IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.6.2018
COM(2018) 470 final
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Il-Ħmistax-il Rapport ta' Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina
I. INTRODUZZJONI
Din huwa l-ħmistax-il rapport dwar il-progress li sar lejn il-bini ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri l-iżviluppi taħt żewġ pilastri ewlenin: l-indirizzar tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata u l-mezzi li jappoġġawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini ta’ reżiljenza kontra dan it-theddid.
Wara l-attakk tal-aġent nervin f’Salisbury, il-Kunsill Ewropew f’Marzu 2018 iddikjara li “l-UE għandha ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għal riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u relatati man-Nukleari (“ir-riskji CBRN”), inkluż permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kif ukoll in-NATO”. Huwa stieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex imexxu ‘l quddiem din il-ħidma u jirrapportaw dwar il-progress sal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2018. Dan ir-Rapport ta’ Progress huwa parti mir-rispons għal din is-sejħa, flimkien ma’ Komunikazzjoni Konġunta dwar iż-Żieda tar-reżiljenza u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex tindirizza theddid ibridu u Rapport Konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu minn Lulju 2017 sa Ġunju 2018. Huwa jqis u jippreżenta l-passi li jmiss fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ottubru 2017 biex jitjieb l-istat ta’ tħejjija kontra r-riskji għas-sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari. Bħala parti mill-miżuri fil-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Sigurtà sabiex jittejbu l-protezzjoni u r-reżiljenza kontra t-terroriżmu, il-Pjan ta’ Azzjoni segwa approċċ preventiv ibbażat fuq ir-raġunament li t-theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari kienu riskji ta’ probabbiltà baxxa iżda b’impatt għoli u dejjiemi fil-każ ta’ attakk. Sadanittant, l-attakk f’Salisbury, kif ukoll it-tħassib dejjem jikber dwar l-interess tat-terroristi f’dawn is-sustanzi u kapaċità li jużawhom, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, juru li t-theddida ppreżentata mill-materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari hija reali. Dan ikompli jsaħħaħ il-ħtieġa urġenti li nimplimentaw b’mod sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni, b’attenzjoni mġedda fuq theddidiet kimiċi.
Barra minn hekk, dan ir-Rapport jippreżenta wkoll is-sitwazzjoni attwali dwar it-tneħħija ta’ kontenut terroristiku online wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2018, kif ukoll it-triq ‘il quddiem tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni wara r-rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni. L-attakk ta’ Liège tad-29 ta’ Mejju 2018, għal darb’ oħra enfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni minħabba li, skont l-awtoritajiet Belġjani, l-awtur tiegħu kien f’kuntatt ma’ persuni radikalizzati. Dan ir-Rapport jidentifika wkoll għadd ta’ azzjonijiet li jtejbu s-sigurtà ferrovjarja tal-passiġġieri. Fl-aħħar nett, dan ir-Rapport jieħu kont tal-implimentazzjoni ta’ files ta’ prijorità oħra, b’mod partikolari l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni fejn żewġ proposti emendatorji – adottati mill-Kummissjoni flimkien ma’ dan ir-Rapport – se jippermettu lill-koleġiżlaturi biex jilħqu ftehim qabel tmiem is-sena. Dan ir-Rapport jieħu wkoll kont tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, wara d-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2018, azzjonijiet biex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u jiġi miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll żviluppi reċenti fuq id-dimensjoni esterna tas-sigurtà.
Il-proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 tal-Kummissjoni “Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi” jirriflettu wkoll il-fatt li t-theddid ġdid għas-sigurtà jirrikjedi reazzjonijiet ġodda, filwaqt li jenfasizzaw li s-sigurtà għandha dimensjoni intrinsikament transfruntiera u multisettorjali u għalhekk jinħtieġ rispons b’saħħtu u kkoordinat tal-UE. Il-Kummissjoni tipproponi li l-finanzjament għas-sigurtà interna jiġi mmultiplikat b’fattur ta’ 1,8 meta mqabbel mal-perjodu attwali 2014-2020. L-elementi li jirrispondu għal sfidi ġodda marbuta mas-sigurtà qegħdin jiġu stabbiliti f’diversi proposti ġuridiċi settorjali ppreżentati bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali.
II. TĦEJJIJA MTEJBA KONTRA RISKJI GĦAS-SIGURTÀ KIMIĊI, BIJOLOĠIĊI, RADJOLOĠIĊI U NUKLEARI, U T-TĦEJJIJA GĦALIHOM
1.Progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni
It-theddidiet għas-sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) huma kumplessi u jistgħu jevolvu rapidament, kif wera l-attakk ta’ aġenti nervini f’Salisbury. L-organizzazzjonijiet terroristiċi ma użawx aġenti CBRN fl-Ewropa, iżda hemm indikazzjonijiet kredibbli li jissuġġerixxu li huma jista’ jkollhom l-intenzjoni li jakkwistaw materjal jew armi CBRN u li qed jiżviluppaw l-għarfien u l-kapaċità li jużawhom. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ottubru 2017 biex jissaħħaħ l-istat ta’ tħejjija kontra riskji għas-sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, ġie ppreżentat b’rispons għal dawn it-theddidiet, u jiffoka fuq il-ġbir ta’ kompetenzi u kapaċitajiet fil-livell tal-UE biex tittejjeb it-tħejjija operazzjonali madwar l-Unjoni. Sar progress tanġibbli fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, u ttieħdu miżuri f’numru ta’ oqsma biex jintlaħqu l-erba’ objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni: titnaqqas l-aċċessibbiltà tal-materjali CBRN; jiġu żgurati tħejjija u rispons aktar robusti għal inċidenti ta’ sigurtà marbuta mas-CBRN; jinbnew rabtiet interni-esterni aktar b’saħħithom fis-sigurtà CBRN ma’ sħab reġjonali u internazzjonali ewlenin tal-UE; u titjib tal-għarfien tar-riskji CBRN.
L-ewwel nett, bħala parti mill-isforzi biex titnaqqas l-aċċessibilità ta’ materjali CBRN, l-Unjoni qed iżżid il-miżuri mill-awtoritajiet doganali biex jiġi evitat id-dħul illegali ta’ materjali CBRN. Sistemi ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija huma essenzjali għat-tisħiħ tal-monitoraġġ u tal-kontrolli bbażati fuq ir-riskju tal-ktajjen internazzjonali tal-provvista. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda ttejjeb konsiderevolment is-sistema tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija u tal-ġestjoni tar-riskju doganali billi tittrasforma s-sistemi nazzjonali eżistenti, li għandhom biss rabtiet laxki bejniethom, f’sistema tal-IT integrata fuq skala kbira. Is-sistema l-ġdida se tkun iffukata fuq ir-repożitorju tad-data kummerċjali komuni li kapaċi jirċievi informazzjoni ta’ kwalità aħjar dwar il-merkanzija f’ħin reali. Hija se toħloq interkonnessjoni bejn is-sistemi tal-valutazzjoni tar-riskju tal-awtoritajiet doganali nazzjonali. Is-sistema l-ġdida se tkun konnessa ma’ eluf ta’ partijiet addizzjonali involuti fil-loġistika internazzjonali bħal burdnara, fornituri tas-servizzi loġistiċi jew operaturi postali fil-modi kollha tat-trasport, u tipprovdi lis-sistema b’data importanti dwar il-merkanzija li mhix disponibbli sa issa. L-għan tas-sistema huwa li tkopri l-firxa sħiħa ta’ riskji doganali, inkluż theddid li jkun ġej minn materjali CBRN.
It-tieni, f’termini tat-tisħiħ tat-tħejjija u r-reżiljenza, l-Istati Membri qed isaħħu l-kapaċità tagħhom li jintraċċaw il-materjali CBRN sabiex jgħinu biex jipprevjenu attakki CBRN. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, konsorzju ta’ esperti nazzjonali wettaq analiżi tal-lakuni fit-tagħmir tad-detezzjoni għal madwar 70 tip differenti ta’ xenarji CBRN. Ir-rapport tal-analiżi tal-lakuni ġie kondiviż u diskuss mal-Istati Membri, u għen biex jiggwida l-ħtiġijiet futuri tar-riċerka u biex jippermettilhom li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-istrateġiji ta’ detezzjoni u jieħdu miżuri operazzjonali biex jindirizzaw il-lakuni identifikati. L-analiżi turi wkoll li hemm bżonn ċar ta’ standards tekniċi fil-livell tal-UE għal tagħmir ta’ detezzjoni. Filwaqt li tibni fuq ir-riżultati tal-analiżi, u tuża l-qafas tal-Grupp ta’ Konsulenza tas-CBRN imwaqqaf taħt il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni se taħdem favur l-istandardizzazzjoni fl-UE kollha tat-tagħmir ta’ detezzjoni tas-CBRN. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu inventarji ta’ ħażniet ta’ kontromiżuri mediċi essenzjali, laboratorji, trattament u kapaċitajiet oħrajn. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex regolarment tidentifika d-disponibbiltà ta’ dawn il-ħażniet fl-UE kollha biex jiżdied l-aċċess u l-iskjerament rapidu tagħhom f’każ ta’ attakki CBRN. It-tħejjija għal attakki CBRN u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tagħhom jeħtieġu kooperazzjoni u koordinazzjoni b’saħħitha fost l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili. Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jista’ jkollu sehem ewlieni f’dan il-proċess bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità kollettiva tal-Ewropa biex tħejji ruħha u tirreaġixxi.
It-tielet nett, il-Pjan ta’ Azzjoni tas-CBRN jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin. Fit-28-29 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti, se torganizza workshop UE-Stati Uniti dwar is-sigurtà ta’ sorsi radjoattivi. Il-Kummissjoni qed ittejjeb ukoll il-kapaċitajiet istituzzjonali u tal-komunità dwar is-CBRN f’pajjiżi sħab fil-Viċinat Ewropew. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea qed tieħu passi konkreti biex tiżviluppa kooperazzjoni aktar mill-qrib man-NATO dwar is-CBRN, inkluż dwar l-istat ta’ tħejjija ċivili. Ir-rappreżentanti tal-UE pparteċipaw bħala osservaturi f’workshop organizzat mid-DĠ ENTR u n-NATO fuq il-kooperazzjoni ċivili-militari b’rispons għal attakk terroristiku CBRN fuq skala kbira. Barra minn hekk, l-UE u n-NATO qed jikkunsidraw il-ħolqien ta’ modulu ta’ taħriġ konġunt għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar is-CBRN. Barra minn hekk, l-UE jenħtieġ li tesplora miżuri biex jitħares ir-rispett tar-regoli u l-istandards internazzjonali kontra l-użu ta’ Armi Kimiċi, inkluż permezz ta’ sistema speċifika possibbli ta’ sanzjonijiet tal-UE dwar l-Armi Kimiċi. Fuq in-naħa tat-trasport, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadmu ma’ sħab internazzjonali biex isaħħu l-istat ta’ tħejjija tas-sistema tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-UE biex jindirizzaw it-theddid tas-CBRN. Dan ix-xogħol wassal għal lista ta’ azzjonijiet biex jiġi indirizzat theddid CBRN kontra l-avjazzjoni.
Ir-raba’ nett, reazzjoni effettiva għar-riskji tas-CBRN teħtieġ għarfien espert fil-livelli kollha, li jagħmilha essenzjali li jiżdiedu l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert. Eżempju tal-aħjar prattika huwa ċ-Ċentru ta’ Taħriġ CBRN-E tal-Ewropa Ċentrali imwaqqaf fl-2016 f’Budapest minn tmien Stati Membri.
Huwa għandu l-għan li jikkondividi, jkabbar u japprofondixxi l-għarfien, l-esperjenzi u l-ħiliet tal-ewwel rispondenti tas-CBRN-E permezz ta’ taħriġ u eżerċizzji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat b’mod pożittiv proposta għal proġett għat-tisħiħ ta’ din il-kooperazzjoni permezz tal-ħolqien ta’ Unità Mobbli tal-Ewwel Rispondenti CBRN-E/Bombi Maħmuġa, skjerabbli fuq talba – f’każ ta’ inċident CBRN-E. Il-qasam tal-forensika huwa każ tipiku għall-ħtieġa li jinħolqu kapaċitajiet kollettivi. Il-ġbir ta’ evidenza u l-ipproċessar tagħha f’żona kkontaminata huwa ta’ sfida kbira u jeħtieġ faċilitajiet speċjalizzati. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni qiegħed jaħdem fuq inizjattivi f’dan il-qasam b’kapaċità fil-qasam tal-forensika nukleari biex jaqsam għarfien speċjalizzat dwar kapaċitajiet relatati. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-analiżi tal-lakuni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-Grupp ta’ Konsulenza CBRN sabiex jiġu identifikati oqsma għall-ġbir flimkien ta’ kapaċitajiet ta’ detezzjoni.
Il-ħames nett, it-taħriġ u l-eżerċizzji huma modi biex jiġi kondiviż l-għarfien dwar ir-riskji tas-CBRN. Fil-kuntest tal-proġett iffinanzjat mill-UE eNotice, bażi ta’ data
li telenka aktar minn 200 inizjattiva ta’ taħriġ rilevanti issa hija disponibbli, u din qed tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet ta’ taħriġ madwar l-Unjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-opportunitajiet għal taħriġ CBRN disponibbli bl-aħjar mod. Barra minn hekk, filwaqt li tagħmel użu sħiħ miċ-Ċentru Ewropew għat-Taħriġ fis-Sigurtà Nukleari, il-Kummissjoni nediet kampanja ta’ taħriġ komprensiv għal esperti doganali tal-UE li joperaw tagħmir sofistikat tar-radjazzjoni u d-detezzjoni nukleari tul il-fruntieri esterni, fil-portijiet u fl-ajruporti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat b’mod pożittiv proposta ta’ proġett għall-iżvilupp ta’ kurrikulu ta’ taħriġ armonizzat tas-CBRN għal dawk li jagħtu l-ewwel rispons u għall-persunal mediku. F’termini ta’ eżerċizzji prattiċi, kmieni fl-2018, l-eżerċizzju ta’ simulazzjoni Chimera organizzat mill-Kummissjoni laqqa’ flimkien is-setturi tas-saħħa, tal-protezzjoni ċivili u tas-sigurtà fl-UE kollha biex jittestja l-istat ta’ tħejjija u l-ippjanar għar-rispons transfruntieri fuq il-bażi ta’ xenarju fittizju li kien jinvolvi r-rilaxx intenzjonat ta’ marda li tittieħed. Dan l-eżerċizzju kkontribwixxa għall-appoġġ tal-bini tal-kapaċità transettorjali u tejjeb l-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni bejn is-setturi tas-saħħa, tal-protezzjoni ċivili u tas-sigurtà fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Minbarra dan, il-kondiviżjoni ta’ għarfien espert testendi wkoll għas-settur privat, minħabba l-konsegwenzi estensivi li attakk CBRN jista’ jkollu fuq l-operaturi fis-settur privat. Proġett immexxi mill-industrija mmirat lejn is-sensibilizzazzjoni tal-persunal tas-sigurtà prinċipalment fis-settur tal-avjazzjoni, ipproduċa għodda ta’ tagħlim elettroniku li jagħti informazzjoni essenzjali għal dawk f’kuntatt ma’ materjali u aġenti tas-CBRN.
2.Azzjonijiet imsaħħa kontra theddidiet kimiċi
L-użu potenzjali ta’ sustanzi kimiċi f’attakki terroristiċi huwa dejjem aktar prominenti fil-propaganda terroristika. Dan iżid it-tħassib li rriżulta b’reazzjoni għall-pjan terroristiku mikxuf fl-Awstralja f’Lulju 2017 u l-użu ta’ sustanzi kimiċi fil-kamp tal-battalja reċentement. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tagħti prijorità għal azzjoni ulterjuri dwar theddidiet kimiċi fil-qafas globali tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CBRN, u tibni fuq il-progress li sar f’termini ta’ analiżi tal-lakuni fil-kapaċitajiet tad-detezzjoni u fl-iskambju tal-aħjar prattiki tal-Grupp Konsultattiv tas-Sigurtà tas-CBRN.
Laqgħa klassifikata mal-esperti tal-Istati Membri f’Marzu 2018 identifikat għadd ta’ prijoritajiet urġenti għal aktar kooperazzjoni kontra theddidiet kimiċi. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tlesti l-passi li ġejjin qabel tmiem l-2018:
·Tiżviluppa lista komuni ta’ sustanzi kimiċi li jippreżentaw theddida partikolari, bħala bażi għal aktar azzjoni operazzjonali biex titnaqqas l-aċċessibbiltà tagħhom u jissaħħu l-kapaċitajiet għad-dettezzjoni tagħhom. Dan ix-xogħol se jitwettaq fi grupp iddedikat ta’ esperti stabbilit f’Mejju 2018 dwar id-detezzjoni ta’ theddidiet kimiċi, li jibni fuq riċerka li għaddejja fl-Istati Membri u fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.
·Twaqqaf djalogu ma’ atturi privati fil-katina tal-provvista biex jaħdmu flimkien favur miżuri li jindirizzaw it-theddidiet li qed jiżviluppaw u jevolvu minn sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw bħala prekursuri. Dan ix-xogħol isegwi l-eżempju ta’ passi meħuda fil-livell tal-UE li jirrestrinġi l-aċċess għal prekursuri tal-isplussivi, u l-ewwel skambju ta’ fehmiet diġà seħħ fil-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri.
·Tħaffef ir-reviżjoni tax-xenarji tat-theddid u l-analiżi ta’ metodi ta’ detezzjoni eżistenti biex tittejjeb id-detezzjoni ta’ theddidiet kimiċi, bl-għan li tiġi żviluppata gwida operazzjonali għall-Istati Membri biex iżidu l-kapaċitajiet ta’ detezzjoni. Għal dak l-għan, il-grupp ta’ esperti apposta msemmi hawn fuq ġie stabbilit biex jindirizza t-theddidiet kimiċi emerġenti. Fuq medda ta’ żmien itwal, il-ħidma ta’ dan il-grupp tista’ twitti t-triq lejn l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir tas-sejbien.
·Tqajjem kuxjenza fost dawk li jagħtu l-ewwel rispons, b’mod partikolari l-persunal tal-infurzar tal-liġi u dak tal-protezzjoni ċivili, biex dawn ikunu jistgħu jagħrfu s-sinjali bikrija ta’ attakk kimiku u jirreaġixxu b’mod xieraq.
III.
IL-ĠLIEDA KONTRA R-RADIKALIZZAZZJONI
1.Il-ġlieda kontra kontenut terroristiku online
L-indirizzar ta’ kontenut terroristiku online għadu sfida ewlenija fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2018
dwar l-indirizzar tal-kontenut illegali online, eżerċizzju ta’ rappurtar, kif mitlub mir-Rakkomandazzjoni, inbeda sussegwentement sabiex jissorvelja l-isforzi kemm mill-industrija kif ukoll mill-Istati Membri u minn sħab ewlenin oħra bħall-Europol, sabiex titnaqqas l-aċċessibbiltà tal-kontenut terroristiku online.
Is-sejbiet inizjali minn dan l-ewwel eżerċizzju ta’ rappurtar abbażi ta’ indikaturi stabbiliti fil-Forum tal-UE dwar l-Internet – li jkopri total ta’ 13-il kumpanija u jinkludi l-kumpaniji tal-midja soċjali ewlenin, 20 Stati Membri u l-Europol – jindikaw xi progress dwar it-trasparenza, peress li l-informazzjoni waslet mingħand aktar kumpaniji, inkluż minn kumpaniji li qabel ma kinux involuti fil-Forum tal-UE dwar l-Internet.
Barra minn hekk, aktar kumpaniji qed jadottaw miżuri proattivi biex jidentifikaw kontenut terroristiku, u volum ogħla ta’ kontenut bħal dan qed jitneħħa. Dawk li żviluppaw għodod awtomatizzati għall-identifikazzjoni ta’ kontenut terroristiku (inkluż kontenut li tneħħa qabel), irnexxielhom itejbu l-veloċità tat-tneħħija ta’ kontenut terroristiku fuq il-pjattaformi tagħhom, filwaqt li identifikaw u neħħew volumi sinifikanti ta’ materjal arkivjat. Il-Bażi ta’ Data tal-Hashes – għodda stabbilita minn konsorzju ta’ kumpaniji biex tiffaċilita l-kooperazzjoni sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku fil-pjattaformi — qed tkompli tespandi, kemm f’termini ta’ membri kif ukoll f’termini tal-ammont ta’ kontenut terroristiku miġbur fil-bażi ta’ data. Tlettax-il kumpaniji issa huma konnessi mal-bażi ta’ data, li issa tinkludi 80 000 immaġni video u 8 000 hash tal-video. Għall-ewwel darba, xi kumpaniji pprovdew feedback dwar l-impatt tal-Bażi ta’ Data tal-Hashes f’termini ta’ kontenut imneħħi, iżda dan il-feedback jeħtieġ li jespandi u jsir aktar dettaljat u sistematiku mal-pjattaformi kollha.
L-indikazzjonijiet tal-kontenut mill-Istati Membri jibqgħu wkoll komponent importanti tar-rispons. L-għadd ta’ Stati Membri li jirreferu kontenut terroristiku lill-kumpaniji tal-internet qed ikompli jiżdied u l-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-Europol qed tkompli tfittex modi kif ittejjeb l-indikazzjoni ta’ kontenut tal-UE – b’mod partikolari f’termini ta’ koordinazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-proċess. L-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet skattat 8 103 deċiżjoni għal konsultazzjonijiet fir-raba’ kwart tal-2017, li minnhom 89 % tneħħew. Fl-ewwel trimestru tal-2018, 5 708 deċiżjoni għal indikazzjoni ta’ kontenut ġew attivati, lil numru akbar ta’ kumpaniji iżgħar u inqas magħrufa, b’rata ta’ suċċess ta’ 61 %. Ir-rata ta’ suċċess tat-tneħħija għal dawk il-kumpaniji fejn kien hemm kooperazzjoni fuq terminu twil mal-unitajiet ta’ indikazzjoni ta’ kontenut fuq l-internet, baqgħet stabbli – fil-biċċa l-kbira tal-każijiet bejn 90 % u 100 %. Il-veloċità tar-rispons irrappurtat mill-kumpaniji għall-indikazzjoni ta’ kontenut tvarja bejn il-pjattaformi u tvarja bejn siegħa u ġranet, kumpaniji kbar u żgħar jeħtieġu li jkomplu jtejbu l-veloċità tar-reazzjoni tagħhom sabiex jirrispondu b’mod adegwat għar-rakkomandazzjoni li jneħħu kontenut terroristiku fi żmien siegħa mill-ħin tal-indikazzjoni ta’ kontenut.
Mekkaniżmi ta’ feedback sistematiku sħiħ dwar l-indikazzjoni ta’ kontenut għadhom mhumiex fis-seħħ, għalkemm l-Istati Membri jirrikonoxxu li jirċievu rċevuti u xi konferma ta’ azzjoni minn diversi kumpaniji. Kumpanija waħda biss tipprovdi informazzjoni sħiħa dwar l-irċevuta, iż-żmien u l-azzjoni. Biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-infurzar tal-liġi u l-kumpaniji, l-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet fl-2016 stabbilixxiet l-Applikazzjoni tal-Ġestjoni tal-Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet. Sal-lum, tliet Stati Membri huma konnessi mal-pjattaforma u oħrajn esprimew interess.
Il-Kummissjoni varat Valutazzjoni tal-Impatt biex tiddetermina jekk l-approċċ attwali huwiex biżżejjed, jew jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex tiġi żgurata d-detezzjoni u t-tneħħija rapidi u proattivi ta’ kontenut illegali online inklużi miżuri leġiżlattivi possibbli biex jikkomplementaw il-qafas regolatorju eżistenti. Ir-rappurtar skont ir-Rakkomandazzjoni se jikkontribwixxi għal din il-valutazzjoni.
L-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-Europol mexxiet sforz multinazzjonali kkoordinat immirat lejn il-magna tal-propaganda tad-Daesh, li kienet tinvolvi sitt Stati Membri kif ukoll l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada. Dan l-isforz kollaborattiv – kien il-quċċata ta’ aktar minn sentejn ta’ xogħol li kien jinvolvi 29 pajjiż – u mhux biss wassal għal tfixkil sinifikanti għall-attivitajiet u l-infrastruttura tal-propaganda tad-Daesh, iżda rriżulta wkoll fil-qbid ta’ volum konsiderevoli ta’ evidenza diġitali.
2. Segwitu tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni
B’mod parallel mal-isforzi fil-ġlieda kontra l-materjal terroristiku online, il-ħidma fil-livell tal-UE qed tkompli tappoġġa l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fl-Istati Membri u fil-komunitajiet lokali tagħhom. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni stabbilit
f’Lulju 2017 biex joffri rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jittejbu l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, ippreżenta r-rapport finali tiegħu fit-18 ta’ Mejju 2018. Dan jinkludi firxa wiesgħa ta’ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni konkreta biex jiġu indirizzati l-isfidi f’oqsma ta’ prijorità bħalma huma r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet (inkluż segwitu wara r-rilaxx u l-ġestjoni ta’ sentenzi), komunikazzjoni u propaganda online, kooperazzjoni bejn bosta partijiet ikkonċernati fil-livell lokali, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali u l-appoġġ għal gruppi li jeħtieġu attenzjoni partikolari (inklużi b’mod partikolari r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ u tat-tfal li qed jerġgħu lura) kif ukoll id-dimensjoni esterna. Waqt li jagħraf il-valur miżjud u l-kisbiet ta’ inizjattivi tal-UE bħan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), in-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika (ESCN) u l-Forum tal-UE dwar l-Internet, ir-rapport jitlob għat-tisħiħ ta’ dawn l-inizjattivi u tal-koordinazzjoni bejniethom, flimkien mal-ħolqien ta’ rabtiet aktar mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti, inklużi l-prattikanti ewlenin, dawk li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi. Ir-rapport jenfasizza l-importanza li azzjonijiet fil-livell tal-UE jkunu mmirati aktar mill-qrib lejn il-ħtiġijiet tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni tilqa’ r-Rapport Finali għax jidentifika oqsma li jeħtieġu azzjoni urġenti, fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se taħdem fuq is-segwitu tar-rakkomandazzjoni li jiġi stabbilit Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni sabiex jiġi żgurat involviment iktar mill-qrib tal-Istati Membri fil-ħidma kontra r-radikalizzazzjoni. Dan il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni tal-UE ġdid se jikkonsisti f’Bord ta’ Tmexxija magħmul mill-Istati Membri u struttura tal-koordinazzjoni u l-appoġġ dwar ir-radikalizzazzjoni li għandha tiġi stabbilita fil-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni se tieħu passi immedjati biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti:
·L-ewwel, billi tadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi Bord ta’ Tmexxija magħmul minn Stati Membri (bil-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna bħala osservaturi) biex tiżgura li l-azzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam ikunu orjentati aħjar lejn il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta’ politika fl-Istati Membri u toffri lill-Istati Membri l-opportunità li jkunu involuti aktar mill-qrib fl-istabbiliment ta’ orjentazzjonijiet strateġiċi. L-ewwel laqgħa tal-Bord hija prevista sa mhux aktar tard minn Novembru 2018.
·It-tieni, permezz tat-twaqqif ta’ struttura ta’ koordinazzjoni u appoġġ imsaħħaħ mill-Kummissjoni konformement mar-riżorsi limitati disponibbli attwalment. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fil-bini tal-għarfien espert meħtieġ tkun partikolarment importanti sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mir-Rapport Finali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jippreżentaw proposti għal sekondar mingħajr spejjeż għall-istruttura ta’ koordinazzjoni u appoġġ. Dan, flimkien mal-Bord ta’ Tmexxija, se jipprovdi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni.
·It-tielet, billi torganizza laqgħa tan-netwerk ta’ dawk li jfasslu l-politika nazzjonali għall-prevenzjoni qabel Ottubru 2018 sabiex jiġu ffaċilitati aktar l-iskambji fost l-Istati Membri u biex jiġu diskussi azzjonijiet konkreti ta’ segwitu.
Il-Kummissjoni tieħu nota tar-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti għal valutazzjoni u evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni sal-2019, u se timmira li tippreżenta r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni sa Diċembru 2019, filwaqt li tirrikonoxxi li sa dak iż-żmien il-miżuri proposti jistgħu ma jkunux għadhom ġew implimentati b’mod sħiħ.
Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport fit-22 ta’ Mejju 2018 adotta Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni ta’ valuri komuni fl-iskejjel biex jiġi kkonsolidat sens aktar b’saħħtu ta’ appartenenza fil-livell lokali u nazzjonali, kif propost mill-Kummissjoni. Din ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu aktar passi sabiex jissaħħaħ il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku fl-iskejjel.
IV. MIŻURI KONKRETI FUQ PERJODU QASIR BIEX TITJIEB IS-SIGURTÀ FERROVJARJA TAL-PASSIĠĠIERI
Iċ-ċentri tat-trasport u l-ferroviji jirrappreżentaw mira b’riskju għoli peress li l-infrastruttura hija miftuħa mid-disinn tagħha stess
. Bħalissa, 26 miljun passiġġier jirkbu l-ferroviji Ewropej kuljum, u l-ivvjaġġar ferrovjarju huwa previst li jiżdied b’madwar 80 % sal-2050. Il-protezzjoni tal-utenti tal-ferroviji, tal-ħaddiema u tal-infrastruttura mit-theddidiet tas-sigurtà li dejjem qed jevolvu hija sfida kruċjali u kontinwa. It-trasport ferrovjarju Ewropew jeħtieġ li jibqa’ sikur u sigur.
L-Ewropa teħtieġ sistema moderna tas-sigurtà ferrovjarja bbażata fuq valutazzjoni tar-riskju, u li tippermetti rispons proporzjonat u malajr għat-theddid emerġenti filwaqt li żżomm is-servizzi ferrovjarji aċċessibbli. Sabiex jagħtu livell ogħla ta’ sigurtà, iżommu l-ferroviji Ewropej aċċessibbli u miftuħa għall-passiġġieri, u jevitaw ostakli bla bżonn għas-suq intern, l-Istati Membri jenħtieġ li tejbu l-iskambju tal-informazzjoni u jgħollu l-livell ta’ kuxjenza, ta’ tħejjija u ta’ kapaċità ta’ reazzjoni għal inċidenti terroristiċi. Il-miżuri introdotti minn Stati Membri individwali bla koordinazzjoni inizjali upstream jistgħu joħolqu diffikultajiet u jiġġeneraw spejjeż f’termini ta’ aktar ħin tal-ivvjaġġar, kanċellazzjonijiet u aċċess iffullat għal ċentri tal-ferroviji.
Hemm il-bżonn għal livelli ekwivalenti ta’ sigurtà għall-passiġġieri bil-ferrovija tal-UE f’pajjiżi differenti u b’operaturi tat-trasport differenti. Azzjoni fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata koordinazzjoni transfruntiera tal-atturi kollha involuti tista’ tikkontribwixxi għall-protezzjoni konsistenti tas-sigurtà madwar l-UE.
Il-Kummissjoni għalhekk qed tissuġġerixxi li jittieħdu għadd ta’ azzjonijiet konkreti fuq perjodu qasir biex titjieb is-sigurtà tal-passiġġieri tal-ferroviji fl-UE (ara l-Anness I). Il-pakkett tal-UE kontra t-terroriżmu adottat fit-18 ta’ Ottubru 2017 ħabbar miżuri li jsaħħu l-ħarsien tal-ispazji pubbliċi
, u dawn l-azzjonijiet jibnu fuq dan, u fuq studji speċifiċi li juru li jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-sigurtà tal-ferroviji tal-UE, partikolarment għal servizzi internazzjonali.
Dawn l-azzjonijiet jirriflettu wkoll ir-riżultati ta’ valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-INTCEN tal-UE.
L-azzjonijiet identifikati huma kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà ferrovjarja. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ Pjattaforma ta’ Sigurtà tal-Passiġġieri tal-Ferroviji tal-UE, biex jinħoloq ambjent effettiv ta’ kooperazzjoni u jiġu proposti rakkomandazzjonijiet biex jgħinu lill-Istati Membri jikkoordinaw b’mod effikaċi l-azzjonijiet ta’ sigurtà ferrovjarja. Il-Pjattaforma se tipprovdi appoġġ fil-ġbir u l-iskambjar ta’ informazzjoni vitali dwar is-sikurezza tal-ferroviji, dwar l-ottimizzazzjoni tas-sigurtà tas-servizzi ferrovjarji transfruntieri u tiddefinixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex jiġu evitati deċiżjonijiet unilaterali fil-livell nazzjonali. Dan se jgħin biex l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fil-qasam ferrovjarju b’mod konġunt jivvalutaw theddid ġdid u inċidenti ta’ sigurtà, u biex janalizzaw rispons xieraq koordinat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mal-aġenziji rilevanti tal-UE se jiżviluppaw metodoloġija ta’ valutazzjoni tar-riskju komuni għar-riskji tas-sigurtà ferrovjarja fil-livell tal-UE.
L-azzjonijiet proposti se jkunu ttestjati fil-prattika. Il-Kummissjoni se twaqqaf attivitajiet annwali, fejn tittestja l-effiċjenza ta’ dan il-mekkaniżmu f’xenarji differenti. Dan jista’ jkun marbut mal-eżerċizzji eżistenti sponsorjati mill-UE mwettqa minn forzi tal-pulizija ferrovjarji. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, u tista’ tikkunsidra l-miżuri kollha xierqa f’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar sabiex ittejjeb l-azzjonijiet jew tirrimedja kull nuqqas identifikat.
V. IMPLIMENTAZZJONI TA’ FAJLS PRIJORITARJI DWAR IS-SIGURTÀ OĦRAJN
1.Lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni
Filwaqt li taħdem għall-kisba ta’ sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, l-UE qed tindirizza n-nuqqasijiet fil-ġestjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tal-UE bħala kwistjoni ta’ urġenza u bħala prijorità ewlenija. Ċentrali għal dan huma l-proposti tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2017 dwar l-interoperabilità tas-sistemi ta’ informazzjoni li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għadhom qegħdin jeżaminaw. It-tliet istituzzjonijiet qablu, fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE, dwar l-għan komuni li jintlaħaq ftehim dwar il-proposti qabel l-aħħar tal-2018. Għal din ir-raġuni, kif diġà tħabbar, il-Kummissjoni ppreżentat flimkien ma’ dan ir-rapport żewġ proposti emendati dwar l-interoperabilità li jinkorporaw l-emendi meħtieġa għall-proposti tal-interoperabbiltà ta’ Diċembru relatati ma’ dawk l-istrumenti ġuridiċi li kienu għadhom qed jiġu nnegozjati f’dak iż-żmien. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jinkludu l-proposti emendati fl-eżami li jinsab għaddej tagħhom tal-proposti ta’ interoperabilità, bil-ħsieb li jinbdew trilogi mingħajr dewmien.
Il-proposti emendati jirriflettu l-progress reċenti li sar mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-proposti leġiżlattivi dwar is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. Il-koleġiżlaturi laħqu qbil politiku finali fil-25 ta’ April 2018 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), li se tippermetti verifiki minn qabel tal-migrazzjoni irregolari u tas-sigurtà ta’ persuni li jivvjaġġaw mingħajr bżonn ta’ viża lejn l-UE. Fit-12 ta’ Ġunju 2018, il-koleġiżlaturi laħqu wkoll qbil politiku dwar it-tliet proposti leġiżlattivi biex tissaħħaħ is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, l-aktar sistema ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni użata b’mod mifrux għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà fl-Ewropa. Dan se jżid is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej billi jtejjeb il-kapaċità tas-sistema biex tiġġieled it-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera, ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u jiżgura skambju effettiv tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-koleġiżlaturi laħqu ftehim politiku fl-24 ta’ Mejju 2018 dwar il-proposta leġiżlattiva biex issaħħu l-eu-LISA, l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Il-mandat imsaħħaħ se jippermetti lill-Aġenzija biex tiżviluppa u tintroduċi s-soluzzjonijiet tekniċi biex is-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti jsiru interoperabbli. Il-qbil milħuq fuq dawn it-tliet inizjattivi, kif ukoll il-progress li sar fid-diskussjonijiet dwar il-proposta leġiżlattiva biex tiġi estiża s-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni tar-Rekords Kriminali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ippermetta lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti riveduti msemmija hawn fuq dwar l-interoperabbiltà, u tintegra l-emendi meħtieġa marbuta ma’ dawn l-istrumenti ġuridiċi fil-proposti ta’ interoperabbiltà ta’ Diċembru 2017.
Il-proposti emendati dwar l-interoperabbiltà ma jinkludux l-emendi li jirrigwardaw il-Eurodac, il-bażi ta’ data tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni irregolari, minħabba li d-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi dwar il-proposta leġiżlattiva ta’ Mejju 2016 biex jissaħħaħ il-Eurodac. L-arkitettura attwali tas-sistema tal-Eurodac eżistenti mhijiex teknikament adattata biex issir parti mill-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni peress li taħżen biss data bijometrika u numru ta’ referenza, iżda l-ebda data personali oħra (eż. l-isem jew ismijiet, l-età, id-data tat-twelid) li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ identitajiet multipli relatati mal-istess sett ta’ data bijometrika. Il-proposta leġiżlattiva ta’ Mejju 2016 tfittex li testendi l-iskop tal-Eurodac għall-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali u dawk li jkunu daħlu fl-UE b’mod irregolari. Hija tipprovdi, b’mod partikolari, għall-ħażna ta’ data personali bħalma huma l-isem jew ismijiet, l-età, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, u d-dokumenti tal-identità. Din id-data tal-identità hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-Eurodac tkun tista’ tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ interoperabilità u tiffunzjona fil-qafas tekniku tagħha. Din il-ħtieġa tenfasizza l-ħtieġa li l-koleġiżlaturi jilħqu ftehim b’mod urġenti dwar il-proposta leġiżlattiva. Sakemm jintlaħaq qbil dwar il-proposta leġiżlattiva biex jissaħħaħ il-EURODAC, id-data ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali u dawk li jkunu daħlu fl-UE b’mod irregolari ma tistax tkun parti mill-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE. Ladarba l-koleġiżlaturi jilħqu ftehim dwar il-proposta leġiżlattiva biex jissaħħaħ il-Eurodac, jew ikunu kisbu progress suffiċjenti, il-Kummissjoni se tippreżenta l-emendi relatati mal-interoperabbiltà proposti fi żmien ġimagħtejn.
Fis-16 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva li ssaħħaħ is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) sabiex ikun hemm rispons aħjar għall-isfidi tas-sigurtà u tal-migrazzjoni li qed jevolvu u titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Filwaqt li s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża eżistenti diġà hija kopert mill-proposti tal-interoperabbiltà ta’ Diċembru 2017, il-proposta leġiżlattiva ta’ Mejju 2018 biex tissaħħaħ is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża tippermetti sistema li tagħmel użu sħiħ mis-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà proposti. Il-proposta tipprovdi għal kontrolli msaħħa fost bażijiet ta’ data sabiex jiġu evitati riskji tal-migrazzjoni u tas-sigurtà fil-ħruġ ta’ viżi u għal kapaċità msaħħa għall-prevenzjoni tal-kriminalità, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sigurtà u t-tnaqqis tal-lakuni tal-informazzjoni.
2.L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri
Ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa kruċjali għal rispons komuni tal-Unjoni għat-theddida tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata. Id-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva kienet il-25 ta’ Mejju 2018. Fid-data tas-7 ta’ Ġunju 2018, erbatax-il Stat Membru kkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri li huma kienu adottaw biex jittrasponu d-Direttiva.
It-tlettax-il Stat Membru l-oħra għadhom ma nnotifikawx il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħhom. F’disa’ Stati Membri l-leġiżlazzjoni meħtieġa tressqet fil-parlament għall-adozzjoni, filwaqt li fi Stat Membru ieħor il-leġiżlazzjoni primarja li timplimenta d-Direttiva diġà ġiet adottata, iżda l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja biex tintlaħaq it-traspożizzjoni sħiħa għadha pendenti. Fost l-Istati Membri li għadhom ma nnotifikawx it-trażpożizzjoni lill-Kummissjoni, ħamsa għandhom leġiżlazzjoni fis-seħħ li tippermettilhom li jiġbru data tal-PNR skont il-liġi nazzjonali. Madankollu, il-qafas leġiżlattiv tagħhom għad irid jiġi emendat biex jikkonforma b’mod sħiħ mad-Direttiva.
Minbarra li l-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 18, id-Direttiva dwar il-PNR tipprevedi notifiki speċifiċi marbuta mal-applikazzjoni tagħha għal titjiriet intra-UE (l-Artikolu 2); l-istabbiliment ta’ Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (Artikolu 4) u l-lista tal-awtoritajiet kompetenti intitolati li jitolbu u jirċievu data tal-PNR mill-PIU (l-Artikolu 7). Għoxrin Stat Membru bagħtu lill-Kummissjoni l-lista tal-awtoritajiet kompetenti intitolati li jitolbu jew jirċievu data tal-PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta’ dik id-data, kif previst mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-PNR. Dsatax-il Stat Membru għarrfu lill-Kummissjoni li huma beħsiebhom japplikaw din id-Direttiva għat-titjiriet intra-UE skont l-Artikolu 2(1) u għoxrin oħra nnotifikaw il-ħolqien tal-Unità ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIU) tagħhom skont l-Artikolu 4(5).
Barra minn hekk, filwaqt li ħadu passi biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali u jlestu l-arranġamenti istituzzjonali meħtieġa, l-Istati Membri għamlu progress fit-twaqqif tas-soluzzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-ħażna, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data tal-PNR. Erbgħa u għoxrin Stat Membru għandhom soluzzjoni teknika tal-PNR, filwaqt li t-tlieta l-oħra jinsabu f’diversi stadji tal-iskjerament tal-infrastruttura meħtieġa. Il-proċess biex tiġi stabbilita l-konnettività mat-trasportaturi tal-ajru bl-għan li tkun possibbli t-trażmissjoni tad-data tal-PNR lill-PIUs huwa fi stat avvanzat fi tnax-il Stat Membru, filwaqt li fi ħdax oħra mill-anqas trasportatur tal-ajru wieħed diġà qed jittrażmetti data tal-PNR lill-PIU f’ħin reali.
Għaldaqstant, b’mod kumplessiv, il-Kummissjoni tinnota li sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR matul dawn l-aħħar sentejn. Madankollu, minħabba l-importanza kruċjali ta’ dan l-istrument għar-rispons komuni tal-UE għal kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, il-Kummissjoni se tuża l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħha għall-infurzar tal-liġi tal-UE, inklużi azzjonijiet ta’ ksur fejn xieraq. In-nuqqas ta’ traspożizzjoni jfixkel l-effettività tal-mekkaniżmu tal-PNR tal-UE kollha kemm hi, inaqqas iċ-ċertezza ġuridika għat-trasportaturi tal-ajru billi joħloq dewmien fil-ħolqien ta’ reġim wieħed għall-UE kollha biex tiġi pprovduta d-data tal-PNR, u jxekkel il-protezzjoni effettiva tad-data personali madwar l-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex ilestu l-iżvilupp tas-sistemi tal-PNR tagħhom, inkluż billi tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni. F’dan ir-rigward, l-ewwel laqgħa mal-Istati Membri biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR seħħet fis-7 ta’ Ġunju 2018.
3.Iċ-ċibersigurtà u t-theddid bl-użu tal-internet
F’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni qed tkompli timplimenta l-azzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni Konġunta ta’ Settembru 2017
dwar “Ir-reżiljenza, id-Deterrenza u d-Difiża: Nibnu sigurtà ċibernetika b’saħħitha għall-UE”.
Id-9 ta’ Mejju 2018 kienet id-data ta’ skadenza għall-Istati Membri kollha tal-UE sabiex jittrasponu d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni fil-liġi nazzjonali. Dan huwa l-ewwel sett ta’ regoli ġuridikament vinkolanti għall-UE kollha dwar iċ-ċibersigurtà, li jistabbilixxi livell komuni għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-UE.
Fil-6 u s-7 ta’ Ġunju 2018, il-ħames eżerċizzju pan-Ewropew Cyber Europe 2018 dwar kriżi ċibernetika seħħ bil-koordinazzjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (EU Agency for Network and Information Security, ENISA).
L-eżerċizzju kien organizzat għal timijiet tas-sigurtà tal-IT, tal-kontinwità tal-ħidma u tal-ġestjoni tal-kriżijiet li kienu ġejjin minn Stati Membri tal-UE u tal-EFTA, u kien jinvolvi aktar minn 1000 parteċipant. Ix-xenarju kien jirrigwarda l-Avjazzjoni, u potenzjalment kien jinvolvi lill-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili, lill-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSPs), lill-Kumpaniji tal-Ajruporti, lit-Trasportaturi tal-Ajru, b’impatti potenzjali f’setturi oħra.
L-esponiment taċ-ċittadini għal diżinformazzjoni fuq skala kbira, inkluża informazzjoni qarrieqa jew kompletament falza, hija tip ieħor ta’ theddida ċibernetika u sfida kbira għall-Ewropa. Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ April 2018 “Il-Ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online: approċċ Ewropew "
, il-Kummissjoni ressqet pjan ta’ azzjoni u għodod awtoregolatorji biex tindirizza l-firxa u l-impatt tad-diżinformazzjoni online fl-Ewropa, u tiżgura l-protezzjoni tal-valuri Ewropej u tas-sistemi demokratiċi. Il-miżuri speċifiċi ppreżentati jinkludu Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni għall-UE kollha għall-pjattaformi online u għal min jirreklama online, appoġġ għal netwerk indipendenti ta’ fact-checkers, u serje ta’ azzjonijiet biex jiġi jistimulat il-ġurnaliżmu ta’ kwalità u jiġi promoss il-litteriżmu medjatiku. L-ewwel laqgħa tal-Forum ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati dwar id-Diżinformazzjoni saret fid-29 ta’ Mejju 2018 u impenjat ruħha għal pjan direzzjonali ambizzjuż biex tiġi żgurata l-adozzjoni tal-Kodiċi fis-17 ta’ Lulju 2018.
L-Internet Corporation for Assigned Names and Numbers (ICANN) għandha rwol importanti fl-appoġġ tal-objettivi tal-politika pubblika tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji. Il-Kummissjoni tfakkar li l-ICANN jenħtieġ li taċċellera l-isforzi tagħha biex tiżgura li hija tikkonforma b’mod sħiħ mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data bħala riżultat tar-riforma li għaddejja bħalissa tas-servizz WHOIS, filwaqt li tiżgura mudell WHOIS li jippreserva l-funzjonijiet essenzjali ta’ interess pubbliku, li jvarjaw mill-infurzar tal-liġi sas-sigurtà ċibernetika u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. B’dan l-objettiv f’moħħha, il-Kummissjoni qed tkompli tiffaċilita d-diskussjoni bejn l-ICANN u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) bil-ħsieb li tistabbilixxi mudell ġdid li jissodisfa ż-żewġ objettivi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistieden lill-ICANN biex tieħu r-responsabbiltà għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti tagħhom. Fis-17 ta’ Mejju 2018, il-Bord tal-ICANN adotta Speċifikazzjoni Temporanja għad-Data tar-Reġistrazzjoni TLD (l-hekk imsejħa dominji ġeneriċi tal-ogħla livell) li tapplika mill-25 ta’ Mejju 2018 bil-għan li tiġi żgurata konformità mal-GDPR. Għalkemm l-Ispeċifikazzjoni Temporanja tħalli miftuħa għadd ta’ kwistjonijiet inkluż f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċess għad-data WHOIS għal għanijiet leġittimi, bħal investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, il-Bord tal-ICANN impenja ruħu li jkompli jaħdem flimkien mal-komunità sabiex jiżviluppa u jimplimenta soluzzjoni komprensiva u permanenti. Fis-27 ta’ Mejju 2018, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data approva dikjarazzjoni li tirrikonoxxi l-isforzi meħuda mill-ICANN biex jiżgura l-konformità tas-sistema WHOIS mal-GDPR, għalkemm aktar progress mill-ICANN biex jiżgura li r-rekwiżiti ġuridiċi jiġu indirizzati kif suppost se jkompli jiġi mmonitorjat. Peress li n-nuqqas ta’ mudell komprensiv għas-servizz WHOIS jista’ jfixkel serjament l-abbiltà tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jinvestigaw ir-reati, inklużi r-reati ċibernetiċi, il-Kummissjoni se tibqa’ viġilanti wkoll li mudell adegwat li jipprevedi aċċess għad-data WHOIS għal skopijiet leġittimi jiġi kkonsenjat fiż-żmien mill-ICANN.
4.Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
Peress li l-kriminali u t-terroristi joperaw fi Stati Membri differenti u huma kapaċi jittrasferixxu fondi bejn kontijiet bankarji differenti fi kwistjoni ta’ sigħat sabiex jippreparaw l-atti tagħhom jew iċaqilqu u jaħslu r-rikavat minn attività kriminali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija aspett importanti tal-ħidma lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva. Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta Direttiva li ssaħħaħ ir-regoli tal-UE għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dik li tissejjaħ il-5 Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus se żżid it-trasparenza dwar is-sjieda ta’ kumpaniji u trusts sabiex jiġu evitati l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ strutturi opaki. Dan għandu jtejjeb il-ħidma tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja b’aċċess aħjar għall-informazzjoni permezz ta’ reġistri ċentralizzati tal-kontijiet tal-bank. Hija se tindirizza riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu marbuta mal-użu anonimu ta’ muniti virtwali u ma’ strumenti mħallsa minn qabel. Fl-aħħar nett, se tiżgura livell għoli ta’ salvagwardji għal flussi finanzjarji minn pajjiżi terzi b’riskju għoli.
Fit-30 ta’ Mejju 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar il-proposta leġiżlattiva għal Direttiva li tiġġieled il-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali li se tarmonizza reati kriminali ta’ ħasil tal-flus.
Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni fi Frar 2016 “biex tesplora l-ħtieġa għal restrizzjonijiet adatti fuq pagamenti bi flus kontanti li jeċċedu ċerti limiti”. Wara dan, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod informali lill-Istati Membri, ikkummissjonat studju lil kuntrattur estern u wettqet konsultazzjoni pubblika bejn Marzu u Mejju 2017. Il-Kummissjoni ppubblikat Rapport dwar restrizzjonijiet dwar pagamenti fi flus kontanti flimkien ma’ dan ir-rapport ta’ progress tal-Unjoni tas-Sigurtà. Is-sejbiet wasslu għall-konklużjoni li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti mhux se jfixklu b’mod sinifikanti l-finanzjament tat-terroriżmu, imma li restrizzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu utli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni f’dan l-istadju mhix se tieħu azzjoni leġiżlattiva ulterjuri dwar din il-kwistjoni.
5.Id-dimensjoni esterna
Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (Small Arms Light Weapons, SALW) u armi tan-nar illeċiti jkomplu jikkontribwixxu għall-instabbiltà u l-vjolenza fl-Unjoni Ewropea, fil-viċinat immedjat tagħha u lil hinn. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għalhekk jipproponu lill-Kunsill reviżjoni tal-Istrateġija tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir tal-2005, b’kont meħud tal-kuntest tas-sigurtà, l-inizjattivi tal-UE u l-iżviluppi ġodda fil-kontroll tal-armi konvenzjonali li saru mill-2005 ’il quddiem, jiġifieri: id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-konklużjoni tal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armi tan-nar, l-attivitajiet mal-pajjiżi ġirien permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 u l-ħidma li saret fil-kuntest taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE. Din l-istrateġija aġġornata għandha l-għan li tiggwida l-azzjoni Ewropea kollettiva u kkoordinata sabiex tipprevjeni u trażżan l-akkwist ta’ armi tan-nar illeċiti u armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom, minn terroristi, kriminali u atturi oħra mhux awtorizzati. L-istrateġija tappoġġa normi msaħħa fil-livell internazzjonali u tal-UE, kontrolli mtejba u t-traċċabbiltà tal-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u tal-munizzjon matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
Fit-23-24 ta’ April 2018, il-Ministri tas-Sigurtà tal-G7 ltaqgħu f’Toronto biex jiddiskutu l-kooperazzjoni fis-sigurtà, inkluża azzjoni komuni kontra theddid terroristiku li qed jiżviluppa. L-Impenji ta’ Toronto tal-Ministri tas-Sigurtà poġġew enfasi fuq il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi, it-tħejjija kontra riskji ta’ CBRN u sforzi fil-ġlieda kontra l-materjal terroristiku fuq l-internet, it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sessjoni konġunta tal-Ministri tas-Sigurtà u tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin irriżultat fl-adozzjoni ta’ impenji konġunti dwar il-ġestjoni ta’ ġellieda terroristi barranin u vjaġġaturi assoċjati u dwar id-difiża tad-demokrazija u l-indirizzar ta’ theddidiet barranin.
Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tippermetti li l-Operazzjoni Sophia ta’ EUNAVFOR MED tospita l-proġett pilota “Ċellola ta’ Informazzjoni Kontra l-Kriminalità” (Crime Information Cell, CIC). Is-CIC se titpoġġa fuq il-vapur li jospita l-kwartieri ġenerali tal-forza ta’ Operazzjoni Sophia, bħala ċentru fl-Operazzjoni, fejn l-atturi kollha rilevanti jistgħu jaħdmu flimkien biex jiffaċilitaw id-dħul, il-ġbir u l-iskambju reċiproku u propizju ta’ informazzjoni analitika u aktar użu operazzjonali bejn l-Operazzjoni Sophia tal-EUNAVFORMED, l-Aġenziji tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni rilevanti u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, dwar kwistjonijiet relatati mal-mandat tal-Operazzjoni, jiġifieri l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi, it-traffikar illegali tal-esportazzjonijiet taż-żejt u l-protezzjoni tal-forza tal-Operazzjoni.
Is-Summit ta’ Sofia mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent sar fis-17 ta’ Mejju 2018. Huwa kkonferma l-perspettiva Ewropea tar-reġjun u stabbilixxa għadd ta’ azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-kooperazzjoni, u huwa importanti li dawn jinkludu l-oqsma tas-sigurtà u l-istat tad-dritt, f’konformità mal-Politika Ewlenija tas-Sigurtà u l-Migrazzjoni tal-Istrateġija tal-Balkani tal-Punent.
Fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2018, il-laqgħa Ministerjali UE-Stati Uniti dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ġiet ospitata mill-Presidenza Bulgara tal-Kunsill f’Sofija. L-UE u l-Istati Uniti ddiskutew l-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’enfasi fuq l-iskambju effettiv tal-informazzjoni, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, l-użu tal-internet għal skopijiet terroristiċi, u l-viġilanza fir-rigward ta’ theddidiet kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, speċjalment fir-rigward tat-theddidiet kimiċi li qed jevolvu għas-sigurtà tal-avjazzjoni u tal-ispazji pubbliċi.
Fil-25 ta’ Mejju 2018, fi Brussell sar l-ewwel Djalogu bejn l-UE u n-NU dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. L-UE u n-NU ddiskutew l-isforzi biex jikkooperaw dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih fuq numru ffukat ta’ prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi, b’attenzjoni partikolari fuq ġellieda terroristiċi barranin u vittmi tat-terroriżmu.
Fid-29 ta’ Mejju 2018, il-persunal tal-UE u n-NATO kellhom l-ewwel Djalogu Kontra t-Terroriżmu fi Brussell fil-qafas tal-implimentazzjoni kurrenti tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2016 tagħhom. Huma indirizzaw l-isfidi tar-ritorn jew tar-rilokazzjoni ta’ ġellieda terroristi barranin u l-isforzi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Iraq, fl-Afganistan, fil-Bosnja u l-Ħerzegovina u fit-Tuneżija.
Fl-4 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni adotta tmien Deċiżjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal ftehimiet bejn l-UE u l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija rispettivament dwar l-iskambju ta’ data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu.
Wara l-adozzjoni reċenti ta’ mandat ta’ negozjar mill-Kanada fl-aħħar ta’ Mejju 2018 għal reviżjoni tal-Ftehim tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) bejn l-UE u l-Kanada, il-Kummissjoni u l-Kanada għandhom minnufih jieħdu passi biex iniedu negozjati formali għal dak il-għan u l-ftuħ tan-negozjati huwa skedat għall-20 ta’ Ġunju 2018.
VI. KONKLUŻJONI
Dan ir-rapport jispjega t-tkomplija tal-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, li tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità serja u t-theddidiet bl-użu tal-internet, u li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi biex jilħqu ftehim rapidu dwar dawk il-proposti leġiżlattivi kollha li qegħdin jiġu diskussi bħalissa u li għandhom l-għan li jtejbu aktar is-sigurtà taċ-ċittadini, b’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-19.
Il-Kummissjoni se tkompli din il-ħidma bħala kwistjoni ta’ prijorità, ukoll fid-dawl tal-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern dwar is-sigurtà interna f’Salzburg fl-20 ta’ Settembru 2018 bħala parti mill-Aġenda tal-Mexxejja.