Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0172

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Effetti tar-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE fuq iċ-Ċiklu Ekonomiku

    COM/2018/0172 final

    Brussell, 9.4.2018

    COM(2018) 172 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-Effetti tar-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE fuq iċ-Ċiklu Ekonomiku

    {SWD(2018) 89 final}


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-Effetti tar-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE fuq iċ-Ċiklu Ekonomiku

    1.    Introduzzjoni

    1.L-Artikolu 502 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina perjodikament jekk ir-rekwiżiti regolatorji sensittivi għar-riskju, kif stabbiliti f’dak ir-Regolament u fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , joħolqux effetti proċikliċi mhux intenzjonati billi jirrinforzaw ir-relazzjoni endoġena bejn is-sistema finanzjarja u l-ekonomija reali, u b’hekk jamplifikaw iċ-ċiklu ekonomiku reali.

    2.Il-Kummissjoni hija meħtieġa li tissottometti proposta għal kwalunkwe miżuri korrettivi li jkunu xierqa, jekk ikun il-każ li jinstabu tali effetti proċikliċi. Għaldaqstant, l-għan speċifiku ta’ dan ir-rapport huwa li janalizza jekk hemmx evidenza li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE jikkontribwixxu għal xi effetti proċikliċi ta’ rekwiżiti tal-proporzjon kapitali.

    3.Il-Kummissjoni fl-imgħoddi ħejjiet rapporti simili dwar il-proċikliċità tar-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali fl-2010 u l-2012 3 . Dan ir-rapport, it-tielet wieħed, huwa l-ewwel wieħed taħt ir-Regolament (UE) 575/2013. It-tielet rapport jislet minn rapport dedikat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), li jinkludi kontribuzzjonijiet mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet mill-Istati Membri tal-UE 4 . Hu jkompli jibni fuq eżami usa’ tal-letteratura.

    4.Hemm kunsens wiesa’ fost ir-regolaturi u l-akkademiċi li s-sistema finanzjarja hija intrinsikament instabbli u soġġetta għar-riskji li jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi gravi għall-ekonomija reali ladarba jimmaterjalizzaw. Dan tixhdu l-istorja. U l-kriżi finanzjarja globali, li faqqgħet deċennju ilu, dan fakkritulna bl-iktar mod ċar. Biex jikkumbattu dik l-instabbiltà finanzjarja, ir-regolamentazzjoni finanzjarja u l-politika makroprudenzjali għandhom l-għan li jillimitaw ir-riskju sistemiku. Bit-tagħlimiet mill-kriżi friski f’moħħna, l-iżgurar ta’ livelli għoljin ta’ kapital, partikolarment għall-banek, ġeneralment jitqies li jnaqqas il-probabbiltà ta’ kriżijiet finanzjarji sistemiċi u l-kost tagħhom jekk dawn iseħħu.

    5.Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali biex ikun żgurat li jkun hemm biżżejjed kapital jistgħu minnhom infushom isiru sors ta’ instabbiltà, minħabba li l-approċċ abbażi tar-riskju li jinsab fir-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE jimplika li r-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali isiru iktar laxki fi żmien ta’ titjib u iktar stretti fi żmien ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Tali proċikliċità tar-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali hija esternalità potenzjali ewlenija tas-sistema finanzjarja, li tista’ toħloq riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għaldaqstant hija ta’ tħassib għar-regolaturi.

    6.Dan ir-rapport jeżamina jekk ir-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali humiex proċikliċi u jekk huma, jekk għandhomx impatt fuq il-livell ta’ kapital li l-banek fil-fatt iżommu jew ikunu jixtiequ li jżommu.

    2.    Metodoloġija

    7.Il-kwistjoni tal-proċikliċità tar-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali hija qabelxejn waħda empirika. Stħarriġ reċenti tal-letteratura juri evidenza limitata u pjuttost inkonklużiva dwar l-impatt fit-tul tal-bidliet fir-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali fuq il-livell jew ir-rata ta’ tkabbir tas-self mill-banek, minkejja li l-impatti negattivi fil-qosor huma ddokumentati. Biex jitfa’ iktar dawl fuq il-kwistjoni, ir-rapport tal-ABE jeżamina l-evidenza għall-Unjoni dwar l-impatt proċikliku ta’ regolamentazzjoni reċenti fuq ir-rekwiżiti tal-proporzjon ta’ kapital fuq il-banek. Ir-rapport tal-ABE juża informazzjoni disponibbli minn sorsi pubbliċi kif ukoll data ddedikata miġbura minn Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti. L-evidenza empirika eżaminata tkopri evidenza aggregata u fuq livell mikro ta’ jekk ir-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali ta’ bank jirriflettux l-iżvilupp taċ-ċiklu kummerċjali ġenerali kif ukoll analiżijiet ta’ rigressjoni.

    8.Id-data użata mill-ABE tkopri l-iktar il-perjodu bejn l-2008 u l-2015, li jinkludi l-kriżi finanzjarja globali u l-effetti tagħha. Barra mill-istatistiki aggregati u d-data mill-istħarriġ, l-ABE toqgħod fuq kampjun ta’ 144 bank individwali attivi fi 13-il pajjiż tal-Unjoni u ż-ŻEE u li jirrappreżentaw madwar 95 % tal-assi totali tas-settur bankarju tal-Unjoni. Il-kampjun jinkludi banek bi skali ta’ operat differenti, li jmorru minn banek sistemiċi internazzjonali għal oħrajn li għandhom attività domestika biss. Ikopri banek li għandhom mudelli kummerċjali differenti, inklużi banek għall-konsumaturi u dawk kummerċjali, banek universali, kif ukoll banek li għandhom attivitajiet iktar speċjalizzati, bħall-ħruġ ta’ bonds koperti jew banek tal-investiment.

    3.    Sejbiet ewlenin

    9.Il-livelli tal-proporzjon kapitali fis-settur bankarju tal-Unjoni żdiedu sew mindu l-ewwel li ġew introdotti r-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali sensittivi għar-riskju. Iż-żieda aċċellerat mill-2014 bl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali stabbiliti fir-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE. Iż-żieda sinifikanti fil-kapital ġiet motivata b’mod partikolari minn żieda fir-rekwiżiti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, iktar milli miċ-ċikliċità tal-parametri tar-riskju bbażati fuq il-klassifikar intern sottostanti, b’mod partikolari l-probabbiltà tal-inadempjenza u t-telf fil-każ ta’ inadempjenza. Dawn il-parametri tar-riskju baqgħu relattivament stabbli tul il-perjodu tal-kampjun li jkopri tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Din l-istabbiltà tista’ tiġi mir-rikonfigurazzjoni attiva tal-portafolli tal-banek. Kollox ma’ kollox, il-livelli tal-proporzjon kapitali żdiedu b’rata iktar mgħaġġla mill-proporzjonijiet minimi regolatorji li jistgħu jirriflettu preferenza min-naħa tal-banek għal iktar spazju għall-immanuvrar fil-bafers kapitali tagħhom f’perjodu ta’ inċertezza.

    10.B’kuntrast għaż-żieda fil-bafers kapitali mandatorji u ġenerali, il-proporzjonijiet ta’ assi ponderati għar-riskju totali tal-banek Ewropej niżlu mill-2008 ’l hemm, bi rkupru modest mill-2014 ’l hawn. Il-portafolli tas-self irriflettew din ix-xejra. B’mod partikolari, is-self minn banek ibbażati fiż-żona tal-euro lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji naqsu fiż-żmien ta’ wara l-kriżi finanzjarja globali minħabba li d-domanda aggregata dgħajfa kellha effett fuq id-domanda għall-kreditu. L-irkupru beda jiġi rreġistrat biss lejn tmiem il-perjodu tal-kampjunar. Iż-żieda fl-assi ponderati għar-riskju kienet ikbar mill-waqgħa fl-iskoperturi kif iddefiniti għall-proporzjon ta' ingranaġġ, li tissuġġerixxi riekwilibriju tal-portafolli tal-banek. L-iżvilupp ta’ skoperturi ponderati għar-riskju kien l-iktar dovut għax-xejriet fir-riskju ta’ kreditu, l-iktar sottokategorija importanti.

    11.Bosta speċifikazzjonijiet tar-rigressjoni alternattivi jikkonfermaw li huma l-bidliet fl-iskoperturi, b’mod partikolari l-iskopertura fl-inadempjenza, u mhux il-bidliet fil-parametri tar-riskju, li mmotivaw ix-xejriet ċikliċi osservati fil-kapital bankarju. Filwaqt li hemm xi effett proċikliku limitat tal-makroekonomija fuq il-varjabbli bankarji, partikolarment fuq il-kapital minimu meħtieġ, m’hemmx differenza ċara bejn l-approċċi bbażati fuq ir-riskju u dawk standardizzati f’dan ir-rigward. Dawn ir-riżultati huma ġeneralment appoġġati wkoll minn analiżi fil-livell tal-portafoll u minn stħarriġ dwar is-self mill-banek.

    12.Jidher li mill-2008 ’l hawn, kienu l-effetti relatati mal-kriżi, iktar milli l-bidliet fir-rekwiżiti kapitali, li kienu l-forza ewlenija li sawret il-provvista tal-kreditu bankarju fi snin riċenti. Hemm xi evidenza ta’ qasma strutturali fir-reġim regolatorju dovuta għat-tranżizzjoni għall-qafas Basel III impost permezz tar-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE li affettwat l-interazzjoni bejn il-kapital bankarju, il-kreditu,, u l-ekonomija reali. Madankollu, huwa diffiċli li tiddistingwi l-effetti ta’ kambjament fil-livelli minn impatt potenzjali proċikliku iktar fit-tul tar-rekwiżiti regolatorji introdotti bir-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE.

    13.Ir-riżultati mill-analiżijiet empiriċi jridu jiġu ttrattati bil-kawtela dovuta. Dan huwa parzjalment dovut għad-daqs limitat tal-kampjun u n-nuqqas ta’ diżaggregazzjonijiet dettaljati tad-data. Barra minn hekk, il-perjodu mindu r-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE ġew introdotti kien qasir meta mqabbel mad-durata tipika ta’ ċiklu finanzjarju. Il-perjodu eżaminat kien ikkaratterizzat minn varjazzjonijiet qawwija fl-attività reali, telf finanzjarju sostanzjali kkawżat mill-kriżi, injezzjonijiet pubbliċi ta’ kapital u kampanja regolatorja qawwija biex jiżdiedu l-bafers kapitali, li kkulminat fit-tranżizzjoni għal rekwiżit kapitali minimu konformi ma’ Basel III, li mistennija titlesta sal-2019.

    14.Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan id-dokument jagħti sejbiet empiriċi iktar dettaljati. Kollox ma’ kollox, l-evidenza disponibbli ma turix impatt proċikliku mdaqqas tal-qafas regolatorju stipulat fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE.

    4.    Miżuri biex tiġi indirizzata l-proċikliċità

    15.Ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE jinkorporaw għadd ta’ miżuri li għandhom l-għan li jimmitigaw il-proċikliċità fis-self bankarju, inklużi rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali ogħla, riżervi kontroċikliċi u ta’ konservazzjoni tal-kapital, l-introduzzjoni ta’ proporzjon ta' ingranaġġ, u inqas dipendenza fuq l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għal rekwiżiti prudenzjali u testijiet tal-istress. Fit-23 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda r-regolamenti ta’ rekwiżit ta' kapital billi tinkorpora l-elementi li fadal tal-qafas regolatorju miftiehem fi ħdan il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) 5 . Fl-20 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat proposta dwar ir-rieżami tas-sistema tal-Unjoni ta’ superviżjoni finanzjarja, b'għadd ta’ titjib immirat ulterjuri propost. Il-Kummissjoni kienet favur aġġustamenti mmirati fil-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u l-koordinazzjoni tiegħu mal-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni 6 . Xi wħud mill-miżuri ewlenin immirati biex jimmitigaw il-proċikliċità huma mqassra hawn taħt.

    4.1    L-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali stipulati fir-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE

    16.Minħabba li t-tnaqqis fl-ingranaġġ f’banek internazzjonali b’reazzjoni għar-rekwiżiti regolatorji stabbiliti mis-superviżuri nazzjonali jista’ jsir barra mill-ġuriżdizzjonijiet domestiċi, l-implimentazzjoni sħiħa tal-ġabra unika tar-regoli għandha tnaqqas l-arbitraġġ regolatorju. B’mod partikolari, dan jista’ jimmitiga l-effetti proċikliċi tad-delimitazzjoni tal-kapital u t-tnaqqis assimetriku tal-ingranaġġ fil-“pajjiżi ospitanti”, jiġifieri tnaqqis tal-kreditu eċċessiv minn banek attivi internazzjonalment f’pajjiżi barra mill-ġurisdizzjoni domestika tagħhom. Dan huwa appoġġat mill-pilastri differenti tal-Unjoni Bankarja, li tinkludi dispożizzjonijiet komuni ta’ riżoluzzjoni u ta’ assigurazzjoni ta' depożitu.

    4.2    Riżerva ta' Konservazzjoni ta' Kapital u Riżerva ta’ Kapital Kontroċiklika

    17.Rispons ewlieni regolatorju għall-proċikliċità perċeputa tas-self mill-banek huwa l-introduzzjoni ta’ Riżerva ta' Konservazzjoni ta' Kapital u Riżerva ta’ Kapital Kontroċiklika. Dawn ir-riżervi ulterjuri, mibnija matul żminijiet ekonomiċi tajbin, jistgħu jiġu rilaxxati f’perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku biex jippermettu lill-banek jassorbu t-telf tagħhom b’mod ikkontrollat li ma jwassalx għal żidiet għaljin fil-prezz tal-kreditu, li jistgħu jaggravaw ir-reċessjoni. Għandhom jimmitigaw kemm in-nuqqas ta’ rispons eżistenti tar-rekwiżiti regolatorji għall-akkumulazzjoni tar-riskju fil-livell makro kif ukoll iċ-ċikliċità tagħhom. Billi d-dinamiċi jistgħu jkunu differenti ħafna madwar swieq differenti, ir-riżervi jiġu ddeterminati fuq il-bażi tas-suq nazzjonali. Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku żviluppa gwida komuni biex jiġu stabbiliti r-rati tar-riżervi kontroċikliċi tal-kapital 7 .

    18.Minħabba li ħafna Stati Membri għadhom qed jirkupraw mix-xokk reċessjonarju tal-kriżi finanzjarja globali, ftit huma l-pajjiżi li fihom ir-rata tar-riżerva kontroċiklika tal-kapital taqbeż iz-zero fil-mija bħalissa. B’mod simili, ir-Riżervi Ta' Konservazzjoni Ta' Kapital inbnew, iżda sa issa għad m’hemmx esperjenza bir-rilaxx ta' dawn ir-riżervi. Barra minn hekk, fir-rigward tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja marbutin, pereżempju, mal-proprjetà immobbli, ir-Riżerva Kontroċiklika ta’ Kapital taffettwa l-iskoperturi korporattivi u fil-livell tal-konsumatur kollha, u bħalissa ma tistax tiġi mmirata għal skoperturi settorjali. Bħalissa għaddejjin riflessjonijiet f’Basel u fl-Unjoni dwar il-merti tal-introduzzjoni ta’ riżervi speċifiċi għas-setturi biex jindirizzaw in-natura ċiklika ta’ xi riskji speċifiċi u biex tiġi evitata xi ftit mill-predispożizzjoni għall-inazzjoni intrinsika fl-ambitu wiesa’ tar-Riżerva Kontroċiklika ta’ Kapital.

    4.3    Piżijiet tar-riskju għal skoperturi speċifiċi u miżuri superviżorji oħrajn

    19.Ir-regoli attwali jipprevedu miżuri makroprudenzjali speċifiċi biex jagħmlu tajjeb għal riskji minn skoperturi speċifiċi, bħall-proprjetà immobbli. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ rekwiżiti dwar il-piżijiet tar-riskju. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 124 tar-Regolament (UE) 575/2013 l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistipulaw piż tar-riskju ogħla jew kriterji iktar stretti fuq skoperturi garantiti mill-proprjetà immobbli abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-istabbiltà finanzjarja. B’mod simili, l-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jistipulaw valuri minimi ogħla għat-telf fil-każ ta’ inadempjenza ponderata għall-iskoperturi għal skoperturi garantiti minn proprjetà immobbli fit-territorju tagħhom abbażi ta’ konsiderazzjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja. L-Artikolu 458 tar-Regolament (UE) 575/2013 jippermetti lill-awtoritajiet jaġġustaw il-piż tar-riskju biex ikollhom fil-mira l-prezzijiet artifiċjali tal-assi fis-settur tal-proprjetà residenzjali jew kummerċjali, jew biex jieħdu miżuri bħall-aġġustament tal-livell tal-fondi proprji jew il-livell tar-Riżerva ta' Konservazzjoni ta' Kapital, b’effett fuq il-bażi kapitali tal-banek.

    20.Il-qafas regolatorju tal-UE fih ukoll miżuri biex jimmitigaw l-impatt ta’ riskji ċikliċi fuq il-banek. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet fl-Artikoli 181 u 182 tar-Regolament (UE) 575/2013 dwar il-parametri tar-riskju assoċjati mal-gradi tal-klassifikazzjonijiet jew il-puli, li jirrikjedu lill-banek jużaw stimi li huma xierqa għal meta jkun hemm tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jekk dawn ikunu iktar konservattivi mill-medja fuq tul ta’ żmien. Huwa rrakkomandat lill-banek li jużaw mudelli ta’ klassifikar intern biex jadottaw approċċ abbażi taċ-ċiklu kollu huma u jikkalkulaw ir-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali għar-riskju tal-kreditu. Barra minn hekk, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jqisu riskji ċikliċi għal rekwiżiti tal-proporzjon kapitali tat-tieni pilastru speċifiċi għall-istituzzjoni.

    21.Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti regolatorji oħrajn għandha influwenza fuq il-livelli kapitali obbligatorji, pereżempju, l-istandards tal-portafoll bankarju (IRRBB) u l-istandards kontabilistiċi IFRS 9. Il-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji tal-UE jista’ jkollu impatt fuq ir-rekwiżiti kapitali kif għandhom ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni u r-rekwiżiti ta’ assorbiment tat-telf bħar-Rekwiżit Minimu għal Fondi Proprji u Obbligazzjonijiet Eliġibbli (MREL) u l-livelli limitu ta’ kapaċità tal-assorbiment tat-telf għal banek globali ta' importanza sistemika.

    4.4    Proporzjon ta' Ingranaġġ

    22.Il-Proporzjon ta' Ingranaġġ huwa rekwiżit kapitali addizzjonali mhux ibbażat fuq ir-riskju kkonċeput biex jissupplementa r-rekwiżiti ta’ proporzjon ta’ kapital ibbażat fuq ir-riskju. Fl-Unjoni, il-Proporzjon ta' Ingranaġġ qed jiġi implimentat konformi mar-rekwiżiti ta’ Basel III, li jfisser li l-Proporzjon ta' Ingranaġġ jiġi kkalkulat billi l-kapital tal-Grad 1 jiġi diviż bl-assi konsolidati totali medji tal-bank (is-somma tal-iskoperturi tal-assi u l-entrati li mhumiex fuq il-karta tal-bilanċi kollha), u l-banek huma mistennija li jkollhom proporzjon ta' ingranaġġ ta’ aktar minn 3 %. Dan jgħin biex jiġi limitat l-għoti ta' self bankarju eċċessiv matul il-perjodu ta’ ritmu ekonomiku tajjeb meta l-banek ikollhom momentum biex jespandu l-karti tal-bilanċ mingħajr żieda xierqa fil-kapital.

    23.Il-letteratura, kemm dik teoretika kif ukoll dik empirika, tissottolinja l-konnessjoni li hemm bejn l-ingranaġġ proċikliku u l-instabbiltà finanzjarja. Empirikament, l-ingranaġġ tas-settur bankarju kien proċikliku fil-livell aggregat fl-Istati Membri kważi kollha, li kellu tendenza li jaqa’ fi żminijiet ta’ żieda fil-kreditu, u li jitla’ fi żminijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Limitu statiku tal-proporzjon ta’ ingranaġġ għalhekk jindirizza l-proċikliċità tal-ingranaġġ bankarju matul perijodu ta’ iktar attività. Barra minn hekk, dan ikun jopera bħala miżura ta’ garanzija ta’ kontinġenza għall-proċikliċità tar-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali ponderati għar-riskju. Tabilħaqq, dan jiżgura li l-kapital jiċċaqlaq proporzjonalment mal-iskopertura totali, filwaqt li piżijiet tar-riskju aggregati u rekwiżiti ta' kapital ponderati għar-riskju jistgħu jvarjaw maż-żmien, skont il-fażijiet differenti taċ-ċiklu.

    4.5    Klassifikazzjonijiet tal-kreditu

    24.Il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, miksubin minn aġenziji speċifiċi li jiggradaw il-kreditu jew mudelli tal-klassifikazzjoni interna, ukoll għandhom rwol importanti fid-determinazzjoni tal-livell ta’ proporzjon kapitali reali tal-banek. Il-klassifikazzjonijiet esterni huma korrelatati mill-qrib maċ-ċiklu ekonomiku, li jimplika li r-rekwiżiti tal-kapital marbuta ma’ dawn ukoll se jsegwu xejra ċiklika ċara, tal-anqas fil-livell ta’ skoperturi individwali. Fid-dawl ta’ dan, ir-Regolament (UE) 575/2013 iħeġġeġ l-użu ta’ klassifikazzjonijiet interni u jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet ta’ kif jistgħu jintużaw il-klassifikazzjonijiet esterni. Għal banek li jużaw approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni, dan jeħtieġ kapaċità ta’ valutazzjoni tar-riskju indipendenti u joħloq inċentivi biex ir-riskju ta' kreditu jiġi ġestit aħjar. Approċċ abbażi taċ-ċiklu kollu jista’ jgħin biex itaffi l-impatt fuq ir-rekwiżiti tal-proporzjon tal-kapital.

    4.6    Testijiet tal-istress

    25.Test tal-istress jista’ jitqies bħala strument ieħor, anki jekk indirett, biex jgħin biex jiġu evitati reazzjonijiet proċikliċi indebiti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jilħqu r-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali tul perjodi ta’ stress finanzjarju. Wara l-kriżi, intużaw minnufih testijiet tal-istress mikroprudenzjali biex jivvalutaw il-ħtiġijiet kapitali tal-banek individwali. Testijiet tal-istress bħal dawn huma utli biex jinfurmaw dwar kif jistgħu jiġu stabbiliti r-riżervi, ukoll aktar mir-rekwiżiti minimi. Il-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji tal-UE jippermetti li r-riżultati tat-testijiet tal-istress jintużaw biex jitfasslu miżuri superviżorji, inklużi rekwiżiti tal-proporzjon tal-kapital.

    5.    Konklużjoni

    26.Filwaqt li l-letteratura tagħraf li impetu proċikliku mir-rekwiżiti ta’ proporzjon kapitali jista’ jkun sors ta’ riskju, l-evidenza empirika mhijiex konklużiva fir-rigward tas-saħħa tiegħu għall-banek fl-Unjoni. Ma hemmx evidenza ta’ predispożizzjoni qawwija proċiklika tal-qafas attwali li taffettwa s-settur mhux finanzjarju tal-ekonomija. Ir-riżultat jista’ jkun motivat mill-fatt li d-data disponibbli ma tkoprix ċiklu sħiħ, min-nuqqas ta’ data iktar granulari li tkun tippermetti d-distinzjoni tal-imġiba ta’ tipi differenti ta’ banek biex jikkontrollaw għall-effetti ta’ riekwilibriju tal-portafolli, id-diffikultà li jiġu separati l-effetti tad-domanda u l-provvista tas-self, u d-diffikultà li l-impatt ta’ riformi ta’ wara l-kriżi u miżuri politiċi straordinarji oħrajn jiġu separati.

    27.Fl-isfond tal-evidenza dgħajfa dwar l-eżistenza ta’ effetti proċikliċi dovuti għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) 575/2013, f’dan l-istadju għad ma hemmx raġuni biex jiġu proposti modifiki sinifikanti għall-qafas regolatorju prevalenti għall-kapital bankarju. Il-proporzjonijiet kapitali ogħla miksuba fis-snin riċenti jimplikaw li l-impatt proċikliku ta’ telfa jkun iktar dgħajjef. Il-qafas regolatorju finanzjarju tal-Unjoni diġà jinkludi bosta għodod biex jindirizzaw l-effetti proċikliċi. Dawn jinkludu r-riżerva ta' konservazzjoni ta' kapital, il-kapital ta' lqugħ kontroċikliku, il-proporzjon ta' ingranaġġ, l-aġġustamenti għall-ippeżar tar-riskju għal skoperturi speċifiċi u miżuri superviżorji oħrajn.

    28.Aktar ’il quddiem, l-impatt tar-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali regolatorju tal-Unjoni fuq iċ-ċiklu ekonomiku jenħtieġ li jiġi mmonitorjat regolarment u l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza potenzjali ta’ strumenti kontroċikliċi għandhom jiġu analizzati iktar. Se jkun importanti li tinġabar evidenza fuq bażi kontinwa ta’ kull predispożizzjoni proċiklika li tinbet mit-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-proporzjon kapitali. Il-proposti konkreti biex l-arranġament attwali jinbidel għandhom ikunu bbażati fuq id-disponibbiltà ta’ tali evidenza.

    (1)      Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
    (2)      Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
    (3)      SEC(2010)754, COM (2012) 400.
    (4)      Rapport tal-ABE skont l-Artikolu 502 CRR, maħruġ fit-22 ta’ Diċembru 2016 (EBA-Op-2016-24): https://www.eba.europa.eu/documents/10180/1701905/Report+on+the+Cyclicality+of+Capital+Requirements+%28EBA-Op-2016-24%29.pdf
    (5)       http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3840_en.htm .
    (6)       http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-17-3322_en.htm .
    (7)       Ir-Rakkomandazzjoni (ESRB/2014/1) .
    Top