Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0178

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-istrateġija tal-IT għad-dwana

    COM/2018/178 final

    Brussell, 11.4.2018

    COM(2018) 178 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-istrateġija tal-IT għad-dwana


    1.INTRODUZZJONI

    Fil-komunikazzjoni tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2016 (il-Komunikazzjoni dwar il-Governanza) 1  
    il-Kummissjoni fakkret l-għan fundamentali tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) 2  li joħloq proċessi doganali mingħajr intoppi u li jkunu effiċjenti madwar l-Unjoni bbażati fuq l-isfruttar għaqli tal-għodod diġitali. Id-dwana se ssir kompletament mingħajr karti. L-għan huwa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu, u fl-istess ħin l-amministrazzjonijiet doganali jkunu jistgħu jiżguraw il-konformità.

    Fil-Komunikazzjoni dwar il-Governanza, il-Kummissjoni indikat ukoll l-isfidi li jridu jiffaċċjaw il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jipprovdu soluzzjonijiet tal-IT kosteffiċjenti madwar l-UE bħala appoġġ għal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. B’rispons għal dawk l-isfidi, il-Kummissjoni ssuġġeriet eżami tal-arkitettura, tal-ġestjoni u tal-finanzjament tan-netwerks u l-bażijiet ta’ data doganali tal-IT u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ netwerks oħra tal-UE.
    Hija pproponiet ukoll li jiġu vvalutati l-valur miżjud u l-benefiċċji possibbli fuq terminu twil tal-istabbiliment ta’ struttura permanenti għall-immaniġġjar tal-infrastruttura tal-IT inkluż sinerġiji possibbli ma’ aġenziji eżistenti fil-kuntest tat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

    Dan ġie trattat fil-Kunsill matul l-2017 u d-diskussjonijiet wasslu għal konklużjonijiet ulterjuri tal-Kunsill fis-7 ta’ Novembru 2017 fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ġew mistiedna jimplimentaw il-Programm ta’ Ħidma tal-IT tal-KDU bħala l-ogħla prijorità u li jesploraw aktar fil-fond approċċi ġodda għall-iżvilupp u l-operat ta’ sistemi Doganali tal-IT.

    Madankollu, f’Mejju 2017, il-Kunsill kien diġà stieden lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2017 tirrapporta 3 dwar il-progress li jkun sar fil-valutazzjoni tal-kwistjoni dwar l-istruttura permanenti. Din l-istedina speċifika wieħed irid jaraha fil-kuntest tal-istediniet l-oħrajn tal-Kunsill 4 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sabiex flimkien jiżviluppaw strateġija komprensiva għall-IT doganali. L-istediniet rilevanti tal-Kunsill huma:

    -“tiżviluppa strateġija għall-arkitettura, l-iżvilupp, il-ġestjoni u l-finanzjament tas-sistemi tal-IT Doganali b’kont meħud tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.” (sal-aħħar tal-2017)

    -“jiżviluppaw strateġija komprensiva fuq terminu medju u twil għas-sistemi doganali tal-IT li jippermettu l-implimentazzjoni effettiva tal-KDU u biex tiġi żviluppata dwana diġitali b’mod sħiħ ibbażata fuq il-valur miżjud tas-sistemi individwali, inkluż bil-konsiderazzjoni tal-użu ta’ struttura permanenti biex tkun immaniġġjata l-infrastruttura tal-IT, filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni s-sistemi tal-IT li diġà ġew żviluppati jew użati.”

    Dan ir-rapport jikkostitwixxi r-risposta tal-Kummissjoni għall-istedina tal-Kunsill biex tirrapporta dwar il-progress fir-rigward tat-talba tagħha dwar l-“istruttura permanenti” u jinkludi spjegazzjoni dwar l-approċċ ta’ implimentazzjoni attwali bħala segwitu għall-implimentazzjoni tal-KDU. Dan ifittex ukoll li jinforma d-dibattitu li ġej dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali billi jistabbilixxi kif il-finanzjament fil-livell tal-UE huwa rilevanti għall-iżvilupp u l-operat tas-sistemi doganali tal-IT.

    Fir-rigward tal-istedina tal-Kunsill għall-iżvilupp ta’ strateġija fuq terminu medju u twil għall-implimentazzjoni tal-IT doganali, il-Kummissjoni qed tiffinalizza l-ħidma analitika li se tinforma l-proposti tagħha għall-programmi ta’ finanzjament għall-ġenerazzjoni li jmiss, b’mod partikolari biex tkopri l-finanzjament fil-livell tal-UE ta’ attivitajiet doganali u tat-tassazzjoni tal-IT. Din il-ħidma se jkollha impatt fuq l-opzjonijiet ta’ strateġija. Dawn il-proposti jenħtieġ li jsiru matul l-2018 u se jiġu ppreżentati fil-kuntest tat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

    2.QAFAS DOGANALI TAL-UE

    L-UE hija blokk kummerċjali ewlieni dipendenti fuq il-moviment liberu tal-merkanzija ’l ġewwa u ’l barra mill-Unjoni Doganali li jikkumplimenta l-moviment liberu ta’ din il-merkanzija fil-qasam tas-Suq Uniku. Fl-2016, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ikkombinati kienu jirrappreżentaw madwar EUR 3.5 triljun u dan juri l-importanza tal-kummerċ u ta’ Unjoni Doganali li tiffunzjona mingħajr diffikultajiet għall-prosperità tal-UE. Dan ifisser ukoll kważi 300 miljun dikjarazzjoni ta’ importazzjoni u esportazzjoni (DAU – dokument amministrattiv uniku).

    Il-ħin involut fl-ipproċessar tal-merkanzija fid-dwana, u l-ħeffa u l-affidabbiltà ta’ dak l-ipproċessar, huma fatturi ta’ produttività u kompetittività kritiċi. Fil-fatt, studji juru li tnaqqis ta’ 10 % fil-ħin ta’ tranżitu u pproċessar fid-dwana jista’ jiġġenera bejn 2.5 % u 5 % ta’ tkabbir fil-kummerċ. Dan juri l-importanza ta’ proċessi ta’ kontroll doganali rapidi u mfassla sew.  5   6

    L-UE diġà tinsab f’qagħda b’saħħitha abbażi tal-isforzi komuni li saru matul is-snin biex jissaħħu u jiġu mmodernizzati l-proċessi doganali. Il-ħidma kontinwata fuq il-KDU u l-implimentazzjoni tiegħu għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ is-saħħa tal-UE f’dan il-qasam.

    Il-liġi doganali tal-UE hija kkodifikata fil-KDU (u l-atti relatati u appoġġjata mill-Programm ta’ Ħidma dwar l-IT 7 ) u hija applikabbli b’mod dirett fl-Istati Membri. Dan juri l-kompetenza esklużiva tal-UE f’dan il-qasam. L-awtoritajiet doganali japplikaw l-istess regoli bażiċi u l-Istati Membri kollha huma dipendenti fuq li l-oħrajn jagħmlu l-parti tagħhom fil-ġbir tad-dħul u l-protezzjoni regolari. Din l-interdipendenza titlob kooperazzjoni mill-qrib.

    Bħalissa, l-IT u l-politika doganali fl-UE huma bbażati fuq id-“deċiżjoni dwar id-dwana elettronika” 8 adottata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fl-2008 u d-dispożizzjonijiet tal-KDU. Id-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi li skonthom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien fuq l-iżvilupp, il-bini u l-operat tas-sistemi li jsostnu l-operazzjonijiet doganali. Dawn is-sistemi jkopru d-diversi proċessi dognali inkluż l-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet, il-moviment tal-merkanzija u l-moviment tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet. Huma jinkludu wkoll xi bażijiet ta’ data komuni.

    Hija din il-politika dwar id-“dwana elettronika” li xprunat l-istat ta’ żvilupp attwali
    tal-IT doganali u li qed tiggwida l-finalizzazzjoni attwali tas-17-il inizjattiva differenti li ġew stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU 9 . Hija bbażata fuq l-idea li d-diversi elementi tal-IT huma maqsuma f’komponenti tal-Unjoni u dawk li mhumiex tal-Unjoni u li flimkien jiffurmaw l-ekosistema tal-IT.

    -Il-Kummissjoni tiżviluppa komponenti tal-Unjoni li ntlaħaq qbil fuqhom u li huma ffinanzjati mill-programm Dwana 2020 10   11 . Dawn il-komponenti tal-Unjoni jistgħu jinbnew fuq mudell ċentralizzat operat mill-Kummissjoni jew jintużaw f’sistemi distribwiti operati mill-Istati Membri. Il-komunikazzjoni bejn is-sistemi madwar l-Unjoni tiġi pprovduta mill-komponent tan-netwerk tal-Unjoni magħruf bħala CCN/CSI. Is-sistemi trans-Ewropej u ċentrali operati mill-Kummissjoni għall-Unjoni Doganali jikkonsistu minn madwar 30 sistema interrelatata, li għalihom is-sigurtà u l-prestazzjoni huma fundamentali. Fl-2017 madwar 500 miljun messaġġ ġew skambjati f’sistemi li jaħdmu b’aktar minn 99 % disponibbiltà u bi spiża annwali ta’ EUR 70 miljun, u li jipprovdu sostenn lill-proċessi doganali rapidi meħtieġa biex isostnu l-kummerċ.

    -Il-komponenti mhux tal-Unjoni jiġu żviluppati u operati mill-Istati Membri u ffinanzjati minnhom. Dan jinkludi elementi fiżiċi ta’ sistemi distribwiti ddisinjati għal-livell tal-UE. Dawn il-komponenti ovvjament iridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet legali tal-KDU.

    Bl-użu ta’ dan il-qafas, matul is-snin ġiet żviluppata ekosistema tal-IT sofistikata.
    Din hija matura, xierqa għall-użu u tiddependi fuq provvista adegwata ta’ riżorsi tal-komponenti tal-Unjoni fil-livell tal-UE li jiddependu fuqhom l-Istati Membri. Hija tiddependi wkoll fuq l-Istati Membri biex jiffinanzjaw il-parti tal-ekosistema tagħhom u b’mod partikolari l-komponenti mhux tal-Unjoni.

    3.L-ISFIDI

    Minkejja l-użu diġà sostanzjali tal-IT sabiex jirfed il-proċessi doganali eżistenti, il-KDU jirrappreżenta bidla fil-pass fit-titjib fl-effiċjenza potenzjali u fl-integrazzjoni. Dan minħabba
    s-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni simultanji tal-proċessi meħtieġa għas-sostenn tal-integrazzjoni sħiħa tad-dwana madwar l-UE. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni timponi l-ispejjeż u dawn l-ispejjeż jeħtieġ li jiġu pponderati mal-benefiċċji meta jkunu se jiġu deċiżi l-aħjar mekkaniżmi eżekuttivi.

    3.1.Governanza u arkitettura

    Il-governanza tax-xogħol tal-IT hija bbażata fuq numru ta’ korpi ta’ interazzjoni li jinvolvu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-interessi kummerċjali, b’mod partikolari l-Grupp tal-Politika Doganali (CPG, Customs Policy Group), il-Grupp ta’ Koordinazzjoni Doganali Elettronika (ECCG, Electronic Customs Coordination Group), il-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ (TCG, Trade Contact group), il-Grupp ta’ Politika dwar in-Negozju (BCG, Business Policy Group), il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Implimentazzjoni ta’ Strateġiji ta’ Ġestjoni tar-Riskju (RIMSCO, Risk Management Strategy Implementation Coordination) u l-kumitat tal-programm Dwana 2020.

    L-implimentazzjoni tal-KDU uriet li l-proċess tal-iddisinjar u l-implimentazzjoni tas-sistemi doganali tal-IT madwar l-UE jeħtieġ il-ħin u ħafna ħidma. In-natura tal-kompitu hija murija permezz ta’ diversi ftehimiet ibridi fejn xi Stati Membri jew jagħżlu li jużaw verżjonijiet lokali ta’ sistemi ċentrali (spiss xprunati minn tħassib dwar l-interazzjoni ma’ sistemi u prijoritajiet nazzjonali) jew jinsistu fuq l-iżvilupp tal-UE ta’ soluzzjonijiet komuni għal komponenti mhux tal-Unjoni biex dawn jiġu applikati minn dawk l-Istati Membri biss (spiss xprunati minn konsiderazzjonijiet dwar l-ispejjeż).

    Il-motivazzjoni tal-KDU għal livell ta’ integrazzjoni u interoperabbiltà saħansitra akbar ta’ sistemi doganali tal-IT inkluż iż-żieda fl-istandardizzazzjoni tal-elementi u l-proċessi tad-data għas-sistemi tal-IT iżżid mal-isfida tal-implimentazzjoni. F’dan il-kuntest, ma hemm l-ebda mekkaniżmu strutturali li jassisti lill-Istati Membri meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet waqt il-ħidma ta’ implimentazzjoni tagħhom.

    Is-soluzzjonijiet fuq terminu twil biex jiġu indirizzati ħtiġijiet doganali jkollhom iqisu l-motivazzjoni għal interoperabbiltà saħansitra usa’ bejn is-servizzi governattivi, sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha mistennija mill-analitika tad-data avvanzata.

    Din il-perspettiva trans-settorjali dejjem tikber dwar il-politika futura tal-IT hija appoġġjata mill-Aġenda Diġitali 12 , b’viżjoni tal-kondiviżjoni ta’ servizzi u soluzzjonijiet tal-IT komuni. Il-governanza u l-arkitettura wkoll se jkollhom jindirizzaw l-evoluzzjoni kontinwa u rapida tat-teknoloġiji, bħall-“blockchain”, u innovazzjonijiet oħrajn, li jistgħu jinfluwenzaw b’mod konsiderevoli l-għamla tal-istrutturi tal-IT li għandhom jiġu implimentati fl-aħjar mekkaniżmi eżekuttivi u fuq terminu twil.

    Għalhekk il-proċessi ta’ governanza jeħtieġ li joperaw f’qafas ta’ arkitettura globali ċara u aċċettata għall-ekosistema tal-IT doganaliminħabba li dan biss jista’ jiżgura koerenza fl-istruttura kollha. Huwa f’dan il-kuntest li l-Istati Membri esprimew il-fehmiet tagħhom dwar l-isfidi futuri fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kummissjoni u tal-Kunsill matul l-2017. Dan ir-rapport jirrifletti l-input matul dak il-perjodu u jistabbilixxi l-istat ta’ ħidma attwali.

    3.2.Kwistjonijiet u riżorsi ta’ finanzjament

    3.2.1    Livell tal-UE (Komponenti tal-Unjoni)

    Is-sistemi tal-IT jistgħu jkunu għaljin biex jiġu żviluppati u mħaddma. Il-Kummissjoni għandha baġit ta’ madwar EUR 380 miljun għall-perjodu ta’ bejn l-2015 u l-2020 skont il-programm Dwana 2020. Dan jenfasizza d-daqs u l-ambizzjoni tal-proġetti tal-IT tal-KDU kif ukoll l-investiment li l-UE diġà għamlet fl-istabbiliment u l-operat tas-sistemi tal-IT li jappoġġjaw id-dwana. Il-Kummissjoni tuża dawn il-fondi fi struttura kkontrollata ħafna b’netwerk ta’ kuntratturi esterni u ftehimiet ta’ kollaborazzjoni mal-Istati Membri. Il-mudell attwali tal-Kummissjoni huwa għalhekk ottimizzat u kapitalizzanti ħafna fuq l-immaniġġjar ta’ timijiet ta’ kuntratturi esterni.

    Dawn il-fondi jintużaw għall-iżvilupp ta’ sistemi ġodda u l-operat ta’ sistemi ċentralizzati eżistenti u netwerks appoġġjati minn ċentri tad-data dedikati li jinvolvu s-servizz ċentrali tal-IT tal-Kummissjoni (DĠ DIGIT) u s-servizz tal-politika doganali tal-Kummissjoni, DĠ TAXUD. Hekk kif ir-rwol tal-IT fl-implimentazzjoni tal-politika doganali jevolvi, l-importanza tar-rwol ċentrali tas-servizzi tal-Kummissjoni tikber kemm fit-tmexxija tas-sistemi ċentrali, li tirriżulta fir-responsabbiltajiet operazzjonali f’ħin reali ta’ kuljum fl-eżekuzzjoni tal-liġi tal-UE, kif ukoll fil-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Istati Membri. Sabiex dan jiffunzjona tajjeb, hemm bżonn ta' riżorsi adegwati u kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

    3.2.2    Livell tal-Istat Membru (komponenti mhux tal-Unjoni)

    Mill-perspettiva tal-Istati Membri, tħassib ewlieni hija l-ispiża tal-operazzjonijiet tal-IT tagħhom. Ħafna huma mħassba dwar il-komponenti nazzjonali, li qed jinħolqu 28 darba, u għalhekk qed jagħtu valur baxx lill-kontribwenti, minħabba l-multiplikazzjoni tal-ispejjeż involuti. Għal xi Stati Membri l-isfida tiħrax minħabba d-dipendenza tagħhom fuq fornituri kummerċjali li magħhom ma għandhomx kapaċità tal-akkwist suffiċjenti sabiex jiksbu l-aħjar prezzijiet.

    Jeżistu wkoll perċezzjonijiet differenti dwar l-aspetti ta’ finanzjament minħabba li mhux l-Istati Membri kollha jiffaċċjaw l-istess volumi ta’ traffiku fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni u għalhekk jimminaw l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tagħhom, meta jkunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet purament nazzjonali. Barra minn hekk, għalkemm l-Istati Membri kollha jirċievu proporzjon tad-dazji doganali bbażat fuq ir-riżorsi proprji li jiġbru (20 %), il-movimenti kummerċjali ’l ġewwa u ’l barra mill-Unjoni għandhom it-tendenza li jkunu kkonċentrati f’numru ta’ lokazzjonijiet. Għalhekk, kważi 80 % tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni jsiru biss fi tliet Stati Membri. Dan jinfluwenza wkoll ir-raġunar tal-Istati Membri. L-aħħar u mhux l-inqas, ħafna amministrazzjonijiet doganali jagħmluha ċara li huma ma jibbenefikawx bis-sħiħ mill-20 % intiżi biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir.

    Jidher biċ-ċar li meta mqabbla mal-produzzjoni ta’ sistemi ċentrali, jew saħansitra distribwiti żviluppati mill-Kummissjoni fi sħubija mal-Istati Membri, l-ispejjeż tal-attivitajiet separati u mhux koordinati mill-Istati Membri aktarx ikunu pjuttost għoljin. Fil-fatt, studji mwettqa għall-Kummissjoni wasslu għall-konklużjoni li jista’ jsir iffrankar kbir ta’ flus jekk l-Istati Membri jikkollaboraw fuq l-iżvilupp, l-operazzjonijiet u l-manteniment tal-ordni ta’ bejn 35 u 53 % fejn ikunu involuti minimu ta’
    għaxar Stati Membri 13 . Fattur ta’ komplikazzjoni huwa li l-Istati Membri għandhom mudelli ta’ negozju differenti għall-produzzjoni ta’ komponenti nazzjonali u jinsabu wkoll f’qagħdiet differenti fir-rigward tal-ponderazzjoni tas-sistemi ta’ legat. Xi Stati Membri għandhom għarfien espert tal-IT in-house sostanzjali, filwaqt li oħrajn jiddependu aktar fuq fornituri ta’ partijiet terzi.

    3.3.Restrizzjonijiet ta’ politika

    Wieħed irid jara dawn l-isfidi fil-kuntest tal-ħtieġa li s-sistemi u l-arkitettura tagħhom jitwettqu issa f’konformità mal-KDU u l-programm ta’ ħidma tiegħu.
    Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ħidma sal-2020 se tkun lesta, numru żgħir ta’ sistemi ġodda se jsiru attivi wara din id-data, kif se jseħħ fil-każ ta’ xi estensjonijiet u l-aġġornament ta’ sistemi eżistenti. Sabiex tiġi żgurata struttura kompleta u integrata b’mod sħiħ fl-Istati Membri kollha u inkluż is-sistemi kollha, din il-ħidma aktarx se tkompli sal-2025. Dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ approċċ evoluzzjonarju sabiex jiċċekknu r-riskji għall-proċessi doganali minħabba fl-importanza tal-ekosistema tal-IT eżistenti għall-operat ta’ kuljum tal-Unjoni Doganali. Is-sitwazzjoni globali attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-KDU, inkluż is-sistemi rilevanti tal-IT u t-twaqqit tal-eżekuzzjoni tagħhom, hija stabbilita fir-rapport riċenti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar l-eżerċitar tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 284 hawn taħt 14 .

    4.IX-XENARJU TAL-IT GĦAL UNJONI DOGANALI INTEGRATA

    Id-diskussjonijiet mal-Istati Membri enfasizzaw l-importanza li strateġija għall-IT għad-dwana fl-UE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq viżjoni tal-futur u fuq għanijiet fuq terminu itwal ta’ dwana diġitali bħala bażi għall-ħidma li għadha għaddejja.

    Ir-reazzjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li l-awtoritajiet doganali jipprovdu servizz doganali effiċjenti u effettiv billi japplikaw ir-regoli li ntlaħaq qbil fuqhom b’mod konsistenti u koerenti madwar l-Unjoni.

    Sabiex dan jinkiseb, il-kontrolli doganali jkollhom jiġu bbażati fuq sfruttar aktar għaqli tas-setgħa tad-diġitalizzazzjoni u l-movimenti tad-data, sabiex b’hekk jinħolqu kontrolli bbażati fuq ir-riskju saħansitra aktar effettivi.
    Dan jista’ jippermetti lill-awtoritajiet doganali jiffukaw ir-riżorsi tagħhom u jekk jiġu applikati b’mod għaqli jnaqqsu l-piż amministrattiv għal u jirrazzjonalizzaw l-inputs mill-kummerċ leġittimu.

    Ir-rwol kruċjali tad-dwana għal politiki oħrajn li wkoll għandhom element transfruntier jista’ jiġi sfruttat għall-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi għall-kontroll regolatorju globali, f’futur ibbażat fuq livelli għoljin ta’ interoperabbiltà u interkonnettività bejn is-sistemi tal-IT u approċċi ta’ kontroll ikkoordinati.

    Għan loġiku fundamentali jkun ambjent ta’ punt uniku li jiggarantixxi kemm jista’ jkun relazzjoni koerenti unika mad-diversi atturi tal-gvern, appoġġjat minn struttura ta’ kontroll regolatorja warajh.

    Tali ambjent jassumi livell għoli ta’ qsim ta’ data, informazzjoni u intelliġenza bejn l-awtoritajiet doganali u bejn dawk l-awtoritajiet u l-aġenziji u d-dipartimenti regolatorji l-oħra. Dan jitlob ukoll l-użu sistematiku ta’ analitika tad-data avvanzata u possibbilment teknoloġiji innovattivi oħrajn bħala appoġġ għal approċċi ta’ kontroll integrati li fil-biċċa l-kbira jkunu bbażati fuq ir-riskju u mibnija fuq l-għarfien wiesa’ tar-riskji u l-kapaċitajiet tal-atturi kummerċjali ewlenin.

    L-input tal-Istati Membri jissuġġerixxi, li l-irwol tas-sistemi doganali tal-IT se jkun primordjali biex jiġu żgurati l-eżiti ta’ politika ta’ suċċess u li dawn se jkunu kosteffiċjenti, robusti u affidabbli. Dan ifisser li tkun kapaċi tadatta għal mudelli tat-teknoloġija u kummerċjali li jinbidlu. Se jkun importanti wkoll li jiġu sfruttati sinerġiji ma’ sistemi tal-IT pan-Ewropej rilevanti u li jeżistu diġà.

    Jidher ċar ukoll, li se tkun meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-għarfien espert u tar-riżorsi għall-eżekuzzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IT kosteffiċjenti, kemm fl-iżvilupp kif ukoll fl-operat tas-sistemi.

    5.OPZJONIJIET POSSIBBLI GĦAL STRUTTURA PERMANENTI

    Kull bidla fil-mudell kummerċjali lil hinn mill-irfinar tal-mudell attwali tieħu ż-żmien, b’mod partikolari jekk din tkun teħtieġ l-istabbiliment ta’ strutturi ġodda. Hemm ir-riskju li bidla radikali fil-proċessi attwali tista’ timmina l-eżekuzzjoni tal-proġetti tal-IT tal-KDU fuq terminu twil u medju. Dan ikun inaċċettabbli ħafna u mhux konformi mad-dikjarazzjoni ċara tal-Kunsill, li jenħtieġ li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni tal-KDU. Dan jirrinforza l-idea li r-riflessjoni attwali jenħtieġ li tikkonċentra fuq it-terminu twil.

    Għalhekk, fuq terminu qasir, il-Kummissjoni se jkollha tkompli topera skont ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika u l-KDU, u f’konformità mal-programm Dwana 2020. Għal din ir-raġuni, hija saħħet is-servizzi tagħha li jittrattaw l-IT Doganali sabiex tindirizza l-attivitajiet ewlenin li huma l-proġetti tal-IT tal-KDU u n-nefqa annwali tal-UE ta’ madwar EUR 70miljun. Dan it-tisħiħ jinkludi r-rinfurzar tal-persunal għal DĠ TAXUD u arranġamenti ġodda ma’ DĠ DIGIT għall-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn is-servizzi. Madankollu l-iżvilupp ulterjuri abbażi ta’ dan lil hinn mill-2020 se jkun jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-programm suċċessur għad-Dwana 2020. Skeda ta’ żmien tentattiva għal dan l-eżerċizzju sabiex jiġi definit mudell ġdid u l-komponenti tiegħu hija stabbilita fl-Anness 2 mingħajr ħsara għal deċiżjonijiet futuri dwar il-finanzjament.

    Jekk il-mudell attwali jinbidel, id-diskussjonijiet li saru s’issa jissuġġerixxu li l-akar opzjoni promettenti aktarx tkun tinvolvi approċċ ta’ “fornitur tal-IT kondiviż” permezz ta’ entità/aġenzija jew metodi ta’ kollaborazzjoni oħra.

    Kull approċċ bħal dan madankollu jeħtieġ li jirrikonoxxi r-realtà tal-operazzjonijiet tal-IT eżistenti.
    Fil-prinċipju, tali fornitur jista’ jiżviluppa sistemi sħaħ biex jgħaddihom lill-Istati Membri jew lill-Kummissjoni jew ċerti saffi ta’ żvilupp jew operazzjonijiet tal-IT, jew saħansitra jkun responsabbli għall-iżvilupp sħiħ u għall-operazzjonijiet. Sabiex turi din il-kwistjoni tal-hekk imsejħa “saffi”, id-dijagramma hawn taħt tistabbilixxi l-elementi kostitwenti ewlenin tal-istack tal-IT tal-Kummissjoni (DĠ TAXUD). Huwa ċar li bil-kumplessità u bl-interdipendenza tal-partijiet komponenti tal-ekosistema tal-IT, il-valutazzjoni tal-attivitajiet jew tal-partijiet possibbli ta’ tali attivitajiet għall-attribuzzjoni ta’ fornitur tal-IT kondiviż hija proċess diffiċli. Jidher ċar ukoll li l-attivitajiet jinqasmu f’parti anjostika tan-negozju (hawn taħt bl-oranġjo) u parti speċifika tan-negozju (hawn taħt bl-aħdar) li jistgħu jinfluwenzaw is-soluzzjonijiet li għandhom jiġu applikati b’mod partikolari meta jitqiesu sinerġiji potenzjali bejn l-oqsma ta’ politika.

    5.1.Fornitur tal-IT kondiviż

    S’issa ġew eżaminati diversi opzjonijiet mingħajr ma sar l-ebda tentattiv għal analiżi dettaljata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji; meta wieħed iqis il-ħtieġa li titwessa' l-firxa tal-kopertura aħħarija ta’ kull opzjoni fid-dawl tar-reazzjonijiet mill-Istati Membri fid-diskussjonijiet li seħħew
    s’issa, b’mod partikolari fis-Seminar ta’ Livell Għoli f’Tallinn fit-28/29 ta’ Settembru 2017 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Novembru 2017 15 .

    Fix-xenarji kollha possibbli, l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi tal-IT jeħtieġu responsabbiltà kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri meta jitqiesu l-kompetenzi rispettivi tagħhom għal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE u għall-implimentazzjoni ta’ dik il-leġiżlazzjoni rispettivament. Filwaqt li jista’ jkun possibbli li jitqies it-tibdil fil-bilanċ bejn il-komponenti tal-Unjoni u dawk mhux tal-Unjoni, dan ma jsolvix il-kwistjonijiet sottostanti sakemm is-sistemi kollha tal-Unjoni ma jsirux komponenti tal-Unjoni. Minkejja dan, xorta jifdal kwistjonijiet dwar liema tkun l-aħjar struttura biex dawn jiġu eżegwiti u kif din tinteraġġixxi ma servizzi doganali nazzjonali u l-liġi nazzjonali.

    Abbażi ta’ dan, ġiet diskussa l-idea ta’ “fornitur tal-IT kondiviż” li fil-prinċipju jista’ jipprovdi l-iżvilupp u saħansitra operazzjonijiet u servizzi ta’ manutenzjoni kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri. L-idea tkun li jiġu assenjati responsabbiltajiet lil parti terza, li tista’ tipprovdi servizzi abbażi tal-finanzjament ipprovdut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Dan jiżgura koerenza fil-firxa ta’ sistemi tal-IT u għandu jipprovdi ffrankar tal-ispejjeż. Barra minn hekk, dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni jew saħansitra lill-Istati Membri jassenjaw ċerti kompiti u attivitajiet operazzjonali lill-parti terza, jiddependi mill-kostruzzjoni legali użata.

    Il-valur miżjud possibbli ta’ tali opzjoni jirriżulta mill-ispejjeż baxxi tal-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni uniċi meta mqabbla mal-ispejjeż multipli meta l-Istati Membri jaġixxu fuq livell individwali. Madankollu, l-effetti proprji ta’ dan il-prinċipju jiddependu fuq id-daqs ta’ tali attivitajiet ta’ “fornitur tal-IT kondiviż”, u sa fejn jistgħu jiġu minimizzati adattamenti nazzjonali fl-interess tal-istandardizzar tal-approċċ. Meta titqies il-ħtieġa għal disponibbiltà sħiħa f’ħin reali għall-operazzjonijiet u l-manutenzjoni, u li kieku jkollha taċċetta tali attivitajiet, kull struttura jkollha tagħti garanziji ta’ kontinwità tan-negozju li japplikaw għall-Istati Membri kollha involuti.

    Fil-fatt kwistjoni ewlenija hija kemm is-sistemi, jew partijiet minnhom jistgħu jiġu aċċettati minn parti terza u r-relazzjoni tagħhom ma’ partijiet oħra tal-ekosistema tal-IT.

    Fil-prinċipju “fornitur tal-IT kondiviż” jista’ jkun struttura li topera fil-livell tal-UE. Fil-każ li tali struttura tieħu l-forma ta’ impriża konġunta, il-kompiti speċifiċi u l-governanza jkunu sostanzjalment differenti. Din tista’ tkun ukoll forma ta’ korp ta’ akkwist konġunt li aktarx jiġi stabbilit permezz ta’ ftehim bħal Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali 16 .

    5.2.Struttura li topera fil-livell tal-UE

    Approċċ possibbli għal tali sfida jkun li tiġi stabbilita struttura fil-livell tal-UE sabiex taċċetta responsabbiltajiet speċifiċi. Għalkemm l-opzjoni ta’, pereżempju, aġenzija ġdida ssemmiet f’diskussjonijiet tal-Istati Membri, bħalissa ma hemmx appoġġ biżżejjed għal tali idea fost l-Istati Membri. Din tikkomplika ruħha barra minn hekk permezz ta’ inċertezza konsiderevoli rigward possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-UE futuri, kif ukoll tħassib dwar l-għażla
    ta’ din ir-rotta mingħajr idea ċara tar-relazzjoni bejn l-attivitajiet tal-entità u dawk tal-Istati Membri, fejn il-proċessi doganali huma tant integrati madwar l-UE.

    Possibbiltà oħra tkun li wieħed jipprova jittrasferixxi l-operazzjonijiet tal-Kummissjoni għal struttura tal-UE eżistenti, bħal aġenzija tal-UE eżistenti 17 . 
    Bħalissa hemm biss aġenzija waħda b’mandat li tkopri sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet inerni. Din hija l-EU-LISA. Madankollu, il-mandat tagħha ma jkoprix id-dwana u bħalissa hija okkupata bis-sħiħ fl-eżekuzzjoni ta’ sistemi fil-mandat tagħha. Kull sinerġija potenzjali f’din l-aġenzija tkun teħtieġ diliġenza dovuta dettaljata, b’mod partikolari minħabba fin-numru kbir, il-kumplessità u l-livell ta’ maturità tas-sistemi tal-IT doganali eżistenti. Ir-riskju għal operazzjonijiet doganali eżistenti jkun wisq kbir biex din titqies bħala opzjoni vijabbli fuq terminu qasir jew medju. Barra minn hekk, bil-finalizzazzjoni tal-proġetti tal-KDU li jifdal, tali riskji jsiru aktar importanti.

    Għalhekk, f’dan l-istadju fl-iżvilupp tal-ħsieb dwar l-użu ta’ struttura permanenti, l-Istati Membri ma qablux dwar orjentazzjoni ċara dwar l-użu ta’ struttura ġdida biex tkopri xi żvilupp u/jew operat/manutenzjoni ta’ sistemi tal-IT doganali. L-Istati Membri huma kkonċentrati ħafna fuq l-eżekuzzjoni tan-nisġa kumplessa ta’ proġetti previsti fil-KDU u jaraw li ma tantx hemm ċans li se jkun hemm xi bidliet maġġuri fil-mod kif iwettqu l-attivitajiet tagħhom għal dan il-għan. Hemm bżonn ta' aktar ċarezza f’ħafna elementi differenti, li tiġġustifika ħidma ulterjuri dwar id-diliġenza dovuta.

    5.3.Soluzzjonijiet ta’ kollaborazzjoni għall-Istati Membri

    Opzjoni oħra hija li jsir tentattiv biex jiġi ġġenerat impetu ġdid rigward l-idea
    ta’ kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri. Rigward dan, saret riċerka konsiderevoli, u inizjattivi ġodda kemm fil-qasam tad-dwana kif ukoll f'dak tat-tassazzjoni jissuġġerixxu li hemm lok għal valur miżjud ġenwin.

    Is-“soluzzjoni” ta’ kollaborazzjoni hija bbażata fuq l-idea li l-Istati Membri jaġixxu flimkien b'mod kollettiv biex jindirizzaw id-disinn, l-iżvilupp u l-operazzjonijiet tal-komponent mhux tal-Unjoni. Dan jimplika struttura aktar miftuħa u inqas ċentralizzata fil-governanza u l-operat tagħha minn soluzzjoni tat-tip ta’ aġenzija. Dan jimplika wkoll li, fil-biċċa l-kbira, l-ispejjeż jiġu mġarrba mill-Istati Membri direttament u mhux mill-baġit tal-UE, kif għandu jkun il-każ għall-komponenti mhux tal-Unjoni. Dan jissuponi idea ċara dwar fejn il-ħidma li għandha ssir tidħol fl-ekosistema doganali tal-IT. Hawnhekk il-Programm ta’ Ħidma tal-KDU (u l-Pjan Strateġiku Pluriennali – MASP – kif previst fid-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika) jipprovdi qafas.

    L-isfidi ta’ kollaborazzjoni essenzjalment iduru madwar l-iżgurar tal-governanza tal-azzjoni (lil hinn mill-qafas strett fis-seħħ għall-ħidma fuq il-komponenti tal-Unjoni) li tinvolvi lil xi Stati Membri jew l-Istati Membri kollha, li jiġi żgurat li l-kwistjonijiet legali u prattiċi tal-akkwist jiġu indirizzati b’mod adegwat u li jiġu żgurati regoli prattiċi u li jkun intlaħaq qbil fuqhom dwar l-arkitettura tal-IT.

    F’dan l-istadju, il-potenzjal ta’ dan l-approċċ jeħtieġ li jiġi ttestjat b’każ reali. F’dan ir-rigward il-proġett tal-KDU li għaddej bħalissa dwar notifika tal-wasla, in-notifika tal-preżentazzjoni u tal-ħżin temporanju huwa esperiment importanti u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġjah, bl-għarfien espert u bil-finanzjament għal ċerti aspetti amministrattivi meta dan ikun possibbli skont il-programm Dwana 2020. Dan il-proġett, immexxi mill-Belġju, għandu potenzjal reali biex jipprovdi mudell għal aktar proġetti simili kif ukoll biex jipprovdi soluzzjoni aktar kosteffiċjenti lil dawk l-Istati Membri li bħalissa qed ifittxu li jiffinalizzaw is-sistemi nazzjonali tagħhom għall-KDU. Huwa għandu l-potenzjal li jmur lil hinn mill-aspetti tal-iżvilupp u jista’ jibbenefika mill-esperjenza eżistenti fuq proġetti fid-dinja tat-taxxa, li kellha tiffaċċja sfidi simili. Id-Diskussjonijiet fil-Partit ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli fil-Kunsill fil-11 ta’ Ottubru 2017, ibbażati fuq l-output tas-seminar ta’ Tallinn tat-28/29 ta’ Settembru, urew konverġenza ta’ perspettivi dwar l-importanza li jsir progress fuq il-kwisjoni tal-kollaborazzjoni.

    Skont ir-riżultati ta’ din l-esperjenza u dawk l-azzjonijiet simili oħra li għaddejjin bħalissa fil-qasam tat-tassazzjoni, din il-forma ta’ ħidma kooperattiva tista’ fil-fatt tiżviluppa biex tokkupa parti importanti mill-iżvilupp (u f’ċerti każijiet anke forsi operazzjonijiet) ta’ partijiet tal-ekosistema tal-IT doganali. Din tista’ tkun parti minn soluzzjoni “mħallta” li tipprevedi soluzzjonijiet differenti għal partijiet tal-ekosistema tal-IT.

    6.ASPETTI LI GĦANDHOM JIĠU ESPLORATI AKTAR FIL-FOND

    Fil-kuntest tal-ħidma tal-“grupp katalist” se jkunu meħtieġa aktar riflessjonijiet previsti mid-diskussjonijiet fil-Kunsill ta’ Ottubru 2017. Jenħtieġ li dawn ikopru kemm l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tat-tip ta’ “kollaborazzjoni” kif ukoll strutturi innovattivi li jlaqqgħu lill-Istati Membri flimkien, kif ukoll eżami aktar dettaljat tal-użu ta’ strutturi tat-tip ta’ aġenzija aktar tradizzjonali, inklużi sinerġiji ma’ aġenziji eżistenti u inizjattivi futuri. L-għanijiet ta’ livell għoli għall-grupp jenħtieġ li jinkludu tal-anqas dawn li ġejjin:

    ·Żvilupp ulterjuri tal-viżjoni tad-dwana diġitali;

    ·Definizzjoni ta’ relazzjoni ta’ governanza stabbli mal-ħtiġijiet tan-negozju u l-qafas legali relatat sabiex tiġi rikonoxxuta l-isfida tal-eżekuzzjoni tal-IT f’ambjent ta’ politika dinamiku;

    ·Aħseb għall-innovazzjoni teknoloġika fil-proċess tad-deċiżjoni;

    ·Ivvaluta l-interazzjoni usa’ skont l-Aġenda Diġitali ma’ oqsma ta’ politika oħra;

    ·Integra t-tagħlimiet ta’ inizjattivi ta’ “kollaborazzjoni” li għadhom għaddejjin u analizza l-effettività tagħhom;

    ·Ippjana arkitettura tal-IT xierqa;

    ·Stabbilixxi l-mudell(i) ta’ eżekuzzjoni futur(i) abbażi ta’ konsiderazzjonijiet ta’ spejjeż/benefiċċji bil-għan ta’ soluzzjonijiet “imħallta”.

    7.KONKLUŻJONIJIET

    Sa mill-bidu tad-dibattitu mill-Kummissjoni fi tmiem l-2016, seħħet
    diskussjoni wiesgħa ħafna dwar il-futur fuq terminu twil għall-eżekuzzjoni u l-operat tal-IT doganali tal-UE.

    L-isfidi kif ukoll is-suċċessi li kellu l-mudell ta’ eżekuzzjoni attwali tal-IT s’issa huma magħrufa ħafna. Hemm kunsens ċar dwar il-ħtieġa li jkompli jsir użu mill-istrutturi attwali biex jitlesta l-programm ta’ ħidma tal-IT tal-KDU. Fl-istrutturi attwali, huwa possibbli li jsir żvilupp fuq l-inizjattivi ta’ kollaborazzjoni eżistenti sabiex l-Istati Membri interessati jiġu megħjuna jeżegwixxu partijiet mis-sistemi tal-KDU li jeħtieġ li jimplimentaw. Dan huwa qasam fejn l-esperjenzi attwali se jipprovdu input importanti għad-dibattitu dwar il-potenzjal futur u l-iżvilupp tal-kunċett ta’ kollaborazzjoni.

    S’issa sar progress fl-identifikazzjoni ta’ modi potenzjali għal żvilupp u operat tas-sistemi tal-IT doganali aktar effettiv u effiċjenti. Madankollu, jeħtieġ li l-ħidma titwettaq f’konformità mal-approċċ ta’ żewġ binarji li l-approċċ ta’ kollaborazzjoni eżistenti jitkompla u jissaħħaħ kif ukoll li jiġu stabbiliti b’mod aktar ċar mudelli ta’ eżekuzzjoni alternattivi. Ix-xewqa li għandhom l-Istati Membri għal soluzzjonijiet innovattivi f’dan il-qasam ukoll jenħtieġ li tiġi indirizzata. Iż-żewġ binarji, flimkien mal-orjentazzjonijiet ġenerali lejn il-kondiviżjoni tas-servizzi tal-IT u s-soluzzjonijiet bejn is-setturi, jeħtieġ li jiġu inklużi fl-Aġenda Diġitali.

    Minħabba l-kumplessità u n-natura kritika tal-ekosistema tal-IT għall-operazzjonijiet doganali, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, jidher li fin-natura tagħha, kull bidla ewlenija, ikollha tkun evoluzzjonarja u li f’kull każ se jkunu meħtieġa soluzzjonijiet “imħallta” minflok soluzzjoni globali unika. Kif ġie diskuss mal-Istati Membri, il-fażi li jmiss fil-proċess jenħtieġ li tkun il-ħolqien ta’ “grupp katalista” ta’ Stati Membri interessati u l-Kummissjoni sabiex jiġu esplorati l-kwistjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan id-dokumenti kif ukoll bħala segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Novembru 2017. L-għan ta’ dan il-“grupp katalista” jkun li jistabbilixxi xenarju fattibbli għal terminu twil u triq li twassal għal dan, inkluż potenzjalment aktar “proġetti pilota” u xogħol ta’ diliġenza dovuta fuq sinerġiji ma’ atturi oħrajn, kif ukoll analiżijiet legali xierqa u eżerċizzji tal-ispejjeż/benefiċċji.

    L-implikazzjonijiet tal-finanzjament tal-UE ta’ azzjonijiet futuri li jmorru lil hinn mill-pakkett ta’ finanzjament tal-programm Dwana 2020 se jkollhom jitqiesu fil-kuntest tal-preparazzjoni u n-negozjar tal-programm doganali tal-ġenerazzjoni li jmiss.

    Fil-ħidma kollha li għandha ssir se jkun hemm bżonn li titqies l-evoluzzjoni possibbli tal-bażi ġuridika u l-impatt potenzjali tal-Brexit, il-pressjoni dejjem tiżdied sabiex jiġu żgurati soluzzjonijiet trans-settorjali f’termini ta’ interoperabbiltà, kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet u sfruttar ta’ data kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi matul is-snin li ġejjin.



    Anness 1

    Lista ta’ 17-il proġett definiti mill-Programm ta’ Ħidma tal-KDU – Ħarsa ġenerali

    1

    Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati (REX) tal-KDU

    2

    Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) tal-KDU

    3

    Deċiżjonijiet Doganali (CD) tal-KDU

    4

    Immaniġġjar Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali (UUM&DS) tal-KDU

    5

    Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) tal-KDU

    6

    Sistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI 2) tal-KDU

    7

    Sorveljanza 3 tal-KDU

    8

    Prova ta’ Status tal-Unjoni (PoUS) tal-KDU

    9

    Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) tal-KDU

    10

    Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU

    11

    Formoli ta’ Informazzjoni (INF) għal Proċeduri Speċjali tal-KDU

    12

    Proċeduri Speċjali tal-KDU

    13

    Notifika tal-Wasla, Notifika tal-Preżentazzjoni u tal-Ħżin Temporanja tal-KDU

    14

    Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU

    15

    Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (CCI) tal-KDU

    16

    Ġestjoni tal-Garanzija (GUM) tal-KDU

    17

    Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS 2) tal-KDU

    Lista tas-17-il proġett definiti mill-Programm ta’ Ħidma tal-KDU – Deskrizzjonijiet

    1. Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati (REX) tal-KDU

    Il-proġett għandu l-għan li jagħmel disponibbli l-informazzjoni aġġornata dwar Esportaturi Rreġistrati stabbiliti f’pajjiżi tal-GSP li jesportaw merkanzija lejn l-Unjoni. Is-sistema se tkun ukoll sistema trans-Ewropea u se tinkludi wkoll data dwar operaturi ekonomiċi tal-UE bil-għan li tappoġġja l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi tal-GSP. Id-data meħtieġa se tiddaħħal fis-sistema b’mod gradwali sal-31 ta’ Diċembru 2017.

    2. Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) tal-KDU

    Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament tas-sistema trans-Ewropea EBTI-3 u tas-sistema Sorveljanza 2 eżistenti biex jiġi żgurat dan li ġej:

    (a) l-allinjament tas-sistema EBTI-3 mar-rekwiżiti tal-KDU;
    (b) l-estensjoni tad-data tad-dikjarazzjoni mitluba fl-ambitu tas-sorveljanza;
    (c) il-monitoraġġ tal-użu obbligatorju tal-BTI;
    (d) il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż tal-BTI.

    Il-proġett se jiġi implimentat f’żewġ fażijiet.

    L-ewwel fażi, l-ewwel nett, se tipprovdi l-funzjonalità għar-riċeviment tas-sett tad-data tad-dikjarazzjoni meħtieġ tal-KDU (jiġifieri, l-1 fażi) mill-1 ta’ Marzu 2017 b’mod gradwali sal-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fil-punti 10 u 14 hawnhekk (u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020), u t-tieni nett, se tissodisfa l-obbligu tal-kontroll tal-użu tal-BTI abbażi tas-sett tad-data tad-dikjarazzjoni li jkun għadu kif ġie meħtieġ u l-allinjament mal-proċess tad-deċiżjonijiet doganali (jiġifieri, it-2 fażi).

    It-tieni fażi se timplimenta l-formola elettronika tal-applikazzjoni u tad-deċiżjoni tal-BTI u se tipprovdi lill-operaturi ekonomiċi interfaċċa armonizzata għall-kummerċjanti tal-UE biex jissottomettu l-applikazzjoni tal-BTI u jirċievu d-deċiżjoni tal-BTI b’mod elettroniku.

    3. Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU

    Il-proġett għandu l-għan li jarmonizza l-proċessi relatati mal-applikazzjoni għal deċiżjoni doganali, mat-teħid tad-deċiżjonijiet u mal-ġestjoni tad-deċiżjonijiet permezz tal-istandardizzazzjoni u tal-ġestjoni elettronika tad-data tal-applikazzjoni u tad-deċiżjoni/tal-awtorizzazzjoni madwar l-Unjoni. Il-proġett huwa relatat mad-deċiżjonijiet nazzjonali u mad-deċiżjonijiet bejn diversi Stati Membri definiti mill-Kodiċi u jkopri l-komponenti tas-sistema żviluppati b’mod ċentralizzat fil-livell tal-Unjoni kif ukoll l-integrazzjoni mal-komponenti nazzjonali meta l-Istati Membri jkunu għażlu din l-opzjoni. Din is-sistema trans-Ewropea se tiffaċilita l-konsultazzjonijiet matul il-perjodu tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ġestjoni tal-proċess tal-awtorizzazzjonijiet.

    Din is-sistema trans-Ewropea tikkonsisti f’portal għall-kummerċjanti tal-UE, sistema tal-ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali, u sistema ta’ referenza tal-klijenti.

    4. Aċċess dirett tal-kummerċjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Immaniġġjar Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali)

    L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi soluzzjonijiet funzjonabbli għal aċċess dirett u armonizzat għall-kummerċjanti tal-UE bħala servizz biex l-interfaċċi “utent/sistema” jiġu integrati fis-sistemi doganali elettroniċi kif definit fil-proġetti speċifiċi tal-KDU. L-Immaniġġjar Uniformi tal-Utenti u l-Firma Diġitali se jiġi integrat fil-portali tas-sistemi kkonċernati u se jinkludi appoġġ għall-identità, għall-aċċess u għall-immaniġġjar tal-utenti f’konformità mal-politiki tas-sigurtà meħtieġa.

    L-ewwel użu huwa previst flimkien mas-sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU.
    Imbagħad, din is-soluzzjoni teknika għall-awtentifikazzjoni u għall-immaniġġjar tal-utenti se tkun disponibbli għall-użu fi proġetti oħra tal-KDU bħall-BTI tal-KDU, l-aġġornament tal-AEO tal-KDU, is-sistema tal-Prova tal-Istatus tal-Unjoni tal-KDU u potenzjalment ukoll is-sistema tal-Formoli ta’ Informazzjoni (INF, Information Sheets) tal-KDU għal Proċeduri Speċjali tal-KDU. Ara l-proġetti differenti għad-dati tal-użu

    5. Aġġornament tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) tal-KDU

    Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb il-proċessi tan-negozju relatati mal-applikazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet tal-AEO filwaqt li jqis il-bidliet tad-dispożizzjonijiet legali tal-KDU.

    Fl-ewwel fażi, il-proġett għandu l-għan li jimplimenta t-titjib ewlieni fis-sistema tal-AEO fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-proċedura doganali tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    Fit-tieni fażi, il-proġett se jimplimenta l-formola elettronika tal-applikazzjoni u tad-deċiżjoni tal-AEO u jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi b’interfaċċa armonizzata għall-kummerċjanti tal-UE biex jissottomettu l-applikazzjoni tal-AEO u jirċievu d-deċiżjoni tal-AEO b’mod elettroniku.

    6. Aġġornament tas-Sistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI 2) tal-KDU

    Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament minuri lis-sistema EORI trans-Ewropea eżistenti li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u operaturi ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll persuni oħra li mhumiex operaturi ekonomiċi li huma attivi fi kwistjonijiet doganali fl-Unjoni.

    7. Sorveljanza 3 tal-KDU

    Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament lis-sistema tas-Sorveljanza 2+ sabiex jiġi żgurat l-allinjament tagħha mar-rekwiżiti tal-KDU bħall-iskambju standard ta’ informazzjoni b’metodi elettroniċi tal-ipproċessar tad-data u l-istabbiliment tal-funzjonalitajiet adegwati meħtieġa għall-ipproċessar u l-analiżi tas-sett sħiħ tad-data tas-sorveljanza miksub mill-Istati Membri.

    Għaldaqstant dan se jinkludi aktar kapaċitajiet għall-estrazzjoni tad-data u funzjonalitajiet tar-rappurtar li għandhom isiru disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri.

    8. Prova ta’ Status tal-Unjoni (PoUS) tal-KDU

    Il-proġett għandu l-għan li joħloq sistema trans-Ewropea ġdida biex taħżen, timmaniġġja u tirkupra l-Provi elettroniċi tal-Istatus tal-Unjoni li ġejjin: T2L/F u l-manifest doganali tal-merkanzija (maħruġ minn emittent mhux awtorizzat).

    9. Aġġornament tas-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) tal-KDU

    L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jallinja s-sistema NCTS trans-Ewropea eżistenti mar-rekwiżiti l-ġodda tal-KDU bħar-reġistrazzjoni tal-avvenimenti “en route” u bħall-allinjament tal-iskambji tal-informazzjoni mar-rekwiżiti tad-data tal-KDU u l-aġġornament u l-iżvilupp ta’ interfaċċi ma’ sistemi oħra.

    10. Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU

    Dan il-proġett għandu l-għan li jimplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u l-ħruġ.

    Komponent 1 — “AES Trans-Ewropea”:

    L-għan tal-proġett huwa li jiżviluppa aktar is-Sistema ta’ Kontroll tal-Esportazzjoni trans-Ewropea eżistenti sabiex tiġi implimentata AES sħiħa li tkopri r-rekwiżiti tan-negozju għall-proċessi u għad-data li joriġinaw mill-KDU, fost l-oħrajn il-kopertura tal-proċeduri ssimplifikati, kunsinni ta’ ħruġ maqsuma u żdoganar ċentralizzat għall-esportazzjoni. Huwa wkoll previst li jkopri l-iżvilupp ta’ interfaċċi armonizzati bis-Sistema tal-Movimenti ta’ Prodotti Soġġetti għas-Sisa (EMCS) u l-NCTS. L-AES tippermetti l-awtomazzjoni sħiħa tal-proċeduri ta’ esportazzjoni u tal-formalitajiet tal-ħruġ. L-AES tkopri partijiet li għandhom jiġu żviluppati fuq livell ċentrali u nazzjonali.

    Komponent 2 - “Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali ta’ Esportazzjoni”:

    Barra minn hekk, peress li mhumiex parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AES iżda huma marbuta mill-qrib, is-sistemi nazzjonali separati jridu jiġu aġġornati għal elementi nazzjonali speċifiċi relatati mal-formalitajiet tal-esportazzjoni u/jew tal-ħruġ.  Diment li dawn l-elementi ma jkollhom l-ebda impatt fuq il-qasam komuni għall-AES, jistgħu jiġu koperti minn dan il-komponent.

    11. Formoli ta’ Informazzjoni (INF) għal Proċeduri Speċjali tal-KDU

    L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiżviluppa sistema trans-Ewropea ġdida biex tappoġġja u tissimplifika l-proċessi tal-ġestjoni tad-data tal-INF u t-trattament elettroniku tad-data tal-INF fil-qasam tal-Proċeduri Speċjali.

    12. Proċeduri Speċjali tal-KDU

    Dan il-proġett għandu l-għan li jaċċellera, jiffaċilita u jarmonizza l-Proċeduri Speċjali madwar l-Unjoni billi jipprovdi mudelli komuni ta’ proċessi ta’ negozju. Is-sistemi nazzjonali se jimplimentaw il-bidliet tal-KDU kollha meħtieġa għall-ħżin doganali, għall-użu aħħari, għad-dħul temporanju u għall-ipproċessar intern u estern.

    Dan il-proġett se jiġi implimentat f’żewġ partijiet.

    Komponent 1 — “SP EXP Nazzjonali”: l-għoti tas-soluzzjonijiet elettroniċi nazzjonali meħtieġa għall-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni tal-proċeduri speċjali.

    Komponent 2 — “SP IMP Nazzjonali”: l-għoti tas-soluzzjonijiet elettroniċi nazzjonali meħtieġa għall-attivitajiet relatati mal-importazzjoni tal-proċeduri speċjali.

    L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti se ssir permezz tal-proġetti elenkati fil-punti 10 u 14 ta’ dan id-dokument.

    13. Notifika tal-Wasla, Notifika tal-Preżentazzjoni u tal-Ħżin Temporanja tal-KDU

    L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiddefinixxi l-proċessi tan-Notifika tal-Wasla tal-mezz tat-trasport, tal-Preżentazzjoni tal-merkanzija (in-Notifika tal-Preżentazzjoni) u tad-Dikjarazzjoni tal-Ħżin Temporanju kif deskritt fil-KDU u li jappoġġja l-armonizzazzjoni f’dan ir-rigward fost l-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju tad-data bejn il-kummerċ u d-dwana.

    Il-proġett ikopri l-awtomazzjoni tal-proċessi fil-livell nazzjonali.

    14. Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU

    Il-proġett għandu l-għan li jimplimenta r-rekwiżiti kollha tal-proċess u tad-data li jirriżultaw mill-KDU li huma relatati mal-qasam tal-importazzjoni (u li mhumiex koperti minn proġetti oħra definiti fil-Programm ta’ Ħidma). Huwa prinċipalment relatat mal-bidliet fil-proċedura tar-“Rilaxx għal ċirkolazzjoni libera” (proċedura standard + simplifikazzjonijiet), iżda jkopri wkoll l-impatt li jirriżulta minn migrazzjonijiet oħra tas-sistema. Dan il-proġett huwa relatat mal-qasam tal-importazzjoni nazzjonali li jkopri s-sistemi tal-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali nazzjonali kif ukoll sistemi oħra bħal sistemi tal-kontabbiltà nazzjonali u tal-pagament.

    15. Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (CCI) tal-KDU

    Dan il-proġett għandu l-għan li jippermetti li l-merkanzija titqiegħed taħt proċedura doganali bl-użu ta’ żdoganar ċentralizzat, biex b’hekk l-operaturi ekonomiċi jiċċentralizzaw in-negozju tagħhom minn perspettiva doganali. L-ipproċessar tad-dikjarazzjoni doganali u r-rilaxx fiżiku tal-merkanzija jenħtieġ li jiġu kkoordinati bejn l-uffiċċji doganali relatati. Il-proġett jikkonċerna sistema trans-Ewropea li fiha komponenti żviluppati fuq livell ċentrali u nazzjonali.

    16. Ġestjoni tal-Garanzija (GUM) tal-KDU

    Dan il-proġett għandu l-għan li jiżgura l-ġestjoni effettiva u effiċjenti tat-tipi differenti ta’ garanziji.

    Komponent 1 – “GUM”: Dan il-proġett għandu l-għan li jkopri l-ġestjoni tal-garanziji komprensivi li jistgħu jintużaw f’iżjed minn Stat Membru wieħed u l-monitoraġġ tal-ammont ta’ referenza għal kull dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni supplimentari jew informazzjoni xierqa tad-dettalji meħtieġa għad-dħul fil-kontijiet għad-djun doganali eżistenti għall-proċeduri doganali kollha kif previst fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, minbarra t-Tranżitu li huwa trattat bħala parti mill-proġett tal-NCTS.

    Komponent 2 – “Ġestjoni tal-Garanzija Nazzjonali”: Barra minn hekk, is-sistemi elettroniċi eżistenti fil-livell nazzjonali għall-ġestjoni tal-garanziji validi fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu aġġornati.

    17. Aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS 2) tal-KDU

    L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jsaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista għall-mezzi kollha tat-trasport u speċjalment il-merkanzija bl-ajru, permezz ta’ titjib tal-kwalità tad-data, tal-arkivjar tad-data, tad-disponibbiltà tad-data u tal-qsim tad-data rigward id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-informazzjoni relatata tar-riskju u tal-kontroll (ċiklu tal-ħajja tal-ENS+).

    Il-proġett se jiffaċilita l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-proċess tal-analiżi tar-riskju. Dan se jwassal għal arkitettura kompletament ġdida tas-sistema ICS trans-Ewropea eżistenti.

    Anness 2

    Nota: Iċ-ċifri tal-perċentwal tal-KDU li saru jikkonċernaw biss il-ħidma li għandha titwettaq mill-Kummissjoni, u mhux il-ħidma li għandha titwettaq mill-Istati Membri.

    (1)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Żvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha, COM(2016) 813 final

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 (ĠU L 269, 10.10.2013, p.1)

    (3)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iżvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha, 7585/1/17 UD 82 ENFOCUSTOM 83

    (4)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Finanzjament Doganali, 7586/17 UD 83 ENFOCUSTOM 84

    (5)

    Id-Dokumenti dwar il-Politika Kummerċjali tal-OECD 21, 42, 118, 144 u 150 u 157 u Djankov, Simeon; Freund, Caroline & Pham, Cong S.: “Trading on Time”, World Bank / Doing Business, (2006 u 2008) : Rapport (2008, modifikat fl-2010)

    (6)

    Hummels, David (2001). Time as a Trade Barrier, Dokument ta’ Ħidma. L-Università ta’ Purdue, l-Istati Uniti tal-Amerka

    (7)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta’ April 2016 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99 15.4.2016 p. 6), li tissostitwixxi l-verżjoni preċedenti tal-Programm ta’ Ħidma stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2014/255 tad-29 ta’ April 2014 (ĠU L 134 7.5.2014, p. 46-53)

    (8)

    Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21).

    (9)

    L-Anness 1 jipprovdi l-lista ta’ sistemi tal-IT tal-Programm ta’ ħidma tal-KDU.

    (10)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Dwana 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjoni 624/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 209)

    (11)

    Barra minn hekk, il-finanzjament parzjalment isir mis-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS)

    (12)

    Aġenda Diġitali għall-Ewropa COM(2010)245 final 19.05.2010 u korriġendum tas-26.08.2010

    (13)

    Il-Qafas Strateġiku għar-realizzazzjoni kollaborattiva tas-Sistemi tal-IT Doganali tal-UE: Marzu 2014

    (14)

    COM (2018)39 final, 22.01.2018

    (15)

    Ara l-aġenda tal-laqgħa tal-ECOFIN tas-7 ta’ Novembru 2017 Nru 13623/17 u Nota Nru 13556/17 UD 240 tal-Partita A fir-rigward tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill.

    (16)

    Ara r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19).

    (17)

    L-OLAF diġà qed jopera sistemi tal-IT doganali pan-Ewropej, li jappoġġjaw lil awtoritajiet Doganali fil-ħidma tagħhom biex jiġġieldu l-frodi fil-qasam tad-dwana. Madankollu, l-OLAF la għandu l-mandat u lanqas ir-riżorsi biex jopera f’sistemi tal-IT fuq skala kbira barra miż-żona tal-frodi.

    Top