Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Finlandja
u li jagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Finlandja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Finlandja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fil-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).
(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Finlandja jenħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet hawn taħt, b'mod partikolari nru 3.
(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għall-Finlandja ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport ivvaluta l-progress tal-Finlandja f'li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Finlandja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.
(4)Fit-13 ta’ April 2018, il-Finlandja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tagħha u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun meħtieġ biex jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru biex jirrieżamina u jipproponi emendi fil-Ftehim ta' Sħubija tiegħu u fil-programmi relevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika soda.
(6)Attwalment, il-Finlandja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tiegħu, il-gvern qed jippjana bilanċ nominali ta’ -0,6 % tal-PDG fl-2018, mhux mibdul mis-sena preċedenti. Skont il-gvern, il-bilanċ għandu jitjieb fl-2019 u fis-snin segwenti, filwaqt li jilħaq surplus żgħir fl-2020 u 2021. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit ta’ 0,5 % tal-PDG f’termini strutturali — inkiseb fl-2017. Madankollu, id-defiċit strutturali rikalkulat għandu jkun marġinalment ikbar, 0,6 % tal-PDG, fl-2018-2019 u jonqos iktar tard. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG laħaq l-ogħla livell ta’ 63,6 % fl-2015 u naqas għal 61,4 % fl-2017. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-proporzjon tad-dejn se jkompli jonqos u se jilħaq is-56,7 % tal-PDG fl-2021. Jidher li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa ġeneralment plawżibbli. Ir-riskji ewlenin għall-projezzjonijiet baġitarji jirrigwardaw l-ispejjeż tal-bidu tas-servizzi ppjanati tar-riforma soċjali u tal-kura tas-saħħa, li jistgħu jkunu ogħla milli mistenni.
(7)Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 ifakkar li l-ispejjeż relatati mal-influss eċċezzjonali ta’ rifuġjati żdiedu u li dan l-impatt fuq il-baġit kien sinifikanti fl-2015-2016. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, l-ispejjeż għandhom jonqsu b’0,15 % tal-PDG fl-2017. Din iċ-ċifra ma ġietx ikkonfermata fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u għalhekk ma ġietx meqjusa mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, fl-2017, il-Finlandja ngħatat devjazzjoni temporanja ta’ 0,5 % tal-PDG mill-perkors ta’ aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju biex jitqiesu riformi strutturali ewlenin, b’mod partikolari, ir-riforma tal-pensjonijiet tal-2017 u l-Patt tal-Kompettività, b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Fl-2017, il-Finlandja ingħatat ukoll devjazzjoni temporanja ta’ 0,1 % tal-PDG biex jitqies l-infiq nazzjonali fuq l-investiment fi proġetti kofinanzjati mill-Unjoni. Fir-rigward tal-aħħar devjazzjoni, waħda mill-kriterji ta’ eliġibbiltà hija li t-total tal-investiment pubbliku ma jonqosx. Id-data dwar l-eżitu tal-baġit għall-2017 uriet tnaqqis fl-investiment pubbliku fl-2017 meta mqabbel mas-sena preċedenti, filwaqt li huwa stmat li l-investiment marbut ma’ fondi tal-Unjoni baqa’ stabbli. Għalhekk, il-Finlandja ma għadhiex titqies eliġibbli għal devjazzjoni temporanja ta’ 0,1 % tal-PDG fir-rigward tal-infiq nazzjonali fuq l-investiment fi proġetti kofinanzjati mill-Unjoni fl-2017. Id-devjazzjonijiet temporanji li fadal mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fil-prinċipju jiġu riportati sabiex ikopru perjodu ta’ tliet snin. Għalhekk, id-devjazzjonijiet temporanji skont il-klawżoli tal-avvenimenti mhux tas-soltu u tar-riforma strutturali jammontaw għal 0,67 % tal-PDG fl-2018 u 0,5 % tal-PDG fl-2019.
(8)Fil-11 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill rrakkomanda lill-Finlandja biex tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2018 tkun limitata għall-konċessjoni marbuta mal-impatt baġitarju ta’ avvenimenti mhux tas-soltu (mogħtija fl-2016), kif ukoll għall-konċessjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u investimenti (mogħtija fl-2017). Dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali ta’ nfiq pubbliku primarju nett ta’ 1,9 % fl-2018, li tikkorrispondi ma’ deterjorament permess fil-bilanċ strutturali b’0,1 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018, hemm riskju ta’ xi devjazzjoni mill-aġġustament fiskali rakkomandat fl-2018. Madankollu, riżultat tal-eżitu aħjar milli mistenni għall-2017, id-distanza mill-objettiv fuq terminu medju hija attwalment prevista li tkun inqas mill-konċessjonijiet mogħtija marbuta ma’ klawżoli ta’ avvenimenti mhux tas-soltu u riforma strutturali. Jekk dan jiġi kkonfermat, dan għandu jitqies fil-valutazzjoni ex post għall-2018.
(9)Fl-2019, fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-Finlandja jenħtieġ li tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2019 tkun limitata għal konċessjoni marbuta mal-impatt fuq il-baġit fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja fl-2017. Dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali ta’ nfiq pubbliku primarju nett ta’ 2,9 %, li tikkorrisponodi ma’ deterjorament permess fil-bilanċ strutturali b’0,2 % tal-PDG. Jekk il-politiki ma jinbidlux, il-Finlandja hija prevista li tikkonforma mar-rekwiżit għall-2019. Il-Finlandja hija prevista li tkun konformi mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2018 u l-2019. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Finlandja jeħtieġ li tkun lesta biex tieħu miżuri ulterjuri biex tiżgura l-konformità fl-2018 u hija mistennija li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2019.
(10)Minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ u forza tax-xogħol li qed tonqos, l-infiq fuq il-pensjonijiet, fuq is-saħħa u fuq l-kura fit-tul għandu jiżdied minn 24 % tal-PDG fl-2017 għal 27 % tal-PDG sal-2030. Ir-riforma amministrattiva u r-riforma tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, li attwalment qed jiġu diskussi fil-Parlament, jimmiraw biex inaqqsu t-tkabbir tal-infiq f’dan il-qasam. Objettivi oħrajn jistgħu jkunu li jiġi żgurat aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u li jonqsu l-ħinijiet ta’ stennija tal-pazjenti, speċjalment fiż-żoni iktar żvantaġġati jew remoti. Il-proporzjon ta’ bżonnijiet mediċi mhux issodisfati awtodikjarati huwa ogħla mill-medja tal-UE. B’mod partikolari, persuni barra mill-forza tax-xogħol qed jesperjenzaw diffikultajiet biex jiksbu l-kura medika meħtieġa. Mill-2020 ’il quddiem, se jkun hemm livell ġdid ta’ amministrazzjoni pubblika reġjonali, jiġifieri dak tal-kontej, li se jieħu ħsieb is-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa tal-Finlandja. Ir-riforma se tiġbor flimkien ir-riżorsi sabiex tippermetti l-użu effettiv tagħhom fil-livell tal-kontej. Jenħtieġ ukoll li l-użu akbar tas-servizzi diġitali u elettroniċi jżid il-produttività. Fl-aħħar nett, is-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa primarja se jkunu disponibbli kemm minn ċentri soċjali u tas-saħħa pubbliċi, kif ukoll dawk privati. Dan se jagħti lill-pazjenti aktar libertà ta' għażla, filwaqt li l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi mistennija twassal għall-iffrankar fl-ispejjeż. Il-kisba ta’ dawn l-objettivi ambizzjużi se tiddependi wkoll fuq l-għażliet li jsiru matul il-fażi tal-implimentazzjoni tar-riforma.
(11)B’74 % tat-total tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol ta' bejn l-20 u l-64 fl-2017, ir-rata ta’ impjieg kienet relattivament baxxa fil-Finlandja meta mqabbla mal-pari Nordiċi tagħha. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol kienet ukoll iktar baxxa, speċjalment għan-nisa, għall-irġiel bi ftit kwalifiki u għall-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. B’madwar 7,5 % tal-forza tax-xogħol totali fl-2017, ir-rata ta’ qgħad strutturali kienet għolja. Għat-tkabbir tal-impjieg, u minkejja miżuri riċenti adottati mill-awtoritajiet Finlandiżi, għad fadal sfidi fl-adozzjoni ta' aktar inċentivi biex wieħed jaċċetta x-xogħol u ta' aktar politiki attivi tas-suq tax-xogħol.
(12)L-inattività u n-nases tal-qgħad għadhom ostaklu għal użu aktar estensiv tal-forza tax-xogħol. Nassa sinifikanti tal-inattività tirriżulta mis-sistema ta’ benefiċċji u l-kombinazzjoni ta’ tipi differenti ta’ benefiċċji. Is-sistema tal-assistenza soċjali u l-benefiċċji għall-akkomodazzjoni jifformaw komponent sostanzjali ta’ din in-nassa. Dawn u benefiċċji oħra jitnaqqsu rapidament, hekk kif jiżdied l-introjtu, li joħloq ir-riskju li li wieħed jibda jaħdem ma ma jippremjax biżżejjed lil dak li jkun mill-aspett finanzjarju. Il-komplessità tar-regoli tal-benefiċċji kkombinata ma’ prattiki amministrattivi hija meqjusa li tirriżulta f’nases tal-qgħad jew “nases burokratiċi”. L-inċertezza marbuta mal-livell ta’ benefiċċji u ż-żmien biex dawn jerġgħu jiġu stabbiliti tnaqqas il-ġibda lejn xogħol għal żmien qasir jew xogħol part-time. Finalment, minkejja r-ritmu tajjeb li qabad dan l-aħħar il-bini ta’ djar ġodda, in-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet affordabbli f’ċentri ta’ tkabbir jista’ jkun impediment addizzjonali għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol. L-esperiment li għaddej bħalissa tal-introjtu bażiku, li l-ewwel riżultati tiegħu huma mistennija fl-2019, x’aktarx se jipprovdi xi informazzjoni biex tiġi riveduta s-sistema tas-sigurtà soċjali. Ġiet esplorata riforma fis-sistema tal-liv tal-ġenituri biex iżżid ir-rata tal-impjieg tan-nisa fl-età li jista’ jkollhom it-tfal u biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Bħalissa qed jitħejja reġistru tal-introjtu f’ħin reali u dan jista’ jipprovdi opportunità biex titjieb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi u biex il-benefiċċji jiġi livellati b’mod effettiv.
(13)Il-prattiki ta’ kif jiġu stabbiliti l-pagi qed jinbidlu u qed jersqu lejn negozjar fil-livelli settorjali u lokali. Billi d-ditti spiss jiffaċċjaw diversi restrizzjonijiet, dan għandu jippermetti iktar divrenzjar fil-pagi bejn id-ditti, li jiżgura li ż-żidiet reali fil-pagi jkunu konformi mat-tkabbir fil-produttività, filwaqt li jappoġġaw riżultati aħjar fl-impjiegi. Skont il-ftehimiet l-iktar riċenti dwar il-pagi li ġew konklużi tard fl-2017 u kmieni fl-2018, l-impjegaturi organizzati għandhom iktar opportunitajiet li jagħmlu negozjar lokali. F’każ ta’ impjegaturi li m’humiex organizzati, għadhom jeżistu ostakli. Ġew osservati xi riżultati inizjali pożittivi, peress li l-istatus attwali tan-negozjati riċenti dwar il-pagi jindika riżultat b’impatt ġeneralment newtrali fuq il-kostkompetittività. Fil-prattika, minkejja l-assenza ta’ koordinazzjoni formali dwar il-ftehimiet dwar il-pagi, jidher li qed jiżviluppa mudell Finlandiż, li jorbot iż-żidiet fil-paga fis-settur mhux kummerċjabbli maż-żidiet li jsir qbil dwarhom fis-settur kummerċjabbli.
(14)Hekk kif l-attività u l-impjiegi jirritornaw gradwalment għal-livelli ta’ qabel il-kriżi, l-impjegabbiltà iktar baxxa tal-persuni qiegħda u ta’ persuni mhux attivi x’aktarx se tkun ta’ tħassib ewlieni li tista’ tnaqqas ir-ritmu tal-irkupru fis-suq tax-xogħol, filwaqt li b’hekk ixxekkel is-sostenibbiltà fit-tul tas-soċjetà tal-benessri Finlandiża. Is-sitwazzjoni tesiġi attivitajiet xierqa u integrati u servizzi ta’ riabilitiazzjoni għall-persuni qiegħda u persuni mhux attivi. Fl-istess ħin, ir-riżorsi ddedikati għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-attivitajiet ta’ konsulenza, huma inqas mill-medja tal-UE. Is-servizzi għal persuni qiegħda, speċjalment għal dawk bi prospetti ta’ impjieg iktar baxxi, huma mferrxa fost għadd ta’ fornituri separati. L-integrazzjoni jew il-koordinazzjoni aħjar jistgħu jgħinu jipproduċu katina ta’ servizzi bla intoppi (punt uniku ta’ kuntatt għal persuni qiegħda/mhux attivi). Jeħtieġ li jsiru sforzi kontinwi biex jiġi żgurat id-dħul mill-ġdid tal-persuni mhux attivi fis-suq tax-xogħol, speċjalment dawk fil-grupp ta’ età ta' bejn il-25 u d-49 sena u tal-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Il-popolazzjoni tal-migranti tista’ parzjalment tikkumpensa għat-tnaqqis eżistenti fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, dment li jiġu integrati tajjeb fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà Finlandiża. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ ħaddiema qiegħed jiżdied, li x’aktarx huwa riflessjoni ta’ bidla strutturali fl-ekonomija, bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Dan jissuġġerixxi li hemm bżonn ta’ investiment kontinwu fit-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ vokazzjonali biex jiġu permessi l-mobbiltà professjonali u jitnaqqsu l-ispariġġi fil-ħiliet.
(15)Il-gvern implimenta miżuri biex jippromwovi l-intraprenditorija u n-negozji ġodda u tejjeb ukoll id-disponibbiltà tas-self u tal-garanziji tal-esportazzjoni għall-intrapriżi żgħar u medji. Barra minn hekk, persuni qiegħda issa qed jirċievu benefiċċji tal-qgħad matul l-ewwel xhur minn meta jibdew negozju. Din l-iskema x’aktarx li tkun ta’ suċċess jekk tkun ikkombinata ma’ taħriġ u kkowċjar, filwaqt li t-tul ta’ żmien qasir tagħha jista’ jillimita l-impatt tagħha. Apparti dan, għad hemm xi dgħufijiet fil-protezzjoni soċjali tal-intraprendituri u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u r-riskju relattiv ta’ faqar għal persuni għal rashom fil-Finlandja huwa għoli.
(16)Id-dejn tal-unitajiet domestiċi għadu f’livell storikament għoli (67 % tal-PDG fl-2016). Id-dejn huwa fil-biċċa l-kbira b’rata varjabbli, li jikkostitwixxi riskju jekk ir-rati tal-imgħax jogħlew fit-terminu medju. Il-kreditu għall-konsumatur qed jiżdied rapidament u proporzjon li qed jiżdied minn dan is-self huwa mogħti minn banek barranin, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (apparti l-istituzzjonijiet tal-kreditu), kumpaniji żgħar tas-self u self bejn il-pari. L-Awtorità Superviżorja Finanzjarja Finlandiża adottat għadd ta’ miżuri biex tiġi limitata ż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi. Madankollu, ma huwa mistenni l-ebda diżingranaġġ attiv fi żmien qasir, speċjalment hekk kif ir-rati tal-imgħax għadhom baxxi u l-kunfidenza tal-konsumatur hija b’saħħitha. In-nuqqas ta’ reġistru tal-kreditu jista’ jwaqqaf lill-banek milli jkollhom viżjoni ċara tal-pożizzjoni tad-dejn ġenerali tal-unitajiet domestiċi.
(17)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Finlandja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Finlandja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Finlandja iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(18)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni nru 1 ta’ hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:
1.Tikseb l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2019, filwaqt li tqis il-konċessjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali li għalihom hija mogħtija devjazzjoni temporanja. Tiżgura l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riforma amministrattiva bil-għan li ttejjeb il-kosteffettività u l-aċċess ugwali għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa.
2.Ittejjeb l-inċentivi biex jiġi aċettat ix-xogħol u tiżgura servizzi adegwati u integrati tajjeb għal persuni qiegħda u persuni inattivi.
3.Issaħħaħ il-monitoraġġ tad-dejn tal-unitajiet domestiċi billi twaqqaf sistema ta’ reġistru tal-kreditu.
Magħmul fi Brussell,