EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0086

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

COM/2018/086 final

Brussell, 5.3.2018

COM(2018) 86 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

{SWD(2018) 48 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

L-Unjoni tal-Enerġija tissejjes fuq infrastruttura reżiljenti. Is-sena l-oħra bdew jitħaddmu proġetti importanti tal-interkonnessjonijiet u ssaħħet ferm il-kooperazzjoni reġjonali.

F’dak il-kuntest, il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (l-EEPR) kellu rwol ewlieni fl-appoġġ finanzjarju li ngħata lill-infrastrutturi ewlenin ta’ interess komuni għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass u għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista.

I. PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

L-infrastruttura tal-enerġija u l-innovazzjoni, li huma dak li jixpruna l-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (l-EEPR), għadhom importanti llum daqskemm kienu fl-2009 meta ġie stabbilit dan il-Programm.

Dan ir-rapport jistabbilixxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-proġetti f’kull parti tal-EEPR u fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (l-EEEF). Dan isegwi r-rapport li ġie adottat fl-2016 1 . Huwa jkopri l-implimentazzjoni tal-proġetti bejn il-31 ta’ Awwissu 2016 u t-30 ta’ Ġunju 2017 u l-pagamenti li saru matul dak il-perjodu.

II. IMPLIMENTAZZJONI ĠENERALI TAL-PROĠETTI

Sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2017, minn 59 proġett kienu tlestew 37 wieħed u l-benefiċjarji kienu tħallsu ammont totali ta’ EUR 2 279 701 215 (wara li tnaqqsu l-ordnijiet ta’ rkupru li kienu jammontaw għal EUR 159 202 466).

Il-qagħda tal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku hija kif ġej: ħames proġetti mexjin tajjeb, filwaqt li proġett wieħed bħalissa qiegħed jiġi diskuss. Ħafna mill-proġetti tlestew u l-promoturi mistennija jippreżentaw it-talba għall-pagament finali sa tmiem din is-sena.

Il-promoturi tal-integrazzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta (l-OWE) fil-grilja għamlu progress sostanzjali, filwaqt li l-promoturi tal-aħħar proġett li kien għad fadal tal-ġbir u tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (is-CCS) iddeċidew li ma jibqgħux jagħtu appoġġ finanzjarju lil dan il-proġett.

Il-Kummissjoni għażlet li żżomm l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-investituri sakemm tibqa’ ċara l-possibbiltà ta’ Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment (FID).

1.    L-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku

Is-sottoprogramm tal-infrastruttura tal-EEPR appoġġa 44 proġett fi tliet oqsma ewlenin ta’ attività.

Ġie allokat ammont totali ta’ EUR 2 267 574 462, li EUR 1 483 712 280 minnhom kienu tħallsu lill-benefiċjarji sat-30 ta’ Ġunju 2017. Il-pagamenti huma suġġetti għall-impenn sod tal-benefiċjarji li jimplimentaw il-proġett permezz ta’ Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment.

1.1. Il-progress li sar s’issa 

S’issa tlestew 35 minn 44 proġett tal-infrastruttura, erba’ proġetti għadhom għaddejjin u wieħed qiegħed jiġi diskuss.

Fis-settur tal-elettriku, minn 12-il proġett tlestew 10. It-tnejn li fadal mexjin tajjeb u mistennija jitlestew sa tmiem l-2017.

Fis-settur tal-gass, minn 32 proġett tlestew 25 wieħed, tnejn mexjin skont l-iskeda, wieħed bħalissa qiegħed jiġi diskuss u erbgħa ġew itterminati. Il-proġetti kollha tal-fluss fid-direzzjoni opposta u tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tlestew, ħlief għall-proġett tal-fluss fid-direzzjoni opposta fir-Rumanija li l-Kummissjoni tterminat f’Settembru tal-2014.

Mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni tal-EEPR tal-2016 ’l hawn, sar progress kbir b’rabta mal-proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass. 

Pereżempju, it-tisħiħ tan-netwerk Franċiż tal-gass fuq l-assi ta’ bejn l-Afrika, Spanja u Franza miexi tajjeb. Il-proġett se jiżviluppa n-netwerk tal-gass fi Franza sabiex tissaħħaħ l-assi ta’ bejn l-Afrika, Spanja u Franza (bejn Saint Martin de Crau u Saint Avit u bejn Lacal u Lussagnet). Il-proġett se jżid is-sigurtà tal-provvista u l-kompetizzjoni tas-suq f’dan ir-reġjun. Il-fondi tal-EEPR żguraw l-iżvilupp tal-proġett, b’mod partikulari b’rabta mal-assi tal-Lvant, billi ħeġġu lill-benefiċjarji jieħdu d-deċiżjoni tagħhom dwar l-investiment.

L-interkonnessjoni bejn il-Bulgarija u r-Rumanija ġiet implimentata b’suċċess fi tmiem l-2016. Il-fatt li tlesta dan il-proġett jippermetti li jiġi integrat aħjar is-suq tal-gass f’dan ir-reġjun u jżid is-sigurtà tal-provvista għall-Bulgarija, u jappoġġa wkoll il-ftuħ tal-kuritur tal-gass tan-Nofsinhar.

Il-proġett tal-infrastruttura tal-elettriku ta’ bejn Halle (Saale) u Schweinfurt jgħaqqad il-parti tal-Grigal tal-Ġermanja max-Xlokk ta’ dan il-pajjiż u jiffaċilita t-trasport tal-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-Tramuntana tal-Ġermanja u fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana lejn il-bqija tal-grilja tal-Ġermanja. L-interkonnettur tlesta fi tmiem Settembru tal-2017.

Il-proġett NordBalt 01 kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni tal-interkonnessjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku tal-Iżvezja u tal-Litwanja permezz ta’ kejbil ta’ taħt il-baħar ta’ kurrent dirett b’voltaġġ għoli b’kapaċità ta’ 700 MW. Il-proġett għandu l-għan li jkompli jnaqqas l-iżolament tal-Istati Baltiċi mis-suq intern tal-enerġija. Ix-xogħlijiet kollha tlestew.

S’issa, huwa mistenni li tlieta mill-ħames proġetti li għaddejjin bħalissa jitlestew fl-2017 u wieħed fl-2018, u proġett ieħor qiegħed jiġi diskuss.

2. Il-proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta (l-OWE)

2.1. Il-progress li sar s’issa

Is-sottoprogramm tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta kien jikkonsisti f’disa’ proġetti li taw appoġġ ta’ EUR 565 miljun għal żewġ tipi ta’ attivitajiet ewlenin:

·l-ittestjar, il-manifattura u l-varar tal-użu fuq skala kbira ta’ turbini innovattivi u ta’ strutturi ta’ pedamenti lil hinn mill-kosta (sitt proġetti); u

·l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq moduli għall-integrazzjoni fil-grilja ta’ ammonti kbar ta’ trażmissjoni elettrika ġġenerata mir-riħ (tliet proġetti).

Erba’ mid-disa’ proġetti tlestew u tnejn ġew itterminati qabel iż-żmien. Għall-proġetti tħallsu EUR 255 744 668 (wara li tnaqqsu l-ordnijiet ta’ rkupru). It-tliet proġetti li fadal għadhom għaddejjin.

2.2. Il-progress li sar s’issa skont is-settur

2.2.1. Il-progress li sar b’rabta mat-turbini innovattivi u mal-istrutturi lil hinn mill-kosta

Għall-“Aberdeen Offshore Wind Farm” (il-park eoliku fuq il-baħar li jinsab Aberdeen), f’Lulju tal-2016 ittieħdet Deċiżjoni Finali pożittiva dwar l-Investiment. L-isfidi li kien hemm biex jinkisbu l-permessi tal-bini lil hinn mill-kosta kif ukoll dawk ta’ fuq l-art dewmu l-proġett u issa l-kostruzzjoni hija stmata li tinbeda fl-aħħar tliet xhur tal-2017 (u l-ikkummissjonar f’nofs l-2019).

Il-proġett imsejjaħ “Nordsee Ost Offshore Wind Farm” (il-park eoliku fuq il-baħar li jinsab fil-Lvant tal-Baħar tat-Tramuntana) tlesta b’suċċess f’Mejju tal-2016.

Ma nstab l-ebda koinvestitur għall-proġett “Global Tech I”. Għaldaqstant, f’April tal-2015 il-Kummissjoni kkonfermat li l-proġett ġie tterminat b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.2.2. Il-progress li sar b’rabta mal-integrazzjoni tal-enerġija mir-riħ fil-grilja

Proġett wieħed, imsejjaħ “HVDC Hub”, ġie tterminat.

B’mod ġenerali, iż-żewġ proġetti l-oħra li għad baqa’, imsejħin “Kriegers Flak” u “Cobra Cable”, qed jiġu implimentati kif mistenni. Għall-proġett imsejjaħ “Kriegers Flak”, f’Settembru tal-2015, il-Kummissjoni Ewropea approvat l-emenda tal-Ftehim tal-Għotja għas-soluzzjoni teknika l-ġdida. Il-benefiċjarji 50Hertz u Energinet.dk ħadu d-Deċiżjoni Finali dwar il-Kostruzzjoni (l-FCD).

Daqt jiġu ffinalizzati s-sejħiet għall-offerti tal-UE għat-tagħmir ewlieni għall-infrastruttura. Skont il-pjan, il-benefiċjarji taw kważi l-kuntratti kollha u qed isir progress fil-kostruzzjoni. Il-proċess tal-ħruġ tal-permessi għall-Ġermanja u għad-Danimarka miexi kif mistenni.Qed jiġi ppjanat li s-Soluzzjoni Kkombinata tal-Grilja ta’ Kriegers Flak b’interkonnettur lil hinn mill-kosta tiġi kkummissjonata sa tmiem l-2018.

Għall-proġett imsejjaħ “Cobra Cable”, wara li f’Diċembru tal-2015 ittieħdet id-Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment, il-proġett miexi tajjeb b’rabta ma’ ħafna mir-riżultati tiegħu, ħlief għal tnejn, li huma l-produzzjoni u l-ittestjar tal-konvertituri u tal-kejbil. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-kuntratt jittawwal bi 12-il xahar sabiex l-attivitajiet jiġu ffinalizzati u r-riżultati jingħataw fiż-żmien li fih ikun fis-seħħ il-kuntratt. Huwa skedat li l-interkonnettur jinbena u jiġi ttestjat fl-2018 sabiex jibda jitħaddem fl-2019. L-istudju ta’ livell għoli għadu għaddej u għandu l-għan li jidentifika u jiddeskrivi l-kwistjonijiet importanti tat-tfassil li jridu jitqiesu sabiex il-kollegament ta’ kurrent dirett b’voltaġġ għoli jkun lest biex jintuża bħala parti minn netwerk b’diversi terminals fil-ġejjieni.

3. Il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju

Is-sottoprogramm tal-EEPR kien jikkonsisti f’sitt proġetti u f’appoġġ ta’ EUR 1 biljun bil-għan li jintwera l-proċess sħiħ tal-ġbir, tat-trasport u tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

Proġett wieħed tlesta u pprovda impjanti pilota operattivi għall-ġbir, għat-trasport u għall-ħżin. Tliet proġetti ġew itterminati qabel iż-żmien minħabba li l-promotur tagħhom iddeċieda li ma jinvestix fihom, proġett wieħed intemm mingħajr ma tlesta u kien għad fadal biss il-proġett imsejjaħ “ROAD”. Għal dawn il-proġetti tħallsu EUR 424 040 501.

Il-progress li sar b’rabta mal-proġetti tal-ġbir u tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (is-CCS)

F’Novembru tal-2016, il-Kummissjoni u l-promoturi tal-proġett imsejjaħ “ROAD” qablu li jtawlu l-ftehim tal-għotja sal-31 ta’ Diċembru 2019, wara li sar progress fid-diskussjonijiet dwar sorsi addizzjonali ta’ finanzjament, dwar ir-ristrutturar tal-proġett u dwar il-bidla għal sit tal-ħżin li ma jiswiex daqshekk flus. Madankollu, f’Ġunju tal-2017 il-promoturi tal-proġett għarrfu lill-Kummissjoni li s-sħab fl-impriża konġunta Engie u Uniper iddeċidew li ma jibqgħux jagħtu appoġġ finanzjarju lil dan il-proġett u iktar tard ikkonfermaw li qed jirtiraw it-talba tagħhom għall-ftehim tal-għotja. B’hekk il-ftehim tal-għotja qed jiġi tterminat. Madankollu qed jitħejja proġett ġdid li qed imexxih il-port ta’ Rotterdam li jista’ jkun li juża fondi Komunitarji oħrajn, jekk ikun ta’ suċċess.

III. IL-FOND EWROPEW GĦALL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA (L-EEEF)

F’Diċembru tal-2010 ġew allokati EUR 146.3 miljun mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (l-EEPR) għal faċilità finanzjarja għal proġetti tal-enerġija sostenibbli 2 . Intużaw EUR 125 miljun bħala l-kontribut tal-UE għall-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (l-EEEF) li nħoloq f’Lulju tal-2011 u li sal-lum laħaq volum totali ta’ EUR 265 miljun 3 , appoġġat minn faċilità ta’ għotjiet ta’ assistenza teknika b’baġit ta’ EUR 20 miljun u EUR 1.3 miljun għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

L-EEEF jipprovdi finanzjament imfassal apposta (kemm strumenti ta’ dejn kif ukoll strumenti ta’ ekwità) għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli u ta’ trasport urban nadif. Il-benefiċjarji huma awtoritajiet pubbliċi lokali jew reġjonali jew entitajiet privati li jaġixxu f’isimhom.

Il-progress li sar s’issa

Fl-2016 mal-portafoll tal-Fond żdiedet tranżazzjoni ġdida. L-assoċjazzjoni msejħa “Ore Valley Housing Association” ikkonkludiet ftehim finanzjarju mal-EEEF dwar proġett li jiswa GBP 4.6 miljun. Dawn il-flus se jintużaw biex jiġu żviluppati siti tat-turbini eoliċi f’Fife fl-Iskozja u għal skema ta’ finanzjament innovattiv li tibdel 200 sistema tat-tisħin fid-djar ta’ din l-assoċjazzjoni. Din kienet l-ewwel tranżazzjoni bbażata fil-komunità li l-EEEF ikkonkludiet fir-Renju Unit u ġiet wara kooperazzjoni fuq erba’ snin bejn l-EEEF u l-assoċjazzjoni msejħa “Ore Valley Housing Association”.

Minn meta nħoloq sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-EEEF iffirma kuntratti ma’ 11-il proġett li jammontaw għal EUR 121 miljun, li ġġeneraw EUR 224 miljun ta’ investimenti finali.

Abbażi tal-qafas għall-valutazzjoni tal-proġetti u għar-rappurtar tal-EEEF dwar l-iffrankar tal-enerġija primarja u tal-ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju, sa tmiem l-2016, l-investimenti tiegħu kienu wasslu biex ġew iffrankati kważi 249 000 tunnellata ta’ CO2 u 308 802 MWh ta’ enerġija primarja 4 .

Il-faċilità ta’ assistenza teknika tal-Kummissjoni Ewropea

Fl-2016, ma ġewx allokati fondi addizzjonali biex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ żvilupp tal-proġetti.

B’kollox, il-faċilità ta’ assistenza teknika ffinanzjata mill-Kummissjoni se tkun appoġġat l-istrutturar ta’ 16-il proġett għal ammont totali allokat ta’ EUR 16-il miljun (minn baġit ta’ EUR 20 miljun). Hemm diversi fatturi li jistgħu jispjegaw għaliex kien hemm fondi li ma ġewx allokati. L-ewwel nett, il-proġetti identifikati fil-fażi ta’ eskalazzjoni tal-Fond kienu fi stadju iktar avvanzat jew kellhom livell ta’ maturità ogħla u għalhekk ma kellhomx bżonn ta’ assistenza teknika. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-faċilità ta’ assistenza teknika wriet li l-finanzjament ta’ proġetti tal-effiċjenza enerġetika jiffaċċja diversi sfidi, bħal livell ta’ tħejjija tat-talbiet aktar baxx minn dak li kien mistenni oriġinarjament meta nbeda l-EEEF (mit-talbiet għall-assistenza teknika li waslu, ftit kienu lesti biex jiġu sottomessi), tibdil fil-proġetti wara tibdil politiku fil-gvernijiet jew l-adattamenti meħtieġa wara l-ewwel sensiela ta’ studji ta’ fattibbiltà.

Il-faċilità ta’ assistenza teknika tal-EEEF

F’Novembru tal-2016, il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (l-EEEF) nieda faċilità ġdida għall-assistenza teknika. B’segwitu għall-faċilità ta’ assistenza teknika tal-Kummissjoni Ewropea, li kien jamministraha l-EEEF, l-EEEF stabbilixxa għodda ġdida biex jappoġġa benefiċjarji pubbliċi ambizzjużi li jkollhom proġetti bankabbli ta’ investiment fil-qasam tal-enerġija sostenibbli. It-tali proġetti għandu jkollhom x’jaqsmu ma’ inizjattivi fis-settur tal-effiċjenza enerġetika, ma’ inizjattivi marbutin mal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u/jew ma’ inizjattivi marbutin mat-trasport pubbliku. L-EEEF qed jappoġġa lill-benefiċjarji, li huma reġjuni, kunsilli tal-bliet, universitajiet, sptarijiet pubbliċi u entitajiet pubbliċi oħrajn li jinsabu fit-28 Stat Membru tal-UE, billi jalloka servizzi ta’ konsulenza għall-investimenti ppjanati, pereżempju billi joffri servizzi legali u billi jwettaq studji tal-fattibbiltà, awditi tal-enerġija u analiżi tal-vijabbiltà ekonomika. Il-faċilità ta’ assistenza teknika tal-EEEF ingħatat fondi mill-faċilità msejħa “ELENA” fil-kuntest tal-Programm tal-Unjoni Ewropea msejjaħ “Orizzont 2020”.

Konklużjonijiet ewlenin u prospetti

L-EEEF stabbilixxa, b’mod progressiv, rekord solidu ta’ investimenti li jwasslu għal qligħ, u se jfittex b’mod attiv aktar investituri avvanzati biex ikompli jżid dejjem aktar il-kontribut tal-UE.

Għall-2017, il-proġetti ppjanati jinkludu 17-il proġett ta’ volum totali ta’ EUR 337 miljun, li għalihom is-sehem previst tal-EEEF huwa ta’ EUR 142 miljun. L-EEEF se jkompli jfittex li jwessa’ l-kopertura ġeografika tiegħu meta l-kundizzjonijiet tas-suq u tal-proġetti jkunu jippermettu dan.

IV. Konklużjonijiet ġenerali

L-EEPR ħalla riżultati tajbin. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti tlestew, b’mod partikulari dawk marbutin mal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku. Il-kontroll strett li l-Kummissjoni Ewropea eżerċitat fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-proġetti għen sabiex tiżdied l-effiċjenza ta’ dan l-istrument.

Minkejja l-fatt li l-proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta kienu jidhru li kienu iktar kumplessi milli kien mistenni, il-promoturi u l-kostrutturi rnexxielhom isibu soluzzjonijiet għal dan u f’ħames snin inkiseb għarfien teknoloġiku dwarhom.

Għalkemm l-appoġġ finanzjarju tal-EEPR ma kienx biżżejjed biex il-kumpaniji jitħeġġu jwettqu proġetti tal-wiri tat-teknoloġiji tal-ġbir u tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (is-CCS) fuq skala kummerċjali, il-Kummissjoni għadha tqis li l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju huma importanti għad-dekarbonizzazzjoni. L-isforzi tal-wiri tat-teknoloġiji tal-ġbir u tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (is-CCS) fl-Ewropa mistennija jiffukaw fuq l-industriji li jużaw ħafna enerġija u ħafna karbonju fil-ġejjieni.

L-EEEF investa f’diversi proġetti tal-effiċjenza enerġetika u se jkompli jwessa’ l-portafoll tiegħu u jipprovdi soluzzjonijiet finanzjarji u jiġġenera qligħ li jkopri l-ispejjeż amministrattivi, id-dividendi tal-azzjonisti u l-ħlas lura tal-ispejjeż tal-istabbiliment. L-EEEF iservi wkoll ta’ mudell għall-istrumenti finanzjarji innovattivi billi jinvesti fi proġetti kosteffikaċi u maturi tal-enerġija sostenibbli (b’perjodi ta’ ħlas lura ta’ massimu ta’ 18-il sena) li jistgħu jiġbdu lejhom il-kapital privat filwaqt li juru l-vantaġġi kummerċjali ta’ dawn l-investimenti u joħolqu rekord kredibbli għalihom.

(1)

Ir-rapport tal-2016 li ġie adottat fit-28 ta’ Novembru 2016 (COM(2016) 743 final).

(2)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija.

(3)

     Investimenti addizzjonali minbarra dawk li għamlet il-Kummissjoni Ewropea saru mill-Bank Ewropew tal-Investiment (investiment ta’ EUR 75 miljun), mill-Cassa Depositi e Prestiti SpA (CDP) (investiment ta’ EUR 60 miljun) u mid-Deutsche Bank (DB) bħala l-maniġer tal-investiment (investiment ta’ EUR 5 miljun).

(4)

Qed jingħata l-iffrankar kumulattiv tal-enerġija primarja għat-teknoloġiji tal-effiċjenza enerġetika u tat-trasport urban nadif biss; dan jinkludi l-kalkoli minn meta jiġi konkluż il-ftehim finanzjarju sad-data ta’ maturità tas-self, ibbażati fuq stima għall-proġetti li jkun għadhom fil-fażi ta’ kostruzzjoni u li jkun ilhom inqas minn sena jitħaddmu u fuq id-dejta reali għall-proġetti li jkun ilhom iktar minn sena jitħaddmu. L-iffrankar qed jingħata għall-volum totali tal-investiment fil-proġetti (jiġifieri kemm għall-investimenti tal-EEEF u kemm għal dawk minn sorsi oħrajn).

Top

Brussell, 5.3.2018

COM(2018) 86 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

{SWD(2018) 48 final}


Ammont totali ta’ pagamenti li kienu saru għall-proġetti tal-EEPR (f’Euro) fit-30 ta’ Ġunju 2017

Sena

Ammont totali

L-interkonnetturi

L-2010

360 855 255

 

L-2011

224 168 978

L-2012

129 803 681

L-2013

126 931 210

L-2014

105 405 090

L-2015

368 316 520

L-2016

171 413 396

 

L-2017

-3 181 850

Ammont totali

 

1 483 712 280

Il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju

L-2010

193 746 615

 

L-2011

192 003 912

L-2012

-5 616 119

L-2013

26 844 339

L-2014

16 439 027

L-2015

8 810 052

L-2016

0

 

L-2017

-8 187 324

Ammont totali

 

424 040 501

L-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta

L-2010

146 307 028

 

L-2011

41 300 325

L-2012

15 624 304

L-2013

11 990 156

L-2014

19 996 656

L-2015

-26 186 766

L-2016

14 240 385

 

L-2017

32 472 580

Ammont totali

 

255 744 668

Il-Fond għall-Effiċjenza Enerġetika

L-2010

0

 

L-2011

30 000 000

L-2012

934 251

L-2013

24 892 027

L-2014

42 726 026

L-2015

14 651 461

L-2016

3 000 000

 

L-2017

0

Ammont totali

116 203 765

Ammont totali

L-2010

700 908 898

L-2011

487 473 215

L-2012

140 746 117

L-2013

190 657 732

L-2014

184 566 799

L-2015

365 591 267

L-2016

188 653 781

L-2017

21 103 406

Ammont totali

 

2 279 701 215

L-ordnijiet ta’ rkupru tnaqqsu mill-pagamenti

Top