EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0204

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea (2017/2209(INI))

ĠU C 41, 6.2.2020, p. 64–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 41/64


P8_TA(2018)0204

Il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea (2017/2209(INI))

(2020/C 41/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7, 9, 10, 11 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 9, 10 u 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), adottata u miftuħa għall-iffirmar u r-ratifika bir-riżoluzzjoni 2106 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 1965,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1),

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 29 dwar is-Sistema tax-Xandir Pubbliku fl-Istati Membri,

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Libertà tal-Istampa,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll l-opinjonijiet u l-Lista ta' Kriterji ta' Valutazzjoni tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta' Venezja,

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Journalists under pressure – Unwarranted interference, fear and self-censorship in Europe"(Ġurnalisti taħt pressjoni – Indħil, biża' u awtoċensura inġustifikati fl-Ewropa),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Kwistjoni tal-Impunità,

wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar il-libertà tal-midja, b'mod partikolari tar-Rappreżentant tagħha għal-Libertà tal-Midja,

wara li kkunsidra l-ħidma li għamlet il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u għas-sikurezza tal-ġurnalisti,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-libertà ta' espressjoni u dwar il-"fake news", id-diżinformazzjoni u l-propaganda maħruġa fit-3 ta' Marzu 2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, mir-Rappreżentant tal-OSKE għal-libertà tal-midja, mir-Rapporeur Speċjali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għal-libertà ta' espressjoni u mir-Rapporteur Speċjali tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) għal-libertà ta' espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ppubblikati minn Reporters mingħajr fruntieri u dawk tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja taċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja tal-Istitut Universitarju Ewropew,

wara li kkunsidra d-dokument strateġiku bit-titolu "Defining Defamation: Principles on Freedom of Expression and Protection of Reputation"(Definizzjoni tal-malafama: prinċipji dwar il-libertà ta' espressjoni u l-ħarsien tar-reputazzjoni), ippubblikat minn ARTICLE 19,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-media fl-UE kollha (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern (3) u tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar is-Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (7) u tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi (8),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-ambjent diġitali (9),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar is-sostenn tal-UE għal-libertà tal-midja u għall-integrità tal-midja fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni għall-perjodu 2014-2020,

wara li kkunsidra l-Kollokwiju Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2016 organizzat mill-Kummissjoni, bit-titolu "Pluraliżmu tal-midja u demokrazija", u l-kontributi rilevanti ppubblikati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

wara li kkunsidra l-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online maħtur mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħti pariri dwar il-firxa tal-fenomenu tal-aħbarijiet foloz kif ukoll dwar id-definizzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti,

wara li kkunsidra l-opinjoni nru 5/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (10),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-sigurtà u d-difiża tat-22 ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0144/2018),

A.

billi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal-libertà ta' opinjoni huma drittijiet tal-bniedem fundamentali u jirrappreżentaw kundizzjoni indispensabbli għall-iżvilupp sħiħ tal-individwi u għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom f'soċjetà demokratika, għar-realizzazzjoni tal-prinċipji ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont u għar-rispett ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra;

B.

billi l-pluraliżmu ma jistax jinfired mil-libertà, mid-demokrazija u mill-istat tad-dritt;

C.

billi d-dritt li wieħed jinforma kif ukoll id-dritt li wieħed jiġi infurmat huma parti mill-valuri demokratiċi bażiċi ewlenin li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea;

D.

billi l-importanza ta' midja pluralistika, indipendenti u affidabbli bħala gwardjana u sorveljatriċi tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt ma tistax tiġi sottovalutata;

E.

billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja huma elementi essenzjali tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni; billi l-midja taqdi rwol essenzjali fis-soċjetà demokratika, peress li jaġixxu ta' għassiesa pubbliċi, filwaqt li fl-istess ħin jgħinu biex jinfurmaw u jirresponsabilizzaw liċ-ċittadini, permezz tat-twessigħ tal-fehim tagħhom tax-xenarju politiku u soċjali kurrenti, u billi jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni konxja tagħhom fil-ħajja demokratika; billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' rwol bħal dan jenħtieġ li jiġi estiż sabiex jinkludi wkoll il-ġurnaliżmu online u parteċipattiv, kif ukoll ix-xogħol tal-bloggers, tal-utenti tal-internet, tal-attivisti tal-midja soċjali u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'tali mod li jirrifletti r-realtà tal-midja li llum inbidlet radikalment filwaqt li tiġi rispettata l-privatezza; billi n-newtralità tal-internet hija prinċipju essenzjali għal internet miftuħ;

F.

billi l-aħbarijiet foloz, il-bullying fuq l-internet u l-vendetta pornografika jirrappreżentaw tħassib dejjem akbar għas-soċjetajiet tagħna, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ;

G.

billi t-tixrid tal-aħbarijiet foloz u tad-diżinformazzjoni fuq il-midja soċjali jew fuq is-siti web tat-tiftix xekkel b'mod qawwi l-kredibbiltà tal-midja tradizzjonali li konsegwentement ixekkel il-kapaċità tagħhom li jaġixxu ta' għassiesa;

H.

billi l-awtoritajiet pubbliċi mhux biss għandhom id-dmir li jastjenu milli jimponu restrizzjonijiet għal-libertà ta' espressjoni, iżda għandhom ukoll l-obbligu pożittiv li jadottaw qafas ġuridiku u regolatorju li jrawwem il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja;

I.

billi, skont l-Artikoli 2 u 4 tal-ICERD u l-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta' espressjoni ma għandha qatt tintuża biex tiddefendi espressjonijiet li jiksru l-Konvenzjoni u d-Dikjarazzjoni, bħalma hu d-diskors ta' mibegħda jew il-propaganda bbażati fuq ideat jew teoriji tas-superjorità ta' razza partikolari jew ta' grupp ta' persuni ta' kulur partikolari, jew ta' grupp etniku, jew li jippruvaw jiġġustifikaw jew jippromwovu l-mibgħeda razzjali u d-diskriminazzjoni ta' kwalunkwe forma;

J.

billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-midja pubblika b'mod partikolari bħala atturi li jaqdu lis-soċjetajiet demokratiċi minflok li jissodisfaw l-interess tal-gvernijiet li jkunu jinsabu fil-poter;

K.

billi jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li l-midja tirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ;

L.

billi l-iżviluppi politiċi reċenti f'diversi Stati Membri, fejn in-nazzjonaliżmu u l-populiżmu qed jikbru, wasslu għal żieda fil-pressjonijiet u fit-theddid kontra l-ġurnalisti, sitwazzjoni li turi li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tiżgura, tippromwovi u tiddefendi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

M.

billi, skont il-Kunsill tal-Ewropa, l-abbużi u r-reati kommessi mill-atturi statali u mhux statali fil-konfront tal-ġurnalisti għandhom effett gravi u dissważiv fuq il-libertà ta' espressjoni; billi r-riskju u l-frekwenza tal-indħil inġustifikat iżidu s-sens ta' biża' fost il-ġurnalisti, il-ġurnalisti parteċipattivi, il-bloggers u l-atturi l-oħra fl-informazzjoni, u dan iwassal għal grad potenzjalment għoli ta' awtoċensura filwaqt li jimmina d-drittijiet taċ-ċittadini għall-informazzjoni u għall-parteċipazzjoni;

N.

billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni fakkar f'Settembru 2016 li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà mhux biss li jirrispettaw il-ġurnaliżmu iżda wkoll li jiżguraw li l-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom ikunu protetti b'liġijiet b'saħħithom, bil-prosekuzzjonijiet tal-awturi ta' reati u ħafna sigurtà fejn meħtieġ;

O.

billi l-ġurnalisti u atturi oħra tal-midja għadhom qed jiffaċċjaw vjolenza, theddid, fastidju jew diżunur pubbliku fl-Unjoni Ewropea prinċipalment minħabba l-attivitajiet investigattivi tagħhom biex jipproteġu l-interess pubbliku mill-użu ħażin tal-poter, il-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew l-attivitajiet kriminali;

P.

billi l-garanzija tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tal-midja hija prekundizzjoni biex huma jkunu jistgħu jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom u jeżerċitaw għalkollox il-kapaċità tagħhom li jinfurmaw kif xieraq liċ-ċittadini u jieħdu sehem b'mod effettiv fid-dibattitu pubbliku;

Q.

billi, skont il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, aktar minn nofs il-każijiet ta' abbuż kontra l-professjonisti tal-midja jitwettqu minn atturi statali;

R.

billi l-ġurnaliżmu investigattiv jenħtieġ li jiġi promoss bħala sura ta' impenn ċiviku u bħala att ta' virtù ċivika appoġġjat mill-komunikazzjoni, it-tagħlim, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

S.

billi l-evoluzzjoni radikali tas-sistema tal-midja, it-tkabbir rapidu tad-dimensjoni online tal-pluraliżmu tal-midja u ż-żieda tal-magni tat-tiftix u l-pjattaformi tal-midja soċjali bħala għejun tal-aħbarijiet jirrappreżenta kemm sfida kif ukoll opportunità għall-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, għad-demokratizzazzjoni tal-produzzjoni tal-aħbarijiet billi jinvolvu liċ-ċittadini fid-dibattitu pubbliku, u għall-konverżjoni ta' għadd dejjem akbar ta' utenti tal-informazzjoni fi produtturi tal-informazzjoni; billi, madankollu, il-konċentrazzjoni tal-poter tal-konglomerati tal-midja, l-operaturi tal-pjattaformi u l-intermedjarji tal-internet, u l-kontroll tal-midja minn korporazzjonijiet ekonomiċi u atturi politiċi jirriskjaw li jikkawżaw konsegwenzi negattivi għall-pluraliżmu tad-dibattitu pubbliku u l-aċċess għall-informazzjoni u jirriskjaq ukoll li jkollhom impatt fuq il-libertà, l-integrità, il-kwalità u l-indipendenza editorjali tal-ġurnaliżmu u tal-midja tax-xandir; billi huma meħtieġa kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell Ewropew biex jiġi żgurat li l-magni tat-tiftix, il-pjattaformi tal-midja soċjali u ġganti oħra tat-teknoloġija avvanzata jirrispettaw ir-regoli tas-suq uniku diġitali tal-UE, f'oqsma bħalma huma l-privatezza elettronika u l-kompetizzjoni;

T.

billi l-ġurnalisti jirrikjedu aċċess dirett, immedjat u mingħajr xkiel għall-informazzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex ikunu jistgħu jżommu lill-awtoritajiet responsabbli kif xieraq;

U.

billi kemm l-informazzjoni miksuba abbażi tad-dritt ta' inkjesta kif ukoll l-informazzjoni miksuba permezz ta' informaturi jikkomplementaw lil xulxin u billi t-tnejn huma essenzjali biex ul-ġurnalisti jkunu kapaċi jaqdu l-missjoni tagħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku;

V.

billi l-ġurnalisti jirrikjedu l-aktar protezzjoni legali sħiħa biex jużaw u jxerrdu din l-informazzjoni ta' interess pubbliku fil-linja tax-xogħol tagħhom;

W.

billi d-dritt li tintalab u li tasal l-informazzjoni mingħand l-amministrazzjonijiet pubbliċi għadu mhux uniformi u mhux komplet fl-Unjoni Ewropea;

X.

billi s-settur tal-midja jaqdi rwol ewlieni fi kwalunkwe soċjetà demokratika; billi l-effett tal-kriżi ekonomika, flimkien mat-tkabbir simultanju tal-pjattaformi tal-midja soċjali u ta' ġganti oħra tat-teknoloġija avvanzata u l-introjti mir-reklamar ferm selettiv, żiedu b'mod drammatiku l-prekarjetà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-insigurtà soċjali tal-atturi fis-settur tal-midja, inklużi l-ġurnalisti indipendenti, u dan iwassal biex jaqgħu b'mod drammatiku l-istandards professjonali, soċjali u tal-kwalità fil-ġurnaliżmu li jista' jaffettwa b'mod negattiv l-indipendenza editorjali tagħhom;

Y.

billi l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa ddenunzja l-ħolqien ta' duwopolju diġitali, fejn Google u Facebook jirrappreżentaw sa 85 % tat-tkabbir kollu tas-suq tar-reklamar diġitali fl-2016, fatt li qed jipperikola l-futur tal-kumpaniji tal-midja tradizzjonali ffinanzjati mir-reklamar, bħalma huma l-istazzjonijiet tat-TV kummerċjali, il-gazzetti u r-rivisti li jilħqu udjenza ferm aktar limitata;

Z.

billi, fil-kuntest tal-politika tat-tkabbir, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tesiġi r-rispett totali tal-kriterji ta' Copenhagen, fosthom il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, u għalhekk jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi l-eżempju tal-ogħla standards f'dan il-qasam; billi l-istati, ladarba jsiru membri tal-UE, huma kontinwament u mingħajr l-ebda dubju marbuta mill-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem bis-saħħa tat-Trattati tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u r-rispett għal-libertà ta' espressjoni u għall-midja fl-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jkun soġġett għal skrutinju regolari; billi l-UE tista' tkun kredibbli biss fix-xena dinjija jekk il-libertà tal-istampa u tal-midja huma salvagwardati u rrispettati fl-Unjoni nnifisha;

AA.

billi r-riċerka b'mod konsistenti ssib evidenza li n-nisa jinsabu fil-minoranza fis-setturi kollha tal-midja, b'mod partikolari fi rwoli kreattivi, u għandhom nuqqas sever ta' rappreżentanza f'livelli għoljin ta' teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-istudji dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ġurnaliżmu jissuġġerixxu li, filwaqt li hemm bilanċ bejn is-sessi relattivament tajjeb fost dawk li jidħlu ġodda fil-professjoni tal-ġurnaliżmu, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet għat-teħid tad-deċiżjonijiet hija kkaratterizzata minn disparità sinifikanti bejn is-sessi;

AB.

billi d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tat-TUE, li jiżguraw ir-rispett għal dawn il-prinċipji huma segwiti permezz ta' azzjonijiet pożittivi li jippromwovu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, jippromwovu l-kwalità tal-informazzjoni, l-aċċess għaliha u d-disponibbiltà tagħha (libertà pożittiva), iżda jirrikjedu wkoll l-ommissjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu evitati aggressjonijiet ta' ħsara (libertà negattiva);

AC.

billi s-sorveljanza illeġittima u arbitrarja, partikolarment meta ssir fuq skala kbira, hija inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali, fost oħrajn il-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ġurnalistiċi, id-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data; billi l-internet u l-midja soċjali jaqdu rwol fit-tixrid tad-diskors ta' mibegħda u fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għal estremiżmu vjolenti billi jiċċirkolaw kontenut illegali, speċjalment għad-detriment taż-żgħażagħ; billi l-indirizzar determinat ta' dawn il-fenomeni jirrikjedi kollaborazzjoni mill-qrib u koordinata bejn l-atturi relevanti kollha, fil-livelli kollha ta' governanza (lokali, reġjonali u nazzjonali) kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat; billi l-liġijiet u l-attivitajiet effettivi fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll il-miżuri mmirati biex jiġġieldu lid-diskors ta' mibegħda u lill-estremiżmu vjolenti u t-tixrid tal-mibegħda u jipprevenuhom jenħtieġ li dejjem ikunu s-suġġett tal-obbligi tad-drittijiet fundamentali, sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt mal-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni;

AD.

billi, kif jiddikjara l-Kunsill tal-Ewropa, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa aspett fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u jaqdi rwol essenzjali fl-identifikar u fir-rappurtar ta' irregolaritajiet u ta' għemil ħażin, u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u tat-trasparenza; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jirrappreżenta għajn ewlieni ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, fl-investigar, fl-identifikar u fl-ippubblikar ta' każijiet ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat kif ukoll fid-detezzjoni ta' skemi ta' evitar tat-taxxa stabbiliti minn kumpaniji privati; billi l-protezzjoni adegwata tal-informaturi fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak internazzjonali, kif ukoll il-promozzjoni ta' kultura ta' rikonoxximent tar-rwol importanti moqdi mill-informaturi fis-soċjetà, huma prerekwiżiti sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-rwol;

AE.

billi, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni ħażina fl-UE, il-ġurnaliżmu investigattiv jenħtieġ li jingħata kunsiderazzjoni partikolari u appoġġ finanzjarju bħala għodda li taqdi l-ġid pubbliku;

AF.

billi, skont is-sejbiet tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja, is-sjieda tal-midja għadha kkonċentrata ħafna u dan jikkostitwixxi riskju sinifikanti għad-diversità tal-informazzjoni u għall-fehmiet rappreżentati fil-kontenut tal-midja;

AG.

billi l-kopertura tal-affarijiet tal-UE u tax-xogħol tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-UE jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kriterji tal-pluraliżmu tal-midja u tal-libertà tal-midja, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kopertura tal-aħbarijiet nazzjonali, u jenħtieġ li jkollha appoġġ multilingwi biex tilħaq in-numru massimu ta' ċittadini tal-UE;

1.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa, inkluż l-iżgurar ta' finanzjament pubbliku adegwat, għas-salvagwardja u għall-promozzjoni tal-pluraliżmu, tal-indipendenza u tal-libertà tal-panorama medjatiku għas-servizz tas-soċjetà demokratika, inklużi l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-midja tas-servizz pubbliku u tal-midja tal-komunitajiet u l-midja parteċipattiva, li huma elementi kruċjali ta' ambjent favorevoli biex jiġi ggarantit id-dritt fundamentali għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni;

2.

Jenfasizza r-responsabbiltà kondiviża ta' dawk li jfasslu l-liġijiet, il-ġurnalisti, il-pubblikaturi u l-intermedjarji tal-internet, iżda wkoll taċ-ċittadini bħala konsumaturi tal-informazzjoni;

3.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-deċiżjonijiet, fl-azzjonijiet u fil-politiki kollha tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett totali tal-pluraliżmu u tal-libertà tal-midja minn influwenza indebita mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tintroduċi valutazzjonijiet tar-riskju fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-evalwazzjoni tal-proposti leġiżlattivi tagħha u tippreżenta proposta għall-ħolqien ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali konformi mar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Parlament tal-25 ta’ Ottubru 2016;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja u tal-pluraliżmu tal-midja fl-UE, bħala mezz ta' promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, u li ssir reazzjoni fil-pront għat-theddid li jista' jkun hemm kontrihom u għall-ksur possibbli tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ u jsaħħu l-għodod li diġà huma żviluppati f'dan ir-rigward, bħalma huma l-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja u l-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-trattati, tittratta l-attentati min-naħa tal-gvernijiet tal-Istati Membri biex jagħmlu ħsara lil-libertà u lill-pluraliżmu tal-midja bħala abbuż ta' poter serju u sistematiku u bħala pass kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, kif tassew huma, minħabba l-fatt li d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u għal-libertà ta' opinjoni huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja jaqdu rwol essenzjali fis-soċjetà demokratika, inkluż billi jaġixxu bħala kontroll fuq il-poter tal-gvern u tal-istat;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jwettqu reviżjoni indipendenti tal-liġijiet u l-prattiki rilevanti tagħhom sabiex jipproteġu l-libertà ta' espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

7.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-abbużi, ir-reati u l-attakki fatali li għadhom isiru fil-konfront tal-ġurnalisti u ta' dawk li jaħdmu fis-settur tal-midja fl-Istati Membri minħabba l-attivitajiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprevjenu tali vjolenza, jiżguraw l-obbligu ta' rendikont u jevitaw l-impunità kif ukoll jiggarantixxu li l-vittmi u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għar-rimedji legali xierqa; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu korp regolatorju indipendenti u imparzjali, b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, għall-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar dwar il-vjolenza u t-theddid kontra l-ġurnalisti u jittrattaw il-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jimplimentaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-atturi tas-settur tal-midja l-oħrajn;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jiddeterjoraw għall-ġurnalisti u l-ammont ta' vjolenza psikoloġika li l-ġurnalisti huma xhud tagħha; Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti u biex jiżguraw li l-ġurnalisti ma jkunux vittmi ta' vjolenza psikoloġika;

9.

Jinsab imħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-midja f'Malta wara l-qtil tal-ġurnalista kontra l-korruzzjoni Daphne Caruana Galizia f'Ottubru 2017, li kienet ġiet ukoll soġġetta għal fastidju, inklużi mandati ta' sekwestru kawtelatorji li ffriżaw il-kontijiet tal-bank tagħha, u theddid li sar minn kumpaniji multinazzjonali;

10.

Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-ġurnalist investigattiv Slovakk, Ján Kuciak, u tas-sieħba tiegħu, Martina Kušnírová,

11.

Jilqa' d-deċiżjoni li s-sala stampa tal-Parlament Ewropew tissemma' għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia; Itenni, f'dan il-kuntest, it-talba tiegħu li jkun hemm premju annwali tal-Parlament Ewropew għall-ġurnaliżmu investigattiv li għandu jissemma' għaliha;

12.

Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti tressaq proposta dwar il-mod kif il-Parlament jista' jonora xogħol Ján Kuciak, u tikkunsidra l-possibbiltà li t-traineeships tal-Parlament fil-ġurnaliżmu jissemmew għalih;

13.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ l-inizjattiva varata mir-Reporters Mingħajr Fruntieri għall-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-sikurezza tal-ġurnalisti;

14.

Jistieden lill-Istati Membri joħolqu u jżommu, kemm f'livell leġiżlattiv kif ukoll fil-prattika, ambjent sikur għall-ġurnalisti u atturi oħra fis-settur tal-midja, inkluż għall-ġurnalisti barranin li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ġurnalistiċi tagħhom fl-Istati Membri tal-UE, li jħallihom jagħmlu xogħolhom f'indipendenza sħiħa u mingħajr indħil indebitu – bħalma huma t-theddida ta' vjolenza, il-fastidju, il-pressjoni finanzjarja, ekonomika u politika, il-pressjoni biex jiżvelaw għejun u materjali kunfidenzjali, u sorveljanza mmirata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiggarantixxu proċeduri ta' rikors legali effiċjenti, fir-rigward tal-atti msemmija hawn fuq, għall-ġurnalisti li l-libertà tagħhom li jaħdmu tkun ġiet mhedda, ħalli tiġi evitata l-awtoċensura; jenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ sensittiv għall-ispeċifiċitajiet tal-ġeneru meta jitqiesu miżuri biex tkun indirizzata s-sikurezza tal-ġurnalisti;

15.

Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-ġurnalisti u għal dawk li jaħdmu fis-settur tal-midja, b'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Karta Soċjali Ewropea, bħala mezz kif jiġu evitati l-pressjoni interna u esterna indebiti, id-dipendenza, il-vulnerabbiltà u l-instabbiltà, u b'hekk ir-riskju tal-awtoċensura; jenfasizza l-ġurnaliżmu indipendenti ma jistax ikun garantit u mrawwem mis-suq waħdu; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jippromwovu u jelaboraw mudelli ekonomiċi ġodda soċjalment sostenibbli mmirati biex jiffinanzjaw u jsostnu l-ġurnaliżmu ta' kwalità u indipendenti, jiżguraw li l-pubbliku jiġi infurmat b'mod preċiż; jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-appoġġ finanzjarju lill-fornituri tas-servizzi pubbliċi u lill-ġurnaliżmu investigattiv filwaqt li joqogħdu lura mill-involviment f'deċiżjonijiet editorjali;

16.

Jikkundanna t-tentattivi min-naħa tal-gvernijiet biex isikktu l-midja kritika u jeqirdu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, inkluż b'mezzi aktar sofistikati li tipikament ma joħolqux twissija fil-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, bħal pereżempju minn membri tal-gvern u ħbiebhom ta' ġewwa li jixtru l- ħwienet kummerċjali tal-midja u jaħtfu f'idejhom il-kontroll tal-midja tas-servizz pubbliku biex jaqdu l-interessi partiġġjani;

17.

Jenfasizza n-neċessità li jiġi appoġġjat u mwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja, b'mod partikolari tal-appoġġ legali tiegħu għall-ġurnalisti li jinsabu mhedda;

18.

Jenfasizza li professjonisti tal-midja ta' sikwit jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji fir-rigward tal-kuntratti, is-salarji u l-garanziji soċjali tagħhom, li jikkompromettu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu kif xieraq u għalhekk ifixklu l-libertà tal-midja;

19.

Jirrikonoxxi li l-libertà ta' espressjoni tista' tkun suġġetta għal restrizzjonijiet – sakemm dawn ikunu preskritti mil-liġi, ikollhom għan leġittimu u jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika – fl-interess, fost aspetti oħra, tal-protezzjoni tar-reputazzjoni u d-drittijiet tal-oħrajn; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-effetti negattivi u dissważivi li l-liġijiet dwar id-diffamazzjoni kriminali jista' jkollhom fuq id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u d-dibattitu pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jżommu lura minn kwalunkwe użu ħażin tal-liġijiet dwar id-diffamazzjoni kriminali billi jsibu bilanċ ġust bejn id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt ta' rispett għall-ħajja privata u tal-familja, inkluża l-fama, filwaqt li jiġi żgurat id-dritt għal rimedju effettiv u jiġu evitati l-pieni u sanzjonijiet eċċessivament severi u sproporzjonati, f'konformità mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva Anti-SLAPP ("strategic lawsuit against public participation"- "kawża strateġika kontra l-parteċipazzjoni pubblika") li tkun tipproteġi lill-midja indipendenti minn kawżi vessatorji maħsuba biex isikktuhom jew jintimidawhom fl-UE;

21.

Iqis li l-parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi hija bbażata, l-ewwel u qabel kollox, fuq aċċess effikaċi u nondiskriminatorju għall-informazzjoni u għall-għarfien; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw politiki adegwati biex jintlaħaq aċċess universali u biex ikun rikonoxxut bħala dritt fundamentali l-aċċess għall-internet, inkluża n-newtralità tan-netwerk;

22.

Jiddeplora d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Federali tal-Istati Uniti li tħassar ir-regoli tal-2015 dwar in-newtralità tal-internet u jenfasizza l-konsegwenzi negattivi li dik id-deċiżjoni jista' jkollha, f'dinja diġitali interkonnessa globalment, fuq id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni mingħajr diskriminazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsegwu t-triq tat-tisħiħ tal-prinċipju tan-newtralità tal-internet billi jibnu fuq il-Linji Gwida tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar l-Implimentazzjoni mir-Regolaturi Nazzjonali tar-Regoli Ewropej dwar in-Newtralità tal-Internet, u jżidu magħhom;

23.

Jenfasizza r-rwol importanti li l-midja indipendenti u pluralistika taqdi fid-dibattitu politiku u d-dritt għall-informazzjoni pluralistika kemm matul il-mandati elettorali kif ukoll fil-perjodi intermedji; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi garantita l-espressjoni sħiħa tal-atturi politiċi kollha, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ICERD, u li l-ammont ta' ħin mogħti lilhom biex ixandru fuq stazzjonijiet tax-xandir tas-servizz pubbliku jkun ibbażat fuq kriterji ġurnalistiċi u professjonali u mhux fuq kemm għandhom rappreżentanza istituzzjonali jew fuq il-fehmiet politiċi tagħhom;

24.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jastjenu milli jadottaw miżuri bla bżonn li jimmiraw lejn ir-restrizzjoni arbitrarja tal-aċċess għall-internet u tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi jew lejn il-kontroll tal-komunikazzjonijiet pubbliċi, bħall-adozzjoni ta' regoli repressivi dwar il-ħolqien u l-operat tal-organi ta' informazzjoni u/jew tas-siti web, l-impożizzjoni arbitrarja tal-istati ta' emerġenza, il-kontroll tekniku tat-teknoloġiji diġitali (jiġiferi l-imblukkar, il-filtraġġ, id-disturb intenzjonali u l-għeluq tal-ispazji diġitali) jew il-privatizzazzjoni de facto tal-miżuri ta' kontroll permezz ta' pressjonijiet eżerċitati fuq intermedjarji ħalli jieħdu azzjoni intiża li tillimita jew tħassar il-kontenut fl-internet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, barra minn hekk, jipprevjenu lill-operaturi privati milli jadottaw tali miżuri;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza sħiħa min-naħa tal-kumpaniji privati u l-gvernijiet fl-użu tal-algoritmi, l-intelliġenza artifiċjali u t-teħid awtomatizzat tad-deċiżjonijiet, li ma għandhomx jiġu implimentati u żviluppati b'tali mod li jwassal, jew bil-ħsieb li jwassal, għall-imblukkar arbitrarju, il-filtrazzjoni u t-tneħħija tal-kontenut tal-internet, u jiggarantixxu li kwalunkwe politika u strateġija diġitali tal-UE trid tiġi abbozzata b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jagħmel dispożizzjoni għal rimedji u salvagwardji xierqa u b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-KEDB;

26.

Itenni li l-bullying fuq l-internet, il-pornografija ta' vendetta u materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal huma ta' tħassib li kulma jmur qed jikber fis-soċjetajiet tagħna u jista' jkollhom impatti estremament serji, speċjalment fuq iż-żgħażagħ u t-tfal, u jenfasizza li l-interessi u d-drittijiet tal-minuri għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-kuntest tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jfasslu leġiżlazzjoni li tħares 'il quddiem biex tindirizza dawn il-fenomeni inklużi dispożizzjonijiet għall-identifikazzjoni, is-sinjalar u t-tneħħija mill-midja soċjali ta' kontenut li bid-dieher ikun ta' ħsara għad-dinjità tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jibnu kontronarrattivi effettivi u biex tipprovdi linji gwida ċari li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għall-utenti, għall-fornituri tas-servizz u għas-settur tal-internet kollu kemm hu, filwaqt li tiġi żgurata l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju f'konformità mad-dritt nazzjonali, sabiex issir reazzjoni kontra l-użu ħażin tal-midja soċjali għal finijiet terroristiċi; jisħaq, madankollu, li kwalunkwe miżura li tillimita jew tneħħi l-kontenut tal-internet għandha tkun adottata biss f'ċirkostanzi speċifikati, espliċiti u leġittimi u taħt viġilanza ġudizzjarja rigoruża, konformement mal-istandards internazzjonali, mal-ġurisprudenza tal-QEDB, u mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

27.

Jieħu nota tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online, promossa mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-marġni wiesgħa ta' diskrezzjoni li tħalliet lill-kumpaniji privati biex jiddeterminaw x'jikkostitwixxi "illegalità"u jitlob li tali marġnijiet jiġu ristretti, ħalli jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' ċensura u ta' restrizzjonijiet arbitrarji fuq il-libertà ta' l-espressjoni;

28.

Jerġa' jafferma li l-anonimat u l-kriptaġġ huma strumenti essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet demokratiċi, għall-promozzjoni tal-fiduċja fl-infrastrutturi u fil-komunikazzjonijiet diġitali, u għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi fil-ġurnaliżmu; jirrikonoxxi li l-kriptaġġ u l-anonimità jipprovdu l-privatezza u s-sigurtà meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni fl-era diġitali, u jfakkar li l-aċċess ħieles għall-informazzjoni neċessarjament jimplika li l-informazzjoni personali li ċ-ċittadini jħallu warajhom meta joperaw online tiġi salvagwardjata; jieħu nota tal-fatt li l-kriptaġġ u l-anonimità jistgħu wkoll jagħtu lok għal abbużi u għemil ħażin u jagħmluha diffiċli biex jiġu prevenuti attivitajiet kriminali u biex jitwettqu investigazzjonijiet, kif indikat minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u ta' kontra t-terroriżmu; ifakkar li r-restrizzjonijiet fuq il-kriptaġġ u l-anonimità jridu jkunu limitati skont il-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità; f'dan ir-rigward, jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri japprovaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-22 ta' Mejju 2015 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, li jindirizza l-użu tal-kriptaġġ u tal-anonimità fil-komunikazzjonijiet diġitali;

29.

Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kodiċi tal-etika għall-ġurnalisti kif ukoll għal dawk involuti fil-ġestjoni tal-organi ta' informazzjoni, sabiex tkun żgurata l-indipendenza sħiħa tal-ġurnalisti u l-korpi tal-midja;

30.

Jissottolinja li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jiffaċċjaw bosta ostakoli fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati online, anke minħabba d-diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri;

31.

Jinnota li fl-ekosistema tal-midja diġitali, li qiegħda tevolvi, nibtu intermedjarji ġodda bil-kapaċità li jinfluwenzaw u jikkontrollaw l-informazzjoni u l-ideat online billi jiksbu l-funzjonijiet u s-setgħat ta' kontroll tal-aċċess; jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed mezzi, servizzi u sorsi indipendenti u awtonomi online bil-kapaċità li jiżguraw pluralità ta' opinjonijiet u ideat demokratiċi lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' interess ġenerali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki nazzjonali u miżuri ġodda jew eżistenti f'dan ir-rigward;

32.

Jirrikonoxxi li l-ambjent diġitali l-ġdid aggrava l-problema tat-tixrid tad-diżinformazzjoni, jew tal-hekk imsejħa "fake news"jew "false news"(aħbarijiet foloz); ifakkar, iżda, li dan la hu fenomenu ġdid u lanqas mhuwa limitat għall-isfera online; jenfasizza l-importanza li jiġi ggarantit id-dritt għal informazzjoni ta' kwalità billi jissaħħaħ l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni affidabbli u tiġi prevenuta l-propagazzjoni tal-informazzjoni ħażina online u offline; ifakkar li l-użu tat-terminu "aħbarijiet foloz"("fake news") m'għandu qatt ikun immirati biex jimmina l-fiduċja pubblika fil-midja jew biex jiskredita u jikkriminalizza l-vuċijiet kritiċi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali li l-kunċett ta' aħbarijiet foloz jista' joħloq għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u għall-indipendenza tal-midja, filwaqt li jenfasizza l-effetti negattivi li t-tixrid ta' aħbarijiet foloz jista' jkollu fuq il-kwalità tad-dibattitu politiku u fuq il-parteċipazzjoni infurmata tajjeb taċ-ċittadini fis-soċjetà demokratika; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati mekkaniżmi awtoregolatorji effettivi bbażati fuq il-prinċipji tal-preċiżjoni u t-trasparenza, u li jsiru dispożizzjonijiet għall-obbligi u l-istrumenti xierqa f'dak li għandu x'jaqsam mal-verifika tal-għejun, u tal-verifika tal-fatti minn organizzazzjonijiet iċċertifikati terzi tal-verifika tal-fatti li jkunu indipendenti u imparzjali biex tiġi żgurata l-oġġettività tal-informazzjoni u l-protezzjoni tagħha;

33.

Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-midja soċjali u lill-pjattaformi online jiżviluppaw għodda li jippermettu lill-utenti jirrappurtaw u jissinjalaw il-potenzjalità ta' aħbarijiet foloz sabiex tiġi ffaċilitata r-rettifika fil-pront u biex ikun jista' jsir rieżami minn organizzazzjonijiet iċċertifikati terzi tal-verifika tal-fatti li jkunu indipendenti u imparzjali, li jkunu fdati bil-kompitu li jipprovdu definizzjonijiet preċiżi ta' aħbarijiet foloz u diżinformazzjoni sabiex jitnaqqas il-marġni ta' diskrezzjoni li jitħalla lill-atturi tas-settur privat, u jkompli juru u jittimbraw bħala "aħbarijiet foloz"l-informazzjoni li tkun ġiet żvelata bħala tali, bil-ħsieb li jiġi stimulat dibattitu pubbliku u jiġi prevenut li l-istess diżinformazzjoni terġa' titfaċċa f'sura differenti;

34.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online li jkun magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, pjattaformi tal-midja soċjali, organizzazzjonijiet tal-midja tal-aħbarijiet, ġurnalisti u membri tal-akkademja sabiex janalizzaw dawn it-theddidiet li qed jitfaċċaw u jipproponu miżuri operattivi li għandhom jittieħdu fil-livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali;

35.

Jissottolinja r-responsabbiltà tal-atturi online fl-evitar tat-tifrix ta' informazzjoni li mhix ivverifikata jew li mhix vera bil-għan waħdieni li jiżdied it-traffiku online permezz tal-użu pereżempju tal-hekk imsejjaħ "clickbait";

36.

Jagħraf li r-rwol u l-investiment tal-pubblikaturi tal-istampa fil-ġurnaliżmu investigattiv, professjonali u indipendenti huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-"aħbarijiet foloz"u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-kontenut pluralistiku tal-istampa editorjali; iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jinvestu riżorsi finanzjarji adegwati fil-litteriżmu tal-midja u dak diġitali u fl-iżvilupp ta' strateġiji tal-komunikazzjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, sabiex jissensibilizaw liċ-ċittadini u lill-utenti tal-internet biex jirrikonoxxu u jkunu konxji ta' għejun dubjużi ta' informazzjoni u biex jidentifikaw u jesponu kontenut u propaganda li jkunu deliberatament faloz; għal dan il-għan, jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri jintegraw il-litteriżmu tal-midja u tal- l-informatika fis-sistemi edukattivi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-aħjar prattiki mil-livell nazzjonali biex tiżgura l-kwalità tal-ġurnaliżmu u l-affidabbiltà tal-informazzjoni ppubblikata;

37.

Itenni d-dritt ta' kull individwu li jiddeċiedi dwar id-destin tad-data personali tiegħu jew tagħha, b'mod partikolari d-dritt esklussiv li jikkontrolla l-użu, id-divulgazzjoni ta' informazzjoni personali u d-dritt li jintesa, definit bħala l-possibbiltà li l-individwu jikseb it-tneħħija immedjata tal-kontenut li jista' jkun ta' preġudizzju għad-dinjità proprja tiegħu jew tagħha, mill-midja soċjali u mis-siti web tat-tiftix;

38.

Jirrikonoxxi li l-Internet u, b'mod aktar ġenerali, l-iżvilupp tal-ambjent diġitali espanda l-kamp ta' applikazzjoni ta' għadd ta' drittijiet tal-bniedem, kif muri, pereżempju, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Mejju 2014 fil-kawża C-131/12 Google Spain SL u Google Inc vs Agencia Española de Protección de Datos (AEPD) u Mario Costeja González (11); jistieden, f'dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ivaraw proċess parteċipattiv sabiex ifasslu Karta Ewropea tad-Drittjiet tal-Internet, billi jqisu l-aħjar prattiki żviluppati fl-Istati Membri – b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Taljana tad-Drittijiet tal-Internet – biex tintuża bħala punt ta' referenza, flimkien mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, għar-regolamentazzjoni tal-isfera diġitali;

39.

Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-informaturi fis-salvagwardjar tal-interess pubbliku u fil-promozzjoni ta' kultura ta' obbligu ta' rendikont pubbliku u integrità pubblika fl-istituzzjonijiet kemm pubbliċi kif ukoll privati; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u jimplimentaw qafas adegwat, avvanzat u komprensiv għal leġiżlazzjoni Ewropea komuni għall-protezzjoni tal-informaturi billi japprovaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-14 ta' Frar u tal-24 ta' Ottubru 2017; iqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi tar-rapportar ikunu aċċessibbli, sikuri u siguri, u li l-allegazzjonijiet tal-informaturi u tal-ġurnalisti investigattivi jiġu investigati b'mod professjonali;

40.

Jenfasizza li l-protezzjoni legali tal-informaturi meta jkunu qed jiżvelaw informazzjoni pubblikament tistrieħ b'mod partikolari fuq id-dritt li għandu l-pubbliku li jirċievi dik l-informazzjoni; jissottolinja li l-ebda persuna ma għandha titlef il-benefiċċju tal-protezzjoni għal-unika raġuni li setgħet wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti jew li t-theddida perċepita għall-interess pubbliku ma seħħitx, kemm-il darba li, fil-mument tar-rappurtar, din il-persuna kellha raġunijiet raġonevoli biex temmen l-awtentiċità tal-fatti; ifakkar li persuni li konxjament jirrappurtaw informazzjoni ħażina jew qarrieqa lill-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx jitqiesu bħala informaturi, u għalhekk ma għandhomx igawdu mill-mekkaniżmi ta' protezzjoni; Jenfasizza, barra minn hekk, li kwalunkwe persuna li tiġi preġudikata, kemm direttament kif ukoll indirettament, minħabba r-rappurtar jew l-iżvelar ta' informazzjoni ineżatta jew qarrieqa għandha tingħata d-dritt li tfittex rimedji effettivi;

41.

Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-għejun tal-informazzjoni sabiex tiġi prevenuta kwalunkwe azzjoni diskriminatorji jew theddida;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġurnalisti jingħataw l-għodod xierqa biex jinvestigaw u jirċievu informazzjoni mingħand l-UE u l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma' deċiżjonijiet arbitrarji li jċaħħduhom minn tali dritt ta' aċċess; jinnota li l-informazzjoni miksuba permezz tad-dritt ta' inkjesta minn ġurnalisti jew minn ċittadini, inkluża l-informazzjoni miksuba permezz ta' informaturi, hija kemm komplementari kif ukoll essenzjali biex il-ġurnalisti jkunu kapaċi jwettqu l-missjoni tagħhom ta' interess pubbliku; itenni li l-aċċess għas-sorsi u l-avvenimenti pubbliċi għandu jiddependi minn kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u trasparenti;

43.

Jenfasizza li l-liberta tal-istampa tirrikjedi l-indipendenza mill-poter politiku u ekonomiku, fatt li jimplika trattament indaqs irrispettivament mill-orjentazzjoni editorjali; itenni l-importanza li jiġi priservat il-ġurnaliżmu li jibbenefika minn mekkaniżmi li jipprevjenu l-konċentrazzjoni ta' gruppi singoli, monopolistiċi jew kważi-monopolistiċi, biex b'hekk tiġi żgurata l-kompetizzjoni ħielsa u d-diversità editorjali; jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw regolament dwar is-sjieda tal-midja sabiex jiġu evitati l-konċentrazzjoni orizzontali tas-sjieda fis-settur tal-midja u s-sjieda indiretta u trasversali, u jiggarantixxu t-trasparenza, l-iżvelar, u l-aċċessibbiltà faċli għaċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar is-sjieda, is-sorsi ta' finanzjament u l-ġestjoni tal-midja; jenfasizza l-importanza li jiġu applikati restrizzjonijiet xierqa fuq is-sjieda tal-midja minn persuni li jokkupaw karigi pubbliċi u li tiġi żgurata s-sorveljanza indipendenti u mekkaniżmi effikaċi ta' konformità sabiex jiġu pprevenuti l-kunflitti ta' interess u l-bibien iduru; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm awtoritajiet nazzjonali indipendenti u imparzjali biex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tas-settur tal-midja awdjoviżiva;

44.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet strateġiċi tagħhom stess u jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet lokali fl-UE u fil-viċinat tal-UE biex irawmu ambjent tal-midja pluralistiku u biex jikkomunikaw il-politiki tal-UE b'mod koerenti u effettiv;

45.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ u japprovaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja adottata fis-7 ta' Marzu 2018;

46.

Ifakkar fir-rwol importanti moqdi mix-xandara pubbliċi fl-ippriservar tal-pluraliżmu tal-midja, kif hemm enfasizzat fil-Protokoll Nru 29 tat-Trattati; jistieden lill-Istati Membri jipprovdulhom il-mezzi finanzjarji u tekniċi adegwati meħtieġa biex iwettqu l-funzjoni soċjali tagħhom u jaqdu l-interess pubbliku; jistieden lill-Istati Membri, għal dan il-għan, jiggarantixxu l-indipendenza editorjali tagħhom billi jipproteġuhom, permezz ta' oqfsa regolatorji definiti b'mod ċar, minn kwalunkwe sura ta' interferenza jew influwenza governattiva, politika jew kummerċjali, filwaqt li fl-istess ħin, jiżguraw lill-korpi pubbliċi u lill-entitajiet kollha li jeżerċitaw setgħat fl-oqsma tax-xandir u tat-telekomunikazzjonijiet l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa ta' ġestjoni;

47.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw il-politika tagħhom tal-ħruġ ta' liċenzji lil kumpaniji tax-xandir nazzjonali mal-prinċipju tar-rispett għall-pluraliżmu tal-midja; jenfasizza li t-tariffi mitluba u s-strettezza tal-obbligi relatati mal-ħruġ tal-liċenzji maħruġa għandhom ikunu soġġetti għall-iskrutinju u ma għandhomx jipperikolaw il-liberta tal-midja;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri humiex qed jallokaw il-liċenzji tax-xandir abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti, imparzjali u proporzjonati;

49.

Jissuġġerixxi li sabiex il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja jiġu salvagwardjati b'mod effiċjenti l-kumpaniji li s-sid prinċipali tagħhom huwa wkoll proprjetarju ta' kumpanija tal-midja ma għandhomx jitħallewx jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku jew tal-inqas dan għandu jsir b'mod kompletament trasparenti; jipproponi li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrapportaw b'mod regolari dwar kull finanzjament pubbliku pprovdut lil intrapriża tal-midja u li l-finanzjament pubbliku kollu pprovdut lis-sidien tal-midja għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari; jenfasizza li s-sidien tal-midja m'għandhomx ikunu ġew akkużati jew misjuba ħatja ta' reat kriminali;

50.

Jenfasizza li kwalunkwe finanzjament pubbliku lil organizzazzjonijiet tal-midja għandu jingħata abbażi ta' kriterji nondiskriminatorji, oġġettivi u trasparenti li għandhom jiġu mgħarrfa minn qabel lill-midja kollha;

51.

Ifakkar li l-Istati Membri għandhom isibu modi kif jappoġġjaw il-midja, billi jiżguraw, pereżempju, in-newtralità tal-VAT, kif irrakkomandat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT (12), u billi jappoġġjaw inizjattivi relatati mal-midja;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament permanenti u adegwat fil-baġit tal-UE biex tappoġġja lill-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja fiċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja, u toħloq mekkaniżmu annwali għall-valutazzjoni tar-riskji għall-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri; jenfasizza li l-istess mekkaniżmu għandu jiġi applikat biex ikejjel il-pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi kandidati, u li r-riżultati tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja għandu jkollhom rilevanza reali fuq il-progress tal-proċess tan-negozjati;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tiġbor informazzjoni u statistika dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha, u tanalizza mill-qrib il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ġurnalisti, filwaqt li tirrispetta l-principju tas-sussidjarjetà;

54.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet regolatorji tal-awdjoviżiv tal-Istati Membri;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jistieden, f'dan is-sens, lill-Kummissjoni tinkludi r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja dwar ir-riskji għall-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-UE meta tkun qed tfassal ir-Rapport annwali tagħha dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (ir-Rapport DRF Ewropew);

56.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jsaħħu l-litteriżmu medjatiku u jippromwovu inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ fost iċ-ċittadini kollha permezz ta' edukazzjoni formali, mhux formali u informali minn perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, ukoll billi jagħtu attenzjoni speċjali lit-taħriġ u l-appoġġ inizjali u attwali ta' għalliema u billi jħeġġu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati relevanti kollha, inkluż il-professjonisti tal-midja, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; jerġa' jafferma l-bżonn li jiġu appoġġjati l-għodod innovattivi li jkunu xierqa għall-etajiet biex jippromwovu l-għoti ta' setgħa u s-sikurezza online bħala elementi obbligatorji tal-kurrikulu fl-iskejjel biex inaqqsu d-differenza diġitali kemm permezz ta' proġetti speċifiċi ta' litteriżmu teknoloġiku kif ukoll b'investimenti adegwati fl-infrastrutturi sabiex jiżguraw aċċess universali għall-informazzjoni;

57.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta' sens ta' evalwazzjoni u analiżi kritiċi fir-rigward tal-użu u l-ħolqien tal-kontenut tal-midja huwa essenzjali għall-fehim ta' kwistjonijiet attwali min-naħa tal-poplu u għall-kontribut għall-ħajja pubblika, kif ukoll għall-għarfien tagħhom dwar il-potenzjal transformattiv u t-theddid inerenti għal ambjent medjatiku dejjem aktar kumpless u interkonness; jisħaq li l-litteriżmu medjatiku huwa ħila demokratika kruċjali li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi sabiex jippromwovu u jappoġġjaw proġetti tal-litteriżmu medjatiku, bħall-proġett pilota dwar il-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd u biex jiżviluppaw politika komprensiva tal-litteriżmu medjatiku mmirata lejn iċ-ċittadini ta' kull età u għat-tipi kollha tal-midja bħala parti integrali mill-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni, appoġġjata kif xieraq minn opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE, bħalma huma l-Fondi SIE u Orizzont 2020;

58.

Jinnota bi tħassib li, kif ġie enfasizzat mill-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja 2016, l-aċċess għall-midja minn minoranzi, komunitajiet lokali u reġjonali, nisa u persuni b'diżabbiltajiet jinsab f'riskju; jenfasizza li l-midja inklużiva hija essenzjali f'ambjent medjatiku miftuħ, liberu u pluralistiku, u li ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt ta' aċċess għal informazzjoni indipendenti bil-lingwa materna tagħhom, kemm jekk tkun lingwa ta' stat kif ukoll ta' minoranza; jenfasizza l-importanza li l-ġurnalisti Ewropej, speċjalment dawk li jaħdmu b'lingwi inqas użati u ta' minoranzi, jingħataw taħriġ adegwat u opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħeġġu u jappoġġjaw riċerka, proġetti u politiki li jtejbu l-aċċess għall-midja kif ukoll inizjattivi relevanti mmirati lejn gruppi ta' minoranza vulnerabbli (bħall-proġett pilota dwar l-opportunitajiet ta' Apprendistat għall-midja b'lingwa ta' minoranza), u biex jiggarantixxu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni u l-espressjoni għaċ-ċittadini kollha;

59.

Iħeġġeġ lis-settur tal-midja biex jipproteġi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-prattiki tal-midja, permezz ta' mekkaniżmi koregolatorji, kodiċi ta' kondotta interni u azzjonijiet volontarji oħrajn;

60.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kampanji soċjali, programmi edukattivi, u f'attivitajiet ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni aktar immirati (inkluż għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-industrija) biex jippromwovu l-valuri u l-prattiki egalitarji permezz tal-finanzjament u l-promozzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja;

61.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija settorjali għas-settur tal-midja Ewropew ibbażata fuq l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà; iqis li strateġija bħal din għandha ssaħħaħ il-kollaborazzjoni transfruntiera u l-koproduzzjonijiet bejn l-atturi tal-midja fl-UE sabiex tenfasizza d-diversità tagħhom u tippromwovi d-djalogu interkulturali, sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-kmamar tal-aħbarijiet individwali u s-servizzi awdjoviżivi tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha, b'mod partikolari ma' tal-Parlament, u sabiex trawwem kopertura tal-midja u viżibbiltà tal-affarijiet tal-UE;

62.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati aktar mudelli għat-twaqqif ta' pjattaforma Ewropea tas-servizz tax-xandir pubbliku li trawwem dibattiti politiċi mal-UE kollha bbażati fuq fatti, diverġenzi ta' opinjonijiet u rispett, tikkontribwixxi għal pluralità ta' opinjonijiet fl-ambjent il-ġdid tal-midja konverġuta u trawwem il-viżibbiltà tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha;

63.

Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproteġu l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni fl-arti kontemporanja billi jippromwovu l-ħolqien ta' xogħlijiet tal-arti li jagħtu vuċi lit-tħassib soċjali, jinkoraġġixxu d-dibattitu kritiku u jispiraw kontrodiskors;

64.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi abolit l-imblukkar ġeografiku tal-kontenut tal-informazzjoni tal-midja, biex b'hekk iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaċċessaw l-istreaming online, fuq talba u b'replay tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-Istati Membri l-oħra;

65.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(2)  ĠU C 55, 12.2.2016, p. 33.

(3)  ĠU C 355, 20.10.2017, p. 51.

(4)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 104.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0095.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2017)0022.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2017)0402.

(9)  ĠU C 32, 4.2.2014, p. 6.

(10)  ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.

(11)  ECLI:EU:C:2014:317.

(12)  ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 5.


Top