Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0078

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL għall-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    COM/2018/078 final

    Brussell, 22.2.2018

    COM(2018) 78 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    għall-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp


    Introduzzjoni

    Id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea 1 (Overseas Association Decision – OAD) tistabbilixxi l-qafas legali għar-relazzjonijiet bejn il-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej 2 (Overseas Countries and Territories – OCTs), l-Istati Membri li għandhom rabtiet magħhom, u l-Unjoni Ewropea. Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 3 (TFUE), l-iskop tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea huwa li ssostni l-iżvilupp sostenibbli tal-OCTs u tippromwovi l-valuri tal-Unjoni fil-bqija tad-dinja.

    L-appoġġ finanzjarju lill-OCTs huwa pprovdut primarjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), b’ammont ta’ EUR 364,5 miljun li jiġu allokati fil-qafas tal-11-il FEŻ għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020. 4

    F’konformità mal-Artikolu 91 tal-OAD, dan ir-rapport jenfasizza l-progress miksub fl-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-11-il FEŻ għall-OCTs għas-sena 2017.

    Ir-Riżorsi Finanzjarj fil-qafas tal-11-il FEŻ-OCT

    Ir-riżorsi tal-11-il FEŻ-OCT disponibbli għall-OCTs jinqasmu fl-allokazzjonijiet li ġejjin, abbażi tal-Anness 2 tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea:

    ·EUR 229,5 miljun għall-allokazzjonijiet territorjali (bilaterali);

    ·EUR 100 miljun għall-kooperazzjoni reġjonali u għall-integrazzjoni;

    ·EUR 21,5 miljun għall-iffinanzjar tal-għajnuna umanitarja u ta’ emerġenża, jew għajnuna għall-flutwazzjonijiet fid-dħul mill-esportazzjonijiet;

    ·EUR 5 miljun għall-iffinanzjar tas-sussidji fuq l-imgħax u tal-għajnuna teknika permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-OCTs tal-BEI;

    ·EUR 8,5 miljun għall-istudji u għall-għajnuna teknika f’konformità mal-Artikolu 81 tal-OAD.

    F’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-OAD, 16-il OCT huma meqjusa eliġibbli għal allokazzjoni territorjali fil-qafas tal-11-il FEŻ. 5 Għandu jiġi nnotat li Greenland hija ffinanzjata direttament mill-baġit ġenerali tal-UE abbażi tad-“Deċiżjoni ta’ Greenland”. 6

    L-erba’ programmi reġjonali għandhom l-għan li jrawmu kooperazzjoni fost l-OCTs tal-istess reġjun u jikkondividu ġabra simili ta’ sfidi u prijoritajiet. L-azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas tal-allokazzjoni reġjonali jservu ta’ appoġġ għall-elaborazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti reġjonali komprensivi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Is-sħubijiet ma’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament, inklużi strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u/jew pajjiżi terzi ġirien, kif ukoll ir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, huma mħeġġa b’mod attiv.

    Il-proċess ta’ programmar għall-11-il FEŻ-OCT

    L-OAD 7 tistabbilixxi proċess ta’ programmar li huwa speċifiku għall-OCTs. Kuntrarjament għall-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), il-programmar mhuwiex ibbażat fuq il-Programmi Indikattivi Nazzjonali iżda huwa organizzat fuq it-tfassil ta’ Dokument ta’ Programmar, li għandu żewġ komponenti: a) l-istrateġija ta’ rispons tal-UE (il-Parti A) u, b) id-Dokument ta’ Azzjoni (il-Parti B). 

    Tittieħed biss Deċiżjoni formali waħda tal-Kummissjoni biex ikun approvat kull Dokument ta’ Programmar tal-OCTs, li tkopri kemm l-orjentazzjonijiet strateġiċi kif ukoll it-tfassil dettaljat tal-programm. Dan ifisser li Dokument ta’ Programmar ma jistax jiġi adottat qabel ma jitfasslu l-istrateġija u Dokument ta’ Azzjoni u jsir qbil formali dwarhom. L-appoġġ baġitarju huwa l-modalità ta’ implimentazzjoni preferuta għall-allokazzjonijiet territorjali fl-OCTs.

    L-OCTs jibqgħu primarjament responsabbli li jistabbilixxu d-Dokumenti ta’ Programmar, inklużi l-prijoritajiet li fuqhom jiġu bbażati l-istrateġiji tagħhom u l-iżgurar tal-konsultazzjoni lokali meħtieġa. Wara talba mill-OCTs, tpoġġiet għad-disponibbiltà Assistenza Teknika biex takkumpanja lill-OCTs fil-proċess ta’ programmar, f’konformità mal-Artikolu 81 tal-OAD.

    Ingħatat gwida speċifika lill-OCTs bħala appoġġ f'diversi aspetti tal-proċess ta’ programmar għall-perjodu 2014-2020:

    Tfasslu struzzjonijiet ta’ programmar dettaljati indirizzati speċifikament għall-OCTs li servew bħala bażi biex jigwidaw lill-pajjiżi u lit-territorji. Dawn il-linji gwida jinkludu kemm l-orjentazzjoni kif ukoll il-mudelli apposta rigward l-istadji differenti għat-tfassil tad-Dokument ta’ Programmar.

    Il-Linji Gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju tal-UE (l-Anness 10) riveduti f’Settembru 2017 jinkludu gwida speċifika, aktar flessibbli dwar l-approvazzjoni u l-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju fl-OCTs, kif ukoll fi Stati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS) oħra.

    Sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn l-OCTs, l-AKP/il-pajjiżi ġirien u r-Reġjuni Ultraperiferiċi, tfasslet nota ta’ orjentazzjoni biex jiġu ffaċilitati u jitħeġġu proġetti komuni ffinanzjati mill-FEŻ u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

    Għall-allokazzjonijiet territorjali, l-appoġġ baġitarju ġie propost bħala l-modalità ta’ implimentazzjoni mill-maġġorparti tal-OCTs, u f’diversi każijiet dan jirrappreżenta evoluzzjoni pożittiva meta mqabbla mal-modalità tal-proġett li ntużat qabel, notevolment f’Curaçao, il-Polineżja Franċiża, Sint Eustatius, u Wallis u Futuna. Appoġġ baġitarju joffri fil-fatt mod effiċjenti ta’ kif jiġu indirizzati l-isfidi u t-theddid transversali, strutturali u fit-tul.

    Is-sitwazzjoni fl-2017

    a)Uragani fir-reġjun tal-Karibew

    F’Settembru 2017, żewġ Uragani tal-Kategorija 5, Irma u Maria laqtu diversi Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej fil-Karibew, u ġabu magħhom irjieħ perikolużi (300 km/h), maltempati koroh u xita qawwija, li rriżultaw f’danni mifruxa fuq id-djar u l-infrastruttura bażika. L-agħar OCTs li ntlaqtu kienu Anguilla, Sint Maarten u l-Gżejjer Turks u Kajkos, Saint Barthélemy u l-British Virgin Islands. Montserrat, Saba u Sint Eustatius ntlaqtu wkoll.

    Wara l-uragani, diversi laqgħat ġew organizzati mill-Kummissjoni Ewropea, l-OCTs affettwati u l-Istati Membri tagħhom biex jaqsmu mingħajr dewmien l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-għajnuna umanitarja / ta’ emerġenza mal-OCTs u mal-Istati Membri.

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DĠ ECHO) ipprovda appoġġ immedjat lill-Gżejjer Turks u Kajkos (EUR 60 000) u lil Sint Maarten (EUR 80 000) permezz ta’ programm reġjonali mal-Organizzazzjoni tas-Saħħa Pan-Amerikana (PAHO). L-interventi jiffokaw fuq xogħlijiet ta’ restawr żgħar fuq l-infrastrutturi tas-saħħa milquta, biex jerġgħu jiġu stabbiliti s-servizzi immedjati, jiġi żgurat l-aċċess għal ilma sikur f’faċilitajiet tas-saħħa u s-sorveljanza epidemjoloġika tal-komunitajiet vulnerabbli.

    Barra minn hekk, il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili ġie attivat għal Sint Maarten min-Netherlands, għall-evakwazzjoni mill-ajru minn Sint Maarten kif ukoll biex jitħallsu l-ispejjeż tat-trasport ta’ bastiment Netherlandiż li jipprovdi assistenza Netherlandiża in natura għal Sint Maarten, inklużi karozzi, trakkijiet u makkinarju tqil.

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp ħadem flimkien mal-awtoritajiet territorjali tal-11-il FEŻ biex jiżgura li l-programmi reġjonali u territorjali jiġu aġġustati biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ wara IRMA fl-OCTs u biex jappoġġahom fl-isforzi tagħhom biex isiru aktar reżiljenti. F'dan ir-rigward, u bħala parti mill-isforzi ta’ għajnuna, il-ħlas ta' EUR 3.6 miljun u EUR 4 miljun ġie rrealizzat immedjatament permezz tal-programmi ta’ appoġġ baġitarju tal-11-il FEŻ għas-setturi edukattivi ta' Anguilla u l-Gżejjer Turks u Kajkos.

    Barra minn hekk, il-komponent orizzontali l-ġdid dwar ir-reżiljenza se jiżdied taħt il-qafas tal-Programm Reġjonali tal-Karibew tal-11-il FEŻ biex jiġi appoġġat il-bini tar-reżiljenza fit-tul fl-OCTs, f’konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp li jenfasizza l-impenn biex tinbena r-reżiljenza.

    Dwar il-mobilizzazzjoni possibbli tar-riżerva mhux allokata B (EUR 21.5 miljun) taħt il-11-il FEŻ, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp qed jivvaluta t-talbiet li ġew imressqa mill-OCTs l-aktar milquta. F’dan ir-rigward, pakkett indikattiv ta’ EUR 5 miljun ġie riżervat bħala parti mill-pakkett ta’ EUR 60.5 miljun imwiegħed mill-Kummissarju tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, f’isem l-Unjoni Ewropea, biex tappoġġa l-isforzi ta’ rikostruzzjoni f’territorji u pajjiżi affettwati matul il-konferenza ta’ livell għoli tad-donaturi li saret fi New York fil-21 ta’ Novembru 2017.

    b)Konsultazzjonijiet li saru

    Il-Kummissjoni Ewropea ilha mill-bidu tal-eżerċizzju ta’ programmar f’Diċembru 2013 tappoġġja b’mod attiv lill-OCTs tul il-proċess kollu ta’ programmar permezz tal-finanzjament u/jew l-iffaċilitar tal-organizzazzjoni ta’ workshops, konferenzi u seminars speċifiċi sabiex tagħti lok għal riflessjoni dwar il-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi. Dawn l-iskambji kienu numerużi u partikolarment utli matul is-sena 2017 kollha kemm hi.

    Bil-bini fuq l-eżiti tad-diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni tal-2016, il-ġimgħa tal-15-il Forum OCT-UE (22-26 ta’ Frar 2017) kienet tirrappreżenta l-okkażjoni perfetta biex l-OCTs jiltaqgħu reġjonalment u javvanzaw fil-proċess ta' programmar, li jippermetti lill-OCTs tal-Karibew u tal-Paċifiku li rispettivament javvanzaw u jikkonkludu l-fażi ta’ identifikazzjoni għall-programmi reġjonali tagħhom.

    Sussegwentement, is-seminar reġjonali u s-seminar tat-2-3 ta’ April 2017 u l-workshops ta’ seminar għall-OCTs tal-Paċifiku 8 tal-24-27 ta’ Ottubru f'Numéa ppermettew li tiġi ffinalizzata l-fażi ta' formulazzjoni. Matul is-seminar, ingħatat attenzjoni partikolari biex jiġu definiti sinerġiji possibbli bejn il-programmi reġjonali tal-AKP u jsir aktar progress fir-rigward tal-integrazzjoni reġjonali, u tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi AKP ġirien.

    Dwar il-Programm Reġjonali tal-Karibew, il-workshop reġjonali li sar fi tmiem Novembru 2017 f’Bonaire, ikkontribwixxa biex tiġi avvanzata b’mod kostruttiv il-fażi ta’ formulazzjoni wara l-konsegwenzi tal-uragani fir-reġjun. Il-workshop ippermetta mhux biss li jiżdied komponent orizzontali dwar ir-reżiljenza, iżda wkoll li jsir progress fir-rigward tal-għażla tas-sieħeb tal-implimentazzjoni u bl-allokazzjoni indikattiva tal-baġit għal kull komponent.

    Skambji b’riżultati tajbin saru wkoll bejn l-OCTs u s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-programm tematiku intra-OCT. B’mod partikolari, il-Grupp ta’ Ħidma tas-Sħubija (Partnership Working Party, PWP) dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ta’ Lulju 2017 jipprovdi okkażjoni biex javvanza aktar l-ipprogrammar tal-komponent tat-tibdil fil-klima tal-programm tematiku tal-11-il FEŻ. Din il-laqgħa bniet fuq u kkumplimentat ir-riżultati tal-PWP dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ta’ Lulju 2016 li ffukaw fuq il-komponent l-ieħor tal-pakkett tematiku, l-enerġija sostenibbli. 

    L-OCTs u l-Unjoni Ewropea reġgħu affermaw ukoll l-impenn qawwi tagħhom fuq l-enerġija rinnovabbli fl-okkażjoni tat-tielet Summit tal-Ministri tal-Enerġija u l-workshop dwar l-enerġija mill-ibħra li sar fi Brussell fis-6–7 ta’ Diċembru 2017 9 .

    Apparti minn hekk, ir-riflessjonijiet dwar il-prijoritajiet strateġiċi komuni mxew ’il quddiem bis-saħħa tad-drabi li kien hemm djalogu tal-Assoċjazzjoni stabbilita taħt l-OAD. Fil-livell tekniku, fl-2017 ġew organizzati erba’ laqgħat tripartitiċi bejn il-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-OCTs u l-Istati Membri li għandhom rabtiet magħhom, li taw l-opportunità għal djalogu bejn il-Kummissjoni, l-OCTs u r-rappreżentanti tal-Istati Membri, u għall-monitoraġġ tal-progressjoni, l-implimentazzjoni u l-ipprogrammar tar-riżorsi tal-11-il FEŻ.

    Fil-livell politiku, waqt il-ħmistax-il Forum OCT-UE ta’ Frar 2017 - imsejjes fuq il-konklużjonijiet tal-14-il Forum OCT-UE tal-2016 - l-UE, l-OCTs u l-Istati Membri tagħhom affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom biex tinbena r-reżiljenza u s-sostenibbiltà għal soluzzjonijiet fit-tul għal sfidi kumplessi u komuni, bħat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri u l-enerġija rinnovabbli, u rrikonoxxew l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali u b'hekk tiġi mħaddna direttament fil-programmi tematiċi u reġjonali.

    Fl-aħħar nett, il-laqgħat trilaterali bejn il-Kummissjoni, l-Uffiċjali Awtorizzanti Territorjali/Reġjonali tal-OCTs u l-Istati Membri li l-OCTs huma marbuta magħhom, li saru fil-qafas tal-15-il Forum bejn l-OCTs u l-UE, provdew opportunità biex tkun diskussa u indirizzata kull kwistjoni eventwali marbuta mal-programmar u l-implimentazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, u jkunu pjanati b’mod konkret il-passi li jmiss.

    c)Programmi territorjali u reġjonali tal-11-il FEŻ

    Bis-saħħa tal-impenn komuni tal-partijiet kollha kkonċernati, inkisbu kisbiet sinifikanti f’termini tal-ipprogrammar tal-11-il FEŻ fl-2016 u l-2017.

    Matul is-snin 2016 u 2017 kien hemm mobilizzazzjoni sħiħa tal-Assistenza Teknika (AT) biex tappoġġja lill-Uffiċjali Awtorizzanti Territorjali u Reġjonali fil-proċess ta’ programmar, f’konformità mal-Artikolu 81 tal-OAD. Fi tmiem l-2017, ġew stabbiliti kuntratti jew studji ta’ AT biex tingħata definizzjoni tal-istrateġiji settorjali tal-OCTs jew biex tkun stabbilita l-eliġibbiltà tal-OCTs għall-appoġġ baġitarju ġew kuntrattati b’kollox għal ammont ta’ EUR 3,64 miljun taħt il-Faċilitajiet ta’ Kooperazzjoni Teknika I u II tal-11-il FEŻ.

    Fil-livell territorjali, l-Istrateġiji ta’ Reazzjoni tal-UE kollha ġew approvati (bl-eċċezzjoni ta’ Curaçao u Saint Maarten), filwaqt li Saint Helena lestiet il-fażi ta’ identifikazzjoni fit-tieni trimestru tal-2017 u lestiet il-fażi ta’ formulazzjoni f’Diċembru 2017.

    Minbarra d-Dokumenti ta’ Programmazzjoni ta’ Saint Pierre u Miquelon, li kienu ġew iffirmati fil-Ħarifa tal-2016, il-ħames Dokumenti ta’ Programmar għal New Caledonia, il-Gżejjer Turks u Kajkos, Saba, Sint Eustasius u Anguilla ġew iffirmati mal-Kummissarju Neven Mimica matul il-15-il Forum tal-OCT-UE li sar f’Aruba f’Frar 2017.

    Barra minn hekk, erba’ Dokumenti ta’ Programmazzjoni oħra għall-Gżejjer Falkland, Pitcairn, Wallis u Futuna u l-Polineżja Franċiża ġew adottati fi tmiem is-sena. B'żieda ma' dan, il-proċedura tal-adozzjoni għad-Dokument ta’ Programmar għal Montserrat tnediet f’Diċembru 2017 u l-adozzjoni hija maħsuba li ssir fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar 2018.

    F’termini finanzjarji dan sarraf fi kważi 75 % tat-total tar-riżorsi ta’ finanzjament territorjali.

    Fil-livell reġjonali, kif indikat hawn fuq, il-Programm Reġjonali tal-Paċifiku huwa l-ewwel programm reġjonali li kkonkluda l-fażi ta’ formulazzjoni, filwaqt li l-Programm Reġjonali tal-Karibew temm b’suċċess il-fażi ta’ identifikazzjoni.

    Rigward dan tal-aħħar, għandu jiġi nnutat, kif imsemmi fit-taqsima ta’ hawn fuq, li wara li għaddew l-uragani Irma u Maria fil-baċir tal-Karibew, l-OCTs ftiehmu waqt il-workshop f’Bonaire f’Novembru 2017 biex inaqqsu l-ambitu tal-komponent tal-enerġija, filwaqt li jorjentaw mill-ġdid madwar EUR 20 miljun biex tinbena r-reżiljenza.

    Għall-Oċean Indjan u l-Programm Reġjonali Tematiku intra-OCT, il-fażi ta’ identifikazzjoni għadha għaddejja.

    Fuq nota finali, l-eżerċizzju ta’ programmazzjoni għall-miżuri ta' appoġġ tal-11-il FEŻ għall-Assoċjazzjoni tal-OCTs (OCTA) għal ammont totali ta’ EUR 1.1 miljun għas-snin 2018- 2019 tlesta wkoll fl-2017. Dawn il-miżuri se jappoġġjaw il-funzjonament tal-OCTA bħala istituzzjoni, li tipprovdi forum għal relazzjoni ta' ħidma effettiva mal-UE u tappoġġa l-interessi kollettivi tal-Membri tagħha f'diversi oqsma ta' interess reċiproku fl-Assoċjazzjoni UE-OCT.

    Fuq il-passi tal-progress miksub fl-2016, l-2017 kienet għalhekk sena kruċjali għas-sħubija bejn l-UE u l-OCTs, li fiha kien hemm aċċellerazzjoni sinifikanti tal-eżerċizzju ta’ programmar tal-11-il FEŻ f’termini ta’ allokazzjonijiet reġjonali, inter alia permezz ta’ koordinazzjoni mtejba, u kważi t-tlestija tal-programmazzjoni tal-pakketti territorjali.

    d)L-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ

    L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riforma tar-rendiment tas-settur tal-11-il FEŻ għal Saint Pierre u Miquelon, New Caledonia, Anguilla, Saba, Sint Eustatius u l-Gżejjer Turks u Kajkos għadha għaddejja u għaddejja sew, filwaqt li l-Ftehim ta' Finanzjament għall-Gżejjer Falkland ġie ffirmat fl-4 ta’ Diċembru 2017. F'dan il-kuntest, l-aċċent partikolari tqiegħed fuq id-djalogu mal-OCT imsieħba.

    B’mod speċifiku, f’Ġunju 2017 il-Kummissjoni ħarġet b’suċċess it-tieni porzjon ta’ EUR 6 miljun għal Saint Pierre u Miquelon, li flimkien mal-ħlas ta’ EUR 7 miljun fl-2016 jirrappreżenta kważi 50 % tal-eżekuzzjoni tal-pakkett totali ta’ EUR 26.35 miljun b’appoġġ għas-settur tat-turiżmu sostenibbli u s-servizzi marittimi. Dan huwa r-riżultat inter alia ta’ djalogu ta’ politika kostruttiv bejn Saint Pierre u Miquelon u l-Kummissjoni Ewropea, li beda f’Ottubru 2016, u kompla fl-2017 fil-livell tekniku.

    Minbarra l-pagamenti tal-ewwel porzjonijiet tal-programmi ta’ appoġġ baġitarju tal-11-il FEŻ għall-Gżejjer Turks u Kajkos (EUR 4 miljun) u Anguilla (EUR 3.6 miljun) bħala parti minn sforz immedjat biex jiġi pprovdut rispons rapidu wara l-uragani Irma u Maria imsemmija fit-taqsima ta’ hawn fuq; l-ewwel porzjon ta’ EUR 5.76 miljun taħt il-11-il FEŻ ġie żborżat f’Diċembru 2017 għal New Caledonia, b’appoġġ għall-impjieg u s-settur tat-tranżizzjoni. Għal dawn tal-aħħar, id-djalogu politiku mal-Gvern ta’ New Caledonia, li twettaq fuq bażi regolari matul l-2017, wassal biex jiġu indirizzati prijoritajiet importanti, speċjalment fir-rigward tal-politika fis-settur tal-impjieg u l-implimentazzjoni tagħha.

    Fl-aħħar nett, sar ukoll progress sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Settur tal-Enerġija ta’ Saba, li għaliha l-ewwel porzjon fiss ta’ EUR 1.9 miljun taħt il-11-il FEŻ ġie kompletament żborżat f’Diċembru 2017.

    Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

    Taħt il-Faċilità ta’ Investiment tal-OCTs mill-pakkett ta’ EUR 5 miljun mill-finanzjament tal-11-il FEŻ għal sussidji fuq ir-rati tal-imgħax u assistenza teknika għall-OCTs ġestita mill-BEI, intużaw EUR 25 500 għal sussidju tar-rata tal-imgħax għal operazzjoni f’Tahiti (il-Polineżja Franċiża) wara l-kanċellazzjoni tal-ammont pendenti tas-self.

    Fil-qafas tal-Faċilità ta’ Investiment tal-OCTs, żewġ operazzjonijiet ġodda ġew iffirmati matul l-2017: linja ta’ kreditu mal-Banque Caledonienne d’Investissement għal ammont ta’ EUR 20 miljun sabiex tikkofinanzja proġetti li qed jitwettqu minn intrapriżi privati u entitajiet tas-settur pubbliku fi New Caledonia. Skont is-self qafas mal-Bank għall-iŻvilupp tal-Karibew li jimmira lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament u s-self reżiljenti għall-klima, ammont ta’ EUR 3.8 miljun ġie allokat għall-OTCs.

    L-OAD tbassar ukoll finanzjament ulterjuri (sa EUR 100 miljun tul il-perjodu 2014-2020) mill-BEI mir-riżorsi proprji tagħha 10 .

    Skont il-Pakkett tar-Riżorsi Proprji tal-OCTs, fl-2015, il-BEI kkonkluda ftehim wieħed ta’ self ma’ New Caledonia, li jipprovdi self għal investiment ta’ EUR 20 miljun għall-bini ta’ sptar ġdid biex ikun l-isptar prinċipali għat-territorju kollu, u jieħu post erba’ sptarijiet eżistenti. Il-proġett huwa mwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Franċiża għall-Iżvilupp (Agence Française de Développement). Wara t-tlestija tal-proċess ta’ ratifika għall-Ftehim ta’ Garanzija mill-Istati Membri kollha, kien hemm żborż komplut tas-self fl-1 ta’ Settembru 2016.

    Ħarsa ’l quddiem

    L-2018 se tkun sena partikolarment importanti sabiex l-OCTs jikkonkludu b’mod effiċjenti l-eżerċizzju ta’ programmazzjoni għall-programmi reġjonali tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-ħolqien ta’ sinerġiji permezz ta’ skambji miżjuda u mtejba kemm bejn l-OCTs, u bejn l-OCTs, il-pajjiżi AKP u r-Reġjuni Ultraperiferiċi.

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tappoġġa lill-OTCs affettwati mill-uragani Irma u Maria fl-isforzi ta’ rikostruzzjoni tagħhom u qed taħdem mill-qrib magħhom biex tindirizza l-ħtiġijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli.

    Fuq livell aktar globali, is-sena d-dieħla wkoll se tkun kritika biex jitmexxew aktar’ il quddiem ir-riflessjonijiet dwar il-kooperazzjoni finanzjarja tal-UE mal-OCTs fid-dawl tal-eżiti tad-diskussjonijiet tas-16-il Forum ta’ OCT-UE u tal-valutazzjoni tal-impatt li jmiss għall-Istrumenti ta’ Finanzjament Esterni post-2020 u l-proposti leġiżlattivi korrispondenti.

    (1)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea

    (2)

    Il-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej tal-UE huma Greenland, New Caledonia u d-Dipendenzi, il-Polineżja Franċiża, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u tal-Antartika, il-Gżejjer Wallis u Futuna, Saint Pierre u Miquelon, Saint-Barthélemy, Aruba, Bonaire, Curaçao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten, Anguilla, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, il-Georgia tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar, Montserrat, Pitcairn, Saint Helena u d-Dipendenzi (issa denominati Saint Helena, Ascension u Tristan da Cunha), it-Territorju Brittanniku tal-Antartika, it-Territorju Britanniku tal-Oċean Indjan, il-Gżejjer Turks u Kajkos, il-Gżejjer Verġni Britanniċi, Bermuda.

    (3)

    Ir-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, (C 326/47 ta’ 26.10.2012)

    (4)

    L210/1 tas6.8.2013 – il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP–UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    (5)

     L-Anness 1 ta’ dan ir-rapport jinkludi l-lista tal-allokazzjonijiet territorjali u reġjonali individwali indikattivi.

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal-14 ta’ Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra, talloka EUR 217,8 miljun għall-perjodu 2014-2020 għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u Greenland f’qasam ta’ interess reċiproku.

    (7)

    Ir-Raba’ Parti tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea

    (8)

    Il-Kaledonja Ġdida, Wallis u Futuna, il-Polinesja Franċiża u Pitcairn

    (9)

    L-avvenimenti ġew iffinanzjati rispettivament permezz tal-Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika tal-11-il FEŻ u l-Faċilità għall-Assistenza Teknika għall-Enerġija Sostenibbli tal-UE

    (10)

    Fis-setturi tal-enerġija rinnovabbli u tal-ICT ġiet żviluppata sensiela ta’ tliet proġetti li b’kollox jammontaw għal madwar EUR 80 miljun

    Top

    Brussell, 22.2.2018

    COM(2018) 78 final

    ANNESS

    għar-

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI GĦALL-KUNSILL

    għall-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp


    1)Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati fl-2016

    OCT

    (f'miljuni ta' EUR)

    Settur ta’ Konċentrazzjoni

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata

    Saint-Pierre u Miquelon

    26.35

    It-turiżmu sostenibbli u l-konnettività marittima

    C(2016) 5993

    Saba

    3.55

    Enerġija rinnovabbli

    C(2016) 8490

    Sint Eustatius

    2.45

    Enerġija

    C(2016) 8493

    Il-Gżejjer Turks u Kajcos

    14.60

    Edukazzjoni

    C(2016) 8291

    Totali

    46.95

    2)Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati fl-2017

    OCT

    (f'miljuni ta' EUR)

    Settur ta’ Konċentrazzjoni

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata

    Anguilla

    14.05

    Edukazzjoni

    C(2017) 1107

    Il-Gżejjer Falkland

    5.90

    Il-konnettività u l-Aċċessibbiltà

    C(2017) 7131

    Il-Polineżja Franċiża

    29.95

    Turiżmu

    C(2017) 7129

    New Caledonia

    29.80

    L-impjiegi u l-inklużjoni professjonali

    C(2017) 743

    Il-Pitcairn

    2.40

    Turiżmu

    C(2017) 7847 

    Il-Gżejjer Wallis u Futuna

    19.60

    L-iżvilupp diġitali

    C(2017) 7130

    Totali

    101.7

    3)Pagamenti li saru taħt il-11-il FEŻ

    OCT

    Allokazzjoni f’

    (f'miljuni ta' EUR)

    Settur ta’ Konċentrazzjoni

    Total żburżat

    (f'miljuni ta' EUR)

    Anguilla

    14.05

    Edukazzjoni

    3.6

    New Caledonia

    21.50

    Il-konnettività u l-aċċessibbiltà

    5.76

    Saint-Pierre u Miquelon

    26.35

    It-turiżmu sostenibbli u l-konnettività marittima

    13

    Saba

    3.55

    Enerġija rinnovabbli

    1.9

    Il-Gżejjer Turks u Kajcos

    14.60

    Edukazzjoni

    4

    Totali

    28.26

    4)Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata

    a)L-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ

    OCT

    (f'miljuni ta' EUR)

    Settur ta’ Konċentrazzjoni propost

    Aruba

    13.05

    Edukazzjoni

    Bonaire

    3.95

    L-iżvilupp Soċjali – iż-Żgħażagħ

    Curaçao

    16.95

    Enerġija rinnovabbli

    Montserrat

    18.40

    Tkabbir sostenibbli u żvilupp ekonomiku

    Saint Helena

    21.50

    Il-konnettività u l-aċċessibbiltà

    Sint Maarten

    7.00

    L-ilma u s-servizzi sanitarji

    Totali

    80.85

    b)Allokazzjonijiet reġjonali indikattivi tal-11-il FEŻ

    Reġjun

    (f'miljuni ta' EUR)

    Settur ta’ konċentrazzjoni propost

    Il-Karibew

    40.00

    L-enerġija sostenibbli u l-bijodiversità tal-baħar;

    Il-Paċifiku

    36.00

    It-tibdil fil-klima u l-bijodiversità

    L-Oċejan Indjan

    4.00

    L-osservazzjoni, il-ġestjoni, il-konservazzjoni tal-ekosistema tal-art u tal-baħar

    Il-programm tematiku (l-OCTs kollha)

    17.8

    It-Tibdil fil-Klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u l-Enerġija Sostenibbli

    Miżuri ta’ appoġġ għall-Assoċjazzjoni tal-OCTs (OCTA)

    2.2

    L-ewwel għotja operattiva li jkopru s-snin 2018–2019 se tkun ta’ EUR 1.1 miljun

    Totali

    100.00

    5)Il-Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika tal-11-il FEŻ (TCF)

    Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika (TCF)

    (f'miljuni ta' EUR)

    Kumment

    Totali

    8.50

    EUR 2.71 miljun f’kuntratti fl-2015–2016 (TCF I)

    EUR 934 miljun f’kuntratti sa tmiem l-2017

    L-OAD tistipula l-ammonti kumplessivi allokati għall-programmi reġjonali u territorjali, kif ukoll għall-assistenza teknika.

    Id-distribuzzjoni indikattiva tal-allokazzjonijiet territorjali speċifiċi tqis id-daqs tal-popolazzjoni, il-livell tal-Prodott Domestiku Gross, il-livell ta’ allokazzjonijiet preċedenti tal-FEŻ u l-limitazzjonijiet minħabba l-iżolament ġeografiku, skont l-Artikolu 9 tal-OAD.

    Id-distribuzzjoni indikattiva ta’ allokazzjonijiet reġjonali speċifiċi tirrifletti l-ħtieġa ta’ massa kritika biex jiġi żgurat l-impatt u l-ħtieġa li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-OCTs, ir-Reġjuni Ultraperiferiċi u l-AKP, kif ukoll il-pajjiżi terzi.

    Top