Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0320

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inlestu Suq Uniku Diġitali affidabbli għal kulħadd Il-kontribut tal-Kummissjoni għal-Laqgħa Informali tal-Mexxejja tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u s-Suq Uniku Diġitali f'Sofia fis-16 ta' Mejju 2018

    COM/2018/320 final

    Brussell, 15.5.2018

    COM(2018) 320 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Inlestu Suq Uniku Diġitali affidabbli għal kulħadd

    Il-kontribut tal-Kummissjoni għal-Laqgħa Informali tal-Mexxejja tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u s-Suq Uniku Diġitali f'Sofia fis-16 ta' Mejju 2018


    Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u tal-komunikazzjoni tagħha.

    Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

    Din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha."

    L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti.

    L-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

    Jinħtieġ li l-Unjoni Ewropea tippreserva mhux biss il-mod ta' ħajja Ewropew tagħna iżda tagħti s-setgħa
    lil dawk li jgħixuh. Li nkunu Ewropej tfisser ukoll id-dritt li jkollok id-data personali tiegħek protetta minn liġijiet Ewropej b'saħħithom. Għaliex l-Ewropej ma jeħdux gost bi drones fuqhom li jirreġistraw kull ċaqliqa tagħhom, jew b'kumpaniji li jaħżnu kull klikk tal-maws tagħhom. Għaliex fl-Ewropa, il-privatezza hija importanti. Din hija kwistjoni ta’ dinjità tal-bniedem.

    Il-President Jean-Claude Juncker

    Id-diskors tal-Istat tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Settembru 2016



    Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ d-deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew li jiġi skedat dibattitu taħt l-Aġenda tal-Mexxejja dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali taċ-ċittadini u kwistjonijiet oħra relatati ma’ Ewropa Diġitali, inkluża l-adozzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi kollha li jistabbilixxu s-Suq Uniku Diġitali. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta sett ta’ azzjonijiet konkreti biex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tal-privatezza u tad-data personali u tad-data personali taċ-ċittadini u biex titħaffef it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali fl-2018 u sabiex jikkontribwixxu għad-diskussjoni informali li l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern se jkollhom f’Sofija fis-16 ta’ Mejju 2018 1 .

    1.Introduzzjoni

    Fl-2015, il-Kunsill Ewropew endorsja Strateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Unjoni. Tliet snin wara, is-Suq Uniku Diġitali qed isir realtà 2 . Il-proposti leġiżlattivi li kien hemm ippjanati kollha ġew ippreżentati mill-Kummissjoni 3 . Diġà ġew adottati proposti dwar ir-roaming tal-mowbajls u l-portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut online. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jibda japplika direttament madwar l-Unjoni fil-25 ta’ Mejju. Fi ftit ġimgħat se jkunu saru passi maġġuri ġodda oħra dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u l-identifikazzjoni elettronika. Hemm qbil dwar il-mewġa li jmiss ta’ proposti leġiżlattivi, li jiftħu l-aċċess għal servizzi online, u dawn se jibdew qabel tmiem is-sena. Dawn huma kollha passi kritiċi lejn it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali.

    L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali hija kruċjali biex l-UE tiffjorixxi fl-ekonomija xprunata mid-data globali emerġenti. Issa d-data hija assi ċentrali fis-soċjetà diġitali. Kull sekonda, l-ismartphones, in-netwerks tal-enerġija, il-karozzi, l-apparat elettrodomestiku u n-nies fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum qed jiġġeneraw data fuq skala dejjem akbar. Il-manifatturi, il-pjattaformi u l-fornituri ta’ servizzi qed jiġbru, jipproċessaw u jużaw din id-data sabiex jipprovdu servizzi lill-utenti u jiksbu vantaġġ kompetittiv.

    L-UE qed iddum biex tisfrutta l-opportunitajiet tal-ekonomija xprunata mid-data: madwar 4 % biss tad-data globali hija maħżuna fl-Ewropa. Iżda għandha ħafna assi: bażi ta’ manifattura soda, ekosistema ta' negozji ġodda li qed tikber malajr, proċessi industrijali li għadhom kif ġew diġitizzati u ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati. Jekk dawn jistgħu jiġu sfruttati u msaħħa, l-ekonomija Ewropea xprunata mid-data tista’ ssir għodda b’saħħitha biex tixpruna t-tkabbir, tistimula l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u tiftaħ mudelli ġodda tan-negozju u opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni 4 . Il-valur tal-ekonomija Ewropea xprunata mid-data għandu l-potenzjal li jaqbeż is-EUR 700 biljun sal-2020, li jirrappreżentaw 4 % tal-ekonomija tal-UE.

    Madankollu, ir-revoluzzjoni tal-ekonomija xprunata mid-data ġġib magħha wkoll sfidi għas-soċjetajiet tagħna u għall-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni tagħna, inklużi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Avvenimenti reċenti wrew li d-data tista’ tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża għad-detriment tal-privatezza. L-aċċess għal ammont kbir ta’ data jista’ jintuża biex jinkiseb vantaġġ indebitu fuq il-kompetituri jew saħansitra biex jinfluwenza l-midja u l-opinjoni pubblika. L-informazzjoni personali tista’ tkun soġġetta għal aċċess mhux awtorizzat minn partijiet terzi. Ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali huma drittijiet fundamentali fl-UE, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE 5 . Protezzjoni b’saħħitha tad-data, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u s-sikurezza tad-data huma kruċjali biex ineħħu d-dubji tal-individwi dwar l-użu ħażin tad-data tagħhom u biex tinħoloq il-fiduċja. Mingħajr din il-fiduċja, il-potenzjal ta’ pożizzjoni b’saħħitha fl-ekonomija xprunata mid-data mhux se jintlaħaq.

    Din il-Komunikazzjoni titlob lill-Kunsill Ewropew biex jindirizza b'urġenza l-kwistjonijiet pendenti biex is-Suq Uniku Diġitali jsir realtà u jiġi żgurat li l-UE tibqa’ protagonista ewlenija fit-tellieqa globali lejn ekonomija xprunata mid-data 6 . Dan ma jistax isir mingħajr il-fiduċja taċ-ċittadini dwar kif id-data tagħhom tkun protetta u użata.

    2.Nipproteġu d-data personali, nibnu l-fiduċja fl-ekonomija diġitali: Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika

    Reġim ta' protezzjoni tad-data ġdid għall-individwi fl-UE

    Żewġ terzi tal-Ewropej jgħidu li huma inkwetati li ma jkollhomx kontroll fuq l-informazzjoni li jipprovdu online, filwaqt li nofs huma mħassba li jisfaw vittmi ta’ frodi 7 .

    Ir-rivelazzjonijiet reċenti tal-każ “Facebook/Cambridge Analytica” qajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini li d-data tagħhom tista’ tiġi użata ħażin jekk ma tkunx adegwatament protetta. L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-UE qed jieħdu azzjoni taħt ir-regoli attwali dwar il-protezzjoni tad-data, u qed jinvestigaw il-każ b’mod koordinat. Il-Kummissjoni kienet f’kuntatt ma’ Facebook, u ħeġġet lill-kumpanija biex tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata u biex tikkoopera b’mod sħiħ mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data Irlandiżi u tar-Renju Unit, li qed imexxu l-investigazzjoni, biex jiġi mifhum x’ġara u jekk il-kważi 3 miljun individwu tal-UE li ġew affettwati għadhomx f’riskju.

    Dawn l-avvenimenti juru li l-UE kellha raġun li tadotta regoli stretti dwar il-protezzjoni tad-data. Bis-saħħa tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, li se jkun direttament applikabbli madwar l-Unjoni fil-25 ta’ Mejju 8 , l-UE se tkun mgħammra aħjar biex tevita u tindirizza każijiet bħal dawn fil-futur.

    X’se jinbidel bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

    L-ewwel nett, l-individwi se jkollhom kontroll aħjar fuq kif id-data personali tagħhom tkun pproċessata minn kumpaniji 9 . Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-Regolament se japplika fejn jeżisti kuntratt mal-individwi jew kunsens ċar minnhom bħala prekundizzjoni għall-ġbir tad-data — is-silenzju jew in-nuqqas ta’ attività ma jistgħux jittieħdu bħala kunsens. Qed ikunu introdotti rekwiżiti msaħħa ta’ trasparenza, u drittijiet għall-informazzjoni, aċċess u tħassir (“id-dritt li jkun minsi”). Użu ulterjuri tad-data għal għan ġdid għandu jkun preċedut minn informazzjoni lill-utent sabiex jinkiseb kunsens ġdid, sakemm dan ma jkunx legali u permess taħt ir-Regolament. Pereżempju, negozju li ġabar data dwar il-klijenti għal finijiet ta’ kura tal-konsumatur se jkollu jinforma lill-klijent dwar il-pjanijiet biex juża d-data għall-esplorazzjoni tad-drawwiet tax-xiri tiegħu jew tagħha, u jikseb il-kunsens rilevanti. Il-ġbir ta’ kwantitajiet enormi ta’ data personali, skont kwalunkwe kuntratt jew arranġament ta’ kunsens, imur kontra l-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data.

    It-tieni, ir-Regolament jintroduċi protezzjoni aktar b’saħħitha kontra l-vjolazzjoni tad-data anki permezz ta’ obbligu ta’ notifika lill-awtorità ta’ superviżjoni sa mhux aktar tard minn 72 siegħa meta l-vjolazzjoni tad-data aktarx li tippreżenta riskju għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-individwu. F’ċerti ċirkostanzi, jobbliga li l-persuna tiġi informata, li d-data tagħha tkun ikkonċernata mill-vjolazzjoni.

    It-tielet, ir-Regolament se jagħmel il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali f’każijiet transfruntiera aktar effettiva u se jiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni koerenti tar-regoli fl-Unjoni, inkluż permezz ta’ Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (BEPD) li se jipprovdi gwida u jiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni konsistenti, f’każ li diversi Stati Membri huma kkonċernati madwar l-UE.

    Fl-aħħar nett, l-infurzar ukoll huwa msaħħaħ taħt il-qafas il-ġdid, u ċċentrat fuq netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data li kollha se jkollhom il-poter li jimponu multi fuq il-kontrolluri u l-proċessuri li jistgħu jitilgħu sa EUR 20 miljun jew, fil-każ ta’ kumpanija, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji, liema minnhom ikun l-ogħla.

    Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jippermettu l-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni, li minnu tkun tista' tiġi ġġenerata l-massa kritika ta' data li hija essenzjali għal ekonomija xprunata mid-data b'saħħitha. Pereżempju, l-approċċi transfruntiera fl-użu tad-data mill-arloġġi intelliġenti taċ-ċittadini għal applikazzjonijiet tal-grilja enerġetika intelliġenti u sigurtà tal-enerġija mtejba jiddependu fuq il-fluss liberu ta’ data personali. Kif spjegat fil-Komunikazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa, 10 id-disponibbiltà ta’ data miżmuma minn persuni privati fl-interess usa’ għandha tkun imħeġġa. Pereżempju, il-kondiviżjoni tad-data dwar it-tifqigħ ta’ epidemiji madwar il-pajjiżi tista’ tikkonribwixxi għal reazzjoni aktar f’waqtha mill-awtoritajiet mediċi. Il-kondiviżjoni u l-aċċess għad-data dwar is-saħħa personali tista’ ttejjeb id-dijanjożi u t-trattament. Il-kondiviżjoni tad-data mill-karozzi u l-mezzi tat-trasport tista’ ttejjeb il-ġestjoni tat-traffiku u tnaqqas il-konġestjoni. Dan kollu hu possibbli waqt li jkun żgurat grad għoli ta’ protezzjoni tad-data personali.

    Il-bini ta’ Spazju Ewropew tad-Data 11 ġenwin jeħtieġ kundizzjonijiet ekwi anki għal data mhux personali, u proposta għal dan il-għan diġà tinsab fuq il-mejda 12 . Il-finalizzazzjoni rapida tar-Regolament dwar il-fluss liberu ta’ data mhux personali se tibbenefika wkoll minn proposti biex jissaħħaħ l-aċċess għad-data mis-settur pubbliku (ara hawn taħt).

    Ir-reġim il-ġdid tal-protezzjoni tad-data jrid jaħdem sew mill-ewwel jum 13 . Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data u l-operaturi privati ħadmu biex ikunu lesti għall-qafas il-ġdid. Issa huwa meħtieġ sforz addizzjonali biex jiġi żgurat li kulħadd ikun ippreparat b’mod sħiħ. B’inqas minn ġimagħtejn sal-iskadenza, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad iridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li s-sistema regolatorja nazzjonali tagħhom hija konformi bis-sħiħ mar-Regolament u li l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom għall-protezzjoni tad-data għandhom riżorsi adegwati biex iwettqu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom. Huwa essenzjali li dawn il-miżuri jkunu adottati mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet kollha neċessarji u biex joqogħdu attenti għall-bżonnijiet tal-intrapriżi ż-żgħar biex jiżguraw li l-kostijiet ta’ konformità tagħhom ma jfixklux il-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma’ ditti akbar.



    Il-privatezza elettronika: il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet

    L-abbiltà li wieħed jikkomunika b’mod kunfidenzjali, kemm online kif ukoll offline, hija dritt rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u talba ewlenija taċ-ċittadini għas-soċjetà diġitali 14 . L-Unjoni ma tistax tittollera sitwazzjoni fejn xi ħadd l-ewwel joħloq profili politiċi dettaljati taċ-ċittadini tiegħu permezz tal-estrazzjoni ta’ data mill-komunikazzjoni u d-data dwar il-lokazzjoni personali tagħhom, u mbagħad juża dan it-tagħrif biex jipprova jimmanipula l-imġiba politika taċ-ċittadini.

    Din hija r-raġuni għaliex, flimkien mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, ir-regoli dwar il-Privatezza Elettronika huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni online tal-Ewropej ma tinkisirx. Dan ifisser ukoll li l-ipproċessar ta’ data tal-komunikazzjonijiet elettroniċi minn xi ħadd li mhux l-utent aħħari mhux se jkun permess u l-ebda fornituri tas-servizzi mhu se jkunu jistgħu jaċċessaw tagħmir mingħajr il-kunsens tal-utent. L-individwi se jkunu jistgħu jieħdu kontroll attiv tal-preżenza tagħhom online permezz ta’ brawżers, apps u apparati diġitali, u biex jevitaw monitoraġġ mhux awtorizzat jew interċettazzjoni mingħajr kunsens. Dan se jistabbilixxi l-istandard dinji, b’sett konsistenti ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza diġitali.

    Ir-regoli l-ġodda dwar il-Privatezza Elettronika, ladarba jiġu approvati mil-leġiżlaturi, japplikaw kemm għall-operaturi tradizzjonali tat-telekomunikazzjoni u għal servizzi ġodda ta’ komunikazzjoni bħall-posta elettronika, il-messaġġerija istantanja jew servizzi vokali fuq l-internet. 15 Dan jiżgura l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jaqbel malajr dwar pożizzjoni komuni, sabiex jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew u jsir progress lejn ftehim din il-ħarifa.

    Flussi Internazzjonali ta’ Data

    Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jkomplu wkoll jiftħu lill-Unjoni aktar għall-opportunitajiet tal-ekonomija xprunata mid-data globali. Huma jespandu s-‘sett ta' għodod’ għat-trasferiment internazzjonali ta’ data personali lejn pajjiżi terzi, bill jżidu mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni u kodiċijiet ta’ kondotta approvati flimkien ma impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew tal-proċessur, bħala alternattivi biex jiġi żgurat livell b’saħħtu ta’ protezzjoni għal data personali trasferita mill-UE. Uniformi u regoli simplifikati se jagħmlu lill-UE aktar attraenti għal investiment esoġenu.

    It-trattament tal-avvenimenti ta’ “Facebook/ Cambridge Analytica” mill-awtoritajiet Amerkani huwa test importanti għall-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S., li mill-2016 jiżgura livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak tal-UE. Il-Kummissjoni tilqa' l-ftuħ tal-investigazzjoni mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti u se ssegwiha mill-qrib, anki fid-dawl tat-tieni rieżami tal-ftehim f’Settembru 2018. Il-Ħarsien tal-Privatezza jiggarantixxi li kull individwu tal-UE li jqis li d-data tiegħu tkun ġiet ipproċessata illegalment minn kumpaniji Amerikani li jipparteċipaw fil-Ħarsien tal-Privatezza u japplikawha għad-data trasferita jibbenefika minn diversi mezzi ta’ rimedju li huma faċilment aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq.  16 Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja li dan huwa l-każ fil-prattika.

    Għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi madwar id-dinja qed jirrealizzaw li regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza mhux biss jiżguraw id-drittijiet fundamentali, iżda jiġġeneraw il-fiduċja fl-ekonomija diġitali. B’riżultat ta’ dan, ħafna qed jadottaw jew jimmodernizzaw il-liġijiet dwar il-privatezza. U ħafna drabi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data qed iservi bħala ispirazzjoni, bir-regoli tal-UE bħala standard globali għall-protezzjoni u għall-privatezza tad-data. Attwalment il-Kummissjoni qed tesplora deċiżjonijiet ta’ adegwatezza mal-Ġappun u mal-Korea t’Isfel, li jkun ifisser li d-data personali trasferita f’dawn il-pajjiżi tal-UE tgawdi l-istess livell ta’ protezzjoni u drittijiet ta’ rimedju bħal fl-UE stess.

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni żviluppat approċċ dwar kif l-UE tista’ tindirizza, permezz ta’ ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, il-prattiki protezzjonisti fir-rigward tal-fluss transfruntiera tad-data fl-ekonomija diġitali filwaqt li tiggarantixxi li d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata jibqa’ mħares kompletament. Dan l-approċċ, ladarba jiġi inkluż fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE, se jrawwem kemm flussi ħielsa tad-data u kif ukoll il-fiduċja fil-mod li bih tiġi pproċesata d-data personali.

    Fid-dawl tal-importanza strateġika tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għas-sovranità tad-data tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew għandu jfakkar lill-Istati Membri kollha li huma ma għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni diretta u immedjata tiegħu sa mill-25 ta’ Mejju 2018, iżda jgħammru lill-awtoritajiet nazzjonali indipendenti tal-protezzjoni tad-data bir-riżorsi kollha meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa u effiċjenti tal-qafas legali l-ġdid b'mod ugwali u uniformi fl-Istati Membri kollha. Biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi kif maħsub mil-leġiżlatur tal-UE, immedjatament wara l-25 ta’ Mejju 2018 il-Kummissjoni se tibda proċeduri ta’ ksur fejn l-Istati Membri jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-data.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaċċelleraw l-ħidma tagħhom u biex jikkonkludu, kemm jista’ jkun malajr, in-negozjati dwar ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika (propost mill-Kummissjoni f’Jannar 2017) u dwar ir-regolament aġġornat tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.

    3.Naċċelleraw it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali: niffinalizzaw il-proposti ewlenin

    It-tneħħija tal-ostakli għas-Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa tista’ tikkontribwixxi għal EUR 415-il biljun addizzjonali għall-Prodott Domestiku Gross Ewropew 17 . Minn meta tnediet l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali fl-2015, il-Kummissjoni għamlet progress u ppreżentat proposti għal kull waħda mid-29 inizjattiva li ġew identifikati bħala essenzjali għal Suq Uniku Diġitali li jaħdem 18 . Iċ-ċittadini diġà qed igawdu minn dan: mingħajr tariffi tal-mowbajl żejda meta jsir roaming, is-sena li wasslet sas-sajf tal-2017 rat żieda ta’ erba’ darbiet fl-użu tad-data waqt l-ivvjaġġar lejn Stati Membri oħra 19 . Il-portabbiltà tfisser li ċ-ċittadini issa jistgħu jaraw il-kontenut awdjoviżiv u l-avvenimenti sportivi favoriti tagħhom kullimkien fl-UE. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet minħabba imblukkar ġeografiku inġust se tillibera lill-konsumaturi fix-xiri online tagħhom, u se jkun hemm aktar trasparenza u għażla dwar il-prezzijiet għall-konsenja ta’ pakketti għax-xiri online. Flimkien mal-qafas il-ġdid dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud għall-kummerċ elettroniku u r-regoli kuntrattwali ġodda għall-kontenut online u għall-oġġetti, qafas komprensiv għall-kummerċ elettroniku se jkun fis-seħħ sa tmiem il-mandat ta’ din il-Kummissjoni, imsaħħaħ permezz ta’ kooperazzjoni b’saħħitha għall-protezzjoni tal-konsumatur. Biex ikun żgurat dan il-progress, il-konklużjoni ta’ negozjati dwar proposti għal regoli kuntrattwali, hija essenzjali biex jippermettu lill-konsumaturi biex jixtru online b’fiduċja li r-rimedji għal kwalunkwe funzjonament ħażin tal-kontenut diġitali — bħal mużika jew softwer imniżżla — huma l-istess irrispettivament minn fejn fl-UE dawn jinxtraw. Bis-saħħa ta’ dan il-qafas legali mtejjeb, 122 000 negozju aktar huma mistennija li jibdew ibigħu lill-konsumaturi fi Stati Membri oħra, biex b’hekk jagħtu spinta ta’ EUR 4 miljun lill-ekonomija tal-UE.

    Soluzzjonijiet abbażi ta’ data dwar iċ-ċibersigurtà hi element ewlieni għall-fiduċja tal-utenti. L-implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri kollha tal-ewwel liġi taċ-ċibersigurtà għall-UE kollha, id-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni, 20 hija l-ewwel pass essenzjali lejn ir-reżiljenza ċibernetika tal-UE. Bl-għodod prinċipali fil-ġlieda kontra iċ-ċibersigurtà llum f’idejn nazzjonali, dan se jgħin biex jistimula standards ogħla, filwaqt li l-qafas għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà propost 21 se jgħin ukoll biex jixxerrdu soluzzjonijiet ċibernetiċi siguri. Qbil rapidu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jgħinu biex nintroduċu malajr standards ogħla ta’ reżiljenza fil-prodotti u biex nirfdu l-fiduċja tal-konsumatur madwar l-UE kollha fis-sigurtà ppjanata. Iċ-ċibersigurtà trid tkun mirfuda minn deterrenti effettivi għall-attività kriminali: adozzjoni rapida ta’ regoli minimi komuni ambizzjużi biex jikkumbattu l-frodi u l-kontrafazzjoni ta’ pagamenti mingħajr kontanti 22 hija essenzjali.

    F’Settembru 2018 se japplikaw ir-rekwiżiti għal skemi ta’ identifikazzjoni elettronika, li jiggarantixxu l-interoperabbiltà tal-identità elettronika u servizzi siguri oħra madwar l-Unjoni 23 . Flimkien ma’ Gateway Diġitali Unika għall-aċċess għal informazzjoni u proċeduri online, l-Istati Membri se jkunu jistgħu joffru ambjent aktar faċli għall-konsumaturi u n-negozji meta jittrattaw ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE.

    L-ekonomija xprunata mid-data Ewropea tiddependi wkoll fuq il-konnettività ta’ kwalità għolja għall-provvista ta’ kontenut diġitali madwar l-UE kollha, inkluż permezz ta’ komunikazzjoni bis-satellita. Din hija r-raġuni għaliex il-qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li se jiggarantixxi li sal-2020, l-Istati Membri kollha tal-UE jassenjaw il-frekwenzi neċessarji għall-introduzzjoni ta’ netwerks li jmiss, tal-ħames ġenerazzjoni (5G) 24 . Dan se joħloq qafas regolatorju stabbli għall-investiment f’netwerks ta’ kapaċità għolja. L-aġġornament ta’ netwerks tul rotot ewlenin tat-trasport se jkunu meħtieġ għat-tnedija ta’ servizzi ta’ mobbiltà awtomatizzata u l-implimentazzjoni tagħhom fl-isptarijiet se tkun neċessarja biex it-tobba jagħmlu telekonsultazzjonijiet u interventi kirurġiċi mill-bogħod 25 . 

    Barra minn hekk, qbil dwar il-proposti tad-dritt tal-awtur huwa kruċjali sabiex il-kultura u l-identità Ewropea jirnexxu fl-era diġitali u biex tingħata remunerazzjoni lill-kreaturi meta l-kontenut jiġi kondiviż permezz ta’ pjattaformi online 26 .

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill issa jridu jaċċelleraw il-ħidma sabiex jikkonkludu n-negozjati dwar dawn il-proposti kollha sa tmiem l-2018 sabiex jitlesta s-Suq Uniku Diġitali għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej.

    4.Il-futur tas-Suq Uniku Diġitali: l-ambjent xieraq għat-tkabbir

    Id-diġitalizzazzjoni hija element kruċjali għall-preservazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi futuri fl-UE. Bħalissa wieħed biss minn kull ħames negozji Ewropej huwa diġitizzat sew 27 . Il-benefiċċji l-kbar tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jistgħu jsiru realtà biss jekk id-diġitalizzazzjoni tinfirex madwar l-ekonomija tal-UE. Biex dan iseħħ, l-UE għandha rwol ewlieni x’taqdi biex tgħin biex jiġi stabbilit ambjent tajjeb.

    Netwerks soċjali u pjattaformi diġitali

    In-netwerks soċjali u l-pjattaformi diġitali jibbażaw parti sinifikanti tal-mudell tan-negozju tagħhom fuq id-data miksuba mill-utenti tagħhom. Huma joffru benefiċċji għall-utenti, iżda wħud mill-prattiki tagħhom fl-użu tad-data jqajmu wkoll mistoqsijiet serji u jeħtieġu viġilanza kontinwa.

    L-algoritmi li jwasslu l-aħbarijiet lill-utenti tal-midja soċjali ħafna drabi jidher li jiffavorixxu kontenut sensazzjonali jew reklamat u jiffaċilitaw l-immirar tal-informazzjoni għal gruppi ta’ utenti speċifiċi. Dan jista’ jagħmilha aktar faċli biex ikunu manipulati sezzjonijiet tal-opinjoni pubblika, li kulma jmur aktar qed jevitaw l-alternattiva ta’ sorsi tal-aħbarijiet ta’ kwalità għolja u aktar affidabbli u jikkontribwixxi għall-polarizzazzjoni jew ukoll ir-radikalizzazzjoni tal-opinjonijiet. Ir-riżultat huwa li jxerrdu diżinformazzjoni, bl-impatt li jkun ta’ importanza partikolari fi żmien l-elezzjoni. Barra minn hekk, il-liġijiet dwar ir-reklamar elettorali u l-finanzjament tal-kampanji saru diffiċli biex jiġu infurzati online, li qed jhedded li jdgħajjef il-proċessi elettorali.

    Dawn l-aħħar elezzjonijiet jew referenda fl-Istati Uniti u fl-UE u r-revelazzjonijiet ta’ “Facebook/Cambridge Analytica” wrew dawn it-tekniki u l-prattiki f’azzjoni. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex ittejjeb it-trasparenza tal-kontenut u tistabbilixxi netwerk tal-UE għall-iċċekjar tal-fatti, biex tgħin lill-utenti biex jivvalutaw il-kredibilità ta’ sorsi tal-aħbarijiet kif ukoll l-esponiment tagħhom għal sorsi differenti ta’ informazzjoni, u, sa tmiem is-sena, se tivvaluta jekk hemmx bżonn miżuri regolatorji addizzjonali 28 .

    Il-Kummissjoni ddiskutiet ukoll l-aħjar prattiki mal-awtoritajiet elettorali tal-Istati Membri għall-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji ċibernetiċi u tad-diżinformazzjoni għall-proċess elettorali bħala tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju 2019, u se tistieden aktar impenn mill-partijiet ikkonċernati biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari fil-laqgħa annwali li jmiss dwar id-drittijiet fundamentali f’Novembru 2018, li se tkun iddedikata għad-demokrazija.

    L-Ewropa qiegħda wkoll taġixxi biex tipproteġi ċ-ċittadini minn kontenut illegali. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri li jiġġieldu b’mod effettiv kontra kontenut illegali online tirrakkomanda miżuri speċifiċi għall-pjattaformi u għall-Istati Membri sabiex tittejjeb id-identifikazzjoni, it-tneħħija u l-prevenzjoni ta’ kontenut illegali 29 . Il-Kummissjoni qed tiġbor evidenza dwar l-effettività tal-miżuri volontarji u l-iskala tal-problema u qabel tmiem l-2018 se tesplora miżuri ulterjuri possibbli biex ittejjeb l-effettività biex ikun miġġieled il-kontenut illegali online.

    Il-pjattaformi diġitali spiss jaġixxu bħala intermedjarji online għal negozji oħrajn biex jaslu għand il-konsumaturi. Dawn huma mezz importanti ħafna biex jintlaħqu l-konsumaturi u r-rwol tagħhom huwa essenzjali għall-ekonomija moderna. Biex ikun żgurat ambjent tan-negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u fdat, il-Kummissjoni pproponiet it-trasparenza u l-obbligi ta’ rimedju għal tali pjattaformi diġitali 30 . Dawn il-miżuri jkunu jinkludu obbligi fuq pjattaformi biex jinfurmaw lill-utenti kummerċjali tal-kriterji użati biex jikklassifikaw il-kontenut tal-utenti kummerċjali, tal-modifiki li t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom, u data li ġejja minn servizzi intermedjarji 31 . Il-ħtieġa ta’ aktar miżuri se tkompli tkun ivvalutata. Il-kunsiderazzjoni ta’ din il-proposta jenħtieġ li tingħata prijorità mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

    Il-klassifikazzjoni tal-obbligu tat-trasparenza tikkumplimenta proposta magħmula fil-qafas tal-Patt il-Ġdid għall-Konsumaturi biex jidentifika b’mod ċar lill-konsumaturi kwalunkwe riżultati tat-tfittxija promozzjonali ibbażati fuq il-ħlas, kif ukoll rekwiżit li jingħata tagħrif dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni fuq swieq online 32 .

    Investiment f’data, intelliġenza artifiċjali u computing ta’ prestazzjoni għolja

    It-teknoloġiji diġitali konnessi u applikazzjonijiet tad-data huma fil-qalba tal-innovazzjoni fis-setturi kollha 33 . Ir-regoli b’saħħithom tal-protezzjoni tad-data tal-UE, li japplikaw kemm online kif ukoll offline, jipprovdu l-bażi għal sistema regolatorja ta’ klassi dinjija għall-innovazzjoni li l-utenti jistgħu jafdaw u li tippermetti li l-industrija tagħna tikseb vantaġġi kompetittivi f’ekonomija globali bbażata fuq id-data.

    Id-data se trawwem l-innovazzjoni diġitali dment li, b’mod parallel, isiru investimenti fil-kapaċitajiet diġitali meħtieġa biex jipproċessaw ammonti ta’ data li qed jikbru esponenzjalment. Il-pakket tad-data reċenti se jiftaħ is-setgħa tad-data pubblika u xjentifika u jiftaħ din id-data għall-użu mill-ġdid minn kumpaniji Ewropej ġodda 34 . Li jkun permess l-użu mill-ġdid tad-data huwa essenzjali biex naħdmu bl-analitika tal-big data li se tistimola t-tkabbir ekonomiku, tgħin l-innovazzjoni u tassisti biex jiġu indirizzati sfidi soċjetali ewlenin bħal pereżempju l-kura tas-saħħa jew it-trasport pubbliku. Il-pakkett tad-data joffri wkoll aktar gwida dwar l-iskambju ta’ data privata u se tgħin sabiex tiġi meħlusa data kruċjali għall-innovazzjoni. Pereżempju, biex jiżviluppaw forom ġodda ta’ mediċini personalizzati, ir-riċerkaturi tal-UE jeħtieġu aċċess għal għadd kbir ta’ sekwenza tal-ġenomi umani 35 u għar-reġistri personali tas-saħħa 36 .

    Id-data hija l-materja prima għall-Intelliġenza Artifiċjali, u l-algoritmi huma l-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-applikazzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali jużaw id-data u jitgħallmu kompiti ġodda. Formati li jinqraw mill-magni u formati ta’ data komuni huma essenzjali biex jiġu żviluppati applikazzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjalibiex jiżviluppaw u jorganizzaw id-data waħedhom 37 . Il-valuri tal-Unjoni, u ċ-ċertezza tad-dritt previsti bir-reġim il-ġdid tal-protezzjoni tad-data, jgħinu biex jiġi żgurat l-ambjent adegwat għall-iżvilupp ta’ tekniki għat-tagħlim tal-magni għall-Intelliġenza Artifiċjali fl-UE — wieħed fejn algoritmi u programmi li jitgħallmu mill-imġiba tal-bniedem jikkunsidraw standards għoljin ta’ protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali, minflok iħallu tali innovazzjoni għal dawk li jaħdmu mingħajr standards bħal dawn 38 . Il-Kummissjoni ppreżentat qafas li jippermetti li l-Unjoni timmassimizza l-benefiċċji tal-Intelliġenza Artifiċjali u pproponiet objettiv ta’ investimenti annwali minn atturi privati u pubbliċi ta’ mill-inqas EUR 20 biljun fis-sena bejn l-2020 u 2030 biex jippermetti li l-Unjoni tieħu vantaġġ sħiħ minn din it-teknoloġija abilitanti ewlenija 39 . L-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali waħdu huwa mistenni li jagħti spinta lill-ekonomija dinjija b’massimu ta’ EUR 13-il triljun sal-aħħar tad-deċennju li jmiss; L-UE jeħtieġ li tinvesti biex tkun minn ta’ quddiem f’dan it-tkabbir 40 . Barra minn hekk, id-data u s-servizzi derivati minn-sistemi spazjali, inkluża data dwar l-osservazzjoni tad-dinja, informazzjoni dwar il-pożizzjonament ġeografiku u komunikazzjoni bis-satellita, jistgħu jappoġġaw approċċi ta’ Inteliġenza Artifiċjali u jgħinu biex jiftħu bosta opportunitajiet ta’ negozju fl-Istati Membri kollha.

    Il-Kummissjoni ressqet ukoll proposta ta’ Impriża konġunta ta’ Computing ta' Prestazzjoni Għolja biex tgħaqqad ir-riżorsi skarsi u biex takkwista kompjuters ta’ prestazzjoni għolja li huma neċessarji jekk irridu li nkomplu nkunu ta’ quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali u applikazzjonijiet tal-big data oħra 41 . L-istrument jeħtieġ li jiġi finalment approvat mill-Kunsill f’Settembru 2018 biex l-akkwist jibda mill-1 ta’ Jannar 2019. Kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni tal-proposta jirriżulta li kompetituri internazzjonali jiksbu vantaġġ biex iressqu innovazzjonijiet ġodda fis-suq.

    Bl-istess mod, l-UE għandha lakuni sinifikanti ta’ investiment fil-ħiliet u l-konnettività diġitali, inkluż li naħfnu bi sħiħ l-opportunitajiet tal-Internet tal-Oġġetti, 42 li jridu jkunu indirizzati b’mod intensiv fis-snin li ġejjin. Skont ix-xejriet attwali tal-investiment, għandna lakuna ta’ EUR 155 biljun fl-investiment pubbliku u privat flimkien biex nilħqu l-miri tal-konnettività miftiehma sal-2025. Hemm ukoll nuqqas u diskrepanzi ta' ħiliet notevoli, minħabba li madwar 40 % tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa teħtieġ titjib tal-ħiliet diġitali 43 u 70 miljun Ewropew ma għandhomx ħiliet bażiċi ta’ litteriżmu u numeriżmu.  44 Barra minn hekk, 40% tal-kumpaniji li qed jippruvaw jirreklutaw speċjalisti diġitali, jiffaċċaw diffikultajiet biex isibuhom (il-professjonisti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jirrapreżentaw grupp okkupazzjonali li m’għandux biżżejjed nies f’24 Stat Membru tal-UE). Addizzjonalment, it-talba għal professjonisti fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni hija stmata li se tiżdied b’madwar 10% bejn l-2015 u l-2025, li ssarraf għal xi 400 000 impjieg ġdid 45 .

    Bi tweġiba għal dawn il-ħtiġijiet ta’ investiment, fil-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2027–2021, il-Kummissjoni żiedet b’mod qawwi l-ambizzjoni għall-appoġġ tal-prijoritajiet diġitali fil-livell tal-UE billi pproponiet il-Programm Ewropa Diġitali l-ġdid, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet ewlenin għall-ekonomija diġitali f’oqsma bħalma huma r-riċerka u l-innovazzjoni u l-politika ta’ koeżjoni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 46 . Madankollu, dan l-isforz addizzjonali mill-baġit tal-UE jeħtieġ li jkun korrespost minn investimenti addizzjonali mill-Istati Membri u mis-settur privat, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tant meħtieġa tal-ekonomija Ewropea u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea.

    Bil-pakkett ta’ proposti tal-25 ta’ April 2018, il-Kummissjoni wettqet l-azzjonijiet kollha li kien fadal għal Suq Uniku Diġitali u ppreżentat qafas għall-futur tal-Intelliġenza Artifiċjali. Il-Kummissjoni tappella għall-endorsjar ta’ dawn l-azzjonijiet u l-prijoritizzazzjoni tax-xogħol sabiex tkun żgurata adozzjoni rapida tal-att legali korrispondenti..

    5.Konklużjoni

    Pass pass, is-Suq Uniku Diġitali qiegħed jifrex il-benefiċċji tiegħu liċ-ċittadini u lin-negozji fl-UE. Huwa meħtieġ iktar sforz biex nikkonkludu n-negozjati dwar il-proposti li fadal pendenti u nilħqu l-għan tal-Kunsill Ewropew li nikkonkludu l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali sa tmiem l-2018.

    Diġà, l-UE hija mgħammra tajjeb b’regoli biex jiġu ttrattati b’mod effettiv l-isfidi l-ġodda tad-data, kemm-il darba l-atturi kollha jaħdmu flimkien mill-qrib fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni effettivi tal-għodod ġodda biex jipproteġu d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi, iżda anki b’mod aktar wiesa’ sabiex jissalvagwardjaw s-sisien tad-demokraziji tagħna, ibbażati fuq elezzjonijiet ħielsa, il-libertà ta’ espressjoni u dibattitu miftuħ u varjat fejn id-diżinformazzjoni tista’ tkun ikkontestata.

    Fid-dawl tal-importanza strateġika tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għas-sovranità tad-data tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri kollha għandhom jiffaċilitaw l-applikazzjoni diretta u immedjata tiegħu mill-25 ta’ Mejju 2018, anki permezz tal-miżuri rilevanti kollha. In-negozjati dwar ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika u dwar ir-regolament aġġornat tal-UE dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data għandhom ikunu konklużi malajr kemm jista’ jkun.

    Fil-ġestjoni tat-trasformazzjoni diġitali, għandna nkomplu nsegwu approċċ ġenwin Ewropew, ibbażat fuq il-valuri fundamentali tagħna u fuq il-prevenzjoni ta’ ġirja awtodistruttiva sal-qiegħ. L-ambjent regolatorju għandu jkun imfassal biex jappoġġa l-individwi u l-kreaturi fl-ambjent online daqs kemm huma appoġġati fl-ambjent offline. Dan huwa l-mod kif l-UE tista’ tistabbilixxi n-norma globali għall-protezzjoni tad-data personali, għaċ-ċibersigurtà, għan-newtralità tal-internet, u għall-ġustizzja u u r-responsabilità fl-ekonomija tal-pjattaformi. U hija tista’ ssir il-mexxeja billi ddaħħalhom fis-seħħ permezz ta’ servizzi u innovazzjoni diġitali fdati.

    Madankollu, li l-qafas regolatorju fis-seħħ waħdu ma jippermettix, fih nnifsu, li l-UE ssir mexxejja fl-ekonomija diġitali. Biex dan iseħħ, il-gvernijiet u n-negozji Ewropej— kbar u żgħar — jenħtieġ li jinvestu fl-opportunitajiet enormi pprovduti minn teknoloġiji bħall-Intelliġenza Artifiċjali u l-big data u li jisfruttaw tali opportunitajiet u li jużaw is-Suq Uniku Diġitali bħala pjattaforma għall-iskjerament ta’ soluzzjonijiet kompetittivi fl-ekonomija globali tad-data.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Mexxejja biex jiddiskutu u jagħtu orjentazzjonijiet strateġiċi dwar il-prijoritajiet politiċi ewlenin imsemmija hawn fuq bil-ħsieb li jitlesta s-Suq Uniku Diġitali, qabel it-tmiem ta’ din is-sena, u tkun żgurata protezzjoni tad-data b’saħħitha li fuqha tista’ tinbena Ewropa diġitali dinamika.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Mexxejja biex jiddiskutu u jagħtu orjentazzjoni strateġika bil-għan li:

    1.Ipoġġu fis-seħħ, bl-akbar urġenza, il-passi kollha li fadal u li huma meħtieġa għat-tħejjija għall-applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Istati Membri kollha;

    2.Iħeġġu lill-Kunsill biex jiftiehem malajr dwar il-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu dwar ir-Regolament dwar il-Privatezza online, li għandha l-għan li tiżgura l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’tali mod li n-negozjati jistgħu jibdew sa Ġunju 2018, bil-ħsieb li jkun adottat sa tmiem l-2018;

    3.Jiżguraw li l-Kodiċi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi u r-Regolament dwar il-fluss liberu ta’ data mhux personali jkunu miftiehma mill-koleġiżlaturi sa Ġunju 2018, u wkoll il-proposti pendenti l-oħra kollha dwar is-Suq Uniku Diġitali sa tmiem l-2018, f’konformità mal-appell tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2017;

    4.Jimmobilizzaw l-investimenti pubbliċi u privati neċessarji sabiex in-negozji u s-settur pubbliku jiskjeraw l-Intelliġenza Artifiċjali, il-miżuri dwar iċ-ċibersigurtà, in-netwerks tal-konnettività tal-5G, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u teknoloġiji diġitali ġodda oħra, u jrawmu l-ħiliet diġitali, li huma essenzjali biex jixprunaw l-innovazzjoni u fundamentali għall-kompetittività futura tagħna f’ekonomija globali xprunata mid-data.

    (1)

         Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Marzu 2018.

    (2)

       COM(2015) 192 tas-6 ta’ Mejju 2015, Komunikazzjoni dwar “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”.

    (3)

         Ara l-Anness.

    (4)

         COM(2018) 306 “Aġenda Ewropea mġedda għar-riċerka u l-innovazzjoni”; COM(2018) 267-272 – Nibnu Ewropa aktar b’saħħitha: ir-rwol ta’ politiki għaż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura.

    (5)

         L-Artikoli 7 u 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (6)

         Komunikazzjonitar-Rieżami ta’ nofs it-terminudwar l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, COM (2017) 228 tal-10 ta’ Mejju 2017.

    (7)

         Ewrobarometru Speċjali 431 - Rapport dwar il-Protezzjoni tad-Data, Ġunju 2015.

    (8)

         Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679.

    (9)

         Legalità tal-ipproċessar, l-Artikolu 6 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, ir-Regolament (UE) 2016/679.

    (10)

         COM(2018) 237 tas-26 ta’ April 2018.

    (11)

         Komunikazzjoni “Għal spazju tad-dejta komuni Ewropew”, COM(2018) 232 tal-25 ta’ April 2018; Komunikazzjoni dwar Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data, COM(2017) 9 tal-10 ta’ Jannar 2017.

    (12)

         Proposta għal Regolament dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali COM(2017) 495 tat-13 ta’ Settembru 2017.

    (13)

         COM(2018) 43 - Protezzjoni aktar qawwija, opportunitajiet ġodda — gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni diretta tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data mill-25 ta’ Mejju 2018

    (14)

         L-abbiltà li wieħed jikkomunika b’mod kunfidenzjali, kemm online kif ukoll offline, hija dritt rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet mhuwiex indirizzat b’mod speċifiku mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

    (15)

         COM(2017)10. Sakemm tinkiseb tali approvazzjoni, mill-25 ta’ Mejju 2018 meta jibda japplika r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, ir-referenzi għal kunsens taħt il-qafas attwali dwar il-Privatezza elettronika — id-Direttiva 2002/58/KE — għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal kunsens skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

    (16)

         Rapport fuq l-ewwel rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-US, COM(2017) 611 tat-18 ta’ Ottubru 2017.

    (17)

         COM(2015) 192 tas-6 ta' Mejju 2015.

    (18)

         Ara l-Anness.

    (19)

         International Roaming BEREC Benchmark Data Report, April 2017-Settembru 2017.

    (20)

       Id-Direttiva  2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni.

    (21)

         COM(2017) 477 tat-13 ta' Settembru 2017.

    (22)

         COM(2017) 489 tat-13 ta’ Settembru 2017

    (23)

         Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (eIDAS).

    (24)

         COM(2016) 590 tal-14 ta' Settembru 2016.

    (25)

         Il-Komunikazzjoni dwar il-Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, COM (2016) 587 tal-14 ta’ Settembru 2016; Il-Komunikazzjoni dwar il-5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni COM(2016)588 tal-14 ta' Settembru 2016. Il-Komunikazzjoni Fit-triq lejn mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE dwar il-mobilità tal-futur; COM(2018) 283 tas-16 ta’ Mejju 2018; Komunikazzjoni dwar is-saħħa diġitali u l-kura, COM(2018) 233 tal-25 ta’ April 2018.

    (26)

         COM (2016) 593 u COM (2016) 594 tal-14 ta’ Settembru 2016.

    (27)

         It-Tabella ta’ Valutazzjoni Diġitali tal-2017 tal-Kummissjoni Ewropea

    (28)

         Il-Komunikazzjoni dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew, COM(2018) 236 tas-26 ta’ April 2018.

    (29)

         C(2018) 1177 tal-1 ta' Marzu 2018.

    (30)

         Pereżempju ikun evitat li kumpaniji jitneħħew mill-elenkar mingħajr avviż jew raġunijiet ċari, li jkollhom kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data mhux trasparenti jew l-għoti ta’ viżibbiltà aħjar lil prodotti tal-konsumatur proprji minn dawk ipprovduti minn negozji oħra li jużaw servizzi intermedjarji online.

    (31)

         Ir-Regolament dwar il-promozzjoni ta’ ġustizzja u trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi intermedjarji online, COM(2018) 238 tal-26 ta’ April 2018.

    (32)

         COM(2018) 185 tal-11 ta' April 2018.

    (33)

         COM(2018) 306 — Aġenda Ewropea Mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — l-opportunità għall-Ewropa sabiex issawwar t-tmexxija teknoloġika tagħha.

    (34)

         Il-Komunikazzjoni “Għal spazju tad-dejta komuni Ewropew”, COM(2018) 232 tal-25 ta’ April 2018 u l-pakkett li jakkumpanjah.

    (35)

         Erbatax-il Stat Membru ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kooperazzjoni ‘Towards access to at least 1 million sequenced genomes in the European Union by 2022’:  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-countries-will-cooperate-linking-genomic-databases-across-borders .

    (36)

         Komunikazzjoni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali, l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta' soċjetà aktar b'saħħitha, COM(2018) 233 tal-25 ta’ April 2018.

    (37)

         Pereżempju, l-individwi għandhom id-dritt, skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-data, li ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni li hija bbażata biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat u li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilhom jew li jaffetwawhom b’mod sinifikanti. Ċerti eċċezzjonijiet japplikaw.

    (38)

         Azzjonijiet f’dan ir-rigward huma deskritti fil-Komunikazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa, COM(2018) 237 tas-26 ta’ April 2018.

    (39)

         Il-Komunikazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa, COM(2018) 237 tas-26 ta’ April 2018.

    (40)

         14% tal-Prodott Domestiku Gross, Rapport ta’ Price Waterhouse Cooper dwar Sizing the prize: What’s the real value of AI, (2017).

    (41)

         COM(2018) 8 tal-11 ta' Jannar 2018.

    (42)

         F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni riċentament ippreżentat inizjattiva relatat mal-Privattivi Essenzjali għal Standard li tipprovdi qafas aktar ċar biex jinċentiva l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin. COM(2017) 712 tad-29 ta’ Novembru 2017.

    (43)

         COM(2018) 306 — Aġenda Ewropea Mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — l-opportunità għall-Ewropa sabiex issawwar t-tmexxija teknoloġika tagħha.

    (44)

         Il-Komunikazzjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, COM(2016) 381 tal-10 ta’ Ġunju 2016.

    (45)

         Cedefop Skills Panorama (2016) Information and Communications Technology (ICT) professionals: skills opportunities and challenges.

    (46)

         COM(2018) 321 tat-2 ta’ Mejju 2018 — Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi — Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027.

    Top

    Brussell, 15.5.2018

    COM(2018) 320 final

    ANNESS

    tal-

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Inlestu Suq Uniku Diġitali affidabbli għal kulħadd

    Il-kontribut tal-Kummissjoni għal-Laqgħa Informali tal-Mexxejja tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u s-Suq Uniku Diġitali f'Sofia fis-16 ta' Mejju 2018


    ANNESS — Inizjattivi leġiżlattivi għas-Suq Uniku Diġitali 2015–2018

    Dan l-Anness jagħti ħarsa ġenerali lejn il-progress —fl-inizjattivi leġiżlattivi skont l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

    Nru

    Inizjattivi leġiżlattivi — Adottati

    Proposta mill-Kummissjoni

    Stat ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    1

    2

    3

    4

    5

    6

    7

    8

    9

    10

    11

    12

    Id-Deċiżjoni dwar l-użu tal-medda ta’ frekwenzi 470-790 MHz

    Ir-Regolament dwar il-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online

    Ir-Regolament fir-rigward tar-regoli għas-swieq tal-operaturi tar-roaming

    Ir-Regolament u d-Direttiva dwar l-użi permessi fid-drittijiet tal-awtur għal persuni b’diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li jimplimentaw it-Trattat ta’ Marrakexx

    Ir-Regolament biex jippromwovi l-konnettività tal-Internet f’komunitajiet lokali (Wi-Fi4EU)

    Ir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi

    Ir-Regolament li jindirizza l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat

    Ir-Regolament u Direttiva tal-Kunsill dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-Kummerċ Elettroniku

    Ir-Regolament dwar servizzi ta’ konsenja tal-pakketti

    Id-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi u tal-Midja

    2/2/2016

    09/12/2015

    15/06/2016

    14/09/2016

    13/09/2016

    25/05/2016

    25/05/2016

    01/12/2016

    25/05/2016

    25/05/2016

    Ippubblikata fil-25/5/2017

    Ippubblikat fit-30/06/2017

    Ippubblikat fid-09/06/2017

    Ippubblikat fl-20/09/2017

    Ippubblikat fl-01/11/2017

    Ippubblikat fis-27/12/2017

    Ippubblikat fl-02/03/2018

    Maqbula fit-13/12/2017; Qed jistennew li jiġu pubblikati

    Ippubblikata fl-02/05/2018

    Qbil politiku tas-26/4/2018

    Nr

    Inizjattivi leġislattivi — Li qed jistennew l-adozzjoni

    Proposta mill-Kummissjoni

    Stat tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi

    1

    2

    3

    4

    5

    6

    7

    8

    9

    10

    11

    12

    13

    14

    15

    16

    17

    Id-Direttiva dwar kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali

    Id-Direttiva dwar il-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti

    Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

    Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

    Direttiva dwar id-dritt tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali

    Ir-Regolament dwar l-organizzazzjonijiet tax-xandir

    Id-Direttiva tal-Kunsill dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud għal pubblikazzjonijiet elettroniċi

    Ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika

    Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni

    Ir-Regolament li jistabbilixxi Gateway Diġitali Uniku

    Ir-Regolament dwar qafas għall-fluss liberu ta’ data mhux personali

    Ir-Regolament dwar l-Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà

    Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-kontrafazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas mhux bi flus kontanti.

    Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

    Ir-Regolament dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

    Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (riformulazzjoni)

    Ir-Regolament dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta’ Dominju tal-Ogħla Livell.eu

    09/12/2015

    31/10/2017

    (9/12/2015)

    14/09/2016

    14/09/2016

    14/09/2016

    14/09/2016

    01/12/2016

    10/01/2017

    10/01/2017

    02/05/2017

    13/09/2017

    13/09/2017

    13/09/2017

    11/01/2018

    26/04/2018

    25/04/2018

    27/04/2018

    Għaddejja

    Tistenna l-mandat tal-Kunsill

    Għaddej

    Għaddej

    Tistenna l-mandat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    Għaddej

    Tistenna lill-Kunsill

    Jistenna lill-Kunsill

    Għaddej

    Għaddej

    Jistenna lill-Parlament Ewropew

    Jistenna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

    Tistenna lill-Parlament Ewropew

    Jistenna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

    29

    Numru totali ta’ inizjattivi leġiżlattivi

    Top