar-reviżjoni pendenti tar-regolamenti li jistabbilixxu l-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) bħala opportunità biex jitqies ir-rwol tal-ASE fl-investigazzjoni u l-iżvilupp ta' standards għall-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-karbonju u ta' riskji oħra relatati mal-ambjent, kif ukoll id-divulgazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fil-proċess intern ta' valutazzjoni tar-riskji fil-banek, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ta' rapportar eżistenti dwar is-sostenibilità mill-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi f'dan ir-rigward;

Il-finanzjament tal-investimenti pubbliċi meħtieġa għat-tranżizzjoni

5.

Jenfasizza li r-riforma tas-sistema finanzjarja, biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika, tirrikjedi l-kooperazzjoni tas-settur pubbliku u s-settur privat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol strumentali tal-politika fiskali u ekonomika li tipprovdi s-sinjali u l-inċentivi t-tajba; jistieden lill-Istati Membri biex, f'koordinament mal-Kummissjoni, l-ASE u l-BEI, jivvalutaw il-bżonnijiet nazzjonali u kollettivi ta' investiment pubbliku tagħhom u jindirizzaw il-lakuni li jista' jkun hemm biex jiżguraw li l-UE tkun fit-triq it-tajba biex, fil-ħames snin li ġejjin, tilħaq l-għanijiet tagħha fil-qasam tat-tibdil fil-klima u, sal-2030, tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jissottolinja r-rwol li l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jaqdu f'dan ir-rigward; jissuġġerixxi li dan il-proċess jiġi kkoordinat fil-livell Ewropew u li tiġi stabbilita sistema li tintraċċa l-flussi finanzjarji effettivi lejn investimenti pubbliċi sostenibbli fil-qafas ta' Osservatorju tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli; jilqa' l-għodod finanzjarji innovattivi li jintegraw l-indikaturi tas-sostenibilità u li jistgħu jiffaċilitaw dan il-proċess, bħalma huma l-bonds ħodor maħruġa pubblikament; jilqa' l-kjarifika mogħtija mill-Eurostat dwar it-trattament ta' kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija f'kontijiet nazzjonali peress li dan it-trattament iċċarat jista' jiftaħ flussi konsiderevoli ta' kapital pubbliku lejn settur li attwalment jammonta għal tliet kwarti tad-diskrepanza fl-investiment f'enerġija nadifa tal-UE għall-2030; jitlob lill-Kummissjoni tesplora ulterjorment trattament ikkwalifikat ta' investimenti pubbliċi relatati mal-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza sabiex l-ispiża ta' dawn il-proġetti tinfirex tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-investiment pubbliku relatat;

L-indikaturi u t-tassonomija tas-sostenibilità bħala inċentiv għal investimenti sostenibbli

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi proċess ta' diversi partijiet ikkonċernati, inklużi esperti fix-xjenza klimatika kif ukoll parteċipanti fis-suq finanzjarju, biex, sa tmiem l-2019, tistabbilixxi tassonomija tas-sostenibilità soda, kredibbli u teknoloġikament newtrali abbażi ta' indikaturi li jiddivulgaw l-impatt sħiħ tal-investimenti fuq is-sostenibilità u jippermettu li jsir paragun bejn il-proġetti ta' investiment u l-kumpaniji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati tali indikaturi tas-sostenibilità bħala l-ewwel pass fil-proċess tal-iżvilupp ta' tassonomija tas-sostenibilità tal-UE u li dawn l-indikaturi jiġu inkorporati f'rappurtar integrat; jirrimarka li l-iżvilupp tat-tassonomija tas-sostenibilità għandu jiġi segwit mill-proposti leġiżlattivi addizzjonali li ġejjin: qafas ta' diliġenza dovuta komprensiv u obbligatorju, li jinkludi obbligu ta' diliġenza li jiġi introdott gradwalment tul perjodu tranżitorju u li jqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, tassonomija responsabbli dwar l-investiment, u proposta sabiex ir-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza jiġu integrati fil-qafas prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji;

7.

Jinnota li diġà jeżistu indikaturi tas-sostenibilità, iżda li l-oqfsa attwali ta' rappurtar volontarju mhumiex armonizzati biżżejjed; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tibbaża t-tassonomija tagħha fil-qasam tas-sostenibilità fuq lista armonizzata ta' indikaturi tas-sostenibilità abbażi tal-ħidma eżistenti, fost l-oħrajn, tal-Global Reporting Initiative (GRI), il-Prinċipji tan-NU għal Investiment Responsabbli (UN PRI), il-Kummissjoni nnifisha, l-OECD, u s-settur privat, u b'mod partikolari l-indikaturi eżistenti tal-Eurostat dwar l-effiċjenza fir-riżorsi; jirrakkomanda li dawn l-indikaturi jiġu inklużi fit-tassonomija b'mod dinamiku u bi gwida ċara għall-investituri dwar iż-żmien sa meta jridu jintlaħqu ċerti standards; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-ponderazzjoni tal-indikaturi skont l-urġenza li jiġu indirizzati fi kwalunkwe mument partikolari; jissottolinja li t-tassonomija għandha ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-impenn u l-flessibilità, li jfisser li l-qafas għandu jkun obbligatorju u standardizzat waqt perjodu tranżitorju, iżda għandha titqies ukoll bħala għodda li tevolvi u li tista' tirrikonoxxi riskji emerġenti u/jew riskji li għadhom iridu jiġu identifikati b'mod xieraq;

8.

Iqis li l-inklużjoni ta' indikaturi kwantitattivi prestabbiliti u ta' ġudizzji kwalitattivi dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali ta' tip ieħor hija pass importanti lejn tassonomija ta' investiment responsabbli li tirrispetta l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju u tax-xogħol internazzjonali; jenfasizza li l-istandards minimi dwar ir-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza għandhom jinkludu standards soċjali minimi għal dawn l-investimenti li jinkludu d-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza u l-esklużjoni ta' riżorsi li jkunu ġejjin minn reġjuni ta' kunflitt jew mingħajr il-kunsens infurmat minn qabel tal-komunitajiet affettwati, kif ukoll standards minimi ta' governanza li jinkludu r-rekwiżiti tal-UE għall-governanza u r-rappurtar korporattivi, li jkunu ekwivalenti għall-istandards tal-UE dwar ir-rappurtar finanzjarju u l-istandards tal-UE li jirregolaw l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-trasparenza fiskali;

Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi proċess ta' diversi partijiet ikkonċernati biex, sa tmiem l-2019, tistabbilixxi "Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" permezz ta' inizjattiva leġiżlattiva, li għandha tingħata lill-prodotti ta' investiment, ekwità u pensjonijiet li jkunu diġà laħqu l-ogħla standards fit-tassonomija tas-sostenibilità, biex tiggwida d-deċiżjoni dwar l-investiment ta' dawk li jipprijoritizzaw is-sostenibilità fuq il-fatturi l-oħrajn kollha; jirrakkomanda li din it-"Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" tinkludi standards minimi għar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza konformi mal-Ftehim ta' Pariġi u l-prinċipju "primum non nocere" f'konformità mal-analiżi tar-riskju ambjentali, soċjali u ta' governanza, u attivitajiet li juru biċ-ċar li jkun qed ikollhom "impatt pożittiv" kif definit minn mill-Inizjattiva Finanzjarja tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP FI); jinnota li funzjoni importanti tat-tassonomija, u ta' Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi, hi li titjieb il-valutazzjoni tar-riskju min-naħa tal-parteċipanti tas-suq finanzjarju bil-ħolqien ta' skala ta' klassifikazzjoni bbażata fuq is-suq; jilqa' l-innovazzjonijiet tal-atturi tas-suq, bħall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, fl-iżvilupp u fl-amministrazzjoni ta' tali klassifikazzjoni bbażata fuq is-suq;

L-integrazzjoni ta' kriterji finanzjarji sostenibbli fil-leġiżlazzjoni kollha relatata mas-settur finanzjarju

10.

Jinnota l-inklużjoni reċenti tal-kwistjonijiet ta' sostenibilità fir-Regolamenti dwar il-PRIIPs (prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni) u dwar l-STS (titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata), kif ukoll fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti u fl-NFRD; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata kunsiderazzjoni regolatorja adegwata tar-riskji assoċjati mal-assi ekoloġiċi u sostenibbli; jilqa' l-inklużjoni tar-rikonoxximent tal-assi mhux irkuprabbli fid-Direttiva dwar l-IORPs, kif ukoll l-estensjoni tal-prinċipju tal-"persuna prudenti" u riferiment għall-prinċipji tan-NU għal investiment responsabbli; jitlob l-integrazzjoni xierqa u proporzonata tal-indikaturi finanzjarji sostenibbli f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta relatata mas-settur finanzjarju permezz ta' proposta omnibus jew proposti speċifiċi; jitlob linji gwida komuni sabiex jiġu armonizzati d-definizzjoni ta' fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-introduzzjoni tagħhom f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tuża s-setgħa ddefinita fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 biex tipprovdi, kemm jista' jkun malajr u qabel ma tiżviluppa t-tassonomija tas-sostenibilità, att delegat li jispeċifika d-dettalji tal-proċeduri użati biex jiġi stabbilit jekk prodott aggregat ta' investiment għall-konsumaturi bbażat fuq l-assigurazzjoni jkunx immirat lejn objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi; jitlob ukoll qafas ta' diliġenza dovuta proporzjonat u obbligatorju abbażi tal-Linji Gwida 2017 tal-OECD dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Investituri Istituzzjonali, li jirrikjedi lill-investituri jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jqisu l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza; isostni li dan il-qafas pan-Ewropew għandu jkun ibbażat fuq il-Liġi Franċiża dwar id-Dmir Korporattiv ta' Viġilanza għall-kumpaniji u l-investituri, inklużi l-banek; jitlob ukoll li jsir riferiment dirett għall-kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza fis-"sorveljanza u l-governanza tal-prodotti" (POG) f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta, inkluża l-leġiżlazzjoni li qed tiġi diskussa bħalissa; jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli biex il-prinċipju "Think Sustainability First" (L-Ewwel Aħseb fis-Sostenibilità) jiġi inkorporat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-UE;

Ir-riskji għas-sostenibilità fil-qafas prudenzjali tar-regoli dwar l-adegwatezza tal-kapital

12.

Jinnota li r-riskji għas-sostenibilità jistgħu wkoll iġorru riskji finanzjarji u li, għalhekk, dawn għandhom jiġu riflessi, jekk ikunu sostanzjali, fir-rekwiżiti tal-kapital u fil-kunsiderazzjoni prudenzjali tal-banek; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tadotta strateġija regolatorja u pjan direzzjonali mmirati, fost affarijiet oħra, lejn il-kejl tar-riskji għas-sostenibilità fil-qafas prudenzjali u tippromwovi l-inklużjoni tar-riskji għas-sostenibilità fil-qafas ta' Basel IV biex tiżgura riżervi ta' kapital suffiċjenti; jenfasizza li l-adegwatezza tal-kapital trid tkun ibbażata fuq ir-riskji murija u trid tirrifletti b'mod sħiħ dawn tal-aħħar; jimmira li jagħti bidu għal proġett pilota tal-UE, fil-qafas tal-baġit annwali li jmiss, biex jibdew jiġu żviluppati parametri referenzjarji metodoloġiċi għal dan l-iskop;

Id-divulgazzjoni

13.

Jenfasizza li d-divulgazzjoni hija kundizzjoni propizja essenzjali għall-finanzi sostenibbli; jilqa' l-ħidma tat-Task Force għad-Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima (TCFD) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissekondaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha; jitlob l-inkorporazzjoni tal-kost tan-nuqqas ta' azzjoni dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali u dwar riskji oħrajn għas-sostenibilità fl-oqfsa tad-divulgazzjoni; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinkludi d-divulgazzjoni proporzjonali u obbligatorja fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, l-NFRD, id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital mill-2020, b'perjodu ta' traspożizzjoni li matulu l-kumpaniji jistgħu jħejju għall-implimentazzjoni; jinnota li l-Artikolu 173 tal-Abbozz ta' Liġi Franċiż dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija diġà joffri mudell possibbli għar-regolamentazzjoni tad-divulgazzjoni obbligatorja tar-riskji għall-klima min-naħa tal-investituri; jitlob li jiġi kkunsidrat twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-NFRD; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rekwiżiti tal-qafas ta' rappurtar għandhom ikun proporzjonati fir-rigward tar-riskji mġarrba mill-istituzzjoni, id-daqs u l-livell ta' kumplessità tagħha; jirrakkomanda li t-tip ta' divulgazzjoni meħtieġa attwalment skont ir-regolament PRIIPs u permezz tad-Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija tiġi estiża għall-prodotti finanzjarji kollha għall-konsumatur;

Id-dmir fiduċjarju

14.

Jinnota li d-dmirijiet fiduċjarji diġà huma inkorporati fil-qafas regolatorju finanzjarju tal-UE, iżda jinsisti li għandhom jiġu ċċarati matul id-definizzjoni, l-istabbiliment u l-ittestjar ta' tassonomija sostenibbli, soda u kredibbli, filwaqt li jinkludu attivitajiet kruċjali ta' investiment, inklużi l-istrateġija ta' investiment, il-ġestjoni tar-riskju, l-allokazzjoni tal-assi, il-governanza u l-kunċett ta' "stewardship" għall-atturi kollha tul il-katina tal-investiment, inklużi l-maniġers tal-assi, il-konsulenti indipendenti tal-investiment u intermedjarji oħra; jirrakkomanda li d-dmir fiduċjarju għandu jitwessa' biex iħaddan proċess ta' integrazzjoni bidirezzjonali obbligatorju li abbażi tiegħu l-atturi kollha tul il-katina tal-investiment, inklużi l-maniġers tal-assi u l-konsulenti indipendenti tal-investimenti jew l-intermedjarji l-oħra tal-investimenti, huma obbligati jintegraw ir-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mil-lat finanzjarju fid-deċiżjonijiet tagħhom, inkluża l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni, kif ukoll iqisu l-preferenzi ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mil-lat mhux finanzjarju tal-klijenti u l-benefiċjarji, jew tal-investituri aħħarin finali, li għandhom jiġu mistoqsija b'mod proattiv dwar il-preferenzi tagħhom mil-lat ta' żmien u sostenibilità; jitlob li l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward ir-riskji klimatiċi, ambjentali u ta' tip ieħor għas-sostenibilità ssir parti mill-ġestjoni tar-riskju u l-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-bordjiet tal-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi, u parti mid-dmir fiduċjarju tal-investituri;

Mudelli ta' kuntratt għall-identifikazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza

15.

Jistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jiżviluppaw linji gwida rigward il-mudelli ta' kuntratt bejn is-sidien tal-assi u l-maniġers tal-assi, il-konsulenti indipendenti tal-investiment u intermedjarji oħra tal-investiment li jkunu jinkorporaw b'mod ċar it-trażmissjoni tal-interess tal-benefiċjarju kif ukoll l-aspettattivi ċari għal dak li għandu x'jaqsam mal-identifikazzjoni u l-integrazzjoni tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza, bil-ħsieb li dawn ir-riskji jiġu evitati, mnaqqsa, mitigati u kkumpensati; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi lill-ASE fil-kuntest tar-reviżjoni pendenti tar-regolamentazzjoni dwar l-ASE; jitlob sabiex l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward tal-klima u riskji oħra tas-sostenibilità tiġi inkorporata fil-leġiżlazzjoni u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-finanzjament futuri kollha tal-UE;

Stewardship

16.

Jitlob li l-kunċett ta' "stewardship" attiv u responsabbli jifforma parti integrali mid-dmirijiet ġuridiċi tal-investituri u li rendikont tal-attivitajiet relatati mal-kunċett ta' "stewardship" jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji u l-pubbliku permezz, fost l-oħrajn, tad-divulgazzjoni pubblika u obbligatorja tal-holdings ewlenin, tal-attivitajiet ta' impenn, tal-użu ta' konsulenti delegati u tal-użu ta' strumenti ta' investiment passivi; jirrakkomanda li l-fondi passivi, immexxija minn investimenti bbażati fuq l-indiċi, għandhom jiġu mħeġġa jiddivulgaw l-attivitajiet tagħhom ta' "stewardship" u dwar kemm l-użu ta' indiċizzazzjoni u parametri referenzjarji passivi jippermetti l-identifikazzjoni xierqa tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-destinatarji tal-investiment; iqis li l-fornituri tal-indiċi għandhom jintalbu jipprovdu d-dettalji tal-iskopertura tal-parametri referenzjarji użati b'mod estensiv u referenzjati għall-parametri klimatiċi u tas-sostenibilità;

Il-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar rekwiżiti ta' rappurtar dwar il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-qafas tal-NFRD

17.

Jinnota grad insuffiċjenti ta' konverġenza fir-rappurtar dwar il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-qafas tal-NFRD u l-ħtieġa ta' armonizzazzjoni bil-għan li titrawwem aktar konsistenza, u biex tiġi definita l-aktar metrika ambjentali, soċjali u ta' governanza xierqa għad-divulgazzjoni, permezz ta' indikaturi ta' sostenibilità u effiċjenza fir-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni toħloq grupp li jħaddan diversi partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE, li jkun jinkludi rappreżentanti tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, tad-dinja akkademika u tas-soċjetà ċivili, biex tiġi vvalutata u proposta lista xierqa ta' metrika, inkluża lista ta' indikaturi li jkejlu l-impatt tas-sostenibilità u jkopru l-aktar riskji sinifikanti għas-sostenibilità; hu tal-fehma li riforma bħal din għandha tinkludi l-obbligu ta' rappurtar awditjat minn terzi;

Bonds ħodor

18.

Jinnota li l-bonds ħodor jirrappreżentaw frazzjoni biss mis-suq tal-investiment, u waħda li mhijiex regolata biżżejjed, u, minħabba f'hekk, hi parti mis-suq li hija suxxettibbli għar-riskju ta' kummerċjalizzazzjoni qarrieqa, u li l-UE bħalissa m'għandhiex standard unifikat għall-bonds ħodor, li għandu jkun ibbażat fuq it-tassonomija sostenibbli futura tal-UE; jinnota li tali bonds ħodor għandhom jiġu vverifikati u sorveljati mill-awtoritajiet pubbliċi u għandhom jinkludu rappurtar perjodiku dwar l-impatt ambjentali tal-assi sottostanti; jissottolinja li l-bonds ħodor għandhom jinkludu wkoll impatt ambjentali fid-direzzjoni opposta u jappoġġjaw tnaqqis fl-użu ta' assi ta' fjuwils fossili; jissottolinja li l-bonds ħodor għandhom jeskludu ċerti setturi – speċjalment b'rabta mal-attivitajiet li għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-klima – u m'għandhomx jiksru l-istandards soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin; jissuġġerixxi li l-iżvilupp tal-istandard għal bond aħdar tal-UE għandu jseħħ bi trasparenza sħiħa ma' grupp ta' ħidma speċifiku tal-Kummissjoni li jkun soġġett għal skrutinju regolatorju mill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod regolari l-impatt, l-effikaċja u s-superviżjoni tal-bonds ħodor; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm inizjattiva leġiżlattiva li tinċentiva, tippromwovi u tikkummerċjalizza ħruġ pubbliku Ewropew ta' bonds ħodor mill-istituzzjonijiet Ewropej eżistenti u futuri bħall-BEI u l-Fond Monetarju Ewropew, sabiex jiġu ffinanzjati investimenti sostenibbli ġodda;

L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu

19.

Josserva li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs) ma jintegrawx biżżejjed l-impatt tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza distruttivi fl-affidabilità kreditizja futura tal-emittenti; jappella għall-adozzjoni ta' standards tal-UE ċari u superviżjoni fir-rigward tal-integrazzjoni tal-indikaturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-klassifikazzjonijiet tal-aġenziji kollha ta' klassifikazzjoni tal-kreditu li joperaw fl-UE; jirrimarka li n-nuqqas ta' kompetizzjoni sottostanti fost dawn l-impriżi u l-enfasi ekonomika dejqa tagħhom għadhom ma ġewx indirizzati għalkollox; jappella għall-ħolqien ta' proċess ta' akkreditament għal "Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" min-naħa tal-aġenti taċ-ċertifikazzjoni taħt is-superviżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); jirrakkomanda li l-ESMA tiġi inkarigata biex tobbliga lis-CRAs jinkorporaw ir-riskji għas-sostenibilità fil-metodoloġiji tagħhom; billi dawn x'aktarx jimmanifestaw ruħhom fil-futur, jitlob lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament dwar is-CRAs; jenfasizza l-importanza ta' riċerka dwar is-sostenibilità mogħtija mill-indiċi tas-sostenibilità u l-aġenziji ta' klassifikazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza billi din tipprovdi lill-atturi finanzjarji kollha bl-informazzjoni meħtieġa għad-dmir tar-rappurtar u d-dmir fiduċjarju tagħhom, fl-implimentazzjoni tal-bidla lejn sistema finanzjarja aktar sostenibbli;

Sistemi ta' tikkettar għas-servizzi finanzjarji

20.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħloq sistema ta' tikkettar vinkolanti u proporzjonata, li għandha tkun volontarja matul perjodu ta' tranżizzjoni, għall-istituzzjonijiet li joffru kontijiet bankarji għall-konsumatur, għall-fondi ta' investiment, għall-prodotti finanzjarji u tal-assigurazzjoni, li tindika kemm l-assi sottostanti huma f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza;

Il-mandat tal-ASE

21.

Biħsiebu jkompli jiċċara l-mandat tal-ASE u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-kuntest tar-reviżjoni pendenti tar-regolamenti dwar l-ASE għall-inklużjoni u l-monitoraġġ tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza, biex b'hekk l-attivitajiet fis-swieq finanzjarji jsiru aktar konsistenti ma' objettivi sostenibbli; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-ESMA għandha:

tinkludi preferenzi dwar is-sostenibilità bħala parti mil-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-"adegwatezza", kif propost mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-Finanzi Sostenibbli u, b'mod aktar ġenerali, tipprovdi gwida dwar il-mod kif kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibilità jistgħu jiġu inkorporati b'mod effikaċi fil-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti tal-UE, kif ukoll tippromwovi l-implimentazzjoni koerenti ta' dawn id-dispożizzjonijiet mal-adozzjoni;

tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ superviżorju proporzjonata u – wara perjodu ta' tranżizzjoni – obbligatorja, għall-valutazzjoni tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mill-2018 'il quddiem, flimkien ma' analiżi tax-xenarji tas-sostenibilità li tħares fil-bogħod;

tingħata l-mandat li tivverifika l-allinjament tal-portafoll mar-riskji u l-fatturi tal-Ftehim ta' Pariġi u tiżgura l-konsistenza mar-rakkomandazzjonijiet tat-TCFD;

jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-ASE għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iwettqu l-missjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-ASE jikkooperaw mal-aġenziji u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar dawn il-kwistjonijiet;

Ir-rwol tal-BEI fir-rigward tal-finanzi sostenibbli

22.

Jisħaq fuq ir-rwol eżemplari li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqdu sabiex jagħmlu l-finanzi sostenibbli; jinnota li għalkemm 26 % tal-finanzjament kollu tal-BEI jiffoka fuq l-azzjoni klimatika, u għalkemm il-BEI kien il-pijunier tas-suq tal-bonds ħodor fl-2007 u jinsab fit-triq it-tajba biex jissodisfa l-impenn li kien ħabbar f'dan ir-rigward, xorta għadu jiffinanzja proġetti b'livell għoli ta' karbonju u allura għad hemm lok għal titjib; iħeġġeġ lill-BEI, għaldaqstant, jadatta u jipprijoritizza s-self futur tiegħu b'tali mod li jkun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-limitu klimatiku ta' 1,5 °C; jitlob tisħiħ u ribilanċjament fl-operazzjonijiet tas-self tal-BEI u fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex ma jibqgħux isiru investimenti fi proġetti b'livell għoli ta' karbonju u tingħata prijorità lil proġetti ta' dekarbonizzazzjoni u effiċjenza fir-riżorsi flimkien ma' setturi innovattivi u impriżi immaterjali oħra; jissuġġerixxi li l-BEI jinsab f'pożizzjoni li jipprovdi aktar kapital tar-riskju għat-tranżizzjoni ekoloġika b'mod bilanċjat mil-lat reġjonali; huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu aktar miżuri b'dik il-perspettiva, inkluż, fost l-oħrajn, f'interazzjoni ma' strumenti finanzjarji tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

Ir-rwol tal-BĊE fir-rigward tal-finanzi sostenibbli

23.

Jirrikonoxxi li l-BĊE huwa indipendenti u li l-mandat primarju tiegħu hu li tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet, iżda jfakkar li, bħala istituzzjoni tal-UE, il-BĊE hu marbut ukoll bil-Ftehim ta' Pariġi; jesprimi tħassib, għaldaqstant, dwar il-fatt li "62,1 % tax-xiri ta' bonds korporattivi tal-BĊE jsir f'setturi […] li huma responsabbli għal 58,5 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fiż-żona tal-euro" (14) u jinnota li l-aktar li jibbenefikaw minn dan il-programm huma korporazzjonijiet kbar; jirrakkomanda li l-BĊE jqis espliċitament il-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-linji gwida tiegħu dwar il-programmi ta' xiri; jissottolinja li dawn il-linji gwida jistgħu jservu ta' pilota għall-ħolqien ta' politika tal-investiment li tkun orjentata lejn il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u konsistenti ma' standards għoljin ta' tassonomija sostenibbli tal-UE;

Kwistjonijiet oħra

24.

Jissottolinja li offerta siewja ta' prodotti finanzjarji sostenibbli jista' jkollha wkoll effetti pożittivi fuq it-titjib tal-infrastruttura soċjali Ewropea mifhuma bħala s-sett ta' inizjattivi u proġetti li l-għan tagħhom hu li joħolqu valur pubbliku billi jagħtu spinta lill-investiment u l-innovazzjoni fis-setturi strateġiċi u kruċjali għall-benessri u r-reżiljenza tal-persuni u l-komunitajiet, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni;

25.

Jilqa' l-ħidma tal-HLEG, li toffri pedamenti siewja għall-ħidma lejn standard ġdid għal settur finanzjarju sostenibbli; jinsisti, madankollu, fuq il-ħtieġa tal-involviment aktar attiv tas-settur bankarju, li minħabba d-dominanza tiegħu fix-xenarju finanzjarju Ewropew għadu essenzjali biex il-finanzi jsiru aktar sostenibbli;

26.

Jissottolinja li l-metodoloġija użata sabiex jiġi intraċċat l-infiq relatat mal-klima twassal għal inkonsistenza fil-programmi, filwaqt li tippermetti li proġetti b'benefiċċji ambjentali u klimatiċi dubjużi jikkwalifikaw bħala nefqa relatata mal-klima (pereżempju l-komponent ekoloġiku tal-politika agrikola komuni);

27.

Jenfasizza li l-parametri referenzjarji finanzjarji kollha li jintużaw b'mod estensiv ma jqisux il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-metodoloġija tagħhom; jappella biex jiġi żviluppat parametru referenzjarju Ewropew wieħed jew aktar għas-sostenibilità, bl-użu tat-tassonomija tas-sostenibilità Ewropea, biex tkejjel il-prestazzjoni tal-emittenti Ewropej abbażi ta' riskji u fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza;

28.

Jitlob li jiġu analizzati u mħeġġa inizjattivi privati, bħall-proġett EeMAP dwar "ipoteki ekoloġiċi", sabiex jiġi vvalutat u jintwera f'liema kundizzjonijiet l-assi ekoloġiċi jistgħu jinvolvu tnaqqis tar-riskju għall-investimenti filwaqt li fl-istess ħin tittejjeb is-sostenibilità ambjentali;

29.

Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod attiv l-inklużjoni tal-indikaturi tas-sostenibilità fil-qafas tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju fil-livell internazzjonali;

30.

Jenfasizza li l-governanza korporattiva għandha tippromwovi l-ħolqien ta' valur sostenibbli fit-tul pereżempju permezz ta' ishma ta' lealtà għall-azzjonisti f'terminu ta' żmien twil u billi tinkludi l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-pakketti ta' remunerazzjoni għad-diretturi u l-bord; jinnota li l-kjarifika tad-dmirijiet tad-diretturi f'dan ir-rigward tappoġġja lill-investituri sostenibbli fl-involviment tagħhom mal-bordijiet;

31.

Jitlob l-introduzzjoni ta' assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabilità ambjentali għall-attivitajiet kollha kummerċjali u pubbliċi bħala prekundizzjoni għall-ħruġ ta' permessi ta' awtorizzazzjoni;

32.

Jenfasizza li l-finanzjament sostenibbli jirrikjedi kjarifika tad-dmirijiet tad-diretturi tal-kumpaniji Ewropej rigward il-ħolqien ta' valur sostenibbli fit-tul, kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza, kif ukoll ir-riskji sistemiċi, bħala parti mid-dmir globali tad-diretturi li jippromwovu s-suċċess tal-kumpanija;

33.

Jistieden lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej jifformulaw linji gwida għall-ġbir ta' statistika dwar l-identifikazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-integrazzjoni tagħhom fil-finanzjament, u jitlob li l-istatistika tiġi ppubblikata kull meta jkun possibbli;

34.

Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tas-swieq bankarji u finanzjarji jfasslu istruzzjonijiet ċari u konċiżi dwar kif it-tassonomija l-ġdida u bidliet oħra assoċjati ma' din il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu implimentati mingħajr ma dan jiġġenera spejjeż u dewmien li jistgħu jiġu evitati;

35.

Isostni l-fehma li l-miżuri ta' pprezzar jistgħu jagħtu kontribut kruċjali fl-eliminazzjoni tad-diskrepanza tal-finanzjament ta' EUR 180 biljun sabiex l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa jħallu l-frott, billi jittrasformaw l-investiment f'għanijiet sostenibbli fit-tul;

36.

Jinnota li l-SMEs sikwit jintesew f'diskussjonijiet li jikkonċernaw il-finanzi sostenibbli, minkejja n-natura innovattiva tagħhom; jinnota, f'dan il-kuntest, il-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni u l-FinTech ekoloġika; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis mekkaniżmi li jippermettu lill-SMEs jaggregaw proġetti sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-suq tal-bonds ħodor;

37.

Jisħaq fuq l-importanza tal-komponent soċjali tal-finanzi sostenibbli; jinnota l-potenzjal tal-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji ġodda ddedikati b'mod speċjali għal infrastrutturi soċjali, bħall-bonds soċjali, kif imħaddna mill-Prinċipji tal-Bonds Soċjali (SBP) 2017;

38.

Jenfasizza li l-identifikazzjoni, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni ta' riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza huma parti integrali mill-protezzjoni tal-konsumaturi u l-istabilità finanzjarja u għalhekk għandhom jaqgħu taħt il-mandat u d-dmirijiet superviżorji tal-ASE; jitlob lill-BERS iwettaq b'mod proattiv riċerka dwar l-interazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u r-riskju sistemiku, lil hinn mit-tibdil fil-klima;

39.

Ifakkar li l-Parlament talab l-introduzzjoni ta' kont tat-tfaddil tal-UE għall-finanzjament tal-ekonomija ekoloġika fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur;

40.

Jesiġi li l-infiq kollu futur tal-UE jrid ikun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi, bl-inklużjoni tal-objettivi relatati mad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija fl-istrumenti legali li jirregolaw l-operazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (inklużi l-fondi ta' koeżjoni), il-fondi għall-azzjoni esterna u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u strumenti oħra lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali bħall-FEIS;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju ta' fattibilità dwar kif is-superviżuri u r-regolaturi jistgħu jippremjaw aħjar il-mandati li jinkludu perspettivi fit-tul;

42.

Jistieden lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tipprovdi l-aħjar prattika u linji gwida dwar kif il-fornituri ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali u prodotti ta' pensjoni privata għandhom jinvolvu ruħhom mal-benefiċjarji fuq bażi prekuntrattwali u tul il-ħajja tal-investiment; jistieden lill-EIOPA tipprovdi linji gwida dwar l-aħjar prattika, bħall-Fond tar-Renju Unit tal-Aġenzija għall-Ambjent, fir-rigward tal-involviment mal-benefiċjarji u l-klijenti fil-livell tal-konsumatur u sabiex jiġu aċċertati l-interessi finanzjarji u mhux finanzjarji tagħhom;

43.

Jieħu nota tar-rakkomandazzjoni tal-HLEG fir-rigward ta' osservatorju tal-UE għall-finanzi sostenibbli, li għandu jinħoloq sabiex jintraċċa, jirrapporta u jiddivulga informazzjoni dwar investimenti sostenibbli tal-UE u li għandu jitwaqqaf mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f'kooperazzjoni mal-ASE; jirrakkomanda, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-funzjoni eżemplari tal-Unjoni Ewropea, li dan l-osservatorju jaqdi wkoll rwol fl-intraċċar, l-appoġġ u d-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar l-investimenti sostenibbli tal-fondi tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE inklużi l-FEIS, il-BEI u l-BĊE; jitlob lill-osservatorju jirrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament;

44.

Jirrakkomanda li l-BEI jaħdem mal-parteċipanti ż-żgħar fis-suq u mal-kooperattivi tal-komunità biex jitwettaq ir-raggruppament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-BEI u bħala parti mill-programm ta' xiri mis-settur korporattiv;

45.

Jaqbel mal-HLEG li hu ta' importanza kbira li ċ-ċittadini tal-Ewropa jingħataw is-setgħa u jkunu involuti fi kwistjonijiet dwar il-finanzi sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sostenibilità u jiġi promoss il-litteriżmu finanzjarju;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-koerenza tal-politiki bejn is-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju; ifakkar li politika finanzjarja sostenibbli jeħtieġ li tkun akkumpanjata b'għażliet ta' politika koerenti f'setturi oħra bħall-enerġija, it-trasport, l-industrija u l-agrikoltura;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' progress regolari dwar il-kwistjonijiet koperti f'dan ir-riżoluzzjoni;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-influwenza tal-UE biex juru sens ta' tmexxija fir-rigward tal-finanzjament sostenibbli u jgħollu l-istandards tas-sostenibilità fil-finanzjament fil-livell globali, inkluż permezz ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi, f'fora politiċi multilaterali bħan-NU, il-G7 u l-G20 u ta' dawk li jistabbilixxu standards internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO);

o

o o

49.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.

(3)  ĠU L 132, 20.5.2017, p. 1.

(4)  ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37.

(5)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(6)  ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(7)  ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.

(8)  L-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri https://www.unisdr.org/files/46796_cop21weatherdisastersreport2015.pdf

(9)  Testi adottati, P8_TA(2018)0039.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2018)0025.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2017)0428.

(12)  ĠU C 75, 26.2.2016, p. 41.

(13)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.

(14)  Sini Matikainen, Emanuele Campiglio u Dimitri Zenghelis, "The climate impact of quantitative easing" (L-impatt klimatiku ta' tnaqqis kwantitattiv), L-Istitut ta' Grantham dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, Mejju 2017.


Нагоре