EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0132

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

COM/2018/0132 final - 2018/059 (NLE)

Strasburgu, 13.3.2018

COM(2018) 132 final

2018/0059(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

{SWD(2018) 70 final}
{SWD(2018) 71 final}
{SWD(2018) 79 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-offerta ta’ aċċess għall-protezzjoni soċjali hija kruċjali għas-sikurezza ekonomika u soċjali tal-forza tax-xogħol u t-tħaddim kif jixraq tas-swieq tax-xogħol li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. Madankollu, hemm għadd li kulma jmur qed jikber ta’ nies li, minħabba t-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg tagħhom jew l-għamla ta’ impjieg għal rashom, jisfaw mingħajr aċċess suffiċjenti għall-protezzjoni soċjali.

Il-protezzjoni soċjali tista’ tingħata permezz ta’ benefiċċji in natura jew fi flus. Ġeneralment tiġi pprovduta permezz ta’ skemi tal-assistenza soċjali li jipproteġu l-individwi kollha (abbażi taċ-ċittadinanza/ir-residenza tagħhom u li tiġi ffinanzjata permezz tat-tassazzjoni ġenerali) u permezz ta’ skemi tas-sigurtà soċjali li jipproteġu n-nies fis-suq tax-xogħol, spiss abbażi ta’ kontributi relatati mal-introjtu minn xogħolhom. Is-sigurtà soċjali tinkludi bosta oqsma, li jkopru firxa ta’ riskji soċjali li jvarjaw mill-qgħad sal-mard jew i x-xjuħija.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 1  ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'Novembru 2017, iffissa 20 prinċipju u drittijiet li jsostnu swieq tax-xogħol u sistemi tal-welfare ġusti u li jiffunzjonaw sew. Il-Prinċipju 12 tal-Pilastru jistqarr b’mod partikolari li “irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema, u f’ċerti kundizzjonijiet simili, il-ħaddiema għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata”. Din l-inizjattiva għandha l-mira li timplimenta dan il-prinċipju filwaqt li tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji l-oħrajn fil-Pilastru bħall-prinċipji dwar “impjieg sigur u adattabbli”, “benefiċċji għall-qgħad”, “aċċess għall-kura tas-saħħa” u “l-introjtu u l-pensjoni tal-irtirar”. Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għall-oqsma tal-protezzjoni soċjali li huma l-eqreb għall-istatus tas-suq tax-xogħol jew it-tip tar-relazzjoni tal-impjieg u li l-aktar jiżguraw il-protezzjoni minn telf tal-introjtu relatat max-xogħol f’każ tal-okkorrenza ta’ ċertu riskju.

Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tal-welfare huma differenti fl-UE u jirriflettu tradizzjonijiet, preferenzi politiċi u baġits nazzjonali differenti. Madankollu, ilkoll qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi simili trasformattivi. Fi kliem ieħor, fl-imgħoddi, ir-relazzjonijiet tal-impjiegi kienu l-aktar karatterizzati minn kuntratti full-time bla skadenza bejn ħaddiem u impjegatur wieħed. Tul dawn l-aħħar għoxrin sena, madankollu, il-globalizzazzjoni, it-teknoloġija, bidliet fil-preferenzi individwali u bidliet demografiċi kkontribwew għal bidliet importanti fis-swieq tax-xogħol. Dawn wasslu għat-tkabbir f’forom ta’ impjiegi li mhumiex kuntratti full-time jew bla skadenza bħax-xogħol temporanju, ix-xogħol part-time, u l-impjieg każwali. Dawn il-forom ta’ impjiegi qed jipprovdu aktar flessibbiltà għall-kumpaniji biex jaġġustaw il-provvista tax-xogħol mal-ħtiġijiet tan-negozju tagħhom u għall-ħaddiema biex jaġġustaw ix-xejriet ta’ xogħolhom b’mod li jaqbel mal-preferenzi personali. Il-karrieri wkoll saru anqas lineari, b’nies li saru aktar spiss jimxu bejn statuses tas-suq tax-xogħol u/jew jikkombinaw impjieg b’salarju ma impjieg għal rashom.

Aktar riċenti, id-diġitalizzazzjoni kompliet iżżid ferm aktar il-pass tal-bidla. Il-kumpaniji u n-negozji jeħtiġilhom jadattaw aktar malajr l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom għal swieq differenti, biex jimplimentaw ċikli ta’ prodotti ġodda u attivitajiet staġjonali, u jiffaċċjaw b’mod effiċjenti l-fluttwazzjonijiet fil-volumi u l-flussi tan-negozju. F’bosta ċirkustanzi, forom ġodda ta’ impjiegi u kuntratti, bħax-xogħol skont id-domanda, ix-xogħol bil-kupuni, u x-xogħol intermittenti, qed jiġu ffavoriti min-negozji sabiex jirrispondu għal dawn il-ħtiġijiet. Forom ġodda oħra ta’ impjiegi indipendenti jew impjiegi bħal xogħol fuq pjattaforma qegħdin ukoll joħolqu opportunitajiet ġodda biex in-nies jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol jew sabiex jissupplimentaw l-introjtu mill-impjieg ewlieni tagħhom.

Bl-istess mod, u għal raġunijiet simili, ix-xogħol għal ras dak li jkun evolva tul dawn l-aħħar għoxrin sena fl-UE. B’mod importanti, il-bidliet strutturali fis-swieq tax-xogħol sfumaw il-konfini bejn l-istatuses tas-swieq tax-xogħol. Flimkien mal-“intraprendituri” tradizzjonali u l-professjonijiet liberi, l-istatus ta’ wieħed li jaħdem għal rasu qed jintuża b’mod aktar estensiv, f’xi każijiet meta saħansitra fil-fatt teżisti relazzjoni ta’ impjieg subordinat.

Hekk kif qed tevolvi d-dinja tax-xogħol - b’dejjem aktar nies jaħdmu għal rashom, f’impjiegi mhux regolati b’kuntratti standard, jew fi tranżizzjoni bejn impjieg dipendenti u impjieg għal ras dak li jkun jew kombinazzjoni tagħhom - flieli akbar tal-forza tax-xogħol qed jisfaw mingħajr aċċess suffiċjenti għall-protezzjoni soċjali minħabba l-istatus tas-suq tax-xogħol tagħhom jew it-tip ta’ relazzjoni tal-impjieg. 

Dawn id-diskrepanzi jkabbru r-riskji konnessi mal-benessri tal-individwi milquta u l-familji tagħhom li jġarrbu inċertezza ekonomika akbar, u jolqtu wkoll lill-ekonomija u s-soċjetà, f’dawk li huma domanda domestika, investiment fil-kapital uman u l-koeżjoni soċjali. L-effetti migbura tad-disparitajiet fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali mal-milja taż-żmien aktarx li jwasslu għal inugwaljanzi interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali ġodda bejn dawk li għandhom jew jirnexxielhom jiksbu impjieg b’kuntratti bi drittijiet soċjali sħaħ u dawk li le. Dawn jafu jsarrfu f'diskriminazzjoni indiretta kontra ż-żgħażagħ, dawk imwielda barra u n-nisa li huma aktar probabbli li jiġu ngaġġati b’kuntratti mhux standard.

Id-diskrepanzi fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali, minħabba l-istatus tas-suq tax-xogħol u t-tip ta’ relazzjoni tal-impjieg, jafu jfixklu t-teħid ta’ opportunitajiet li wieħed jimxi minn status tax-xogħol għal ieħor, jekk dan ikun ifisser li jintilfu xi intitolamenti, u fl-aħħar mill-aħħar jaf iwassal f’anqas tkabbir fil-produttività tax-xogħol. Għaldaqstant, dawn jafu ma jkunux ta’ sostenn għall-intraprenditorija u jtellfu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli.

Fit-tul taż-żmien, hija s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali nazzjonali li tisfa f’riskju. Id-diskrepanzi fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali għal għadd li kulma jmur qed jikber ta’ ħaddiema se jwassluhom biex bħala l-aħħar għażla jduru għal wens iffinanzjat mit-taxxi f’każ ta’ riskju soċjali hekk kif l-għadd ta’ nies li jikkontribwixxu għall-protezzjoni soċjali se jkun proporzjonalment iċken. Dawn id-diskrepanzi jafu jwasslu għal abbuż fl-istatuses tal-impjiegi u joħolqu kompetizzjoni inġusta bejn il-kumpaniji li jkomplu jikkontribwixxu għall-protezzjoni soċjali u dawk l-oħrajn li le.

L-inizjattiva “Aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom” għandha fil-mira tagħha li tappoġġa lil dawk kollha li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema mhux standard li, minħabba t-tip ta’ kuntratt jew l-istatus tas-suq tax-xogħol tagħhom, mhumiex protetti biżżejjed mill-iskemi tal-protezzjoni soċjali fir-rigward tal-qgħad, il-mard, il-maternità jew il-paternità, l-inċidenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol, id-diżabbiltà u x-xjuħija. B’mod partikolari, l-inizjattiva timmira li tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex:

·Jippermettu li l-individwi kollha f’impjieg jew impjieg għal rashom jaderixxu mas-sistemi tal-protezzjoni soċjali korrispondenti (it-tneħħija tad-diskrepanzi fil-kopertura formali),

·Jieħdu miżuri biex jippermettu li l-individwi kollha f’impjieg jew impjieg għal rashom isawru u jieħdu intitolamenti adegwati bħala membri fi skema (kopertura effettiva adegwata) u jiffaċilitaw it-trasferibbiltà tal-intitolamenti tal-protezzjoni soċjali bejn l-iskemi,

·Iżidu t-trasparenza rigward is-sistemi u d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali.

Din l-inizjattiva hija parti mill-Pakkett dwar il-Ġustizzja Soċjali, flimkien ma’ proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar ix-Xogħol 2 u Komunikazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 3 .

Inizjattivi oħrajn li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma marbuta mill-qrib u jikkumplementaw din ir-Rakkomandazzjoni proposta, notevolment il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ara t-taqsima aktar 'l isfel dwar il-konsistenza mal-politiki eżistenti).

Ir-Rakkomandazzjoni preżenti tibni fuq u tikkumplementa r-Rakkomandazzjoni tal-Livelli tal-Protezzjoni Soċjali 4 , tal-ILO li tipprovdi gwida lill-pajjiżi sabiex jestendu l-kopertura tal-protezzjoni soċjali billi jipprijoritizzaw l-istabbiliment ta’ livelli nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali aċċessibbli għal dawk kollha li jeħtiġuha.

L-isfida indirizzata mir-Rakkomandazzjoni tolqot għadd sinifikanti ta’ nies fl-UE. Ilkoll f’salt dawk li jaħdmu għal rashom u l-forom tax-xogħol mhux standard jirrappreżentaw parti sinifikanti tas-suq tax-xogħol. Fl-2016, 14 % tal-persuni impjegati fl-UE kienu ħaddiema għal rashom, 8 % kienu impjegati full-time temporanji, 4 % kienu impjegati part-time temporanji, 13 % kienu impjegati part-time permanenti u 60 % kienu impjegati b’kuntratt permanenti full-time.

Il-prevalenza tax-xogħol mhux standard u l-impjiegi ta’ dawk li jaħdmu għal rashom tvarja sew fost l-Istati Membri, ir-reġjuni, is-setturi u l-ġenerazzjonijiet. Il-proporzjon ta’ ħaddiema żgħażagħ ta’ bejn l-20 u t-30 sena f'arranġamenti kuntrattwali temporanji jew b'“kuntratt ieħor jew xejn” huwa d-doppju tal-ħaddiema fil-faxex tal-etajiet l-oħrajn. Tfeġġ ukoll qasma bejn is-sessi, bi prevalenza qawwija ta’ rġiel li jaħdmu għal rashom, u prevalenza qawwija ta’ ħaddiema nisa f’sitwazzjonijiet ta’ terminu fiss u/jew part-time.

Anki dawk li jaħdmu għal rashom mhumiex ilkoll f’keffa waħda. Bosta individwi jagħżlu minn jeddhom li jaħdmu għal rashom, bl-impjegati jew le, jiġifieri jieħdu r-riskju li jsiru imprendituri, filwaqt li madwar 20 % jaħdmu għal rashom għax ma jistgħux isibu min iħaddimhom. Xi wħud igawdu minn livell tajjeb ta’ kwalità tal-impjieg u awtonomijia; oħrajn, li jammontaw għal anqas minn 10 %, iġarrbu dipendenza ekonomika u vulnerabbiltà finanzjarja. Fost il-kumpaniji li qed jinħolqu fl-UE ta’ kull sena, dawk maħluqa minn ħaddiema għal rashom jammontaw għal 15 % sa 100 % fl-Istati Membri fejn id-dejta tippermetti li ssir din l-analiżi 5 . Il-kumpaniji l-ġodda, maħluqa minn dawk li jaħdmu għal rashom, għandhom rati ta’ sopravivenza tipikament bejn 30 % u 60 % wara l-ewwel ħames snin.

Barra minn hekk, qed jikber l-għadd ta’ nies li, fl-istess waqt, għandhom għadd ta’ kuntratti tal-impjieg jew li jikkombinaw impjieg ma’ xogħol għal rashom. F’xi każijiet, sors ewlieni identifikabbli ta’ introjtu huwa akkumpanjat minn attivitajiet marġinali/anċillari; f’xi każijiet oħra, għadd ta’ attivitajiet jippermettu li jissawar introjtu sħiħ bla ma tiġi identifikata sors ewlieni ta’ introjtu.

F’xi pajjiżi dawk li jaħdmu għal rashom qatt ma ddaħħlu bis-sħiħ fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali. Fl-2017, dawk li jaħdmu għal rashom ma kellhomx aċċess għall-protezzjoni tal-qgħad fi ħdax-il Stat Membru (SM). Ma kinux assikurati kontra l-inċidenti u l-korrimenti fuq il-post tax-xogħol f’għaxar SM u ma kinux koperti għall-benefiċċji tal-mard fi tlieta. Fil-pajjiżi fejn hemm kopertura volontarja għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-parteċipazzjoni hija baxxa u tvarja bejn 1 % u 20 %. Bil-kontra, in-nies f’impjieg mhux standard normalment ikollhom l-istess aċċess statutorju għall-iskemi tal-protezzjoni soċjali bħal dawk b’kuntratti standard, bl-eċċezzjoni importanti ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema li jinkludu l-ħaddiema każwali u staġjonali, l-apprendisti jew dawk li qed jitħarrġu, il-ħaddiema li jitqabbdu meta jintalbu jaħdmu, u dawk b’kuntratti ma’ aġenziji tax-xogħol temporanju jew b'kuntratti speċifiċi skont il-pajjiż.

Xi ħaddiema mhux standard u xi ħaddiema għal rashom jiffaċċjaw ostakli biex isawru u jieħdu intitolamenti adegwati għall-benefiċċji minħabba r-regoli tal-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti (perjodu ta' kwalifika minimu, perjodu ta’ xogħol minimu, perjodu twil ta’ stennija jew durata qasira tal-benefiċċji), il-mod kif l-introjtu bażi jiġi evalwat jew minħabba l-adegwatezza insuffiċjenti tal-benefiċċji.

Barra minn dan, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-parteċipazzjoni fi skemi tal-protezzjoni soċjali, huma biss nofshom li jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi individwali. L-aċċess għal informazzjoni individwalizzata jkun ta’ għajnuna biex wieħed ikun konxju tal-intitolamenti miġbura matul il-karriera tiegħu, u b’hekk ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet informati.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti fil-qasam tal-politika

Ir-Rakkomandazzjoni hija konsistenti u tkompli ssawwar fuq il-politiki eżistenti fil-qasam tal-protezzjoni soċjali.

B’mod partikolari, il-gwida eżistenti tal-UE fil-qasam tal-aċċess għall-protezzjoni soċjali 6 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Metodu Soċjali Miftuħ tal-Koordinazzjoni, stabbiliet kunsens fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE li s-sistemi tal-protezzjoni soċjali jeħtiġilhom li jiġu mmodernizzati 7 . F’dan il-kuntest, ġie żviluppata gwida politika fl-oqsma ewlenin tal-protezzjoni soċjali (il-pensjonijiet, l-assikurazzjoni tal-qgħad, eċċ.). L-inizjattiva preżenti, għalhekk, tikkumplementa l-kooperazzjoni li tinsab għaddejja fil-protezzjoni soċjali, billi tistħarreġ il-qagħda ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema mhux standard fl-oqsma differenti tal-protezzjoni soċjali.

Mal-milja tas-snin, ġie żviluppat qafas għall-protezzjoni tad-drittijiet f’xi oqsma ta’ impjiegi mhux standard permezz tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta’ Aġenzija 8 u permezz ta’ ftehimiet negozjati bejn s-sħab soċjali implimentati permezz tad-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-time u x-Xogħol fuq Terminu Fiss 9 . Iżda, peress li d-Direttivi japplikaw għall-kundizzjonijiet tal-impjieg, l-impatt tagħhom fuq il-protezzjoni soċjali huwa pjuttost limitat. Huma jkopru d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali li huma marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet tal-impjiegi u li jitqiesu bħala parti mill-paga, bħall-pensjonijiet tax-xogħol 10 , il-ħlas waqt il-maternità u l-ħlas meta wieħed ikun marid. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fil-ġurisprudenza tagħha li d-Direttivi ma japplikawx għal skemi ta’ protezzjoni soċjali statutorja 11 . Fil-preamboli għall-Ftehimiet 12 tagħhom, is-sħab soċjali jappellaw lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-arranġamenti tal-protezzjoni soċjali jkunu adattati għall-forom flessibbli tax-xogħol li kulma jmur qed jevolvu. Dawn il-preamboli mhumiex vinkolanti legalment u, filwaqt li l-Istati Membri bosta drabi stqarrew li huma impenjati li jagħmlu s-sigurtà soċjali aktar kompatibbli mal-impjiegi, rieżami riċenti ta’ kemm dan seħħ jagħti lil wieħed x'jifhem li f’għadd ta’ Stati Membri għad hemm ħafna lok għal titjib 13 .

Fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, għadd ta’ direttivi jipprevedu xi drittijiet marbuta mal-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol. Id-Direttiva 2010/41/UE 14 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom tipprevedi l-possibbiltà li n-nisa (inklużi n-nisa ta’ persuni li jaħdmu għal rashom) jingħataw id-dritt li jkunu eliġibbli għall-liv u l-benefiċċji tal-maternità sa mill-inqas14-il ġimgħa. Billi din id-Direttiva terħilha f’idejn l-Istati Membri jekk id-dritt għat-tali benefiċċji jingħatax fuq bażi mandatorja jew volontarja, il-livelli tal-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà jvajraw ħafna fost l-Istati Membri. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja għall-Ġenituri u l-Carers 15 tipprevedi kopertura permezz ta’ benefiċċju tal-paternità u l-parentalità u benefiċċju tal-persuni li jindukraw għall-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema mhux standard, b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg.

Fir-rigward tat-trasferibbiltà, ma’ hemm l-ebda ħtieġa fil-liġi tal-UE li tiġi żgurata t-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni tax-xogħol, iżda d-Direttiva 2014/50/UE 16 dwar il-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari tħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbuha u fil-fatt l-Istati Membri kollha ddeċidew li jestendu l-istess trattament legali lill-ħaddiema kollha (id-Direttiva ma tapplikax għal dawk li jaħdmu għal rashom) li jħallu skema tal-pensjoni tax-xogħol.

Barra minn hekk, għadd ta’ inizjattivi riċenti tal-UE se jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-problema tat-trasparenza. L-ewwel nett, din tolqot il-benefiċċji tax-xjuħija fil-kuntest tal-pensjonijiet tax-xogħol. Din se tiġi indirizzata permezz tad-Direttiva dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari 17 (id-Direttiva dwar il-Preservazzjoni) u permezz tad-Direttiva riformulata dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (id-Direttiva IORP) 18 . Dawn iż-żewġ direttivi jtejbu l-provvista tal-informazzjoni dwar l-iskemi tal-pensjonijiet. Id-Direttiva dwar il-Preservazzjoni tkopri wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni mat-terminazzjoni tal-impjieg 19 . Iż-żewġ direttivi jenħtieġ li jiġu trasposti fil-liġijiet nazzjonali sal-21 ta’ Mejju 2018 u t-13 ta’ Jannar 2019, rispettivament.

It-tieni nett, in-nuqqas ta’ trasparenza fil-każ ta’ oqsma oħra ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema se tiġi indirizzata parzjalment permess tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea 20 , imma l-kamp ta' applikazzjoni ma jinkludix lil dawk li jaħdmu għal rashom. Skont il-proposta, il-ħaddiema se jirċievu informazzjoni dwar l-istituzzjoni(jiet) tal-protezzjoni soċjali li jirċievu l-kontribuzzjonijiet soċjali konnessi ma’ relazzjoni ta’ impjieg u dwar kull protezzjoni marbuta mal-protezzjoni soċjali pprovduta minn min iħaddimhom. Madankollu, id-direttiva proposta ma tiddeterminax jekk il-ħaddiema għandux ikollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali. Tillimita ruħha billi tiżgura li l-informazzjoni dwar id-drittijiet miksuba tkun disponibbli għall-impjegati.

Il-konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni

L-inizjattiva hija konsistenti mal-prijorità politika mogħtija sabiex ikun hemm unjoni monetarja u ekonomika aktar ġusta u profonda. L-ekonomija tal-UE kollha kemm hi tista’ tibbenefika mill-effetti pożittivi fuq id-dinamiżmu tas-suq tax-xogħol, u minn tnaqqis fl-insikurezza ekonomika u l-ispejjeż soċjali. Skont l-għażliet ta’ finanzjament, il-kumpaniji jistgħu jesperjenzaw żieda fl-ispejjeż tal-ġestjoni tal-flutwazzjonijiet fil-produzzjoni b’mod konformi ma’ xi żieda fl-ispejjeż għal impjiegi mhux standard u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Madankollu, huma jistgħu jgawdu wkoll minn żieda possibbli fil-produttività ta’ individwi f’forom ta’ impjieg li għadhom kif ġew protetti u minn kompetizzjoni aktar ġusta.

Il-provvista ta’ benefiċċji lil gruppi li ma kinux ġew skoperti permezz tas-sistemi pubbliċi tal-protezzjoni soċjali jistgħu jwasslu għal żieda fin-nefqa pubblika. L-ispejjeż baġitarji inizjali jafu madankollu jitnaqqsu minħabba żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-protezzjoni soċjali u minħabba d-dħul mit-taxxa relatat ma’ konsum domestiku minħabba l-effett pożittiv fuq l-introjtu nett, speċjalment għal unitajiet domestiċi ifqar. Barra minn hekk, f’każijiet fejn gruppi li ma kinux ġew skoperti bħalissa jiddependu fuq sistemi tas-sigurtà tal-aħħar għażla bħal għajnuna soċjali, l-infiq għal partijiet oħra tal-baġit jista’ jitnaqqas. Jaf ifeġġu wkoll xi spejjeż għal għoti ta’ informazzjoni personalizzata. Madankollu, din l-ispiża titqies li hi konsiderevolment inqas mill-benefiċċji mistennija kemm għall-individwi tul il-ħajja u għas-sistemi tal-protezzjoni soċjali fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul.

Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva”, li enfasizzat li sew jekk teżistix jew le relazzjoni ta’ impjieg bejn pjattaforma u l-fornitur tas-servizz sottostanti, din għandha tkun stabbilita abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ b’ħarsa kumulattiva lejn b’mod partikolari jekk il-fornitur tas-servizzi jaġixxix taħt id-direzzjoni tal-pjattaforma li tiddetermina l-għażla tal-attività, ir-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; abbażi ta’ jekk il-fornitur tas-servizzi jirċevix remunerazzjoni jew le; u abbażi tan-natura tax-xogħol. 21

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-inizjattiva “Aċċess għal protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom” se tappoġġa l-għanijiet tal-Unjoni rikonoxxuti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-UE: biex tippromwovi l-benessri tal-popli tagħha, l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa bil-mira lejn livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, iżda wkoll bil-għan li tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis il-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 292 TFUE flimkien mal-Artikoli 153(1)(c) u 153(2), it-tielet subparagrafu, kif ukoll mal-Artikolu 352 TFUE.

L-Artikolu 153(1)(c) u (2) TFUE jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta miżuri fil-qasam tal-ħarsien soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema sakemm (i) jiġu evitati restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u ġuridiċi imponenti b’mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju, ii) ma jaffettwawx id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom; (iii) ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-ekwilibriju finanzjarju ta’ dawn is-sistemi. Din il-bażi ġuridika tista’ tintuża biex tindirizza l-isfidi tal-aċċess għal protezzjoni soċjali għall-persuni f’impjieg mhux standard. Il-Kunsill huwa mitlub jaġixxi b’unanimità.

L-Artikolu 352 tat-TFUE jista’ jipprovdi l-bażi ġuridika ta’ inizjattiva relatata mal-isfidi tal-aċċess għal protezzjoni soċjali għall-persuni f’diversi forom ta’ impjiegi tat-tip li jaħdmu għal rashom. F’dan il-każ, il-Kunsill huwa wkoll mitlub li jaġixxi b’unanimità.

Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika tal-protezzjoni soċjali u l-impjiegi tibqa’ primarjament r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Il-problema ta’ nuqqas ta’ aċċess għall-protezzjoni soċjali għal numru dejjem jikber ta’ persuni fis-suq tax-xogħol u l-konsegwenzi negattivi tagħha għall-koeżjoni soċjali, id-dinamiżmu fis-suq tax-xogħol u t-tkabbir sostenibbli huma mifruxa madwar l-Istati Membri. Filwaqt li diversi adottaw riformi jew qegħdin iwettqu dibattiti nazzjonali dwar is-suġġett, l-evidenza turi li dawn ir-riformi, filwaqt li huma passi fid-direzzjoni t-tajba, mhumiex komprensivi u sistematiċi, jiġifieri mhumiex qed inaqqsu d-diskrepanzi fl-aċċess għall-gruppi kollha u l-oqsma kollha ta’ protezzjoni soċjali. Lanqas id-dibattiti attwali ma jimplikaw li l-Istati Membri kollha neċessarjament beħsiebhom jaġixxu. L-Istati Membri individwali jistgħu jaħsbuha darbtejn qabel jirregolaw f’dan il-qasam min rajhom, għax jistgħu jibżgħu li din l-azzjoni taf tkun ta' żvantaġġ għall-kumpaniji tagħhom meta mqabbla mal-kumpaniji minn Stati Membri oħra.

L-azzjoni tal-UE tista’ tkun xprun għal aktar riformi nazzjonali u biex tiżgura li l-progress mhuwiex parzjali jew irregolari iżda minflok dan ikun ggarantit fil-gruppi, fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali u fl-Istati Membri kollha. L-azzjoni tal-UE tista’ tevita “tellieqa sal-qiegħ” u tiżgura li l-Istati Membri kollha jimxu fl-istess direzzjoni u fl-istess ħin, filwaqt li titħeġġeġ il-konverġenza ’l fuq bejn u fi ħdan l-Istati Membri, għall-benefiċċju tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi.

L-azzjoni tal-UE tista’ tnaqqas l-ostakli li din il-problema toħloq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni. Id-differenzi bejn it-tipi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol fis-suq tax-xogħol jew bejn l-istatuses fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali jistgħu jkunu ta’ detriment għall-għan fundamentali tal-UE li tippromwovi l-massimu tal-impjiegi billi jxekklu l-mobbiltà tax-xogħol inkluż lejn setturi ta’ produttività ogħla. Din tista’ tiskoraġġixxi wkoll lill-ħaddiema li jwettqu ċertu tip ta’ impjieg jew tgerrex lin-nies milli jassumu r-riskji assoċjati ma’ impjieg għal rashom, biex b’hekk jixxekklu l-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Il-problema tista’ wkoll tkun ostakolu għat-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni rigward il-kwalità tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Billi ssaħħaħ il-konverġenza lejn istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol sodi, l-azzjoni tal-UE tista’ tiffaċilita struttura ekonomika reżiljenti u trawwem il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni.

Il-miżuri proposti f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom l-għan li jeliminaw jew inaqqsu l-ostakoli li jfixklu s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali milli jipprovdu liċ-ċittadini protezzjoni soċjali adegwata irrispettivament mit-tip ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jew statuses fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi tal-Istati Membri fit-tfassil tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Għadd ta’ għażliet jitħallew għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, b’mod partikolari: i) il-livell ta’ protezzjoni pprovdut, ii) jekk għandhiex tiġi estiża l-kopertura taħt l-iskemi eżistenti jew bil-ħolqien ta’ skemi ġodda, iii) il-mod kif jiffinanzjaw il-protezzjoni, u iv) taħlit ta’ skemi li għandhom jintużaw (pubbliċi, professjonali jew privati). Dawn il-kwistjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva. L-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu dwar dawn id-dimensjonijiet biex jiżguraw protezzjoni effettiva bl-aktar mod effiċjenti, minħabba d-diversità tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali eżistenti fl-Unjoni kollha.

Il-proporzjonalità

Il-prinċipju tal-proporzjonalità jiġi rispettat bis-sħiħ peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta huwa limitat biex jiżgura standards minimi fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali.

Barra minn hekk, il-proposta tħalli l-għażla f’idejn l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma jew l-iffissar ta’ standards aktar favorevoli u sabiex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Konsegwentement, tħalli spazju għal flessibbiltà fir-rigward tal-għażla ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni attwali.

Il-proporzjonalità għandha wkoll rwol ewlieni biex tiggwida l-għażla tal-istrument (ara t-taqsima hawn taħt).

Kif iddokumentat fl-Anness 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt, diversi Stati Membri taw bidu għal dibattiti nazzjonali u qed iwettqu xi riformi. Din ir-Rakkomandazzjoni se tappoġġa iktar lil dawn l-isforzi fil-livell nazzjonali, billi tibni fuq prattiki tajbin, l-esperjenza u l-evidenza miġbura minn madwar l-Unjoni u trawwem azzjonijiet biex tindirizza d-diskrepanzi fil-ġbir tad-dejta.

Kif indikat fil-valutazzjoni tal-impatt (il-Kapitoli 5 u 6), il-kwantifikazzjonijiet disponibbli jindikaw li l-ispejjeż implikati fl-estensjoni formali u effettiva tal-aċċess u t-titjib tat-trasparenza huma raġonevoli u ġustifikati fid-dawl tal-benefiċċji fit-tul akkumulati f’termini ta’ impjiegi aktar siguri, aktar produttività u koeżjoni soċjali, il-qbil mal-ambizzjonijiet soċjali usa’ tal-UE.

L-għażla tal-istrument

L-istrument preferut għal din l-inizjattiva huwa Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li tipprovdi gwida għall-Istati Membri dwar kif jinkiseb aċċess għal protezzjoni soċjali għal kulħadd fl-impjieg u x-xogħol ta’ min jaħdem għal rasu.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tkun l-aktar approċċ proporzjonat f’dan il-waqt għal azzjoni tal-UE biex tindirizza l-isfidi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Meta mqabbla ma’ Direttiva li kieku timponi eżiti vinkolanti, ir-Rakkomandazzjoni tippermetti li l-UE u l-Istati Membri jkomplu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw dimensjonijiet differenti tal-problema u jantiċipaw kif dawn se jiżvolġu, inklużi l-implikazzjonijiet tagħhom fuq il-livell nazzjonali u r-riperkussjonijiet possibbli fuq is-suq intern, biex tistimola u tiggwida r-riformi nazzjonali u tiżgura li l-progress ma jkun la parzjali u lanqas inkonsistenti fost il-gruppi fil-mira u l-oqsma ta’ protezzjoni soċjali. Ir-rakkomandazzjoni twieġeb għall-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li jitqies in-nuqqas ta’ kunsens politiku, f’dan l-istadju, dwar id-direzzjoni tar-riformi. Fil-fatt, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati (ara hawn taħt) tiżvela differenzi sostanzjali dwar l-aħjar strument, kif ukoll f’dik li hija d-direzzjoni tar-riformi. Barra minn hekk, tista’ tappoġġa l-isforzi għat-tisħiħ ta’ statistika u għarfien meħtieġa biex tiġi mmonitorjata s-sitwazzjoni fil-livell tal-UE.

Għalhekk il-valur miżjud ewlieni ta’ Rakkomandazzjoni huwa li din toħloq momentum li tappoġġa u tikkomplementa d-dibattiti u r-riformi nazzjonali, tiggwida lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom u toħloq kunsens dwar l-aħjar għażliet għal riforma, li se tkun ta’ direzzjoni wkoll għall-pożizzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha fil-fora internazzjonali rilevanti kollha. Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tippermetti wkoll li l-UE tippermetti flessibbiltà lill-Istati Membri dwar kif jinkisbu l-għanijiet, skont il-punt ta’ tluq, l-istorja u l-prattiki nazzjonali.

Fl-istess ħin, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill awtonoma għandha valur miżjud sinifikanti meta mqabbla mal-indirizzar tal-kwistjoni permezz biss ta’ proċessi eżistenti bħas-Semestru Ewropew jew permezz tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni Soċjali. Hemm bżonn ta’ approċċ iffukat biex jagħti l-viżibbiltà politika meħtieġa lil din il-kwistjoni, iżid l-għarfien u jsawwar il-momentum. Barra minn hekk, jinħtieġu sforzi mill-Istati Membri kollha b’mod koerenti u wkoll b’mod kemxejn koordinat biex jitneħħew id-dubji dwar l-iżvantaġġi possibbli tal-prekursur.

L-appoġġ tal-UE fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni jista’ jiġi inkorporati b’mod sħiħ fil-proċessi li għaddejjin tas-Semestru Ewropew u l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali. L-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tista’ tiġi promossa permezz ta’ numru ta’ miżuri komplementari, b’mod partikolari permezz ta’ programmi ta’ tagħlim reċiproku u l-iffinanzjar ta' esperimentazzjonijiet u riformi ta' appoġġ fl-Istati Membri.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2010/41/UE dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom, id-Direttiva 2014/50/UE dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri permezz ta’ titjib fl-akkwist u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari (id-Direttiva dwar il-preservazzjoni) u d-Direttiva 2016/2341/UE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (id-Direttiva dwar l-IORPs) Madankollu, evalwazzjoni minn esperti indipendenti kkonkludiet li d-Direttiva 2010/41/UE dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività ta’ xogħol għal rashom ma kellux suċċess fil-kisba ta’ titjib tal-benefiċċji tal-maternità u l-benefiċċji soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom 22 . 

Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea 23 hija msejsa fuq (91/533/KEE). •Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Twettqu għadd ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati biex jinformaw din l-inizjattiva tul l-2017 u kmieni fl-2018. Dan jinkludi proċedura ta’ konsultazzjoni b’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej kif jistipula l-Artikolu 154 TFUE, konsultazzjoni pubblika miftuħa, seduti ta’ smigħ immirati mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali.

Il-konsultazzjonijiet ipprovdew indikazzjonijiet dwar il-livell ta’ diverġenza bejn l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati.

Il-partijiet ikkonċernati kollha qablu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, li hemm problemi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema f’forom ta’ impjieg mhux standard u għal persuni li jaħdmu għal rashom.

Il-konsultazzjonijiet li saru wrew li ma’ hemmx kunsens ġenerali dwar l-aħjar strument li għandu jintuża. B’mod partikolari, ir-rispons mingħand l-Istati Membri f’diskussjonijiet fil-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u permezz ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni ppreżentati fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa indika nuqqas ta’ appoġġ ġenerali mill-Istati Membri għal proposta leġiżlattiva fir-rigward tal-għanijiet kollha ppreżentati. Il-Parlament Ewropew talab ukoll għal rakkomandazzjoni li tippermetti lill-persuni kollha fil-forom kollha ta’ impjieg u impjieg għal rashom jakkumulaw intitolamenti għall-assigurazzjoni soċjali fir-riżoluzzjoni tiegħu (2016/2095(INI)) dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Is-sħab soċjali esprimew fehmiet diverġenti. It-trejdjunjins jikkunsidraw li jenħtieġ li jsir titjib għal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li wissew li jenħtieġ li din ma tipperikolax l-acquis eżistenti tal-UE, jew tnaqqas l-istandards nazzjonali eżistenti, u li lanqas ma twassal għal armonizzazzjoni ’l isfel tad-drittijiet. B’kuntrast ma’ dan, xi organizzazzjoni tal-impjegaturi jikkunsidraw li l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u l-proċess tas-Semestru Ewropew, inklużi l-punti ta’ riferiment, jistgħu jkunu l-għodod ġusti biex jiffaċilitaw it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattika tajba.

It-trejdjunjins huma favur kopertura obbligatorja formali, ekwalizzata għal dik ta’ kopertura ta’ ħaddiem standard iżda b’konsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet nazzjonali. L-impjegaturi kellhom opinjonijiet differenti dwar il-kopertura. Xi wħud jaqblu li l-protezzjoni soċjali jenħtieġ li tkun obbligatorja iżda l-impjegati jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jagħżlu l-forma ta’ kopertura (pubblika jew privata) filwaqt li l-libertà tal-għażla tal-persuni li jaħdmu għal rashom hija partikolarment enfasizzata. Impjegaturi oħrajn jiffavorixxu kopertura formali volontarja li tqis id-diversità tal-forom ta’ impjieg u l-eteroġenità fil-persuni li jaħdmu għal rashom. Is-sħab soċjali qablu dwar il-ħtieġa għal iktar trasparenza.

Filwaqt li t-trejdjunjins jappellaw għat-trasferibbiltà sħiħa, l-impjegaturi jixtiequ jillimitaw id-drittijiet tal-protezzjoni soċjali u jenfasizzaw li jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda piż jew spiża addizzjonali.

L-għażliet rigward l-alternattivi ta’ politika u l-istrumenti legali jsibu bilanċ bejn il-fehmiet diverġenti tal-partijiet ikkonċernati.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Il-Valutazzjoni tal-Impatt hija bbażata fuq stampa dettaljata tal-linji ta’ politika fl-Istati Membri, rieżami tal-letteratura, analiżi ta’ xejriet attwali, derivati minn dejta komparattiva u r-riżultati ta’ konsultazzjoni tas-sħab soċjali u konsultazzjoni pubblika. L-istima tal-impatti soċjali u ekonomiċi tinkludi diversi settijiet ta’ simulazzjonijiet makroekonomiċi, li jikkwantifikaw l-impatti probabbli soċjali u l-impatt fuq il-baġits pubbliċi, kif ukoll analiżi aktar kwalitattiva, li tippermetti fehim aħjar tar-reazzjonijiet tal-imġiba u l-attitudnijiet (permezz ta’ stħarriġ dedikat) u l-kuntest speċifiku għall-pajjiż (permezz ta’ studji ta’ każijiet).

Il-valutazzjoni tal-impatt

B’konformità mal-politika tagħha dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt tal-alternattivi ta’ politika u governanza potenzjali. Din il-ħidma ġiet sostnuta minn konsultazzjoni strutturata fi ħdan il-Kummissjoni permezz ta’ Grupp ta’ Direzzjoni Bejn is-Servizzi 24 . Il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet diskussa mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fis-7 ta’ Frar 2018. Fd-9 ta’ Frar 2018, l-RSB ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi, li ġew indirizzati billi r-raġuni għall-għażla ta’ rakkomandazzjonikompliet tiġi sostanzjata aktar u billi ġie ċċarat u appoġġat aktar il-kamp ta' applikazzjoni tal-inizjattiva u l-beneffiċċji u l-effetti ekonomiċi mistennija tagħha 25 .

Il-Valutazzjoni tal-Impatt eżaminat diversi għażliet ta’ politika, li jikkombinaw miżuri li jindirizzaw l-għanijiet tal-inizjattiva. L-għażla ta’ politika ppreferuta fil-kuntest tal-Valutazzjoni tal-Impatt hija:

·Kopertura obbligatorja għall-ħaddiema kollha f’forom mhux standard ta’ impjieg li għadhom mhumiex koperti u kopertura volontarja għal dawk li jaħdmu għal rashom;

·Aġġustament tal-limiti ta’ żmien; trasferibbiltà mandatorja tal-intitolamenti akkumulati; aggregazzjoni tal-perjodi;

·Provvista ta' informazzjoni ġeneraika u personalizzata.

Dan iwassal għal grad għoli ta’ effettività fir-rigward tal-protezzjoni u għalhekk għandu impatt soċjali pożittiv qawwi, inklużi t-tnaqqis fl-inċertezza dwar l-introjtu u l-faqar, filwaqt li jinvolvi spejjeż korrispondenti għall-awtoritajiet pubbliċi u għal min iħaddem. L-approċċ differenzjat iqis b’mod sħiħ in-natura tal-impjieg ta’ min jaħdem għal rasu filwaqt li jirrifletti l-eteroġenità fost il-grupp ikkonċernat. Il-provvista ta’ informazzjoni personalizzata u ġenerika li ttejjeb it-trasparenza jista’ jistimola reġistrazzjoni volontarja ogħla, bi spiża relattivament żgħira għall-awtoritajiet pubbliċi.

Madankollu, ġie deċiż li din il-proposta jenħtieġ li tadotta approċċ iktar sofistikat rigward il-kopertura formali għal min jaħdem għal rasu, b’mod partikolari abbażi tad-differenzjazzjoni ulterjuri bejn l-oqsma tal-protezzjoni soċjali biex din tirrifletti aħjar in-natura tax-xogħol ta’ min jaħdem għal rasu. Fil-każ tar-riskju tal-qgħad, li huwa aktar diffiċli biex jiġi evalwat u kkontrollat f’każ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u li huwa iktar relatat mill-qrib mar-riskju intraprenditorjali, qed tingħata flessibbiltà akbar lill-Istati Membri fit-tfassil tal-iskema permezz tal-possibbiltà li jiġu estiżi l-koperturi għal dawk li jaħdmu għal rashom fuq bażi volontarja. Dan jirrifletti wkoll l-eteroġeneità ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u jkun jirrispetta l-għażla ħielsa tagħhom. Għal riskji oħrajn bħall-pensjonijiet tax-xjuħija, l-invalidità, il-mard u l-maternità, hija rakkomandata kopertura obbligatorja kemm għal dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll għall-ħaddiema. Dawn ir-riskji huma inqas diffiċli li jiġu evalwati minn riskju ta’ qgħad u huma iktar simili għaż-żewġ gruppi; approċċ differenzjat skont l-istatus fis-suq tax-xogħol huwa għalhekk aktar diffiċli. L-approċċ differenzjat għall-persuni li jaħdmu għal rashom x’aktarx li jżid l-effikaċja tal-azzjoni tal-UE. Fil-każ ta’ Stati Membri fejn jeżistu skemi volontarji għal dawk li jaħdmu għal rashom, huma osservati rati ta’ parteċipazzjoni baxxi (inqas minn 1 % sa 20 %), li jistgħu jitfissru permezz tal-imġiba mijopika individwali u l-preferenzi, in-nuqqas ta’ għarfien u n-nuqqas ta’ inċentivi finanzjarji. L-ogħla rati ta’ reġistrazzjoni li jirriżultaw skont l-approċċ obbligatorju jistgħu jkunu mistennija li jwasslu għal benefiċċji soċjali ogħla, inkluż it-tnaqqis tal-inċertezza dwar l-introjtu u l-faqar, pjuttost milli strateġija volontarja. L-istabbiliment ta’ kopertura obbligatorja għal dawk li jaħdmu għal rashom hija għażla realistika, peress li l-immappjar ppreżentat fil-Valutazzjoni tal-Impatt juri li skemi obbligatorji għal dan il-grupp jeżistu għal kull qasam tal-protezzjoni soċjali mill-inqas fi ftit Stati Membri. Il-proposta għalhekk hija konformi mar-realtajiet fl-Istati Membri u tistabbilixxi livell għoli ta’ ambizzjoni f’termini ta’ kopertura formali. Din tista’ b’hekk tkun ukoll aktar effettiva sabiex jitnaqqsu l-inċentivi għall-kompetizzjoni inġusta li tisfrutta d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali differenzjati, kif rifless pereżempju fl-impjiegi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fittizji.

Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din l-inizjattiva ġie wkoll aġġustat bi tqabbil mal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-inklużjoni tal-kura tas-saħħa. Il-kura tas-saħħa hija qasam partikolari li tħallat dispożizzjonijiet ta’ għajnuna soċjali (żgurata għaċ-ċittadini kollha/residenti legali) ma’ assigurazzjoni tas-saħħa relatata ma’ kontribuzzjonijiet soċjali. Fi ftit pajjiżi, il-ħaddiema mhux standard u dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ diskrepanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, minħabba t-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew l-istatus tagħhom fis-suq tax-xogħol. Skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Prinċipju tiegħu dwar il-kura tas-saħħa, għalhekk jenħtieġ li l-inizjattiva titlob lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-persuni kollha f’impjieg u f’impjieg għal rashom.

B’mod ġenerali, jekk il-miżuri proposti fir-Rakkomandazzjoni huma implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri, il-ħaddiema mhux standard u dawk għal rashom, li jirrappreżentaw b’kollox 39 % tal-popolazzjoni li taħdem, se jgawdu minn protezzjoni aħjar. Dan huwa mistenni li jwassal għal tnaqqis fl-individwalizzazzjoni tar-riskju, l-inċertezza dwar l-introjtu, il-prekarjetà u notevolment tnaqqis f’dawn il-gruppi ta’ riskju ta’ faqar sa livelli eqreb għal dawk ta’ ħaddiema standard. Bħalissa, il-ħaddiema mhux standard huma esposti għal riskju ħafna ogħla ta’ faqar (16 % meta mqabbla ma’ 6 % tal-ħaddiema standard fl-2016) bħala riżultat ta’ introjtu baxx u diskrepanzi fil-kopertura. Bl-istess mod, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom rwol ħafna aktar dgħajjef fit-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fil-każ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom meta mqabbla ma’ ħaddiema bil-paga bħala medja fl-UE.

It-tnaqqis fid-differenzi għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa wkoll mistenni li jinkoraġġixxi it-tranżizzjonijiet bejn it-tipi ta’ kuntratti u l-istatuses fis-suq tax-xogħol, u jippromwovi d-dinamiżmu fis-suq tax-xogħol. It-tnaqqis tal-possibbiltà ta’ dipendenza żejda fuq kuntratti eżentati mill-kontribuzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali huwa mistenni li joħloq kundizzjonijiet aktar ekwi bejn il-kumpaniji. It-twaqqif tax-xejra li sehem dejjem jikber ta’ nies jinsabu ’l barra mis-sistemi tal-protezzjoni soċjali jevita li jiddgħajjef ir-rwol ta’ dawn l-istess sistemi inkluż għas-swieq tax-xogħol u l-istabbilizzazzjoni ta’ ċikli ekonomiċi u jista’ jkollu effetti pożittivi fuq is-sostenibbiltà fiskali tagħhom.

In-negozji jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis tal-kompetizzjoni inġusta, il-possibbiltà ta’ żieda fil-produttività ta’ individwi protetti fil-forom ġodda ta’ impjieg u impjieg għal rashom u minn effetti pożittivi fuq id-dinamiżmu fis-suq tax-xogħol. Skont l-għażliet ta’ finanzjament, il-kumpaniji jistgħu jesperjenzaw żieda fl-ispejjeż tal-ġestjoni tal-flutwazzjonijiet fil-produzzjoni b’mod konformi ma’ xi żieda fl-ispejjeż għal impjiegi mhux standard u x-xogħol ma’ persuni li jaħdmu għal rashom.

Il-livell tal-ispejjeż u d-distribuzzjoni tagħhom bejn il-baġits pubbliċi, il-fornituri tal-assigurazzjoni, l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u min iħallas it-taxxa jiddependu ħafna fuq deċiżjonijiet ewlenin f’idejn l-Istati Membri għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà, inkluż dwar l-organizzazzjoni ta’ skemi, il-finanzjament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni mogħtija. L-ispejjeż diretti huma prinċipalment relatati mal-għoti ta’ benefiċċji, ma' simulazzjonijiet eżemplari għall-estensjoni tal-kopertura minn benefiċċji tal-qgħad u tal-mard għal dawk li jaħdmu għal rashom li jissuġġerixxu spiża limitata, li tvarja fost oħrajn skont in-numru ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fil-pajjiż, ir-riskju tal-qgħad kif ukoll fuq il-ġenerożità tas-sistema. Xi spejjeż indiretti jistgħu jirriżultaw minn bidliet fl-imġiba b’reazzjoni għaż-żieda tal-kopertura tal-protezzjoni soċjali.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-inizjattiva li jindirizza simultanjament l-oqsma differenti ta’ protezzjoni soċjali, id-differenzi fl-organizzazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali fost l-Istati Membri, flimkien ma’ limitazzjonijiet fid-dejta disponibbli jillimitaw serjament il-possibbiltà li tiġi pprovduta stampa kwantitattiva komprensiva fil-Valutazzjoni tal-Impatt. In-natura limitata tal-kwantifikazzjoni ugwalment tirrifletti l-inċertezza relatata ma’ deċiżjonijiet ewlenin fuq il-livelli ta’ protezzjoni, u d-disinn u l-finanzjament tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li jitħallew f’idejn l-Istati Membri, għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-impatti ewlenin mistennija li jirriżultaw mill-protezzjoni mtejba se jkun żieda fil-mutwalizzazzjoni tar-riskju, u żieda fis-sigurtà tal-introjtu li jirriżulta f’inqas prekarjetà u faqar għall-individwi. L-inizjattiva hija wkoll mistennija li tikkontribwixxi għal żieda fid-dinamiżmu tas-suq tax-xogħol, kif ukoll allokazzjoni aħjar tar-riżorsi u se ssaħħaħ ir-rwol ewlieni stabbilit sew tal-istabbilizzaturi awtomatiċi tal-protezzjoni soċjali, bi tnaqqis fil-flutwazzjonijiet ekonomiċi. Il-kumpaniji se jibbenefikaw ukoll minn suq tax-xogħol ġust u minn strutturi ekonomiċi reżiljenti.

Il-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn żieda fil-produttività ta’ individwi fil-forom ta’ impjieg li għadhom kemm bdew jiġu protetti, minn tnaqqis fil-kompetizzjoni inġusta u mill-effetti pożittivi ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali fuq is-swieq tax-xogħol u fuq id-domanda domestika. Skont l-għażliet ta’ finanzjament, il-kumpaniji mistennija jesperjenzaw żieda fl-ispejjeż tal-ġestjoni tal-fluttwazzjonijiet fil-produzzjoni, b’mod konformi ma’ xi żieda fl-ispejjeż tax-xogħol relatati ma’ impjiegi mhux standard u impjieg ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

L-inizjattiva se tapplika għal kull min iħaddem. Madankollu, se taffettwa b’mod partikolari l-impjegaturi kollha ta’ impjegati mhux standard u, sa ċertu punt inqas, kumpanniji li jaħdmu b’persuni li jaħdmu għal rashom. Id-dejta ppreżentata fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tippermetti li jiġi determinat sa liema punt il-kumpaniji jużaw dawn it-tipoloġiji ta’ kuntratti. Dawk li jaħdmu għal rashom bl-impjegati jew mingħajrhom jaħdmu prinċipalment ma’ mikrointrapriżi (1-9 impjegati), u ħafna inqas mal-SMEs u l-kumpaniji l-kbar. L-eżenzjoni tal-mikrointrapriżi għaldaqstant tnaqqas bla bżonn l-effikaċja tal-inizjattiva. L-impjegati mhux standard jaħdmu b’mod partikolari fl-amministrazzjoni pubblika (28%) u fl-SMEs u sa livell inqas ukoll f’mikrointrapriżi u intrapriżi kbar.

Drittijiet fundamentali

Ma ġie identifikat l-ebda impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali. Għall-kuntrarju, l-inizjattiva tippromwovi d-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f’każijiet bħalma huma l-maternità, il-mard, l-aċċidenti industrijali, id-dipendenza jew ix-xjuħija, u fil-każ ta’ telf tax-xogħol, b'mod konformi mal-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din ir-Rakkomandazzjoni ma’ għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-UE

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u se twettaq rieżami tar-Rakkomandazzjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati involuti, filwaqt li tiżgura li jkun hemm perjodu twil biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati l-effetti tal-inizjattiva wara li tkun ġiet implimentata bis-sħiħ. L-effikaċja tar-Rakkomandazzjoni tista’ titkejjel fuq il-bażi ta’ dejta eżistenti u ġdida u fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura permezz tar- rappurtar tal-Istati Membri.

Sar immappjar ta’ diskrepanzi eżistenti ta’ protezzjoni soċjali għall-finijiet ta’ din il-Valutazzjoni tal-Impatt (ara l-Anness 6) u dan se jiġi ripetut ftit snin oħra. Il-paragun taż-żewġ elementi tal-immappjar - ex-ante u ex-post - se jipprovdi stampa tal-evoluzzjoni tal-iskemi tal-protezzjoni soċjali, il-kopertura tagħhom u l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tagħhom.

Fl-istess ħin, waħda mill-limitazzjonijiet attwali fl-analiżi tal-problema għandha x’taqsam man-nuqqas ta’ bażi statistika tajba li tippermetti li jiġi kkwantifikat id-daqs tal-gruppi affettwati. Għal dan il-għan, l-obbligi tar-rappurtar statistiku se jiġu inklużi fir-Rakkomandazzjoni nfisha. Dan se jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiġbru u jippubblikaw statistika affidabbli dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, imqassma skont l-istatus fis-suq tax-xogħol (persuni li jaħdmu għal rashom/impjegati), it-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg (temporanju jew permanenti, part-time/full-time, forom ġodda ta’ xogħol/impjieg standard), is-sess, l-età u ċ-ċittadinanza.

Barra minn hekk, se tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa mal-Eurostat sabiex jinħolqu indikaturi xierqa għal dan il-qasam. Għalkemm serje ta’ żmien fit-tul ma tkunx disponibbli, għandu jkun possibbli li jiġi ssorveljat il-progress lejn kopertura formali, kopertura effettiva u trasparenza wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Il-ħidma biex jittejbu l-indikaturi diġà bdiet u dawn jistgħu jkunu disponibbli hekk kif l-Istati Membri jibdew jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni.

Barra minn hekk, se titwettaq ħidma mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali biex jiġi stabbilit qafas ta’ valutazzjoni komparattiva għall-protezzjoni soċjali.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

§ 1 sa 6 jindikaw is-suġġett tar-Rakkomandazzjoni u l-għanijiet tagħha. Huma jiddefinixxu wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni personali (liema huma l-individwi li għandhom jiġu koperti) u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali (liema huma l-oqsma ta’ protezzjoni soċjali li huma kkonċernati) tar-Rakkomandazzjoni.

§ 7 fiha d-definizzjonijiet li għandhom japplikaw għall-fini tal-Proposta.

§ 8 u 9 jirrakkomandaw li l-Istati Membri jestendu l-kopertura formali għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

§ 10 tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jiżguraw kopertura effettiva, irrispettivament mit-tip ta’ relazzjonijiet tax-xogħol u l-istatus tas-suq tax-xogħol, billi jwettqu rieżami tar-regoli li jiggvernaw il-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti. § 11 tintroduċi l-prinċipju tat-trasferibbiltà tal-intitolamenti, li jenħtieġ li jikkontribwixxu għal kopertura effettiva.

§ 12 sa 15 jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jiżguraw l-adegwatezza tal-protezzjoni soċjali u jfasslu l-aħjar skemi għas-sitwazzjoni tal-benefiċjarji.

§ 16 u 17 jintroduċu l-prinċipju tat-trasparenza billi jħeġġu lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ protezzjoni soċjali u jissimplifikaw r-rekwiżiti amministrattivi.

§ 18 sa 23 jistabbilixxu l-perjodu massimu li fih l-Istati Membri jridu jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni u jippubblikaw dejta regolari. Dawn jistiednu lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas ta’ valutazzjoni komparattiva fi żmien sena wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, biex twettaq rieżami tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fi żmien tliet snin, u biex tappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ finanzjament u skambji ta’ tagħlim reċiproku.

2018/0059 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikoli 153 u 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 3 TUE, l-għanijiet tal-Unjoni huma, fost oħrajn, li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha u li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna li timmira għal-livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali. L-Unjoni tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

(2)Skont l-Artikolu 9 TFUE, l-Unjoni, meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, tikkunsidra r-rekwiżiti konnessi mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija tal-protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(3)Il-Punt (c) tal-Artikolu 153(1) TFUE jippermetti li l-Unjoni tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. L-azzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi segwita wkoll biex tindirizza l-isfidi tal-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, abbażi tal-Artikolu 352 TFUE, li fih dispożizzjoni li tippermetti lill-Unjoni li tadotta att li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fit-Trattati meta dawn tal-aħħar ma jkunux ipprovdew is-setgħat ta’ azzjoni meħtieġa ħalli jinkisbu.

(4)Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw solennement il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-proklama Interistituzzjonali tagħhom tas-17 ta’ Novembru 2017 26 . Il-Prinċipju 12 tal-Pilastru jistqarr li irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tal-impjieg tagħhom, il-ħaddiema, u f’ċerti kundizzjonijiet simili, il-ħaddiema għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata.

(5)Is-sħab soċjali impenjaw ruħhom li jkomplu jikkontribwixxu għal Ewropa li tipprovdi għall-ħaddiema u għall-intrapriżi tagħha 27 .

(6)Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 28 , il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa għal protezzjoni soċjali adegwata u investiment soċjali tul il-ħajja kollha, biex kulħadd ikun jista’ jieħu sehem bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija u jiġu sostnuti standards tal-għajxien deċenti. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu koperti minn standards tax-xogħol fundamentali u protezzjoni soċjali adegwata.

(7)Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali huma l-pedament tal-mudell soċjali tal-Unjoni u ta’ ekonomija tas-suq soċjali li tiffunzjona tajjeb. Il-funzjoni ewlenija tal-protezzjoni soċjali hija li tipproteġi lin-nies kontra l-konsegwenzi finanzjarji ta’ riskji soċjali, bħall-mard, ix-xjuħija, l-aċċidenti fuq ix-xogħol, jew telf ta’ impjieg, għall-prevenzjoni u t-taffija tal-faqar u biex jinżamm livell ta’ għajxien deċenti. Sistemi ta’ protezzjoni soċjali mfasslin sew jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jappoġġaw it-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol għall-individwi li jbiddlu l-impjieg, jidħlu għal xogħol ġdid, iħallu impjieg jew jibdew kumpanija jew jagħlquha. Huma jikkontribwixxu għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli, peress li jsaħħu l-investiment fil-kapital uman u peress li jafu jgħinu biex jallokaw mill-ġdid ir-riżorsi umani lejn il-pajjiżi emerġenti u s-setturi dinamiċi tal-ekonomija. Għandhom ukoll rwol importanti bħala stabbilizzaturi awtomatiċi bl-aġevolar tal-konsum matul iċ-ċiklu tan-negozju.

(8)Il-protezzjoni soċjali tista’ tingħata permezz ta’ benefiċċji in natura jew fi flus. Ġeneralment tiġi pprovduta permezz ta’ skemi tal-assistenza soċjali li jipproteġu l-individwi kollha (abbażi taċ-ċittadinanza jew ir-residenza tagħhom u li tiġi ffinanzjata permezz tat-tassazzjoni ġenerali) u permezz ta’ skemi tas-sigurtà soċjali li jipproteġu n-nies fis-suq tax-xogħol, spiss abbażi ta’ kontributi relatati mal-introjtu minn xogħolhom. Il-protezzjoni soċjali tinkludi bosta oqsma, li jkopru firxa ta’ riskji soċjali li jvarjaw mill-qgħad sal-mard jew ix-xjuħija. Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għall-oqsma tal-protezzjoni soċjali li huma l-iktar relatati mill-qrib mal-istatus fis-suq tax-xogħol jew it-tip ta’ relazzjoni tal-impjieg u jiżguraw l-aktar il-protezzjoni minn telf ta’ introjtu professjonali meta jfeġġ ċertu riskju. Hija tikkumplimenta l-gwida eżistenti, fil-livell tal-Unjoni, dwar is-servizzi soċjali u l-assistenza, u b’mod aktar ġenerali dwar l-inklużjoni attiva ta’ nies esklużi mis-suq tax-xogħol 29 .

(9)Il-globalizzazzjoni, l-iżviluppi teknoloġiċi, it-tibdiliet fil-preferenzi individwali, u t-tixjiħ demografiku f’dawn l-aħħar żewġ deċennji ġabu bidliet fis-swieq tax-xogħol Ewropej li se jkomplu jseħħu fil-futur. L-impjiegi se jsiru dejjem aktar varjati u l-karrieri se jkunu inqas u inqas lineari.

(10)Teżisti varjetà ta’ forom ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg u impjiegi ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni flimkien mal-kuntratti ta’ impjieg indefiniti full-time. Xi wħud minnhom diġà ilhom magħrufa fis-suq tax-xogħol għal żmien twil (bħall-impjiegi fissi, temporanji u part-time, ix-xogħol domestiku, jew l-apprendistati); oħrajn żviluppaw aktar reċentement u żdiedu fl-importanza sa mill-elfejnijiet: xogħol fuq talba, ħidma abbażi ta’ kupuni, ħidma fuq pjattaforma, eċċ.

(11)Dawk li jaħdmu għal rashom, b’mod partikolari, mhumiex ilkoll f’keffa waħda. Bosta individwi jagħżlu minn jeddhom li jaħdmu għal rashom, bl-impjegati jew le, jiġifieri jieħdu r-riskju li jsiru imprendituri, filwaqt li wieħed minn ħames ħaddiema għal rashom huma tali għax ma jistgħux isibu min iħaddimhom bħala impjegati.

(12)Hekk kif jevolvu s-swieq tax-xogħol, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali jeħtieġ li jevolvu wkoll, biex ikun żgurat li l-mudell soċjali Ewropew jibqa’ validu fil-futur u jippermetti li s-soċjetajiet u l-ekonomiji tal-Unjoni jimmassimizzaw id-dinja tax-xogħol tal-ġejjieni. Madankollu, f’bosta Stati Membri, ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti tal-iskemi tal-protezzjoni soċjali għadhom ġeneralment ibbażati fuq kuntratti indefiniti full-time bejn ħaddiem u impjegatur wieħed filwaqt li gruppi oħrajn ta’ ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom ġew koperti b’mod aktar marġinali. L-evidenza turi li xi ħaddiema mhux standard u ħaddiema għal rashom għandhom aċċess insuffiċjenti għal xi wħud mill-oqsma tal-protezzjoni soċjali li huma l-iktar relatati mill-qrib mal-istatus fis-suq tax-xogħol jew it-tip ta’ relazzjoni tal-impjieg. Huma biss ftit l-Istati Membri li wettqu riformi biex jadattaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għan-natura dejjem tinbidel tax-xogħol biex jipproteġu aħjar lill-ħaddiema affettwati u lil dawk li jaħdmu għal rashom. It-titjib ivarja minn pajjiż għal ieħor u l-oqsma tal-protezzjoni soċjali.

(13)Fuq medda twila ta’ żmien, id-diskrepanzi fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali jistgħu jpoġġu f’riskju l-benessri u s-saħħa tal-individwi, jikkontribwixxu għal żieda fl-inċertezza ekonomika, ir-riskju tal-faqar u l-inugwaljanzi, u jistgħu jwasslu wkoll għal investiment subottimali fil-kapital uman, inaqqsu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet u jillimitaw it-tkabbir ekonomiku inklużiv.

(14)Il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jiġu identifikati bħala formalment koperti minn qasam tal-protezzjoni soċjali speċifiku jekk il-leġiżlazzjoni jew ftehim kollettiv eżistenti stabbilixxa li huma intitolati li jipparteċipaw fi skema ta’ protezzjoni soċjali f’dak il-qasam speċifiku. Kopertura formali tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ skemi obbligatorji jew volontarji. Dawn tal-aħħar jagħtu l-opportunità lill-individwi biex jaderixxu ma’ skema (klawsoli ta' inklużjoni fakultattiva jew opt-in) jew ikopru l-individwi kollha tal-grupp fil-mira b’mod awtomatiku billi jagħtuhom l-opportunità li jirtiraw mill-iskema jekk jixtiequ jagħmlu dan (klawsoli ta' nonparteċipazzjoni jew opt-out). L-evidenza turi li l-iskemi volontarji bil-klawsoli ta’ nonparteċipazzjoni għandhom rati ogħla ta’ konformità u għalhekk jipprovdu kopertura aħjar.

(15)Il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jiġu identifikati bħala effettivament koperti f’qasam tal-protezzjoni soċjali speċifiku jekk ikollhom l-opportunità li jakkumulaw benefiċċji adegwati u l-kapaċità, f’każ ta’ materjalizzazzjoni ta’ riskju korrispondenti, li jkollhom aċċess għal livell partikolari ta’ benefiċċji. Persuna tista’ tingħata aċċess formali mingħajr ma fil-fatt tkun tista’ issawwar u jew tieħu intitolamenti għall-benefiċċji.

(16)Il-protezzjoni soċjali hija kkunsidrata bħala adegwata meta tippermetti lill-individwi jżommu livell ta’ għajxien deċenti, li jissostitwixxu t-telf tal-introjtu b’mod raġonevoli u li jgħixu b’dinjità filwaqt li ma jaqgħux fil-faqar.

(17)F’xi Stati Membri, ċerti kategoriji ta’ ħaddiema bħall-ħaddiema part-time, il-ħaddiema staġjonali, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema tal-pjattaformi u dawk fuq kuntratti temporanji jew apprendistati huma esklużi mill-iskemi tal-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, il-ħaddiema li ma għandhomx kuntratti full-time bla data tat-tmiem jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiġu koperti b’mod effettiv mill-protezzjoni soċjali, għaliex ma jistgħux jissodisfaw il-kriterji għal intitolamenti abbażi tal-kontribuzzjonijiet biex jirċievu benefiċċji minn skemi ta’ protezzjoni soċjali. Il-persuni li jaħdmu għal rashom huma esklużi kompletament mill-aċċess formali għall-iskemi tal-protezzjoni soċjali ewlenin f’xi Stati Membri; fi Stati Membri oħra, jistgħu jaderixxu magħhom fuq bażi volontarja. Il-kopertura volontarja tista’ tkun soluzzjoni xierqa fil-każ ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad, li hija assoċjata iktar mill-qrib mar-riskju intraprenditorjali; hija inqas ġustifikabbli għal riskji oħra bħalma hu l-mard, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma indipendenti mill-istatus ta’ dak li jkun fis-suq tax-xogħol.

(18)Ir-regoli li jirregolaw l-intitolamenti jistgħu jaħdmu bi żvantaġġ għall-ħaddiema mhux standard u għall-ħaddiema għal rashom. B’mod partikolari, l-introjtu u l-limiti ta’ żmien (perjodi minimi, perjodi ta’ stennija, perjodi ta’ xogħol, it-tul ta’ żmien ta’ benefiċċji) jistgħu jikkostitwixxu ostaklu kbir wisq għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali għal ċerti gruppi ta’ ħaddiema mhux standard u għall-ħaddiema għal rashom. B’mod ġenerali, ġew identifikati żewġ settijiet ta’ kwistjonijiet: l-ewwel nett, id-differenzi eżistenti fir-regoli bejn l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom jew f’impjieg mhux standard jistgħu inutilment jippenalizzaw lil xi grupp wieħed; it-tieni nett, l-istess regoli applikati għall-gruppi kollha jistgħu jwasslu għal riżultati aktar negattivi għal persuni barra minn impjieg standard u jafu ma jkunux jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Fiż-żewġ każijiet, jista’ jkun hemm lok biex ir-regoli jiġu adattati aħjar għas-sitwazzjoni tal-gruppi speċifiċi waqt li jinżamm il-prinċipju ġenerali tal-universalità sabiex ħadd fis-suq tax-xogħol ma jisfa mhux kopert jekk ifeġġ xi riskju soċjali. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri speċifiċi biex jiġi evitat li dak li jkun jikkontribwixxi għal skemi dduplikati, pereżempju meta jeżerċita attivitajiet anċillari filwaqt li diġà jkun koperti bis-sħiħ permezz tal-impjieg ewlieni tiegħu.

(19)Id-drittijiet għall-protezzjoni soċjali mhux dejjem jinżammu u jiġu ttrasferiti meta individwi jgħaddu bejn statuses differenti tas-suq tax-xogħol, pereżempju ħaddiema li jħallu impjieg biex jibdew jaħdmu għal rashom jew jisfaw qiegħda, dawk li jħalltu impjieg b’salarju u ma’ xogħol għal rashom, u dawk li jiftħu jew jagħlqu xi negozju. It-trasferibbiltà tad-drittijiet bejn l-iskemi u l-aggregazzjoni tagħhom hija wkoll kruċjali biex tippermetti lil min jgħaqqad jew jibdel l-impjieg jew minn ħaddiem impjegat isir ħaddiem għal rasu u viċi versa, b’mod effettiv ikollu aċċess għall-benefiċċji fi skemi kontributorji u li jkollu kopertura adegwata, filwaqt ukoll li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tiegħu f’każ ta’ skemi tal-protezzjoni soċjali volontarji.

(20)Il-benefiċċji jistgħu jkunu inadegwati, jiġifieri insuffiċjenti jew mhux f’waqthom fil-kapaċità tagħhom li jsostnu l-livell tal-għajxien u l-ħajja dinjituża mingħajr faqar. F’dan il-każ, jista’ jkun hemm lok biex titjieb l-adegwatezza, filwaqt li tingħata attenzjoni li nippermettu miżuri li jiffaċilitaw ir-ritorn lejn ix-xogħol. Ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet jistgħu jgħawwġu l-kundizzjonijiet ekwi u jkunu ta' żvantaġġ għal xi kategoriji ta’ ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom. Pereżempju, il-kontribuzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet indipendenti mill-introjtu, jew ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet dwar l-introjtu jew l-introjtu futur. Dan jista’ joħloq problemi ta’ flussi ta’ flus individwali meta l-introjtu tagħhom jaqa’ taħt l-estimi. Barra minn hekk, il-progressività u t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali għal gruppi b'introjtu baxx jistgħu japplikaw b’mod aktar ugwali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, filwaqt li jiżguraw ukoll li dawn l-eżenzjonijiet ma jwasslux għal rappurtar ta’ introjtu anqas minn dak veru.

(21)Il-kumplessità regolatorja u n-nuqqas ta’ trasparenza attwali fir-rigward tal-protezzjoni soċjali f’bosta Stati Membri jagħmluha diffiċli għall-persuni biex ikunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-possibbiltajiet tagħhom biex jeżerċitawhom. Dawn jafu wkoll jikkontribwixxu għal rata baxxa ta’ parteċipazzjoni fl-iskemi tal-protezzjoni soċjali, speċjalment fil-każ ta’ skema volontarja.

(22)In-nuqqas ta’ statistika dwar il-kopertura tal-protezzjoni soċjali maqsuma skont it-tip ta’ relazzjoni tal-impjieg, l-età, is-sess u ċ-ċittadinanza jistgħu jillimitaw il-possibbiltajiet li tittejjeb il-kapaċità tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex jiġu adattati u jirrispondu għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel.

(23)Id-diskrepanzi fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali jista’ jkollhom effetti ta’ ħsara, f’termini ta’ impatti ekonomiċi u fiskali, li jinħassu madwar l-Unjoni. Huma kwistjoni ta’ interess komuni għall-Istati Membri u potenzjalment jippreżentaw ostakoli għall-kisba tal-objettivi ewlenin tal-Unjoni.

(24)Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni diġà tiżgura l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn it-tipi varji ta’ relazzjonijiet tax-xogħol, tipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq bażi ta’ sess f’materji ta’ impjieg, xogħol, protezzjoni soċjali u aċċess għal prodotti u servizzi, tiżgura l-portabbiltà u l-preservazzjoni tad-drittijiet f’każ ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri u tiżgura rekwiżiti minimi għall-akkwist u l-preservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari bejn il-fruntieri, kif ukoll ir-rekwiżiti minimi f’termini ta’ trasparenza ta’ skemi okkupazzjonali. Din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi u r-regolamenti li diġà jistabbilixxu xi drittijiet għal protezzjoni soċjali 30 .

(25)Fil-ġurisprudenza tagħha 31 , il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet kriterji biex jiġi determinat l-istatus ta’ ħaddiem. Id-definizzjoni ta’ ħaddiem fil-punt 7 hija bbażata fuq dawn il-kriterji.

(26)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE 32 identifikat xi objettivi li hemm twemmin komuni fihom fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u stiednet lill-Istati Membri biex “jeżaminaw il-possibbiltà li jintroduċu u/jew jiżviluppaw protezzjoni soċjali xierqa għall-persuni li jaħdmu għal rashom". Dawk l-objettivi definiti b’mod komuni fetħu spazju għal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, li huwa strument essenzjali sabiex jappoġġa d-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ oqfsa nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali ħalli titrawwem kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam.

(27)Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 ifakkar li t-titjib tal-adegwatezza u l-kopertura tal-protezzjoni soċjali huwa kruċjali għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali filwaqt li l-Linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-2018 jappellaw lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali.

(28)Fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Pjattaformi tal-Protezzjoni Soċjali tagħha tal-2012, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tirrakkomanda lill-membri tagħha, b’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, biex jistabbilixxu mill-aktar fis possibbli u jżommu l-pjattaformi tal-protezzjoni soċjali tagħhom li jinkludu garanziji bażiċi ta’ protezzjoni soċjali.

(29)Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni fuq żewġ stadji mas-sħab soċjali 33 dwar l-aċċess għal protezzjoni soċjali għall-persuni f’kull forma ta’ impjieg, b’konformità mal-Artikolu 154(2) TFUE. Il-proċedura tal-Artikolu 154(2) TFUE mhix bħala tali applikabbli għall-azzjoni tal-Unjoni fl-indirizzar tal-isfidi relatati mal-ħaddiema għal rashom abbażi tal-Artikolu 352 TFUE. Il-Kummissjoni stiednet lis-sħab soċjali biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fuq bażi volontarja.

(30)Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika biex jinstemgħu l-fehmiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati u taċ-ċittadini u ġabret evidenza biex tivvaluta l-impatti soċjoekonomiċi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni 34 .

(31)Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ma tintużax biex tnaqqas id-drittijiet eżistenti stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti f’dan il-qasam u lanqas ma jenħtieġ li tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert minn din ir-Rakkomandazzjoni.

(32)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tevita li ddaħħal rabtiet amministrattivi, finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji (SMEs). L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna sabiex jevalwaw l-impatt tar-riformi tagħhom fuq l-SMEs biex jiżguraw li l-SMEs ma jiġux affettwati b'mod sproporzjonat, b'attenzjoni speċifika għall-mikrointrapriżi u għall-piż amministrattiv, u biex jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

(33)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tkomplix taggrava l-likwidità tal-impriżi - u speċjalment l-SMEs - meta l-qagħda finanzjarja tagħhom tkun ġiet affettwata b’mod negattiv minħabba pagamenti tard mill-awtoritajiet pubbliċi.

(34)L-Istati Membri jistgħu jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, fit-tfassil tar-riformi. Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tillimitax l-awtonomija tas-sħab soċjali fejn huma responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ skemi ta’ protezzjoni soċjali.

(35)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom, tinkludi, fost oħrajn, deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment, il-finanzjament u l-ġestjoni ta’ tali sistemi u istituzzjonijiet relatati kif ukoll dwar is-sustanza u l-għoti ta’ benefiċċji, il-livell tal-kontribuzzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-aċċess. Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet iktar avvanzati dwar il-protezzjoni soċjali minn dawk irrakkomandati hawnhekk.

(36)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tosserva, isaħħaħ u tintensifika kif jixraq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari kif stabbilit fl-Artikoli 29 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(37)Is-sostenibbiltà finanzjarja tal-iskemi ta’ protezzjoni soċjali hija essenzjali għar-reżiljenza, l-effiċjenza u l-effettività tal-iskemi. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ma taffettwax b’mod sinifikanti l-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tal- protezzjoni soċjali tal-Istati Membri,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

1.Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tipprovdi aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha u għal dawk kollha li jaħdmu għal rashom fl-Istati Membri.

2.Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Il-protezzjoni soċjali tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ kombinazzjoni ta’ dawn l-iskemi, li jinkludu skemi pubbliċi, okkupazzjonali u privati u tista’ tinvolvi kontribuzzjonijiet, b’konformità mal-prinċipji fundamentali fis-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali. L-Istati Membri huma kompetenti li jiddefinixxu l-livell ta’ kontribuzzjonijiet u jiddeċiedu liema kombinazzjoni ta’ skemi huwa xieraq, skont l-Artikolu 153(4) TFUE.

3.Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri d-dritt li wieħed jipparteċipa fi skema filwaqt li jsawwar u jieħu intitolamenti. B’mod partikolari, għandha l-għan li tiżgura dan li ġej għall-ħaddiema kollha u għall-dawk li jaħdmu għal rashom:

(a)kopertura formali ta’ protezzjoni soċjali;

(b)kopertura effettiva, adegwatezza u trasferibbiltà tal-protezzjoni soċjali;

(c)trasparenza tal-intitolamenti għall-protezzjoni soċjali.

4.Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għall-ħaddiema bi status ta’ impjegati u dawk bi status ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, inkluż dawk li jibdlu l-istatus tagħhom jew ikunu impjegati u jaħdmu għal rashom fl-istess waqt, kif ukoll dawk li xogħolhom huwa interrott minħabba li jseħħ xi wieħed mir-riskji koperti mill-protezzjoni soċjali.

5.Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għal dawn l-oqsma ta’ protezzjoni soċjali li ġejjin, sa fejn ikunu pprovduti fl-Istati Membri:

(a)il-benefiċċji tal-qgħad;

(b)il-benefiċċji tal-kura tas-saħħa u tal-mard;

(c)il-benefiċċji tal-maternità u l-benefiċċji ekwivalenti tal-paternità;

(d)il-benefiċċji tal-invalidità;

(e)il-benefiċċji tax-xjuħija;

(f)il-benefiċċji marbutin ma’ aċċidenti fuq ix-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali;

6.Il-prinċipji tal-aċċessibbiltà, it-trasferibbiltà, l-adegwatezza u t-trasparenza definiti f’din ir-Rakkomandazzjoni japplikaw għall-ħaddiema kollha u għal dawk li jaħdmu għal rashom, filwaqt li jirrikonoxxu li regoli differenti jistgħu japplikaw għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

Definizzjonijiet

7.Għall-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“ħaddiem” tfisser persuna fiżika, li għal ċertu perjodu ta’ żmien twettaq servizzi għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha għal remunerazzjoni;

(b)“relazzjoni tax-xogħol” tfisser relazzjoni tax-xogħol bejn ħaddiem u min iħaddmu;

(c)“tip ta’ relazzjoni tax-xogħol” tfisser wieħed minn diversi tipi ta’ relazzjonijiet bejn ħaddiem u min jimpjegah li jistgħu jvarjaw fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-impjieg, in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol jew termini oħra tal-impjieg;

(d)“status fis-suq tax-xogħol” tfisser l-istatus ta’ persuna bħala waħda li taħdem fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ impjieg (ħaddiem) jew li taħdem f’isimha stess (persuna li taħdem għal rasha);

(e)“protezzjoni soċjali” tfisser skema distinta ta’ qafas ta’ regoli li jipprovdu benefiċċji lill-benefiċjarji intitolati. Dawn ir-regoli jispeċifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni personali, il-kundizzjonijiet tal-intitolamenti, it-tip ta’ benefiċċji, l-ammonti ta’ benefiċċji, it-tul ta’ żmien tal-benefiċċji u karatteristiċi oħra tal-benefiċċji, kif ukoll il-finanzjament (kontribuzzjonijiet, it-tassazzjoni ġenerali, sorsi oħra), il-governanza u l-amministrazzjoni tal-programm. L-oqsma tal-protezzjoni soċjali msemmija fil-paragrafu 5 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huma definiti skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(f)“benefiċċju” tfisser trasferiment fi flus kontanti magħmula minn entità pubblika jew privata lil xi ħadd li jkun intitolat li jirċievi dan bħala parti minn skema ta’ protezzjoni soċjali;

(g)“kopertura formali” ta’ grupp tfisser sitwazzjoni fi ħdan qasam tal-protezzjoni soċjali speċifiku (eż. protezzjoni tax-xjuħija, kontra l-qgħad, tal-maternità/paternità) fejn il-leġiżlazzjoni jew ftehim kollettiv eżistenti jistabbilixxi li individwi ta’ dan il-grupp huma intitolati li jipparteċipaw fi skema ta’ protezzjoni soċjali li tkopri qasam speċifiku;

(h)“kopertura effettiva” ta’ grupp tfisser sitwazzjoni speċifika fi ħdan qasam tal-protezzjoni soċjali fejn l-individwi f’dan il-grupp ikollhom l-opportunità li jakkumulaw benefiċċji u l-kapaċità; f’każ ta’ materjalizzazzjoni tar-riskju korrispondenti, li jkollhom aċċess għal livell partikolari ta’ benefiċċji;

(i)“dewmien tal-benefiċċji” tfisser il-perjodu ta’ żmien li matulu l-persuna assikurata u persuni dipendenti minnha jkunu jistgħu japprofittaw mill-benefiċċji ta’ skema ta’ protezzjoni soċjali;

(j)“perjodu ta' kwalifikazzjoni” tfisser il-perjodu ta' sħubija attiva ta' skema, meħtieġ skont il-liġi nazzjonali jew ir-regoli tal-iskema, sabiex jinħolqu intitolamenti għal drittijiet akkumulati tal-protezzjoni soċjali;

(k)“perjodu minimu ta’ xogħol” tfisser li l-persuna hija obbligata li taħdem numru minimu ta’ sigħat/xhur/snin qabel ma tkun eliġibbli li tirċievi l-benefiċċju f’każ ta’ materjalizzazzjoni tar-riskju;

(l)“setturi ekonomiċi” tfisser is-setturi tal- ekonomija , raggruppati skont it-tip ta' prodott i jew servizz i li jipproduċu;

(m)“trasferibbiltà” tfisser il-possibbiltà ta’ i) trasferiment tal-intitolamenti akkumulati ma’ skema oħra, ii) l-għadd ta’ perjodi ta’ kwalifika fi status tas-suq tax-xogħol preċedenti (jew fi statuses tas-suq tax-xogħol konkomitanti) lejn perjodi ta’ kwalifika fl-istatus il-ġdid;

(n)“trasparenza” tfisser il-provvista ta’ informazzjoni disponibbli, aċċessibbli, komprensiva u li tinftiehem b’mod ċar lill-pubbliku ġenerali, lill-membri potenzjali tal-iskema, lill-membri u lill-benefiċjarji ta’ skemi dwar ir-regoli tal-iskema u/jew dwar l-obbligi u l-intitolamenti individwali.

Kopertura formali

8.L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali billi jestendu l-kopertura formali fuq bażi obbligatorja għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip ta’ relazzjoni tax-xogħol tagħhom;

9.L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-persuni li jaħdmu għal rashom ikollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali billi jestendu l-kopertura formali tagħhom:

(a)fuq bażi obbligatorja għall-benefiċċji tal-mard u l-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tal-maternità/paternità, il-benefiċċji tax-xjuħija u l-benefiċċji tal-invalidità kif ukoll il-benefiċċji fir-rigward ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali;

(b)fuq bażi volontarja għall-benefiċċji tal-qgħad.

Kopertura effettiva u trasferibbiltà

10.L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw kopertura effettiva għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip ta’ relazzjoni tax-xogħol, u għal dawk li jaħdmu għal rashom, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 7 u 8, filwaqt li tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tas-sistema u l-implimentazzjoni ta’ salvagwardji biex jiġi evitat l-abbuż. Għal dak l-għan:

(a)ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet (eż. il-perjodi tax-xogħol, il-perjodi minimi ta’ kwalifika) u r-regoli li jirregolaw id-drittijiet (eż. il-perjodi ta’ stennija, ir-regoli tal-kalkolazzjoni u d-dewmien) jenħtieġ li ma jxekklux il-possibbiltà li wieħed jakkumula u jaċċessa l-benefiċċji minħabba t-tip ta’ relazzjoni tax-xogħol jew l-istatus tas-suq tax-xogħol;

(b)id-differenzi fir-regoli li jirregolaw l-iskemi bejn l-istatus tas-suq tax-xogħol jew it-tipi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jenħtieġ li jkunu proporzjonali u jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarji.

11.Skont l-arranġamenti nazzjonali dwar id-djalogu soċjali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-intitolamenti - kemm jekk ikunu ġew akkwistati permezz ta’ skemi obbligatorji jew volontarji - jiġu akkumulati, preservati u jkunu trasferibbli fit-tipi kollha ta’ statuses ta’ impjiegi u jew impjiegi ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fis-setturi ekonomiċi kollha. Dan jista’ jinkludi:

(a)l-aggregazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti kollha akkumulati tul il-karriera tal-persuna jew matul ċertu perjodu ta’ referenza;

(b)l-intitolamenti kollha jsiru trasferibbli bejn skemi differenti fi ħdan qasam tal-protezzjoni soċjali partikolari. 

Adegwatezza

12.Fejn ifeġġ riskju assikurat minn skemi tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-iskemi jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni lill-membri tagħhom, jiġifieri li din il-protezzjoni tkun suffiċjenti u f’waqtha biex tħares il-livell tal-għajxien, tipprovdi sostituzzjoni tal-introjtu xierqa, filwaqt li dejjem tevita li dawk il-membri jisfaw fil-faqar.

13.L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali jkunu proporzjonati għall-kapaċità kontributtiva tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom.

14.L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li japplikaw kwalunkwe eżenzjoni jew tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali għal gruppi b’introjtu baxx, irrispettivament mit-tip ta’ relazzjoni tax-xogħol u l-istatus fis-suq tax-xogħol.

15.L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti għall-protezzjoni soċjali ta’ dawk li jaħdmu għal rashom ikunu bbażati fuq valutazzjoni oġġettiva u trasparenti tal-introjtu tagħhom, inkluż billi jitqiesu l-fluttwazzjonijiet fl-introjtu tagħhom, u jirriflettu l-qligħ attwali.

It-trasparenza

16.L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kundizzjonijiet u r-regoli tal-iskemi soċjali kollha jkunu trasparenti u li l-individwi jingħataw regolarment informazzjoni aġġornata, komprensiva, aċċessibbli, faċli għall-utent, u li tinftiehem b’mod ċar li tkun bla ħlas dwar l-intitolamenti u l-obbligi tagħhom, pereżempju:

(a)jibagħtu aġġornamenti regolari dwar l-intitolamenti individwali;

(b)iwaqqfu strumenti ta’ simulazzjoni online rigward l-intitolamenti għall-benefiċċji;

(c)joħolqu ċentri ta’ informazzjoni ‘one-stop’ online u off-line jew kontijiet personali.

17.L-Istati Membri jenħtieġ li jissimplifikaw ir-rekwiżiti amministrattivi tal-iskemi tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema, għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal dawk li jħaddmu, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

L-implimentazzjoni, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni

18.L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien fuq it-titjib tal-kamp tal-applikazzjoni u r-rilevanza tal-ġbir tad-dejta fil-livell tal-Unjoni dwar il-forza tax-xogħol u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, bil-ħsieb partikolari li jinformaw it-tfassil tal-politika dwar il-protezzjoni soċjali ta’ forom ġodda ta’ xogħol. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġbru u jippubblikaw statistika nazzjonali affidabbli dwar l-aċċess għal għamliet varji ta’ protezzjoni soċjali, imqassma skont l-istatus fis-suq tax-xogħol (persuni li jaħdmu għal rashom/impjegati), it-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg (temporanju jew permanenti, part-time/full-time, forom ġodda ta’ xogħol/impjieg standard), is-sess, l-età u ċ-ċittadinanza [ADD date 18 months from the publication of the Recommendation]..

19.Jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’mod konġunt mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, tistabbilixxi qafas ta’ valutazzjoni komparattiva, u tiżviluppa indikaturi maqbula komuni kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sa [ADD date 12 months from the publication of the Recommendation] u li jippermettu l-evalwazzjoni tagħha.

20.L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni mill-aktar fis possibbli u jippreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni korrispondenti ta’ rappurtar dwar il-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali mhux aktar tard minn [ADD date 12 months from the publication of the Recommendation]. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni jenħtieġ li jiġi ssorveljat fil-kuntest tal-istrumenti ta’ sorveljanza multilaterali b’konformità mas-Semestru Ewropew u l-Metodu Miftuh ta’ Koordinazzjoni għall-Inklużjoni Soċjali u l-Protezzjoni Soċjali.

21.Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, filwaqt li tqis l-impatt fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati involuti, u tirrapporta lill-Kunsill sa [ADD date 3 years from the publication of the Recommendation]. Fuq il-bażi tar-riżultati tar-rieżami, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tagħmel aktar proposti.

22.Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tiġi appoġġata minn azzjonijiet iffinanzjati minn programmi rilevanti tal-Unjoni.

23.Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.

Magħmul fi Strasburgu,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   COM(2017)251

(2)    COM(2018)131
(3)    COM(2018)130
(4)    ILO Social Protection Floors Recommendation, 2012 (N. 202).
(5)    Il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja u r-Renju Unit.
(6)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1992 dwar il-konverġenza tal-għanijiet u l-politiki tal-protezzjoni soċjali (92/442/KEE), ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49–52, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (C(2008) 5737), OJ L 307, 18.11.2008, p. 11–14, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, COM (2013)83, "Impenn imġedded għal Ewropa soċjali: Insaħħu l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u għall-Inklużjoni Soċjali", COM(2008) 418 final, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015, ĠU L 268, 15.10.2015, Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.
(7)    L-immodernizzar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, COM (97) 102 final, it-12 ta’ Marzu 1997.
(8)    Xogħol Temporanju permezz ta’ Aġenzija, disponibbli online .
(9)    Id-Direttiva dwar Xogħol fuq Terminu Fiss 1999/70/EC, disponibbli online ; Id-Direttiva dwar Xogħol Part-time 97/81/EC, disponibbli online .
(10)    Ara l-Każijiet Konġunti C-396/08 u 395/08 Bruno et al f’para.41, disponibbli online .
(11)    Ibid u l-Każ C-385/11 Moreno v INSS, disponibbli online .
(12)    Il-ftehim ta’ qafas dwar il-kuntratti fuq terminu fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali mill-industrija kollha (ETUC, UNICE u CEEP), il-Ftehim ta’ Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali mill-industrija kollha (ETUC, UNICE u CEEP)
(13)    ESPN (2017), Thematic Reports on Access to social protection of people working as self-employed or on non-standard contracts.
(14)    Disponibbli online .
(15)    COM(2017)253/884003.    
(16)    Ara l-Anness 8 għal aktar dettalji.
(17)    Id-Direttiva 2014/50/UE dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari. L-Artikolu 6 jirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li l-membri ta’ skema attiva jkunu jistgħu jiksbu, fuq talba, informazzjoni dwar kif terminazzjoni ta’ impjieg tkun tolqot id-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tagħhom.
(18)    Id-Direttiva 2016/2341/UE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs)
(19)    L-Artikolu 37 (1,j) tad-Direttiva 2016/2341 dwar l-informazzjoni ġenerali dwar l-iskema tal-pensjoni fih dispożizzjoni dwar it-trasferibbiltà. F’każ li xi membru jkollu d-dritt jittrasferixxi d-drittijiet tal-pensjoni, trid tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar l-arranġamenti konnessi mat-tali trasferiment.
(20)    COM(2017) 797 final, disponibbli online.
(21)    COM(2016)356
(22)    Barnard, C. u Blackham A. (2015), The implementation of Directive 2010/41 on the application of the principle of equal treatment between men and women engaged in an activity in a self-employed capacity, report of the European network of legal experts in the field of gender equality, li ġie kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea.
(23)    COM(2017) 797 final, disponibbli online .
(24)    Inkluż id-DĠ GROW, DĠ SANTE, DĠ ECFIN, DĠ TAXUD, DĠ JUST, is-Servizz Legali.
(25)    Ara l-Anness I tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(26)    ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10–15.
(27)    L-istqarrija konġunta tas-sħab soċjali tal-24 ta' Marzu 2017.
(28)    http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0010+0+DOC+XML+V0//MT
(29)    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/867/KE).
(30)    Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC - Anness: Il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time (ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9), id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43), id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9), id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36), id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37), id-Direttiva 2010/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1), id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23), id-Direttiva tal-Kunsill 1979/7/KE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24), id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37), u d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/KE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13) u l-proposta tat-16 ta’ April 2017 li tħassarha (COM(2017) 253 final), id-Direttiva tal-Kunsill 93/103/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (it-tlettax-il Direttiva individwali li taqa’ taħt it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1) u l-proposta għal Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, COM/2017/0797 finali tal-21 ta’ Diċembru 2017.
(31)    Ara s-Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Deborah Lawrie-Blum, il-Kawża 66/85; tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union Syndicale Solidaires Isère, il-Kawża C-428/09; tad-9 ta’ Lulju 2015, Balkaya, il-Kawża C-229/14; tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten, il-Kawża C-413/13; u tas-17 ta’ Novembru 2016, Ruhrlandklinik, il-Kawża C-216/15.
(32)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta’ Lulju 1992 dwar il-konverġenza tal-objettivi u tal-politiki tal-protezzjoni soċjali (ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49).
(33)    C(2017)7773
(34)    SWD(2018)70
Top