Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0004

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2018 dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-SDGs 2030 (2017/2055(INI))

    ĠU C 458, 19.12.2018, p. 9–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 458/9


    P8_TA(2018)0004

    Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-SDGs 2030

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2018 dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-SDGs 2030 (2017/2055(INI))

    (2018/C 458/02)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Novembru 2016 dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna” (JOIN(2016)0049),

    wara li kkunsidra l-abbozz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2017 dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”,

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Marzu 2017 dwar il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna” (JOIN(2016)0049) (1),

    wara li kkunsidra d-dokument adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli” u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) inklużi fih,

    wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 14 tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDG 14) li jħeġġeġ il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-finijiet ta' żvilupp sostenibbli,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016 u l-Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tiegħu mmirati lejn it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 1993 u l-miri ta' Aichi tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 adottati f'Ottubru 2010,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li hija kkomplementata bil-Ftehim għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna, il-Kodiċi ta' Kondotta tan-Nazzjonijiet Uniti għal Sajd Responsabbli u l-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tat-3 ta' Marzu 1973,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra d-dokument adottat fil-Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani fid-9 ta' Ġunju 2017 fi New York bit-titolu “Our Ocean, Our Future: Call for Action” (l-Oċean Tagħna, il-Futur Tagħna, Sejħa għal Azzjoni),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sigurtà tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari” (COM(2015)0614),

    wara li kkunsidra l-mandat ta' nnegozjar tal-14 ta’ Marzu 2017 tiegħu dwar il-pakkett dwar l-iskart (2) (proposti għall-emenda tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (3), id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (4), id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (5), id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (6), id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (7), u d-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (8)),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina),

    wara li kkunsidra l-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (COM(2007)0575) tal-2007 u r-Rapport ta' Progress tagħha tal-2012 (COM(2012)0491),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata (9),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2009 bit-titolu “Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2009)0536),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/1625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (10),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (11),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta' Ġunju 2014,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (12),

    wara li kkunsidra l-mandat ta' nnegozjar tiegħu tal-15 ta’ Frar 2017 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku (14),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu u l-valutazzjoni kontinwa tal-impatt dwar l-estensjoni ta' Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet tal-Kubrit fl-Ilmijiet Ewropej,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-pajjiżi tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex jiġu introdotti Żoni deżinjati ta' Kontroll għall-Emissjonijiet tal-Ossidu tan-Nitroġenu (NECAs),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u l-garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore (15),

    wara li kkunsidra r-rapport dwar il-politika tal-European Academies Science Advisory Council tat-28 ta' Jannar 2016 dwar “Marine sustainability in an age of changing oceans and seas” (Is-sostenibbiltà marina fi żmien fejn l-oċeani u l-ibħra qed jinbidlu),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament ta' Novembru 2015 imħejjija fuq talba tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament dwar “Emission Reduction Targets for International Aviation and Shipping” (Miri għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet għall-Avjazzjoni u t-Tbaħħir Internazzjonali) (PE 569.964),

    wara li kkunsidra l-Anness dwar “Azzjoni biex tixpruna t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa” għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” (COM(2016)0860),

    wara li kkunsidra r-raba' edizzjoni tal-Konferenza “Our Ocean” (l-Oċean Tagħna) ospitata mill-Unjoni Ewropea f'Malta fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2017,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata (IMP) – Evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda (16),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 bit-titolu “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali” (COM(2014)0086),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Prijoritajiet għall-politika tal-UE dwar it-trasport marittimu sal-2020: Kompetittività, Dekarbonizzazzjoni, Diġitalizzazzjoni biex jiġu żgurati l-konnettività globali, suq intern effiċjenti u settur marittimu ta' livell dinji” (9976/17),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) dwar “Marine protected areas in Europe's seas” (Żoni protetti tal-baħar fl-ibħra Ewropej) (EEA 3/2015),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2017 bit-titolu “Realising the potential of the outermost regions for sustainable blue growth” (Studju: it-twettiq tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi għal tkabbir blu sostenibbli),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ħelsinki tal-1992 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku li daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Jannar 2000, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Baħar Baltiku ta' HELCOM, adottat mill-istati kostali kollha u l-UE fl-2007, u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f Ġunju 2015 dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar ta' żoni li jinsabu lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012, bit-titolu “It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012)0494),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Jannar 2014 dwar l-Enerġija Blu: Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn (COM(2014)0008),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar it-Tkabbir Blu: It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE (17),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għas-Sajd (A8-0399/2017),

    A.

    billi hemm qbil ġenerali li s-saħħa ambjentali tal-oċeani tinsab taħt theddida sinifikanti u f'riskju li ġġarrab ħsara irriversibbli jekk ma jittwettqux sforzi mmirati u kkoordinati mill-komunità dinjija;

    B.

    billi l-akkumulazzjoni u t-tixrid tal-iskart fil-baħar jistgħu jkunu waħda mit-theddidiet li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla għas-saħħa tal-oċeani tad-dinja; billi l-mikroplastiks huma ta' tħassib partikolari minħabba li d-daqs żgħir tagħhom jagħmilhom aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta' organiżmi (tjur tal-baħar, ħut, maskli, lugworms u żooplankton); billi l-madwar 150 miljun tunnellata ta' plastiks li akkumulaw fl-oċeani tad-dinja jikkawżaw ħsara serja ambjentali u ekonomika, inklużi għall-komunitajiet kostali, it-turiżmu, it-tbaħħir u s-sajd;

    C.

    billi l-pressjonijiet attwali fuq l-ambjent tal-baħar jinkludu ħsara lill-ħabitats u l-ekosistemi, sustanzi ta' ħsara persistenti fis-sedimenti u l-korpi tal-ilma, degradazzjoni tal-iskollijiet tal-qroll, speċijiet aljeni invażivi, tniġġis u arrikkiment tan-nutrijenti u t-traffiku marittimu, kif ukoll l-isfruttament tal-materja prima u l-isfruttament żejjed tal-ispeċijiet tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, u t-tisħin tal-ilmijiet ikkawżat mit-tibdil fil-klima;

    D.

    billi madwar 4,8-12,7 miljun tunnellata ta' fdalijiet tal-plastik bħall-imballaġġ tal-ikel u fliexken tal-plastik telgħu fuq ix-xtut fl-2010 biss (18), li jikkorrispondu għal madwar 1,5-4,5 % tal-produzzjoni totali tal-plastik tad-dinja, u sal-2020 l-ammont kumulattiv tal-iskart se jwassal għal żieda ta' għaxar darbiet iżjed fl-ammont totali ta' plastik mormi fil-baħar;

    E.

    billi “żibel” tfisser skart ta' daqs żgħir f'żoni aċċessibbli għall-pubbliku li ġie mormi b'mod ħażin fl-ambjent (fuq l-art, fl-ilma ħelu u fil-baħar), kemm jekk intenzjonalment kif ukoll b'negliġenza;

    F.

    billi aktar minn 100 miljun tunnellata fi skart tal-plastik u ta' mikroplastiks huma ta' theddida għall-oċeani u jipperikolaw l-eżistenza tagħhom;

    G.

    billi jekk ma jkunx hemm bidliet sinifikanti, sas-sena 2100 aktar minn nofs l-ispeċijiet tal-baħar tad-dinja jistgħu jkunu kważi ġew estinti;

    H.

    billi l-użu tal-plastik għall-prodotti tal-konsumatur qed isir dejjem aktar mifrux, u l-produzzjoni żdiedet b'mod kostanti minn meta l-materjal beda jintuża għall-ewwel darba b'mod wiesa' nofs seklu ilu, li fl-2015 wassal għall-manifattura globali ta' madwar 322 miljun tunnellata ta' plastik; billi l-produzzjoni li qed tikber, flimkien maż-żewġ bidliet fil-mod kif nużaw il-plastik u l-iżviluppi demografiċi, wasslu għal żieda fl-ammont tal-fdalijiet tal-plastik mormija fl-oċeani tagħna; billi jekk tkompli din ix-xejra, skont il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (l-UNEP), sal-2050 se jkunu akkumulaw kważi 33 biljun tunnellata ta' plastik;

    I.

    billi 80 % taż-żibel fil-baħar ġej mill-art u, għalhekk, il-problema taż-żibel fil-baħar ma tistax tiġi ttrattata b'mod effettiv matul iż-żmien mingħajr ma l-ewwel jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' politika u azzjoni effettivi biex iż-żibel fuq l-art jitnaqqas u jitrażżan;

    J.

    billi l-aktar forom komuni ta' fdalijiet huma l-filtri tas-sigaretti, il-basktijiet tal-plastik, it-tagħmir tas-sajd bħax-xbieki, u kull tip ta' imballaġġ; billi bejn 60 % u 90 % tal-kumulu tal-fdalijiet tal-baħar ġew manifatturati bl-użu ta' xi polimeru tal-plastik jew aktar, bħall-polietilen (PE), il-polietilentereftalat (PET), il-polipropilen (PP) u l-klorur tal-polivinil (PVC), li kollha kemm huma għandhom żmien ta' degradazzjoni estremament twil; billi bħala riżultat, il-maġġoranza tal-plastik immanifatturat illum se jdum deċennji jew saħansitra sekli biex jisparixxi;

    K.

    billi r-rimi tal-iskart jikkawża mewt u mard għall-ħajja selvaġġa marina permezz tas-soffokazzjoni, it-tħabbil u l-intossikazzjoni; billi l-materjali tal-plastik li jitkissru mill-mewġ u mid-dawl tax-xemx f'mikropartikuli b'dijametru ta' anqas minn 5 mm jispiċċaw fl-istonku tal-ħlejjaq tal-baħar bħall-maskli, id-dud u ż-żooplankton, filwaqt li n-nanoplastik li d-daqs tiegħu bilkemm jilħaq in-nofs millimetru jippenetra l-membrani taċ-ċelloli u n-nuklei ta' annimali żgħar tal-baħar; billi l-fdalijiet tal-plastik li huma inviżibbli għall-għajn jidħlu fis-sors proprju tal-katina alimentari;

    L.

    billi skont l-UNEP, il-kost kapitali naturali stmat tal-fdalijiet tal-plastik fil-baħar ilaħħaq madwar USD 8 biljun fis-sena (19), filwaqt li s-sajd, it-trasport bil-baħar, it-turiżmu u l-industrija tad-divertiment huma biss uħud mill-ħafna setturi affettwati mit-tniġġis tal-baħar;

    M.

    billi sakemm ikun hemm definizzjoni miftiehma fuq livell internazzjonali tal-bijodegradibbiltà (fl-ambjent tal-baħar), l-adozzjoni ta' prodotti tal-plastik ittikkettjati bħala “bijodegradabbli” mhux se twassal għal tnaqqis sinifikanti, la fil-kwantità tal-plastik li jidħol fl-oċeani, u lanqas fir-riskju ta' impatti fiżiċi u kimiċi fuq l-ambjent tal-baħar;

    N.

    billi t-tniġġis tan-nutrijenti (l-ewtrofikazzjoni) li ġej minn diversi sorsi, inkluż l-iskol agrikolu u l-iskariku tad-drenaġġ u tal-ilma mormi, jgħabbi b'mod eċċessiv lill-ambjenti tal-baħar b'konċentrazzjonijiet għolja ta' nitroġenu, fosforu, u nutrijenti oħrajn, li jistgħu jipproduċu poliferazzjonijiet kbar tal-algi, li wara li jmutu d-dekompożizzjoni tagħhom tikkonsma l-ossiġenu filwaqt li toħloq “żoni mejta” ipotossiċi jew b'nuqqas ta' ossiġenu, fejn il-ħut u ħajjiet oħra tal-baħar ma jkunux jistgħu jgħixu; billi fid-dinja huwa stmat li jeżistu 500 żona mejta u ħafna aktar żoni jsofru l-effetti ħżiena tal-livell għoli ta' tniġġis tan-nutrijenti;

    O.

    billi minħabba d-dipendenza estrema tagħhom fuq il-ħsejjes taħt l-ilma għall-funzjonijiet bażiċi tal-ħajja, bħat-tiftix għall-ikel u għas-sħab u n-nuqqas ta' kwalunkwe mekkaniżmu li jħarishom kontra dan, il-ħlejjaq tal-baħar huma mhedda minn ħsejjes industrijali mit-tbaħħir, l-esplorazzjoni sismika u s-sonar navali użat għal eżerċizzji ta' taħriġ ta' rutina, li jistgħu jirriżultaw fi ħsara għas-smigħ, iwasslu sabiex is-sinjali ta' komunikazzjoni u navigazzjoni tagħhom jiġu mgħottija, kif ukoll għal problemi psikoloġiċi u riproduttivi;

    P.

    billi n-nuqqas ta' bijodiversità fil-baħar qed idgħajjef l-ekosistema tal-oċean u l-kapaċità tiegħu li jiflaħ għad-disturbi, li jadatta għat-tibdil fil-klima u li jaqdi r-rwol tiegħu bħala regolatur ekoloġiku u tal-klima globali; billi t-tibdil fil-klima minħabba l-attività tal-bniedem għandu impatt dirett fuq l-ispeċijiet tal-baħar billi jibdel l-abbundanza, id-diversità u d-distribuzzjoni tagħhom u jaffettwa l-mod kif jieklu, l-iżvilupp u t-tgħammir tagħhom, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-ispeċijiet;

    Q.

    billi n-natura transkonfinali tal-oċeani tfisser li l-attivitajiet u l-pressjonijiet li dawn jikkawżaw jeħtieġu ħidma kollaborattiva bejn il-gvernijiet fir-reġjuni tal-baħar biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tar-riżorsi kondiviżi; billi l-multipliċità u l-kumplessità tal-miżuri ta' governanza tal-oċeani jeħtieġu, għaldaqstant, firxa wiesgħa ta' kompetenzi esperti interdixxiplinarji kif ukoll kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali;

    R.

    billi ż-żoni ekonomiċi esklussivi (EEZ) tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma mifruxa fuq 25,6 miljun km2, li tista' tgħid kollha jinsabu fir-Reġjuni Ultraperiferiċi u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej, u dan jagħmel lill-Unjoni Ewropea l-akbar żona marittima fid-dinja; billi, għaldaqstant, l-UE għandha rwol ewlieni fit-twaqqif ta' governanza internazzjonali tal-oċeani effettiva u ambizzjuża;

    S.

    billi, skont ir-riċerki, l-impatti diretti tat-tixrid taż-żejt fuq l-organiżmi tal-baħar u s-sistemi u l-proċessi bijoloġiċi jistgħu jinkludu disturbi fl-imġiba u l-mewt ta' speċijiet tal-baħar, poliferazzjonijiet mikrobiċi, ipoksja (tnaqqis ta' konċentrazzjonijiet tal-ossiġnu fl-ilma), effetti tossiċi ta' sustanzi kimiċi użati biex jitferrex iż-żejt u li l-qroll tal-ibħra fondi jmut;

    T.

    billi t-trasport marittimu għandu impatt fuq il-klima globali u fuq il-kwalità tal-arja, b'riżultat tal-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll ta' emissjonijiet mhux tas-CO2, inklużi l-ossidi tan-nitroġenu, l-ossidi tal-kubrit, il-metan, il-materja partikolata u l-karbonju iswed;

    U.

    billi l-prospettar, it-tħaffir, u t-trasport tar-riservi taż-żejt u l-gass li jinsabu taħt qiegħ il-baħar f'ħafna partijiet tad-dinja jistgħu jagħmlu ħsara serja lil żoni tal-baħar sensittivi u jiddisturbaw l-ispeċijiet tal-baħar; billi f'ħafna każijiet l-esplorazzjoni u t-tħaffir taż-żejt u l-gass huma permessi f'Żoni Protetti tal-Baħar (MPAs) jew qribhom;

    V.

    billi l-Artikolu 191 tat-TFUE jimpenja lill-Unjoni għal livell għoli ta' protezzjoni fil-politika ambjentali tagħha, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas;

    W.

    billi r-riskji li joħloq l-użu ta' żejt tal-karburant tqil (HFO) fit-trasport marittimu tal-Artiku huma diversi: fl-eventwalità ta' tixrid, il-karburant dens ħafna jemulsifika, jegħreq u jista' jiġi trasportat tul distanzi twal ħafna jekk jinqabad fis-silġ; it-tixrid tal-HFO joħloq riskji kbar għas-sigurtà tal-ikel tal-komunitajiet indiġeni tal-Artiku li s-sussistenza tagħhom tiddependi fuq is-sajd u l-kaċċa; il-kombustjoni tal-HFO tipproduċi ossidi tal-kubrit u metalli tqal, kif ukoll ammonti kbar ta' karbonju iswed li, meta jiġi depożitat fuq is-silġ tal-Artiku, jistimula l-assorbiment tas-sħana fil-massa tas-silġ u b'hekk jaċċellera l-proċess ta' tidwib u jaffettwa t-tibdil fil-klima; billi t-trasport u l-użu tal-HFO huwa pprojbit mill-OMI fl-ilmijiet ta' madwar l-Antartiku;

    X.

    billi l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu speċjalment fi bliet portwali u f'żoni kostali huma ġġenerati fil-biċċa l-kbira mit-tbaħħir u huma ta' tħassib kbir għas-saħħa pubblika u l-protezzjoni ambjentali fl-Ewropa; billi l-emissjonijiet globali tal-ossidu tan-nitroġenu mit-tbaħħir fl-UE għadhom fil-biċċa l-kbira mhux regolati u huwa stmat li jekk dawn ma jiġux imnaqqsa, fl-2020 ikunu diġà qabżu l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu bbażati fuq l-art (20);

    Y.

    billi, meta jkunu ankrati fil-portijiet, il-vapuri normalment jużaw il-magni awżiljari tagħhom biex jiġġeneraw l-enerġija elettrika għall-komunikazzjonijiet, għad-dawl, għall-ventilazzjoni u għal tagħmir ieħor abbord; billi dan il-ħruq tal-karburant huwa assoċjat mal-emissjonijiet ta' firxa ta' sustanzi niġġiesa bħad-diossidu tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), il-karbonju iswed u l-materja partikolata (PM);

    Z.

    billi l-elettriku mill-art (SSE) jinvolvi l-konnessjoni tal-vapuri man-netwerk tal-elettriku tal-port waqt li jkunu rmiġġati; billi fil-maġġoranza l-kbira tal-postijiet, it-taħlita tal-enerġija użata biex jiġi prodott l-SSE tirriżulta f'anqas emissjonijiet mill-ħruq tal-karburant fuq il-vapuri stess (21); billi l-leġiżlazzjoni attwali bħad-Direttiva tal-Kubrit (Id-Direttiva (UE) 2016/802) tirrikonoxxi b'mod ċar l-użu tal-SSE bħala alternattiva għar-rekwiżit tal-użu ta' karburant għal użu marittimu b'kontenut baxx ta' kubrit, filwaqt li d-Direttiva 2014/94/UE dwar l-Installazzjoni ta' Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-provvista tal-SSE tkun installata bħala prijorità fil-portijiet tan-Netwerk Ewlieni TEN-T, u f'portijiet oħrajn, sal-31 ta' Diċembru 2025;

    AA.

    billi, skont l-evidenza xjentifika ppreżentata fil-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni (AR5) għall-2014 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), it-tisħin tas-sistema tal-klima huwa inekwivokabbli, it-tibdil fil-klima qed iseħħ u l-attivitajiet tal-bniedem kienu l-kawża predominanti tat-tisħin osservat min-nofs is-seklu 20, u l-impatti mifruxa u sostanzjali tat-tibdil fil-klima tiegħu diġà saru evidenti fis-sistemi naturali u tal-bniedem fil-kontinenti u l-oċeani kollha;

    AB.

    billi kważi 90 % tal-enerġija mir-riħ globali tinsab fit-turbolenza fuq l-oċeani tad-dinja, u r-riħ, il-mewġ u l-kurrenti flimkien fihom 300 darba aktar enerġija minn kemm il-bnedmin qed jikkunsmaw bħalissa; billi skont ir-rapport tal-2010 tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Enerġija mill-Oċeani (EU-OEA), sal-2030 l-enerġija installata mill-oċeani tista' tilħaq 3,6 GW, u sa nofs is-seklu titla' għal kważi 188 GW, filwaqt li fl-2050, industrija tal-enerġija mill-oċeani dinjija fl-Ewropa tista' tipprevjeni milli jiġu emessi fl-atmosfera 136,3 miljun tunnellata ta' CO2 fis-sena, u toħloq 470 000 impjieg ekoloġiku ġdid;

    AC.

    billi l-IPCC fl-2015 afferma li sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 2o C minn issa sal-aħħar tas-seklu, terz tar-riżervi taż-żejt, nofs ta' dawk tal-gass u aktar minn 80 % ta' dawk tal-faħam għandhom jibqgħu mhux użati;

    AD.

    billi l-Ftehim ta' Pariġi għandu l-għan li “l-quċċata globali ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tintlaħaq malajr kemm jista' jkun”, sabiex iż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm taħt iż-2o C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jiġu segwiti l-isforzi biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC, filwaqt li l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) riċentement irrapportat li fl-2016 it-tisħin globali żdied għal-livell konsiderevoli ta' 1,1 oC aktar mil-livelli preindustrijali;

    AE.

    billi jekk l-objettiv tal-Ftehim ta' Pariġi ta' żieda fit-temperatura medja ta' ferm taħt iż-2 oC ma jintlaħaqx, ikun hemm impatti ambjentali u kostijiet ekonomiċi enormi, inkluż, fost affarijiet oħra, iż-żieda fil-probabbiltà li jintlaħqu l-punti kritiċi li fihom il-livelli tat-temperaturi jibdew jillimitaw il-kapaċità tan-natura li tassorbi l-karbonju fl-oċeani;

    AF.

    billi l-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut u l-enerġija mill-oċeani (l-enerġija mill-mewġ, l-enerġija mill-marea u l-enerġija termali tal-oċeani) għandhom potenzjal f'termini tal-enerġija nadifa, bil-kundizzjoni li jirrispettaw l-ambjent u l-ekosistemi eżistenti; billi din l-enerġija nadifa toffri lill-UE l-possibbiltà mhux biss li tiġġenera tkabbir ekonomiku u toħloq impjiegi bi kwalifiki għoljin, iżda wkoll li ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha u ssir aktar kompetittiva bis-saħħa tal-innovazzjoni teknoloġika;

    AG.

    billi t-tijib tal-governanza tal-oċeani jgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fuq livell globali għan-negozji, inkluż għas-settur Ewropew tal-enerġija mill-oċeani;

    AH.

    billi t-tniġġis tal-baħar – pereżempju r-rimi dirett jew indirett ta' skart, sustanzi jew enerġija, inklużi s-sorsi ta' ħsejjes taħt il-baħar ikkawżati mill-bniedem – għandu jew jista' jkollu effetti ta' ħsara fuq ir-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi tal-baħar, bil-konsegwenza li l-bijodiversità ssir aktar fqira, li jkun hemm riskji għas-saħħa tal-bniedem, ostakli għall-attivitajiet marittimi u li tinbidel il-kwalità tal-ilmijiet;

    AI.

    billi l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet u n-negozjati fil-fora internazzjonali, bil-ħsieb li tiżgura li l-partijiet kollha kkonċernati jaċċettaw ir-responsabbiltajiet tagħhom f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jew is-sustanzi niġġiesa, u jiffaċċaw l-isfidi dejjem jikbru tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;

    AJ.

    billi l-isfruttament tal-enerġiji rinnovabbli tal-baħar jista' jikkontribwixxi għall-għan tal-awtonomija enerġetika fil-gżejjer żgħar tal-UE;

    AK.

    billi t-trasparenza fl-organizzazzjonijiet internazzjonali hija fattur ewlieni sabiex jiġu sġurati r-responsabbiltà demokratika u l-inklussività;

    AL.

    billi l-ibħra u l-oċeani għandhom il-potenzjal li jsiru sorsi importanti ta' enerġija nadifa; billi dawn l-enerġiji rinnovabbli tal-baħar joffru lill-UE l-possibbiltà mhux biss li tiġġenera tkabbir ekonomiku u toħloq impjiegi bi kwalifiki għoljin, iżda wkoll li ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha u ssir aktar kompetittiva bis-saħħa tal-innovazzjoni teknoloġika; billi l-isfruttar ta' din ir-riżorsa lokali għandu dimensjoni partikolarment importanti għall-istati u r-reġjuni li huma gżejjer, b'mod partikolari r-reġjuni ultraperiferiċi, fejn l-enerġija tal-oċeani tista' tikkontribwixxi għall-awtosuffiċjenza enerġetika u tissostitwixxi l-enerġija prodotta bi prezz għoli bis-saħħa ta' impjanti li jaħdmu bid-diżil;

    It-titjib tal-qafas ta' governanza internazzjonali tal-oċeani

    1.

    Ifakkar ir-rwol essenzjali tal-oċeani u l-ibħra f'li jsostnu l-ħajja fid-dinja, l-iżvilupp sostenibbli, l-impjiegi u l-innovazzjoni, kif ukoll f'li jipprovdu użi u kumditajiet ta' rikreazzjoni; jikkondividi t-tħassib dejjem jikber dwar il-ħtieġa ta' governanza u protezzjoni aktar effettivi u integrati tal-oċeani;

    2.

    Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-azzjonijiet proposti, li jenfasizzaw l-impenn tal-UE li tikseb il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar kif identifikat fl-SDG 14 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU; jirrikonoxxi n-natura transversali tas-suġġett u l-ħtieġa ta' approċċ ikkoordinat u integrat biex tiġi żgurata governanza aħjar tal-oċeani; jitlob lill-UE tassumi rwol ta' tmexxija bħala attur globali biex issaħħaħ il-governanza internazzjonali tal-oċeani u tnaqqas id-diskrepanzi, bis-saħħa tal-għarfien espert tagħha miksub fl-iżvilupp ta' approċċ sostenibbli għall-ġestjoni tal-oċeani;

    3.

    Ifakkar il-karattru integrat u indiviżibbli tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli kollha, kif ukoll l-interkonnessjonijiet u s-sinerġiji bejniethom, u jtenni l-importanza kritika tal-azzjonijiet kollha tal-UE li qed jiġu ggwidati mill-Aġenda 2030, inklużi l-prinċipji affermati mill-ġdid fiha;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenzi ċari, tressaq proposti leġiżlattivi fejn ikun xieraq, u taħdem mal-Istati Membri sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni f'oqsma bħar-riċerka tal-oċeani, il-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija, u biex twaqqaf mekkaniżmi li bihom tappoġġa l-koordinazzjoni, kif ukoll monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi fil-livell tal-UE, sabiex timplimenta b'suċċess l-azzjonijiet imsemmija fil-komunikazzjoni konġunta; jenfasizza d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' “min iniġġes iħallas”, u jissottolinja l-importanza tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fl-azzjonijiet kollha tal-UE dwar il-governanza tal-oċeani;

    5.

    Itenni d-dimensjoni marittima b'saħħitha tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari tal-Għan 14 (Il-Konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar), għalkemm mhux tiegħu biss;

    6.

    Jilqa' u japprova bis-sħiħ id-dokument “Our ocean, our future: Call for Action” (l-Oċean tagħna, il-Futur Tagħna, Sejħa għal Azzjoni) adottat mill-Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani f'Ġunju 2017, bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-SDG 14 biex jiġu kkonservati u biex jintużaw b'mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għal żvilupp sostenibbli; jinnota b'sodisfazzjon kbir l-1 328 impenn volontarju minn gvernijiet, organizzazzjonijiet intergovernattivi u tas-soċjetà ċivili oħrajn, is-settur privat, l-istituzzjonijiet akkademiċi u ta' riċerka u l-komunità xjentifika lejn il-konservazzjoni tal-oċeani u biex iżidu l-kuxjenza dwar l-importanza tal-oċeani għas-sopravivenza tal-bniedem;

    7.

    Ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha assemblaġġ komprensiv ta' għodod leġiżlattivi u tal-ġestjoni ffukati fuq elementi distinti tal-governanza tal-oċeani, iżda, minkejja dan, l-ibħra reġjonali tal-UE għadhom fi stat kritiku u qed isofru minn sfruttament żejjed tar-riżorsi, sustanzi niġġiesa organiċi u inorganiċi li jħallu impatt fuq is-saħħa u l-produttività tal-oċeani, telf tal-bijodiversità, ħabitats degradati, speċijiet invażivi, komunitajiet kostali li qed jonqsu, u kunflitt bejn is-setturi tal-baħar;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-komunikazzjoni konġunta dwar il-governanza tal-oċeani billi tippubblika rapport ta' progress tal-azzjonijiet identifikati u kalendarju preċiż għall-azzjonijiet futuri; u tistabbilixxi rabtiet bejn dawn l-azzjonijiet u l-inizjattivi Ewropej eżistenti kif ukoll l-istrumenti internazzjonali eżistenti;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi, fejn xieraq, inizjattivi lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta' sħubiji fil-qasam tal-oċeani mas-sħab internazzjonali ewlenin, sabiex jitrawwem l-għan ta' governanza globali mtejba u ta' koerenza politika, u biex tibni fuq l-oqfsa ta' kooperazzjoni bilaterali eżistenti bħad-Djalogi ta' Livell Għoli dwar is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi;

    10.

    Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li tipprovdi qafas legali bażiku li bis-saħħa tiegħu jiġu kkoordinati l-isforzi u tinkiseb il-koerenza fl-indirizzar ta' kwistjonijiet globali relatati mal-oċeani; iħeġġeġ lill-Istati Membri kostali jirrispettaw l-obbligu tagħhom skont l-UNCLOS li jipproteġu u jikkonservaw l-ambjent tal-baħar u r-riżorsi ħajjin tiegħu u d-dmir tagħhom li jipprevjenu u jikkontrollaw it-tniġġis marittimu; jinnota li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ħsara kkawżata mill-ksur tal-obbligi internazzjonali tagħhom li jiġġieldu dan it-tniġġis;

    11.

    Jistieden lill-istati jtejbu s-sistema ġuridika tagħhom għall-preservazzjoni tal-oċeani tagħna; jitlob ir-rikonoxximent internazzjonali tal-kunċett tal-ħsara ekoloġika fejn iseħħ it-tniġġis tal-baħar sabiex ikun jista' jintalab kumpens meta jinstab li jkun twettaq ksur; jitlob l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-katina ta' responsabbiltajiet li huwa mfassal biex jiġi determinat min ikun responsabbli għall-ħsara ambjentali kkawżata tul il-linja ta' kmand kollha;

    12.

    Jenfasizza li l-UE għandha tfittex li tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar is-sajd jaqdu parti importanti fl-istrument vinkolanti futur taħt l-UNCLOS fir-rigward tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marina fiż-żoni li jaqgħu lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali;

    13.

    Iħeġġeġ lill-istati kollha jaderixxu mal-istrumenti tas-sajd rilevanti, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Osservanza FAO, il-Ftehim tan-NU dwar Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna, u l-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat, kif ukoll jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ta' dawn l-istrumenti u l-pjanijiet ta' azzjoni internazzjonali oħra tal-FAO;

    14.

    Jilqa' l-progress li sar mill-UE fir-rigward tad-dimensjoni esterna tal-PKS; jisħaq li din id-dimensjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali u dawk ta' sħubija, hija strument importanti li permezz tiegħu jiġu promossi l-istandards ambjentali u soċjali tal-UE u d-dispożizzjonijiet tagħha biex tiġġieled lis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fil-livell internazzjonali;

    15.

    Jinnota li l-Inizjattiva għat-Trasparenza fil-Qasam tas-Sajd (FITI) dan l-aħħar adottat l-istandard globali tagħha; iħeġġeġ lill-istati japplikaw għas-sħubija mal-FITI; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw din l-inizjattiva;

    16.

    Huwa tal-fehma li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-flotta tas-sajd tal-UE huwa tal-akbar importanza, speċjalment meta wieħed iqis l-istandards ambjentali għolja tal-UE u l-istandards tas-sostenibbiltà li l-bastimenti tagħha jridu japplikaw;

    17.

    Jinsisti li l-UE tippromwovi l-istess standards ambjentali għas-sajd fil-forums internazzjonali, u fil-kooperazzjoni bilaterali kollha, bħal dawk li jridu jiġu rrispettati mill-bastimenti tal-UE, ħalli ma tpoġġix il-flotta tagħha stess fi żvantaġġ f'termini ta' sostenibbiltà ekonomika;

    18.

    Ifakkar ir-Riżoluzzjoni 2749 (XXV) tas-17 ta' Diċembru 1970 tan-NU li tagħraf li “qiegħ l-ibħra u l-oċeani, kif ukoll is-sottoswol tagħhom, lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali u r-riżorsi taż-żona huma l-wirt komuni tal-umanità” u l-Artikolu 136 tal-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar li jistipula li “qiegħ l-ibħra u l-oċeani lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll ir-riżorsi tagħhom huma elementi tal-wirt komuni tal-umanità”;

    19.

    Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiefqu jissussidjaw liċenzji ta' esplorazzjoni u estrazzjoni fiż-żoni li jinsabu lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali u jieqfu joħorġu permessi għall-estrazzjoni fil-blat kontinentali tagħhom;

    20.

    Jinnota, barra minn hekk, fir-rigward tal-liġi internazzjonali dwar it-tniġġis tal-arja li, skont l-UNCLOS, l-Istati Membri m'għandhomx permess jispezzjonaw vapuri, anke f'każijiet ta' evidenza solida ta' ksur; jistieden, għalhekk, lill-partijiet tan-NU jsaħħu l-qafas legali tal-UNCLOS bil-għan li jindirizzaw kwalunkwe lakuna eżistenti fil-governanza u li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' infurzar robusti għad-dritt ambjentali internazzjonali;

    21.

    Jitlob it-twaqqif ta' qafas regolatorju internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-iskart u t-tniġġis nukleari fl-oċeani u f'qiegħ l-ibħra, bil-għan li jiġu implimentati miżuri konkreti sabiex jiġi limitat l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u s-saħħa u biex jintemm it-tniġġis ta' qiegħ l-ibħra;

    22.

    Jenfasizza li l-iżgurar tat-trasparenza, inkluż l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f'materji ambjentali kif meħtieġ skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus, kif ukoll il-leġittimità tal-organizzazzjonijiet tal-NU, inkluża r-responsabbiltà pubblika tar-rappreżentanti tal-pajjiż f'korpi internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u l-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar (ISA) hija kwistjoni ta' prijorità fl-indirizzar tan-nuqqasijiet eżistenti fil-governanza; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu mal-ISA sabiex jiżguraw it-trasparenza fil-metodi ta' ħidma tagħha u l-kapaċità effettiva tagħha biex tivvaluta l-impatti ambjentali, kif ukoll li tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-ambjent tal-baħar minn effetti ta' ħsara u l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar kif meħtieġ skont il-Partijiet XI u XII tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri jassumu rwol proattiv u progressiv fi ħdan il-korpi internazzjonali biex iressqu riformi ta' trasparenza u jżidu l-ambizzjoni ambjentali ġenerali tal-azzjonijiet meħuda;

    24.

    Jenfasizza li t-titjib fil-qafas tal-governanza tal-oċeani jinvolvi t-tisħiħ tal-isforzi reġjonali u globali permezz tal-promozzjoni ta' strumenti multilaterali li diġà sar qbil dwarhom, kif ukoll strateġiji u l-implimentazzjoni mtejba tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni trawwem kooperazzjoni marittima internazzjonali akbar, b'mod partikolari fix-xjenza u t-teknoloġija marittimi, kif issuġġerit mill-OECD;

    25.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa kif ukoll koerenza u koordinazzjoni politika fost il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet kollha fil-livelli kollha, inkluż bejn u fost organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, arranġamenti u programmi reġonali u sottoreġjonali; jinnota f'dan ir-rigward ir-rwol importanti ta' sħubiji ta' partijiet ikkonċernati multipli effettivi u trasparenti, u l-involviment attiv tal-gvernijiet mal-korpi globali, reġjonali u sottoreġjonali, il-komunità xjentifika, is-settur privat, il-komunità tad-donaturi, l-NGOs, il-gruppi komunitarji, l-istituzzjonijiet akkademiċi u atturi rilevanti oħrajn;

    26.

    Jitlob li jissaħħu l-oqfsa reġjonali dwar il-governanza tal-ambjent tal-baħar, b'mod partikolari għall-kisba tal-SDG 14; jistieden lill-UE u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jsaħħu, b'mod partikolari permezz tal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp, l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet reġjonali u għall-kisba tal-SDG 14 minn pajjiżi terzi;

    27.

    Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali kostali u r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu inklużi fil-proċess sabiex il-governanza internazzjonali tal-oċeani titressaq aktar qrib iċ-ċittadini tal-UE;

    28.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-sinifikat naturali u kulturali tal-oċeani;

    29.

    Jissottolinja l-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni speċifiku u tanġibbli dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku, li l-punt tat-tluq tiegħu għandhom ikunu l-għanijiet tal-preservazzjoni tal-ekosistemi vulnerabbli tal-Artiku kif ukoll taż-żieda tal-kapaċità tagħhom ta' reżiljenza għall-effetti tat-tibdil fil-klima;

    30.

    Jirrimarka li l-Oċean Artiku ċentrali mhuwiex kopert minn sistemi internazzjonali ta' konservazzjoni jew ta' ġestjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm approċċ ikkoordinat mill-UE u l-Istati Membri għall-prevenzjoni tas-sajd mhux irregolat fl-Oċean Artiku;

    31.

    Itenni s-sejħa magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku, biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikollhom rwol attiv fl-iffaċilitar ta' projbizzjoni miftiehma fuq livell internazzjonali dwar l-użu u l-ġarr abbord f'tankijiet tal-HFO f'bastimenti li jinnavigaw l-ibħra tal-Artiku, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) li bħalissa qed tapplika biex ikunu regolati l-ibħra ta' madwar l-Antartiku; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-riskji ambjentali, soċjali, tas-saħħa u klimatiċi tal-użu tal-HFO fil-pożizzjoni tagħha dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani; jistieden lill-Kummissjoni, fl-assenza ta' miżuri internazzjonali adegwati, biex tressaq proposti dwar regoli għal bastimenti li jidħlu f'portijiet tal-UE qabel ma jivjaġġaw fl-ibħra Artiċi, bil-għan li jiġi pprojbit l-użu u l-ġarr tal-HFO;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jaħdmu b'mod attiv lejn il-finalizzazzjoni rapida tal-pjan ta' ħidma fit-tul tal-OMI għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed (BC) mill-vapuri li jbaħħru fl-Artiku, bil-għan li jitnaqqas il-pass taż-żidiet rapidi fit-temperaturi u t-tidwib aċċellerat tas-silġ polari fir-reġjun;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kundizzjonijiet ekwi fis-suq tax-xogħol fil-qasam marittimu u tiżgura trattament ġust, billi tapplika b'mod effettiv il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd u l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO, u billi twaqqaf qafas soċjali armonizzat għall-attivitajiet marittimi fl-ilmijiet Komunitarji;

    34.

    Jitlob l-introduzzjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol marbuta mas-settur marittimu; ifakkar fil-ħtieġa li jintemmu s-suriet kollha ta' skjavitù li għadhom jeżistu abbord il-bastimenti, u jenfasizza l-impatt li l-kundizzjonijiet mhux sodisfaċenti tax-xogħol jista' jkollhom fuq l-individwi, l-operaturi ekonomiċi u l-ambjent tal-baħar;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sħubiji tal-oċeani mal-atturi ewlenin fis-sura ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni multikulturali jew djalogi bilaterali maħsuba biex jiżguraw koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-SDGs rilevanti għall-oċean, il-promozzjoni ta' tkabbir blu sostenibbli kif ukoll il-preservazzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar, filwaqt li jnaqqsu wkoll il-pressjoni fuq l-oċeani u l-ibħra u joħolqu l-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli;

    36.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-bini tal-kooperazzjoni u l-kapaċità marittima fil-kuntest tal-qafas politiku estern tagħha, fir-rigward tal-oqsma bħall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali, b'mod partikolari l-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, b'mod li jinbnew kapaċitajiet li jindirizzaw l-impatti ta' tibdil fil-klima u ż-żibel fil-baħar kif ukoll tiġi promossa l-governanza aħjar tal-oċeani u tkabbir blu sostenibbli;

    37.

    Jistieden lill-UE ssegwi l-prinċipju li l-allokazzjoni tar-riżorsi tas-sajd trid tqis l-impatt ambjentali u soċjali, u l-bżonnijiet tas-sigurtà tal-ikel, tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll l-aspirazzjonijiet ta' dawk il-pajjiżi li jiżviluppaw is-settur tas-sajd tagħhom stess, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell sostenibbli ta' sajd li ma jwassalx għal eċċess tal-kapaċità tas-sajd, b'konformità mal-miri mogħtija fl-SDG 14;

    38.

    Jistieden lill-UE, b'konformità mal-PKS, timminimizza l-impatti tal-akkwakultura minn fuq l-ambjent billi tiżgura l-forniment sostenibbli tal-għalf u tippromwovi r-riċerka li tiffoka fuq it-tnaqqis tal-pressjoni minn fuq l-istokkijiet tal-ħut selvaġġ li jintuża għall-produzzjoni tal-għalf;

    39.

    Jinnota li l-UE hija l-akbar importatur fid-dinja ta' prodotti tas-sajd u li xi wħud mill-qabdiet jiġu importati minn żoni fejn is-sajd huwa wisq anqas sostenibbli milli fl-ilmijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-UE tuża l-pożizzjoni tagħha f'dan ir-rigward biex tippromwovi żieda fis-sostenibbiltà fil-baċiri tal-baħar kollha;

    40.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jieqfu jisponsorjaw l-liċenzji ta' esplorazzjoni u esplojtazzjoni tat-tħaffir f'baħar fond f'Żoni Lil Hinn mill-Ġurisdizzjoni Nazzjonali u biex ma joħorġux permessi għal minjieri f'baħar fond fuq il-blata kontinentali tal-Istati Membri;

    41.

    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-tisħiħ ta' inizjattivi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin bil-baħar;

    42.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw moratorium internazzjonali fuq il-liċenzji ta' esplojtazzjoni tal-minjieri f'baħar fond kummerċjali sakemm jasal iż-żmien meta l-effetti tal-minjieri f'baħar fond fuq l-ambjent marittimu, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar ikunu ġew studjati u riċerkati biżżejjed u r-riskji kollha possibbli jkunu ġew mifhuma;

    43.

    Jissottolinja l-importanza tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea (EUMSS) u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi s-sigurtà marittima fil-politika esterna, filwaqt li tqis proporzjon kbir tal-merkanzija tiġi ttrasportata bil-baħar, aktar minn 70 % tal-fruntieri esterni huma konfini marittimi u li jeħtieġ tkun iggarantita s-sigurtà tal-passiġġieri li jgħaddu mill-portijiet tal-Unjoni;

    44.

    Jenfasizza l-importanza li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), il-Frontex u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), kull waħda minnhom fi ħdan il-mandat tagħha, biex jiġu appoġġati l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri inkarigati b'funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, u li tkun promossa s-sikurezza u s-sigurtà marittima, tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u jiġi mħares l-ambjent permezz tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis minn installazzjonijiet offshore taż-żejt u tal-gass; huwa tal-fehma li dawn l-aġenziji għandhom jirċievu finanzjament aktar sostanzjali mill-UE, jekk ikun xieraq, biex ikunu jistgħu jwettqu dawn il-kompiti ġodda; jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jiġu żviluppati soluzzjonijiet diġitali – bħall-faċilitazzjoni tal-industrija tat-tbaħħir permezz ta' proċeduri razzjonalizzati għall-formalitajiet ta' rappurtar, u investiment akbar f'infrastruttura komuni għall-kondiviżjoni tad-data mal-Ewropa kollha għall-benefiċċju tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha li jwettqu funzjonijiet ta' gwardja tal-kosta – u teknoloġija marittima avvanzata, bħas-servizzi Marittimi Integrati tal-EMSA, sabiex jittejbu s-sistemi ta' sorveljanza u monitoraġġ għall-attivitajiet marittimi u programmi oħrajn bħall-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) għas-sorveljanza marittima;

    45.

    Jenfasizza li l-ħolqien ta' ekonomija marittima sostenibbli u t-tnaqqis tal-pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar jirrikjedu azzjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima, it-tniġġis ibbażat fuq l-art li jilħaq l-ibħra u l-oċeani, it-tniġġis tal-baħar u l-ewtrofikazzjoni, il-preservazzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar;

    46.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li, skont studju Parlamentari riċenti, filwaqt li l-Ekonomija Blu jista' jkollha impatt soċjoekonomiku pożittiv (f'dawk li huma impjiegi, dħul, u valur miżjud gross), l-impatti ambjentali tagħha huma ġeneralment negattivi, f'dawk li huma alterazzjonijiet tad-dinamika tal-kosta, it-tniġġis tal-baħar, l-ewtrofikazzjoni, il-morfoloġija ta' qiegħ il-baħar u l-alterazzjonijiet tal-ħabitats/tal-ekosistemi/tal-bijodiversità; jinsab mħasseb li l-piż kumulattiv tal-effetti ambjentali jista' jkun ta' ħsara għas-sajd;

    47.

    Jappella biex l-Ekonomija Blu tiġi ggwidata lejn il-bini mill-ġdid tar-reżiljenza tal-komunitajiet kostali bil-ħsieb li l-potenzjal produttiv tal-industrija tas-sajd jitreġġa' għal li kien, u b'hekk ikun qed jingħata appoġġ għas-sigurtà tal-ikel, għat-taffija tal-faqar u għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin; ifakkar li, qabel ma tiġi implimentata kwalunkwe attività fis-setturi tal-Ekonomija Blu, għandu jiġi ggarantit li jitwettqu valutazzjoni tal-impatt u proċess sħiħ ta' informazzjoni u parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha; jinsisti li l-Ekonomija Blu trid tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-SDG 14, jiġifieri l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani u tar-riżorsi tal-baħar;

    48.

    Jemmen li l-investiment fl-ekonomija blu m'għandux jiddependi fuq riżorsi finiti iżda għandhom ikunu ffukati fuq l-“ekoinnovazzjoni”, li ma jaqbiżx ir-rati ta' riġenerazzjoni naturali, il-konservazzjoni tan-natura, u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' adattament;

    49.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi għall-implimentazzjoni f'waqtha tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina sabiex jiksbu status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet tal-baħar għall-2020, b'impenn partikolari biex tiġi evitata l-ħsara lill-ambjent kostali u tal-baħar mit-tniġġis kollu tal-baħar inkluż it-tniġġis tan-nutrijenti u ż-żibel fil-baħar, kif ukoll biex jitneħħew is-sussidji ta' ħsara li jħeġġu s-sajd insostenibbli, u jsaħħu l-ġlieda globali kontra ż-żibel u l-plastik fil-baħar;

    50.

    Iqis il-prevenzjoni, l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik fil-baħar bħala sfida kbira fil-livell internazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq miżuri, bħal li tagħti spinta lill-appoġġ għar-riċerka u li tinkludi s-suġġett fl-ispettru ta' “ekonomija blu” sostenibbli, biex tittrasforma lill-UE fi xprunatur ta' soluzzjonijiet innovattivi, u sabiex tadotta rwol ewlieni fil-livell dinji dwar is-suġġett;

    51.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr id-Direttiva Kwadru u jistabbilixxu qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata tal-kosta, sabiex ikun jista' jsir żvilupp sħiħ u armonjuż tad-diversi attivitajiet marittimi;

    52.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra b'mod b'saħħtu l-kwistjonijiet ta' governanza tal-oċeani fil-politiki ta' għajnuna u ta' żvilupp tagħha;

    53.

    Ifakkar li s-settur tas-sajd huwa ta' importanza tremenda bħala waħda mill-attivitajiet tradizzjonali ewlenin tal-bniedem li jitwettqu fl-ambjent marin, u jikkostitwixxi għalhekk element essenzjali tal-Politika Marittima Integrata; jirrimarka li s-sajd huwa l-aktar settur affettwat mill-bosta użijiet oħra tal-ibħra u mill-ħafna attivitajiet oħra li jseħħu fl-ibħra, bħalma huma t-trasport u t-turiżmu marittimu, l-iżvilupp urban u tal-kosta, l-isfruttament tal-materja prima u tas-sorsi tal-enerġija, u t-tħaffir tal-minjieri f'qiegħ il-baħar, kif ukoll jintlaqat minn fenomeni ambjentali bħalma huma t-tniġġis tal-baħar (fdalijiet tal-plastik, xbieki tas-sajd mormija, tixrid taż-żejt, tniġġis akustiku, rimi tal-ilma tas-saborra, l-estrazzjoni u l-esplorazzjoni mhux ikkontrollati taż-żejt u tal-gass, eċċ.) u t-tibdil fil-klima (livelli tal-baħar li qed jogħlew, temperaturi ta' wiċċ il-baħar li qed isiru aktar sħan, l-għargħar tax-xtut, l-aċidità li qed tiżdied tal-oċeani, eċċ.);

    54.

    Jenfasizza l-importanza tan-nisa fl-industrija tal-frott tal-baħar minħabba li, skont il-FAO, huma jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni ta' ħaddiema f'dik l-industrija; jistieden lill-UE tippromwovi u tipproteġi lin-nisa fl-attivitajiet tas-sajd u fl-industriji relatati mas-sajd, billi tinkuraġġixxi prezzijiet ġusti għall-prodotti tas-sajd u billi tippromwovi li n-nisa attivi fis-sajd jingħataw aċċess aħjar għall-għajnuna pubblika u għar-riżorsi finanzjarji, inkluż f'negozjati mal-pajjiżi terzi dwar l-użu tal-appoġġ settorjali fl-SFPAs, fil-proċess tal-iżvilupp ta' strumenti ta' għajnuna, u fid-diversi fora internazzjonali;

    55.

    Jistenna l-istrateġija li jmiss dwar il-plastiks mill-Kummissjoni, kif ukoll kwalunkwe miżura oħra, inkluż il-Pjan ta' Azzjoni mħabbar riċentement u immirat għall-ġlieda kontra ż-żibel fil-baħar; jitlob li jkun hemm ambizzjoni għolja fl-Istrateġija dwar il-Plastik f'Ekonomija Ċirkolari sabiex tiġi indirizzata b'mod xieraq il-problema taż-żibel fil-baħar f'ras il-għajn, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta azzjonijiet leġiżlattivi konkerti u miżuri vinkolanti f'dan il-qasam, b'mod partikolari dwar id-disinn ekoloġiku għall-plastiks u l-mikroplastiks, u azzjoni biex jitnaqqas l-ammont ta' prodotti użati mormija fuq l-art, speċjalment qrib ix-xmajjar u passaġġi oħrajn tal-ilma u qrib il-kosta; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-iskala tal-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jissieħbu mal-koalizzjoni internazzjonali biex jitnaqqas it-tniġġis mill-basktijiet tal-plastik li tnediet fil-COP 22 f'Marrakech f'Novembru 2016, u biex jappoġġawha;

    56.

    Itenni l-ħtieġa ta' politika dwar il-prodotti maħsuba sewwa li żżid it-tul mistenni tal-ħajja, id-durabbiltà, il-kapaċità tal-użu mill-ġdid u riċiklabbiltà tal-prodotti kif enfasizzat fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar "l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (22), u jkompli jenfasizza li din trid tiġi applikata b'mod urġenti għall-prodotti u l-imballaġġ tal-plastik li jintremew wara l-użu fl-Istrateġija dwar il-Plastiks li ġejja, fid-dawl tal-ħsara ambjentali kkawżata minn dawn l-oġġetti li jispiċċaw żibel fil-baħar;

    57.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet reġjonali u tippromwovi azzjonijiet nazzjonali sabiex jiġi indirizzat iż-żibel fil-baħar bil-għan li dan jiġi eliminat; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tgħin fit-twaqqif ta' proġetti pilota sabiex jinġabar iż-żibel fil-baħar permezz tat-tindif tal-bajjiet u kampanji ta' sajd għaż-żibel, u biex tipprovdi appoġġ finanzjarju lis-sajjieda fl-Ewropa għall-ġbir taż-żibel mill-baħar;

    58.

    Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni ġdida biex tindirizza t-tniġġis tal-mikroplastiks fil-forom kollha tiegħu, iżda b'mod speċifiku billi jiġu pprojbiti l-ingredjenti tal-mikroplastiks fil-prodotti kollha tal-kura personali, u billi jiġi żgurat li n-negozji kollha li jimmaniġġjaw gerbub ta' produzzjoni tal-plastik jimplimentaw protokolli xierqa sabiex jimminimizzaw it-tixrid tal-gerbub;

    59.

    Iqis li t-tniġġis mill-fliexken tal-plastik li ma jistgħux jerġgħu jintużaw huwa kawża ewlenija tat-tniġġis tal-baħar u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' sistema pan-Ewropea ta' depożitu għall-kontenituri tax-xorb li ma jistgħux jerġgħu jintużaw, abbażi tal-mudell Ġermaniż;

    60.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jingħaqdu flimkien u jappoġġaw il-koalizzjoni internazzjonali dwar it-tnaqqis tat-tniġġis mill-basktijiet tal-plastik;

    61.

    Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi pjan aċċettat fuq livell internazzjonali biex jiġu affaċċjati l-konsegwenzi tat-tisħin tal-oċeani, iż-żieda fil-livell tal-baħar u l-aċidifikazzjoni;

    62.

    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, ir-riċiklaġġ u t-tqajjim tal-kuxjenza dwar iż-żibel fil-baħar permezz ta' kampanji nazzjonali ta' sensibilizzazzjoni, programmi edukattivi u kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u l-universitajiet dwar dawn il-kwistjonijiet;

    63.

    Ifakkar il-pożizzjoni tiegħu favur pakkett tal-ekonomija ċirkolari ambizzjuż b'objettivi tal-UE ta' tnaqqis taż-żibel fil-baħar ta' 30 % u 50 % fl-2025 u 2030, rispettivament, kif ukoll miri ta' riċiklaġġ ogħla għall-imballaġġ tal-plastik;

    64.

    Jistieden lill-Istati Membri jżommu l-istess livell ta' ambizzjoni bħall-UE għat-tnaqqis taż-żibel fil-baħar;

    65.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra ż-żibel fil-baħar fl-Ewropa u globalment, billi jiġu indirizzati s-sorsi ta' fuq l-art kif ukoll fil-baħar billi tiġi indirizzata l-problema tar-rimi illegali tal-iskart bħal irkaptu tas-sajd, u tagħti appoġġ finanzjarju għall-ġbir taż-żibel mill-baħar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas iż-żibel fil-baħar mit-tbaħħir partikolarment billi tippromwovi sistema armonizzata ta' rkupru tal-kosti għaż-żibel fil-portijiet Ewropej kollha fir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija; jappella għal aktar finanzjament tar-riċerka dwar id-distribuzzjoni u l-impatt taż-żibel fil-baħar u l-effettività tal-istrateġiji internazzjonali, reġjonali u subreġjonali, fil-ġlieda kontra ż-żibel fil-baħar u sustanzi oħra li jniġġsu;

    66.

    Jenfasizza li l-prinċipju ta' prekawzjoni tal-Unjoni għandu jiġi applikat f'każ ta' kwalunkwe esplorazzjoni tal-minjieri futura potenzjali f'baħar fond; jinsab allarmat mill-insistenza tal-Kummissjoni li l-estrazzjoni tal-minjieri f'baħar fond hija waħda mis-setturi ta' prijorità tal-Unjoni għat-tkabbir blu, minħabba l-evidenza xjentifika li teżisti dwar ir-riskji sinifikanti u irriversibbli tagħha; jinsab imħasseb dwar il-possibilità li l-promozzjoni ulterjuri tal-minjieri f'baħar fond tista' taffettwa b'mod ħażin l-azzjonijiet meħtieġa skont l-SDG 12 (it-tranżizzjoni lejn konsum u produzzjoni sostenibbli);

    67.

    Jenfasizza li l-prinċipju ta' prekawzjoni jrid jiġi applikat għas-settur emerġenti tal-esplorazzjoni tal-minjieri f'baħar fond, u li minħabba t-twissijiet xjentifiċi dwar ħsara sinifikanti u potenzjalment irriversibbli għall-ambjent li qed tiġi assoċjata, iqis li l-UE m'għandhiex tappoġġa l-iżvilupp ta' din l-industrija iżda minflok għandha tinvesti f'alternattivi sostenibbli, u speċifikament fi tranżizzjoni lejn konsum u produzzjoni sostenibbli, kif mitlub fl-SDG 12 tal-Aġenda 2030;

    68.

    Jenfasizza li m'għandhom ikunu permessi l-ebda esplorazzjoni jew tħaffir għaż-żejt jew għall-gass f'Żoni Protetti tal-Baħar (MPAs) u f'żoni vulnerabbli ta' valur għoli ta' konservazzjoni jew qribhom;

    69.

    Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri robusti għall-prevenzjoni tar-rilaxx ta' mikropartikuli u makropartikuli fl-ambjent tal-baħar inkluż tnaqqis ta' 50 % fir-rilaxx tal-iskart sal-2020, miżuri leġiżlattivi għall-industrija bħal projbizzjonijiet fuq plastiks li jintużaw darba biss (fejn ikunu disponibbli alternattivi naturali), u potenzjalment strument legali internazzjonali;

    70.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, jappoġġaw inizjattivi innovattivi teknoloġiċi u finanzjarji li jindirizzaw it-tniġġis tal-oċeani u l-ibħra, sabiex jippromwovu sistemi ta' rkupru effiċjenti għall-iskart mit-tbaħħir, b'mod partikolari l-iskart tal-plastik, fil-portijiet, biex titqajjem kuxjenza fi ħdan is-settur tat-tbaħħir dwar il-konsegwenzi tar-rimi tal-iskart tal-plastik fil-baħar, u biex jingħelbu l-ostakoli ewlenin li jeżistu għall-implimentazzjoni tal-MARPOL;

    71.

    Jenfasizza li l-UE għandha tkun il-mexxej ta' inizjattiva globali sabiex jiġi mmonitorjat u jitnaqqas b'mod sinifikanti r-rimi taż-żibel fl-oċeani; jinnota li l-Istati Membri impenjaw ruħhom għall-għanijiet tad-Direttiva 2008/56/KE (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), li tistipula li l-proprjetajiet u l-kwantitajiet ta' żibel fil-baħar m'għandhomx jikkawżawx dannu għall-ambjent kostali u tal-baħar (Deskrittur 10);

    72.

    Iħeġġeġ l-isforżi għall-ġlieda kontra s-sorsi kollha ta' tniġġis tal-oċeani u ta' qiegħ l-ibħra, inkluż it-tniġġis akustiku, u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet prattiċi fil-livell internazzjonali sabiex jiġi eliminat it-tniġġis tal-oċeani u ta' qiegħ l-ibħra;

    73.

    Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel arranġamenti għal azzjoni internazzjonali għall-monitoraġġ tal-konsegwenzi tat-tisħin tal-oċeani, tal-livelli li jogħlew tal-baħar u tal-aċidifikazzjoni tal-ilmijiet; jappella għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta' programmi xjentifiċi internazzjonali għall-monitoraġġ tat-temperaturi, tas-salanità u tal-assorbiment tas-sħana tal-oċeani, u għat-twaqqif ta' netwerk globali għall-osservazzjoni tal-oċeani sabiex jitjieb is-segwitu tat-tibdil globali tal-oċeani u sabiex ikun hemm tbassir aħjar tal-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-iffunzjonar tal-oċeani, l-assorbiment tal-karbonju u l-ġestjoni ta' riżorsi tal-baħar ħajjin;

    74.

    Jenfasizza l-importanza ta' approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja għall-prodotti tal-plastik, inkluża l-kunsiderazzjoni tad-degradazzjoni ta' polimeri differenti u r-rata ta' frammentazzjoni (fl-ambjent tal-baħar), li għandhom jinkisbu billi jiġu internalizzati l-kostijiet ambjentali u soċjali tal-prodotti (l-internalizzazzjoni tal-kostijiet), jissaħħaħ il-proċess tal-għeluq taċ-ċiklu fl-iżvilupp u l-manifattura tal-prodotti u l-proċessi, kif ukoll fil-katini taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tal-plastik, jittejjeb it-tul tal-ħajja tal-prodotti, jiġi promoss akkwist pubbliku u privat ekoloġiku, jiġu promossi fost l-oħrajn prinċipji u oqfsa ta' inġinerija ekoloġika, l-ekodisinn u l-ekotikkettar, u tissaħħaħ il-ħila tal-atturi privati, inklużi l-SMEs, li jaqilbu għal proċessi ta' produzzjoni li jirrispettaw aktar l-ambjent;

    75.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn li l-Kummissjoni ħadet fil-programm ta' azzjoni tagħha dwar il-governanza tal-oċeani li tiġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-ġlieda kontra s-sajd IUU fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) kollha u f'fora rilevanti oħrajn; iqis li l-bastimenti b'bandiera tal-UE li huma involuti f'sajd IUU għandhom jiġu elenkati pubblikament, kif previst skont ir-Regolament IUU; iħeġġeġ lill-UE tagħmel pressjoni fuq pajjiżi terzi sabiex jieħdu azzjoni biex jipprevjenu li l-ħut maqbud b'sajd IUU jidħol fis-swieq tagħhom;

    76.

    Jappella għal kooperazzjoni akbar fost l-RFMOs u jħeġġeġ lill-partijiet kontraenti tagħhom jiżguraw li jkollhom biżżejjed riżorsi u li jkunu msaħħa b'mod suffiċjenti;

    77.

    Jistieden lill-RFMOs:

    (a)

    ikomplu jwettqu b'mod regolari reviżjonijiet indipendenti tal-prestazzjoni, kif ukoll jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn tali reviżjonijiet tal-prestazzjoni;

    (b)

    jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tat-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni tal-Ftehim tan-NU dwar Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna;

    (c)

    jarmonizzaw il-miżuri, b'mod partikolari l-miżuri ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' sorveljanza u ta' infurzar, inkluż billi jilħqu qbil dwar pieni u sanzjonijiet deterrenti;

    78.

    Jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-pakkett sinifikanti ta' proposti ppreżentat mill-Parlament u l-Kummissjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, li meħudin flimkien jikkostitwixxu politika koerenti ġdida tal-UE għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fost il-partijiet ikkonċernati kollha għaż-żibel u l-prevenzjoni tar-rimi taż-żibel fl-art u fl-ambjent tal-baħar;

    79.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika reali ta' adattament għat-tibdil fil-klima fl-inħawi kostali u marittimi, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni ta' miżuri prattiċi għall-protezzjoni tal-ekosistemi kostali u tal-baħar;

    80.

    Ifakkar li minn Jannar 2016, bil-għan li tittejjeb l-identifikazzjoni tal-bastiment bħala għodda fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-bastimenti kollha tal-UE b'tul totali (LOA) ta' aktar minn 24 metru jew b'tunnellaġġ gross ta' 100 tunnellata jew aktar, li jistadu fl-ilmijiet tal-UE, u l-bastimenti kollha tal-UE ta' LOA ta' aktar minn 15-il metru li jistadu barra mill-ilmijiet Ewropej, irid ikollhom numru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI); iħeġġeġ lill-UE tintroduċi rekwiżit tan-numru tal-OMI għall-bastimenti ta' pajjiżi terzi f'konformità ma' dawk li jeżistu għall-bastimenti tal-UE (LOA ta' aktar minn 15-il metru), li għandu jkun irrapportat fuq ċertifikat tal-qabda għall-importazzjoni, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-Istati Membri jiġu megħjuna fil-kontrolli tal-importazzjoni;

    81.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu attivitajiet u strumenti kosteffiċjenti, kif ukoll kooperazzjoni fil-livelli kollha fir-rigward ta' attivitajiet ta' tindif ibbażati fuq ir-riskju u li jirrispettaw l-ambjent għaż-żibel fix-xmajjar u fiż-żoni kostali u tal-baħar, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-finanzjament, is-sħubiji pubbliċi-privati u l-bini tal-kapaċità, u biex jiżviluppaw u jużaw kriterji internazzjonali għal azzjonijiet tat-tneħħija, tindif u restawr kollettivi, inkluż, fir-rigward tal-kwantitajiet, il-popolazzjoni, is-sensittività tal-ekosistema u l-fattibbiltà;

    82.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem fuq il-baħar fil-qafas tal-governanza globali tal-oċeani; jistieden lill-Kummissjoni twettaq sforzi mmirati sabiex tippromwovi standards ta' xogħol deċenti fl-industrija globali tas-sajd, b'rikonoxximent tar-rabta bejn l-abbużi tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem u l-prattiki ta' sajd mhux sostenibbli u distruttivi, b'mod partikolari s-sajd IUU; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri sabiex tipprevjeni prodotti tas-sajd maqbuda bl-użu ta' ħaddiema li jkunu ġew ittraffikati jew suġġetti għal abbużi oħrajn tad-drittijiet tax-xogħol jew tal-bniedem, milli jilħqu s-swieq fl-UE u biex taħdem mal-atturi fl-industrija sabiex tħeġġeġ l-użu ta' mekkaniżmi ta' diliġenza dovuta sabiex ikunu jistgħu jeżaminaw tali prodotti barra mill-katini tal-provvista tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO C188 (il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd);

    83.

    Jenfasizza li s-soluzzjoni ewlenija għaż-żibel fil-baħar hija l-ġbir aħjar tal-iskart solidu u r-riċiklaġġ fuq l-art, meta jitqies li ħafna miż-żibel fil-baħar huwa ġġenerat fuq l-art; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha tippromwovi approċċ ta' ġestjoni tal-iskart koerenti kull fejn hu possibbli fil-fora, il-ftehimiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali kollha; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jikkonkludu mill-aktar fis il-ħidma tagħhom dwar il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, u biex jimplimentaw miri ta' riċiklaġġ ambizzjużi u jikkonformaw mal-objettivi tal-UE ta' tnaqqis taż-żibel fil-baħar mingħajr dewmien;

    84.

    Jistieden lill-Kummissjoni taħdem f'fora internazzjonali sabiex tiżviluppa qafas ta' sostenibbiltà ċar għall-plastik bijodegradabbli fl-ambjenti naturali kollha, inklużi definizzjonijiet u standards;

    85.

    Jemmen li jridu jittieħdu passi aktar ambizzjużi kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-esportazzjoni illegali u r-rimi ta' skart tal-plastik, inkluż infurzar aktar strett tar-regolamenti tal-UE dwar il-vjeġġi, kif ukoll skemi ta' monitoraġġ u spezzjoni aktar stretti fil-portijiet u l-faċilitajiet kollha tat-trattament tal-iskart, immirati għal trasferimenti illegali suspettati u għall-ġlieda kontra l-esportazzjoni ta' skart biex jerġa' jintuża (l-aktar dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw u WEEE), kif ukoll biex jiġi żgurat li l-esportazzjonijiet imorru biss lejn il-faċilitajiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' ġestjoni tajba mil-lat ambjentali kif stabbilit fl-Artikolu 49 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart;

    86.

    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri ta' edukazzjoni u li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar iż-żibel fil-baħar, l-użu tal-plastik u l-impatt tal-imġiba individwali tal-konsumatur fuq l-ambjent billi jintroduċu elementi fil-kurrikuli edukattivi fil-livelli kollha, jipprovdu materjali edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn gruppi ta' interess u firxiet ta' etajiet speċifiċi biex jippromwovu bidla fl-imġiba, u jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni fuq skala kbira maħsuba għaċ-ċittadini;

    87.

    Jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas it-tnixxija tan-nitroġenu u l-fosforu fl-oċeani, u b'hekk titnaqqas l-ewtrofikazzjoni kkawżata mill-bniedem permezz ta' bidliet fundamentali fil-mudell agrikolu Ewropew, permezz ta', fost l-oħrajn, restrizzjonijiet fl-użu tal-fertilizzanti, l-ottimizzazzjoni tal-użu tan-nutrijenti għall-ħtiġijiet tal-għelejjel, ippjanar b'attenzjoni fl-użu tal-fertilizzanti u l-istabbiliment ta' forom agrikoli aktar sostenibbli, kif ukoll permezz tat-tnaqqis fis-sorsi atmosferiċi tan-nitroġenu, tindif aħjar tad-drenaġġ u tal-ilma mormi, u kontroll aħjar tas-sorsi ta' nutrijenti urbani diffużi, bħall-iskol mit-toroq u s-sistemi ta' dranaġġ għall-maltemp, filwaqt li tiġi indirizzata wkoll il-pressjoni fuq l-ekosistemi tal-baħar bir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-politika agrikola komuni;

    88.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha adegwati biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tar-regolamenti internazzjonali bil-ħsieb li jillimitaw il-ħoss minn attivitajiet industrijali bħat-tbaħħir u l-istħarriġ sismiku, b'mod partikolari f'ħabitats bijoloġikament sensittivi billi, pereżempju, jipproponi li jkun hemm anness għall-MARPOL dwar it-tniġġis akustiku, simili għall-anness li għadu kif ġie miżjud dwar it-tniġġis tal-arja;

    89.

    Jinnota li l-obbligi meħuda skont il-Ftehim ta' Pariġi jagħmlu l-isfruttament ta' sorsi ta' karburant fossili ġodda mhux raġonevoli u kontroproduttiv, speċjalment meta jkunu jinsabu f'żoni ekoloġikament vulnerabbli;

    90.

    Jenfasizza li l-ilmijiet kollha huma vulnerabbli għat-tħaffir fuq il-baħar għall-karburanti fossili; jenfasizza li l-użu tal-karburanti fossili se jkompli jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima li qed jhedded il-pjaneta tagħha u jkompli jaċċellerah; huwa tal-fehma li l-UE jeħtiġilha tikoopera mas-sħab internazzjonali sabiex tikseb tranżizzjoni ġusta li teħodha 'l bogħod mit-tħaffir fuq il-baħar u b'hekk jingħata kontribut għall-għan ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

    91.

    Jenfasizza li kwalunkwe liċenzja ġdida għall-esplorazzjoni taż-żejt jew tal-gass għandha ssegwi standards regolatorji ta' prekawzjoni fil-qasam tal-protezzjoni u s-sigurtà ambjentali għall-esplorazzjoni, l-ipprospettar u l-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass, u għandha tinkludi impenji vinkolanti fir-rigward tad-dekummissjonar tal-infrastruttura tal-esplorazzjoni li b'mod ġenerali għandha tul ta' ħajja limitat;

    92.

    Jenfasizza l-potenzjal kbir tal-enerġija prodotta mill-fluss tal-mewġ u l-mareat jew il-gradjenti termali u tas-salinità tal-oċeani u l-ibħra; jinnota li fuq terminu twil, l-enerġija mill-oċeani għandha l-potenzjal li ssir waħda mill-aktar forom ta' ġenerazzjoni tal-enerġija kompetittiva u kosteffiċjenti;

    93.

    Jilqa' l-progress li sar mill-Istati Membri rigward l-istabbiliment tal-ippjanar spazjali marittimu (ISM); itenni li huma meħtieġa sforzi ulterjuri għall-implimentazzjoni koerenti tad-Direttiva 2014/89/UE sabiex din isservi ta' eżempju għall-introduzzjoni globali tal-ISM; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jfasslu l-pjanijiet spazjali marittimi tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021; jenfasizza d-dimensjoni internazzjonali u transnazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni tibda l-ħidma fuq l-abbozzar ta' proposti għal linji gwida internazzjonali, filwaqt li tqis l-importanza tas-sinerġiji u l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, kif ukoll il-proċessi relatati bħall-ġestjoni integrata tal-kosta, u biex tmexxi forum internazzjonali dwar l-ISM, bl-involviment tal-partijiet interessanti u l-pajjiżi terzi rilevanti, biex tippromwovi l-ISM globalment u toffri l-aħjar prattiki, bl-għan li tingħata spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali, jitjiebu l-ġestjoni, il-preservazzjoni u l-użu tal-oċeani, tiżdied it-trasparenza u jissaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ;

    94.

    Jinnota li l-attivitajiet intensifikati fl-ilmijiet kostali u dawk marini kulma jmur jeħtieġu dejjem aktar l-implimentazzjoni tal-ippjanar spazjali marittimu (ISM); jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur linji gwida internazzjonali dwar l-ISM u tgħin fl-espansjoni taż-żoni marini protetti madwar id-dinja kollha b'finanzjament fil-qafas tal-programmi Orizzont 2020 u LIFE;

    95.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi internazzjonali biex tiġi mħarsa l-bijodiversità tal-baħar, b'mod partikolari fil-qafas tan-negozjati li għaddejjin bħalissa għal strument legalment vinkolanti ġdid għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f'oqsma lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni aktar rigoruża sabiex tippreserva u tiżgura l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar fiż-żoni li jinsabu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri;

    96.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġa s-CBD u s-CITES u jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ koordinat fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas ta' dawn il-konvenzjonijiet għall-protezzjoni tal-ispeċijiet u l-bijodiversità tal-baħar, u għal konsistenza akbar tal-ħidma internazzjonali mal-ħidma mwettqa fil-livell Ewropew; jenfasizza l-importanza li ssir aktar ħidma biex jiġu protetti l-ispeċijiet tal-baħar fil-qafas tas-CITES u, fir-rigward tal-ispeċijiet tal-baħar diġà protetti mill-konvenzjoni, sabiex din tiġi strettament rispettata;

    97.

    Jinnota s-sinifikat tal-bijodiversità bħala l-pedament tal-oċeani tagħna, fejn hi taqdi rwol vitali biex jinżammu l-produttività u l-funzjonalità tal-ekosistemi tal-baħar;

    98.

    Jinnota li l-PKS għandha tiżgura li r-rati tal-mortalità mis-sajd jiġu ffissati f'livelli li jippermettu lill-istokkijiet tal-ħut jirkurpaw u jibqgħu 'l fuq mil-livelli li fihom ikunu kapaċi jsostnu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY); jenfasizza l-ħtieġa ta' prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tas-sajd permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni u tal-monitoraġġ, kontroll u infurzar, ibbażati fuq l-aħjar konsulenza xjentifika disponibbli; jemmen li miżuri ulterjuri jistgħu jinvolvu l-appoġġ għall-konsum tal-ħut li jkun ġej minn sajd ġestit b'mod sostenibbli u permezz ta' approċċi prekawzjonali u orjentati lejn l-ekosistemi; jilqa' l-innovazzjonijiet sostenibbli mis-settur tas-sajd kif ukoll l-investiment ta' tekniki tal-qbid selettivi, kif ukoll l-iżvilupp u l-introduzzjoni tagħhom;

    99.

    Ifakkar li sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU) b'mod effettiv, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-ebda tip ta' prodotti tas-sajd li jirriżultaw minn attivitajiet ta' din ix-xorta ma jilħaq is-swieq; iħeġġeġ lill-UE tippromwovi, permezz tas-sħubijiet kollha tagħha u fil-fora internazzjonali kollha, il-projbizzjoni tal-prodotti tas-sajd IUU minn kemm jista' jkun swieq possibbli, biex b'hekk titnaqqas il-profitabbiltà ta' dawn l-attivitajiet;

    100.

    Jissottolinja li, sabiex il-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-isfruttament żejjed tal-istokkijiet tal-ħut tkun waħda effettiva, huwa importanti li s-sħubijiet bilaterali jissoktaw u jitwessgħu, inkella l-azzjonijiet tal-UE jista' jkollhom impatt limitat fuq is-sitwazzjoni attwali;

    101.

    Jissuġġerixxi li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jkunu aktar konsistenti u effettivi fil-kontrolli tagħhom tad-dokumentazzjoni tal-qbid (ċertifikati tal-qbid) u l-kunsinni, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-ħut ikun inqabad b'mod legali; jinkoraġġixxi lill-istati jieħdu miżuri biex jiżguraw li jkun hemm koordinament aħjar bejn il-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-politika tal-kummerċ u tas-suq; jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi, tappoġġa u timplimenta fl-isferi internazzjonali kollha l-azzjoni meħtieġa biex jinqered għalkollox is-sajd IUU;

    102.

    Ifaħħar il-kapaċità ta' tmexxija internazzjonali tal-UE għall-progress konkret miksub fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, kif ukoll l-impenn qawwi tagħha fl-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi kontra dan il-fenomenu; ifakkar fl-isforzi tal-UE biex issaħħaħ l-azzjonijiet internazzjonali tagħha kontra s-sajd IUU fil-livell bilaterali, reġjonali u multilaterali, inkluż billi tkompli bid-djalogi bilaterali ma' pajjiżi terzi sħab, bl-użu ta' strumenti li jittraċċaw il-bastimenti u billi tiggarantixxi rwol akbar għall-aġenziji internazzjonali ewlenin bħalma hi l-Interpol; jappella lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jappoġġaw b'mod attiv il-ħidma tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi għodda elettronika għall-immaniġġjar taċ-ċertifikati tal-qbid;

    103.

    Jinnota li twettaq progress bir-regolament tal-UE għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ir-Regolament IUU), iżda li l-implimentazzjoni tiegħu fl-Istati Membri kollha għandha tittejjeb, u li hemm bżonn ta' aktar koordinazzjoni ma' pajjiżi terzi, bl-għan li jiġi żgurat li l-ebda ħut ma jidħol fis-suq tal-UE illegalment; iħeġġeġ ukoll lill-UE tagħmel pressjoni fuq pajjiżi terzi sabiex jieħdu azzjoni ħalli jipprevjenu li l-ħut maqbud b'sajd IUU jidħol fis-swieq tagħhom;

    104.

    Jenfasizza l-importanza ta' reazzjoniijiet bikrija biex jiġu miġġielda l-ispeċijiet invażivi, meta jitqies l-impatt dejjem akbar tagħhom u r-riskju li huma jippreżentaw għas-sajd, għall-produttività tal-oċeani u għall-bijodiversità, u r-rwol li dawn jaqdu fit-tħarbit tal-ekosistemi naturali; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejniethom u mal-pajjiżi terzi, inkluż permezz ta' azzjonijiet sinkronizzati u kooperattivi, u skambji ta' informazzjoni, ta' data u tal-aħjar prattiki;

    105.

    Jiddikjara li l-iskambju tal-ilma tas-saborra hu metodu possibbli biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi; jenfasizza li għalkemm il-Konvenzjoni dwar l-Ilma tas-Saborra tal-OMI, li l-għan tagħha huwa li tikkontrolla u tiġġestixxi din il-problema, se tidħol fis-seħħ dalwaqt, l-implimentazzjoni b'suċċess tagħha ser tiddependi fuq ratifika aktar mifruxa;

    106.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi tmexxija u tippromwovi ppjanar spazjali tal-baħar ibbażat fuq l-ekosistema fil-livell globali sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq l-ambjent tal-baħar u jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' ekonomiji blu sostenibbli;

    107.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni iżżid il-ħidma u ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar l-iżvilupp ta' skemi interoperabbli ta' dokumentazzjoni tal-qbid u t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd;

    108.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b'mod deċisiv sabiex jipprojbixxu ċerti forom ta' sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u s-sajd żejjed, jeliminaw is-sussidji li jikkontribwixxu għal sajd IUU, u ma jintroduċux b'mod ġdid tali sussidji, inkluż permezz tal-aċċelerazzjoni tal-ħidma biex jitlestew in-negozjati fid-WTO dwar din il-kwistjoni, filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li trattament speċjali u differenzjali xieraq u effettiv għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi l-anqas żviluppati għandu jkun parti integrali ta' dawk in-negozjati;

    109.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament għall-istabbiliment ta' żoni protetti tal-baħar u l-iskambju tal-aħjar prattiki bħala kontribut għall-kisba tal-mira globali ta' 10 % ta' żoni tal-baħar u kostali li jridu jiġu deżinjati bħala Żoni Protetti tal-Baħar (MPAs) sal-2020 kif stabbilit fl-SDG 14.5; jinnota l-benefiċċji soċjoekonomiċi u ekoloġiċi li għandhom l-MPAs u li huma jirrappreżentaw għodda importanti għall-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd u biex tiġi żgurata l-protezzjoni taż-żoni fejn ibid il-ħut; ifakkar, b'mod partikolari, fl-importanza taż-żoni ekoloġikament u bijoloġikament sinifikanti (EBSAs), kif definit mill-Konvenzjoni tal-Bijodiversità, u l-ħtieġa li dawn jitħarsu bl-għan li jingħata appoġġ lill-oċeani funzjonanti li jinsabu fi stat b'saħħtu u lill-ħafna servizzi li huma jipprovdu; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi u ssaħħaħ il-miżuri tal-ġestjoni tal-MPAs, b'mod partikolari bl-żvilupp tan-netwerks koerenti u konnessi ta' dawn iż-żoni;

    110.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jinvestu f'kapital soċjali sabiex jiżguraw li jkun hemm amministrazzjoni aħjar tar-riżorsi tal-oċeani u tal-kosta; iħeġġeġ b'saħħa, b'mod partikolari, l-involviment tan-nisa u taż-żgħażagħ fil-programmi ta' litteriżmu dwar l-oċeani u f'konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati mis-suġġett;

    111.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tkompli ssaħħaħ l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni tal-baħar u marittimi, fil-qafas tal-Orizzont 2020 u l-programm suċċessur tiegħu;

    112.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw u jiżguraw approċċ olistiku sabiex jiggarantixxu l-koerenza u l-konnettività ekoloġika tan-netwerks ta' MPAs u għad-disinn, il-ġestjoni u l-evalwazzjoni effettivi tagħhom, bħala parti minn proċess effettiv ta' ppjanar spazjali, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom għall-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta; jiddispjaċih li bħalissa anqas minn 3 % tal-oċeani tad-dinja huma ddiżinjati bħala riżervi tal-baħar protetti b'mod sħiħ; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' MPAs deżinjati, skont l-SDG 14, bil-għan li jiżguraw li jiġu ppreservati mill-inqas 10 % taż-żoni tal-baħar u kostali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw netwerks koerenti u konnessi ta' MPAs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jużaw ir-riżultati tar-riċerka xjentifika dwar id-diversità bijoloġika fir-rigward tal-kriterji tat-twaqqif ta' MPAs fin-negozjati dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità fiż-żoni li jinsabu lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali; fl-aħħar nett iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw il-komplementarjetà tal-għodod u jiżviluppaw l-ippjanar spazjali tal-baħar sabiex l-MPAs ikunu kkombinati aħjar ma' miżuri oħra effettivi ta' konservazzjoni;

    113.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi protetta l-bijodiversità billi jiġi żgurat li jkun hemm netwerk immaniġġjat b'mod effettiv u ekoloġikament koerenti ta' MPAs, żoni ta' konservazzjoni u siti tal-baħar tan-Natura 2000 li sal-2020 ikunu jkopru mill-inqas 10 % tal-ibħra u ż-żoni tal-baħar kollha Ewropej, li jkun f'konformità mal-SDG 14.5; iħeġġeġ, fejn hu possibbli, li jsir progress lejn il-kisba tal-linja gwida tal-IUCN u tal-Kungress Dinji tal-Parks ta' 30 % ta' MPAs sal-2030;

    114.

    Jitlob li jsiru sforzi akbar biex jitwaqqaf in-netwerk Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar, permezz tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta' dawn is-siti, b'mod partikolari fl-ibħra miftuħa; itenni t-talba tiegħu li fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi tiġi implimentata sistema speċifika u dejjiema li tipproteġi l-bijodiversità fuq livell ekwu;

    115.

    Jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiżdied il-litteriżmu dwar l-oċeani fl-Ewropa permezz ta' kooperazzjoni u skambju aktar mill-qrib bejn ir-riċerkaturi, il-partijiet ikkonċernati, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku, b'fokus b'saħħtu fuq il-programmi edukattivi dwar l-importanza tal-oċeani u l-ibħra, kif ukoll informazzjoni dwar karrieri fl-ekonomija blu;

    116.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni u r-reżiljenza tal-ekosistemi tal-baħar u kostali, b'mod partikolari l-iskollijiet tal-qroll u l-mangrovja u, f'dan il-kuntest, li jimpenjaw ruħhom fl-Inizjattiva Internazzjonali dwar l-Iskollijiet tal-Qroll;

    117.

    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw lill-pajjiżi l-anqas żviluppati u b'mod partikolari lill-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, biex jimplimentaw aħjar il-konvenzjoni MARPOL u b'hekk jipproteġu l-ambjent u l-għajxien tan-nies fl-inħawi tal-portijiet;

    118.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu l-investimenti meħtieġa, permezz tal-fondi Komunitarji differenti, sabiex joħolqu ambjent li jwassal għall-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli mill-baħar, sabiex b'hekk jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ibħra Ewropej;

    119.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha fil-livell internazzjonali għall-istabbiliment ta' qafas regolatorju koerenti għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ta' minerali f'baħar fond li jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni;

    120.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu l-azzjonijiet prijoritarji adottati mill-konferenza tal-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) fir-rigward tal-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta;

    121.

    Jemmen li għandu jitnieda pakkett “Erika IV” għas-sikurezza marittima sabiex jiġu evitati aktar diżastri marittimi kbar, u li f'dan il-pakkett għandu jitqies ir-rikonoxximent mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-ħsara ekoloġika kkawżata lill-ilmijiet tal-baħar;

    122.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dritt tal-UE, tiżgura r-rikonoxximent tal-eżistenza ta' ħsara ekoloġika li tkun distinta mill-ħsara ekonomika, ħsara lill-proprjetà u ħsara morali, u li tikkontribwixxi għal dan ir-rikonoxximent fil-livell internazzjonali;

    123.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-konsistenza bejn il-politika interna u l-politika esterna tagħha fir-rigward tal-ġestjoni u l-protezzjoni tar-riżorsi, tal-bijodiversità u tal-oċeani;

    124.

    Jenfasizza li l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli mill-baħar fit-territorji insulari, jikkostitwixxi opportunità reali għall-iżvilupp sostenibbli ta' dawn it-territorji iżda wkoll sors potenzjali konsiderevoli għall-UE u l-bqija tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u tniedi strateġija globali għat-territorji insulari bil-ħsieb li jiġi stabbilit mudell ekonomiku ġdid li jkun adattat għall-ispeċifiċitajiet tagħhom u bbażat fuq l-awtonomija enerġetika u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli mill-baħar;

    125.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw l-investimenti meħtieġa fir-reġjuni insulari u ultraperiferiċi, permezz tal-fondi komunitarji differenti, sabiex jippermettu l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli mill-baħar u b'hekk jikkontribwixxu fl-awtonomija enerġetika ta' dawn it-territorji;

    126.

    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-taħriġ u l-ħiliet fl-impjiegi l-ġodda marbuta mal-ekonomija blu sostenibbli u tippromwovihom b'mod partikolari fir-reġjuni li għandhom potenzjal kbir bħar-reġjuni marittimi, insulari u ultraperiferiċi;

    127.

    Jitlob li tiġi stabbilita politika ewlenija Ewropea integrata tal-oċeani, li jkollha komponent intern u komponent estern, li tkopri l-politiki kollha marbutin mal-oċeani (ir-riċerka, l-ambjent, l-enerġija, it-trasport, is-sajd, il-koeżjoni tal-politiki, il-politika tal-viċinat, il-kummerċ internazzjonali, eċċ.) u li tkun ibbażata fuq l-għanijiet fundamentali tal-ħarsien tal-ambjent tal-baħar u li tiżgura l-iżvilupp sostenibbli;

    L-indirizzar taż-żieda fl-emissjonijiet tat-tbaħħir mit-trasport marittimu

    128.

    Jinnota li anki t-Tielet Studju tal-OMI dwar il-Gassijiet b'Effett ta' Serra tal-2014 jiddikjara li, skont żviluppi futuri ekonomiċi u tal-enerġija, l-emissjonijiet marittimi tas-CO2 huma mistennija li jiżdiedu minn 50 % sa 250 % fil-perjodu sal-2050, filwaqt li l-istudju tal-Parlament tal-2015 bit-titolu “Emission Reduction Targets for International Aviation and Shipping” (Miri għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet għall-Avjazzjoni u t-Tbaħħir Internazzjonali) jiddikjara li jekk pjan ta' azzjoni tal-OMI biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima jkompli jiġi pospost, is-sehem tal-emissjonijiet marittimi tas-CO2 fl-emissjonijiet globali tal-GHG jista' jiżdied b'mod sostanzjali (sa 17 %) għat-trasport marittimu sal-2050; jenfasizza, għalhekk, li t-tbaħħir waħdu jkun jikkonsma sehem kbir mill-baġit għall-gassijiet serra li jifdal biex iż-żieda tat-temperatura tkun limitata għal sew inqas minn 2 gradi Celsius;

    129.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni globali urġenti biex jiġu mmitigati l-impatti avversi tal-livelli li qed jiżdiedu tal-karbonju atmosferiku fuq l-ekosistemi u s-saħħa tal-oċeani, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima; jirrimarka li dawn l-impatti avversi jinkludu temperaturi tal-oċeani li qed jogħlew, aċidifikazzjoni kostali u tal-oċeani, żieda fil-livell tal-baħar, bidliet fiċ-ċirkolazzjoni tal-oċeani u fl-erożjoni tal-kosta, kif ukoll avvenimenti estremi tat-temp, tnaqqis fil-kopertura tas-silġ polari, bidliet fis-salinità, disponibbiltà tan-nutrijenti u deossiġenazzjoni, u li dawn jistgħu jkunu ta' natura kumulattiva; jenfasizza l-importanza ta' ekosistemi li jaħdmu sew sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-oċeani; itenni l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati dawn l-impatti li jfixklu r-rwol kruċjali tal-oċeani bħala regolaturi tal-klima, bjar tal-karbonju, sors ta' bijodiversità, u fornituri ewlenin ta' nutrizzjoni, għajxien għan-nies, enerġija u servizzi tal-ekosistema;

    130.

    Itenni li, skont il-Ftehim ta' Pariġi, is-setturi kollha tal-ekonomija huma meħtieġa jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2; iħeġġeġ l-adozzjoni mill-OMI ta' mira tal-emissjonijiet ċara u miżuri ta' tnaqqis immedjat fuq perjodu qasir sal-2018 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi internazzjonali tas-CO2 fil-livell globali f'konformità mal-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim ta' Pariġi; jinnota, barra minn hekk, li fin-nuqqas ta' sistema komparabbli li topera skont l-OMI, l-emissjonijiet tas-CO2 emessi f'portijiet tal-Unjoni u matul vjaġġi lejn u minn portijiet tal-Unjoni tal-waqfa għandhom jiġu kontabilizzati permezz tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet jew permezz ta' mekkaniżmu robust ta' pprezzar komparabbli, li għandu jitħaddem mill-aktar fis u mhux aktar tard mill-2023;

    131.

    Itenni li l-użu tal-BioLNG għandu jiġi promoss bħala mezz biex jiġi dekorbanizzat is-settur tat-tbaħħir u li l-użu tal-bijogass fit-trasport għandu primarjament jiġi rriservat għas-settur tat-tbaħħir, fejn il-BioLNG jikkostitwixxi karburant rinnovabbli avvanzat eżistenti; iqis li l-iżviluppi tal-infrastruttura stabbiliti fid-Direttiva 2014/94/UE għandhom jakkomodaw l-użu tal-BioLNG fis-settur marittimu, fejn attwalment ftit jeżistu għażliet rinnovabbli oħrajn;

    132.

    Jenfasizza r-rwol li l-gass naturali, b'mod partikolari l-gass naturali likwifikat (LNG), jista' jiżvolġi fit-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, speċjalment fir-rigward tat-tbaħħir, billi jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u s-sustanzi li jniġġsu fl-arja;

    133.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw u jippromwovu l-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet tal-veloċità għall-bastimenti fil-livell tal-OMI biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, filwaqt li jitqies l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika tad-Disinn (EEDI) u l-Pjan dwar il-Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (SEEMP), u l-fatt li, fis-settur tat-toroq u tal-ferroviji, il-limiti ta' veloċità jkunu komuni; jenfasizza li l-benefiċċji ekonomiċi interni u esterni ta' veloċità aktar baxxa għall-bastimenti huma akbar mill-ispejjeż; jinnota li l-ivvjaġġar b'veloċità baxxa (slow steaming) huwa relattivament faċli li jiġi mmonitorjat u infurzat, u għaldaqstant huwa ta' piż amministrattiv żgħir fuq il-partijiet ikkonċernati;

    134.

    Jenfasizza li l-enerġija mill-art għandha rwol ewlieni x'taqdi biex it-tbaħħir isir aktar ekoloġiku peress li din tippermetti li l-vapuri jitfu l-magni tagħhom u jipplaggjaw ma' grilja elettrika biex jipproduċu l-elettriku għal attivitajiet ta' stazzjonar, ħatt u tagħbija waqt li jkunu fil-portijiet u rmiġġati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex iħeġġu u jappoġġaw l-użu tal-elettriku mill-art għall-vapuri kollha li jżuru l-portijiet Ewropej, u b'dan il-mod jiġu eliminati l-emissjonijiet mill-magni tal-vapuri fl-ilmijiet tal-port, jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, kif ukoll jitnaqqsu l-istorbju, il-vibrazzjoni u t-tkagħbir bl-użu tal-magna;

    135.

    Jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq, bħal mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-emissjonijiet fi ħdan l-OMI, sabiex jindirizza l-emissjonijiet marittimi internazzjonali, filwaqt li jiġu kkunsidrati b'mod speċjali r-reġjuni li jiddependu għalkollox fuq it-trasport marittimu, u partikolarment ir-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni u l-istati gżejjer;

    136.

    Jitlob, fid-dawl tal-fehim xjentifiku li qed jiżviluppa b'mod rapidu tal-impatt tas-CO2 u mhux tas-CO2 tat-trasport marittimu fuq il-klima globali, li l-IPCC flimkien mal-OMI jwettqu valutazzjoni tal-impatti tat-trasport marittimu, fuq linji simili għar-rapport speċjali tal-IPCC “Aviation and the Global Atmosphere” (L-Avjazzjoni u l-Atmosfera Globali) għas-settur tat-trasport bl-ajru;

    137.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv lejn l-finalizzazzjoni rapida tal-pjan tal-ħidma fit-tul tal-OMI dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed (BC) minn vapuri li jbaħħru fl-Artiku, bil-ħsieb li jitnaqqsu ż-żidiet rapidi fit-temperatura fir-reġjuni Polari;

    138.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, sa mhux aktar tard mill-2020, tippreżenta proposta li tindirizza l-użu u l-installazzjoni tal-elettriku ġġenerat mill-art minn vapuri rmiġġati f'portijiet tal-UE, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-emissjonijiet fiż-żoni tal-port;

    139.

    Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet (2000/59/KE), u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jadottaw strateġija bi sħab mal-OMI, pajjiżi terzi u l-industrija għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, immirata lejn l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

    140.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-kundizzjonijiet fiskali meħtieġa biex tinċentiva l-użu tal-provvista tal-enerġija mill-art minn vapuri fil-portijiet tal-UE u l-użu ta' teknoloġiji rinnovabbli, b'mod partikolari r-riħ fil-qlugħ, batteriji u ċelluli tal-karburant, fis-settur marittimu, speċjalment għal tbaħħir fuq distanzi qosra;

    141.

    Jistieden lill-korpi rispettivi biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi fl-UE kollha fir-rigward tal-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu, billi l-valuri ta' limitu rispettivi jiġu adattati għal-livelli eżistenti l-aktar baxxi;

    142.

    Jistieden lill-Kummissjoni tesplora u tipproponi miżuri biex tnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu mill-flotta eżistenti, inkluża valutazzjoni tal-impatt tal-introduzzjoni possibbli ta' sistema ta' imposta u fond tal-ossidu tan-nitroġenu, bil-ħsieb li jinkiseb tnaqqis sostanzjali malajr u b'mod effettiv;

    143.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipproponu miżuri legali u tekniċi biex ikomplu jnaqqsu l-materja partikolata u l-emissjonijiet tal-karbonju iswed;

    144.

    Jenfasizza l-importanza tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kuntest marittimu, b'mod partikolari minħabba l-pożizzjoni tagħhom fl-Oċean Atlantiku u fl-Oċean Indjan, reġjuni li jipprovdu laboratorji għall-istudju u l-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, u li joffru potenzjal kbir għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-bijoteknoloġija blu; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu programmi innovattivi u li jiġi pprovdut finanzjament adegwat għall-istabbiliment ta' ċentri tar-riċerka u l-iżvilupp fir-reġjuni ultraperiferiċi; jitlob, għal dan l-għan, il-ħolqien ta' raggruppament marittimu tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    It-tisħiħ tad-data u r-riċerka internazzjonali dwar l-oċeani

    145.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati servizzi innovattivi għall-atturi pubbliċi u privati, bħal hubs u netwerks ta' għarfien sabiex jinkiseb għarfien tajjeb tal-istatus ambjentali tal-ilmijiet tal-baħar, titjieb il-kondiviżjoni tad-data xjentifika, l-aħjar prattiki u l-għarfien espert, u jiġu implimentati b'mod sħiħ l-azzjonijiet tal-pjan direzzjonali Għarfien tal-Baħar 2020 (SWD(2014)0149); jilqa', f'dan il-kuntest, l-operabbiltà sħiħa tas-Servizz ta' Monitoraġġ tal-Ambjent tal-Baħar Copernicus u l-Grupp intergovernattiv dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kapaċitajiet ibbażati fuq Copernicus biex timmonitorja l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, inklużi l-emissjoniet tas-CO2, peress li dan joffru valur miżjud sostanzjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    146.

    Jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni biex l-attivitajiet ta' riċerka u l-osservazzjoni tal-UE jiġu kkordinati mas-sħab internazzjonali, u biex jiġu esplorati modi kif tista' tittejjeb il-kwalità tar-riċerka, inter alia permezz tal-estensjoni tal-għodod u l-attivitajiet ta' riċerka u l-osservazzjoni eżistenti tal-UE, inkluż in-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODNET), sabiex tiġi stabbilita database kondiviża, il-Programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus), is-Sistema Dinjija ta' Osservazzjoni tal-Oċeani Ewropea (EuroGOOS), u l-Inizjattiva ta' Programmar Konġunt “Ibħra u Oċeani b'Saħħithom u Produttivi” (JPI Oceans), kollha kemm huma bl-għan li jinħoloq netwerk internazzjonali tad-data marina u marittima;

    147.

    Jitlob l-awtorizzazzjoni u l-integrazzjoni ġuridika sħiħa fuq livell Ewropew tat-tekniki tas-sajd innovattivi, ippruvati u selettivi, li għandhom jiġu sorveljati b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istabbilimenti xjentifiċi u mingħajr protezzjoniżmu nazzjonali;

    148.

    Jappella għal investimenti akbar fir-riċerka xjentifika bil-għan li jinkiseb fehim aħjar tal-oċeani tagħna; jinnota li 95 % ta' dan il-qasam għadu mhux esplorat;

    149.

    Jissottolinja l-importanza li r-riċerka u d-data miksuba mix-xjenza marina u mit-teknoloġija marina jiġu kondiviżi mal-komunitajiet xjentifiċi minn pajjiżi terzi; jenfasizza li kemm il-promozzjoni ta' aktar investimenti fix-xjenza marina f'pajjiżi terzi, kif ukoll it-twaqqif ta' netwerks internazzjonali li bihom ir-riżultati u l-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu kondiviżi, huma ferm importanti għall-iżvilupp ta' sajd aktar sostenibbli, għall-ġestjoni marina aħjar u biex jiġu indirizzati l-problemi komuni tal-oċeani;

    150.

    Jinnota bi tħassib li l-gżejjer żgħar huma vulnerabbli ħafna għall-erożjoni kostali minħabba li l-ambjenti tal-kosti tagħhom jaf jintlaqtu b'mod qawwi minn tendenzi taż-żieda fil-livell tal-baħar, taċ-ċiklu tal-ilma u tal-ekosistema tal-baħar li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima; jenfasizza li ċ-ċentri eżistenti kbar tal-assemblaġġ tad-data Ewropej ma fihomx settijiet ta' data dwar il-bilanċ tal-massa tas-sediment, li huma meħtieġa biex jiġu mifhuma bidliet u erożjoni kostali fuq skala ta' gżejjer żgħar; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati u użati teknoloġiji innovattivi u sofistikati, għall-ġbir, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-erożjoni kostali, tal-kundizzjonijiet kostali u marini u l-parametri ambjentali tal-gżejjer żgħar tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw proġetti bħal dawn;

    151.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi ffaċilitat l-għarfien dwar qiegħ l-ibħra, l-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar u l-ġbir ta' data ġeoloġika, batimetrika, sismika, volkanika, kimika, idroloġika, atmosferika u meteoroloġika dwar l-oċeani, b'mod partikolari għall-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli tal-baħar u għall-istabbiliment ta' żoni protetti tal-baħar; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-osservazzjoni u l-esplorazzjoni xjentifika tal-oċeani, mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent u lill-ekosistemi tal-baħar, u li l-għan tagħhom ikun l-iżvilupp sostenibbli;

    152.

    Jinnota l-importanza kruċjali li tiġi żgurata data preċiża fis-settur tas-sajd, peress li hija prerekwiżit essenzjali biex titwettaq b'suċċess governanza tajba tal-oċeani; jenfasizza li jeħtieġ li jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji xierqa u realistiċi biex dan l-objettiv jiġi ggarantit; iqis li jeħtieġ li jittejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali fuq il-bażi tal-eżempju tal-EMODNET u b'konformità mal-komunikat ta' Tsukuba tal-G7;

    153.

    Jinkoraġġixxi li jiġu ddedikati aktar riżorsi sabiex jiżdied l-għarfien tal-baħar u l-fehim tal-oċeani, b'attenzjoni partikolari għar-riċerka xjentifika tal-baħar, il-ġbir ta' data u għarfien ġodda, u pjattaformi ta' kondiviżjoni tad-data, kif ukoll għall-promozzjoni ta' żvilupp tal-politika u teħid tad-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli; itenni l-importanza tal-approċċ ta' prekawzjoni fejn ma tkunx disponibbli evidenza xjentifika adegwata;

    154.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-għarfien xjentifiku, l-iskambju tad-data u t-trasferiment tat-teknoloġija bil-għan li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani; jitlob sforzi kontinwi u tisħiħ tal-inizjattivi, tal-kooperazzjoni u tal-investimenti favur ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-baħar fil-livell globali;

    155.

    Jenfasizza li l-governanza tal-oċeani għandha tibni fuq l-aħjar għarfien disponibbli u għalhekk jitlob li jiżdiedu r-riċerka u l-innovazzjoni biex l-oċeani u r-riżorsi tagħhom jiġu rregolati b'mod li jiżgura l-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, inkluża s-sostenibbiltà tal-isfruttament tar-riżorsi tagħhom;

    156.

    Jenfasizza l-ħtieġa li titkompla r-riċerka dwar it-theddida maħluqa minn tixrid katastrofiku taż-żjut u l-effetti kumulattivi ta' tixrid aktar frekwenti fuq l-ambjenti tal-oċean biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet biex jitwettqu attivitajiet ta' esplorazzjoni u sfruttament lil hinn mill-kosta jkunu bbażati fuq għarfien xjentifiku preċiż u aġġornat;

    157.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu l-attivitajiet ta' riċerka u jħeġġu l-approċċi multidixxiplinari u s-sħubiji bejn l-atturi ekonomiċi u pubbliċi, sabiex jiġi żviluppat l-għarfien xjentifiku dwar l-oċeani;

    158.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ddedikati aktar riżorsi għar-riċerka xjentifika dwar il-baħar, bħar-riċerka interdixxiplinarja u l-osservazzjoni tal-oċean u tal-kosta sostnuta, kif ukoll il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data u l-għarfien, inklużi l-forom tradizzjonali, sabiex jiżdied l-għarfien tagħna tal-oċeani, bil-ħsieb li tiġi mifhuma aħjar ir-relazzjoni bejn il-klima u s-saħħa u l-produttività tal-oċeani, jissaħħaħ l-iżvilupp ta' sistemi koordinati ta' twissija bikrija dwar avvenimenti u fenomeni estremi tat-temp, u jiġi promoss it-teħid tad-deċiżjonijiet abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli, tiġi mħeġġa l-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika, u jitjieb il-kontribut tal-bijodiversità tal-baħar għall-iżvilupp ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'mod partikolari l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati;

    159.

    Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi fuq livell Ewropew u tippromwovi fuq livell internazzjonali r-riċerka, l-osservazzjoni, il-ġbir u l-iskambju tad-data, dwar l-attività tal-gżejjer vulkaniċi u tal-vulkani oċeaniċi u r-rabtiet tagħhom mal-oċeani; jenfasizza r-rwol ewlieni li jista' jkollhom ir-reġjuni ultraperiferiċi f'dan il-qasam;

    160.

    Jirrimarka li l-enerġija rinnovabbli mill-ibħra u l-oċeani għandha potenzjal sinfikanti għall-ilħuq tal-miri tal-klima u l-enerġija u għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija; jenfasizza li tinħtieġ aktar riċerka dwar il-mewġ, il-kurrenti u s-salinità kif ukoll l-iżvilupp ta' kriterji adegwati ta' sostenibbiltà ambjentali;

    161.

    Ifakkar li waħda mill-miri tal-istrateġija tat-“tkabbir blu” hija li jittejjeb l-għarfien oċeanografiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu sħubiji fir-riċerka u fix-xjenza marina ma' atturi internazzjonali u jsaħħu dawk li diġà jeżistu, bħal pereżempju l-BluMed;

    162.

    Jilqa' l-appoġġ tal-UE permezz tal-programmi għar-riċerka tal-baħar u marittima u għall-innovazzjoni ffinanzjati mill-programm qafas; jitlob lill-Kummissjoni tibqa' tipprovdi dan l-appoġġ;

    163.

    Jitlob li jkun hemm biżżejjed finanzjament biex jiġu appoġġati azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni tal-baħar u marittimi, b'mod partikolari dawk trans-settorjali f'missjoni ddedikata għar-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-oċeani;

    164.

    Jappoġġa l-kontinwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Galway tal-2013 u jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' forom simili ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

    165.

    Jenfasizza li l-promozzjoni ta' aktar investimenti fix-xjenza dwar il-baħar flimkien ma' pajjiżi terzi, bħal fl-ambitu tad-Dikjarazzjoni ta' Galway tal-2013, kif ukoll investimenti fi proġetti ta' riċerka komuni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-twaqqif ta' netwerks internazzjonali li bihom ir-riżultati u l-informazzjoni jistgħu jiġu kondiviżi, huma ta' importanza kbira għall-iżvilupp ta' ġestjoni tas-sajd u tal-ekosistema tal-baħar aħjar u aktar sostenibbli u għall-indirizzar ta' sfidi komuni fir-rigward tal-oċeani;

    166.

    Itenni l-importanza li ssir ħidma flimkien mas-sħab internazzjonali għat-tisħiħ tal-immappjar, l-osservazzjonijiet u r-riċerka fil-Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u fl-Atlantiku, f'konformità mal-inizjattiva BLUEMED u d-Dikjarazzjonijiet ta' Belém u Galway u mal-alleanzi globali jew reġjonali bħall-Forum ta' Belmont;

    167.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi allinjament tal-EMODnet ma' sforzi oħrajn ta' ġbir tad-data marittima internazzjonali sal-2018; ifakkar fl-importanza tal-impenn tal-Unjoni għall-SDGs tan-NU u b'mod partikolari l-SDGs 14.A u 14.A.1 kif ukoll għall-Komunikat ta' Tsukuba tal-Ministri tat-Teknoloġija tal-G7 f'dan il-kuntest; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfakkru lis-sħab internazzjonali dwar l-impenji tagħhom li jippromwovu xjenza aċċessibbli, interoperabbli u miftuħa; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar il-progress miksub lejn pjattaformi ta' osservazzjoni tal-oċeani verament dinjija;

    168.

    Jitlob, b'konformita mas-sejħa tan-NU għall-azzjoni “Our Ocean, Our Future” (L-Oċean Tagħna, il-Futur Tagħna), li jitwettqu valutazzjonijiet bir-reqqa dwar l-istat tal-oċeani, ibbażati kemm fuq ix-xjenza kif ukoll fuq l-għarfien tradizzjonali;

    169.

    Jenfasizza l-ħtieġa li nimxu 'l quddiem lejn sistemi ta' osservazzjoni tal-oċeani adatti għall-iskop maħsubin għalih, aċċess għal data marittima u trattament ta' kwantitajiet kbar ta' data (inkluż il-“blue cloud”), f'konformità mal-Komunikat ta' Tsukuba;

    170.

    Jinkoraġġixxi li jiġu ddedikati aktar riżorsi sabiex jiżdied l-għarfien tal-baħar u l-fehim tal-oċeani, b'attenzjoni partikolari għar-riċerka xjentifika tal-baħar, il-ġbir ta' data ġdida u u pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-għarfien u tad-data, kif ukoll għall-promozzjoni ta' żvilupp tal-politika u teħid tad-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli; itenni l-importanza tal-approċċ ta' prekawzjoni f'każijiet fejn ma tkunx disponibbli evidenza xjentifika adegwata;

    171.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-entitajiet privati, jiffokaw primarjament fuq il-proġetti ta' innovazzjoni, bijoteknoloġiji blu u l-użu tal-enerġija nadifa sabiex jippromwovu u jadattaw aħjar l-infrastruttura ekoloġika u t-trasport marittimu, u għall-protezzjoni tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-oċeani permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-programm Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF); jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiffukaw fuq karburanti alternattivi u nonkonvenzjonali għall-bastimenti, bħal-LNG, u fuq il-proġett Kurituri Blu tal-LNG li jgħaqqad lill-gżejjer sabiex jippromwovu u jadattaw l-infrastrutturi – bħal terminals tal-LNG – bħala teknoloġiji pont, bl-użu tal-istrumenti ta' finanzjament imsemmija hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sħubiji tal-oċeani ma' atturi ewlenin tal-oċeani bħala mezz biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni, il-koerenza tal-politika u l-koordinazzjoni fuq kwistjonijiet ta' interess komuni f'oqsma ċentrali għall-governanza tal-oċeani, bħal pereżempju t-Tkabbir Blu u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

    172.

    Jinnota li l-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur marittimu jinvolvu ħiliet u kwalifiki diġitali mtejba, u jenfasizza li dan jirrappreżenta opportunità biex iż-żgħażagħ jiġu attirati; jistieden lill-Kummissjoni tressaq inizjattivi f'dan il-qasam, tiżviluppa inizjattivi konġunti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u tippromwovi attivitajiet marini u marittimi differenti;

    173.

    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' referenza fil-komunikazzjoni konġunta dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani għat-turiżmu kostali u marittimu, fid-dawl tal-impatt tiegħu fuq ir-reġjuni kostali, insulari u ultraperiferiċi, u fuq is-settur tat-turiżmu lokali, li jinvolvi, fil-parti l-kbira, impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jappella għall-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea tat-turiżmu fi ħdan il-qafas tal-Forum Internazzjonali tal-Oċeani, li tinvolvi r-reġjuni u tinkludi l-awtoritajiet lokali kostali, fid-djalogu pan-Ewropew għal skambju tal-aħjar prattiki dwar il-governanza intelliġenti fit-turiżmu marittimu u kostali; jinsisti li l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-plastik u skart ieħor tal-baħar m'għandhiex tinsa ż-żoni kostali, peress li t-taqlib fl-ambjent tal-baħar għandu impatt tassew negattiv fuq l-attirar tat-turisti, kif ukoll impatt ekonomiku u klimatiku inevitabbli fuq l-attivitajiet kollha fir-reġjuni ultraperiferiċi;

    174.

    Jitlob li jissaħħu l-isforzi biex jittejbu r-riċerka u l-innovazzjoni li jippermettu titjib fil-governanza tal-oċeani b'mod li jiżgura l-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi marini, inkluża s-sostenibbiltà ta' dawn ir-riżorsi, kif ukoll il-litteriżmu dwar l-oċeani, kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja, permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib u skambji bejn ir-riċerkaturi, il-partijiet ikkonċernati, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku, bil-għan li tittejjeb l-edukazzjoni dwar l-oċeani u l-karrieri fl-ekonomija blu; jappella għal valutazzjoni bir-reqqa tal-istat tal-oċean, ibbażata kemm fuq ix-xjenza kif ukoll fuq sistemi ta' għarfien tradizzjonali, skont id-dokument tan-NU “L-Oċean Tagħna, il-Futur Tagħna: Sejħa għal Azzjoni”;

    175.

    Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali tar-reġjuni kostali u ultraperiferiċi jiġu inklużi fil-proċess tat-tqarrib tal-governanza internazzjonali tal-oċeani lejn iċ-ċittadini tal-UE;

    o

    o o

    176.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 60.

    (2)  Ara t-testi adottati, P8_TA(2017)0069, P8_TA(2017)0070, P8_TA(2017)0071 u P8_TA(2017)0072.

    (3)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

    (4)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.

    (5)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

    (6)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.

    (7)  ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

    (8)  ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38.

    (9)  ĠU L 321, 5.12.2011, p. 1

    (10)  ĠU L 251, 16.9.2016, p. 77.

    (11)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.

    (12)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

    (13)  Testi adottati, P8_TA(2017)0035.

    (14)  Testi adottati, P8_TA(2017)0093.

    (15)  Testi adottati, P8_TA(2016)0478.

    (16)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 70.

    (17)  ĠU C 75, 26.2.2016, p. 24.

    (18)  “Plastic waste inputs from land into the ocean” (L-inputs tal-iskart tal-plastik mill-art fl-oċean), Jenna R. Jambeck, Roland Geyer, Chris Wilcox, Theodore R. Siegler, Miriam Perryman, Anthony Andrady, Ramani Narayan, Kara Lavender Law, Science, Vol. 347, Ħarġa 6223, 13 ta' Frar 2015, pp. 768-771.

    (19)  Marine Plastic Debris and Microplastics (Fdalijiet tal-Plastik fil-Baħar u l-Mikroplastiks), UNEP https://wedocs.unep.org/rest/bitstreams/11700/retrieve.

    (20)  L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “The impact of international shipping on European air quality and climate forcing”, 2013

    (21)  Winkel, R., Weddige, U., Johnson, D., Hoen, V., and Papaefthimiou, S. (2015), “Shore Side Electricity in Europe: Potential and environmental benefits”, Energy Policy, DOI: http://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0301421515300240

    (22)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.


    Top