EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP0195

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar) (COM(2018)0156 – C8-0125/2018 – 2018/2043(BUD))

ĠU C 41, 6.2.2020, p. 80–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 41/80


P8_TA(2018)0195

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/010 BE/Caterpillar

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar) (COM(2018)0156 – C8-0125/2018 – 2018/2043(BUD))

(2020/C 41/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0156 – C8-0125/2018),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura tat-trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0148/2018),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja jenħtieġ li tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu kemm jista' jkun;

C.

billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2017/010 BE/Caterpillar għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 2 287 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 28 tan-NACE Rev 2 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir) fir-reġjun ta' Hainaut (BE32) fil-Belġju li jikkorrispondi għal-livell NUTS 2;

D.

billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom tkun waqfet;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 4 621 616 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 7 702 694;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni fit-18 ta' Diċembru 2017 u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Belġju, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-23 ta' Marzu 2018 u nnotifikat lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.

Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni mill-Belġju għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji f'Caterpillar, wara l-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar f'Lulju 2014 u d-deċiżjoni pożittiva dwarha (4); jinnota li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn il-ħaddiema appoġġjati permezz ta' dak il-każ u l-applikazzjoni kurrenti;

4.

Jinnota li l-Belġju qed jargumenta li s-sensji huma marbutin ma' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, mal-kompetizzjoni dinjija fis-setturi tal-makkinarju tal-kostruzzjoni u tal-minjieri, u mat-tnaqqis konsegwenti fis-sehem tal-Grupp Caterpillar fis-suq tal-makkinarju; jinnota li s-sensji huma relatati mal-pjan globali ta' ristrutturar u tnaqqis tal-ispejjeż imħabbar minn Caterpillar f'Settembru 2015;

5.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, bħala riżultat ta' regolamentazzjoni ambjentali inqas restrittiva u b'kostijiet lavorattivi aktar baxxi, id-ditti li joperaw f'pajjiżi terzi jistgħu jkunu aktar kompetittivi minn dawk li joperaw fl-Unjoni;

6.

Huwa konxju mit-tnaqqis fil-produzzjoni fis-settur tal-minjieri fl-Ewropa u mit-tnaqqis drastiku fl-esportazzjonijiet tal-UE-28 f'dak is-settur mill-2014 'l hawn, iż-żieda fil-prezzijiet tal-azzar Ewropew u l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni għall-magni li jirriżultaw minnha, b'mod partikolari meta mqabbla maċ-Ċina; jiddispjaċih, madankollu, li l-Grupp Caterpillar iddeċieda li jalloka l-volumi prodotti fl-impjant ta' Gosselies lil unitajiet oħra ta' produzzjoni fi Franza (Grenoble) u impjanti oħra barra l-Ewropa, inkluż fiċ-Ċina u fil-Korea t'Isfel, li wassal għall-għeluq f'daqqa tas-sit ta' Gosselies u l-għoti tas-sensja lil 2 300 ħaddiem, li tefa' lil eluf ta' familji fi traġedja umana u soċjali, anki jekk is-sit ta' Gosselies kien qed iħalli qliegħ, b'mod partikolari wara l-investimenti li saru fis-snin preċedenti;

7.

Jiddeplora l-fatt li l-ħaddiema tas-sit ta' Gosselies kienu infurmati dwar l-għeluq tas-sit b'sempliċi stqarrija; jiddeplora l-fatt li din id-deċiżjoni brutali ma ttiħditx f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jiddeplora n-nuqqas totali ta' informazzjoni u ta' rispett għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tat-trejdjunjins, li ma rċevew l-ebda informazzjoni qabel l-għeluq tal-kumpanija; jinsisti, għalhekk, fuq l-importanza li jissaħħu l-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema fl-Unjoni u l-konsultazzjoni magħhom;

8.

Jinsisti li jittaffu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi għar-reġjun ta' Charleroi u li jsiru sforzi sostnuti għall-irkupru ekonomiku tiegħu, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

9.

Ifakkar li s-sensji f'Caterpillar mistennija jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali; jenfasizza l-impatt ta' din id-deċiżjoni fuq ħafna ħaddiema li kienu jaħdmu mal-fornituri u l-produtturi downstream;

10.

Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna 2 287 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Caterpillar u l-ħames fornituri tagħha, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena; jindika wkoll il-fatt li aktar minn 11 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma fl-età ta' bejn il-55 u l-64 sena u għandhom ħiliet speċifiċi għas-settur tal-manifattura; jissottolinja li dawk li qed ifittxu impjieg f'Charleroi huma fil-parti l-kbira ħaddiema b'ħiliet baxxi (50,6 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja għolja) u 40 % ilhom qiegħda fit-tul (aktar minn 24 xahar); jiddeplora l-fatt li, skont is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi ta' Walloon (FOREM), wara dawk is-sensji, ir-rata tal-qgħad fir-reġjun ta' Hainaut hija mistennija tikber b'6,1 %; fid-dawl ta' dan il-fatt, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex itejbu l-possibilitajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi;

11.

Jilqa' l-fatt li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG se jiġu wkoll ipprovduti għal massimu ta' 300 żagħżugħ taħt l-età ta' 30 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs);

12.

Jinnota li l-Belġju qiegħed jippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs koperti minn din l-applikazzjoni: (i) assistenza individwali għat-tfittix ta' impjieg, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali, (ii) taħriġ u taħriġ mill-ġdid, (iii) promozzjoni tal-intraprenditorija, (iv) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (v) indennizzi; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja tkun effettiva u ffukata;

13.

Jilqa' d-deċiżjoni li jingħataw korsijiet ta' taħriġ imfassla biex jaqblu mal-prijoritajiet ta' żvilupp ta' Charleroi kif stipulat fil-pjan CATCH (5);

14.

Jinsab sodisfatt li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu 13,68 % tal-pakkett kumplessiv tal-miżuri personalizzati, perċentwal li huwa sew taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawk il-miżuri jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

15.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma, li kien jinkludi s-Servizz Pubbliku tal-Impjieg ta' Walloon, il-fond ta' investiment SOGEPA, ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins u sħab soċjali oħra; jistieden lill-awtoritajiet Belġjani u ta' Walloon jieħdu sehem attiv fil-proċess;

16.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti ta' Caterpillar u Alstom, approvata b'maġġoranza kbira, li titlob lill-Ewropa tuża politika industrijali ġenwina bbażata, b'mod partikolari, fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, imma jenfasizza wkoll fuq l-importanza li tiġi protetta l-industrija tal-Unjoni minn prattiċi kummerċjali inġusti minn pajjiżi terzi;

17.

Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani assiguraw li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn fondi oħra tal-Unjoni jew minn strumenti finanzjarji oħrajn, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

18.

Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li jkunu taħt ir-responsabilità tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

19.

Jenfasizza li, fil-15 ta' Marzu 2018, kienu biss 591 il-ħaddiema mkeċċija li sabu impjieg; jinsisti, għalhekk, li ssir analiżi fit-tmiem tal-perjodu ta' intervent tal-FEG sabiex jiġi vvalutat jekk għandhiex tingħata għajnuna ta' riintegrazzjoni ulterjuri; jiddispjaċih li d-deċiżjoni preċedenti dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG rigward din il-kumpanija (EGF/2014/011) wasslet għal perċentwal relattivament baxx ta' benefiċjarji li reġgħu ġew impjegati; jittama li l-proposta attwali tqis din l-esperjenza;

20.

Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jenħtieġ li jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;

22.

Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

23.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Deċiżjoni (UE) 2015/471 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, ippreżentata mill-Belġju) (ĠU L 76, 20.3.2015, p. 58).

(5)  Il-Pjan "Catalysts for Charleroi"(CATCH), Accélérer la Croissance de l'Emploi dans la Région de Charleroi, Settembru 2017, http://www.catch-charleroi.be/.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/847.)


Top