Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0057

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea

COM/2018/057 final

Brussell, 7.2.2018

COM(2018) 57 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea


1.    INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 1 jistipula r-regoli għall-istabbiliment ta’ netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 19a tar-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kontenut tar-rapportar addizzjonali li l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni dwar aspetti speċifiċi tal-istabbiliment ta’ netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u dwar l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea, bħalma hija l-lista ta’ taqsimiet FADN, ir-regoli li jiffissaw il-limiti u l-pjanijiet, il-perjodu ta’ referenza għall-produzzjonijiet standard, it-tip ta’ biedja u ta’ ġbir tad-dejta.

2.    BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 19 a tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009. Skont dik id-dispożizzjoni, is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tliet snin mill-20 ta’ Diċembru 2013 u l-Kummissjoni hija rikjesta tħejji rapport li jirrigwarda d-delegazzjoni tas-setgħa.

3.    EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati: Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 2 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2278 3 .

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta Regolamenti delegati li jistabbilixxu r-regoli marbuta mad-dejta għad-determinazzjoni tad-dħul u l-analiżi kummerċjali ta’ azjendi agrikoli, bil-għan li jiġi żgurat qafas armonizzat biex l-informazzjoni tiġi rrapportata mill-Istati Membri.

Kif previst fl-Artikolu 3, l-Artikoli 5(1) u 5a(1), l-Artikolu 5b(2) u (3) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament jenħtieġ li l-att delegat b’mod partikolari jistabbilixxi regoli:

a) li jaġġornaw il-lista tat-taqsimiet FADN,

b) li jiffissaw valuri ta’ limitu li jiddelimitaw il-qasam tal-istħarriġ,

ċ) li jistabbilixxu pjani għall-għażla tal-azjendi prospettanti,

d) li jistabbilixxu l-perijodu ta’ referenza għall-produzzjonijiet standard, u li jiddeterminaw it-tipi ġenerali u prinċipali ta’ biedja u

e) li jiddeterminaw il-gruppi ewlenin ta’ dejta tal-kontabilità dwar il-prospetti tal-biedja li għandhom jinġabru, kif ukoll ir-regoli ġenerali li għandhom jiġu segwiti f’dan ir-rigward.



3.a.    Delega ta’ setgħat fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 dwar il-lista tat-taqsimiet FADN għal kull Stat Membru.

Il-FADN huma diviżjonijiet tan-netwerk tad-dejta tal-kontabilità agrikola, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009, fit-territorji ta’ Stat Membru, jew ta’ kwalunkwe parti minnu, delimitat bil-ħsieb tal-għażla tal-azjendi prospettanti. Lista ta’ tali taqsimiet tinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 3 jiżgura li l-lista tat-taqsimiet FADN tkun tista’ tiġi aġġornata wara talba minn Stat Membru u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 19a, sabiex temenda l-lista fl-Anness I.

Fil-31 ta’ Mejju 2017, il-Ġermanja talbet li tgħaqqad id-diviżjonijiet Schleswig-Holstein u Hamburg f’taqsima waħda tal-FADN: Schleswig-Holstein / Hamburg.

Il-Kummissjoni użat dik is-setgħa billi adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2278 4 li jemenda l-Anness I fir-rigward tal-lista tat-taqsimiet FADN għal kull Stat Membru, bl-amalgamazzjoni tad-diviżjonijiet Ġermaniżi ta’ Schleswig-Holstein u Hamburg f’taqsima waħda uniformi tal-FADN: Schleswig-Holstein / Hamburg.

Fl-Anness I, il-lista tat-taqsimiet FADN li jikkonċernaw il-Ġermanja ġiet sostitwita kif ġej:

Il-Ġermanja

1. Schleswig-Holstein/Hamburg

2. Is-Sassonja t’Isfel

3. Bremen

4. Nordrhein-Westfalen

5. Hessen

6. Rheinland-Palatinat

7. A.3 Baden-Württemberg

8. Il-Bavarja

9. Saarland

10. Berlin

11. Brandenburg

12. Mecklenburg-Vorpommern

13. Is-Sassonja

14. Is-Sassonja Anhalt:

15. Thüringen”

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat fl-4 ta’ Settembru 2017 u dan daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Diċembru 2017. Dan se japplika mis-sena ta’ kontabilità 2018 għan-netwerk tad-dejta tal-kontabilità agrikola.



3.b    Delega ta’ setgħat fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 dwar regoli għall-iffissar tal-livell limitu għad-daqs ekonomiku.

Jenħtieġ li l-valuri ta’ limitu li jiddelimitaw il-qasam tal-istħarriġ jippermettu l-kisba ta’ riżultati rappreżentattivi fil-qasam tal-istħarriġ. Jenħtieġ li l-valuri ta’ limitu jimmassimizzaw il-proporzjon kostijiet-benefiċċji u li jiġu determinati bil-għan li l-qasam tal-istħarriġ ikun jinkludi azjendi li jirrappreżentaw l-akbar sehem possibbli tal-produzzjoni agrikola, taż-żona agrikola u tax-xogħol agrikolu ta’ dawk l-azjendi b’orjentazzjoni kummerċjali.

L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 19a, li jistabbilixxu r-regoli għall-istabbiliment tal-livell limitu espress f’euro li jikkorrispondi għal wieħed mil-limiti iktar baxxi tal-klassijiet ta’ daqs ekonomiku tat-tipoloġija tal-Unjoni għall-azjendi agrikoli definiti fl-Artikolu 5b tal-istess Regolament, tant il-qasam tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkopri l-azjendi agrikoli li għandhom daqs ekonomiku ekwivalenti għal jew ikbar mil-limitu msemmi hawn fuq.

Il-Kummissjoni użat dik is-setgħa, billi adottat ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 5 biex tindika li:

Il-limitu msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 għandu jiżgura li l-qasam tal-istħarriġ jirrappreżenta l-akbar sehem possibbli tal-produzzjoni agrikola, taż-żona agrikola u tax-xogħol agrikolu, ta’ impriżi b’orjentazzjoni kummerċjali.

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega fl-1 ta’ Awwissu 2014 u dan daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Novembru 2014. Dan se japplika mis-sena ta’ kontabilità 2015 għan-netwerk tad-dejta tal-kontabilità agrikola.

3.c.    Delega ta’ setgħat fir-rigward tal-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 dwar ir-regoli biex jitfassal pjan għall-għażla ta’ azjendi prospettanti għal kull Stat Membru.

Il-pjan ta’ għażla għandu jinkludi għadd minimu ta’ elementi li juru kif jingħażel kampjun rappreżentattiv, biex b’hekk l-istħarriġ ikun jilħaq l-objettivi tan-netwerk tad-dejta tal-kontabiiltà agrikola.

L-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 19a, li jistabbilixxu r-regoli li skonthom kull Stat Membru jfassal pjan għall-għażla tal-azjendi prospettanti li jiżgura li jinkiseb kampjun rappreżentattiv tal-kontabilità tal-qasam tal-istħarriġ. Tali regoli għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-għażla ta’ azjendi prospettanti:

- jitfasslu abbażi tad-dejta statistika l-iktar reċenti,

- jiġu ppreżentati skont it-tipoloġija tal-Unjoni għall-azjendi agrikoli, u

- jispeċifikaw, b’mod partikolari, id-distribuzzjoni ta’ azjendi prospettanti skont il-kategorija tal-azjenda u r-regoli dettaljati għall-għażla tagħhom.

Il-Kummissjoni użat dik is-setgħa meta adottat ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 biex tindika li l-pjan għall-għażla tal-azjendi li jibgħatu prospetti li għandu jitfassal minn kull Stat Membru għandu jinkludi elementi li jiżguraw il-kisba ta’ kampjun rappreżentattiv tal-kontabilità tal-qasam tal-istħarriġ. B’mod partikolari, il-pjan għandu:

(a) ikun ibbażat fuq is-sorsi tad-dejta statistika l-iktar reċenti;

(b) jispjega l-proċedura għat-tqassim f’saffi tal-qasam tal-istħarriġ skont id-diviżjonijiet elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 kif ukoll skont it-tipi ta’ biedja u l-klassijiet ta’ daqs ekonomiku kif imsemmija fl-Artikolu 5(b)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009;

(c) jipprovdi analiżi tal-azjendi fil-qasam tal-istħarriġ skont it-tipi ta’ biedja u l-klassijiet ta’ daqs ekonomiku kif imsemmija fl-Artikolu 5(b)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 li jikkorrispondi tal-inqas mat-tipi prinċipali;

(d) jindika metodi statistiċi għad-determinazzjoni tar-rata tal-għażla magħżula għal kull saff, il-proċeduri għall-għażla tal-azjendi li jibgħatu prospetti u l-għadd ta’ azjendi li jippreżentaw il-kontijiet li għandhom jintgħażlu għal kull saff adottat.

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega fl-1 ta’ Awwissu 2014 u dan daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Novembru 2014. Dan se japplika mis-sena ta’ kontabilità 2015 għan-netwerk tad-dejta tal-kontabilità agrikola.

3.d.    Delega ta’ setgħat fir-rigward tal-Artikolu 5b tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 jiffissa l-perjodu ta’ referenza għall-produzzjoni standard u rigward id-determinazzjoni tat-tipi ġenerali u prinċipali ta’ biedja.

Il-produzzjonijiet standard huma bbażati fuq dejta medja tul ċertu perjodu ta’ referenza. Jenħtieġ li l-valuri tagħhom jiġu aġġornati regolarment biex dawn ikunu jqisu x-xejriet ekonomiċi sabiex it-tipoloġija tkun tista’ tibqa’ tiġi applikata b’mod sinifikanti. Il-frekwenza tal-aġġornament għandha tkun marbuta mas-snin li fihom isiru l-istħarriġiet tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli.

It-tipi ta’ biedja ġenerali u prinċipali jeħtieġ li jitranġaw b’tali mod li gruppi omoġenji ta’ azjendi jkunu jistgħu jinġabru flimkien bi grad ikbar jew iżgħar ta’ aggregazzjoni u li s-sitwazzjonijiet ta’ gruppi ta’ azjendi jkunu jistgħu jitqabblu.

L-Artikolu 5b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 19a, li jistabbilixxu l-perijodu ta’ referenza għall-produzzjoni standard u rigward id-determinazzjoni tat-tipi ġenerali u prinċipali ta’ biedja.

It-‘tip ta’ biedja’ ta’ azjenda għandu jiġi determinat mill-kontribut relattiv tal-produzzjoni standard tal-karatteristiċi differenti ta’ dik l-azjenda għall-produzzjoni standard totali tal-azjenda. L-azjendi agrikoli għandhom jiġu kklassifikati b’mod uniformi skont it-tipoloġija tal-Unjoni għall-azjendi agrikoli, skont it-tip ta’ biedja, id-daqs ekonomiku u l-importanza ta’ attivitajiet oħra ta’ profitt marbuta direttament magħhom. It-tipoloġija għandha tintuża b’mod partikolari għall-preżentazzjoni, skont it-tip ta’ biedja u l-klassi tad-daqs ekonomiku, tal-informazzjoni miġbura permezz tal-istħarriġiet tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli u l-FADN.

Il-korrispondenza bejn it-tipi ġenerali u prinċipali ta’ biedja u t-tipi partikolari ta’ speċjalizzazzjonijiet fil-biedja li jikkorrispondu għal tipi prinċipali ta’ biedja għandhom jiġu speċifikati. Id-daqs ekonomiku tal-azjenda għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-produzzjoni standard totali tal-azjenda. Il-produzzjoni standard u d-dejta għad-determinazzjoni tagħhom għandhom jiġu trasmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) mill-aġenzija ta’ kollegament magħżula minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 7 jew mill-korp li lilu tkun ġiet delegata din il-funzjoni.

Il-Kummissjoni użat dik is-setgħa, billi adottat ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 biex tindika l-perjodu ta’ referenza għall-produzzjoni standard, kif ġej:

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-produzzjonijiet standard għall-istħarriġ tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli għas-sena N (…), il-perjodu ta’ referenza jikkonsisti f’ħames snin suċċessivi mis-sena N-5 sas-sena N-1. Il-produzzjonijiet standard għandhom jiġu ddeterminati bl-użu ta’ dejta medja bażika kkalkulata fuq il-perjodu ta’ referenza stabbilit fl-ewwel paragrafu u huma magħrufa bħala “produzzjonijiet standard N-3”. Dawn il-produzzjonijiet standard N-3 għandhom jiġu aġġornati biex iqisu x-xejriet ekonomiċi mill-inqas kull meta jsir stħarriġ tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 fl-Anness I tiegħu jagħti ħarsa ġenerali lejn it-tipi ta’ biedja ġenerali u prinċipali u l-korrispondenza bejniethom, kif ġej:

Tip ta’ biedja ġenerali

Deskrizzjoni

Tip ta’ biedja prinċipali

Deskrizzjoni

1.

Uċuħ tar-raba’ speċjalizzati

15.

Ċereali, żrieragħ għall-għasir taż-żejt u għelejjel li fihom il-proteini speċjalizzati

16.

Tkabbir ġenerali ta’ għelejjel tar-raba’

2.

Ortikultura speċjalizzata

21.

Ortikultura speċjalizzata ta’ ġewwa

22.

Ortikultura speċjalizzata ta’ barra

23.

Ortikultura oħra

3.

Għelejjel permanenti speċjalizzati

35.

Vinji speċjalizzati

36.

Frott u frott taċ-ċitru speċjalizzat

37.

Żebbuġ speċjalizzat

38.

Diversi għelejjel permanenti flimkien

4.

Bhejjem li jirgħu speċjalizzati

45.

Trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib speċjalizzata

46.

Bovini speċjalizzati — trobbija u tismin

47.

Bovini — tal-ħalib, trobbija u tismin flimkien

48.

Nagħaġ, mogħoż u bhejjem oħra li jirgħu

5.

Granivori speċjalizzati

51.

Ħnieżer speċjalizzati

52.

Pollam speċjalizzat

53.

Diversi granivori flimkien

6.

Tkabbir ta’ għelejjel imħallta

61.

Tkabbir ta’ għelejjel imħallta

7.

Azjendi ta’ trobbija mħallta

73.

Bhejjem imħallta, primarjament bhejjem li jirgħu

74.

Bhejjem imħallta, primarjament granivori

8.

Għelejjel imħallta — bhejjem

83.

Uċuħ tar-raba’ tal-għelieqi — bhejjem li jirgħu flimkien

84.

Diversi għelejjel u bhejjem flimkien

9.

Azjendi li mhumiex ikklassifikati

90.

Azjendi li mhumiex ikklassifikati

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega fl-1 ta’ Awwissu 2014 u dan daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Novembru 2014. Dan kien japplika mis-sena ta’ kontabilità 2015 għan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabilità Agrikola.

3.e.    Delega ta’ setgħat fir-rigward tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 rigward id-determinazzjoni tal-gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar u r-regoli ġenerali għall-ġbir tad-dejta

Jenħtieġ li d-dejta rrapportata fil-prospetti tal-biedja tippermetti li tittieħed stampa tal-azjendi li jibgħatu prospetti fir-rigward tal-fatturi ta’ produzzjoni, li jiġi vvalutat il-livell ta’ dħul tal-biedja, u li jiġu riflessi l-kundizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u soċjali tal-azjendi involuti. Jenħtieġ li l-gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar u r-regoli ġenerali għall-ġbir ta’ informazzjoni ikunu determinati għal dak l-għan.

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 19a, rigward id-determinazzjoni tal-gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar u r-regoli ġenerali għall-ġbir tal-informazzjoni.

Id-dejta għandha tkun marbuta ma’ azjenda agrikola waħda u ma’ sena ta’ kontabilità waħda ta’ 12-il xahar konsekuttiv, u għandha tikkonċerna esklussivament dik l-azjenda agrikola. Dik l-informazzjoni għandha tirreferi għall-attivitajiet agrikoli tal-azjenda nnifisha u għal attivitajiet oħra bi skop ta’ qligħ relatati direttament mal-azjenda agrikola.

Il-Kummissjoni użat dik is-setgħa metaadottat ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 li jindika li t-tipi ta’ biedja ġenerali u prinċipali u l-korrispondenza bejniethom huma speċifikati fl-Anness I. Barra minn hekk, dwar il-prospett tal-azjenda agrikola, il-gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar u r-regoli ġenerali għall-ġbir tad-dejta huma speċifikati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 fl-Anness II tiegħu jagħti ħarsa ġenerali lejn il-gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar mill-Prospett tal-Biedja u r-regoli ġenerali għall-ġbir tad-dejta, kif ġej:

Prospett tal-biedja — gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar

- Informazzjoni ġenerali dwar l-azjenda, bħal informazzjoni relatata maż-żona, l-istatus, it-tip u l-klassifikazzjoni.

- Tip ta’ okkupazzjoni: informazzjoni fil-qosor relatata mat-tipi ta’ okkupazzjoni taż-żoni tal-art agrikola użati mill-azjenda.

- Xogħol: dejta li tikkaratterizza x-xogħol tal-azjenda, bħall-għadd ta’ persuni li jaħdmu fl-azjenda agrikola, il-ħin kemm dawn idumu jaħdmu u t-tip ta’ inkarigu.

- Assi: dejta li tiddeskrivi l-assi tal-azjenda, maqsuma f’kategoriji, użata fl-operat tagħha matul is-sena fiskali.

- Kwoti u drittijiet oħra: informazzjoni relatata mal-kwoti u drittijiet oħra marbuta mal-operazzjoni tal-azjenda fis-sena fiskali.

- Dejn: dejta relatata mal-pożizzjoni tad-dejn tal-azjenda fis-sena fiskali.

- Taxxa fuq il-valur miżjud: dejta relatata mal-applikazzjoni tas-sistemi ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-azjenda.

- Inputs: dejta relatata ma’ inputs użati fil-produzzjoni tal-azjenda, bħalma huma spejjeż speċifiċi u spejjeż ġenerali, għall-produzzjoni fis-sena fiskali.

- Prodotti tar-raba’: dejta li tagħti dettalji tal-produzzjoni u l-użu ta’ għelejjel fl-azjenda.

- Produzzjoni ta’ bhejjem: dejta li tagħti dettalji tal-produzzjoni u l-użu ta’ bhejjem fl-azjenda.

- Prodotti mill-annimali u servizzi: dejta li tagħti dettalji tal-produzzjoni u l-użu ta’ prodotti mill-annimali u servizzi fl-azjenda.

- Attivitajiet oħra bi skop ta’ qligħ relatati direttament mal-azjenda agrikola: dejta relatata mal-attivitajiet kollha li mhumiex xogħol agrikolu, relatati direttament mal-azjenda u li għandhom impatt ekonomiku u fejn jintużaw ir-riżorsi (żona, bini, makkinarju, prodotti agrikoli, eċċ.) jew il-prodotti tal-azjenda.

- Sussidji: sussidji ta’ informazzjoni dettaljata li waslet fl-azjenda waqt is-sena ta’ kontabilità.

Prospett tal-biedja — regoli ġenerali għall-ġbir tad-dejta

(a) Is-sena fiskali ta’ 12-il xahar konsekuttiv imsemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 għandha tintemm fil-perjodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru u t-30 ta’ Ġunju biż-żewġ dati inklużi.

(b) Id-dejta mogħtija fil-prospett tal-biedja għandha tittieħed minn kontijiet li jikkonsistu f’entrati li jkunu saru sistematikament u regolarment matul is-sena fiskali.

(c) Id-dejta fil-prospett tal-biedja għandha tingħata f’valuri finanzjarji, f’euro jew f’unitajiet ta’ munita nazzjonali, b’miżuri fiżiċi ta’ piż, volum, erja, numri, kif ukoll f’unitajiet oħra jew indikazzjonijiet korrispondenti.

(d) Id-dejta tal-kontabilità għandha tiġi espressa f’termini monetarji mingħajr VAT.

(e) Id-dejta tal-kontabilità mogħtija f’termini monetarji għandha tiġi espressa mingħajr ma jitqiesu l-għotjiet u s-sussidji li jkunu dokumentati separatament. Għotjiet u sussidji jfissru kull forma ta’ għajnuna diretta minn fondi pubbliċi li rriżultaw fi rċevuta speċifika.

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega fl-1 ta’ Awwissu 2014 u dan daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Novembru 2014. Dan se japplika mis-sena ta’ kontabilità 2015 għan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabilità Agrikola.

4.    KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat ta’ delega tagħha b’mod korrett, u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-Rapport.

(1)

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 27).

(2)

IR-REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1198/2014 tal-1 ta’ Awwissu 2014 li jissupplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 321, 07.11.2014, p. 2).

(3)

IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2278 tal-4 ta’ Settembru 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 328, 12.12.2014, p. 1).

(4)

 Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(5)

Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

Top