EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0089

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet ta' titoli

COM/2018/089 final

Brussell, 12.3.2018

COM(2018) 89 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet ta' titoli

{SWD(2018) 52}
{SWD(2018) 53}


1.INTRODUZZJONI

Il-prijorità tal-Kummissjoni hi li tkompli ssaħħaħ l-ekonomija tal-Ewropa u tistimola l-investiment biex jinħolqu l-impjiegi u jkun sostnut it-tkabbir. Biex jintlaħaq dan l-għan, hemm bżonn ta' swieq kapitali iktar b'saħħithom, iktar profondi u iktar integrati. L-infrastrutturi effiċjenti u sikuri ta’ wara n-negozjar huma elementi kruċjali ta' swieq tal-kapital bħal dawn li jiffunzjonaw tajjeb. B'segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) 1 , f'Ġunju 2017, ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu 2 tal-Kummissjoni stabbilixxa l-azzjonijiet li fadal jittieħdu biex jitqiegħdu f'posthom l-elementi kostitwenti tas-CMU sal-2019, bl-għan li jitneħħew l-ostakli għall-investiment transfruntiera u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament. It-tlestija tas-CMU hija prijorità urġenti.

Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni tas-CMU u r-Rieżami ta' Nofs it-Terminu, il-Kummissjoni ħabbret azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-inċertezza tad-dritt dwar tranżazzjonijiet transfruntiera ta' titoli u pretensjonijiet. Din il-Komunikazzjoni u l-proposta leġiżlattiva dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji ta' ċessjoni tal-pretensjonijiet, ippreżentata llum ukoll, jimplimentaw dan l-impenn.

Ix-xiri u l-bejgħ ta’ titoli u l-użu tagħhom bħala kollateral isiru kuljum madwar l-UE f'volumi kbar. Parti sinifikanti ta' dawn it-tranżazzjonijiet, li jammontaw għal madwar EUR 10 triljun fis-sena, jinvolvu element transfruntiera 3 .

Sabiex ikunu promossi t-tranżazzjonijiet transfruntiera, iċ-ċarezza u prevedibbiltà dwar il-liġi ta' liema pajjiż tapplika biex ikun iddeterminat ta' min huma l-assi sottostanti tat-tranżazzjoni huma essenzjali. Jekk ikun hemm inċertezza tad-dritt dwar ta' min huma l-assi, skont liema qrati jew awtoritajiet tal-Istati Membri jivvalutaw tilwima li tikkonċerna s-sjieda ta' pretensjoni jew titolu, it-tranżazzjoni transfruntiera tista' tkun eżegwibbli jew le, jew tista' tikkonferixxi t-titolu legali mistenni fuq il-partijiet jew le. F'każ ta' insolvenza, meta kwistjonijiet ta’ sjieda u eżegwibilità ta' tranżazzjonijiet jitressqu għal skrutinju ġudizzjarju, ir-riskji legali ġejjin mill-inċertezza tad-dritt jistgħu jirriżultaw f'telf mhux mistenni. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tgħin biex jiżdiedu t-tranżazzjonijiet transfruntiera ta' titoli billi tipprovdi ċ-ċertezza tad-dritt dwar ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fil-livell tal-Unjoni. Ċertezza tad-dritt imsaħħa se tippromwovi l-investiment transfruntiera, aċċess għal kreditu irħas, u l-integrazzjoni tas-swieq.

Dwar it-titoli, hemm tliet direttivi li jindirizzaw il-kwistjoni ta liema liġi nazzjonali tapplika f'każ ta' tranżazzjonijiet transfruntiera: id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju 4 , id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu 5 u d-Direttiva dwar l-Istralċ 6 . Dawn id-direttivi jinkludu regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jkopru l-iktar aspetti importanti tat-tranżazzjonijiet tat-titoli. Madankollu, l-għażla tal-kliem li ntuża fihom twassal għal interpretazzjonijiet nazzjonali differenti. In-nuqqas ta' ċarezza maħluqa minn interpretazzjonijiet differenti tar-regoli eżistenti jista' jagħmel it-tranżazzjonijiet transfruntiera iktar għaljin minħabba xi inċertezza tad-dritt residwa dwar liem liġi hija applikabbli.

Minħabba l-volum tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm bżonn li r-regoli jiġu ċċarati biex jgħinu lis-swieq inaqqsu l-kostijiet żejda u jżidu ċ-ċertezza tad-dritt fil-liġi applikabbli.

Din il-Komunikazzjoni tiċċara l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar aspetti importanti tal-acquis eżistenti tal-UE fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet fit-titoli.

Din il-Komunikazzjoni tkopri l-effetti ta' partijiet terzi tat-trasferiment tal-istrumenti finanzjarji. Hija takkumpanja l-proposta leġiżlattiva dwar l-effetti fuq terzi tal-assenjament tal-pretensjonijiet 7 . Kwistjonijiet irregolati mid-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju, id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, id-Direttiva dwar l-Istralċ u r-Regolament dwar ir-Reġistru 8 mhumiex, madankollu, affettwati minn dik il-proposta leġiżlattiva 9 .

2.X'jgħid l-acquis tal-UE?

It-tranżazzjonijiet transfruntiera f'titoli huma pedamenti importanti tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Peress li l-liġijiet nazzjonali dwar it-titoli mhumiex armonizzati fil-livell tal-UE, ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet jiddeterminaw liema liġi nazzjonali tapplika għal tranżazzjonijiet transfruntiera.

Żewġ elementi ta' tranżazzjonijiet f'titoli huma rregolati mir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet: (i) l-element proprjetarju, li jirreferi għat-trasferiment ta' titli fi proprjetà u li jaffettwa terzi u (ii) l-element kuntrattwali, li jirreferi għall-obbligazzjonijiet tal-partijiet lejn xulxin skont it-tranżazzjoni 10 . Filwaqt li l-element kuntrattwali huwa diġà rregolat fil-livell tal-UE mir-Regolament Ruma I, 11 din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-ewwel aspett, l-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet tat-titoli. Fil-prattika, il-partijiet involuti fit-tranżazzjoni jridu joqogħdu fuq dawn ir-regoli li jikkonċernaw l-effetti proprjetarji fil-każ ta' insolvenza, meta jkollhom jirkupraw l-assi.

L-acquis tal-UE attwali jinkludi dispożizzjonijiet li jiddeterminaw f'każijiet speċifiċi liema liġi nazzjonali tapplika għal effetti proprjetarji ta' tranżazzjonijiet transfruntiera fit-titoli. Dawn huma stabbiliti fi tliet Direttivi: id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, id-Direttiva dwar l-Istralċ u d-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju.

L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, adottata fl-1998, fiha d-dispożizzjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet li ġejja:

Meta t-titoli li jinkludu drittijiet f’titoli huma provduti bħala sigurtà kollaterali għall-parteċipanti, l-operaturi tas-sistemi u l-banek ċentrali tal-Istati Membri jew il-Bank Ċentrali Ewropew kif deskritt fil-paragrafu 1, u d-dritt tagħhom jew dak ta’ kull kandidat, aġent jew parti terza li j/taġixxi f’isimhom fir-rigward tat-titoli hija/huwa legalment reġistrat f'reġistru, kont jew sistema depositorja ċentralizzata li tinsab fi Stat Membru, id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ tali entitajiet bħala detenturi ta’ sigurtà kollaterali fir-rigward ta’ dawk it-titoli għandha tkun regolata mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

Id-Direttiva dwar l-Istralċ, adottata fl-2001, fiha r-regola li ġejja dwar il-kunflitt tal-liġijiet fl-Artikolu 24:

L-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà fi strumenti jew drittijiet oħra f'dawn l-istrumenti fejn l-eżistenza jew it-trasferiment ta' liema jippresupponi r-reġistrazzjoni tagħhom f'reġistru, kont jew sistema ċentralizzata ta' depożitu miżmuma jew li tinsab fi Stat Membru għandha tkun iggvernata bil-liġi tal-Istat Membru fejn ir-reġistru, kont jew sistema ta' depożitu ċentralizzata fejn dawk id-drittijiet jinzammu jew jinsabu.

Finalment, id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju, adottata fl-2002, tifformula d-dispożizzjoni tagħha dwar il-kunflitt tal-liġijiet fl-Artikolu 9(1) u (2) kif ġej:

1. Kwalunkwe kwistjoni dwar kwalunkwe materja speċifikata fil-paragrafu 2, in relazzjoni mal-kollateral dwar tniżżil ta' garanziji fil-ktieb, għandha tkun regolata mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun qed jinżamm il-kont rilevanti. Ir-referenza għal-liġi tal-pajjiż, hija referenza għal-liġi domestika tiegħu, mingħajr ma tikkunsidra kwalunkwe regola li, meta tiġi deċiża l-kwistjoni relevanti, trid issir referenza għal-liġi ta' pajjiż ieħor.

2. Il-materji li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 huma:

(a) in-natura legali u l-effett tal-propjetà dwar il-kollateral dwar tniżżil ta' garanziji fil-ktieb;

(b) il-ħtiġijiet sabiex ikun ipperfezzjonat l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, li jittratta kollaterali dwar tniżżil ta' garanziji fil-ktieb, u l-għoti ta' kollaterali dwar it-tniżżil ta' garanziji fil-ktieb, taħt dak il-ftehim, u b'mod aktar ġenerali t-tkomplija tal-passi meħtieġa sabiex dan l-arranġament u l-għoti jkun effettiv kontra partijiet terzi;

(ċ) jekk it-titolu ta' persuna għal jew interess f'dan il-kollateral dwar it-tniżżil ta' garanziji fil-ktieb ikunu megħluba minn jew subordinati għal titolu jew interess kompetittiv, jew ikun seħħ akkwist in bona fede;

(d) il-passi meħtieġa għar-realizzazzjoni tal-kollateral dwar it-tniżżil ta' garanziji fil-ktieb, wara li jkun seħħ avveniment dwar inforzar.

Mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE fit-3 ta' Jannar 2018 (MiFID II), il-kwoti tal-emissjonijiet elenkati fl-istrumenti finanzjarji fil-punt (11) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva saru jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u d-Direttiva dwar l-Istralċ u d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-kunflitt tal-liġijiet. Minkejja dan, il-Komunikazzjoni ma tqisx l-ispeċifiċitajiet ta' dawn il-kwoti ta’ emissjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-fatt li jinżammu f'kontijiet li jinsabu fir-Reġistru tal-Unjoni rregolat minn dispożizzjoni ta' kunflitt tal-liġijiet speċifika fir-Regolament (UE) Nru 389/2013 adottata skont id-Direttiva 2003/87/KE 12 .

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet fid-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju u d-Direttiva dwar l-Istralċ jindikaw il-liġi applikabbli abbażi ta' approċċ komuni. Huma simili peress li kollha jindikaw liġi applikabli abbażi tal-post tar-reġistru jew kont rilevanti (u fil-każ tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u d-Direttiva dwar l-Istralċ, is-sistema tad-depożitu ċentralizzata). Madankollu, id-dispożizzjonijiet ivarjaw fid-dettall u jidher li hemm xi differenzi dwar kif jiġu interpretati u applikati fl-Istati Membri. B'mod partikolari, dan jikkonċerna d-definizzjoni u d-determinazzjoni ta' fejn "jinsab" jew "qed jinżamm" il-kont.

3.Titjib fiċ-ċarezza tal-acquis tal-UE eżistenti

3.1.    It-termini "qed jinżamm" u "jinsab" ifissru affarijiet differenti?

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-differenza fl-għażla tal-kliem, b'referenza għall-post tal-kont jew ir-reġistru, ma jimplika l-ebda differenza fis-sustanza.

Id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju u d-Direttiva dwar l-Istralċ jiddefinixxu l-liġi applikabbli b'referenza għall-post tal-kont rilevanti. Skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar l-Istralċ, il-liġi applikabbli hija l-liġi ta' fejn ikun "jinsab" il-kont jew reġistru, filwaqt li d-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju, fl-Artikolu 9(1) tirreferi għal-liġi fejn ikun "qed jinżamm" il-kont rilevanti. Madankollu l-ebda waħda mid-Direttivi ma tispeċifika jekk "jinsab" tfissirx l-istess bħal "qed jinżamm".

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li "jinsab" tfisser l-istess bħal "qed jinżamm" għar-raġunijiet li ġejjin.

L-ewwel nett, il-Premessa (7) tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju tispjega li l-għan tad-dispożizzjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet huwa li testendi l-prinċipju diġà stabbilit fid-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu 13 .

It-tieni, kif enfasizzat preċedentement fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2007, id-differenza fl-għażla tal-kliem bejn id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju u d-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu jirriflettu rikonoxximent – fl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju – li s-swieq tat-titoli tal-UE evolvew b'modi li ppermettew li espressjoni iktar adatta, jiġifieri il-post fejn qed jinżamm il-kont – tintuża biex tiddeskrivi l-istess formula 14 .

It-tielet, id-differenzi fit-terminoloġija mhumiex preżenti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva. Filwaqt li l-verżjonijiet bl-Ingliż tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u d-Direttiva dwar l-Istralċ jużaw it-termini "located" u d-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju tuża "maintained", bosta verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju jirreferu għall-istess terminu eżatt, eż., il-verżjonijiet bil-Franċiż, bit-Taljan u bir-Rumen tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u d-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju jinkludu l-istess referenza ta' fejn "jinsab" il-kont rilevanti (situé - situato - se află). F'verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, jintużaw termini oħrajn, bħall-verżjoni lingwistika Portugiża li tagħmel distinzjoni bejn "jinsab" u "sitwat" u l-verżjoni bl-Olandiż li tirreferi għal "jinsab" u "miżmum".

3.2.    Determinazzjoni ta' fejn "jinsab" jew "qed jinżamm" il-kont jew ir-reġistru

Il-Kummissjoni tosserva li skont l-implimentazzjoni nazzjonali hemm modi differenti biex jiġi ddeterminat fejn "jinsab" jew "qed jinżamm" kont ta' titoli. Bla preġudizzju għad-deċiżjonijiet potenzjali futuri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dawn il-modi differenti ta' interpretazzjoni kollha jidher li huma validi skont id-Direttivi. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet fit-tliet Direttivi ma jipprovdux definizzjonijiet ċari ta' kif jiġi ddeterminat fejn "jinsab" jew "qed jinżamm" il-kont ta' titoli. Madankollu, il-Premessa (8) tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju tindika b'mod ċar il-bażi komuni għall-kunflitt tal-liġijiet madwar l-UE:

Ir-regola lex rei sitae, li fuqha l-liġi applikabbli sabiex jiġi determinat jekk arranġament dwar il-kollateral finanzjarju huwa pperfezzjonat kif suppost, u għalhekk tajjeb kontra partijiet terzi, hija l-liġi tal-pajjiż fejn jinsab il-kollateral finanzjarju, hija bħalissa rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha.

Ma hemmx sorsi oħrajn biex jiċċaraw kif għandu jiġi ddeterminat il-post fejn jinsab u fejn qed jinżamm, peress li atti oħra tal-UE ma jipprovdux definizzjoni ta' dan it-tip, u s'issa ma hemm l-ebda ġurisprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar kif għandhom jiġu interpretati dawn il-kunċetti.

Il-Kummissjoni tosserva li ħafna Stati Membri, meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u d-Direttiva dwar l-Istralċ, ma inkludew l-ebda kriterji addizzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li jippreskrivu kif tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni ta' fejn "jinsab" il-kont jew ir-reġistru.  15 Bl-istess mod, ħafna traspożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju ma jżidux kjarifika fil-livell nazzjonali dwar kif kont jista' jiġi ddeterminat li "qed jinżamm".  16  

F'dawk il-każijiet fejn il-liġijiet nazzjonali ma jipprovdux gwida addizzjonali, l-approċċi jistgħu jvarjaw fir-riżultat tagħhom. Barra minn hekk, f'dawk l-Istati Membri fejn ma żdiedet l-ebda kjarifika fit-traspożizzjoni nazzjonali, il-ġurisprudenza jew il-letteratura akkademika jistgħu jipprovdu elementi li jgħinu fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta' fejn jinsab jew qed jinżamm fil-prattika l-kont. Dawn l-elementi mhux ikkodifikati jaf ukoll iwasslu għal riżultati diverġenti 17 .

Hemm għadd ta' Stati Membri li bħalissa qed jinterpretaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta' liġijiet tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju billi jaraw il-post minn fejn qed jiġu pprovduti s-servizzi ta’ kustodja. Oħrajn jaraw il-ftehim tal-kont għall-informazzjoni dwar il-post fejn jinżamm il-kont. Din l-aħħar soluzzjoni tista' toffri l-konvenjenza li potenzjalment jiġu evitati liġijiet applikabbli differenti internazzjonalment, fi tranżazzjonijiet li jinvolvu ġuriżdizzjonijiet li japplikaw soluzzjoni ta' għażla tal-liġi applikabbli. Approċċ ieħor li jevita li jiġu applikati liġijiet differenti fi tranżazzjoni internazzjonali f'sett ta' każijiet idjaq (fejn klawżola ta' għażla tal-liġi applikabbli ta' pajjiż terz tagħżel il-liġi ta' Stat Membru), hu li fejn "qed jinżamm" jiġi ddeterminat b'mod li jippermetti li l-għażla tal-liġi ta' dak l-Istat Membru tkun valida skont il-Konvenzjoni tal-Aja dwar it-Titoli 18 . F'dan il-każ "qed jinżamm" tiġi definita bħala l-effettwar jew il-monitoraġġ ta' entrati f’kontijiet ta' titoli, l-amministrazzjoni ta' pagamenti jew azzjonijiet korporattivi, jew il-prestazzjoni ta' kwalunkwe attività regolari oħra neċessarja għall-amministrazzjoni ta' kontijiet ta' titoli. Bla preġudizzju għal kull deċiżjoni futura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-soluzzjonijiet kollha ta' fuq jidhru li huma validi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE.

4.Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi reazzjoni proporzjonata għall-inċertezza tad-dritt residwa ta' regoli ta' kunflitt tal-liġijiet tal-UE eżistenti fil-qasam tal-effetti proprjetarji ta’ tranżazzjonijiet ta' titoli. Kjarifika tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni għandha titfa' dawl fuq soluzzjonijiet eżistenti ta' kif qed jiġu applikati bħalissa d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju u d-Direttiva dwar l-Istralċ, filwaqt li l-Kummissjoni jkollha l-libertà li fil-futur tivvaluta jekk ikunx hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri, fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali, teknoloġiċi jew tas-suq. F'dan ir-rigward, ta' min jenfasizza li din il-Komunikazzjoni hija bla preġudizzju għall-interpretazzjoni li tista' tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-futur. Il-Qorti tibqa' responsabbli fl-aħħar istanza għall-interpretazzjoni tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja, jew minn azzjoni futura tal-Kummissjoni, b'mod partikolari jekk ta' natura leġiżlattiva. Din il-Komunikazzjoni hija wkoll bla preġudizzju għal azzjoni futura tal-Kummissjoni meħuda skont id-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kwoti tal-iskambju ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra.

L-awtoritajiet u l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jikkunsidraw il-kjarifiki pprovduti f'din il-Komunikazzjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' kunflitt ta' liġijiet tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju u d-Direttiva dwar l-Istralċ. L-Istati Membri għandhom ikomplu josservaw jekk iseħħux xidiskrepanzi ġuridiċi fil-livell tal-interpretazzjonijiet nazzjonali li jistgħu joħolqu tfixkil fis-suq, u għandu jkollhom l-għan li jikkonverġu fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' regoli eżistenti tal-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorizza l-iżviluppi f'dan il-qasam u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tivvaluta kif jevolvu l-interpretazzjonijiet nazzjonali u l-prattiki tas-suq, fid-dawl ta' żviluppi internazzjonali u teknoloġiċi. B'mod partikolari, se tiġi vvalutata l-evidenza mingħand il-partijiet ikkonċernati dwar l-impatt ta' kwistjonijiet speċifiċi fuq il-funzjonament tas-suq intern. Kull inizjattiva leġiżlattiva futura possibbli se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt.

(1)

Komunikazzjoni dwar "Pjan ta' Azzjoni għall-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali" ("il-Pjan ta' Azzjoni tas-CMU"), COM(2015) 468 final.

(2)

Komunikazzjoni dwar "ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali", COM(2017) 292 final.

(3)

Id-data tal-BĊE tindika li l-volum stmat ta' investimenti transfruntiera, skont ir-residenza tal-investitur, kien ta' EUR 10,6 triljun fl-2016. Sors: L-istatistika tas-saldu tat-titoli tal-BĊE (28.6.2017).

(4)

Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali ("Id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju") ĠU L 168, 27/06/2002.

(5)

Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli ("id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu") ĠU L 166/45, 11/6/1998.

(6)

Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu ("Id-Direttiva dwar l-Istralċ") ĠU L 125, 05/05/2001.

(7)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti ta’ partijiet terzi taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet COM(2018) 96.

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011.

(9)

 Ara l-Artikoli 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu u l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar l-Istralċ, li jirreferu għal tniżżil ta' garanziji fil-ktieb (DKF u DFS) jew strumenti (finanzjarji) irreġistrati f'reġistru jew kont (DS).

(10)

L-elementi kuntrattwali jinkludu pereżempju l-offerta, l-aċċettazzjoni tagħha, il-kunsiderazzjoni, iċ-ċertezza tat-termini tal-kuntratt, eċċ. u huma suġġetti għar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tar-Regolament Ruma I. Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I): http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32008R0593&from=EN

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I).

(12)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE.

(13)

Il-prinċipju fid-Direttiva 98/26/KE fejn il-liġi applikabbli għat-tniżżil ta' garanziji fil-ktieb ipprovduti bħala kollateral hija l-liġi tal-ġuriżdizzjoni fejn jinsab ir-reġistru, il-kont jew is-sistema ta’ depożitu ċentralizzata rilevanti, għandu jiġi estiż sabiex joħloq ċertezza tad-dritt.

(14)

Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni "Legal assessment of certain aspects of the Hague Securities Convention", p. 8, SEC(2006) 910.

(15)

Tal-inqas 16-il Stat Membru ma żiedu l-ebda kjarifika ulterjuri fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DFS u d-DS. Sors: Evalwazzjoni fl-Anness 5 tal-Valutazzjoni tal-Impatt SWD(2018)52, pp. 116-117.

(16)

Tal-inqas 13-il Stat Membru ma żiedu l-ebda kjarifika ulterjuri fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li jimplimentaw id-dispożizzjoni rilevanti tad-DKF. Sors: Evalwazzjoni, pp 117-118.

(17)

Pereżempju hemm approċċi differenti skont id-DKF li jiddeterminaw fejn ikun qed jinżamm il-kont. Sors: Evalwazzjoni, pp. 117-118.

(18)

Convention on the law applicable to certain rights in respect of securities held with an intermediary, li tinsab fl-indirizz: https://assets.hcch.net/docs/3afb8418-7eb7-4a0c-af85-c4f35995bb8a.pdf

Top