Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DP0386

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Manolis Kefalogiannis (2017/2133(IMM))

    ĠU C 345, 16.10.2020, p. 101–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 345/101


    P8_TA(2018)0386

    Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Manolis Kefalogiannis

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Manolis Kefalogiannis (2017/2133(IMM))

    (2020/C 345/18)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Manolis Kefalogiannis, imressqa fil-31 ta' Mejju 2017 mill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika b'rabta mal-proċediment Nru ABM:EOE 20/2017, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-3 ta' Lulju 2017,

    wara li sema' lil Manolis Kefalogiannis skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li sema' wkoll lil Kristian Knudsen, aġent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal tal-Parlament Ewropew,

    wara li pproċeda għal skambju ta' fehmiet mal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

    wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0333/2018),

    A.

    billi d-Deputat Prosekutur tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Manolis Kefalogiannis, sabiex jibda proċedimenti kriminali fil-konfront tiegħu għal żewġ reati allegati;

    B.

    billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

    C.

    billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet rikonoxxuti lid-deputati tal-parlament nazzjonali tagħhom;

    D.

    billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, l-ebda Membru ma jista', matul il-kariga tiegħu, jiġi mħarrek, arrestat, mibgħut il-ħabs jew soġġett għal miżuri ta' kustodja oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kamra;

    E.

    billi t-talba tad-Deputat Prosekutur tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika tirrigwarda proċedimenti li jikkonċernaw reati allegati fis-sens tal-Artikolu 385(1)(b) tal-Kodiċi Penali Grieg u l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 2803/2000, relatati rispettivament mal-estorsjoni b'theddid u l-frodi;

    F.

    billi Manolis Kefalogiannis qed jiġi akkużat b'tentattiv ta' frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b'dannu konsegwenti ta' aktar minn EUR 73 000 wara li pprova jwettaq miżapproprjazzjoni ta' parti mis-salarju tal-assistent tiegħu li ammontat għas-somma ta' EUR 4 240 fix-xahar bejn Lulju 2014 u tmiem l-2016;

    G.

    billi, skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

    H.

    billi, barra minn hekk, mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jieħu pożizzjoni dwar il-ħtija jew le tal-Membru jew dwar jekk l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx il-ftuħ ta' proċedimenti kriminali, u lanqas li jippronunzja ruħu fuq il-merti relattivi tal-ordinamenti ġuridiċi u ġudizzjarji nazzjonali;

    I.

    billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-immunità parlamentari mhijiex privileġġ personali ta' Membru iżda hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

    J.

    billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

    K.

    billi, fejn il-proċedura inkwistjoni ma tikkonċernax opinjonijiet jew voti espressi minn Membru fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, l-immunità għandha titneħħa, ħlief fejn ikun jidher li l-intenzjoni sottostanti tal-proċeduri ġudizzjarji tista' tkun li ddgħajjef l-attività politika tal-Membru jew ir-reputazzjoni tiegħu u, b'hekk, l-indipendenza tal-Parlament (fumus persecutionis);

    L.

    billi, madankollu, kwalunkwe konklużjoni għandha ssir abbażi tal-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet mogħtija f'dan il-każ, inklużi t-tweġibiet mogħtija mill-Viċi Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika matul l-iskambju ta' fehmiet miżmuma miegħu, u fid-dawl taċ-ċirkostanzi li fihom il-każ kontra Manolis Kefalogiannis kien ittrattat mill-awtoritajiet involuti, l-inċertezzi fir-rigward tal-elementi li fuqhom hija bbażata t-talba għat-tneħħija tal-immunità u d-dubji serji li jimpinġu fuq il-proċedimenti, inkluża l-motivazzjoni li fuqha hija bbażata t-talba għat-tneħħija tal-immunità;

    M.

    billi qed jidher li dan huwa każ li fih wieħed jista' jassumi każ ta' fumus persecutionis;

    N.

    billi l-immunità ta' Manolis Kefalogiannis m'għandhiex titneħħa;

    1.

    Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Manolis Kefalogiannis;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ellenika u lil Manolis Kefalogiannis.

    (1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


    Top