Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0087

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti ċerti rekwiżiti għall-protezzjoni tal-ħut waqt il-qtil (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    COM/2018/087 final

    Brussell, 6.3.2018

    COM(2018) 87 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti ċerti rekwiżiti għall-protezzjoni tal-ħut waqt il-qtil


    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    1.Introduzzjoni

    Il-ħut imrobbi huwa ttrattat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (“ir-Regolament”) 1 . Iżda d-dispożizzjoni ġenerali fl-Artikolu 3(1) biss tapplika għall-ħut imrobbi, jiġifieri “Waqt il-qatla u operazzjonijiet relatati, l-annimali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe uġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jigu evitati”.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament jistipula li “il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti ċerti rekwiżiti rigward il-protezzjoni tal-ħut waqt il-qatla b’kont meħud tal-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali kif ukoll l-impatti soċjo-ekonomiċi u ambjentali”.

    L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jiġi segwit l-Artikolu 27(1) tar-Regolament. Ir-rapport fih analiżi tal-impatti soċjoekonomiċi waqt it-tbiċċir. Madankollu, l-effetti ambjentali potenzjali ma tqisux f’dan ir-rapport, billi l-impatt tagħhom kien meqjus bħala negliġibbli waqt il-qtil 2 .

    Ir-rapport jikkostitwixxi wkoll waħda mill-azzjonijiet elenkati fl-istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012 – 2015 3 .

    L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) adottat il-linji gwida dwar l-aspetti tat-trattament xieraq fejn għandu x’jaqsam mal-isturdament u l-qtil tal-ħut imrobbi għall-konsum mill-bniedem 4 . Dawn il-linji gwida huma rilevanti fl-UE wkoll, billi l-Istati Membri kollha huma pajjiżi membri tal-OIE.

    Fl-2009 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) ippubblikat għadd kbir ta’ opinjonijiet dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tas-sistemi ewlenin tal-isturdament u l-qtil tal-ispeċijiet ewlenin imrobbija fl-UE 5 . Dawn l-opinjonijiet urew li jeżistu l-isfidi fl-industrija tal-akkwakultura mill-aspett tat-trattament xieraq tal-ħut waqt il-qtil. Il-perikli ewlenin li ġew identifikati bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju kienu:

    1) il-manipular jew il-proċeduri tal-manipular (eż. l-iffullar, l-ippumpjar, il-ħin barra mill-ilma)

    2) il-kwalità tal-ilma fit-tankijiet/fl-ixbieki taż-żamma temporanja

    3) il-metodi tal-isturdament u l-qtil.

    L-EFSA kkonkludiet li ħafna mill-metodi u l-parti l-kbira tat-tagħmir li kienu qegħdin jintużaw dak iż-żmien kienu jaffettwaw ħażin il-benessri tal-ħut. Għalhekk l-EFSA pproponiet ċerti rakkomandazzjonijiet, kemm għall-waqt ta’ qabel it-tbiċċir kif ukoll għall-operazzjonijiet tal-isturdament u tal-qtil. Kienet enfasizzat ukoll li kienu konsiderevoli l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ metodi ġodda ta’ sturdament u ta’ qtil għall-ispeċijiet kollha tal-ħut evalwati.

    Bħala għajnuna għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, fl-2016 ġie ordnat rapport ta’ studju indipendenti mingħand kuntrattur estern 6 . L-għan tal-istudju li ġie ordnat kien li jiġbor l-informazzjoni dwar il-prattiki attwali ta’ trattament xieraq tal-annimali fl-akkwakultura Ewropea, b’mod partikolari b’rabta mat-tbiċċir ta’ ħut imrobbi, u li janalizza sa liema punt għadhom mhumiex solvuti kwistjonijiet dwar it-trattament xieraq tal-ħut. Tqiesu l-ispejjeż biex jintużaw prattiki tajbin tat-trattament għall-benessri, il-qagħda ekonomika, l-effetti fuq il-kompetittività u fatturi oħra. L-istudju ffoka fuq il-ħames speċijiet ewlenin ta’ ħut imrobbi f’għadd ta’ pajjiżi fiż-ŻEE magħżulin biex tingħata preżentazzjoni ġenerali tal-qagħda attwali tal-akkwakultura Ewropea: Is-salamun (tal-ilma baħar kiesaħ); il-karpjun u t-trota qawsalla (tal-ilma ħelu), u l-ispnotta u l-awrata (tal-baħar Mediterran) kif deskritt fit-Tabella 1 ta’ hawn taħt.

    L-istandards internazzjonali tal-OIE għat-trattament xieraq tal-annimali waqt it-trasportazzjoni, l-isturdament u l-qtil ta’ ħut imrobbi għall-konsum mill-bniedem intużaw bħala parametru referenzarju għall-evalwazzjoni tal-prattiki tat-trattament xieraq tal-annimali. Tqisu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA dwar it-tbiċċir. L-istudju eżamina l-perjodu bejn l-2009 u l-2013 7 biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni ta’ kull bidla jew xejra lejn id-direzzjoni tal-metodi ta’ manipular, trasportazzjoni u sturdament/qtil meħtieġa mill-istandards tal-OIE jew dawk irrakkomandati mill-EFSA. Biex tkun żgurata ġabra ta’ dejta affidabbli minn ambitu wiesa’, saret talba għall-informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, eż. l-Istati Membri, l-industrija, ix-xjenzjati, il-manifatturi tat-tagħmir, u l-organizzazzjonijiet għall-benessri tal-annimali, u dawn ikkontribwixxew permezz ta’ konsultazzjonijiet miftuħa u mmirati.

    Dan ir-rapport ġie bbażat fuq dawn is-sorsi ta’ informazzjoni:

    1.Ir-rapport tal-istudju msemmi hawn fuq dwar it-trattament xieraq tal-ħut imrobbi, li ttratta:

    -Riċerka dokumentarja: evalwazzjoni tal-litteratura tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-sajd (STECF) 8 u tal-Eurostat, u riċerki fil-bażijiet tad-dejta tagħhom. Id-dejta minn sorsi oħrajn, fosthom organizzazzjonijiet tas-settur fil-livelli tal-UE, taż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea) u nazzjonali;

    -Konsultazzjoni: dejta li nġabret minn stħarriġ online; intervisti mmirati ta’ partijiet ikkonċernati u ta’ gruppi fokus, bħal rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet tal-akkwakultura, amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, gruppi ta’ produtturi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, skont ir-rilevanza fil-pajjiżi diversi li ġew studjati;

    2.Ir-rapport ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-akkwakultura tal-ħut bil-pinen 9 .

    Tabella 1 L-Istati taż-ŻEE li ddaħħlu fl-istudju 10  

    Speċijiet tal-ħut**

    Il-pajjiż fl-istudju

    Il-klassifika Ewropea skont il-produzzjoni

    Produzzjoni (tunnellati) fl-2014*

    Tip ta’ produzzjoni

    Salamun

    In-Norveġja (NO)

    Ir-Renju Unit (UK)

    L-Irlanda (IE)

    1

    2

    4

    1,290,000

    163,347

    10,000

    Ilma baħar kiesaħ

    Karpjun komuni

    Il-Polonja (PL)

    Ir-Repubblika Ċeka (CZ)

    Il-Ġermanja (DE)

    1

    2

    4

    18,000

    17,833

    5,285

    Ilma ħelu

    Trota qawsalla

    (Kbir (L) u Porzjon (P))

    Id-Danimarka (DK)

    Franza (FR)

    L-Italja (IT)

    Il-Polonja

    (L4 u P3)

    (L3 u P4)

    (L9 u P2)

    (P5)

    38,091

    34,000

    38,800

    17,500

    Ilma ħelu

    Spnott

    Il-Greċja (GR)

    Spanja (ES)

    L-Italja

    2

    3

    4

    42,000

    17,376

    6,500

    Il-Mediterran (ilma sħun)

    Awrat

    Il-Greċja

    Spanja

    L-Italja

    1

    3

    4

    71,000

    16,230

    8,200

    Il-Mediterran (ilma sħun)

    * Sors FEAP 2015 11 ; ** L-istampi meħudin minn: https://ec.europa.eu/fisheries/marine_species_en

    2.Riżultati ewlenin

    2.1.Il-prattiki ta’ trattament xieraq waqt it-tbiċċir

    Il-proċess tat-tbiċċir fih l-istadji li ġejjin: il-manipulazzjoni, it-trażżin, l-isturdament u l-istadju finali tal-qtil. L-isturdament jenħtieġ li jikkawża li l-ħut jintilef minn sensieħ u jsir ma jħoss l-ebda stress, dwejjaq jew uġigħ li jista’ jiġi evitat. B’xi metodi jista’ jikkawża l-mewt immedjat. Meta l-metodu tal-isturdament huwa riversibbli jew ma jikkawżax il-mewt, għandu jiġi segwit minn metodu ta’ qtil. It-Tabella 2 ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn il-metodi li jintużaw għall-isturdament, għall-isturdament/qtil u għall-qtil, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom.

    Tabella 2. Ħarsa ġenerali lejn il-metodi li jintużaw għall-isturdament, għall-isturdament jew il-qtil, u għall-qtil,
    il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom

    L-isturdament jew l-isturdament/qtil

    Speċi ta’ ħut

    Vantaġġ

    Żvantaġġ

    Sturdament b’mezz elettriku

    Salamun

    Trota qawsalla

    Karpjun Komuni

       Jista’ jinkiseb sturdament immedjat;

    -    Jippermetti t-tqattigħ qabel l-ebusija tal-mewt.

       Jenħtieġ metodu ta’ qtil effettiv;

       Tista’ ssir ħsara lill-karkassi

    -    Tista’ tiġi affettwata l-kwalità tal-prodott, jista’ jfalli l-isturdament* minħabba reżistenza li tvarja minn ħuta għal oħra;

    L-isturdament bid-dijossidu tal-karbonju (CO2)

    Trota qawsalla

       Stressanti ħafna

    Perkussjoni

    Salamun

       Jista’ jinkiseb sturdament immedjat;

       Meta jintuża tajjeb, il-ħut ma jirkuprax;

    -    Jippermetti t-tqattigħ qabel l-ebusija tal-mewt.

       Jista’ jfalli l-isturdament minħabba differenzi fid-daqs tal-ħut;

       Tista’ ssir ħsara lir-ras.

    Karpjun komuni

       Meta jintuża tajjeb, il-ħut ma jirkuprax.

       L-użu bl-idejn jista’ jwassal għal falliment tal-isturdament;

       Tista’ ssir ħsara lir-ras 

    Trota qawsalla

       Meta jintuża tajjeb, il-ħut ma jirkuprax.

       L-użu bl-idejn jista’ jwassal għal falliment tal-isturdament.

    It-tkessiħ bid-CO2 meta l-ħut ikun għadu ħaj

    Salamun

    -    Il-karkassi jibbiesu bil-mod u b’hekk jistgħu jitqattgħu qabel jibbiesu.

       Il-ħut ma jiġix sturdut. 

       Il-metodu huwa stressanti.

    Asfissija fis-silġ jew fl-ilma tas-silġ

    Spnotta

    Paġell

    Trota qawsalla

       Metodu faċli biex jintuża;

       Il-kwalità u s-sikurezza tal-ikel.

       Il-ħut jiġi stressat minħabba li t-temperatura tinżel ħesrem.

    *    Falliment ta’ sturdament jokkorri meta metodu tal-isturdament ma jkunx effettiv. Fil-każijiet ta’ sturdament elettriku jew perkussiv dan ifisser li l-ħut ma jintilifx minn sensih minnufih.

    L-OIE tirrakkomanda l-użu ta’ metodi elettriċi jew mekkaniċi (eż. sturdament perkussiv) għall-qtil tal-ħut imrobbi. Metodi oħrajn, fosthom it-tkessiħ bid-CO2 waqt li l-ħut ikun għadu ħaj, sturdament bid-CO2, tkessiħ fl-ilma bis-silġ segwit minn sturdament bl-elettriku, u l-asfissija fis-silġ, ma jissodisfawx l-istandards tal-OIE. Is-sejba rrapportata mill-istudju hija li l-istandards tal-OIE għat-tbiċċir jintlaħqu b’modi differenti skont l-ispeċijiet u skont il-metodi li jintużaw, kif hawn deskritt fil-paragrafi li ġejjin.

    Fil-każ tas-salamun, l-istandards tal-OIE jintlaħqu meta dawn jinqatlu bil-perkussjoni, li huwa l-metodu ewlieni ta’ qtil fin-Norveġja, fir-Renju Unit u fl-Irlanda. Iżda l-isturdament bl-elettriku ma jissodisfax daqstant dawn l-istandards għaliex ħafna drabi l-ħut ma jkunx fil-pożizzjoni tajba biex jiġi sturdut sew. It-tkessiħ tal-ħut ħaj bid-CO2, li ma jissodisfax l-istandards tal-OIE, għadu jintuża fin-Norveġja u fl-Irlanda, iżda sa punt limitat ħafna, u ġie rrappurtat li din il-prattika ftit ftit se tkun twarrbet fl-2018.

    L-istandards tal-OIE jintlaħqu parzjalment biss fit-tbiċċir tal-karpjun komuni fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja. L-iżjed metodu li jintuża huwa l-perkussjoni manwali (daqqa fuq ir-ras). Iżda fil-Polonja l-karpjun jibqa’ espost għall-arja għal ħin massimu sa 10 minuti, u dan jikkawżalu l-istress. L-isturdament bl-elettriku jintuża wkoll fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja, iżda m’hemmx biżżejjed informazzjoni dwar kemm hu effettiv it-tagħmir għal dan il-metodu.

    Id-Danimarka, Franza u l-Italja jissodisfaw parzjalment l-istandards tal-OIE fil-qtil tat-trota qawsalla, iżda mhux il-Polonja. L-isturdament bl-elettriku jintuża fid-Danimarka u fl-Italja. Iżda d-dejta dwar kif inhu magħmul it-tagħmir għal dan il-metodu hija skarsa, u għalhekk mhuwiex magħruf jintlaħqux l-istandards tal-OIE fil-każ tal-isturdament bl-elettriku. Il-perkussjoni manwali tat-trota qawsalla tissodisfa l-istandards tal-OIE, dejjem jekk issir b’mod korrett. Id-Danimarka u l-Polonja jużaw l-asfissija fis-silġ, u din ma tissodisfax l-istandards tal-OIE. Fi Franza l-metodi tat-tbiċċir huma t-tkessiħ fl-ilma tas-silġ u wara dan, l-isturdament bl-elettriku u, inqas komuni, l-isturdament bid-CO2, li l-ebda wieħed minnhom ma jissodisfa l-istandards tal-OIE.

    L-iżjed metodu li għadu jintuża fil-Greċja, fi Spanja u fl-Italja għat-tbiċċir tal-ispnott u tal-paġell aħmar huwa l-asfissija fis-silġ, iżda għadd limitat ta’ farms qegħdin jibdew jesperimentaw bl-isturdament bl-elettriku.

    Tabella 3: Sommarju tal-metodi tat-tbiċċir li qegħdin jintużaw, b’indikazzjoni ta’ kemm jissodisfaw l-istandards tal-OIE

    Speċi ta’ ħut

    Il-pajjiż fl-istudju

    Tbiċċir

    Riżultat

    Spjegazzjoni

    Salamun

    LE

    +/-

    Il-perkussjoni (jintlaħqu l-istandards).

    L-isturdament bl-elettriku fin-niexef: perċentwal ta’ 25 sa 30 biss tal-ħut jitqiegħed f’pożizzjoni tajba, iżda l-perċentwal qed jiżdied (dawn il-25 sa 30% jissodisfaw l-istandards).

    Ħut sturdut bl-elettriku li jinqatel billi jinqatgħulu l-garġi (ma jissodisfax l-istandards), jew permezz tal-perkussjoni, jew billi tinqatagħlu rasu (jintlaħqu l-istandards).

    It-tkessiħ tal-ħut ħaj bid-CO2 (l-istandards ma jintlaħqux).

    UK

    L-istandards jintlaħqu

    IE

    +/-

    Perkussjoni. L-isturdament bid-CO2 għal 7 sa 8% (l-istandards ma jintlaħqux).

    Karpjun komuni

    PL

    +/-

    Perkussjoni manwali.

    L-isturdament bl-elettriku ma jintużax mill-produtturi l-kbar

    CZ

    +/-

    L-isturdament bl-elettriku ma jintużax mill-produtturi l-kbar u m’hemmx metodu ta’ qtil li jintuża

    DE

    +/-

    Perkussjoni manwali.

    L-isturdament bl-elettriku ma jintużax mill-produtturi l-kbar

    Trota qawsalla

    DK

    +/-

    L-isturdament bl-elettriku ma jintużax mill-produtturi l-kbar

    Tintuża wkoll l-asfissija fis-silġ

    FR

    +/-

    Perkussjoni manwali. Iżda jintużaw ukoll l-isturdament bid-CO2 u t-tkessiħ fis-silġ segwit mill-isturdament bl-elettriku.

    IT

    +/-

    L-isturdament bl-elettriku ma jintużax mill-produtturi l-kbar

    PL

    L-asfissija fl-ilma tas-silġ fuq trakk jew fil-farm jew fil-biċċerija

    Spnott

    GR

    Asfissija fis-silġ jew fl-ilma tas-silġ

    ES

    Asfissija fis-silġ jew fl-ilma tas-silġ

    IT

    Asfissija fis-silġ jew fl-ilma tas-silġ

    Awrat

    GR

    Asfissija fis-silġ jew fl-ilma tas-silġ

    ES

    Asfissija fis-silġ jew fl-ilma tas-silġ

    IT

    Asfissija fis-silġ jew fl-ilma tas-silġ

     OIE    - x’aktarx li jintlaħqu l-istandards tal-OIE

     OIE    - x’aktarx li ma jintlaħqux l-istandards tal-OIE

    +/- OIE    - jistgħu jintlaħqu l-istandards tal-OIE skont il-metodu u t-tagħmir li jintuża

    Rigward ir-regoli dwar il-metodi tat-tbiċċir li jintużaw fil-produzzjoni organika tal-akkwakultura, is-sejbiet fir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru disa’ jikkonfermaw li tiġi segwita s-sistema ta’ kontrolli fuq it-tbiċċir, kif deskritt fl-Artikolu 25(h) 5 tar-Regolament (KE) 889/2008.

    2.2.Il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament jippermetti li l-Istati Membri jżommu jew jadottaw regoli nazzjonali għall-protezzjoni tal-ħut waqt it-tbiċċir jew il-qtil meta ma jkunx hemm regoli tal-UE. L-istudju sab li filwaqt li l-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali huma żviluppati fl-Istati Membri u fil-pajjiżi taż-ŻEE fil-mira, dawn mhumiex żviluppati daqs ir-regoli għall-annimali terrestri mrobbija, iżda l-qagħda qed titjieb minħabba s-sensibilizzazzjoni dejjem tiżdied dwar it-trattament xieraq tal-ħut.

    Għall-ħames speċijiet li ġew ittrattati fl-istudju, l-istandards privati li jinkludu t-trattament xieraq waqt it-trasportazzjoni u t-tbiċċir huma implimentati b’mod predominanti fis-settur tas-salamun, daqsxejn inqas fil-każ tat-trota qawsalla, u b’mod limitat fil-każ tal-ispnott u l-awrat. L-għadd ta’ farms tal-karpjun komuni li huma koperti minn standards tat-trattament xieraq huwa limitat ħafna. It-Tabella 4 ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali, u l-istandards privati fil-pajjiżi studjati.

    Tabella 4: il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali jew il-kodiċijiet tal-prattika li jirregolaw l-aspetti tat-trattament xieraq fit-tbiċċir tal-ħut imrobbi

    Pajjiż

    Leġiżlazzjoni

    Linji gwida nazzjonali jew standards privati

    LE

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009, u r-Regolament Norveġiż Nru 1250/2006 jistabbilixxu r-regoli għar-rekwiżiti ġenerali tat-trattament xieraq tal-ħut

    -L-Awtorità Norveġiża dwar is-Sigurtà fl-Ikel (NFSA) ħejjiet dokument dwar ir-rekwiżiti għat-trattament xieraq tal-annimali tal-akkwakultura 12 waqt it-tbiċċir għall-industrija

    UK

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    -L-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali 2006 (Animal Welfare Act 2006)

    -It-Trattament Xieraq tal-Annimali Waqt il-Qtil (The Welfare of Animals at the Time of Killing) (L-Iskozja) ir-Regolamenti tal-2012. L-Istrument Statutorju 2012 Nru. 321

    -It-Trattament Xieraq tal-Annimali (The Welfare of Animals) (it-Trasportazzjoni) (l-Ingilterra) l-Ordni 2006 (u l-leġiżlazzjoni ekwivalenti fl-Iskozja u f’Wales)

    -L-Opinjoni dwar it-trattament xieraq tal-ħut imrobbi (Opinion on welfare of farmed fish); Il-Kumitat dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali tar-Raba’ (Farm Animal Welfare Committee); 2014

    -Il-kodiċi tal-prattiki t-tajba (Code of good practices) 13

    IE

    -Ir-Regolament 1099/2009

    - L-abbozz tal-liġi dwar is-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimali 2012

    -Kodiċi tal-Prattika għas-Saħħa tal-Ħut għall-Akkwakultura tas-Salamun fl-Irlanda (A Fish Health Code of Practice for Salmonid Aquaculture in Ireland (2014)) 

    -Il-Manwal għas-Saħħa tas-Salamun Imrobbi (The Farmed Salmonid Health Handbook (2011) 14 )  

    PL

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009, l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Annimali, (Nru 111, l-Entrata 724; tal-1998 Nru 106, l-Entrata 668)

    -Il-KODIĊI tal-Prattika t-Tajba (Kodeks Dobrej Praktyki); 2014

    CZ

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    -L-Att Nru 246/1992 Kollettivament u l-emendi sussegwenti dwar il-protezzjoni tal-annimali mill-krudeltà

    -Id-Digriet Nru 245/1996 Kollettivament dwar il-metodi ta’ sturdament/tal-qtil

    -Id-Digriet Nru 382/2004 Kollettivament dwar il-metodi ta’ sturdament/tal-qtil

    -Id-Digriet Nru 99/2004 dwar il-ġestjoni tal-vaski tal-ħut, li jittratta wkoll it-trobbija tal-ħut

    -Il-Linja Gwida Nru 5/2015 dwar il-bejgħ tal-ħut mill-istends / postijiet minn fejn jinbiegħu l-ħut

    -DE

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    -Il-liġi għall-protezzjoni tal-annimali b’rabta mal-qtil u t-tbiċċir (Verordnung zum Schutz von Tieren im Zusammenhang mit der Schlachtung oder Tötung und zur Durchführung der Verordnung (EG) Nr. 1099/2009 des Rates (Tierschutz-Schlachtverordnung -TierSchlV)

    -Il-Prattika tal-Iġjene t-Tajba (1994) (Verordnung über die hygienischen Anforderungen an Fischereierzeugnisse)

    -Il-Prattika t-Tajba tat-trobbija fil-vaski (karpjun) (gute fachliche Praxis der Teichwirtschaft in Brandenburg)

    -

    DK

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    -

    -Xejn (Stħarriġ tal-Awtorità Kompetenti)

    FR

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    - Note de service 2007-8016 de la DGAL du 16 janvier 2007 (DGAL/SDSPA/N2007-8192)

    -(ma waslitx tweġiba mingħand l-Awtorità Kompetenti)

    IT

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    -Xejn (Stħarriġ tal-Awtorità Kompetenti)

    GR

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    -2 Ċirkolari dwar it-trattament xieraq tal-ħut imrobbi (23/3/2015; 9/6/2015)

    ES

    -Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

    -)

    -Il-Kodiċi tal-Prattika dwar il-qtil tal-ħut (Piscicultura; Guia de practica correctas para el sacrificio; 2016; AEONOR)

    3. Sejbiet soċjoekonomiċi

    It-Tabella 5 ta’ hawn taħt turi l-produzzjoni nazzjonali mill-akkwakultura tal-ħut, tal-krustaċji, tal-molluski u ta’ organiżmi akkwatiċi oħrajn fid-19-il Stat ewlieni taż-ŻEE li jipproduċu l-akkwakultura, għas-snin 2009 sal-2013, li jifforma 99% tal-produzzjoni tal-akkwakultura fiż-ŻEE. It-Tabella 6 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-produzzjoni medja tal-ħut imrobbi totali fil-pajjiżi fil-mira tal-istudju.

    Tabella 5. Il-produzzjoni tal-akkwakultura fid-19-il Stat taż-ŻEE, 2009-2013 (1 000 tunnellati fil-piż ħaj)

    Stat taż-ŻEE

    2009

    2010

    2011

    2012

    2013

    Bidla 2009-2013

    Proporzjon tat-total taż-ŻEE, 2013

    In-Norveġja

    962

    1 020

    1 144

    1 321

    1 248

    29,7 %

    50,5 %

    Spanja

    267

    252

    272

    264

    224

    -16,1 %

    9,0 %

    Ir-Renju Unit

    197

    201

    199

    206

    203

    3,4 %

    8,2 %

    Franza

    234

    225

    207

    205

    201

    -14,2 %

    8,1 %

    L-Italja

    162

    153

    164

    163

    163

    0,1 %

    6,6 %

    Il-Greċja

    122

    121

    111

    111

    114

    -6,6 %

    4,6 %

    In-Netherlands

    56

    67

    44

    46

    60

    8,5 %

    2,4 %

    Id-Danimarka

    35

    36

    36

    35

    38

    7,3 %

    1,5 %

    Il-Polonja

    37

    31

    29

    32

    35

    -3,6 %

    1,4 %

    L-Irlanda

    48

    46

    44

    36

    34

    -28,0 %

    1,4 %

    Il-Ġermanja

    39

    41

    39

    26

    25

    -35,0 %

    1,0 %

    Ir-Repubblika Ċeka

    20

    20

    21

    21

    19

    -3,6 %

    0,8 %

    L-Ungerija

    15

    14

    16

    15

    15

    0,6 %

    0,6 %

    Il-Finlandja

    14

    12

    11

    13

    14

    -0,1 %

    0,6 %

    L-Iżvezja

    9

    11

    13

    14

    13

    56,5 %

    0,5 %

    Il-Bulgarija

    7

    8

    6

    6

    12

    80,8 %

    0,5 %

    Il-Kroazja

    14

    14

    13

    10

    12

    -15,5 %

    0,5 %

    Ir-Rumanija

    13

    9

    8

    10

    11

    -16,2 %

    0,4 %

    Il-Portugall

    7

    8

    9

    10

    10

    49,6 %

    0,4 %

    Total ta’ 19-il Stat

    2 255

    2 290

    2 386

    2 544

    2 451

    8,7 %

    99,1 %

    Total ŻEE

    2 271

    2 306

    2 403

    2 563

    2 473

    8,9 %

    100,0 %

    Sors: FAO Global Fishery and Aquaculture Statistics, Version 2016.1.2. Iċ-ċifri li jidhru bil-korsiv huma previżjonijiet

    Tabella 6: Il-produzzjoni medja ta’ ħut minn kull intrapriża fl-Istati Membri tal-UE magħżulin

    Il-volum tal-bejgħ nazzjonali (f’tunnellati)

    L-għadd ta' impriżi

    Il-produzzjoni medja ta’ kull intrapriża (f’tunnellati)

    GR (2014)

    118,080

    248

    476.1

    UK (2013)

    203,263

    548

    370.9

    DK (2013)

    46,297

    130

    356.1

    IT (2013)

    153,944

    587

    262.3

    IE (2013)

    34,667

    283

    122.5

    ES (2013)

    231,738

    3,023

    76.7

    FR (2013)

    227,601

    2,988

    76.2

    PL (2013)

    31,267

    846

    37.0

    DE (2016)

    20,936

    5,952

    3.5

    Sors: Il-bażi tad-dejta tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, ħlief il-Ġermanja (l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Ġermanja Federali)

    3.1.L-analiżi ekonomika tal-prattiki tat-tbiċċir

    L-analiżi soċjoekonomika tar-rapport tal-istudju qieset id-differenzi bejn il-ħames speċijiet li ġew studjati u bejn l-ambjenti (l-ilma baħar kiesaħ, l-ilma tal-Baħar Mediterran, l-ilma ħelu). Id-differenzi fid-daqs tal-intrapriżi u fil-metodi ta’ produzzjoni tqiesu wkoll f’din l-analiżi, billi kienu fatturi rilevanti biex jiġi vvalutat it-trattament xieraq. Id-differenzi l-aktar kbar bejn l-intrapriżi u l-pajjiżi huma dovuti għal fatturi ta’ spejjeż oħrajn, li ma tqisux fir-rapport tal-istudju, bħall-għalf u l-ispejjeż tax-xogħol u tat-tħaddim 15 .

    Għal kull speċi li ġiet investigata fil-pajjiżi studjati, l-investimenti addizzjonali u l-ispejjeż annwali biex jissegwew prattiki tat-trattament xieraq tal-annimali mtejbin mill-2009 ġew ikkalkulati għall-farm tal-akkwakultura medju għall-ispeċijiet fl-istudju. Dawn kienu jinkludu l-ispiża addizzjonali marbuta mat-trattament xieraq imtejjeb waq l-isturdament, il-qtil u t-tbiċċir. Fil-kalkoli dwar l-ispejjeż addizzjonali relatati huwa preżunt li kull farm tal-akkwakultura jeħtieġ ikun sid l-ipproċessar primarju tiegħu, u li l-intrapriża medja ma implimentatx prattiki tat-trattament xieraq.

    Salamun

    Biex jintlaħqu l-istandards tal-OIE (ara t-taqsima 2.1 ta’ dan ir-rapport) l-istudju assuma li kull farm tal-ħut jeħtieġ l-ispejjeż biex jinvesti f’apparat tal-isturdament bl-elettriku, jew apparat tal-isturdament mekkaniku u f’robot li jaqta’ l-irjus, u sab li l-ispejjeż addizzjonali biex jiġu adottati prattiki tat-trattament xieraq imtejbin huma relattivament żgħar abbażi tad-daqs medju tal-farms. Skont l-istudju, l-inqas spiża addizzjonali tkun tammonta għal 2 ċenteżmi tal-Euro/kg jew 0,5% tal-prezz tal-bejgħ fir-Renju Unit, u l-aktar spiża għolja tkun tammonta għal 9 ċenteżmi tal-Euro/kg, jew inqas minn 1,5% tal-prezz tal-bejgħ fl-Irlanda. Fil-biċċeriji li għandhom rata għolja ta’ pproċessar u spejjeż kbar tax-xogħol, l-investiment jista’ saħansitra jirriżulta fl-iffrankar tal-ispejjeż. Iżda billi diġà hemm livell għoli ta’ implimentazzjoni ta’ prattiki tat-trattament xieraq tal-ħut fl-industrija tas-salamun fl-Istati Membri u fil-pajjiżi taż-ŻEE, l-intrapriżi li jkollhom bżonn jinvestu biex jilħqu l-istandards tal-OIE huma relattivament ftit, għaldaqstant, l-impatt fuq il-kompetittività x’aktarx li jkun żgħir.

    Karpjun komuni

    L-ekonomiji ta’ skala fil-volumi tat-tbiċċir għandhom effett sostanzjali fuq l-ispiża tal-miżuri tat-trattament xieraq. Dan kien jidher b’mod ċar meta l-isturdament bl-elettriku segwit bid-dekapitazzjoni ġew evalwati għat-titjib tat-trattament waqt it-tbiċċir tal-karpjun, li t-tbiċċir tiegħu jsir f’volum ħafna inqas minn dak li jsir fl-intrapriżi tipiċi tas-salamun. L-ispejjeż żejda varjaw b’mod konsiderevoli fost il-pajjiżi fl-istudju tal-każ, l-inqas spiża kienet ta’ 6 ċenteżmi tal-Euro għal kull kilogramm fil-Polonja, filwaqt li fir-Rumanija kienet 41 ċenteżmu tal-Euro l-kilogramm u fil-Ġermanja 58 ċenteżmu tal-Euro l-kilogramm.

    Il-karpjun komuni jittiekel l-iktar fil-pajjiż fejn jiġi prodott u b’mod ġenerali ma kienx ta’ profitt mingħajr sussidji bejn l-2009 u l-2013 fis-sistemi ta’ produzzjoni tipiċi. X’aktarx li l-iżjed li jsibu diffikultà li jinvestu biex itejbu t-trattament tal-animali huma l-farms iż-żgħar, u dawn jistgħu jġarrbu żvantaġġ fil-kompetittività. Billi jiġi esportat (u riesportat) proporzjon żgħir ħafna tal-produzzjoni dinjija tal-karpjun, l-effetti tal-miżuri tat-trattament xieraq fuq il-kompetittività internazzjonali huma mistennija li jkunu limitati (iżda, kif jidher fl-illustrazzjoni 1, l-impatti fuq il-prezz nett jistgħu jkunu konsiderevoli).

    Trota qawsalla

    Dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment biex jintlaħqu l-istandards tal-OIE għat-tbiċċir tat-trota qawsalla, ir-rapport tal-istudju assuma: 1) l-isturdament bl-elettriku qabel ma jitneħħa l-ilma, u; 2) l-isturdament bil-perkussjoni wara li jitneħħa l-ilma, iż-żewġ proċessi jiġu segwiti bil-qtugħ bl-idejn tal-garġi. Bħal fil-każ tal-karpjun, l-impatt tal-ispejjeż addizzjonali varja b’mod sinifikanti skont l-ekonomiji ta’ skala, u l-ispejjeż addizzjonali stmati kienu jvarjaw bejn 4 ċenteżmi tal-Euro kull kilogramm fid-Danimarka u 24 ċenteżmu tal-Euro kull kilogramm fi Franza. Fl-Italja, fejn hemm rata ta’ produzzjoni għolja fil-biċċeriji u spejjeż kbar tax-xogħol, ġie rrappurtat iffrankar ta’ 6 ċenteżmi tal-Euro kull kilogramm. L-isturdament bil-perkussjoni huwa alternattiva aktar għalja u l-impatt fuq l-ispejjeż ikun ikbar, speċjalment għall-farms iż-żgħar, kif hemm fi Franza.

    L-ispnott u l-awrat

    Għall-ispnott u l-awrat, l-investimenti li tqiesu għat-titjib tat-trattament waqt it-tbiċċir huma: 1) l-isturdament bl-elettriku qabel ma jitneħħa l-ilma, u; 2) l-isturdament bl-elettriku wara li jitneħħa l-ilma, it-tnejn li huma segwiti bit-tkessiħ f’taħlita ta’ silġ u ilma baħar.

    L-ispiża addizzjonali għal kull unità tvarja kemxejn minn metodu għall-ieħor, iżda tvarja aktar minn pajjiż għall-ieħor skont id-daqs tal-intrapriżi. Fi Spanja, fejn hemm l-akbar intrapriżi, l-ispiża addizzjonali għal kull unità kienet ta’ 4 ċenteżmi tal-Euro kull kilogramm għaż-żewġ metodi li huma. Fil-Greċja kienet bejn 5 u 6 ċenteżmi tal-Euro kull kilogramm, skont il-metodu, u fl-Italja, fejn hemm l-iżgħar intrapriżi, kienet bejn 11 u 13-il ċenteżmu tal-Euro kull kilogramm. Minkejja li ż-żieda fl-ispejjeż hija pjuttost moderata, anki għall-produtturi li joħorġu volumi żgħar, kif hemm l-Italja, il-marġni tal-profitti fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-farms jista’ jwaqqaf lill-produtturi milli jinvestu.

    B’mod ġenerali, ir-rapport tal-istudju sab li l-produzzjoni tal-ispnott u l-awrat ġeneralment ma kinitx trendi profitt mingħajr sussidji fil-perjodu mill-2009 sal-2013 fl-Istati Membri produtturi ewlenin. Għaldaqstant jista’ jkun diffiċli għall-produtturi biex jagħmlu l-investiment meħtieġ biex itejbu l-istandards tat-trattament.

    L-Illustrazzjoni 1 tagħti ħarsa ġenerali fil-qosor tal-impatt tal-prattiki tat-trattament xieraq tal-annimali mtejba fuq il-prezz nett tal-ħut imrobbi fil-pajjiżi fl-istudju tal-każ (Euro/kg).

    Illustrazzjoni 1: L-impatt tal-kisba ta’ prattiki mtejbin tat-trattament xieraq tal-annimali
    fuq il-prezz net tal-ħut imrobbi fil-pajjiżi fl-istudju tal-każ (Euro/kg)

    4.Il-limitazzjonijiet tas-sejbiet

    L-analiżi ekonomika li saret fir-rapport tal-istudju ordnat użat l-informazzjoni limitata disponibbli dwar l-ispiża tat-tagħmir meħtieġ għat-titjib tat-trattament waqt it-tbiċċir. L-analiżi hija bbażata fuq l-intrapriża medja għal kull speċi f’kull wieħed mill-pajjiżi fl-istudju tal-każ. Madankollu, huwa preżunt li l-intrapriżi li għandhom produzzjoni għolja jiksbu l-ekonomiji tal-iskala. Id-dħul finanzjarju fuq l-investimenti jvarja sostanzjalment minn speċi tal-ħut għal oħra wkoll.

    L-ispejjeż tal-investiment huma sostanzjalment ogħla għall-intrapriżi li għandhom volumi ta’ produzzjoni relattivament baxxi milli għall-intrapriżi l-kbar. Il-kapaċità tat-tagħmir identifikat hija tali li dan jista’ ma jintużax għal perjodi ta’ żmien twal. Jista’ jkun li jsir disponibbli tagħmir alternattiv, li jkun jiswa’ inqas flus, għall-faċilitajiet iż-żgħar. Iżda meta sar l-istudju ma kienx hemm informazzjoni dwar tagħmir alternattiv.

    Limitazzjoni oħra tas-sejbiet tikkonċerna l-kwalità tad-dejta, b’mod partikolari informazzjoni finanzjarja u sensittiva mil-lat kummerċjali, li nkisbet waqt l-istudju dwar l-ispejjeż reali tal-isturdament u l-qtil. Dan kien dovut primarjament għal rata baxxa ta’ tweġibiet min-naħa tal-industrija, jew għall-fatt li l-prattiki tal-kontabbiltà tagħhom ma jiddisaggregawx l-ispejjeż. Meta ma nkisbitx biżżejjed informazzjoni dwar l-ispejjeż mingħand l-industrija, inġabru l-istimi mingħand il-manifatturi, u jista’ jkun li dawn ma jirriflettux l-ispejjeż reali tat-tħaddim. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-istudju ffoka fuq perjodu ta’ referenza speċifiku, l-2009 sal-2013, u dan jista’ ma jirriflettix ix-xejriet fuq perjodu itwal jew fuq iż-żmien mill-2013 sal-lum.

    5.Konklużjonijiet

    B’mod ġenerali, ir-rekwiżiti ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 li japplikaw għat-trattament xieraq tal-ħut waqt it-tbiċċir kienu ta’ għajnuna biex jiġi żviluppat qafas għal-leġiżlazzjoni u gwida nazzjonali għat-trattament xieraq tal-ħut imrobbi fl-UE, b’mod partikolari għas-salamun.

    Il-livell ta’ kisba tal-istandards tal-OIE waqt it-tbiċċir ivarja skont l-ispeċi. Għas-salamun, fil-biċċa l-kbira jinkisbu l-aħjar prattiki, bi ftit eċċezzjonijiet, fil-pajjiżi li ġew studjati. Għall-karpjun komuni u t-trota qawsalla, il-livell ta’ kisba tal-aħjar prattiki jvarja minn metodu li jintuża għal ieħor. Għall-ispnott u l-awrat, l-istandards tal-OIE mhumiex jinkisbu mill-pajjiżi fl-istudju.

    L-analiżi ekonomika turi li d-differenzi fl-ispejjeż tal-produzzjoni huma r-riżultat tal-istruttura tal-industrija, u hemm benefiċċji partikolari mill-ekonomiji ta’ skala. Fejn jeżistu dawn l-ekonomiji ta’ skala, it-titjib tal-prattiki tat-trattament xieraq x’aktarx ftit ikollu impatt fuq il-prezz nett, filwaqt li l-impatt fuq il-farms iż-żgħar x’aktarx li jkun ħafna ikbar. L-akbar differenzi bejn l-intrapriżi u l-pajjiżi huma dovuti għal fatturi oħrajn, bħalma huma spejjeż ta’ għalf, tax-xogħol u tat-tħaddim.

    Fil-każ speċifiku tal-farms il-kbar tas-salamun u tat-trota qawsalla nstab li l-investiment fit-titjib tat-trattament jista’ jwassal għall-iffrankar tax-xogħol, u jista’ jegħleb l-ispiża tal-investiment.

    Is-sejbiet tar-rapport tal-istudju ordnat urew ukoll li b’mod ġenerali l-industrija qiegħda bil-mod il-mod u kontinwament ittejjeb it-trattament tal-ħut, kif jidher mill-użu li dejjem qed jiżdied ta’ metodi aktar umanitarji, bħall-isturdament bl-elettriku, u t-twarrib ftit ftit ta’ metodi oħrajn, bħalma hu l-isturdament bid-CO2 16 , u bl-adozzjoni ta’ standards privati. Madankollu għadu meħtieġ it-titjib biex jiżdied it-trattament xieraq ta’ xi speċijiet ta’ ħut bħall-ispnott u l-awrat. Is-sejbiet ta’ dan l-istudju huma appoġġati wkoll mir-rapport ġenerali tal-Kummissjoni, li sar mill-2014 sal-2015 17 .

    F’dan l-istadju, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-evidenza turi li mhuwiex xieraq li jiġu proposti rekwiżiti speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-ħut waqt il-qtil, meta wieħed iqis li l-għanijiet tar-Regolament xorta waħda jistgħu jintlaħqu minn miżuri volontarji, kif jidher mit-titjib li daħħlet l-industrija f’dawn l-aħħar snin. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li dan is-settur huwa komparattivament ġdid u divers meta mqabbel ma’ sistemi oħrajn ta’ produzzjoni tradizzjonali tal-annimali mrobbijin, u li t-teknoloġija biex jitjieb it-trattament qiegħda timxi ’l quddiem. Billi qegħdin isiru dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni tikkonkludi li jekk tkun meħtieġa aktar gwida, din tinkiseb l-aħjar fil-livell tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-progress f’dan il-qasam.

    Madankollu, wieħed irid jagħraf ukoll li tenħtieġ aktar riċerka ffokata lejn it-tfassil ta’ sistemi ddedikati għal dawk l-ispeċijiet ta’ ħut li jeħtieġu l-iżvilupp ta’ tekniki aktar effettivi.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa essenzjali li jiġu żviluppati aktar djalogi mal-partijiet ikkonċernati biex jingħata aktar appoġġ lil inizjattivi u proġetti speċifiċi f’dan il-qasam li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju reċiproku kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll minn dak tat-trattament xieraq tal-annimali. Fuq dan l-isfond il-Kummissjoni fasslet format aktar sistematiku u viżibbli għal dan id-djalogu permezz tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali 18 . L-għan ewlieni ta’ din il-pjattaforma huwa li jippermetti li l-partijiet interessati (organizzazzjonijiet għat-trattament xieraq tal-annimali, xjenzjati, veterinarji, bdiewa, dawk li jipproċessaw l-ikel, bejjiegħa tal-ikel, eċċ.) ikollhom l-opportunità li jesprimu t-tħassib tagħhom, jaqsmu l-għarfien u r-riżorsi biex jibnu attivitajiet reċiproki.

    (1)

       ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.

    (2)

       B’mod aktar ġenerali, l-impatti ambjentali tal-produzzjoni tal-akkwakultura huma importanti, u b’hekk ġew identifikati bħala wieħed mill-erba’ oqsma prijoritarji fil-linji gwida strateġiċi tal-Kummissjoni għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE: http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/index_en.htm  

    (3)

       Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015, COM(2012) 6 final/2.

    (4)

       (Il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi) Aquatic Animal Health Code, il-Kapitolu 7.3 Welfare aspects of stunning and killing of farmed fish for human consumption. http://www.oie.int/index.php?id=171&L=0&htmfile=chapitre_welfare_stunning_killing.htm  

    (5)

       L-Opinjonijiet Xjentifiċi tal-Bord dwar is-Saħħa u l-Welfare tal-Annimali wara talba mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-aspetti speċifiċi għal kull speċi tal-isturdament u l-qtil tal-ħut imrobbi

    Il-Karpjun imrobbi http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1013

    It-Trota Qawsalla mrobbija http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1012

    Il-Paġella Ħamra u l-Ispnotta mrobbijin http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1010

    Is-Salamun imrobbi http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1011

    (6)

       It-trattament xieraq tal-ħut imrobbi: Common practices during transport and at slaughter final (2017)  https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/facddd32-cda6-11e7-a5d5-01aa75ed71a1/language-mt/format-PDF/source-49981830

    (7)

       Dawn huma l-iżjed snin riċenti li għandhom iċ-ċifri disponibbli tal-Eurostat u l-STECF (il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-sajd) dwar il-produzzjoni u l-prestazzjoni ekonomika tas-settur.

    (8)

        

    http://ec.europa.eu/fisheries/partners/stecf/index_en.htm  

    (9)

       Overview report on the implementation of the rules on finfish aquaculture (2015) http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=95

    (10)

       It-tabelli u ċ-ċifri addattati mir-rapport tal-istudju ppubblikat “Welfare of farmed fish: common practices during transport and at slaughter” https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/facddd32-cda6-11e7-a5d5-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-49981830

    (11)

       FEAP, 2015, European Aquaculture production report 2005-2014 www.feap.info/shortcut.asp?FILE=1402

    (12)

    https://www.mattilsynet.no/om_mattilsynet/gjeldende_regelverk/veiledere/veileder_fiskevelferd_ved_slakteri_for_akvakulturdyr_2014.9471/binary/Veileder%20fiskevelferd%20ved%20slakteri%20for%20akvakulturdyr%202014

    (13)

    http://thecodeofgoodpractice.co.uk/chapters/  

    (14)

    http://www.fishhealth.ie/FHU/sites/default/files/FHU_Files/Documents/FarmedSalmonidHealthHandbookOctober2011.pdf  

    (15)

         Dawn il-fatturi tal-ispejjeż ġew ittrattati b’mod aktar komprensiv u ddettaljat fir-rapporti tal-STECF dwar il-produzzjoni u l-prestazzjoni ekonomika tas-settur.

    (16)

         Fis-17 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar abbozz ġdid ta’ regolament nazzjonali li jkun jipprojbixxi l-metodi attwali tradizzjonali tat-tbiċċir tas-sallur u jappoġġa metodi ta’ sturdament bl-elettriku li huma aktar umanitarji (in-notifika 2017/0406/NL).

    (17)

       Overview report on the implementation of the rules on finfish aquaculture (2015) http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=95

    (18)

       Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2017 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali”, C/2017/0280, ĠU C 31, 31.1.2017, p. 61.

    Top