EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0635

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tisħiħ tar-rotot legali lejn l-Ewropa: parti indispensabbli minn politika dwar il-migrazzjoni bbilanċjata u komprensiva Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Salzburg fid-19-20 ta’ Settembru 2018

COM/2018/635 final

Brussell, 12.9.2018

COM(2018) 635 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tisħiħ tar-rotot legali lejn l-Ewropa: parti indispensabbli minn politika dwar il-migrazzjoni bbilanċjata u komprensiva























Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja







f’Salzburg fid-19-20 ta’ Settembru 2018




















































































“Nixtieq nippromwovi politika Ewropea ġdida dwar il-migrazzjoni legali. Din il-politika tista' tgħinna nindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet speċifiċi u niġbdu t-talent sabiex inlaħħqu aħjar mal-isfidi demografiċi tal-Unjoni Ewropea. Irrid li l-Ewropa ssir għallinqas attraenti daqs id-destinazzjonijiet favoriti tal-migrazzjoni bħall-Awstralja, il- Kanada u l-Istati Uniti. Bħala l-ewwel pass, beħsiebni nagħmel rieżami tal- leġiżlazzjoni tal-‘Blue Card’ u l-istat mhux sodisfaċenti ta’ implimentazzjoni tagħha.

Nemmen ukoll li jeħtieġ li nindirizzaw b’mod aktar robust il-migrazzjoni irregolari, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni aħjar ma’ pajjiżi terzi, inkluż dwar ir- riammissjoni.”

Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, Jean-Claude Juncker, Kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea, it-22 ta’ Ottubru 2014

1.Introduzzjoni

Il-mobilità u l-migrazzjoni globali diġà huma u se jibqgħu fatturi inerenti tas-seklu 21. F’dan il-kuntest, l-UE hija impenjata li tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tikseb politika Ewropea dwar il-migrazzjoni li tkun ġusta u bbilanċjata, imsejsa fuq il-valuri komuni, u li twettaq ġestjoni effettiva kemm tal-flussi migratorji irregolari kif ukoll regolari b’mod komprensiv. Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2018, ikkonferma mill-ġdid li prekundizzjoni għal politika Ewropea funzjonanti dwar il-migrazzjoni hija dik ta’ approċċ komprensiv, fejn l-azzjonijiet kemm fuq in-naħa interna kif ukoll esterna jimxu id f’id biex ikunu żgurati kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tal-UE, politika ta’ ritorn soda u politiki tal-ażil u dwar il-migrazzjoni legali ġestiti sew. 

L-isforzi komuni li jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari wasslu għal progress solidu. L-istess determinazzjoni politika hija meħtieġa wkoll fir-rigward tal-iżvilupp ta’ rotot legali lejn l-Ewropa, li jirrikjedi żieda fl-isforzi. Migrazzjoni legali kkontrollata, kemm jekk għal raġunijiet umanitarji jew abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, hija u għandha tibqa’ parti indispensabbli minn politika dwar il-migrazzjoni bbilanċjata u komprensiva, kif stabbilit ukoll fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 1 . Dan jinvolvi l-implimentazzjoni ta’ politika aktar effiċjenti dwar il-migrazzjoni legali li tkun kapaċi tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-ekonomija Ewropea. Jinvolvi wkoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħna ma’ pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-bżonn kontinwu li jiġu offruti rotot sikuri u kkontrollati permezz tar-risistemazzjoni. Fl-aħħar u mhux l-anqas, sabiex ir-rotot legali jirnexxu sal-aħħar, hemm bżonn ta’ politiki effettivi ta’ integrazzjoni għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn legali fl-UE.

F’ambitu ta’ ekonomija li pass wara pass sejra għall-aħjar, l-attivazzjoni, it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet kompluti tal-forza tax-xogħol tal-UE jridu jkunu neċessità tal-politika. Iżda sabiex l-UE tibqa’ kompetittiva fl-ekonomija globali għandha bżonn ukoll tattira persuni kwalifikati u mogħnija b’talenti minn madwar id-dinja, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali tal-Istati Membri biex jiddeċiedu kemm-il migrant għax-xogħol li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jaċċettaw fit-territorji tagħhom.

Għaldaqstant irridu nistinkaw aktar fil-ħidma tagħna dwar ir-rotot legali. Irridu mmexxu ’l quddiem miżuri essenzjali bħar-riforma tal-Karta Blu tal-UE proposta mill-Kummissjoni, li ttejjeb il-kapaċità tal-UE li tattira u żżomm ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet għolja, u dan jittrasforma din il-migrazzjoni mmirata f’opportunità u benefiċċju għall-ekonomija u s-soċjetà. Ir-rotot legali jridu bilfors isiru parti mill-approċċ ta’ sħubija tagħna mal-pajjiżi terzi. Ma nistgħux ninjoraw din il-parti indispensabbli mill-approċċ komprensiv.

2.Rotot legali: ELEMENTI EWLENIN GĦAL MIGRAZZJONI ĠESTITA AĦJAR 

Sa mill-2003, l-UE żviluppat firxa wiesgħa ta’ strumenti biex timplimenta qafas komuni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni legali, filwaqt li l-kompetenza biex jiddeterminaw l-għadd ta’ migranti għax-xogħol li jaċċettaw minn pajjiżi terzi tibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Dan il-qafas joffri għadd ta’ opportunitajiet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jibbenefikaw mill-migrazzjoni legali lejn l-Ewropa, jiġifieri bħala ħaddiema, inklużi dawk b’ħiliet għoljin, studenti jew riċerkaturi, kif ukoll permezz tar-riunifikazzjoni tal-familji. Fl-ambitu ta’ kontroll tal-idoneità, f’dawn l-aħħar sentejn saret evalwazzjoni kumplessiva tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni legali u l-Kummissjoni se tippubblika r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni fi stadju ulterjuri. Fid-dawl ta’ dan, din il-Komunikazzjoni ma tindirizzax ir-rotot legali kollha iżda tiffoka fuq il-mogħdija umanitarja tar-risistemazzjoni u l-mogħdijiet tal-migrazzjoni għax-xogħol.

2.1 Il-migrazzjoni għax-xogħol u l-Karta Blu

Migrazzjoni tax-xogħol ġestita kif suppost mhux biss tgħin sabiex jitnaqqsu l-inċentivi li wieħed juża r-rotot illegali iżda fl-istess waqt se tippermetti lill-UE li tattira t-taħlita ġusta ta’ talenti u ħiliet u tabbina d-dħul fit-territorju mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u b’hekk tikkontribwixxi għall-prosperità kumplessiva tal-UE. 

Il-politika tal-migrazzjoni għax-xogħol u l-istrateġiji għall-integrazzjoni fl-Ewropa għandhom jitnisslu u jitfasslu f’sinerġija sħiħa mal-kuntesti eżistenti tas-suq tax-xogħol, kif ukoll mal-istituzzjonijiet u l-politiki soċjali. Hekk kif id-dinja tax-xogħol il-ħin kollu tinbidel, huwa essenzjali li jitfasslu politiki b’rispons għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li jagħtu lok għal approċċ komuni fost is-servizzi tal-gvern fl-UE. 

Bis-saħħa tal-proposta tal-Kummissjoni li tkun stabbilita Awtorità Ewropea tax-Xogħol 2 , l-UE tista’ timxi pass ’il quddiem biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-suq tax-xogħol, sabiex tiffaċilita l-ġestjoni ta’ suq tax-xogħol Ewropew aktar integrat. L-Awtorità se tkopri, l-ewwel nett, għadd ta’ għodda u strutturi eżistenti relatati mal-mobilità transfruntiera, bħall-EURES (il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol), il-koordinazzjoni Ewropea tas-sigurtà soċjali u l-karta tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea. L-attivitajiet tagħha se jkopru ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom residenza legali fl-Unjoni, bħad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE, il-persuni trasferiti b’mod intrakorporattiv jew ir-residenti fit-tul u l-familji tagħhom. L-Awtorità se tagħmel użu wkoll mill-għarfien espert dwar ix-xejriet tal-impjiegi u l-previżjonijiet tal-ħiliet sabiex twettaq analiżijiet tas-suq tax-xogħol. Dan se jgħin biex jinkiseb tagħrif dwar is-setturi u l-okkupazzjonijiet bi skarsezzi fis-suq tax-xogħol fl-Ewropa.

Illum, fid-dawl tax-xejriet riċenti u dawk futuri, ir-raġunijiet għat-tisħiħ tar-rotot legali lejn l-Ewropa huma terġa’ u tgħid aktar validi u urġenti.

F’dawn l-aħħar snin, bis-saħħa ta’ sforzi fuq kull livell, l-Ewropa bbenefikat minn tkabbir robust u ħolqien b’saħħtu tax-xogħol. Il-qgħad fl-UE jinsab fl-aktar livelli baxxi tiegħu f’dawn l-aħħar għaxar snin u l-għadd ta’ persuni b’impjieg laħaq l-ogħla livell li qatt kien hemm. Filwaqt li dan għadu mhuwiex jinħass kullimkien bl-istess mod fl-Ewropa, hemm għadd li qed jiżdied ta’ postijiet battala li baqgħu battala f’diversi Stati Membri u hemm provi ta’ skarsezzi strutturali ta’ ħiliet f’xi setturi ekonomiċi, bħas-settur tal-ICT, jew is-saħħa, kif ukoll f’xi okkupazzjonijiet speċifiċi 3 . Il-proporzjon ta’ impjegaturi li qed jirrapportaw li qed isibuha bi tqila li jsibu min jimla l-postijiet battala qiegħed jikber, u laħaq medja ta’ aktar minn 40 % u fil-Ġermanja, fil-Polonja, fis-Slovakkja u fl-Ungerija huwa saħansitra ogħla minn 50 % 4 . L-okkupazzjonijiet bl-aktar skarsezzi komuni jinkludu s-snajja’, l-inġiniera, it-tekniċi u l-professjonisti tal-IT, iżda wkoll okkupazzjonijiet li jirrikjedu anqas ħiliet formali bħal rappreżentanti kummerċjali u xufiera 5 .

Dawn ix-xejriet se jkollhom impatt li se jikber aktar fil-futur billi l-UE qed taffaċċja tnaqqis gradwali tal-popolazzjoni tagħha fl-età tax-xogħol (15-64). Dan huwa mistenni li jintensifika ruħu: minħabba t-tixjiħ demografiku, anki fid-dawl ta’ xejriet riċenti tal-migrazzjoni, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija prevista li tonqos b’madwar 22 miljun (tnaqqis ta’ 7 %) fiż-żewġ deċennji li ġejjin. Anki jekk sehem akbar fis-suq tax-xogħol tan-nisa u ta’ ħaddiema avvanzati aktar fl-età x’aktarx li jikkumpensa parzjalment għal din ix-xejra, il-previżjonijiet 6 f’termini ta’ forza tax-xogħol kumplessiva jwasslu għall-istess direzzjoni: fil-futur qarib (matul il-perjodu 2015-2035), huwa stmat li l-forza tax-xogħol fl-UE se tonqos bi 18,3 miljun (tnaqqis ta’ 7,4 %) 7 .

Fl-istess waqt, id-domanda għal ħiliet speċifiċi x’aktarx li se tiżdied u tinbidel skont l-iżviluppi soċjetali u teknoloġiċi. Pereżempju, huwa mistenni li d-domanda għal kwalifiki ta’ livell għoli se tisboq il-provvista ta’ ħaddiema, billi 43 % tal-impjiegi previsti li jinħolqu tul il-perjodu sal-2030 se jkunu jirrikjedu livell għoli ta’ edukazzjoni. L-offerti ta’ impjiegi sal-2030 huma mistennija li jkunu għoljin għal okkupazzjonijiet bħal professjonisti tan-negozju u l-amministrazzjoni, iżda wkoll għal okkupazzjonijiet li huma tradizzjonalment meqjusa bħala li jirrikjedu ħiliet medji, bħal ħaddiema kummerċjali, fattigi u helpers 8 . Filwaqt li l-UE għandha bħala prijorità li tisfrutta aħjar it-talenti u l-kapital uman li diġà jeżistu, b’mod partikolari permezz tat-taħriġ u tat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol domestika, migrazzjoni tal-ħaddiema ġestita b’mod tajjeb tista’ tgħin biex ikunu ssodisfati xi ħtiġijiet attwali u tal-futur tas-suq tax-xogħol tal-UE.

Din is-sitwazzjoni mhijiex speċifika għall-Ewropa. Madankollu, bħalissa l-UE mhijiex f’sitwazzjoni ideali u lanqas hija mgħammra biex tattira lill-migranti għax-xogħol li teħtieġ. Sa issa, l-UE kienet anqas kompetittiva minn pajjiżi oħra tal-OECD — il-kompetituri l-aktar ovvji tal-UE f’termini ta’ profil ekonomiku — biex tattira ħaddiema, bi prestazzjoni aktar baxxa milli mistenni, b’mod partikolari f’termini ta’ kemm attirat migranti b’ħiliet għolja. Minn fost il-migranti kollha residenti fil-pajjiżi tal-OECD fl-2015-16, 25 % biss fost dawk b’livell għoli ta’ edukazzjoni għażlu destinazzjoni fl-UE, filwaqt li 75 % għażlu destinazzjoni mhux fl-UE (l-aktar l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja), ara ċ-Ċart ta’ hawn taħt.

Distribuzzjoni ta’ residenti mwielda barra l-UE b’livell baxx apparagun ta’ livell għoli ta’ edukazzjoni, skont il-pajjiżi ta’ destinazzjoni OECD, 2015-16 f’%

 

Sors:    Bażi tad-data dwar l-Immigranti fil-pajjiżi OECD (DIOC), 2015-16. Nota: UE tirreferi għal EU-28 mingħajr il-Kroazja minħabba data nieqsa. Għall-Iżlanda, il-Ġappun, New Zealand u t-Turkija, id-data hija mid-DIOC 2010-11. Għall-UE, huma inklużi biss l-immigranti mhux mill-UE.

Matul l-aħħar ftit tas-snin biss ġew ammessi madwar 50 000 ħaddiem fis-sena taħt l-iskemi destinati għal persuni b’ħiliet għolja (il-Karta Blu jew skemi nazzjonali) 9 , li jirrappreżentaw 5 % tal-permessi kollha relatati max-xogħol. F’termini relativi, dan huwa ħafna anqas meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-OECD bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja jew New Zealand. Attwalment, l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi fl-UE taħt skemi għal ħaddiema b’ħiliet għolja jirrappreżenta madwar 0,01 % tal-popolazzjoni totali tal-UE, filwaqt li fil-Kanada, l-150 000 migrant ekonomiku li jaslu kull sena jirrappreżentaw madwar 0,4 % tal-popolazzjoni totali u l-120 000 migrant ekonomiku li jaslu fl-Awstralja kull sena jirrappreżentaw madwar 0,5 % tal-popolazzjoni 10 (f’dawk iż-żewġ pajjiżi, ħafna mill-migranti ekonomiċi fuq terminu twil jiġu ammessi taħt is-sistemi “Manifestazzjoni ta’ Interess”) 11 . Dan jindika li l-politiki tal-migrazzjoni legali tal-Ewropa ma kinux partikolarment strateġiċi u proattivi, u lanqas partikolarment f’sintonija mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tagħha.

Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti fir-rigward tal-volumi ta’ migranti għax-xogħol li jdaħħlu fit-territorju tagħhom minn pajjiżi terzi, l-UE għandha suq uniku, u għaldaqstant għandha taġixxi wkoll bħala attur uniku vis-à-vis il-bqija tad-dinja biex toħloq ekonomiji ta’ skala u b’hekk tikkompeti aħjar ma’ destinazzjonijiet ewlenin oħra biex tattira ħaddiema b’ħiliet, u b’mod partikolari b’ħiliet għolja. Għall-benefiċċju tal-Ewropa, jeħtieġ li jsir aktar fuq livell Ewropew f’termini ta’ titjib tal-abbinar tal-impjiegi, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin u l-iffaċilitar tal-mobilità għax-xogħol tal-migranti fis-suq uniku kollu.

Fl-UE, ġew implimentati regoli speċjali sabiex jattiraw migranti b’ħiliet għolja. Madankollu, jidher biċ-ċar li l-iskema tal-2009 tal-Karta Blu tal-UE mhux jirnexxielha tilħaq il-potenzjal tagħha bħala dik l-iskema fl-UE kollha li tattira ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’talenti u b’ħiliet għolja, li suppost kellha tkun 12 . Il-kundizzjonijiet ta’ ammissjonijiet fl-2009 huma restrittivi żżejjed, id-Direttiva tipprevedi ftit li xejn koerenza u armonizzazzjoni, u wisq aktar, il-mobilità intra-UE għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE hija limitata ferm. F’termini sostanzjali, ma hemmx skema unika tal-Karta Blu tal-UE, billi jeżistu bosta skemi nazzjonali għal dawk b’ħiliet għolja b’mod parallel mal-Karta Blu tal-UE, li joħloq qafas ifframmentat b’diversi regoli u proċeduri applikabbli differenti.

Għal dan l-għan, aktar minn sentejn ilu, il-Kummissjoni kienet diġà ressqet proposta – riforma tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE 13 – sabiex ittejjeb ir-regoli biex ikunu attirati migranti b’ħiliet għolja. L-għan kumplessiv huwa li l-Karta Blu tal-UE ssir aktar attraenti billi tipprevedi skema unika fl-UE kollha b’kundizzjonijiet ta’ ammissjoni aktar flessibbli, u ttejjeb u tiffaċilita l-proċeduri ta’ ammissjoni. B’mod partikolari, il-proposta ssaħħaħ il-mobilità intra-UE billi tiffaċilita l-proċeduri kemm għall-mobilità fuq terminu qasir (vjaġġi qosra għan-negozju sa mhux aktar minn 90 jum bejn l-Istati Membri) kif ukoll għall-mobilità fuq terminu twil; tnaqqas il-livell limitu tas-salarji billi toħloq firxa flessibbli li fil-qafas tagħha l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw il-livelli limitu skont il-kuntesti tas-suq tax-xogħol tagħhom; u tipprevedi kundizzjonijiet aħjar għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ggradwaw dan l-aħħar u għall-ħaddiema f’oqsma bi skarsezzi ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, il-proposta ssaħħaħ id-drittijiet ta’ kemm id-detenturi tal-Karta Blu (li tippermetti għal aċċess aktar rapidu għall-istatus ta’ residenza fuq terminu twil, aċċess minnufih u aktar flessibbli għas-suq tax-xogħol) kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom (tiżgura li dawn jingħaqdu mad-detentur tal-Karta Blu tal-UE fl-istess ħin), li għandha tagħmel lill-UE destinazzjoni aktar attraenti għall-impjegati b’ħiliet ta’ livell għoli meħtieġa mill-ekonomija tagħna. Apparti dan, skont l-iskema l-ġdida tal-Karta Blu, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali b’ħiliet għolja wkoll ikunu jistgħu japplikaw għal Karta Blu.

Madankollu, in-negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta riformata tal-Karta Blu, bħalissa waqfu ħesrem. Filwaqt li l-Parlament Ewropew laqa’ l-objettivi u l-approċċ stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni, fil-Kunsill, l-Istati Membri kellhom pożizzjonijiet diverġenti u sa issa ma kienx possibbli li tinstab pożizzjoni komuni b’tali mod li tagħti valur miżjud sinifikattiv lill-qafas attwali xejn sodisfaċenti. 

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jaqbel mill-aktar fis dwar pożizzjoni li tikseb valur miżjud reali meta mqabbla mal-Karta Blu attwali f’konformità mal-objettivi stipulati fil-proposta tal-Kummissjoni. Dan jagħti lok għall-issoktar tan-negozjati bl-għan li jintlaħaq ftehim ambizzjuż mal-Parlament Ewropew sabiex tkun żgurata l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li tirriforma d-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

2.2 Risistemazzjoni

Ir-risistemazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terzi jew persuni mingħajr Stat hija mogħdija umanitarja li tista’ tiġi offruta lill-persuni spostati fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex ikunu jistgħu jidħlu fl-Unjoni Ewropea b’mod legali u sikur. Hija parti integrali mill-objettiv usa’ li jkun żgurat li l-protezzjoni tkun tista’ tiġi offruta lil dawk fil-bżonn, bis-saħħa ta’ rotot sikuri u legali minflok ikollhom għalfejn jagħmlu vjaġġi irregolari u perikolużi. Dawn ir-rotot sikuri u legali jimminaw ukoll il-mudell kummerċjali tan-netwerks tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari. Ir-risistemazzjoni hija wkoll għodda ta’ kondiviżjoni tar-responsabbiltà u solidarjetà internazzjonali mal-pajjiżi terzi fejn ġew spostati għadd kbir ta’ persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. 

L-inizjattivi li ħadet l-UE flimkien mal-Istati Membri tul is-snin li għaddew issarrfu f’riżultati tajbin u kkontribwew għat-tisħiħ tas-sħubijiet u s-solidarjetà tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. Mill-2015 ’il hawn, il-programm tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għenu lil 38 000 fost l-aktar vulnerabbli biex isibu kenn fl-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri ħadu l-akbar impenn dwar ir-risistemazzjoni li qatt kien hemm fl-UE permezz tal-iskema l-ġdida dwar ir-risistemazzjoni implimentata fil-livell tal-UE f’Settembru 2017. Minn din se jibbenefikaw aktar minn 50 000 ruħ, u hija sostnuta minn EUR 500 miljun mill-baġit tal-UE. L-ewwel tmien xhur ta’ implimentazzjoni tal-iskema ħallew riżultati tajbin, b’aktar minn 13 200 persuna diġà ġew risistemati minn reġjuni ta’ prijorità. Huwa importanti li l-impenji politiċi tal-Istati Membri jissoktaw u jkunu rinforzati ulterjorment u f’qasir żmien jinbidlu f’realtà.

B’mod parallel, għandu jiġi implimentat qafas strutturat tal-UE għar-risistemazzjoni. Għal din ir-raġuni, bħala parti mir-riforma kumplessiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, f’Lulju 2016, il-Kummissjoni proponiet Regolament għal Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni. Għall-ewwel darba, dan jimplimenta qafas permanenti sabiex l-isforzi Ewropej ta’ risistemazzjoni jinġabru flimkien b’mod aktar sistematiku u jkun iffaċilitat it-twettiq tal-impenji fir-rigward tar-risistemazzjoni, abbażi ta’ standards komuni. Huwa essenzjali li n-negozjati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jiġu konklużi mill-aktar fis sabiex dan l-istrument ikun jista’ jiġi adottat f’qasir żmien.

L-isforzi tar-risistemazzjoni jistgħu jissaħħu ulterjorment bis-saħħa tal-iżvilupp ta’ rotot legali oħra. F’dan ir-rigward, l-iskema ta’ sponsorizzazzjoni privata b’mod partikolari, jistgħu jikkomplementaw ir-rotot sikuri li diġà jeżistu għad-dħul fit-territorju tal-UE ta’ min hu fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u jiżguraw integrazzjoni soċjali aħjar. L-eżitu ta’ studju dwar il-fattibbiltà ta’ skemi bħal dawn 14 jikkonferma li dawn jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan li jkunu promossi rotot ta’ dħul fit-territorju li jkunu sikuri u legali, filwaqt li jkunu involuti b’mod attiv is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali, u b’hekk jiżdied l-involviment pubbliku fiż-żona tal-protezzjoni internazzjonali u l-integrazzjoni. Barra minn hekk, l-isponsorizzazzjoni privata għandha wkoll il-potenzjal li tiffaċilita l-integrazzjoni tal-benefiċjarji billi tipprovdi riżorsi addizzjonali fil-livell individwali u Komunitarju.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra modi li bihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jingħataw l-aqwa sostenn biex jistabbilixxu u/jew jespandu l-iskemi ta’ sponsorizzazzjoni privata. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, billi jippromovu miżuri mhux vinkolanti bħal programmi ta’ taħriġ, bini tal-kapaċità, sett ta’ għodod u gwida operazzjonali, u attivitajiet ta’ tagħlim fost il-pari u/jew permezz ta’ possibilitajiet ta’ finanzjament immirat.

·Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-50 000 post imwiegħed taħt l-iskema attwali tal-UE għar-risistemazzjoni.

·B’segwitu għall-progress sinifikanti li nkiseb fid-diskussjonijiet tat-trilogu mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, hemm bżonn li dawn id-diskussjonijiet issa jiġu konklużi u l-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni għandu jiġi adottat mill-aktar fis.

2.3 Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

Ir-rotot legali huma bl-istess mod element importanti għall-UE biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi u dawn għandhom jikkontribwixxu għal approċċ koordinat, olistiku u strutturat għall-migrazzjoni, jimmassimizzaw is-sinerġiji u japplikaw l-inċentivi u l-influwenzi neċessarji. Meta taġixxi b’mod konġunt, l-UE jista’ jkollha pożizzjoni aktar b’saħħitha vis-à-vis l-pajjiżi terzi fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. F’konformità mal-approċċ tal-Qafas ta’ Sħubija żviluppat mill-UE f’dawn l-aħħar snin, il-migrazzjoni legali għandha tkun integrata għalkollox fid-dimensjoni esterna tal-UE. Kooperazzjoni msaħħa u mfassla apposta mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu tal-migranti fir-rigward tal-migrazzjoni legali se tgħin biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari billi jiġu offruti alternattivi sikuri u legali lill-persuni li jkunu jixtiequ jimmigraw; se tikkontribwixxi biex jingħalqu l-lakuni f’ċerti setturi tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri; u se tkun inċentiv għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, ir-riammissjoni u r-ritorn tal-migranti irregolari. It-tisħiħ tar-rotot legali jikkomplementa wkoll b’mod sinifikanti l-Komunikazzjoni dwar Alleanza ġdida Afrika - Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli: nieħdu s-sħubija tagħna għall-investiment u għall-impjiegi fil-livell li jmiss. 15

F’dan il-kuntest, f’dawn l-aħħar snin, l-UE ppromoviet b’mod attiv il-komponenti tal-migrazzjoni legali tal-politika migratorja esterna u b’hekk ikkomplementat l-impenn usa’ tagħha estern u għall-iżvilupp. B’mod partikolari dan seħħ mal-pajjiżi Afrikani, iżda ma kienx limitat biss għalihom: l-ewwel nett fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-Belt Valletta 16 u, dan l-aħħar, permezz tal-koordinazzjoni tal-iżvilupp tal-proġetti pilota mill-Istati Membri ma’ pajjiżi Afrikani magħżula, u l-promozzjoni tal-iskemi migratorji legali għax-xogħol jew għal finijiet ta’ taħriġ, bis-sostenn finanzjarju tal-UE. Madanakollu, kien hemm diversi sfidi f’dan il-proċess, l-aktar minħabba li l-Istati Membri żammew lura milli jimplimentaw għalkollox il-kunċett miftiehem u jniedu proġetti konkreti. 

Il-konnessjoni bejn il-migrazzjoni u l-mobilità, minn naħa, u l-politiki kummerċjali, min-naħa l-oħra, hija importanti wkoll, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi, fejn l-individwi jinvestu u jipprovdu servizzi fit-territorju tal-parti l-oħra. L-iffaċilitar tal-mobilità tagħhom hija essenzjali sabiex iseħħu patti kummerċjali sinifikanti mal-pajjiżi terzi fil-qasam tas-servizzi, abbażi tar-reċiproċità, fejn kulma jmur l-UE qed ikollha vantaġġ kompetittiv.

Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ is-sinerġiji bejn dawn il-politiki differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi, billi tiffaċilita l-ħruġ kemm ta’ viżi għal soġġorn qasir kif ukoll ta’ viżi għal soġġorn fit-tul.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom u jikkooperaw b’mod sħiħ biex jiżviluppaw proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali ma’ pajjiżi Afrikani speċifiċi, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi oħra fil-futur, bl-għan li jiġu mnedija l-ewwel proġetti sa tmiem is-sena. Il-Kummissjoni se tkompli ssostni lill-Istati Membri f’dan l-isforz, permezz tal-finanzjament u l-koordinazzjoni prattika, bħala inċentiv importanti għall-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni kumplessiva tal-migrazzjoni, inkluż dwar ir-ritorn u r-riammissjoni.

2.4 Integrazzjoni

Fl-aħħar nett, ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni tista’ tinkiseb biss jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jtejbu wkoll l-isforzi fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn legali fl-UE u jinvolvu l-livelli rilevanti kollha tal-gvern u s-soċjetà ċivili. Fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali propost, il-Kummissjoni beħsiebha żżid is-sostenn finanzjarju għall-miżuri ta’ integrazzjoni u ssaħħaħ l-involviment ta’ għadd ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-atturi ekonomiċi u soċjali fil-livelli kollha.

Filwaqt li r-responsabbiltà għall-integrazzjoni hija qabelxejn tal-Istati Membri, fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni tal-2016, l-UE inkludiet miżuri biex issostni lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw ulterjorment azzjonijiet effettivi, fost l-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, sabiex itejbu l-integrazzjoni 17 . L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni diġà wriet il-frott tagħha f’bosta aspetti. Pereżempju, il-Kummissjoni nediet inizjattivi konkreti biex tippromovi speċifikament l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, u involviet lill-impjegaturi kif ukoll lis-sħab ekonomiċi u soċjali. 

B’mod partikolari, f’Mejju 2017, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva “Impjegaturi għall-integrazzjoni” biex tippromovi l-isforzi tal-impjegaturi mmirati biex ikattru l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol 18 . Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni mas-sħab soċjali u ekonomiċi fil-livell Ewropew biex jaħdmu aktar flimkien biex jippromovu integrazzjoni aktar rapida u aktar effettiva tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol Ewropew 19 . Barra minn hekk, hemm sostenn akbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari, permezz tas-Sħubija tal-Aġenda Urbana dwar l-Inklużjoni tal-Migranti u r-Refuġjati. F’dan il-kuntest, f’April ta’ din is-sena tnieda proġett pilota li rnexxa dwar l-Akkademja Urbana dwar l-integrazzjoni sabiex iħarreġ lill-professjonisti lokali f’dak li jirrigwarda diversi aspetti u politiki ta’ integrazzjoni fil-livell lokali. Fl-aħħar nett, dan l-aħħar, tqiegħed għad-disponibbiltà sostenn finanzjarju addizzjonali sabiex jappoġġa ulterjorment l-azzjonijiet konkreti mill-Istati Membri f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni nediet ukoll Għodda dwar il-Profili tal-Ħiliet 20 sabiex issostni lill-Istati Membri fit-tfassil tal-profili tal-ħiliet u l-kwalifiki taċ-ċittadini mhux tal-UE, li tgħin biex ikunu identifikati l-bżonnijiet speċifiċi tal-individwi biex jintegraw fis-suq tax-xogħol u tissimplifika l-proċess tal-abbinar tal-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg mal-postijiet battala.

L-integrazzjoni tibqa’ kruċjali biex tkun żgurata l-koeżjoni soċjali kif ukoll ir-rendiment ekonomiku, billi jiġu promossi u rispettati l-valuri fundamentali tal-UE, u billi jkun evitat li l-ħiliet u l-kompetenzi jinħlew jew ma jintużawx biżżejjed. F’dan ir-rigward, l-eliminazzjoni tad-distakk attwali fl-impjiegi bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-UE tista’ twassal għal titjib fil-bilanċi fiskali f’diversi Stati Membri 21 .

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jibqgħu jinvestu fil-politiki ta’ integrazzjoni mmirati lejn il-migranti b’soġġorn legali, b’sostenn finanzjarju mill-UE akbar, immirat aħjar u koordinat aktar, kif propost fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, li jenħtieġ li jiġi adottat mill-aktar fis, kif ukoll bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livelli kollha, inklużi l-atturi ekonomiċi u soċjali.

3.It-triq ’il quddiem

Approċċ komprensiv vis-à-vis il-migrazzjoni huwa essenzjali biex jiġu sostitwiti r-rotot irregolari u mhux sikuri għal dawk fi bżonn ta’ protezzjoni u rotot attraenti u effiċjenti għal dawk meħtieġa fis-swieq tax-xogħol tagħna. L-UE għandha bżonn taġixxi malajr, b’mod effettiv u b’mod kollettiv sabiex dan isir realtà. Il-Kummissjoni hija impenjata li taqdi r-rwol tagħha bis-sħiħ fl-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ komprensiv.

Il-Kummissjoni tistieden b’mod partikolari lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jgħaddu għall-fatti fir-rigward ta’ tliet elementi ewlenin biex itejbu r-rotot legali fuq terminu qasir:

·Jaqblu dwar pożizzjoni li twassal għall-kisba ta’ skema tal-Karta Blu tal-UE attraenti u effiċjenti;

·Jiksbu riżultati bil-fatti fir-rigward tal-50 000 wegħda ta’ risistemazzjoni u jaqblu dwar il-Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni;

·Jiżviluppaw f’qasir żmien u jniedu proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali ma’ pajjiżi mill-Afrika u pajjiżi sħab oħra li juru impenn għal sħubija fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluż fir-rigward tar-riammissjoni tal-migranti irregolari. 

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw id-Direttiva tal-Karta Blu u l-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019. 

Meta wieħed iħares aktar ’il quddiem, jenħtieġ li tibqa’ għaddejja wkoll il-ħidma biex il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni legali tiġi mmodernizzata u adattata bis-sħiħ għall-ħtiġijiet attwali u dawk tal-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tniedi proċess ta’ konsultazzjoni ta’ livell għoli mal-partijiet ikkonċernati kollha abbażi tal-konklużjonijiet tal-“kontroll tal-idoneità”.

(1)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” tat-13.5.2015, COM (2015) 240 final.

(2)

   COM (2018)131 final.

(3)

     Fl-ewwel tliet xhur tal-2018, kien hemm minn tal-anqas 3,8 miljun post battal li baqa’ battal fl-UE kumplessivament, filwaqt li r-rata ta’ postijiet battala ta’ impjiegi (il-proporzjon ta’ postijiet battala għat-total ta’ postijiet) ilha tiżdied b’mod konsistenti mill-2012, u laħqet 2,2 % fl-ewwel tliet xhur tal-2018 (kienet qrib jew ogħla minn 3 % fi Stati Membri bħar-Repubblika Ċeka, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Iżvezja, in-Netherlands u l-Awstrija). Sors: L-Eurostat, Statistika dwar il-postijiet battala ta’ impjiegi.

(4)

     Manpower Talent Shortage Survey (2018 Q3).

(5)

     Ibid.

(6)

     Skont ix-xenarju Medium ta’ CEPAM (SSP2) f’termini ta’ migrazzjoni u komportament demografiku, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (2018), Demographic and Human Capital Scenarios for the 21st Century: 2018 assessment for 201 countries, Wolfgang Lutz, Anne Goujon, Samir KC, Marcin Stonawski, Nikolaos Stilianakis.

(7)

     Filwaqt li r-rati ta’ parteċipazzjoni li qed jiżdiedu fost in-nisa u l-ħaddiema avvanzati aktar fl-età jistgħu joħolqu dewmien f’dan l-effett, il-forza tax-xogħol kumplessiva, inevitabbilment, se tonqos fuq perjodu twil fl-UE u fl-Istati Membri kollha tagħha. ESDE 2017, Kapitolu 3, Intergenerational fairness and solidarity today and challenges ahead,      http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8030&furtherPubs=yes

(8)

     Skont il-previżjonijiet sal-2030 tas-CEDEFOP tal-2018. Jipprovdu wkoll stimi skont is-settur ekonomiku wiesa’: filwaqt li l-impjiegi se jkompli jonqsu fis-settur primarju u jistaġnaw fis-settur tal-manifattura, se jiżdiedu f’qasir żmien fin-“negozju u servizzi oħra” u fi żmien moderat fis-settur tad-“distribuzzjoni u t-trasport” u sa ċertu punt fis-“servizzi mhux ikkummerċjalizzati”.

(9)

     Dan in-numru jinkludi madwar 10 000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi ammessi taħt l-iskemi nazzjonali fit-tliet pajjiżi tal-UE li mhumiex marbuta bid-Direttiva tal-Karta Blu (id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit).

(10)

     Sors: Rapport EPSC (2018, għadu se joħroġ) “Towards a new paradigm of legal labour migration”. Għall-Kanada: dan jirreferi fil-biċċa l-kbira għall-ħaddiema barranin ammessi permezz tas-sistema tal-punti għall-migranti b’ħiliet; għall-Awstralja: l-aktar taħt is-sistema tal-punti jew sponsorizzati minn impjegatur. Dawn iċ-ċifri jinkludu wkoll il-membri tal-familja akkumpanjaturi.

(11)

     Dawn il-mudelli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni għax-xogħol jaċċertaw preselezzjoni billi joħolqu ġabra ta’ kandidati għall-migrazzjoni li jkunu ġew miflija minn qabel, u b’hekk ikun hemm abbinar aħjar tal-impjiegi. Sar studju mill-OECD dwar dawn l-iskemi, li vvaluta wkoll sa liema punt dawn, jew xi elementi minnhom, jistgħu jkunu adattati għall-kuntest tal-UE.

(12)

     Fl-2017, huwa stmat li l-25 Stat Membru fejn tapplika d-Direttiva tal-Karta Blu tal-UE ħarġu madwar 11 500 Karta Blu (bħala l-ewwel permessi, jiġifieri esklużi dawk li biddlu l-istatus li qabel diġà kienu jirrisjedu fl-UE), meta mqabbla ma’ madwar 28 500 permess maħruġa skont skemi nazzjonali għall-ħaddiema b’ħiliet għolja. Kumplessivament, l-għadd ta’ permessi maħruġa għall-ħaddiema b’ħiliet għolja skont l-Istat Membru tal-UE għadu limitat.

(13)

     COM(2016) 378 final.

(14)

     Ara l-Istudju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fattibbiltà u l-Valur Miżjud tal-Iskema ta’ Sponsorizzazzjoni bħala Mogħdija Possibbli għal Rotot Sikuri għad-Dħul fit-Territorju tal-UE, Inkluża r-Risistemazzjoni (2018).

(15)

     COM(2018) 643 final.

(16)

      https://www.consilium.europa.eu/media/21839/action_plan_en.pdf  

(17)

     COM(2016) 377 final.

(18)

      https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/policies/legal-migration/european-dialogue-skills-and-migration/integration-pact_en  

(19)

      https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/e-library/documents/policies/legal-migration/integration/docs/20171220_european_partnership_for_integration_en.pdf  

(20)

https://ec.europa.eu/migrantskills/#/

(21)

   OECD (2013) International Migration Outlook.

Top