Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0181

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta' indikaturi tal-benessri (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    COM/2018/0181 final

    Brussell, 13.4.2018

    COM(2018) 181 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta' indikaturi tal-benessri

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


    1Sfond

    Dan ir-rapport jikkonċerna d-Direttiva tal-Kunsill (KE) 2007/43/KE 1 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva”) u jindirizza l-Artikolu 6(3) tal-istess Direttiva, skont liema l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-applikazzjoni u l-effetti tad-Direttiva fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għal-laħam tagħhom. Ir-rapport iqis il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni li jinfluwenzaw il-benessri tat-tiġieġ tas-simna, kif ukoll l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi u amministrattivi tad-Direttiva, inklużi l-aspetti reġjonali. Dan ir-rapport huwa wkoll wieħed mill-azzjonijiet previsti bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali 2012-2015 2 . L-Istrateġija tal-UE ppromwoviet approċċ ibbażat fuq l-eżiti tal-benessri tal-annimali, skont liema l-indikaturi għall-valutazzjoni tal-benessri tat-tiġieġ tas-simna u waqt l-iskarnar jenħtieġ li jintużaw b’mod iktar mifrux fil-futur.

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq studju li tlesta fl-2017 u li analizza l-impatti soċjoekonomiċi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 3 u l-impatti tagħha fuq il-benessri tal-annimali (minn issa ’l quddiem: “L-istudju tal-2017”). Sorsi oħra ta’ informazzjoni jinkludu l-awditi mwettqa mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, li jipprovdu informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali, l-opinjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u studji oħra li jipprovdu l-għarfien xjentifiku dwar il-benessri tat-tiġieġ tas-simna, kif ukoll l-eżitu tas-sessjoni ta’ ħidma li saret mal-Istati Membri kollha fl-2017 rigward l-użu tad-dejta mill-biċċeriji għall-monitoraġġ tal-benessri 4 .

    Qabel id-Direttiva ma kienx hemm rekwiżiti tal-benessri tat-tiġieġ tas-simna speċifiċi għall-ispeċi, u kienu japplikaw biss ir-rekwiżiti tad-Direttiva 98/58/KE 5 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja, bil-prinċipji ġenerali tagħha għall-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ilma u l-kura xierqa għall-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi tal-annimali. Fl-2005, studju tal-Ewrobarometru wera li iktar minn erbgħa minn kull għaxar ċittadini tal-UE semmew it-tiġieġ miżmum għall-produzzjoni tal-laħam bħala waħda mill-ispeċijiet li l-aktar jeħtieġu titjib f’dawk li huma l-benessri u l-ħarsien 6 . 

    Rapport separat tal-Kummissjoni dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, li sar skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, ikkonkluda li skont il-mandat tagħha dwar il-benessri tal-annimali u permezz tal-għodod eżistenti, il-Kummissjoni Ewropea kienet lesta li tiffaċilita t-titjib, u li f’dan l-istadju ma kienx hemmx bżonn ta’ strumenti leġiżlattivi f’dan il-qasam 7 .

    Id-Direttiva introduċiet ir-rekwiżiti għall-benessri tal-annimali applikabbli għall-binjiet fejn jinżammu t-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam, densità massima tal-istokkjar b’rekwiżiti addizzjonali għall-kustodji li joperaw bl-ogħla densitajiet tal-istokkjar. Fil-każ ta’ densitajiet ogħla tal-istokkjar, id-dejta tar-rata ta’ mortalità trid takkumpanja l-qatgħa fil-biċċerija u trid tiġi evalwata. Din hija l-ewwel leġiżlazzjoni tal-UE li tintroduċi indikaturi bbażati fuq l-annimali bħala mod biex jiġi rregolat il-benessri tal-annimali. Il-monitoraġġ fil-biċċeriji huwa addizzjonali għall-ispezzjonijiet mhux diskrimatorji tal-azjendi agrikoli, u f’ċerti każijiet jenħtieġ li jirriżultaw f’investigazzjonijiet tal-azjendi agrikoli bħala segwitu għal sejbiet post mortem.

    2L-ekonomija tas-settur

    L-UE hija produttur globali ewlieni tat-tiġieġ tas-simna (11.3 % tal-produzzjoni globali) bi produzzjoni totali ta' laħam tal-pollam ta’ 14.1 miljun tunnellata fl-2014. Skont l-istudju tal-2017, il-Brażil, l-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina jipproduċu iktar individwalment. Tliet kwarti tal-produzzjoni tal-UE hi kkonċentrata f’seba’ Stati Membri: il-Polonja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, Spanja, l-Italja u n-Netherlands li għandhom ukoll l-akbar azjendi agrikoli 8 .

    L-istudju tal-2017 irrapporta li l-produzzjoni tat-tiġieġ tas-simna fl-UE żdiedet bi 18.6 % bejn l-2009 u l-2014, u issa tirrappreżenta madwar 6.5 biljun tajra fis-sena. Il-produzzjoni u l-konsum żdiedu b’mod stabbli u wara l-laħam tal-majjal, it-tiġieġ huwa l-iktar laħam ikkonsmat fl-UE. Fil-perjodu 2015-2025 il-produzzjoni tal-laħam tal-pollam fl-UE mistennija tiżdied bi 3.8 %, filwaqt li l-konsum mistenni jiżdied bi 3.4 %. L-UE hija 103.9 % awtosuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-laħam tal-pollam. 11 % tal-produzzjoni tal-laħam tal-pollam jiġi esportat, filwaqt li l-importazzjonijiet jilħqu s-6 %. L-importazzjonijiet, li ħafna minnhom huma qatgħat ta’ valur ogħla mill-Brażil u mit-Tajlandja, huma prinċipalment destinati għal Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u r-Renju Unit.

    Skont l-istudju tal-2017, ftit iktar minn kwart ta’ miljun persuna huma impjegati fis-settur tal-pollam fl-UE, b’62 % impjegati fl-iskarnar/fl-ipproċessar u kwazi għoxrin fil-mija (19 %) impjegati fil-produzzjoni primarja; prinċipalment fit-23,360 azjenda agrikola kbira tat-tiġieġ tas-simna 9 . F’xi reġjuni tal-UE, is-settur huwa integrat ferm (sjieda komuni tal-impjanti tat-tnissil, tat-tfaqqis, tal-akkomodazzjoni, tal-mitħna tal-għalf u tal-ipproċessar) u l-kustodji jitħallsu b’rata stabbilita ta’ xogħolhom u tal-ispejjeż varjabbli. F’reġjuni oħra hemm inqas integrazzjoni u l-kustodju huwa wkoll sid it-tjur. L-integrazzjoni hija komuni u tilħaq livelli għolja fl-Awstrija, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja u fir-Renju Unit, filwaqt li fil-Belġju, fil-Finlandja, fin-Netherlands, fil-Polonja u fl-Iżvezja huma komuni livelli aktar baxxi ta’ integrazzjoni. Iż-żewġ mudelli huma komuni fid-Danimarka u fl-Ungerija.

    3Applikazzjoni tad-Direttiva

    L-istudju tal-2017 irrapporta li d-Direttiva ġiet trasposta bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li l-implimentazzjoni tad-Direttiva hija reġjonali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja u hija kwistjoni devoluta fir-Renju Unit.

    3.1Taħriġ u gwida għall-persuni involuti fil-qasam tat-tiġieġ

    Id-Direttiva introduċiet ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ taħriġ għall-kustodji b’derogi abbażi tal-esperjenza preċedenti. Dan it-taħriġ huwa approvat mill-awtoritajiet u ħafna drabi jingħata minn parti terza. Madankollu, l-istudju tal-2017 wera li numru żgħir ta’ Stati Membri ma joffrux korsijiet ta’ taħriġ xierqa.

    It-taħriġ jenfasizza r-responsabbiltà tal-kustodju u l-bżonn li jkun hemm bilanċ fil-ġestjoni u l-forniment tar-riżorsi, kif ukoll fl-aspetti prattiċi tal-qbid u t-trasport.

    L-awtoritajiet jagħtu ċertifikat ta’ kompetenza lill-kustodji, b’żewġ terzi ta’ dawn iċ-ċertifikati li jingħataw wara t-taħriġ u terz li jingħata abbażi tal-esperjenza preċedenti. Ħafna mill-kustodji setgħu kisbu deroga abbażi tal-esperjenza tagħhom, iżda minflok għażlu li jattendu t-taħriġ minħabba li apprezzaw l-opportunità li jitgħallmu dwar kwistjonijiet bħall-imġiba u l-istress tat-tiġieġ tas-simna 10 .

    Għalkemm il-persuni li jaqbdu u jgħabbu lit-tjur qabel it-trasport għall-iskarnar ma jeħtiġux ċertifikat ta’ kompetenza, id-Direttiva teħtieġ li l-kustodji jagħtuhom struzzjonijiet u gwida. Madankollu, ħafna drabi l-kustodju ma jkunx il-persuna li torganizza l-qbid, speċjalment meta s-settur ikollu livell għoli ta’ integrazzjoni u meta t-trasport jiġi organizzat mill-biċċeriji, u l-kustodju ma jkunx fl-aqwa pożizzjoni li jagħti struzzjonijiet lit-tim tal-qbid. Fejn dan kien il-każ, ċertu taqsimiet tal-industrija taw taħriġ addizzjonali lit-timijiet tal-qbid biex jiżguraw li dawk involuti jkunu konxji tal-prattiki tajbin, kif ukoll tar-responsabbiltajiet legali tagħhom.

    3.2Densitajiet tal-istokkjar u spezzjonijiet

    Id-Direttiva tipprovdi tliet meded ta’ densità tal-istokkjar u l-kustodji jridu jissodisfaw serje ta’ rekwiżiti differenti għal kull medda:

    ·Ir-regola ġenerali hija li d-densità tal-istokkjar ma tridx taqbeż it-33 kg/m2.

    ·Tista’ tingħata deroga biex tiġi permessa żieda ta’ iktar minn 33kg/m2 sa 39kg/m2 meta jinżammu d-dettalji dokumentati addizzjonali għal kull binja u l-binja tikseb ċertu parametri klimatiċi. Barra minn hekk, id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-qatgħa fil-biċċerija għandha tinkludi r-rata ta’ mortalità ta’ kuljum u r-rata ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum.

    ·Hija permessa żieda ta’ iktar minn 39kg/m2 sa 42kg/m2 meta, apparti li jintlaħqu l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-monitoraġġ mill-awtoritajiet jikkonferma rekords ta’ rati ta’ mortalità baxxi u prattiki ta’ ġestjoni tajba. F’dawn l-ogħla densitajiet tal-istokkjar, permezz ta’ formula, id-Direttiva tipprovdi indikatur għar-rata ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum li ma tistax tinqabeż.

    Skont l-istudju tal-2017, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit għażlu li ma jużaw l-ebda minn dawn id-derogi dwar id-densità tal-istokkjar, jew li ma jużawx uħud minnhom. Kemm il-Ġermanja, kif ukoll ir-Renju Unit urew li d-deċiżjoni tagħhom kienet ibbażata fuq evidenza xjentifika li l-benessri jista’ jiġi kompromess meta jkun hemm densitajiet għolja tal-istokkjar. Fit-23 Stat Membru l-ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija traspożizzjoni sempliċi tad-Direttiva. Għalhekk, fiż-żmien meta sar l-istudju tal-2017, kien hemm grupp ta’ Stati Membri li ppermetta densità tal-istokkjar ta’ sa 33kg/m2, grupp ta’ Stati Membri oħra li ppermetta sa 39kg/m2, u grupp ieħor li ppermetta densità ta’ sa massimu ta’ 42kg/m2. Globalment, kważi tliet kwarti tat-tiġieġ tas-simna fl-UE jinżammu f’densità tal-istokkjar ta’ inqas minn 39kg/m2 (ara l-grafika):

    L-istudju tal-2017 indika li ftit iktar minn kwart tal-produzzjoni tal-UE laħaq l-ogħla densità tal-istokkjar fejn il-kustodji huma obbligati jissodisfaw ċerti rekwiżiti addizzjonali stipulati fid-Direttiva. Iktar minn nofs (55 %) it-tiġieġ tas-simna maħżuna fl-ogħla densità jinsabu fi Franza, filwaqt li 18 % jinsabu fin-Netherlands u 9 % fil-Belġju.

    Waqt spezzjonijiet każwali, l-awtoritajiet żguraw li ma jseħħx stokkjar b’mod eċċessiv fil-perjodi ta’ riskju. Wieħed mill-perjodi ta’ riskju huwa dak ta’ qabel it-“tnaqqis”, li hija prattika li jużaw ħafna Stati Membri fejn parti mit-tjur għall-iskarnar jitneħħew ftit jiem qabel il-maġġoranza tal-qatgħa sabiex jinħoloq iktar spazju fil-binja. Il-perjodu l-ieħor meta d-densità tal-istokkjar tista’ tkun l-ogħla huwa eżatt qabel ma t-tjur jintbagħtu għall-iskarnar, meta jitlesta ċ-ċiklu tal-produzzjoni. Sabiex il-konformità mar-rekwiżiti legali tad-Direttiva tiġi vvalutata b’mod effettiv, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu kriterji ċari ta’ konformità biex l-ispetturi tagħhom ikunu jistgħu jiffurmaw ġudizzju dwar jekk l-azjendi agrikoli jikkonformawx mal-liġi jew le. Ħafna Stati Membri pprovdew xi forma ta’ gwida għall-passi prattiċi li jridu jiġu segwiti meta titkejjel id-densità tal-istokkjar, iżda biss ftit minnhom taw xi tip ta’ gwida lill-ispetturi biex jivvalutaw jekk il-ventilazzjoni kinitx biżżejjed. Il-ventilazzjoni hija punt kritiku għall-iżgurar tal-kundizzjonijiet klimatiċi f’binja, iżda kienu biss ftit l-Istati Membri li stabbilixxew il-konċentrazzjonijiet tal-gass massimi u li pprovdew it-tagħmir biex dawn il-konċentrazzjonijiet jitkejlu. L-ispezzjonijiet każwali tal-azjendi agrikoli ġeneralment jiffukaw fuq ir-riżorsi pprovduti aktar milli fuq it-tjur infushom, minħabba li huwa diffiċli li wieħed jeżamina t-tjur ħajjin b’mod individwali minn fost l-eluf ta’ tjur fil-binja għall-akkomodazzjoni tal-pollam.

    Uħud mill-awtoritajiet, b’mod partikolari fid-Danimarka, li għandha s-sistema għall-monitoraġġ ta’ indikaturi speċifiċi fil-biċċerija li ilha stabbilita l-iktar fit-tul, urew li kien iktar effiċjenti li l-azjendi agrikoli problematiċi jiġu identifikati abbażi tal-monitoraġġ tal-biċċeriji milli abbażi tal-ispezzjonijiet każwali tal-azjendi agrikoli. L-użu ta’ indikatur ibbażat fuq l-annimali li jista’ jitkejjel post mortem u li għandu korrelazzjoni soda mal-kundizzjonijiet klimatiċi fil-binja waqt it-trobbija huwa meqjus minn dawn l-awtoritajiet bħala l-iktar mod effiċjenti biex jiġu organizzati l-kontrolli u biex jiġu indirizzati l-problemi potenzjali relatati mal-kundizzjonijiet ambjentali fl-azjendi agrikoli.

    Fil-fehma tal-industrija u tal-awtoritajiet, ir-rekwiżit skont liema r-rata ta’ mortalità ta’ kuljum u r-rata kumulattiva ta’ kuljum għandhom jakkumpanjaw il-qatgħat għall-iskarnar jikkostitwixxi piż eċċessiv. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-qatgħat għall-iskarnar huma akkumpanjati biss minn dejta dwar ir-rata ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum. Sabiex isiru investigazzjonijiet meta jseħħu mwiet, eż. qrib ħin l-iskarnar jew qabel, waqt it-trobbija, l-awtoritajiet jeħtieġu aċċess għar-rati ta’ mortalità ta’ kuljum f’każ li d-densitajiet tal-istokkjar ikunu ogħla minn 33 kg/m2. F’ċerti Stati Membri, il-forniment ta’ din id-dejta huwa ffaċilitat peress li l-kustodji jirreġistraw ir-rati ta’ mortalità ta’ kuljum direttament f’bażi tad-dejta, u l-veterinarji uffiċjali, li jista’ jkollhom bżonn jinvestigaw rigward meta seħħew l-imwiet, jistgħu wkoll jaċċessaw din id-dejta.

    Fi Stati Membri differenti japplikaw densitajiet massimi tal-istokkjar differenti. Ir-rekwiżiti ogħla ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ għal operazzjonijiet li jittrattaw densitajiet tal-istokkjar ogħla jnaqqsu l-problemi potenzjali b’rabta mal-benessri.

    Ir-rekwiżit skont liema l-kustodji jridu jiġu mħarrġa huwa apprezzat mill-industrija, u ċerti taqsimiet tal-industrija jagħtu wkoll taħriġ addizzjonali għall-organizzaturi tat-trasport u għall-persunal inkarigat mill-qbid tat-tjur qabel it-trasport.

    Ġeneralment, l-ispezzjonijiet tal-azjendi agrikoli jiżguraw li r-rekwiżiti leġiżlattivi jiġu ssodisfati, iżda l-Istati Membri mhux dejjem taw kriterji ċari ta’ konformità biex l-ispetturi tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni prattika dwar jekk l-azjendi agrikoli jikkonformawx mal-liġi jew le, għalkemm jeżistu xi prattiki tajbin, bħal pereżempju konċentrazzjonijiet massimi tal-gass definiti sew u tagħmir disponibbli għall-kejl tal-konċentrazzjonijiet.

    Prattika komuni fost xi Stati Membri huwa l-iskambju awtomatiku tad-dejta dwar ir-rati ta’ mortalità, li jiffaċilita l-investigazzjonijiet tal-każijiet, skont id-Direttiva, meta jseħħu mwiet eċċessivi.

    4Żvilupp tal-indikaturi tal-benessri

    4.1Indikatur obbligatorju

    Sabiex ikun parti utli mill-programm ta’ monitoraġġ, indikatur jenħtieġ li jkun definit b’mod ċar, prattiku biex jitkejjel u ta’ tip li jappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-aċċettabbiltà tal-kundizzjonijiet tal-azjenda agrikola. Ir-rata ta’ mortalità kumulattiva massima ta’ kuljum 11 , speċifikata fid-Direttiva għall-azjendi agrikoli li joperaw fl-ogħla densitajiet tal-istokkjar hija indikatur bħal dawn.

    Dan l-indikatur, li huwa ddeterminat għal kull qatgħa bl-użu ta’ formula speċifikata fid-Direttiva, jista’ jintuża biex jitkejjel jekk il-kustodju kienx kapaċi jevita l-imwiet eċċessivi matul il-perjodu tat-trobbija. Jekk il-qatgħat li joperaw fl-ogħla densitajiet tal-istokkjar jaqbżu l-limitu preskritt, l-awtoritajiet jeħtieġu li l-kustodji jagħtu spjegazzjoni biżżejjed li l-kawżi jinsabu lil hinn mill-isfera ta’ kontroll tagħhom, jew inkella jiġu obbligati joperaw f’densitajiet tal-istokkjar iktar baxxi għas-seba’ qatgħat konsekuttivi ta’ wara. Matul dan il-perjodu, il-kustodju huwa obbligat jopera taħt il-limitu qabel jitħalla jopera mill-ġdid f’densitajiet tal-stokkjar ogħla.

    Ħafna drabi, meta r-rati ta’ mortalità jinqabżu, l-imwiet iseħħu fl-ewwel ġimgħa tal-produzzjoni u l-kustodju jallega li dawn kienu dovuti għall-kundizzjonijiet fil-mafqas u/jew fil-qatgħat ġenitur. L-awtoritajiet jaċċettaw affermazzjonijiet bħal dawn, iżda ma jinvestigawx il-kundizzjonijiet fil-mafqas. Il-liġi tal-UE ma tipprovdi l-ebda rekwiżit speċifiku għall-imfaqas u l-ebda Stat Membru minn dawk awditjati mid-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari ma kellu l-kriterji għall-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ġenerali tad-Direttiva 98/58/KE fir-rigward ta’ dawn l-istabbilimenti.

    Ħafna drabi, l-użu tar-rata ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum biex jitnaqqsu d-densitajiet tal-istokkjar fil-qatgħat suċċessivi huwa meqjus bħala penali. Sabiex jibqgħu taħt il-limitu u jevitaw tnaqqis fid-densitajiet tal-istokkjar, il-kustodji minflok joqtlu t-tjur għal raġunijiet ta’ benessri tal-annimali, jistgħu jittrasportaw it-tjur possibbilment mhux tajbin għall-iskarnar sabiex dawn ma jiġux inklużi bħala parti mir-rati ta’ mortalità tal-azjenda agrikola tagħhom.

    Kif meħtieġ, il-monitoraġġ ta’ kundizzjonijiet bħal livelli anormali ta’ dermatite tal-kuntatt, parassitiżmu u mard sistematiku, huma parti mir-rutina ta’ spezzjoni post mortem fil-biċċerija. Madankollu, id-Direttiva ma tiddefinixxix il-firxa jew is-severità ta’ kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet ta’ benessri ħżiena. Għalhekk, għalkemm il-veterinarju uffiċjali huwa obbligat jikkomunika r-riżultati lill-kustodju u lill-awtorità kompetenti meta r-riżultati tal-kontrolli jkunu konsistenti mal-benessri ħażin tal-annimali, huwa f’idejn l-Istat Membru li jiddefinixxi aktar kriterji li jistgħu jitkejlu, u li jipprovdi indikatur, li jistgħu jappoġġaw din id-deċiżjoni.

    4.2Indikaturi volontarji

    L-istudju tal-2017 irrapporta li 18-il Stat Membru għandhom rekwiżit fil-liġi nazzjonali li jeħtieġ li d-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn tiġi rreġistrata, u 15 minnhom jorbtu dan ir-rekwiżit ma’ azzjonijiet immirati. Id-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn hija indikatur li jiġi mmonitorjat fil-biċċerija li jista’ jintuża biex jiġu identifikati l-azjendi agrikoli problematiċi fejn huma meħtieġa azzjonijiet korrettivi biex jiġu indirizzati l-problemi sottostanti. Id-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn hija forma ta’ dermatite ta’ kuntatt ikkawżata minn ħruq mill-ammonijaka, meta l-kuntatt fit-tul ma’ mifrex ta’ livell fqira ta’ iġjene, b’kontenut għoli ta’ ndewwa u ammonijaka, jikkawża irritazzjoni kimika tal-ġilda. Id-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn hija korrelatata ma’ forom oħra ta’ dermatite ta’ kuntatt bħal ħruq fl-għaksa bejn id-difer u l-qasba tas-sieq fir-riġel warrani tal-annimal u infafet fis-sider li mhux biss juru l-kwalità baxxa tal-mifrex, iżda wkoll il-possibbiltà ta’ problemi ta’ zappip jew ta’ mobilità. Mhijiex influwenzata mill-qbid, mit-trasport jew mill-kundizzjonijiet fil-ħin tal-iskarnar, u għaldaqstant hija indikatur tajjeb tal-benessri tal-annimali fl-azjenda agrikola. Il-fatt li 15-il Stat Membru jorbtu dan l-indikatur ma’ azzjoni mmirata bil-liġi, flimkien mar-Renju Unit u Spanja, fejn dawn is-sistemi jiġu implimentati mingħajr ma huma speċifikati fil-liġi, ifisser li kważi 80 % tal-produzzjoni tal-pollam fl-UE hija soġġetta għal din is-sistema ta’ punteġġ.

    L-Iżvezja, id-Danimarka, in-Netherlands u r-Renju Unit ilhom l-aktar jużaw dan l-indikatur fil-prattika, u jagħmlu użu wkoll mis-sistema ta’ punteġġ bi tliet livelli li ġiet introdotta l-ewwel fl-Iżvezja 12 . Il-ħdax-il Stat Membru li ma għandhomx din is-sistema ta’ punteġġ marbuta ma’ azzjonijiet immirati madankollu jwettqu l-ispezzjonijiet post mortem, kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 854/2004 13 , iżda ma jagħmlux użu sistematiku minn din id-dejta biex jagħtu prijorità lill-ispezzjonijiet tal-azjendi agrikoli.

    L-użu tad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn bħala indikatur ippermetta lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi ta’ kontroll effettivi għall-benessri tat-tiġieġ tas-simna 14 . Għalkemm il-punteġġ u l-livelli tal-iskattar ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, ilkoll jipprovdu struzzjonijiet għall-valutazzjoni post mortem, għar-rapportar tar-riżultati u għas-segwitu li għandu jingħata. Jeħtieġ li jkun hemm komunikazzjoni u koordinazzjoni tajbin bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-biċċeriji u għall-azjendi agrikoli, sabiex il-kustodji li jkollhom punteġġi għoljin b’mod persistenti jiġu obbligati jieħdu ħsieb il-problema. Min-naħa l-oħra, punteġġi baxxi b’mod kontinwu għad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn juru li l-prestazzjoni tal-kustodju hija tajba.

    L-EFSA pprovdiet sistema armonizzata ta’ ġbir tad-dejta u mudell għall-preżentazzjoni tad-dejta 15 , kif meħtieġ mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva. Fis-sessjoni ta’ ħidma tal-2017, l-esperti tal-Istati Membri indikaw li filwaqt li dan l-approċċ epidemjologu/tal-kampjunar wera stampa nazzjonali tal-livelli tad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn, dan ma pprovdiex għodda biex tingħata prijorità lill-kontrolli tal-azjendi agrikoli individwali fuq bażi kontinwa. L-esperti tal-Istati Membri kkonkludew li sakemm dawn ma kellhomx sistema bħal din diġà fis-seħħ, huma kellhom jiżviluppaw gwida dwar kif id-dejta mill-biċċeriji tista’ tintuża bħala parti mill-kontrolli bbażati fuq ir-riskju.

    Ir-rati ta’ mortalità jipprovdu kejl bażiku tal-benessri tal-qatgħa, iżda l-maġġoranza tal-Istat Membri jqisu l-punteġġ tat-tipi speċifiċi ta’ dermatite ta’ kuntatt post mortem, b’mod partikolari d-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn, bħala l-aħjar mod biex issir valutazzjoni tar-riskju tal-azjendi agrikoli tat-tiġieġ tas-simna u biex l-azjendi agrikoli jintgħażlu għal investigazzjonijiet u azzjonijiet skont il-prijorità tal-bżonn. Il-monitoraġġ post mortem tal-qatgħat sussegwenti jista’ jintuża biex jikkonferma li l-problemi sottostanti ġew ikkoreġuti.

    Il-kundizzjonijiet f’imfaqas u/jew qatgħat ġenitur ta’ spiss ikunu suspettati li jagħtu lok għal rati ta’ mortalità għolja fl-istadji bikrin tat-trobbija, iżda dawn l-istabbilimenti ma jiġux investigati mill-awtoritajiet minħabba li dawn ma jkunux iddefinixxew regoli speċifiċi għall-benessri tal-annimali applikabbli f’dawn is-siti l-oħra.

    5Impatt fuq il-benessri tat-tiġieġ

    Opinjoni tal-EFSA 16 telenka t-tipi ta' mard ewlenini li għandhom implikazzjonijiet fuq il-benessri tat-tiġieġ tas-simna, bħal problemi fis-saqajn, id-dermatite ta’ kuntatt, l-axxite, u s-sindromu tal-mewt għal għarrieda. Tindika li dawn ġew aggravati minn proċess ta’ għażla intensa għal rata mgħaġġla ta’ tkabbir u żieda fl-effiċjenza tal-għalf, kif ukoll minn kundizzjonijiet ambjentali. Id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-benessri tat-tiġieġ permezz ta’ ġestjoni u kundizzjonijiet ambjentali aħjar, u għamlet il-kwistjoni tas-selezzjoni ġenetika is-suġġett ta’ rapport ieħor tal-Kummissjoni.

    L-istudju tal-2017 jindika li ftit li xejn kien hemm valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva mill-Istati Membri jew mill-industrija. L-awditi mwettqa mid-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari flimkien mas-sessjoni ta’ ħidma tal-2017 mal-Istati Membri jipprovdu l-bażi għall-konklużjonijiet li ġejjin dwar l-impatt tad-Direttiva fuq il-benessri tat-tjur.

    Is-sistemi ta’ produzzjoni huma bażikament l-istess bħal qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, fejn flieles ta’ jum jitpoġġew f’binja, fuq art mgħottija b'materjal tal-mifrex (eż. tiben, laqx tal-injam, pit jew karta). Sar titjib fl-akkomodazzjoni u fil-kwalità tal-ambjent minħabba li ċerti Stati Membri neħħew, b’mod gradwali, l-akkomodazzjonijiet antiki li ma kinux kapaċi jissodisfaw ir-rekwiżit li fil-binja tinżamm umdità relattiva medja f’livelli ta’ inqas minn 70 % matul 48 siegħa meta t-temperatura ta’ barra tkun anqas minn 10 °C. Instab ukoll li din l-inkapaċità kienet qed tirriżulta f’livelli għoljin ta’ dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn u l-monitoraġġ ta’ dan l-indikatur wassal ukoll għal titjib fl-akkomodazzjoni.

    Għalhekk ħafna mit-titjib sistematiku sar permezz ta’ miżuri li jindirizzaw id-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn u mhux permezz ta’ spezzjonijiet każwali fl-azjendi agrikoli. L-azzjonijiet biex jiġu indirizzati livelli għoljin ta’ dermatite ta’ kuntatt kienu jinkludu wkoll il-qtil tat-tjur f’età iżgħar, qabel ma jinqalgħu problemi ta’ mobilità u b’hekk jiġi evitat id-deterjorament fil-benessri tat-tjur. Iż-żamma xierqa tal-mifrex fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-qatgħa hija kollegata wkoll mat-tnaqqis ta’ mard bħall-koċċidjożi u l-enterite nekrotika, u b’hekk twassal ukoll għal titjib fis-saħħa tat-tjur.

    Minn ħidma oħra mwettqa minn DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi, ħarġu iktar indikazzjonijiet indiretti tal-benefiċċji pożittivi jekk jiġu adottati dawn il-miżuri dwar is-saħħa tal-qatgħa 17 . B’mod partikolari, teżisti evidenza li l-bżonn li jintużaw l-antimikrobiċi (għajr il-koċċidjostati) għat-trattament ta’ kundizzjonijiet komuni naqas ferm, jew ġie evitat għal kollox, f’dawk l-Istati Membri li jiffukaw ħafna fuq il-kwistjonijiet tal-benessri, is-saħħa u l-iġjene 18 .

    Id-Direttiva pprovdiet qafas tajjeb għall-iżgurar tal-benessri tat-tiġieġ tas-simna u għalkemm il-punteġġ tad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn mhuwiex definit fil-livell tal-UE, l-użu ta’ dan l-indikatur wassal għall-iktar titjib sistematiku fil-benessri tal-annimali.

    6Spejjeż tad-Direttiva

    Abbażi ta’ stħarriġ tal-Istati Membri, l-istudju tal-2017 wera li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tad-Direttiva ġew stmati f’sitt Stati Membri u li dawn ma kinux paragunabbli. L-ispejjeż tal-implimentazzjoni rreġistrati; kemm dawk annwali kif ukoll dawk ta’ darba, kienu assoċjati mal-ispejjeż tal-kustodji biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-aktar dettaljati, l-ispejjeż għall-awtoritajiet għal persunal u tagħmir addizzjonali biex jitkejlu l-parametri ambjentali, u l-ispejjeż amministrattivi u ta’ produzzjoni għall-industrija.

    L-istudju tal-2017 jindika li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri u l-industrija ma jikkunsidrawx li l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti. L-uniċi Stati Membri li indikaw spejjeż sinifikanti kienu r-Renju Unit u n-Netherlands. Abbażi ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li saret qabel ma ġiet implimentata d-Direttiva, ir-Renju Unit jistma spiża ta’ madwar EUR 71.1 miljun għall-ispejjeż ta’ darba u dawk annwali tul perjodu ta’ tmien snin. L-ispejjeż prinċipali rriżultaw mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jiġix permess li l-azjendi agrikoli joperaw fl-ogħla densitajiet tal-istokkjar. Skont studju tal-2017, dawn l-ispejjeż kienu mħallsa mill-industrija iżda r-rieda tal-konsumaturi li jħallsu għal prodotti bi standards ogħla tal-benessri tal-annimali kkumpensat l-ispejjeż minn densità tal-istokkjar u produzzjoni iktar baxxi. Fin-Netherlands ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt; madankollu, kemm l-awtoritajiet kif ukoll l-industrija huma tal-fehma li l-implimentazzjoni tad-Direttiva kienet spiża sostanzjali minħabba li qabel id-Direttiva, id-densitajiet tal-istokkjar kienu jvarjaw bejn 45 kg/m² u 50 kg/m² u l-produzzjoni aktar baxxa minn densitajiet tal-istokkjar iktar baxxi introdotti mid-Direttiva kienu spejjeż li kellhom jitħallsu mill-industrija. In-Netherlands stmaw spiża amministrattiva u ta’ produzzjoni annwali għall-industrija ta’ EUR 2.7 miljun, li ma tinkludix it-telf fid-dħul minn tnaqqis tad-densità tal-istokkjar sabiex ikun hemm konformità mad-Direttiva. Fi Stati Membri oħra l-ispejjeż mill-implimentazzjoni kienu jvarjaw minn ammont negliġibbli sa EUR 6 miljun kull sena għal dawk li jrabbu l-annimali fil-Finlandja.

    Il-monitoraġġ tal-indikaturi fil-biċċeriji kien meqjus bħala spiża kemm għall-persunal tal-biċċeriji kif ukoll għall-ħin tal-Veterinarju Uffiċjali (eż. ir-Repubblika Ċeka stmat spejjeż ta’ madwar EUR 1.3 miljun b’rabta mat-twettiq tal-verifiki fil-biċċeriji).

    Dak tat-trobbija tat-tiġieġ tas-simna huwa settur kbir tal-ekonomija agrikola fl-UE, u wieħed li qed ikompli jikber u li huwa sors sinifikanti ta’ impjieg. L-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ġeneralment jibbilanċjaw lil xulxin, u ma nħolqot l-ebda spiża importanti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-kompetittività tas-settur fi Stati Membri differenti ma ġietx affettwata b’mod negattiv mill-operat f’densitajiet tal-istokkjar iktar baxxi.

    7Konklużjonijiet

    It-trobbija tat-tiġieġ tas-simna hija parti importanti mill-ekonomija agrikola tal-UE, u skont l-informazzjoni miġbura mill-istudju tal-2017 ma nħolqot l-ebda spiża importanti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva. Id-Direttiva pprovdiet qafas li permezz tiegħu l-Istati Membri tejbu l-ġestjoni u l-akkomodazzjoni għat-tiġieġ tas-simna, bir-riżultat li kien hemm effett pożittiv fuq is-saħħa u l-benessri tat-tjur.

    Il-kontrolli bbażati fuq il-monitoraġġ tad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn huma l-aħjar biex jintwera li l-benessri tal-annimali tjieb. Dawn il-kontrolli huma l-aktar mod effiċjenti u effettiv biex l-azjendi agrikoli jintgħażlu għal investigazzjonijiet skont il-prijorità tal-bżonn. Barra minn hekk l-awtoritajiet u l-kustodji kienu kapaċi jkejlu l-progress u jżommu l-istandards abbażi ta’ eżiti reali tal-benessri tal-annimali permezz tal-punteġġ tad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn.

    L-Istati Membri huma konxji dwar il-passi meħtieġa biex jiġu implimentati s-sistemi ta’ monitoraġġ għad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn, u żewġ terzi tal-Istati Membri diġà stabbilixxew sistemi bħal dawn.

    L-ispezzjoni każwali tal-azjendi agrikoli hija xorta waħda parti importanti minn kull sistema ta’ kontroll, b’mod partikolari għall-verifika tad-densitajiet tal-istokkjar u biex jiġi verifikat li l-ġestjoni, l-akkomodazzjoni u riżorsi oħra huma xierqa.

    Fi Stati Membri differenti ġew applikati densitajiet tal-istokkjar massimi differenti, u l-effetti negattivi possibbli tad-densitajiet tal-istokkjar għolja ġew evitati billi ġew applikati rekwiżiti u monitoraġġ ogħla bl-użu tar-rati ta’ mortalità kumulattivi ta’ kuljum bħala indikatur. Ħafna drabi l-kundizzjonijiet fl-imfaqas u/jew fil-qatgħat ġenitur jingħataw il-ħtija għar-rati ta’ mortalità għolja, iżda ma hemm l-ebda azzjoni li l-awtoritajiet jistgħu jieħdu biex jindirizzaw dan is-suspett. L-evalwazzjoni xierqa tal-aktar rekwiżiti tekniċi, bħall-ventilazzjoni, li jinfluwenzaw il-benessri tat-tiġieġ, hija wkoll sfida għall-awtoritajiet.

    Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex ixxerred eżempji ta’ prattika tajba għall-kontrolli, u se tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Membri u mal-industrija b’rabta mal-gwida għall-ġestjoni tal-azjendi agrikoli.

    (1)

         Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam ĠU L 182, 12.7.2007, p. 19-28.

    (2)

         COM(2012)6 final https://ec.europa.eu/food/animals/welfare/strategy_en

    (3)

         Study on the application of the broilers Directive (DIR 2007/43/EC) and development of welfare indicators (Studju dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-tiġieġ tas-simna (id-Direttiva 2007/43/KE) u l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-benessri), ara: https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/f4ccd35e-d004-11e7-a7df-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-50600507

    (4)

       “Use of slaughterhouse data to monitor welfare of broilers on farm” (L-użu ta’ dejta mill-biċċeriji għall-monitoraġġ tal-benessri tat-tiġieġ tas-simna fl-azjendi agrikoli) https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/9fbf913d-de15-11e6-ad7c-01aa75ed71a1/language-en  

    (5)

         Id-Direttiva (KE) 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja ĠU L 221, 8.8.1998, p. 0023 – 0027.

    (6)

         “Attitudes of consumers towards the welfare of farmed animals” (L-atteġġjament tal-konsumaturi rigward il-benessri ta’ annimali mrobbija fl-azjendi agrikoli) http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/yearFrom/1974/yearTo/2005/surveyKy/450

    (7)

         Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (COM(2016) 182 final) https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2016/MT/1-2016-182-MT-F1-1.PDF  

    (8)

         Il-Kummissjoni Ewropea - DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/poultry/index_en.htm

    (9)

         Għalkemm l-azjendi agrikoli b’aktar minn 1000 tiġieġa tas-simna (Eurostat fl-2013) jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-azjendi agrikoli kollha tat-tiġieġ tas-simna, dawn għandhom 94 % tat-tjur.

    (10)

         “Educating professionals on animal welfare” (L-edukazzjoni tal-professjonisti rigward il-benessri tal-annimali), disponibbli fuq:

        https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/4cca0815-024f-11e7-8a35-01aa75ed71a1  

    (11)

    “Rata ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum” tfisser l-ammont totali tar-rati ta’ mortalità ta’ kuljum, li hija n-numru ta’ tiġieġ li jkunu mietu fil-binja fl-istess jum, inkluż dawk li jkunu ġew maqtula minħabba mard jew minħabba raġunijiet oħra, diviż bin-numru ta’ tiġieġ li jinsabu fil-binja f’dak il-jum, immultiplikat b’100.

    (12)

         “Management tools to reduce footpad dermatitis in broilers” (Għodod ta’ ġestjoni għat-tnaqqis tad-dermatite tal-kuxxinetti tar-riġlejn fit-tiġieġ tas-simna), I. de Jong & J. van Harn, Aviagem, 2012

    (13)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-kosnum uman, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206, Ikkoreġut u ppubblikat mill-ġdid fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83.

    (14)

         “Contribution of Meat Inspection to the surveillance of poultry health and welfare in the European Union” (Il-Kontribuzzjoni tal-Ispezzjonijiet tal-Laħam għas-sorveljanza tas-saħħa u tal-benessri tat-tjur fl-Unjoni Ewropea), A. Huneau-Salaün, K. D. Stärk, A. Mateus, C. Lupo, A. Lindberg, S. Le Bouquin-Leneveu, Epidemiology & Infection, 2015, Vol. 143, Ħarġa 11, pp. 2459-2472

    (15)

         “Technical assistance to the Commission (Article 31 of Regulation (EC) No 178/2002) for the preparation of a data collection system of welfare indicators in EU broilers’ slaughterhouses” (Assistenza teknika lill-Kummissjoni (l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002) għat-tħejjija ta’ sistema għall-ġbir ta’ dejta ta’ indikaturi tal-benessri fil-biċċeriji tat-tiġieġ tas-simna fl-UE) http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2013.3299/pdf  

    (16)

         “Scientific Opinion on the influence of genetic parameters on the welfare and the resistance to stress of commercial broilers” (Opinjoni xjentifika dwar l-influwenza ta’ parametri ġeneriċi fuq il-benessri tat-tiġieġ tas-simna u fuq ir-reżistenza tagħhom għall-istress) http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2010.1666/full  

    (17)

    https://ec.europa.eu/health/amr/sites/amr/files/amr_action_plan_2017_en.pdf  

    (18)

    http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=121

    Top