This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018IP0039
European Parliament resolution of 8 February 2018 on the Annual Report on the Financial Activities of the European Investment Bank (2017/2071(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (2017/2071(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (2017/2071(INI))
ĠU C 463, 21.12.2018, p. 44–55
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 463/44 |
P8_TA(2018)0039
Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (2017/2071(INI))
(2018/C 463/08)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), |
— |
wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Grupp tal-BEI għall-2017-2019 ippubblikat fuq is-sit web tal-BEI, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2016 tal-BEI, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju 2016 u r-Rapport Statistiku 2016 tal-BEI, |
— |
wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni tal-Funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ta' Settembru 2016, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim milħuq fit-2 ta' Mejju 2017 mill-Parlament Ewropew u l-BEI rigward l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew Konsulenza għall-Investimenti (2) |
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (COM(2016)0583), |
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (COM(2016)0582), |
— |
wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika tal-BEI, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta' Garanzija tal-EFSD (3), |
— |
wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Bord Strateġiku tal-EFSD li saret fi Brussell fit-28 ta' Settembru 2017, |
— |
wara li kkunsidra s-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir li sar f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru 2017 u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, |
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Grupp tal-BEI dwar l-Ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-BEI fl-2015 u r-Rapport tal-BEI tal-2016 dwar il-Governanza Korporattiva, |
— |
wara li kkunsidra l-Manwal Ambjentali u Soċjali tal-BEI, |
— |
wara li kkunsidra r-reviżjoni li għaddejja tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI –Prinċipji, Termini ta' Referenza u Regoli tal-Proċedura 2010, |
— |
wara li kkunsidra l-politika tal-BEI favur ġurisdizzjonijiet irregolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi (il-Politika NCJ) tal-15 ta' Diċembru 2010 u l-addendum għaliha tat-8 ta' April 2014, |
— |
wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-BEI tar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-UE tal-4 ta' Ottubru 2016, |
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, |
— |
wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker mogħti fit-13 ta' Settembru 2017 fis-sessjoni plenarja tal-Parlament fi Strasburgu, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0013/2018), |
A. |
billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa meqjus bħala d-“driegħ finanzjarju tal-UE” u l-istituzzjoni ewlenija fis-sostenn tal-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, filwaqt li għandu wkoll rwol importanti barra l-UE permezz tal-attivitajiet ta' self estern tiegħu; |
B. |
billi l-attivitajiet finanzjarji tal-Grupp tal-BEI jinkludu kemm is-self ta' riżorsi proprji kif ukoll l-issodisfar tad-diversi mandati mogħtija lilu bl-appoġġ tal-baġit tal-UE u ta' partijiet terzi bħalma huma l-Istati Membri tal-UE; |
C. |
billi jenħtieġ li tingħata attenzjoni kontinwa fuq l-iżvilupp tal-aħjar prattiki relatati mal-politika tal-prestazzjoni u l-ġestjoni, il-governanza u t-trasparenza tal-Grupp tal-BEI; |
D. |
billi l-BEI żamm kapaċità finanzjarja soda fl-2016 skont il-previżjoni għal dik is-sena, b'bilanċ favorevoli annwali ta' EUR 2,8 biljun; |
E. |
billi l-BEI jenħtieġ li jkompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jespandi l-attivitajiet ta' self tiegħu b'mod effikaċi billi jipprovdi assistenza teknika u sostenn konsultattiv, speċjalment f'reġjuni b'livelli baxxi ta' investiment, sabiex jindirizza diskrepanzi reġjonali, filwaqt li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-applikanti; |
F. |
billi l-BEI, bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), jenħtieġ li jkompli jfittex portafoll tal-assi ta' kwalità għolja li huwa ġeografikament ibbilanċjat, b'benefiċċji ekonomiċi fuq terminu twil li jiġġeneraw impjiegi ta' kwalità, u jenħtieġ jagħmel dan il-prijorità ewlenija tiegħu fit-territorju kollu tal-UE; |
G. |
billi l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jenħtieġ li jkollu rwol ewlieni billi jikkomplementa l-interventi tal-BEI bħala l-veikolu speċjalizzat tal-UE għall-kapital ta' riskju u garanziji mmirati primarjament lejn l-appoġġ lill-SMEs, u b'hekk iwassal għal aktar integrazzjoni Ewropea u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; |
H. |
billi d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-Grupp tal-BEI inklużi fil-kuntratti ffirmati bejn il-Grupp tal-BEI u l-kontropartijiet tiegħu fihom salvagwardji kontra l-frodi, li jinkludu l-frodi fiskali u l-ħasil tal-flus, u r-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu; billi l-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jesiġi li l-kontropartijiet tiegħu jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli kollha; billi jenħtieġ li l-Grupp tal-BEI jimponi dispożizzjonijiet kuntrattwali addizzjonali li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ta' trasparenza u integrità abbażi tar-riżultati tad-diliġenza dovuta; |
I. |
billi l-Grupp tal-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' strumenti ta' investiment iddedikati bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza; |
J. |
billi l-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jżomm livell għoli ta' affidabbiltà kreditarja bħala assi fundamentali tal-mudell ta' negozju tiegħu u portafoll tal-assi ta' kwalità għolja u solidu bi proġetti ta' investiment sodi skont il-FEIS u l-istrumenti finanzjarji kollha fil-portafoll tiegħu; |
Sfidi globali u politiki ewlenin
1. |
Jenfasizza li l-kriżi ekonomika dgħajfet b'mod sinifikanti t-tkabbir tal-ekonomija fl-UE u li wieħed mill-konsegwenzi negattivi huwa t-tnaqqis fl-investiment fl-UE; jissottolinja li t-tnaqqis fl-investiment pubbliku u privat laħaq livelli allarmanti f'dawk il-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, kif jixhdu s-sejbiet tal-Eurostat; jesprimi tħassib dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi u r-rati tal-qgħad li għadhom sinifikanti f'xi Stati Membri; |
2. |
Jistenna li l-BEI jkompli jaħdem mal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet sistemiċi li jimpedixxu lil ċerti reġjuni jew pajjiżi milli jieħdu vantaġġ sħiħ tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI; |
3. |
Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Grupp tal-BEI biex isaħħaħ il-kompetittività tal-UE, jipprovdi appoġġ reali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u jikkontribwixxi biex tinstab soluzzjoni għall-isfidi soċjoekonomiċi fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, billi jsegwi l-għanijiet ta' politika pubblika globali tagħha relatata mal-innovazzjoni, l-SMEs u l-finanzjament għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastruttura, l-ambjent, il-koeżjoni ekonomika u soċjali, u l-klima; ifakkar li dawn l-objettivi jeħtieġu wkoll il-provvista ta' beni pubbliċi; jinsisti li, sabiex jintlaħqu b'suċċess l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, l-attivitajiet kollha tal-Grupp tal-BEI mhux biss jenħtieġ li jkunu ekonomikament sostenibbli, iżda jikkontribwixxu wkoll għal UE aktar intelliġenti, aktar ekoloġika u aktar inklużiva; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-BEI biex jaħdem ma' parteċipanti żgħar fis-suq u ma' kooperattivi tal-komunità biex iwettaq pakkett ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-BEI; jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza bejn l-istrumenti neċessarji biex jintlaħqu dawn l-objettivi; |
4. |
Jilqa' f'dan ir-rigward il-linja ta' ħidma tal-Kummissjoni li tikkombina sorsi ta' finanzjament differenti, inklużi l-FEIS, strumenti finanzjarji ġestiti ċentralment fil-livell tal-UE u riżorsi minn programm tal-fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE), kif ukoll ir-riżorsi tal-Istati Membri u tal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, li ppermettiet li proġetti riskjużi u proġetti b'aċċess limitat għall-finanzjament jiġu ġestiti għall-benefiċċju tal-SMEs; |
5. |
Jilqa' l-fatt li l-BEI ddikjara l-impenn tiegħu li jappoġġa t-twettiq tal-Ftehim ta' Pariġi; jemmen li r-rieżami tal-kriterji dwar is-self għall-enerġija tal-BEI previst għall-2018 se jkun opportunità biex il-bank jieħu kont tal-appoġġ li jagħti lis-settur tal-karburanti fossili u li huwa jippubblika d-data komprensiva, rilevanti u relata; iħeġġeġ lill-bank, f'dan il-kuntest, jippubblika l-pjanijiet ta' azzjoni konkreti li jirriżultaw mill-Istrateġija tal-Klima għall-2015, u biex jallinja l-portafoll tiegħu mal-mira ta' żieda fit-temperatura medja globali ta' 1,5 gradi skont il-Ftehim ta' Pariġi, permezz tal-eliminazzjoni rapida u kompleta tal-proġetti tal-karburanti fossili u l-prijoritizzazzjoni ta' proġetti rinnovabbli u ta' effiċjenza enerġetika; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2017 dwar il-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, (4) u jenfasizza l-importanza li finanzjament suffiċjenti jkun disponibbli għal investimenti ekoloġiċi sostenibbli, inkluż għall-industriji b'bażi bijoloġika (5); jistieden lill-BEI jkompli l-appoġġ finanzjarju tiegħu għas-sorsi tal-enerġija sostenibbli lokali sabiex jingħeleb il-livell għoli ta' dipendenza enerġetika tal-Ewropa fuq sorsi esterni u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista; jistieden lill-BEI jqis l-adozzjoni tal-indikaturi tal-klima ta' Rio tal-OECD, użati biex jirrintraċċaw u jimmonitorjaw l-infiq fuq il-klima mill-SIE, sabiex jittieħed kont aħjar tal-attivitajiet tal-BEI relatati mal-politika ta' koeżjoni fil-valutazzjoni tar-rwol tal-Fondi SIE fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima; |
6. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-BEI kellu riżultati mħallta ħafna fil-qasam tal-azzjoni klimatika, minkejja li laħaq il-mira tiegħu ta' 25 % b'marġni żgħir f'termini globali; jinsab imħasseb li, f'16-il Stat Membru, l-appoġġ tal-BEI għall-azzjoni klimatika lanqas biss laħaq il-livell ta' 20 % u li l-azzjoni klimatika tal-investiment fl-2016 kienet fil-biċċa l-kbira fl-ekonomiji l-aktar b'saħħithom tal-UE, b'70 % tal-appoġġ tal-FEIS għall-enerġija rinnovabbli kienet ikkonċentrata f'pajjiż wieħed biss – il-Belġju – u 80 % tal-investiment fl-effiċjenza enerġetika permezz tal-FEIS ġiet allokata lill-Franza, lill-Finlandja u lill-Ġermanja; |
7. |
Jilqa' l-fatt li l-BEI wieġeb għall-kriżi billi espanda l-attivitajiet tiegħu b'mod sinifikanti, inkluż fil-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar; jistieden lill-BEI jkompli jappoġġa lill-pajjiżi tal-UE sabiex jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku tagħhom; |
8. |
Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jiġi kkjarifikat l-impatt tal-Brexit fuq il-baġit attwali tal-BEI u fuq l-attivitajiet tiegħu sabiex l-istituzzjoni tkun tista' tkompli twettaq ir-rwol tagħha; jinnota li r-Renju Unit ipprovda 16,11 % tal-kapital tal-BEI, li jammonta għal EUR 3,5 biljun tal-kapital imħallas u EUR 35,7 biljun tal-kapital eżegwibbli tal-Bank; jenfasizza l-importanza li jiġi ċċarat l-ammont tal-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-baġit tal-BEI kif ukoll il-parteċipazzjoni ekonomika fil-ġejjieni tar-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħruġ tar-Renju Unit ma jwassalx biex il-BEI jitlef il-kapaċità tiegħu li jappoġġa l-ekonomija tal-UE; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi stabbilita ċ-ċertezza legali mill-aktar fis possibbli fir-rigward tal-proġetti li għaddejjin u li huma kofinanzjati mill-BEI fir-Renju Unit; jemmen li, filwaqt li r-Renju Unit, f'termini ta' investiment, għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal kwalunkwe Stat Membru ieħor qabel il-ħruġ formali tiegħu mill-Unjoni, il-BEI għandu raġun jikkundizzjona l-investiment fuq assigurazzjonijiet li l-kriterji tal-eliġibbiltà tal-investiment, b'mod partikolari dwar l-istandards ambjentali, jiġu rrispettati tul l-eżistenza kollha ta' dawn l-investimenti; |
9. |
Jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar sabiex jappoġġa lil dawk il-pajjiżi li qegħdin jimplimentaw riformi ekonomiċi u demokratiċi diffiċli fi triqthom lejn l-UE; ifakkar li l-attivitajiet ta' finanzjament ewlenin għandhom jimmiraw ukoll biex jindirizzaw kemm il-ħtiġijiet urġenti u kemm l-isfidi aktar fit-tul bħall-bini mill-ġdid tal-infrastruttura, filwaqt li jiżguraw akkomodazzjoni adegwata u infrastruttura ta' emerġenza u jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-BEI jwettaq operazzjonijiet esterni sabiex l-attivitajiet tiegħu jiffokaw speċifikament fuq oqsma ta' importanza kbira għall-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-espansjoni tal-Mandat ta' Self Estern (ELM) tal-BEI biex jintensifika l-attivitajiet fil-viċinat tan-Nofsinhar, fir-reġjun tal-Mediterran, fl-Amerika Latina u fl-Asja; jenfasizza, barra minn hekk, il-potenzjal kbir li l-operazzjonijiet tal-BEI għandhom biex itejbu l-qagħda ekonomika fir-reġjuni ta' rilevanza ġeopolitika ewlenija, b'mod partikolari fl-Ukrajna, li qiegħed tiffaċċja stress ekonomiku kbir minħabba l-kunflitt armat li għaddej fil-Lvant tal-Ukrajna; |
10. |
Jikkunsidra li l-BEI, bħala “l-bank tal-UE” inkorporat u rregolat mit-Trattati u l-Protokoll rilevanti anness magħhom, irid jonora dan l-istatus uniku, li jġib miegħu drittijiet u responsabbiltajiet uniċi; josserva li l-BEI jiżvolġi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta' għadd dejjem ikbar ta' strumenti finanzjarji li jiddependu fuq il-fondi baġitarji tal-UE; |
11. |
Jinnota li skont il-Pjan Operattiv 2017-2019 il-valur tas-self tal-BEI ffirmat huwa mbassar li jiżdied għal darb'oħra fl-2019 (għal EUR 76 biljun, wara li naqas minn EUR 77 biljun fl-2014 għal EUR 73 biljun fl-2016); jirrimarka li l-kuntest attwali għandu jinkoraġġixxi lill-bank jadotta objettivi aktar ambizzjużi u jżid is-self iffirmat mill-BEI; ifakkar li l-BEI għandu jiżvolġi rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz ta' strumenti bħal Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; |
12. |
Jilqa' l-impenn tal-BEI li jindirizza l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u jieħu azzjoni fil-pajjiżi li huma partikolarment milquta mill-kriżi tal-migrazzjoni, inkluż billi jsaħħaħ u jikkomplementa l-azzjoni umanitarja u jipprovdi appoġġ għat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp u l-investimenti meħtieġa kemm fl-infrastruttura urbana, tas-saħħa u edukattiva, soċjali, moderna u sostenibbli, billi jagħti spinta lill-attivitajiet ekonomiċi għall-ħolqien tal-impjiegi u jippromwovi kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi; jistenna li, għal dan il-għan, il-Grupp tal-BEI jintensifika l-isforzi tiegħu biex jikkoordina l-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika tiegħu u l-Mandat ta' Self Estern rivedut mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD); jappella għal żieda fl-għajnuna finanzjarja għal proġetti li jgħinu biex jitnaqqsu l-kosti ekonomiċi marbuta mal-kriżi tal-migrazzjoni filwaqt li jkollhom impatt pożittiv fuq iċ-ċittadini, ir-rifuġjati u migranti oħrajn fl-Istati Membri li jirċievu l-akbar flussi ta' rifuġjati u migranti; |
13. |
Jilqa', f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva ta' Reżiljenza u ta' Rispons għall-Kriżjiet tal-BEI, li għandha l-għan li żżid il-volum tal-għajnuna mogħtija lill-pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Balkani b'EUR 6 biljun; jitlob li din l-inizjattiva tiġġenera addizzjonalità reali fir-rigward tal-attivitajiet attwali tal-BEI fir-reġjun; |
14. |
Jieħu nota tal-proposta tal-BEI biex, flimkien mal-Grupp, iwaqqaf sussidjarju – billi jintuża l-FEI bħala mudell – iddedikat lill-finanzjament barra mill-Ewropa; jistenna li jkun infurmat dwar kwalunkwe żvilupp dwar din il-kwistjoni fi żmien debitu; |
15. |
Jilqa' l-Istrateġija ta' Grupp tal-BEI dwar l-Ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa ppubblikata fl-2017; jemmen li perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi applikata għall-operazzjonijiet finanzjarji kollha tal-Grupp tal-BEI; jistenna Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li jiżviluppa miri ambizzjużi u li jkun akkumpanjat minn indikaturi konkreti, li għandhom jiġu implimentati dalwaqt; |
16. |
Jilqa' l-fehim li ntlaħaq dwar l-estensjoni u l-aġġustament tal-FEIS, u jistenna li l-fond rivedut u ċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti msaħħaħ jippermettu li jingħelbu l-problemi identifikati fl-iskema attwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-addizzjonalità, is-sostenibbiltà, l-azzjoni klimatika, il-bilanċ ġeografiku u l-attivitajiet ta' konsulenza; jenfasizza l-importanza li jiġu evitati żbilanċi ġeografiċi fl-attività ta' self tal-BEI sabiex tiġi żgurata allokazzjoni usa' mil-lat ġeografiku u settorjali mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità għolja tal-proġetti; jistieden lill-BEI jsaħħaħ aktar l-ħidma tiegħu ma' banek promozzjonali nazzjonali sabiex itejjeb l-ilħiq, jiżviluppa aktar l-attività ta' konsulenza u l-assistenza teknika biex jindirizza l-kwistjoni tal-bilanċ ġeografiku fit-tul; jinnota varjetà wiesgħa ta' esperjenzi f'termini tal-proġetti tal-EFSI; jappoġġa u jinkoraġġixxi l-iskambju ulterjuri tal-aħjar prattiki bejn il-BEI u l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ekonomika u effett ta' lieva adegwat tal-Pjan Juncker, b'mod li jagħmlu differenza fil-ħajja taċ-ċittadini tal-UE; |
17. |
Jinnota li fis-settur soċjali, il-BEI jsellef medja ta' EUR 1 biljun fis-sena għal proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali (li raw żieda qawwija f'dawn l-aħħar snin u d-diversifikazzjoni ulterjuri ta' promoturi u mutwatarji), EUR 1,5 biljun għal infrastruttura tas-saħħa, u EUR 2,4 biljun għal proġetti tal-infrastruttura tal-edukazzjoni; jissottolinja li l-iżvilupp ulterjuri ta' finanzjament tal-BEI f'dan is-settur ikun jirrifletti l-progress attwali lejn il-ħarsien tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali tal-UE u jiżgura, f'konformità ma' dak li kien mistenni, li l-Grupp tal-BEI jagħti prijorità lil dawk il-proġetti li l-aktar għandhom impatt fuq il-ħolqien ta' impjiegi lokali sostenibbli; |
18. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, skont in-nota ta' informazzjoni tat-28 ta' Settembru 2017 mid-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI, l-investimenti kumulattivi approvati mill-Grupp tal-BEI fl-2015 u l-2016 se jkabbru bi 2,3 % il-PDG tal-UE sal-2020 u se jżidu 2,25 miljun impjieg, u dan juri l-impatt makroekonomiku sostanzjali tal-BEI; iħeġġeġ lill-BEI jkompli jespandi l-kapaċità tiegħu ta' analiżi makroekonomika, inkluża r-riċerka dwar l-impatt makroekonomiku tal-attivitajiet tiegħu, kif ukoll il-ħidma analitika ġenerali tiegħu u l-istudji settorjali, kif ukoll il-firxa ta' pubblikazzjonijiet u dokumenti empiriċi, u b'hekk isir ukoll “bank tal-għarfien”; jistieden lill-BEI jkompli jtejjeb il-valutazzjoni tal-proġetti, bl-użu ta' indikaturi tal-impatt aktar għanja, aktar preċiżi u rfinuti; |
19. |
Jagħraf l-importanza tar-rwol antiċikliku li l-BEI kellu f'dawn l-aħħar snin; jemmen li waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-BEI ladarba l-ekonomija terġa' lura għal-livelli ta' investiment ta' qabel il-kriżi għandha tkun li jiffoka fuq il-fatt li jgħin sabiex jitnaqqas id-distakk fl-investiment f'oqsma fejn is-swieq ma jirnexxilhomx, pereżempju minħabba l-perspettiva fuq żmien fil-qosor persistenti tagħhom u l-inkapaċità tagħhom li jiffissaw b'mod korrett il-prezz tal-esternalitajiet fit-tul, sabiex tingħata spinta lill-investimenti sostenibbli, lill-progress teknoloġiku u lill-innovazzjoni li jwasslu għal tkabbir sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li l-proġetti bbażati fuq l-innovazzjoni b'valur miżjud ċar għall-UE jingħataw prijorità, kif ukoll il-proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp reġjonali bħall-għoti ta' ħajja ġdida lil żoni rurali u żoni oħra li huma anqas aċċessibbli u sottożviluppati; |
20. |
Jenfasizza li l-BEI kellu u qed ikompli jkollu rwol pożittiv fit-tnaqqis tad-distakk fl-investiment pubbliku; jenfasizza li l-investiment, ir-riformi strutturali responsabbli u sostenibbli u l-politiki baġitarji tajba jridu jkunu parti integrali minn strateġija globali; jappella għall-koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tal-BEI fl-Istati Membri u l-attivitajiet, il-politiki u l-objettivi tal-gvernijiet, stabbiliti fil-programmi ta' riforma nazzjonali, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kull fejn din il-koordinazzjoni tkun possibbli; |
21. |
Jissottolinja li fil-livell tal-UE hemm raġunijiet strutturali ewlenin li minħabba fihom qed jiżdied id-distakk fl-investiment bejn l-Istati Membri; jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-assistenza teknika tiegħu sabiex jindirizza l-kapaċità baxxa ta' ġenerazzjoni ta' proġetti f'xi Stati Membri; jistieden lill-BEI jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-impjiegi diretti u indiretti maħluqa minn kull proġett iffinanzjat; |
22. |
Jissottolinja li l-BEI huwa marbut bit-trattati biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ibbilanċjat u kostanti tas-suq intern permezz tal-attività primarja ta' self tiegħu, sabiex jappoġġa proġetti għall-iżvilupp ta' reġjuni inqas żviluppati u proġetti li għandhom natura transfruntiera, b'sinerġija mal-Fondi SIE; jenfasizza għalhekk il-potenzjal tar-rwol komplementari importanti tal-BEI fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, li għandu jibqa' dejjem ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati, inkluż permezz ta' attivitajiet immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għat-tħejjija tal-proġetti, konsulenza u servizzi ta' analiżi u ta' self għall-kofinanzjament nazzjonali tal-Fondi SIE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħhom bil-għan li jippromwovu aktar l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tixrid ta' opportunitajiet ta' investiment fir-reġjuni kollha Ewropej, inklużi dawk li mhumiex koperti mill-Fond ta' Koeżjoni, bil-ħsieb li jintlaħqu aħjar l-objettivi ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; |
23. |
Jenfasizza li l-BEI, bħala istituzzjoni finanzjarja pubblika li tiffinanzja proġetti li jimmiraw li jissodisfaw il-politiki u l-prijoritajiet tal-UE, għandu jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, inkluż fir-reġjuni anqas żviluppati, kif previst fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jinnota bi tħassib, madankollu, li, skont il-klassifikazzjoni ġeografika tas-self skont il-pajjiż fejn il-proġetti huma lokalizzati, ħames Stati Membri, l-akbar ekonomiji tal-UE, irċevew 54,11 % tat-total tas-self mogħti fl-2016; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni jeżaminaw ir-raġunijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni u jirrapportaw lura lill-Parlament sa nofs l-2018; jenfasizza l-ħtieġa għal distribuzzjoni territorjali usa' ta' fondi, inkluż fir-rigward tal-FEIS, li dejjem għandha tkun komplementari għall-Fondi SIE, sabiex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa għal rwol imsaħħaħ tal-BEI fil-finanzjament tal-intraprenditorija soċjali u n-negozji ġodda, l-aċċelerazzjoni tat-tkabbir tal-infrastruttura soċjali, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-proġetti tal-ekonomija ċirkolari; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-BEI huwa wkoll investitur kbir f'pajjiżi li mhumiex fl-UE; |
24. |
Jieħu nota tal-evalwazzjoni interim ta' nofs it-terminu tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-Orizzont 2020 (InnovFin) ġestita mill-Grupp tal-BEI u l-15 -il rakkomandazzjoni li jinsabu fiha; jistenna li l-Grupp tal-BEI jifformula strateġija dettaljata fit-triq li beħsiebu jsegwi biex jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet; |
Konformità
25. |
Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-qafas legali Ewropew, inkluż l-Istatut tal-BEI, ir-Regolament dwar il-FEIS, l-erba' Regolamenti dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u l-ħames Fondi SIE (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd) għandu jipprojbixxi l-użu tal-fondi tal-UE li fl-aħħar mill-aħħar qed imorru għand benefiċjarji jew intermedjarji finanzjarji li jkollhom rekord ippruvat ta' involviment f'evażjoni tat-taxxa jew fi frodi fiskali; |
26. |
Ifakkar li l-politika dwar il-ġurisdizzjoni mhux konformi tal-BEI teħtieġ tkun ambizzjuża; jinnota li l-fatt li wieħed jibbaża ruħu fuq lista komuni tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li jonqsu milli jikkonformaw mal-istandards ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, li kienet approvata mill-Kunsill tal-UE fil-5 ta' Diċembru 2017 u li se tipprevali fuq il-listi tal-organizzazzjonijiet ewlenin oħrajn fil-każ ta' kunflitt, huwa pass pożittiv iżda insuffiċjenti, u jitlob li jkun hemm rappurtar pajjiż b'pajjiż mingħajr eżenzjonijiet li jkun parti mill-istrateġija ta' responsabbiltà soċjali korporattiva tal-BEI; jistieden lill-BEI biex: jikkonforma mal-istandards rilevanti u mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa; ma jużax jew jieħu sehem fi strutturi għall-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari skemi ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva jew prattiki li ma jikkonformawx mal-kriterji ta' governanza fiskali tajba, kif stabbilit fl-atti ġuridiċi tal-Unjoni, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni jew fi kwalunkwe avviż formali tal-Kummissjoni; u ma jkollux relazzjonijiet ta' negozju ma' entitajiet stabbiliti f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx mal-Unjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta' standards tat-taxxa miftiehma internazzjonalment dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni. jistieden lill-BEI, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-partijiet interessati, jirrevedi u jaġġorna l-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx fid-dawl tal-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni msemmija hawn fuq ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, min-naħa tagħha, tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill kull sena dwar l-implimentazzjoni ta' dik il-politika; |
27. |
Jinnota li l-Kummissjoni fl-imgħoddi mblukkat ċerti proġetti ppreżentati minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) (6) minħabba li dawn il-proġetti kienu jinvolvu arranġamenti fiskali kumplessi mingħajr ġustifikazzjoni bis-saħħa ta' reġimi fiskali dannużi jew assenti f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI biex fir-rapport annwali tagħhom jinkludu informazzjoni dwar proġetti fejn il-fondi jkunu ġew trasferiti lejn ġurisdizzjonijiet offshore; jenfasizza l-ħtieġa li l-IFIs jeliminaw ir-riskju li l-fondi tal-UE direttament jew indirettament jgħinu l-evitar tat-taxxa u l-frodi fiskali; |
28. |
Jinnota li tqajjem tħassib dwar proġetti ffinanzjati mill-BEI li jinvolvu strutturi offshore u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport pubbliku annwali dwar l-użu ta' fondi tal-UE b'rabta ma' strutturi offshore u trasferimenti monetarji tal-BEI u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) lejn dawk l-istrutturi, inkluż l-għadd u n-natura ta' proġetti mblukkati, kummenti ta' spjegazzjoni dwar ir-raġunament għal proġetti mblukkati u azzjonijiet ta' segwitu meħuda biex jiżguraw li l-fondi tal-UE ma jkunux qed jgħinu direttament jew indirettament l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali; |
29. |
Jilqa' l-fatt li l-BEI jqis l-impatt tat-taxxa f'pajjiżi fejn isir l-investiment u kif dan l-investiment jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-inugwaljanza; |
30. |
Iqis li, bħala l-bank tal-Unjoni Ewropea, il-BEI għandu jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-intermedjarji finanzjarji li jinvolvi ruħu magħhom ma jagħmlux użu minn strutturi ta' evitar tat-taxxa, jew jidħlu fihom, b'mod partikolari skemi jew prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa li ma jikkonformawx ma' kriterji ta' governanza tajba tat-taxxa, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi r-rakkomandazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni; jenfasizza li l-BEI għandu wkoll jiżgura li l-intermedjarji finanzjarji ma jkunux involuti f'każijiet ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus, kriminalità organizzata jew terroriżmu; |
31. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-BEI jkollu informazzjoni affidabbli u kompluta dwar is-sjieda benefiċjarja tal-benefiċjarji finali tal-fondi tal-BEI, inkluż f'każijiet fejn il-finanzjament jiddependi fuq fondi tal-ekwità privata; iħeġġeġ għalhekk lill-BEI jsaħħaħ il-proċedura tad-diliġenza dovuta u t-trasparenza tiegħu meta jaħdem ma' intermedjarji finanzjarji; iqis li l-użu ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji u l-pussess ta' informazzjoni aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji, inklużi fondi fiduċjarji, fondazzjonijiet u rifuġji fiskali, huma l-aħjar prattiki li jridu jiġu segwiti b'mod permanenti; jinnota l-fatt li l-BEI jidentifika matul il-proċess ta' diliġenza dovuta s-sidien benefiċjarji ta' tali kumpaniji; jistieden lill-Grupp tal-BEI jkompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet kuntrattwali tiegħu billi jintegra klawsola jew referenza għall-governanza tajba sabiex itaffi r-riskji għall-integrità u r-reputazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-BEI jistabbilixxi lista pubblika dettaljata dwar il-kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji, sabiex isaħħaħ l-impenn tal-UE li tiġġieled kontra abbużi fiskali u li tipprevjeni b'mod aktar effikaċi r-riskji ta' korruzzjoni u ta' infiltrazzjoni minn gruppi kriminali; |
32. |
Jilqa' l-isforzi tal-BEI biex iwettaq diliġenza dovuta fuq il-kontrapartijiet u l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI, inklużi l-attivitajiet u l-kontrolli ta' monitoraġġ kontinwi, sabiex jiġi żgurat li l-BEI ma jiffaċilitax mingħajr ma jkun jaf il-korruzzjoni, il-frodi, il-kollużjoni, il-koerċizzjoni, il-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali, il-prattiki dwar it-taxxa dannużi, jew il-finanzjament tat-terroriżmu, b'mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni ta' rapporti regolari tal-attività tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità (OCCO) u l-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Ispettorat Ġenerali tal-BEI; jistieden lill-BEI jallinja ruħu mas-sistema l-ġdida ta' twissija rapida u esklużjoni ppjanata mill-Kummissjoni Ewropea; |
33. |
Jilqa' l-kooperazzjoni u l-iskambji tal-Grupp tal-BEI mas-servizzi differenti tal-Kummissjoni dwar il-miżuri li jinsabu fil-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa, bil-għan li jiġu ċċarati l-ambitu u l-elementi ewlenin tal-pakkett leġiżlattiv, ir-rwol u l-involviment tal-Grupp tal-BEI, kif ukoll l-impenn tiegħu fid-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar dawn il-kwistjonijiet, kemm fil-livell tal-Bord tad-Diretturi tal-Grupp tal-BEI kif ukoll f'dak tas-servizzi tal-BEI, bħalma hu l-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità (OCCO); jistieden lill-BEI jindirizza aħjar l-evitar tat-taxxa fil-kontrolli ta' diliġenza dovuta tiegħu; |
L-obbligu ta' rendikont
34. |
Jemmen li r-rwol ekonomiku msaħħaħ tal-BEI, iż-żieda fil-kapaċità tal-investiment tiegħu u l-użu tal-baġit tal-UE biex jiġu garantiti l-operazzjonijiet tiegħu jridu jiġu akkumpanjati minn trasparenza akbar u aktar responsabbiltà sabiex jiġi żgurat skrutinju pubbliku ġenwin tal-attivitajiet, l-għażla tal-proġetti u l-prijoritajiet ta' finanzjament tiegħu; |
35. |
Jirrikonoxxi li l-BEI jippreżenta tliet rapporti kull sena dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament u li l-President u l-persunal tal-BEI jattendu regolarment seduti ta' smigħ fuq talba tal-Parlament u tal-kumitati tiegħu; ifakkar, madankollu, it-talba tiegħu għal livell ogħla ta' responsabbiltà parlamentari u ta' trasparenza tal-BEI; itenni s-sejħa tiegħu, f'dan ir-rigward, li jiġi ffirmat ftehim interistituzzjonali bejn il-BEI u l-Parlament dwar l-iskambju ta' informazzjoni, inkluża l-possibbiltà li l-Membri jindirizzaw mistoqsijiet bil-miktub lill-President tal-BEI; |
36. |
Ifakkar li t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE ma twassalx biss għat-tisħiħ tar-responsabbiltà korporattiva globali u l-kredibbiltà tal-Grupp tal-BEI, b'ħarsa ġenerali ċara lejn it-tip ta' intermedjarji finanzjarji u benefiċjarji finali, iżda tikkontribwixxi wkoll lejn it-tisħiħ tal-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-proġetti ffinanzjati u tiżgura approċċ ta' tolleranza żero għall-frodi u l-korruzzjoni fil-portafoll tas-self tiegħu; |
37. |
Jilqa' l-fatt li l-politika ta' trasparenza tal-Grupp tal-BEI hija bbażata fuq preżunzjoni ta' divulgazzjoni u li kulħadd jista' jikseb aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni tal-Grupp tal-BEI; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni ta' dokumenti mhux kunfidenzjali fis-sit web tal-Grupp tal-BEI, bħal ftehimiet interistituzzjonali u memoranda, u jħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI biex ma jiqafx hemm iżda jkompli ifittex modi għal titjib; |
38. |
Jissuġġerixxi li, il-Grupp tal-BEI għandu jsegwi l-eżempju mogħti mill-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (IFC) tal-Grupp tal-Bank Dinji, u jibda jiddivulga informazzjoni dwar is-sottoproġetti b'riskju għoli li jiffinanzja permezz ta' banek kummerċjali (l-intermedjarji/il-veikoli finanzjarji prinċipali ewlenin użati mill-Grupp tal-BEI għall-finanzjament tal-SMEs); |
39. |
Jilqa' l-fatt li d-dokumenti kollha tal-proġetti miżmuma mill-Grupp tal-BEI huma divulgati fuq talba; jitlob lill-Grupp tal-BEI jiddefinixxi linji gwida għal informazzjoni bażika u li mhijiex sensittiva li tista' tiġi divulgata fir-rigward ta' talbiet għal divulgazzjoni proattiva fil-livell tal-proġett; |
40. |
Jappella għal politika tad-divulgazzjoni tal-Grupp tal-BEI biex jiżgura livell dejjem ogħla ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipji li jirregolaw il-politika tal-ipprezzar u l-korpi ta' governanza tiegħu; jilqa', f'dan ir-rigward, id-divulgazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-Grupp tal-BEI ta' Jannar 2017, ir-reġistru pubbliku ta' dokumenti, u l-pubblikazzjoni tad-data tal-proġett permezz tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (7); jappella għall-pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-kumitat ta' ġestjoni; |
41. |
Jieħu nota tar-reviżjonijiet li għaddejjin bħalissa tal-politika dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni protetta tal-Grupp tal-BEI; iħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI jsaħħaħ l-indipendenza, il-leġittimità, l-aċċessibbiltà, il-prevedibbiltà, l-ekwitabbiltà u t-trasparenza tal-mekkaniżmu għall-ilmenti tiegħu, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tad-diretturi u t-titjib tal-protezzjoni tal-ilmentaturi; jemmen li dawn il-miżuri b'mod ċar huma fl-interess tal-bank, tal-partijiet interessati u tal-istituzzjonijiet tal-UE; |
42. |
Jinnota li mill-120 każ irrappurtati lid-Diviżjoni tal-Ispettorat Ġenerali tal-Investigazzjonijiet tal-Frodi (IG/IN) fl-2016, 53 % kienu referuti mill-persunal tal-Grupp tal-BEI; jilqa' l-fatt li l-mekkaniżmu ta' rappurtar tal-frodi fis-sit web tal-BEI issa huwa disponibbli fi 30 lingwa (8); jemmen li l-BEI għandu jsegwi bir-reqqa x-xogħol li għaddej bħalissa dwar il-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE u b'hekk ikompli jtejjeb il-possibilitajiet ta' rappurtar tiegħu; |
43. |
Jistieden lill-Grupp tal-BEI jenfasizza kontinwament l-iskrutinju tal-prestazzjoni permezz ta' valutazzjonijiet tal-prestazzjoni u impatt ippruvat; iħeġġeġ lill-Grupp ikompli jirfina l-indikaturi ta' monitoraġġ tiegħu, b'mod aktar speċifiku l-indikaturi tiegħu ta' addizzjonalità, bil-għan li jiġi evalwat l-impatt kmieni kemm jista' jkun fil-fażi tal-ġenerazzjoni ta' proġett u jipprovdi lill-Bord b'informazzjoni suffiċjenti dwar l-impatt previst, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontribut ta' proġetti għall-politiki tal-UE, pereżempju l-effett tagħhom fuq l-impjiegi (kemm matul l-implimentazzjoni kif ukoll matul it-tħaddim); jirrimarka, barra minn hekk, li t-twettiq tal-finanzjament tal-Grupp tal-BEI ma jistax jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tal-impatt finanzjarju tiegħu biss, u jappella, għalhekk, għall-bilanċ ġust li għandu jinżamm bejn il-miri operattivi definiti f'termini tal-volum tan-negozju u l-objettivi tal-persunal mhux finanzjarji tal-Grupp tal-BEI; iħeġġeġ, pereżempju, li l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni jindikaw liema objettivi speċifiċi fi ħdan il-qafas tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) huma fil-mira tal-proġett u sa liema punt ikkontribwixxa biex dawn jintlaħqu; iqis fundamentali li n-nies li jgħixu fil-viċinat tal-proġetti ffinanzjati relatati mal-infrastruttura għandhom ikunu involuti b'mod attiv fil-valutazzjoni tagħhom; |
44. |
Jilqa' l-fatt li l-BEI qed ikompli jaħdem biex jirfina l-metodoloġija tiegħu rigward ir-rappurtar tal-impatt, pereżempju sabiex jirrifletti b'mod preċiż l-investiment mobilizzat permezz ta' bosta strutturi ta' self permezz ta' intermedjarji u prodotti ġodda, u l-passi konġunti meħuda flimkien ma' banek multilaterali oħra tal-iżvilupp fl-armonizzazzjoni ta' aspetti ewlenin tar-rappurtar tal-impatt, bħal fir-rapport imfassal reċentement dwar ir-rappurtar rigward il-finanzjament għall-klima u r-rapport li qed jiġi mħejji fir-rigward tas-self fis-setturi kollha; |
45. |
Jilqa' l-fatt li l-kejl tar-riżultati (ReM+) gradwalment qed iwassal għal “bidla kulturali” fil-Grupp tal-BEI; jitlob li jkun hemm armonizzazzjoni u ġeneralizzazzjoni ta' dan l-eżerċizzju, li jintegra wkoll kemm jista' jkun l-indikaturi ta' Addis Ababa u ta' Pariġi; jemmen li l-aġġustament ulterjuri ta' dawn l-indikaturi permezz tal-integrazzjoni tal-fehmiet lokali jista' jdgħajjef il-pożizzjoni mbiegħda tagħhom mingħajr ma jaffettwa l-indipendenza tagħhom; |
46. |
Jistieden lill-BEI jqis il-kuntest lokali meta jinvesti f'pajjiżi terzi; ifakkar li l-investiment f'pajjiżi terzi ma jistax ikun ibbażat biss fuq approċċ li jimmassimizza l-profitti iżda jrid ikollu wkoll l-għan li jiġġenera tkabbir ekonomiku fit-tul, sostenibbli u mmexxi mis-settur privat, u li jnaqqas il-faqar permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fl-aċċess għar-riżorsi produttivi; |
47. |
Jinnota li f'ħafna mill-pajjiżi fejn jopera l-BEI, id-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni huma mhedda f'diversi modi, minn azzjonijiet ripressivi kontra protesti u l-kriminalizzazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, għal arresti arbitrarji, id-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-BEI jadotta Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-iskop ta' implimentazzjoni tal-objettivi tal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, u tal-Prinċipji ta' Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv tal-proġetti tal-BEI fuq id-drittijiet tal-bniedem, jiġi żgurat li l-proġetti tiegħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem, u jipprovdu rimedji f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; |
48. |
Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-metodoloġija qafas ReM, iżda jemmen li r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet għandhom jiġu divulgati fi kwalunkwe operazzjoni, inkluż l-impatt ambjentali u soċjali fil-livell tal-proġetti jew tas-sottoproġetti; jilqa' r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Mandat ta' Self Estern u, b'konsegwenza ta' dan, il-BEI issa, fuq talba, se jikkomunika l-iskedi ReM lill-Parlament għal proġetti koperti mill-garanzija tal-baġit tal-UE; jistieden lill-BEI, madankollu, biex jippubblika aktar skedi ReM għall-proġetti individwali barra mill-UE u skedi ta' valutazzjoni tat-Tliet Pilastri għall-proġetti fl-UE sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-Bank; |
49. |
Jistieden lill-BEI jippubblika d-dokumenti kollha rilevanti fir-rigward ta' self lill-industrija awtomobilistika għall-iżvilupp ta' teknoloġiji diesel, inkluż ir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) rispettiv, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar self tal-BEI lil Volkswagen, u b'mod aktar ġenerali jispjega sa fejn ingħataw selfiet lill-kumpaniji tal-karozzi li jinsabu li jkunu mmanipulaw l-emissjonijiet u jipprovdi ħarsa ġenerali ta' kemm minn dawn is-selfiet ġew magħduda bħala azzjoni klimatika; jitlob, f'dan il-kuntest, għal kjarifika dwar kontrolli u bilanċi fis-seħħ sabiex tkun żgurata orjentazzjoni ġenwina ta' teknoloġija nadifa għal aktar kuntratti ta' self reċenti lill-kumpaniji tal-karozzi, bħal dawk li jappoġġaw attivitajiet ta' riċerka u żvilupp fl-oqsma ta' konnettività, ta' magni ibridi petrol-electriku effiċjenti, ta' karozzi elettriċi fuq distanza tas-sewqan itwal u ta' sistemi ta' assistenza ta' sewqan avanzati; |
50. |
Jilqa' l-adozzjoni mill-Grupp tal-BEI ta' standards ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont għolja għall-attivitajiet tiegħu ta' self lill-SMEs, u l-fatt li r-rappurtar obbligatorju mill-intermedjarji finanzjarji għal kull SME li bbenefika mill-appoġġ tal-Grupp tal-BEI se jieħu kont ta' dawn ir-riżultati meta jitqiesu tranżazzjonijiet sussegwenti mal-istess intermedjarju; |
51. |
Jissottolinja li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (9), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (10), l-UPPE għandu jeżamina l-operazzjonijiet tal-BEI fl-Istati Membri kull meta l-awtoritajiet nazzjonali jew l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ikollhom raġuni biex jissuspettaw li jkun sar reat kriminali f'dan il-kuntest; |
52. |
Jinnota l-informazzjoni limitata eżistenti dwar il-punt sa fejn l-attivitajiet ta' self tal-BEI jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden, għalhekk, lill-BEI jippreżenta kapitoli speċjali, kif xieraq, fir-rapport annwali tiegħu, iddedikat għall-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet tal-BEI mmirati lejn l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, inklużi l-attivitajiet relatati mal-Interreg u biex jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-użu tas-self fil-proġetti u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni, b'referenza wkoll għad-distribuzzjoni ġeografika tal-appoġġ, il-kontribut effettiv tiegħu għall-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, inklużi l-prinċipji orizzontali u l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, u l-kapaċità konkreta biex jiġi mobilizzat l-investiment privat; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-responsabbiltà tal-BEI li jipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Qorti tal-Awdituri u oħrajn b'data suffiċjenti, inkluż dwar l-ispejjeż u l-ġestjoni tal-prodotti tiegħu, u jqis ukoll il-valur miżjud tad-data aggregata fil-livell tal-UE dwar il-kombinazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u investimenti relatati mal-BEI; |
Attivitajiet finanzjarji tal-Grupp tal-BEI
53. |
Jistieden lill-Grupp tal-BEI jikkollabora b'mod attiv mal-Kummissjoni fi proċess ta' razzjonalizzazzjoni tan-numru u t-tipi ta' strumenti finanzjarji taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u biex jantiċipa l-proċess billi jiġbed l-attenzjoni, bħala l-ewwel pass, għal kwalunkwe duplikazzjoni jew trikkib, abbażi tal-esperjenza tiegħu stess; |
54. |
Jemmen li l-istrumenti finanzjarji tal-Grupp tal-BEI għandhom iservu proġetti magħżula fuq il-bażi tal-merti tagħhom, il-potenzjal tagħhom biex jiġġeneraw valur miżjud għall-UE kollha kemm hi, u addizzjonalità effikaċi, speċjalment f'oqsma fejn is-swieq ma jirnexxilhomx jiffinanzjaw u jappoġġaw proġetti, li jsibu l-bilanċ ġust bejn profil ta' riskju potenzjalment ogħla u l-ħtieġa fundamentali li tinżamm l-affidabbiltà kreditarja għolja; |
55. |
Iwissi, f'dan ir-rigward, li l-istrumenti bbażati fuq is-suq jirriskjaw jibdlu l-attenzjoni tal-baġit tal-UE mill-beni komuni pubbliċi tal-UE, u jħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI jsaħħaħ r-rappurtar tiegħu lill-Kummissjoni dwar il-kwalità u mhux il-kwantità tal-finanzjament tiegħu fil-kuntest tal-istrumenti finanzjarji; |
56. |
Jinnota li sabiex isir użu sħiħ mill-kapaċità li jinġarru riskji addizzjonali, il-Grupp tal-BEI qed jiżviluppa diversi prodotti ġodda li jippermettu teħid tar-riskju ogħla (pereżempju, dejn subordinat, tip ta' ekwità, kondiviżjoni tar-riskju mal-banek), u eżamina mill-ġdid il-politika tar-riskju tal-kreditu u l-eliġibbiltajiet tiegħu sabiex jippermetti aktar flessibbiltà; |
57. |
Jistieden lill-Grupp tal-BEI jkompli jiżviluppa l-kultura tar-riskju tiegħu sabiex itejjeb l-effikaċja tiegħu u l-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn l-interventi tiegħu u diversi politiki tal-UE, b'mod partikolari billi jappoġġa kumpaniji innovattivi, proġetti ta' infrastruttura u SMEs li qed jieħdu riskji jew jevolvu f'reġjuni ekonomikament żvantaġġati jew reġjuni li m'għandhomx stabbiltà, f'konformità mal-objettiv rikorrenti u fit-tul ta' aċċess aktar faċli għall-finanzjament għall-SMEs, iżda mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji ta' ġestjoni tajba jew jiġi mhedded il-livell għoli ta' affidabbiltà kreditarja tal-BEI; ifakkar li sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE kif ukoll għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-istrumenti tat-trasferiment tar-riskju ta' kreditu ma jistgħux ikunu mingħajr riskju; jenfasizza li l-BEI u l-azzjonisti tiegħu jeħtiġilhom ikunu konxji bis-sħiħ dwar dan; iħeġġeġ lill-BEI jivvaluta l-possibbiltà li joffri bonds tal-BEI għax-xiri dirett; |
58. |
Jinnota li l-appoġġ tal-Grupp tal-BEI lill-SMEs u lil kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jammonta għal rekord ta' EUR 33,6 biljun u jappoġġa l-ħolqien ta' 4,4 miljun impjieg fl-2016; jenfasizza l-importanza li l-Grupp tal-BEI jipprovdi appoġġ kontinwu lill-SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja billi jsaħħaħ l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u għandhom jibqgħu fil-mira prinċipali tal-attivitajiet ta' self tal-Grupp tal-BEI billi jissaħħu ulterjorment l-istrumenti ta' finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; |
59. |
Ifakkar li aktar minn 90 % tal-SMEs fl-UE huma mikrointrapriżi li jipprovdu kważi 30 % tal-impjiegi fis-settur privat; jirrimarka li l-mikrointrapriżi huma aktar vulnerabbli għax-xokkijiet ekonomiċi mill-kumpaniji akbar u jistgħu jibqgħu mhux moqdija biżżejjed fil-forniment tal-kreditu partikolarment meta dawn ikunu bbażati f'reġjun fejn il-kuntest ekonomiku u bankarju ma jkunx favorevoli; jistieden lill-BEI jfassal strateġija biex jirrimedja l-fatt li dawn l-SMEs għandhom diffikultajiet f'dawn iċ-ċirkustanzi biex jiksbu aċċess għall-finanzjament tal-proġetti; |
60. |
Jirrikonoxxi li l-aċċess għall-finanzjament għadu ostaklu ewlieni għat-tkabbir tal-industriji kulturali u kreattivi (CCIs); jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' inizjattivi ta' finanzjament li jsaħħu dawn l-industriji; jenfasizza l-potenzjal tal-BEI u l-FEIS li jappoġġaw is-settur kreattiv, prinċipalment permezz tal-finanzjament tal-SMEs; jistieden lill-BEI jindirizza n-nuqqas ta' finanzjament tal-FEIS lis-CCIs billi jinvestiga l-possibbiltà ta' interazzjonijiet mal-Ewropa Kreattiva; |
61. |
Jistieden lill-Grupp tal-BEI jistrieħ aktar fuq intermedjarji finanzjarjament sodi, bħall-banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u reġjonali (NPBIs), għall-istruzzjoni ta' ċerti tipi ta' proġetti, li ma jipperikolawx il-livell għoli ta' affidabbiltà kreditarja tiegħu; |
62. |
Iqis li bosta mir-regoli ta' governanza tal-Grupp tal-BEI huma mfassla biex jissalvagwardjaw il-livell għoli ta' affidabbiltà kreditarja tiegħu, iżda li hemm ftit li xejn informazzjoni disponibbli dwar kemm il-Grupp tal-BEI huwa qrib ta' rata iktar baxx; |
63. |
Jissottolinja li d-diliġenza dovuta tal-proġetti ta' investiment finanzjati mill-Grupp tal-BEI għandhom ikunu bbażati kemm fuq fatturi li għandhom x'jaqsmu mad-dħul finanzjarju kif ukoll ma' fatturi mhux relatati mad-dħul finanzjarju, iżda minflok mal-kisba ta' tipi oħra ta' objettivi, bħal pereżempju il-kontribut tal-proġett għal konverġenza ekonomika 'l fuq u għall-koeżjoni fl-UE, jew biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 jew l-SDGs; iqis li l-Grupp tal-BEI għandu jispjega dawn il-kriterji mhux finanzjarji lil investituri istituzzjonali u privati (pereżempju, il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni) b'mod xieraq, biex b'hekk jippromwovi żieda fl-enfasi dwar l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali fis-settur finanzjarju kollu; |
64. |
Jemmen li f'każijiet fejn il-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq finanzjarju jwaqqfu r-realizzazzjoni ta' proġett vijabbli jew fejn ikun meħtieġ li jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment jew il-finanzjament ta' proġetti f'setturi jew oqsma li qed jesperjenzaw tnaqqis sinifikanti tas-suq jew sitwazzjoni ta' investiment subottimali, il-Grupp tal-BEI għandu jimplimenta u jiddokumenta bidliet, b'mod partikolari għar-remunerazzjoni tal-garanzija tal-UE lill-BEI, sabiex jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-ispejjeż ta' finanzjament sostnuti mill-benefiċjarju ta' finanzjament tal-Grupp tal-BEI permezz ta' strumenti finanzjarji, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-proġett; jemmen li għandhom isiru sforzi simili, fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jappoġġaw proġetti żgħar, u li meta l-użu ta' intermedjarji lokali jew reġjonali jippermetti tnaqqis fl-ispejjeż ta' strument finanzjarju għall-finanzjament ta' proġetti żgħar, din il-forma ta' użu għandha tiġi kkunsidrata wkoll; |
65. |
Jilqa' l-istrateġija ta' ekwità approvata dan l-aħħar li tinvolvi aktar evalwazzjoni ta' operazzjonijiet ta' titoli tat-tip ta' ekwità biex jiġi indirizzat id-distakk fil-finanzjament tal-ekwità fl-innovazzjoni u oqsma ta' prijorità tal-infrastruttura fl-UE, b'mod partikolari fiż-żewġ oqsma tas-suq: finanzjament indirett ta' ekwità (investiment ta' ekwità fil-fondi għall-infrastruttura u għal programmi ta' koinvestiment) u finanzjament dirett tat-tip ta' ekwità (self ta' kważi ekwità lil korporattivi u self ta' kważi ekwità lil kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja) b'taħlita ta' strumenti diretti u indiretti (fondi ta' ekwità u self ta' parteċipazzjoni); |
66. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-FEI li diġà ta lil pjattaformi ta' finanzjament kollettiv fi ħdan l-ambitu tal-attivitajiet eżistenti, ir-rieda li jitkompla l-appoġġ ta' pjattaformi b'mod selettiv fi ħdan l-ambitu, jew permezz ta' espansjoni ta' programmi eżistenti, u l-ħidma mwettqa b'mod konġunt mal-Kummissjoni dwar proġett pilota rigward id-dejn potenzjali u l-finanzjament kollettiv tal-ekwità; jissuġġerixxi li l-FEI jsib modi biex jidentifika u jilħaq l-intermedjarji finanzjarji gwidati mis-settur FinTech u li jeħtieġu appoġġ; |
67. |
Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u timmonitorja bir-reqqa l-kost assoċjat mal-għadd ta' mandati mogħtija lill-BEI; ifakkar li l-kost amministrattiv assoċjat jista' jkollu impatt fuq il-prestazzjoni ġenerali tiegħu minħabba l-livell attwali ta' riżorsi finanzjarji u umani; |
68. |
Jenfasizza li r-rwol tal-BEI fil-politika ta' koeżjoni qed jiżdied, speċjalment minħabba ż-żieda fl-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-kombinazzjoni ma' għotjiet; jenfasizza, madankollu, li l-aċċessibbiltà tagħhom għal riċevituri finali għadha baxxa ħafna u li l-Istati Membri u r-reġjuni jenfasizzaw il-kumplessità tal-proċeduri, stabbiliti kemm fir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), inklużi l-ispejjeż u t-tariffi sproporzjonati, kif ukoll il-kompetizzjoni ma' strumenti nazzjonali u reġjonali aktar attraenti; jilqa', f'dan il-kuntest, l-istabbiliment tal-pjattaforma fi-compass bħala punt ċentrali għal servizzi konsultattivi dwar strumenti finanzjarji fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni; jitlob, madankollu, aktar assistenza teknika u simplifikazzjoni tal-proċeduri eżistenti, kif ukoll konċentrazzjoni akbar fuq il-bini tal-kapaċità fir-rigward ta' intermedjarji finanzjarji, u jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa għal rabta aħjar bejn l-ispejjeż u t-tariffi tal-ġestjoni mal-prestazzjoni tal-maniġer tal-fondi tal-istrumenti finanzjarji fl-ambitu tal-Fondi SIE; ifakkar, madankollu, li l-għotjiet, li huma forma effikaċi ta' sostenn f'bosta oqsma ta' intervent pubbliku, iridu jinżammu bħala l-għodda ewlenija għall-politika ta' koeżjoni u li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu kkonċentrati f'dawk is-setturi fejn dawn għandhom valur miżjud ogħla minn għotjiet, filwaqt li l-użu tagħhom jibqa' fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni; jirrimarka li qafas aktar b'saħħtu tal-impenn tal-BEI mal-Parlament Ewropew jeħtieġ jiġi promoss sabiex ikun jista' jsir skrutinju aħjar tal-attivitajiet tal-BEI; |
Komunikazzjoni u attivitajiet konsultatttivi tal-Grupp tal-BEI
69. |
Jiddispjaċih li l-benefiċjarji potenzjali ta' finanzjament tal-Grupp tal-BEI ma jkunux ġeneralment konxji biżżejjed tal-prodotti żviluppati mill-Grupp tal-BEI; jistaqsi jekk il-katina tal-provvista tal-Grupp tal-BEI hijiex biżżejjed differenti u inklużiva; |
70. |
Jemmen li l-komunikazzjoni tal-grupp tal-BEI, f'kooperazzjoni mas-sħab nazzjonali rilevanti tiegħu, għandha tittejjeb sabiex jiżdied l-għarfien tal-SMEs dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament tagħhom u biex iċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar proġetti lokali u konkreti ffinanzjati mill-UE; |
71. |
Jilqa', f'dan ir-rigward, is-sħubijiet li qed jiġu konklużi ma' istituzzjonijiet internazzjonali u nazzjonali sabiex tiġi żgurata komplementarjetà fis-servizzi konsultattivi tal-BEI; |
72. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data disponibbli dwar ir-rwol tal-BEI f'kull stadju taċ-ċiklu tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u l-informazzjoni limitata dwar kemm l-attivitajiet ta' self tal-BEI jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi, u jitlob biex isiru aktar sforzi biex tinkiseb aktar trasparenza u komunikazzjoni aħjar bil-ħsieb li jiżguraw li l-informazzjoni tasal għand benefiċjarji finali fil-livell reġjonali u lokali u li tiżdied l-viżibbiltà tal-proġetti; |
73. |
Jistenna li l-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jkomplu jaħdmu u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, fl-ispirtu tal-komplementarjetà, ma' banek u istituzzjonijiet nazzjonali promozzjonali biex joħolqu aktar sinerġiji mal-Fondi SIE u mas-self u strumenti ta' finanzjament tal-BEI kif ukoll biex inaqqsu l-piż amministrattiv, jissimplifikaw l-proċeduri, iżidu l-kapaċità amministrattiva, jagħtu spinta lill-iżvilupp territorjali u l-koeżjoni u jtejbu l-ftehim tal-Fondi SIE u tal-finanzjament tal-BEI peress li l-banek u istituzzjonijiet nazzjonali promozzjonali għandhom għarfien sod fit-territorji rispettivi tagħhom u l-kapaċità li jimplimentaw strumenti finanzjarji mfassla apposta fil-livell lokali; |
o
o o
74. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 128, 19.5.2017, p. 1.
(2) ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34.
(3) ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1.
(4) http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/10/10/conclusions-climate-change/pdf
(5) Pereżempju, proġetti validi u kklassifikati tajjeb li ma jirċivux finanzjament mill-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika.
(6) Il-BEI, il-FEI u l-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli.
(7) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014. (Testi adottati, P8_TA(2016)0200).
(8) http://www.eib.org/attachments/general/reports/ig_fraud_investigations_ activity_report_2016_en.pdf