Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IE2210

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn Direttiva Qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2018/02210

ĠU C 190, 5.6.2019, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn Direttiva Qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 190/01)

Relatur: Georges DASSIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.3.2018

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

18.12.2018

Adottata fil-plenarja

20.2.2019

Sessjoni plenarja Nru

541

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

158/81/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Minn meta ġiet stabbilita l-ewwel Komunità Ewropea, il-KEFA, fl-1952, il-biċċa l-kbira ta’ żewġ ġenerazzjonijiet ta’ ċittadini Ewropej issieħbu fil-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea. Il-koeżjoni ekonomika u soċjali kienet fattur importanti tal-adeżjoni taċ-ċittadini fil-proġett.

1.2

Minn mindu faqqgħet il-kriżi ekonomika ta’ wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, u minkejja l-irkupru ekonomiku osservat f’dawn l-aħħar snin, ir-rata tal-faqar għadha qed tikber għal dawk qiegħda fit-tul u għall-ħaddiema foqra, u dawn ir-rati għadhom f’livelli allarmanti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE.

1.3

S’issa, it-testi tal-Unjoni u l-kontributi tagħha, bħall-Istrateġija 2020 li kellha l-għan li tnaqqas b’20 miljun l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar, ma tawx ir-riżultati mistennija. L-applikazzjoni tal-principju tas-sussidjarjetà, bil-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) bħala l-uniku mekkaniżmu tiegħu, għalhekk mhux biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti.

1.4

L-introduzzjoni ta’ qafas Ewropew vinkolanti għal introjtu minimu deċenti fl-Ewropa tkun tippermetti l-integrazzjoni tal-iskemi ta’ introjtu minimu u li dawn jiġu appoġġjati u jsiru deċenti (adatti) fl-Istati Membri. Din tkun għalhekk tikkostitwixxi l-ewwel rispons Ewropew importanti għall-problema serja u persistenti tal-faqar fl-Ewropa. Dan ikun jikkonfroma għalkollox mal-idea ta’ “Ewropa ta’ klassifikazzjoni soċjali triple A”imħabbra mill-President Juncker u tagħti sinjal konkret liċ-ċittadini, billi tixhed li l-Unjoni taħdem għalihom.

1.5

Hija tista’ tieħu l-forma ta’ Direttiva li tistabbilixxi qafas ta’ referenza għall-istabbiliment ta’ introjtu minimu adegwat, adattat għal-livell u għall-istil ta’ ħajja ta’ kull wieħed mill-pajjiżi u li tqis l-elementi tar-ridistribuzzjoni soċjali, tat-tassazzjoni u l-livell tal-ħajja abbażi ta’ baġit ta’ referenza, fejn il-metodoloġija tkun definita fil-livell Ewropew.

1.6

L-għażla tal-istrumenti legali li jikkostitwixxu dan il-qafas Ewropew għall-istabbiliment ta’ introjtu minimu deċenti fl-Ewropa hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għal dawk kollha li għandhom bżonn ta’ din l-assistenza u li tiġi garantita l-adegwatezza tal-assistenza għall-ħtiġijiet reali tagħhom. L-introjtu minimu deċenti jikkostitwixxi wkoll għodda għall-integrazzjoni/għar-riintegrazzjoni fl-impjieg tal-persuni esklużi u għall-ġlieda kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu.

1.7

Il-kwistjoni tal-introduzzjoni ta’ introjtu minimu deċenti garantit mill-UE hija waħda politika ferm. Filwaqt li t-TUE, it-TFUE, il-Karta Komunitarja tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, il-Karta tal-2000 dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġġustifikaw azzjoni Ewropea f’dan il-qasam, saru dibattiti dwar l-eżistenza ta’ bażi legali għal leġislazzjoni tal-UE dwar l-introjtu minimu. Dawk li jiddefendu l-użu tal-leġislazzjoni Ewropea hawnekk, isibu din il-bażi legali fl-Artikolu 153(1)(c) (1) u (h) (2) tat-TFUE. Il-KESE jirrakkomanda approċċ prammatiku li jikkonsisti f’qafas tal-UE vinkolanti biex jappoġġja u jiggwida l-iżvilupp ta’ skemi ta’ introjtu minimu deċenti fl-Istati Membri, kif ukoll l-iffinanzjar tagħhom.

1.8

Fl-ewwel Opinjoni tiegħu dwar is-suġġett, il-KESE stieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilitajiet ta’ finanzjament ta’ introjtu minimu Ewropew, billi tiffoka b’mod partikolari fuq il-prospett tal-ħolqien ta’ Fond Ewropew adatt (3). Peress li l-Kummissjoni ma laqgħetx din l-istedina, il-Kumitat iqis li għandu jġeddidha.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Introduzzjoni

2.1.1

Id-dibattitu dwar l-adozzjoni ta’ introjtu minimu fil-livell Ewropew jinsab fl-isfond ta’ kriżi soċjali li, minkejja l-irkupru ekonomiku, għadha tippersisti u li qed twassal għal ammont kbir ta’ esklużjoni. Skont l-aħħar ċifri tal-Eurostat, 112,9-il miljun persuna, jiġifieri 22,5 % tal-popolazzjoni, fl-Unjoni Ewropea (UE) kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan ifisser li dawn il-persuni kienu milqutin minn tal-inqas minn waħda mit-tliet kundizzjonijiet li ġejjin: f’riskju ta’ faqar wara trasferimenti soċjali (faqar monetarju), f’sitwazzjoni ta’ privazzjoni materjali serja jew jgħixu f’familji b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol. Wara tliet snin konsekuttivi ta’ żidiet bejn l-2009 u l-2012 għal kważi 25 %, il-proporzjon ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE naqas kontinwament u laħaq livell ta’ 22,5 % is-sena li għaddiet, 1,2 punt perċentwali inqas mil-livell referenzjarju tal-2008 u punt perċentwali inqas mil-livell tal-2016 (4).

2.1.2

Sfortunatament, rigward is-suġġett ta’ din l-Opinjoni dwar introjtu minimu deċenti għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar jew faqar kbir, il-qgħad fit-tul żdied minn 2,9 % fl-2009 (sena ta’ referenza meta ġiet adottata l-Istrateġija 2020) għal 3,4 % fl-2017, u l-għadd ta’ ħaddiema fqar fiż-żona tal-euro żdied minn 7,6 % fl-2006 għal 9,5 % fl-2016 (minn 8,3 % fl-2010, l-ewwel sena b’ċifri disponibbli, għal 9,6 % fl-UE 28).

2.1.3

Dawk l-aktar milquta huma ż-żgħażagħ. Fl-2016, l-UE kellha aktar minn 6,3 miljun żagħżugħ (bejn il-15 u l-24 sena) mingħajr xogħol, barra mill-edukazzjoni u mit-taħriġ (NEET). Għalkemm ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ naqset b’aktar minn 23 % fl-2013 biex stabbilizzat għal inqas minn 19 % fl-2016, din għadha għolja ħafna fl-UE (f’diversi pajjiżi tilħaq aktar minn 40 %). Il-qgħad fit-tul għadu jirreġistra livelli rekord fost iż-żgħażagħ. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija aktar mid-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad (madwar 19 % meta mqabbla ma’ 9 % fl-2016) u taħbi disparitajiet kbar bejn il-pajjiżi: aktar minn 30 punt perċentwali jifirdu lill-Istat Membru bl-iktar rata baxxa, jiġifieri l-Ġermanja (7 %), mill-Istati Membri bl-ogħla rati, jiġifieri l-Greċja (47 %) u Spanja (44 %).

2.1.4

Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ta’ esklużjoni kbira u ta’ faqar taffettwa b’mod partikolari lit-tfal. Skont il-Eurostat, 26 miljun tifel u tifla Ewropej jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni. Dawn jirrappreżentaw 27 % tal-popolazzjoni tal-UE li għandha inqas minn 18-il sena (5). Dawn it-tfal jgħixu f’familji fqar, xi drabi b’ġenitur wieħed, jew f’familji ta’ ħaddiema fqar, u f’sitwazzjonijiet ta’ iżolament u ta’ faqar li diffiċli jirnexxielhom joħorġu minnhom. Kif jenfasizza wkoll il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Diċembru 2010 (6), “minħabba l-qgħad, ir-responsabilitajiet ta’ ħarsien li ma jistgħux faċilment jittieħdu minn persuna waħda, l-impjegi insikuri u bi ħlas baxx, id-diskriminazzjoni fir-rigward tal-paga, u l-pensjonijiet aktar baxxi, in-nisa jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-popolazzjoni vulnerabbli għall-faqar”.

2.1.5

F’din is-sitwazzjoni, wieħed ma jistax ma jinnotax l-importanza tal-protezzjoni soċjali li teżisti f’għadd ta’ pajjiżi tal-UE, li għenet biex jiġu evitati aktar traġedji fil-kuntest tal-kriżi, iżda din il-protezzjoni għandha l-limiti tagħha u ma tistax tippersisti f’sitwazzjoni kontinwa ta’ kriżi soċjali. Għalhekk jinħtieġ irkupru ekonomiku li joħloq l-impjiegi, u l-introjtu minimu jsir strument għall-integrazzjoni/għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta’ persuni esklużi. Barra minn hekk, il-pajjiżi li għandhom skemi ta’ introjtu minimu deċenti huma kapaċi jirreżistu aktar għall-impatti negattivi tal-kriżi u tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi li jdgħajfu l-koeżjoni soċjali. Hemm sinjali inkoraġġanti ta’ rkupru ekonomiku iżda dan għadu fraġli u kien imsejjes fuq inugwaljanzi dejjem jikbru. Għaldaqstant id-dibattitu dwar l-istabbiliment ta’ introjtu minimu deċenti fl-Ewropa huwa rilevanti ħafna f’dan il-perjodu.

2.1.6

Għalissa, it-testi tal-Unjoni u l-kontributi tagħha, bħall-Istrateġija 2020 adottata f’Ġunju 2010, li kellha l-għan li tnaqqas b’20 miljun l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar, ma tawx ir-riżultati mistennija. Peress li l-applikazzjoni tal-principju tas-sussidjarjetà, bil-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) bħala l-uniku mekkaniżmu tiegħu, ma tatx ir-riżultati mistennija, dan il-metodu jitlob li jkun komplementat minn strument tal-UE. L-iskemi ta’ introjtu minimu deċenti huma ta’ benefiċċju mhux biss għal dawk fil-bżonn iżda wkoll għas-soċjetà kollha kemm hi. Huma jiżguraw li n-nies fil-bżonn jibqgħu attivi fis-soċjetà, jgħinuhom jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jippermettulhom jgħixu b’dinjità. L-introjtu minimu deċenti huwa essenzjali biex ikollna soċjetà iżjed ugwali, huwa l-bażi ġenwina tal-protezzjoni soċjali u jiżgura l-koeżjoni soċjali, li hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha.

2.1.7

L-iskemi ta’ introjtu minimu jirrappreżentaw biss perċentwal żgħir mill-infiq soċjali, iżda joffru redditu konsiderevoli fuq l-investiment, filwaqt li n-nuqqas ta’ investiment għandu konsegwenzi negattivi ħafna għall-individwi u jġib miegħu spejjeż għoljin fuq medda twila ta’ żmien. Dawn jiffurmaw sett ta’ stimoli effettivi peress li l-flus li jintefqu jirritornaw minnufih fl-ekonomija, ħafna drabi fis-setturi li jbatu l-aktar minħabba l-kriżi. Minħabba l-interazzjoni bejn l-introjtu minimu u l-paga minima, huma jiżguraw ukoll pagi deċenti u jgħinu wkoll biex jiġi evitat in-numru dejjem jiżdied ta’ ħaddiema foqra.

2.1.8

Huwa importanti li wieħed ma jħawwadx il-kunċett ta’ introjtu minimu deċenti, diskuss f’din l-Opinjoni, ma’ dak ta’ universali mħallas lill-membri kollha ta’ komunità (muniċipalità, reġjun jew Stat) mingħajr kundizzjoni ta’ riżorsi jew ta’ impjieg. Barra minn hekk, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom skemi nazzjonali ta’ introjtu minimu (7), għad irid jiġi eżaminat kemm huma adattati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet, peress li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan għadu ostaklu. Qed issir ħidma dwar dan bħalissa fil-Ġermanja u Franza (8).

2.1.9

Diġà sar ħafna xogħol dwar l-introjtu minimu u diġà ġew espressi għadd ta’ pożizzjonijiet f’dan ir-rigward. B’din l-Opinjoni, il-KESE jinsisti fuq il-kunċett ta’ “deċenza”(minimu li jippermetti ħajja dinjituża, ’il fuq mil-limitu minimu tal-faqar) ispirat mill-kunċett ta’ “xogħol deċenti”tal-ILO (9).

2.1.10

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat ix-xogħol li sar mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew, il-Kumitati għall-Impjiegi u tal-Protezzjoni soċjali tal-Kunsill tal-UE, u l-kontribut diġà konsiderevoli ta' netwerks bħall-European Minimum Income Network (EMIN) (10) u x-xogħol kollu tal-European Anti-Poverty Network (EAPN) (11), li magħhom hija assoċjata wkoll il-KETU. Ma ninsewx ukoll il-ħidma tal-ILO u tal-Kunsill tal-Ewropa.

2.1.11

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri introduċew skemi ta’ introjtu minimu. Id-definizzjonijiet, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u l-livelli ta’ applikazzjoni huma estremament differenti, u hemm bżonn li jiġu integrati u armonizzati permezz ta’ kriterji komuni li jippermettu li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull pajjiż. S’issa, il-Kummissjoni appoġġjat introjtu minimu, filwaqt li kkunsidrat li huwa f’idejn l-Istati Membri biex jirregolaw din il-kwistjoni. In-nuqqas ta’ riżultati sinifikanti jirrikjedi linji politiċi nazzjonali u koordinazzjoni msaħħin sal-2020, iżda wkoll l-istabbiliment ta’ mezzi Ewropej aktar effettivi sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit.

2.1.12

Xi kummenti bażiċi biex intemmu din l-introduzzjoni:

l-introjtu minimu deċenti jagħmel sens biss f’approċċ komprensiv ta’ integrazzjoni u inklużjoni attiva li jgħaqqad l-aċċess għas-swieq tax-xogħol inklużivi — b’impjiegi ta’ kwalità tajba u b’taħriġ kontinwu — mal-aċċess għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità tajba, b’mod partikolari tal-edukazzjoni u tas-saħħa;

id-dritt għax-xogħol għandu jibqa’ dritt fundamentali bħala element ċentrali ta’ emanċipazzjoni u ta’ indipendenza ekonomika;

l-introjtu minimu deċenti huwa fundamentalment approċċ temporanju iżda essenzjali, li l-għan tiegħu huwa l-integrazzjoni/ir-riintegrazzjoni tal-persuni fis-suq tax-xogħol permezz ta’ miżuri attivi. Din hija miżura ewlenija għall-kredibilità soċjali tal-Unjoni Ewropea;

l-adegwatezza, il-kopertura u l-aċċess għal dħul minimu għadhom sfida ewlenija għall-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom biex jiżviluppaw is-sistemi tagħhom. Dawn l-iskemi jeħtieġ jiġu appoġġati u, jekk ikun meħtieġ, komplementati fil-livell Ewropew.

3.   Rieda politika u soluzzjonijiet tekniċi

3.1   Il-bażi legali teżisti u jeħtieġ li nużawha

3.1.1

Hemm diversi perspettivi dwar jekk jeżistux jew le bażijiet legali li jippermettu r-regolamentazzjoni tal-introjtu minimu. Madankollu huwa ovvju li l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) ma tax riżultati suffiċjenti biex jiżgura introjtu minimu adegwat fil-pajjiżi kollha tal-UE, u b’hekk enfasizza l-inugwaljanzi bejniethom, fatt li huwa problema kruċjali għall-kredibilità tal-Unjoni Ewropea.

3.1.2

L-introjtu minimu huwa l-ewwel u qabel kollox kwistjoni politika. Hija għażla fil-livell tal-Unjoni u l-Kummissjoni ma tistax tinħeba wara principju tas-sussidjarjetà, li ma ntużax kif imiss f’din il-kwistjoni, biex tiddeċiedi li ma tista’ tagħmel xejn. In-nuqqas ta’ inizjattiva mill-Kummissjoni jkun inaċċettabbli u jagħmel il-proġett tal-Unjoni inkomprensibbli għaċ-ċittadini fir-rigward ta’ suġġett li jolqot id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem. Għalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi azzjoni minnufih biex issaħħaħ strateġija koordinata mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali u Ewropew għall-iżvilupp tal-introjtu minimu u għat-tħejjija ta’ strument tal-UE vinkolanti bbażat fuq metodoloġija komuni li tiddefinixxi baġits ta’ referenza li jiżguraw introjtu minimu deċenti.

3.1.3

B’referenza għall-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1961, għall-Karta Komunitarja tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u għall-Karta tal-2000 dwar id-Drittijiet Fundamentali (l-Artikolu 34), jidher biċ-ċar li l-introjtu minimu huwa parti mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni, li għandha tieħu l-inizjattiva dwaru biex tikkompleta u tarmonizza l-azzjoni tal-Istati Membri. Dan, aktar u aktar meta fil-punt 14 tal-Proposta għal Pilastru Soċjali, il-Kummissjoni tiddikjara b’mod ċar “…[i]d-dritt għal benefiċċji ta’ introjtu minimu adegwati li jiżguraw ħajja f'dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja, u għal aċċess effettiv li jippermetti prodotti u servizzi (…)”.

3.1.4

Ir-referenzi legali fit-Trattati huma partikolarment importanti. Dawn jinkludu: l-Artikolu 3 tat-TUE, li jsemmi fost l-objettivi tal-Unjoni l-impjieg sħiħ u l-progress soċjali, u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-Artikolu 9 tat-TFUE li jgħid li: “Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”, u, b’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 151 tat-TFUE li jiftaħ it-Titolu X dwar il-politika soċjali u li jsemmi bħala għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, “il-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bl-għan ta’ livell għoli ta’ impjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni”, għanijiet li jistgħu jintlaħqu mill-Unjoni sa fejn hija (Artikolu 153(1) tat-TFUE) “ ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma: (…) (c) is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema; (h) l-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol; (j) il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali; [u] (k) il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali (…)”

3.1.5

Jinħtieġ ukoll li jiġu definiti min huma dawk li jaqgħu fil-kunċett ta’ “ħaddiem”. Il-Kumitat jeħtieġ li jeżamina dan il-kunċett aktar fid-dettall, speċjalment meta d-dritt tal-Unjoni ma jiddefinixxix il-kunċett komuni ta’ “ħaddiem”. Għaldaqstant wieħed irid jara fuq liema kunċett ta’ “ħaddiem”huwa bbażat l-Artikolu 153(1)(c) tat-TFUE. Sadanittant, jista’ jingħad b’ċertezza li dak li huwa deċiżiv fl-Artikolu 153 tat-TFUE mhuwiex il-kunċett ta’ “ħaddiem”fis-sens tad-dritt għall-moviment liberu, iżda pjuttost il-kunċett ta’ “ħaddiem”fis-sens tad-dritt għas-sigurtà soċjali — li min-naħa tiegħu japplika għall-persuni kollha li għandhom id-dritt ta’ aċċess għas-sistemi li jkopru r-riskji kollha msemmija fir-Regolament (KE) Nru 883/2004.

3.1.6

Kif stqarr il-Kumitat preċedentemnent: “Fid-dawl tal-fatt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali qed irewħu n-nirien ta’ tendenzi populisti, il-KESE jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2016 dwar Il-ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Approċċ integrat (12) u jappoġġja l-ħolqien tal-perspettiva finanzjarja li jmiss ta’ fond Ewropew integrat fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, ibbażata fuq l-esperjenza s’issa tal-implimentazzjoni tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE).” (13)

3.1.7

Ir-rieda politika teħtieġ evalwazzjoni oġġettiva tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u tas-suċċessi u l-fallimenti tagħha, u titlob li l-azzjoni tal-UE tkun viżibbli biex tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri. Dan l-appoġġ addizzjonali jista’ jieħu l-forma ta’ Fond Ewropew intiż biex jiffinanzja l-introjtu minimu stabbilit mill-qafas legali.

3.1.8

Il-Kummissjoni m’għandhiex tinħeba wara l-principju tas-sussidjarjetà. Meta l-Istati Membri jagħmlu oġġezzjoni abbażi tas-sussidjarjetà, ġeneralment dan jagħmluh sabiex jevitaw li jibdlu d-dritt nazzjonali tagħhom fid-dawl ta’ azzjoni tal-Unjoni. Madankollu, bħala gwardjana tal-interessi ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tirreferi b’mod astratt għall-principju tas-sussidjarjetà, minħabba li f’dan il-każ dan ikun ifisser awtoċensura saħansitra aktar serja meta hija kwistjoni ta' drittijiet fundamentali. Fin-nuqqas ta’ abbozz ta’ att leġislattiv tal-Kummissjoni, l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità ma jistax ikun kompletament effettiv. Fil-fatt, minbarra l-Kunsill, “Kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta’ parlament nazzjonali jistgħu, fi żmien tmien ġimgħat mid-data minn meta jirċievu abbozz ta’ att leġislattiv fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, jibgħatu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz inkwistjoni ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.”Din l-espressjoni demokratika, li tista’ tkun differenti minn dik espressa mill-Kunsill, tfalli kull darba li d-dibattitu bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill jimpedixxi l-adozzjoni possibbli ta’ att leġislattiv.

3.1.9

Finalment, ir-referenza għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-prinċipji tiegħu bis-sħiħ, ma jistax ikun argument kontra l-adozzjoni ta’ instrument Ewropew vinkolanti dwar is-suġġett, speċjalment meta huwa aċċettat li l-bażi legali teżisti fit-Trattat. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa dikjarazzjoni pproklamata mill-istituzzjonijiet kollha Ewropej u l-għan tiegħu “hu li jservi bħala gwida lejn riżultati tal-impjiegi u soċjali” (14). Għalhekk, il-Pilastru għandu jkun ta’ appoġġ għal proposti ta’ azzjoni u ta’ leġislazzjoni, kif il-Kummissjoni bdiet tagħmel. Barra minn hekk, il-kliem tal-punt 14 tal-Pilastru — “Kull min ma għandux riżorsi suffiċjenti għandu d-dritt għal benefiċċji minimi ta’ introjtu adegwati li jiżguraw ħajja f’dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja, u għal aċċess effettiv li jippermetti prodotti u servizzi”— ma jistax jiġi interpretat b'mod ristrett. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tikkontradixxi l-Premessa 6 tal-Pilastru, li tfakkar li t-TFUE “fih dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-poteri tal-Unjoni relatati fost oħrajn (…) mal-politika soċjali (l-Artikoli 151 sa 161)”. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda s-setgħat leġislattivi tal-UE, id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirreferi għall-Artikolu tat-Trattat dwar l-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol.

3.1.10

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, li jikkondividi bis-sħiħ il-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Soċjali, iqis li l-adozzjoni ta’ strument Ewropew vinkolanti għall-istabbiliment ta’ introjtu minimu deċenti fil-livell Ewropew se tiżgura li d-dikjarazzjonijiet solenni li, kollha kemm huma, sa mill-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali ’l quddiem, jinvokaw il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, ikunu fuq bażi soda, u se tibgħat il-messaġġ li l-Ewropa tas-seklu 21 ma tistax tinbena mingħajr ma tagħti każ il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

3.2   Is-soluzzjonijiet tekniċi essenzjali

3.2.1

Mil-lat tekniku, jinħtieġ li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet għal aċċess għal introjtu minimu garantit (GMI). Il-GMI għandu jiġi stabbilit billi jitqiesu b’mod partikolari l-fatturi li ġejjin:

ir-rabta bejn il-GMI u l-kundizzjoni ta’ attivazzjoni,

l-impatt tal-kompożizzjoni tal-unità domestika, minħabba l-importanza tal-“fattur tat-tfal”fil-faqar,

riżorsi oħrajn, pereżempju l-wirt,

komponenti tal-GMI fi flus kontanti u in natura, eż. permezz ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, mobilità, appoġġ għall-familja u l-utilitajiet.

3.2.2

Introjtu minimu għandu jkun stabbilit bħala parti minn approċċ komprensiv tal-ħtiġijiet differenti tal-bniedem, li ma jillimitax ruħu għal livell ta’ sopravivenza jew sempliċiment għar-rata tal-faqar ikkalkulata mill-introjtu medju li, fir-realtà, ma jissodisfax, f’ċerti pajjiżi, il-ħtiġijiet essenzjali. Għalhekk jeħtieġ li jiġu integrati l-ħtiġijiet kollha mil-lat ta’ livell ta’ għajxien, ta’akkomodazzjoni, ta’ edukazzjoni, ta’ saħħa u ta’ kultura, sabiex il-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u maqbuda fil-faqar jiġu offruti l-aqwa kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni jew ta’riintegrazzjoni. Jeżisti dibattitu dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess li jeħtieġ li jiġu ċċarati.

3.2.3

Dan l-approċċ huwa bbażat fuq ix-xogħol ta’ ekonomisti bħal pereżempju Amartya Sen, dwar dak li huwa stess isejjaħ “kapaċitajiet”, li jikkonsistu fi tliet elementi:

Saħħa/għomor — L-istudji reċenti wrew li l-persuni foqra ma jonfqux flus fil-kura tas-saħħa tagħhom u b’mod partikolari fil-kura tas-snien. Għandhom livell ta’ iġjene baxx, jieklu inqas bnin u għalhekk ibatu aktar minn problemi ta’ obeżità. Jeżistu differenzi sinfikanti fl-istennija tal-għomor bejn is-sinjuri u l-foqra. Huwa importanti li jitqies ukoll kemm ikun iebes ix-xogħol.

Għarfien/livell ta’ edukazzjoni — L-istatistika turi b’mod ċar il-livell tal-qgħad skont il-livelli differenti ta’ edukazzjoni. 11 % tal-Ewropej ta’ bejn it-18 u l-24 sena telqu mill-iskola qabel il-waqt, skont id-data tal-2015 tal-Eurostat.

Livell ta’ għajxien — Dan ifisser l-integrazzjoni tal-elementi kollha tal-kwalità tal-ħajja fil-kapaċità tal-akkwist u mhux biss tal-elementi ta’ sopravivenza fuq l-ikel. Il-kapaċità tal-mobilità u l-aċċess għall-kultura huma elementi importanti ta’ integrazzjoni jew inklużjoni fir-relazzjoni mal-oħrajn u ta’ soċjabilità, jiġifieri l-mezzi biex in-nies foqra ma jispiċċawx iżolati f’ċirku vizzjuż ta’ desoċjalizzazzjoni.

3.2.4

L-istrumenti għall-kalkolu ta’ introjtu minimu adegwat għandhom jinħolqu b’mod prammatiku u flessibbli. Għandha tiġi stabbilita metodoloġija komuni biex jiġi definit il-kalkolu ta’ baġit ta’referenza u l-adattament ta’ dan il-baġit ta’ referenza għal kull pajjiż. Diġà saret xi ħidma importanti, b’mod partikolari miċ-Ċentru għall-Politika Soċjali tal-Università ta’ Antwerp u minn l-EMIN. Dawn il-baġits ta’ referenza għandhom jiżguraw kemm l-elementi ta’ tqabbil bejn l-Istati Membri u għandhom jiġu applikati b’mod flessibbli skont il-kundizzjonijiet ta’ kull pajjiż. Huma għandhom mhux biss jintegraw dik li tissejjaħ ix-“xirja tal-ikel”iżda wkoll is-saħħa u l-kura personali, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-ilbies, il-mobilità, is-sigurtà, id-divertiment, ir-relazzjonijiet soċjali u s-sigurtà relatata mat-tfulija u l-għaxar oqsma identifikati għall-metodoloġija komuni fil-proġett dwar il-baġits ta’ referenza. Wieħed mill-merti ta’ dawn il-baġits ta’ referenza, promossi b’mod qawwi mir-riċerkaturi kif ukoll mill-NGOs bħall-EAPN u l-EMIN, huwa l-użu tagħhom meta tiġi biex tiġi ttestjata l-validità tal-indikaturi tal-faqar użati sa issa biex jiġu stabbiliti l-livelli limitu tal-faqar.

3.2.5

Huwa importanti li jiġi vvalutat ukoll kif l-istabbiliment ta’ introjtu minimu jista’ jwassal għal razzjonalizzazzjoni tal-assistenza soċjali f’ċerti pajjiżi. Dan l-approċċ huwa, pereżempju, dak li fuqu hija bbażata l-proposta ta’ “introjtu universali ta’ attività”indikata fil-pjan ta’ ġlieda kontra l-faqar ippreżentat mill-President tar-Repubblika Franċiża, li għandu l-għan li jiggarantixxi livell minimu ta’ dinjità għal dawk kollha li jistgħu jibbenefikaw minnu billi jlaqqgħu flimkien l-akbar għadd ta’ benefiċċji soċjali. Bl-istess mod, fil-Ġermanja, id-dibattitu mibdi dwar l-introduzzjoni ta’ introjtu minimu ta’ solidarjetà, jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, b’mod partikolari għal dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, billi tiġi ssemplifikata s-sistema ta’ għajnuna soċjali. Il-gvern diġà ppreveda pakkett ta’ EUR 4 biljun sal-2021.

Brussell, l-20 ta’ Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://www.bmas.de/SharedDocs/Downloads/DE/PDF-Publikationen/Forschungsberichte/fb491-eu-rechtsrahmen-soziale-grundsicherungssysteme.pdf;jsessionid=99C4D0B602A57E640467F949B3C34894?__blob=publicationFile&v=2.

(2)  https://eminnetwork.files.wordpress.com/2017/11/2017-nov-emin-la-route-de-lue-vers-le-revenu-minimum-fr-pdf-novembre-17.pdf; https://www.eapn.eu/wp-content/uploads/Working-Paper-on-a-Framework-Directive-EN-FINAL.pdf.

(3)  ĠU C 170, 05.06.2014, p. 23. Pro memoria, il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE kien ħejja dikjarazzjoni dwar l-Opinjoni u kien ivvota kontra din l-Opinjoni.

(4)  Eurostat.

(5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2015 ibbażata fuq statistika tal-Eurostat.

(6)  Proposta għal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea, 2010

(7)  Ara l-bażi tad-data MISSOC: https://www.missoc.org-database/comparative-tables/results/.

(8)  L-istabbiliment ta’ introjtu minimu huwa element tal-programm tal-gvern ta’ koalizzjoni fil-Ġermanja u dan is-suġġett jagħmel parti mill-pjan ta’ ġlieda kontra l-faqar ippreżentat mill-President Franċiż f’Settembru 2018.

(9)  http://www.ilo.org/global/topics/decent-work/lang–en/index.htm.

(10)  https://eminnetwork.files.wordpress.com/2017/11/2017-nov-emin-la-route-de-lue-vers-le-revenu-minimum-fr-pdf-novembre-17.pdf.

(11)  https://www.eapn.eu/wp-content/uploads/Working-Paper-on-a-Framework-Directive-EN-FINAL.pdf.

(12)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10434-2016-INIT/mt/pdf.

(13)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 15.

(14)  Premessa 12 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.


ANNESS

L-emenda li ġejja inċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Issostitwixxi t-titlu u l-Opinjoni kollha bit-test li ġej (ir-raġuni tinsab fl-aħħar tad-dokument):

Qafas Ewropew dwar l-Introjtu Minimu

Konklużjonijiet u proposti

Il-KESE kien kontributur attiv fid-dibattitu Ewropew dwar it-tnaqqis tal-faqar. B’mod partikolari l-idea ta’ introjtu minimu fil-livell Ewropew ġiet diskussa ħafna f’xi opinjonijiet preċedenti tal-KESE, kif ukoll fl-Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza “Lejn Direttiva Qafas Ewropea dwar l-Introjtu Minimu”. Il-KESE huwa konvint li hemm bżonn li titkompla l-ġlieda kontra l-faqar. Madankollu, hemm fehmiet diverġenti ħafna dwar l-għażla tal-istrumenti t-tajba. Filwaqt li napprezzaw sinċerament l-isforzi tar-relatur li jsib kompromess, ma nistgħux naqblu mal-viżjoni tiegħu ta’ strument vinkolanti għal introjtu minimu fil-livell Ewropew.

Din il-kontropinjoni għandha l-għan li tippreżenta approċċ kostruttiv u komprensiv biex jitnaqqas il-faqar fl-Istati Membri. Hija bbażata fuq il-fatt li l-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet kif minquxa fit-Trattati tal-UE jiddefinixxu b’mod ċar l-Istati Membri bħala l-uniċi atturi fit-tfassil tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, azzjonijiet fil-livell Ewropew għandhom ikunu bbażati fuq il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni bħala l-metodu ewlieni li jappoġġa lill-Istati Membri u fuq tagħlim reċiproku tal-aħjar approċċi nazzjonali. Din il-kontropinjoni tissuġġerixxi approċċ komprensiv bil-għan li jiġi mmassimizzat l-ambitu ta’ azzjonijiet fil-livell tal-UE f’dan ir-rigward.

Il-ġlieda kontra l-faqar għandha tkun impenn komuni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Skont ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2019, l-introjtu tal-familji qed ikompli jiżdied fi kważi l-Istati Membri kollha. L-għadd totali ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, jiġifieri 113-il miljun ruħ jew 22,5 % tal-popolazzjoni totali, anke jekk issa jinsab taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi, huwa inaċċettabbli u mhux affordabbli fuq perjodu twil. It-titjib ekonomiku attwali jipprovdi opportunità biex jiżdiedu r-riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-inklusivvitià, ir-reżiljenza u l-ekwità tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Madankollu, minħabba li hemm ukoll riskji negattivi għall-irkupru, huwa importanti li l-Istati Membri jaħtfu din l-opportunità kemm jista’ jkun malajr.

Filwaqt li l-Istrateġija Ewropa 2020 biex jitnaqqas in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar wasslet għal riżultati pożittivi, speċjalment fid-dawl ta’ irkupru ekonomiku u tas-suq tax-xogħol b'saħħtu, hemm bżonn li jsir aktar sabiex tinżamm it-tendenza pożittiva.

Din il-kontropinjoni tirrakkomanda l-elementi li ġejjin:

1.

Il-fokus tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri għandu jkun li jkomplu l-isforzi tagħhom għar-riforma u joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi. Dan huwa l-bażi tal-azzjonijiet kollha anke biex jitnaqqas il-faqar. Fit-tieni trimestru tal-2018, 239 miljun persuna kellhom impjieg fl-UE, l-ogħla livell sa mill-bidu tas-seklu. Bit-tendenza attwali, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta’ rata tal-impjieg ta’ 75 % fl-2020. Din it-tendenza pożittiva għandha wkoll tikkontribwixxi biex tinkiseb il-mira tal-Ewropa 2020 li jittaffa l-faqar. Politiki ekonomiċi sodi flimkien ma’ riformi strutturali kontinwi notevolment fis-swieq tax-xogħol u fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fl-Istati Membri huma prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjieg u l-benesseri tan-nies.

2.

Minbarra r-rwol ewlieni ta’ politiki ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol b’saħħithom fil-ġlieda kontra l-faqar, hemm bżonn ta’ approċċ integrat b’taħlita ta’ politika mmirata. L-introjtu minimu għandu rwol importanti f’dan l-approċċ iżda dan għandu jitqies fil-kuntest ta’ politiki integrati tal-impjieg u s-servizzi, partikolarment is-servizzi soċjali u tas-saħħa kif ukoll il-politiki dwar l-akkomodazzjoni. Fil-fatt, fil-pajjiżi kollha tal-UE, appoġġ minimu tal-introjtu ġie ttrasformat minn sempliċi appoġġ ekonomiku għal miżura attiva maħsuba biex takkumpanja lill-benefiċjarji biex joħorġu mill-esklużjoni soċjali u jkollhom ħajja attiva. Għalhekk, għandu jitqies bħala soluzzjoni temporanja li tappoġġja individwi f’perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm ikunu fil-bżonn. Dan it-tip ta’ integrazzjoni inklużiva bbażata fuq politiki ta’ attivazzjoni huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

3.

Fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-aħjar livell li fih għandu jiġi indirizzat l-introjtu minimu u jiġu implimentati miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-faqar huwa l-livell nazzjonali. F’konformità ma’ dan, il-pajjiżi kollha tal-UE introduċew mekkaniżmi ta’ introjtu minimu skont il-prattiki nazzjonali tagħhom u l-prestazzjoni ekonomika tagħhom. Id-definizzjonijiet, il-kundizzjonijiet u l-livelli ta’ applikazzjoni fl-Istati Membri huma differenti, għal raġunijiet ovvji.

4.

Hemm lok għall-azzjoni fil-livell tal-UE biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda approċċ prammatiku li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà filwaqt li jiġi massimizzat l-effett ta’ attivitajiet fil-livell Ewropew b’appoġġ u gwida għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ introjtu minimu fl-Istati Membri. L-Unjoni Ewropea u speċjalment il-Kummissjoni Ewropea għandhom jieħdu sehem aktar attiv billi jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri. Għalhekk, hemm bżonn li fi ħdan is-Semestru Ewropew titfassal strateġija kkoordinata fil-livell nazzjonali u Ewropew li tiffoka fuq azzjonijiet wiesgħa u miżuri speċifiċi, b’kunsiderazzjoni tar-rwol tal-baġits ta’ referenza nazzjonali.

Il-mod li bih l-Istati Membri jilħqu l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar għandu jkun soġġett għal segwitu fil-qafas tas-Semestru Ewropew, li jippresupponi koordinament ikbar. Il-progress jista’ jiġi appoġġjat u mmonitorjat permezz ta’ indikaturi/parametri referenzjarji maqbula b’mod konġunt. Il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) huma fil-proċess li jsaħħu r-rwol tal-parametri referenzjarji u fil-Kumitat tal-Protezzjoni Speċjali diġà jeżisti parametru referenzjarju dwar l-introjtu minimu. Dan huwa l-istrument adatt biex jinkiseb progress.

5.

Fid-dawl tad-“Dikjarazzjoni dwar bidu ġdid għal djalogu soċjali b’saħħtu”, iffirmata mill-Imsieħba Soċjali Ewropej fis-26-27 ta’ Jannar 2016, ir-rwol u l-kapaċità tal-imsieħba soċjali — bħala l-atturi prinċipali fis-suq tax-xogħol — għandhom ikomplu jissaħħu kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew fil-proċess tat-tfassil tal-politika u ta’ riforma strutturali. Hemm ukoll rwol għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jikkontribwixxu għal dan il-proċess u b’hekk tinħoloq Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha.

6.

Fl-aħħar nett, l-approċċ ta’ din il-kontropinjoni huwa konformi mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li “għandu jkun implimentat kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, filwaqt li jieħu kont debitu tal-ambjenti soċjoekonomiċi differenti u d-diversità tas-sistemi nazzjonali, inkluż ir-rwol tas-sħab soċjali, konformement mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità” (1) .

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 92

Kontra: 142

Astensjonijiet: 8


(1)  Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: Preambolu (17)


Top