EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DP0048

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (TAX3), u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu (2018/2574(RSO))

ĠU C 129, 5.4.2019, p. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/65


P8_TA(2018)0048

Twaqqif ta' kumitat speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (TAX3)

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (TAX3), u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu (2018/2574(RSO))

(2019/C 129/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta mill-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 (1) dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (il-“Kumitat Speċjali TAXE 1”), is-setgħat, is-saħħa numerika u t-tul tal-mandat tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (2),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 (3) dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (il-“Kumitat Speċjali TAXE 2”), is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (4),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 (5) dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta inkarigat jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (il-“kumitat ta' inkjesta PANA”), is-setgħat, kif ukoll id-daqs numeriku u l-mandat tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 197 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa li jkollu s-setgħat li ġejjin:

(a)

li jibni fuq u jikkomplementa l-ħidma mwettqa mill-kumitati speċjali TAXE 1 u TAXE 2, b'mod partikolari b'enfasi fuq l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u/jew mill-Kunsill, u fuq l-impatt, tar-rakkomandazzjonijiet fir-riżoluzzjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tal-25 ta' Novembru 2015 u tas-6 ta' Lulju 2016;

(b)

li jibni fuq u jikkomplementa l-ħidma mwettqa mill-kumitat ta' inkjesta PANA, b'mod partikolari b'enfasi fuq l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u/jew mill-Kunsill, u fuq l-impatt, tar-rakkomandazzjonijiet fir-rakkomandazzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-13 ta' Diċembru 2017;

(c)

li jagħti segwitu għall-progress li mwettaq mill-Istati Membri biex itemmu prattiki tat-taxxa li jippermettu l-evitar tat-taxxa u/jew l-evażjoni tat-taxxa u li huma ta' ħsara għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku kif imsemmi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' hawn fuq tal-25 ta' Novembru 2015 u tas-6 ta' Lulju 2016 u r-rakkomandazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2017;

(d)

li jivvaluta ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-VAT fil-qafas tal-Paradise Papers u jevalwa b'mod aktar ġenerali l-impatt tal-frodi tal-VAT u tar-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fl-Unjoni; u li janalizza l-politiki ta' skambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Eurofisc;

(e)

li jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali;

(f)

li jivvaluta l-iskemi nazzjonali li jipprovdu privileġġi tat-taxxa (bħall-programmi ta' ċittadinanza);

(g)

li jsegwi mill-qrib il-ħidma li għaddejja, u l-kontribut tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-istituzzjonijiet internazzjonali, inklużi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-G20, in-NU u l-FATF, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji rigward il-kwistjonijiet ta' tassazzjoni;

(h)

li jaċċessa dokumenti rilevanti għal ħidmietu u jagħmel il-kuntatti meħtieġa u jorganizza seduti ta' smigħ ma' istituzzjonijiet u fora internazzjonali, Ewropej (inkluż il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi) u nazzjonali, il-parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-komunità akkademika, is-soċjetà kummerċjali u ċivili, inklużi s-sħab soċjali, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-kumitati permanenti; dan kollu filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-PE;

(i)

li janalizza u jivvaluta d-dimensjoni tal-pajjiżi terzi fil-prattiki ta' evitar tat-taxxa, inkluż l-impatt fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; li jissorvelja t-titjib u n-nuqqasijiet eżistenti fl-iskambju ta' informazzjoni mal-pajjiżi terzi f'dan ir-rigward, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lid-Dipendenzi tal-Kuruna tar-Renju Unit u t-Territorji extra-Ewropej;

(j)

li jivvaluta l-valutazzjoni proprja tal-Kummissjoni u l-proċess ta' skrinjar tagħha għall-elenkar tal-pajjiżi fl-att delegat AMLD dwar pajjiżi terzi ta' riskju għoli;

(k)

li jivvaluta l-metodoloġija, l-iskrinjar tal-pajjiżi u l-impatt tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa (lista sewda tal-UE ta' rifuġji fiskali) kif ukoll it-tneħħija ta' pajjiżi mil-lista u s-sanzjonijiet adottati fir-rigward tal-pajjiżi elenkati;

(l)

li jeżamina l-konsegwenzi ta' trattati bilaterali dwar it-taxxa konklużi mill-Istati Membri;

(m)

jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa f'dan ir-rigward;

2.

Jiddeċiedi li f'ħidmietu l-Kumitat Speċjali għandu jieħu kont kemm tar-rivelazzjonijiet reċenti fil-Paradise Papers tal-5 ta' Novembru 2017 kif ukoll ta' kwalunkwe żvilupp rilevanti fi ħdan il-kompetenzi tal-Kumitat li jiżviluppaw matul il-mandat tiegħu;

3.

Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jkun magħmul minn 45 Membru;

4.

Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali għandu jkun ta' 12-il xahar, li jibdew mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

(1)  ĠU C 310, 25.8.2016, p. 42.

(2)  ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.

(3)  ĠU C 399, 24.11.2017, p. 201.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0310.

(5)  ĠU L 166, 24.6.2016, p. 10.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0491.


Top