Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0860

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-tieni rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-privatezza UE-U.S.

    COM/2018/860 final

    Brussell, 19.12.2018

    COM(2018) 860 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar it-tieni rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-privatezza UE-U.S.

    {SWD(2018) 497 final}


    1.IT-TIENI RIEŻAMI ANNWALI – L-GĦAN, IL-PREPARAZZJONI U L-PROĊESS

    Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni (“id-deċiżjoni ta’ adegwatezza”) li fiha kkonkludiet li l-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (il-“Ħarsien tal-Privatezza”) jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali li tkun ġiet trasferita mill-UE lil organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti 1 . Id-deċiżjoni ta’ adegwatezza tipprevedi b’mod partikolari evalwazzjoni annwali tal-aspetti kollha tal-funzjonament tal-qafas mill-Kummissjoni. L-ewwel rieżami annwali sar fit-18 u fid-19 ta’ Settembru 2017 f’Washington, D.C., u fit-18 ta’ Ottubru 2017 il-Kummissjoni adottat ir-rapport tagħha lill-Parlament Ewrpew u lill-Kunsill 2 , akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2017)344 final) 3 .

    Fuq il-bażi ta' dak li kkonstatat mill-ewwel rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Istati Uniti komplew jiżguraw livell xieraq ta’ protezzjoni għad-data personali trasferita taħt il-Ħarsien tal-Privatezza mill-Unjoni lil organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qieset li l-implimentazzjoni prattika tal-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza tista’ titjieb aktar sabiex jiġi żgurat li l-garanziji u s-salvagwardji previsti fiha jkomplu jiffunzjonaw kif maħsub. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għamlet għaxar rakkomandazzjonijiet.

    Dan ir-rapport jikkonkludi t-tieni rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza. Dan ir-rapport, kif ukoll id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD(2018)497) li jakkumpanjah, isegwu l-istess struttura bħar-rapport fuq l-ewwel rieżami annwali. Ikopru l-aspetti kollha tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza, anke fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew matul din l-aħħar sena. Element ċentrali tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni kien l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha mill-ewwel rieżami annwali.

    Bi tħejjija għat-tieni rieżami annwali, il-Kummissjoni ġabret l-informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati rilevanti (b’mod partikulari l-kumpaniji ċċertifikati bil-Ħarsien tal-Privatezza, permezz tal-korpi kummerċjali tagħhom, u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) li huma attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikulari d-drittijiet diġitali u l-privatezza), kif ukoll mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-qafas.

    Il-laqgħa tat-tieni rieżami annwali saret fi Brussell fit-18 u fid-19 ta’ Ottubru 2018. Ir-rieżami nfetaħ mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, Konsumaturi u Ugwaljanza bejn il-Ġeneri Věra Jourová, is-Segretarju tal-Kummerċ għall-Istati Uniti Wilbur Ross, il-President tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ Joseph Simons u l-President tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data Andrea Jelinek. Tmexxiet għall-UE minn rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi. Id-delegazzjoni tal-UE kienet tinkludi wkoll seba’ rappreżentanti maħtura mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-korp indipendenti li jlaqqa’ lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data).

    Min-naħa tal-Istati Uniti, ir-rappreżentanti mid-Dipartiment tal-Kummerċ, id-Dipartiment tal-Istat, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ, id-Dipartiment tat-Trasport, l-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, id-Dipartiment tal-Ġustizzja u membru tal-Bord ta' Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili pparteċipaw fir-rieżami, kif ukoll l-aġent Ombudsperson u l-Ispettur Ġenerali tal-Komunità tal-Intelligence. Barra minn hekk, rappreżentanti minn organizzazzjoni li toffri servizzi indipendenti ta’ soluzzjoni għat-tilwim taħt il-Ħarsien tal-Privatezza u l-American Arbitration Association taw informazzjoni matul is-sessjonijiet rilevanti tar-rieżami. Fl-aħħar nett, ir-rieżami kien alimentat minn preżentazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet iċċertifikati bil-Ħarsein tal-Privatezza dwar kif il-kumpaniji jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-qafas.

    Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu jinkludu wkoll studju kkummissjonat mill-Kummissjoni u materjal disponibbli pubblikament, bħal deċiżjonijiet tal-qorti, regoli ta' implimentazzjoni u proċeduri tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti, rapporti u studji minn organizzazzjonijiet nongovernattivi, rapporti ta’ trasparenza maħruġa mill-kumpaniji ċċertifikati bil-Ħarsien tal-Privatezza, rapporti annwali minn mekkaniżmi ta’ rikors indipendenti, kif ukoll rapporti tal-midja.

    Ir-rieżami ta’ din is-sena sar fil-kuntest tal-isfidi għall-privatezza tad-data li kulma jmur aktar qed isiru globali fin-natura tagħhom, kif jidher fl-eżempju tal-każ ta’ Facebook / Cambridge Analytica. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti huma konxji tal-isfidi simili li jħabbtu wiċċhom magħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Matul ir-rieżami, iż-żewġ naħat enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati dawn l-abbużi ta’ data personali, fosthom permezz ta’ azzjonijiet ta’ infurzar vigorużi mill-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data tal-UE u mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni jirrifletti wkoll id-dibattitu li għaddej dwar il-leġiżlazzjoni federali dwar il-privatezza fl-Istati Uniti. Il-konverġenza fit-tul bejn iż-żewġ sistemi tagħna ssaħħaħ il-fondazzjonijiet li fuqhom ġie żviluppat il-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza.

    2.KONSTATAZZJONIJIET U KONKLUŻJONIJIET

    It-tieni rieżami annwali kopra kemm l-”aspetti kummerċjali” tal-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-aċċess tal-gvern għad-data personali.

    Rigward l-“aspetti kummerċjali”, jiġifieri kwistjonijiet li jikkonċernaw l-amministrazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar tal-obbligi li japplikaw għal kumpaniji ċċertifikati, il-Kummissjoni nnutat li, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-ewwel rieżami annwali, id-Dipartiment tal-Kummerċ kompla jsaħħaħ il-proċess ta’ ċertifikazzjoni u introduċa proċeduri ġodda ta’ sorveljanza. B’mod partikulari, id-Dipartiment tal-Kummerċ adotta proċess ġdid li jirrikjedi li l-applikanti għall-ewwel darba jtawlu r-rappreżentazjonijiet pubbliċi rigward il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Ħarsien tal-Privatezza sakemm id-Dipartiment tal-Kummerċ jiffinalizza r-rieżami ta’ ċertifikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, id-Dipartiment tal-Kummerċ introduċa mekkaniżmi ġodda biex jiskopri kwistjonijiet potenzjali ta’ konformità, bħal kontrolli mhux sistematiċi (fil-mument tar-rieżami annwali, dawn il-kontrolli mhux sistematiċi saru fuq madwar 100 organizzazzjoni) u l-monitoraġġ ta’ rapporti pubbliċi dwar il-prattiki ta’ privatezza tal-parteċipanti tal-Ħarsien tal-Privatezza. Hu u jfittex għal dikjarazzjonijiet foloz ta’ parteċipazzjoni fil-qafas, id-Dipartiment tal-Kummerċ issa qed juża b’mod attiv varjetà ta’ għodod, pereżempju rieżami trimestrali tal-kumpaniji li jkunu ġew identifikati li aktarx għamlu dikjarazzjonijiet foloz u sistema ta’ tiftix ta’ stampi u testi fuq l-internet. B’riżultat ta’ dawn il-prattiki u proċeduri li għadhom kif ġew introdotti, mill-ewwel rieżami annwali d-Dipartiment tal-Kummerċ irrefera aktar minn 50 każ lill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ, li min-naħa tagħha ħadet azzjoni ta’ infurzar f’dawk il-każijiet fejn ir-riferiment bħala tali ma kienx biżżejjed sabiex il-kumpanija kkonċernata ssir konformi.

    Fir-rigward tal-infurzar, il-Kummissjoni nnutat li l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ, bħala parti mill-isforzi tagħha biex b’mod proattiv tagħmel monitoraġġ tal-konformità mal-Prinċipji tal-Ħarsien tal-Privatezza, dan l-aħħar ħarġet taħrikiet amministrattivi biex titlob informazzjoni minn għadd ta’ parteċipanti fil-Ħarsien tal-Privatezza. Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ ikkonfermat ukoll li l-investigazzjoni tagħha fil-każ ta’ Facebook / Cambridge Analytica għadha għaddejja. Għalkemm il-Kummissjoni tqis li l-approċċ il-ġdid u aktar proattiv tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ għall-monitoraġġ tal-konformità huwa żvilupp importanti, jiddispjaċiha li f’dan l-istadju ma kienx possibbli li tingħata aktar informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet riċenti tagħha u se tagħmel monitoraġġ mill-qrib ta’ kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward.

    It-tieni rieżami annwali qies ukoll l-iżviluppi riċenti fis-sistema ġuridika tal-Istati Uniti fil-qasam tal-privatezza. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikulari, l-konsultazzjoni li nieda d-Dipartiment tal-Kummerċ dwar approċċ federali għall-privatezza tad-data kif ukoll il-proċess ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ dwar is-setgħat attwali tagħha fil-qasam tal-privatezza u l-effikaċja tal-użu tal-awtorità korrettiva attwali tagħha.

    Kif urew il-każ ta’ Facebook / Cambridge Analytica u rivelazzjonijiet oħrajn, ikun importanti li l-UE u l-Istati Uniti jkomplu jikkonverġu fit-tweġibiet tagħhom. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni osservat l-inizjattivi msemmija hawn fuq b’interess kbir u kkontribwiet għall-proċess ta’ konsultazzjoni tad-Dipartiment tal-Kummerċ b’sottomissjoni bil-miktub 4 .

    Rigward aspetti relatati mal-aċċess u mal-użu tad-data personali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti, it-tieni rieżami annwali ffoka fuq żviluppi rilevanti fil-qafas ġuridiku tal-Istati Uniti, fosthom fir-rigward tal-politiki u l-proċeduri rilevanti tal-aġenziji, dwar xejriet riċenti fl-attivitajiet ta’ sorveljanza, u dwar żviluppi fit-twaqqif u fil-funzjonament ta’ mekkaniżmi importanti ta’ sorveljanza u rimedju.

    L-aktar żvilupp importanti fil-qasam tal-aċċess governattiv kien l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-Att ta’ Sorveljanza tal-Intelligence Esterna (“l-Att”) fil-bidu tal-2018. Filwaqt li l-awtorizzazzjoni mill-ġdid ma wasslitx għall-inkorporazzjoni tal-protezzjonijiet tad-Direttiva Nru 28 dwar il-Politika Presidenzjali fl-Att, kif kienet issuġġeriet il-Kummissjoni, lanqas ma rresstrinġietxi salvagwardja li tinsab fl-Att li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata d-deċiżjoni dwar il-Ħarsien tal-Privatezza. Barra minn hekk, l-emendi ma espandewx is-setgħat tal-Komunità tal-Intelligence tal-Istati Uniti biex tikseb informazzjoni dwar l-intelligence barranija billi tindirizza persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti taħt it-Taqsima 702. Minflok, l-Att dwar l-Awtorizzazzjoni mill-Ġdid tal-Emendi tal-Att tal-2017, li jemenda l-Att ta’ Sorveljanza tal-Intelligence Esterna tal-1978, introduċa xi salvagwardji addizzjonali għall-privatezza limitati, pereżempju fil-qasam tat-trasparenza.

    Kien hemm żviluppi importanti rigward il-Bord ta' Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili li, fil-mument tal-ewwel rieżami annwali, kien baqagħlhom biss membru wieħed fil-Bord. Għaldaqstant, il-Kummissjoni rrakomandat li jinħatru malajr il-membri neqsin tal-Bord. Fil-11 ta’ Ottubu 2018, is-Senat tal-Istati Uniti kkonferma n-nomini tal-President tal-Bord ta' Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili kif ukoll żewġ membri oħra tal-Bord, u b’hekk il-Bord reġa’ laħaq il-kworum tiegħu u kien permess jeżerċita l-funzjonijiet kollha tiegħu. Wara l-ewwel rieżami annwali, il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li r-rapport tal-Bord jiġi rilaxxat pubblikament fuq id-Direttiva Nru 28 dwar il-Politika Presidenzjali. Ir-rapport ġie rilaxxat fis-16 ta’ Ottubru 2018 5 u jikkonferma li d-Direttiva Nru 28 dwar il-Politika Presidenzjali hija applikata bis-sħiħ madwar il-Komunità tal-Intelligence. B’mod partikulari, jikkonferma li b’segwitu għall-ħruġ tad-Direttiva Nru 28 dwar il-Politika Presidenzjali, l-elementi rilevanti tal-Komunità tal-Intelligence adottaw regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u bidlu l-prattiki tagħhom sabiex jinġiebu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva Nru 28 dwar il-Politika Presidenzjali.

    Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li l-Ombudsperson tal-Ħarsien tal-Privatezza jinħatar malajr, il-kariga ta’ Sotto Segretarju fid-Dipartiment tal-Istat li ngħata l-kariga tal-Ombudsperson għadha ma mtlietx b’ħatra permanenti fil-mument ta’ dan ir-rapport. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat il-fatt li waqt it-tieni rieżami annwali, il-gvern tal-Istati Uniti rrikonoxxa l-ħtieġa li minnufih isir progress fin-nomina ta’ Sotto Segretarju permanenti u kkonfermat li dan il-proċess għaddej ġmielu.

    Fil-mument ta’ dan ir-rapport, il-mekkaniżmu tal-Ombudsperson għadu ma rċieva l-ebda talba. Madankollu, tressaq ilment quddiem l-Ombudsperson dwar l-awtorità Kroata tal-protezzjoni tad-data u bħalissa għaddejjin il-kontrolli rilevanti.

    Il-konstatazzjonijiet dettaljati rigward il-funzjonament tal-aspetti kollha tal-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza wara t-tieni sena ta’ operat tiegħu qed jiġu ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar it-tieni rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (SWD(2018) 497) li jakkumpanja dan ir-rapport.

    L-informazzjoni li nġabret fil-kuntest tat-tieni rieżami annwali jikkonferma l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ adegwatezza, kemm fir-rigward tal-”aspetti kummerċjali” tal-qafas kif ukoll l-aspetti relatati mal-aċċess għad-data personali ttrasferita taħt il-Ħarsien tal-Privatezza mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istati Uniti qed ikomplu jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali ttrasferita taħt il-Ħarsien tal-Privatezza mill-Unjoni lejn l-organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti.

    B’mod partikulari, il-passi li ttieħdu biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni wara l-ewwel rieżami annwali tejbu diversi aspetti tal-funzjonament prattiku tal-qafas sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi ggarantit mid-deċiżjoni ta’ adegwatezza ma jiġix imminat.

    Madankollu, ċerti passi ttieħdu dan l-aħħar biss u l-proċessi rilevanti għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, jenħtieġ li jsir monitoraġġ mill-qrib ta’ kull żvilupp ulterjuri rigward dawn il-proċessi, b’mod partikulari billi dawn jaffettwaw elementi li huma essenzjali għall-kontinwità tal-konstatazzjoni tal-adegwatezza. Dan jikkonċerna notevolment:

    1.L-effettività tal-mekkaniżmi introdotti mid-Dipatiment tal-Kummerċ fit-tieni sena tal-operat tal-qafas biex isir monitoraġġ proattiv tal-konformità minn kumpaniji ċċertifikati mal-Prinċipji tal-Ħarsien tal-Privatezza, b’mod partikulari l-konformità ma’ rekwiżiti u obbligi sostantivi.

    2.L-effettività tal-għodod introdotti mid-Dipartiment tal-Kummerċ mill-ewwel rieżami annwali biex jiġu skoperti dikjarazzjonijiet foloz ta’ parteċipazzjoni fil-qafas, b’enfasi partikulari fuq it-tiftix għal dikjarazzjonijiet foloz minn kumpaniji li qatt ma applikaw għal ċertifikazzjoni.

    3.Il-progress u l-eżitu ta’ indaġnijiet ex officio mwettqa mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ fit-tieni sena ta’ operat tal-Ħarsien tal-Privatezza permezz ta’ taħrik amministrattiv biex jiġi skopert ksur tal-Ħarsien tal-Privatezza.

    4.L-iżvilupp ta’ gwida addizzjonali b’mod konġunt bejn id-Dipartiment tal-Kummerċ, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ u l-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tad-data dwar elementi li jirrikjedu aktar kjarifika (pereżempju d-data tal-HR).

    5.Il-ħatra ta’ Ombudsperson tal-Ħarsien tal-Privatezza permanenti.

    6.L-effettività tal-indirizzar u s-soluzzjoni ta’ tilwim mill-Ombudsperson.

    B’mod partikulari, il-Kummissjoni tiddikjara t-talba tagħha lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tikkonferma l-impenn politiku tagħha għall-mekkaniżmu tal-Ombudsperson billi taħtar Ombudsperson tal-Ħarsien tal-Privatezza permanenti bħala kwistjoni ta’ prijorità. Il-mekkaniżmu tal-Ombudsperson huwa element importanti tal-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza u, filwaqt li l-aġent Ombudsperson ikompli jwettaq il-funzjonijiet rilevanti, in-nuqqas ta’ persuna maħtura b’mod permanenti xejn ma hu soddisfaċenti u għandu jiġi solvut malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni tistenna li l-gvern tal-Istati Uniti jidentifika persuna nominata biex timla l-kariga ta’ Ombudsperson fuq bażi permanenti sat-28 ta’ Frar 2019 u jinforma lill-Kummissjoni dwar l-individwu nnominat. Jekk dan ma jseħħx sa dik id-data, imbagħad il-Kummissjoni tqis li tieħu l-miżuri xierqa skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 6 . Il-Kummissjoni tistenna wkoll li tirċievi informazzjoni preċiża u dettaljata dwar l-aspetti kollha msemmija hawn fuq sabiex tkun tista’ tivvaluta jekk il-passi meħuda humiex effettivi fil-prattika.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib id-dibattitu li għaddej dwar il-leġiżlazzjoni federali dwar il-privatezza fl-Istati Uniti. Minħabba s-sinifikat tal-flussi ta’ data transatlantiċi, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Uniti biex jadottaw sistema komprensiva ta’ privatezza u protezzjoni ta’ data u biex isiru Parti mill-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa. Permezz ta’ dan l-approċċ komprensiv tista’ tintlaħaq konverġenza fit-tul bejn iż-żewġ sistemi tagħna, li ssaħħaħ ukoll il-fondazzjonijiet li fuqhom ġie żviluppat il-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza.

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta' Lulju 2016 skont id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S., ĠU L 2017, 1.8.2016, p. 1

    (2)

    Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-ewwel rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (COM(2017611 final, ara http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=605619

    (3)

    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li Jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-ewwel rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (SWD(2017)344 final), ara http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=605619

    (4)

    Disponibbli fuw https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/european_commission_submission_on_a_proposed_approach_to_consumer_privacy.pdf

    (5)

    Ir-Rapport tal-President dwar “l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Nru 28 dwar il-Politika Presidenzjali : Attivitajiet tal-Intelligence ta' sinjali”, disponibbli fuq https://www.pclob.gov/reports/report-PPD28/

    (6)

    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

    Top