Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AP0050

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti transkonfinali rapportabbli (COM(2017)0335 – C8-0195/2017 – 2017/0138(CNS))

    ĠU C 129, 5.4.2019, p. 134–153 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.4.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/134


    P8_TA(2018)0050

    L-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni *

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti transkonfinali rapportabbli (COM(2017)0335 – C8-0195/2017 – 2017/0138(CNS))

    (Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

    (2019/C 129/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2017)0335),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0195/2017),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0016/2018),

    1.

    Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    3.

    Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

    4.

    Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

    5.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

    Emenda 1

    Proposta għal direttiva

    Premessa 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (2)

    L-Istati Membri jsibuha dejjem aktar diffiċli li jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom mill-erożjoni peress li l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa evolvew tant li saru partikolarment sofistikati u ħafna drabi jieħdu vantaġġ mill-mobilità miżjuda kemm tal-kapital kif ukoll tal-persuni fis-suq intern. Dawn l-istrutturi ġeneralment ikkonsistu minn arranġamenti li jiġu żviluppati f'diversi ġurisdizzjonijiet u jittrasferixxu l-profitti taxxabbli lejn sistemi tat-taxxa li huma aktar ta' benefiċċju jew li għandhom l-effett li jnaqqsu l-kont totali tat-taxxa tal-kontribwent . Bħala riżultat ta' dan, l-Istati Membri ħafna drabi jesperjenzaw tnaqqis konsiderevoli fid-dħul mit-taxxa tagħhom li jfixkilhom milli japplikaw politiki tat-taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir. Huwa għalhekk fundamentali li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jiksbu informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar arranġamenti potenzjalment aggressivi tat-taxxa. Din l-informazzjoni tippermetti li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirreaġixxu fil-pront kontra prattiki tat-taxxa dannużi u jagħlqu lakuni bil-promulgazzjoni ta' leġiżlazzjoni jew billi jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju adegwati u awditjar tat-taxxa.

    (2)

    L-Istati Membri jsibuha dejjem aktar diffiċli li jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom mill-erożjoni peress li l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa aggressiv u kumpless evolvew tant li saru partikolarment sofistikati u ħafna drabi jieħdu vantaġġ mill-mobilità miżjuda kemm tal-kapital kif ukoll tal-persuni fis-suq intern. Dawk l-istrutturi ġeneralment jikkonsistu minn arranġamenti li jiġu żviluppati f'diversi ġurisdizzjonijiet u jittrasferixxu l-profitti taxxabbli ta’ korporazzjonijiet u individwi lejn sistemi tat-taxxa li huma aktar ta' benefiċċju jew li għandhom l-effett li jnaqqsu l-impatt tat-taxxa fuq il-kontribwent . Bħala riżultat ta' dan, l-Istati Membri ħafna drabi jesperjenzaw tnaqqis konsiderevoli fid-dħul mit-taxxa tagħhom . Barra minn hekk, il-firxa tar-rati tat-taxxa korporattiva fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom qed tiżdied u huwa essenzjali li ma jiġix kompromess il-prinċipju tal-ugwaljanza tat-taxxa. Dan qed ifixkel lill-Istati Membri milli japplikaw politiki tat-taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir. Huwa għalhekk fundamentali li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jiksbu informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar arranġamenti li jiffaċilitaw l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Din l-informazzjoni tippermetti li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirreaġixxu fil-pront kontra prattiki tat-taxxa dannużi u jagħlqu lakuni bil-promulgazzjoni ta' leġiżlazzjoni jew billi jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju adegwati u awditjar tat-taxxa. Madankollu, jenħtieġ li nuqqas ta' reazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa dwar skemi rrappurtati ma jiġix interpretat bħala approvazzjoni impliċita mill-awtoritajiet. Jenħtieġ li formati ta' rappurtar ikunu konċiżi u faċli għall-utent sabiex l-volum tal-informazzjoni li jista' jiġi ġġenerat minn din id-Direttiva, ma jimpedixxix azzjoni sinifikanti dwar prattiki li qed jiġu rrappurtati.

    Emenda 2

    Proposta għal direttiva

    Premessa 3

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (3)

    Meta jiġi kkunsidrat li l-parti l-kbira tal-arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa hija mifruxa fuq aktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-iżvelar tal-informazzjoni dwar dawk l-arranġamenti jwassal għal riżultati pożittivi addizzjonali fejn dik l-informazzjoni ġiet skambjata wkoll fost l-Istati Membri. B'mod partikolari, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn amministrazzjonijiet tat-taxxa hija kruċjali biex dawn l-awtoritajiet jiġu pprovduti bl-informazzjoni neċessarja biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni fejn josservaw prattiki tat-taxxa aggressivi.

    (3)

    Meta jiġi kkunsidrat li l-parti l-kbira tal-arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa hija mifruxa fuq aktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-iżvelar tal-informazzjoni dwar dawk l-arranġamenti jwassal għal riżultati pożittivi addizzjonali fejn dik l-informazzjoni ġiet skambjata wkoll fost l-Istati Membri. B'mod partikolari, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-iżgurar tal-koordinazzjoni mal-unitajiet tal-intelligence finanzjarja li jittrattaw il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma kruċjali biex dawn l-awtoritajiet jiġu pprovduti bl-informazzjoni neċessarja biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni fejn josservaw prattiki tat-taxxa aggressivi. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħeġġu jistabbilixxu rekwiżit ta' żvelar simili għal arranġamenti li jeżistu unikament fil-ġurisdizzjoni tagħhom stess.

    Emenda 3

    Proposta għal direttiva

    Premessa 4

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (4)

    Bir-rikonoxximent ta' kif qafas trasparenti għall-iżvilupp ta' attività ta' negozju jista' jikkontribwixxi għat-trażżin tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa fis-suq intern, il-Kummissjoni ntalbet twettaq inizjattivi fir-rigward tal-iżvelar obbligatorju ta' arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa fuq il-linji tal-Azzjoni 12 tal-proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS). F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew talab miżuri aktar severi kontra intermedjarji li jgħinu f’arranġamenti li jistgħu jwasslu għall-evitar u l-evażjoni tat-taxxa.

    (4)

    Bir-rikonoxximent ta' kif qafas trasparenti għall-iżvilupp ta' attività ta' negozju jista' jikkontribwixxi għat-trażżin tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa fis-suq intern, il-Kummissjoni ntalbet twettaq inizjattivi fir-rigward tal-iżvelar obbligatorju ta' arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa fuq il-linji tal-Azzjoni 12 tal-proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS). F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew wera r-rwol kruċjali ta' intermedjarji fil-konsulenza, il-ħolqien u l-ġestjoni ta' skemi tat-taxxa u talab miżuri aktar severi kontra intermedjarji li jgħinu f’arranġamenti li jistgħu jwasslu għall-evitar u l-evażjoni tat-taxxa.

    Emenda 4

    Proposta għal direttiva

    Premessa 5

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (5)

    Huwa neċessarju li jitfakkar kif ċerti intermedjarji finanzjarji u fornituri oħra ta' pariri dwar it-taxxa jidhru li għenu b'mod attiv lill-klijenti tagħhom biex jaħbu l-flus barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, għalkemm is-CRS introdott mid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE (27) huwa pass sinifikanti ’l quddiem fl-istabbiliment ta' qafas tat-taxxa trasparenti fl-Unjoni, tal-anqas f'termini ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, xorta waħda jista' jitjieb.

    (5)

    Huwa neċessarju li jitfakkar kif ċerti intermedjarji finanzjarji u fornituri oħra ta' pariri dwar it-taxxa , u awdituri, għenu b'mod attiv lill-klijenti tagħhom biex jaħbu l-flus barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, għalkemm is-CRS introdott mid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE (27) huwa pass sinifikanti ’l quddiem fl-istabbiliment ta' qafas tat-taxxa trasparenti fl-Unjoni, tal-anqas f'termini ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, xorta waħda jista' jitjieb. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kapaċità tal-Istati Membri li jipproċessaw l-għadd ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji li tkun waslitilhom tissaħħaħ konsegwentement u jenħtieġ li, fejn ikun neċessarju, jiżdiedu r-riżorsi fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa finanzjarji, tar-riżorsi umani u tal-mezzi tal-IT u jinżammu f'livelli adegwati.

    Emenda 5

    Proposta għal direttiva

    Premessa 6

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (6)

    L-iżvelar ta' arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa ta' dimensjoni transkonfinali jista' jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-isforzi għall-ħolqien ta' ambjent ta' tassazzjoni ġusta fis-suq intern. F'dan id-dawl, l-obbligu fuq l-intermedjarji li jinfurmaw lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar ċerti arranġamenti transkonfinali li jistgħu potenzjalment jintużaw għal finijiet tal-evitar tat-taxxa jikkostitwixxi pass fid-direzzjoni t-tajba. Sabiex tiġi żviluppata politika aktar komprensiva, ikun importanti wkoll li bħala t-tieni pass, wara l-iżvelar, l-awtoritajiet tat-taxxa jikkondividu informazzjoni mal-pari tagħhom fi Stati Membri oħra. Dawn l-arranġamenti jenħtieġ li jsaħħu wkoll l-effettività tas-CRS. Barra minn hekk, ikun kruċjali li l-Kummissjoni tingħata aċċess għal ammont suffiċjenti ta' informazzjoni sabiex tkun tista' timmonitorja l-funzjonament xieraq ta' din id-Direttiva. Dan l-aċċess għall-informazzjoni mill-Kummissjoni ma jeżonerax lil Stat Membru mill-obbligi tiegħu li jinnotifika kull għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni.

    (6)

    L-iżvelar ta' arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa ta' dimensjoni transkonfinali jista' jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-isforzi għall-ħolqien ta' ambjent ta' tassazzjoni ġusta fis-suq intern. F'dan id-dawl, l-obbligu fuq l-intermedjarji , l-awdituri u, meta jkun xieraq, fuq il-kontribwenti, li jinfurmaw lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar ċerti arranġamenti transkonfinali li jistgħu potenzjalment jintużaw għal finijiet tal-evitar tat-taxxa jikkostitwixxi pass neċessarju fid-direzzjoni t-tajba. Sabiex tiġi żviluppata politika aktar komprensiva, ikun importanti wkoll li bħala t-tieni pass, wara l-iżvelar, l-awtoritajiet tat-taxxa jikkondividu awtomatikament informazzjoni mal-pari tagħhom fi Stati Membri oħra. Dawn l-arranġamenti jenħtieġ li jsaħħu wkoll l-effettività tas-CRS. Barra minn hekk, ikun kruċjali li l-Kummissjoni tingħata aċċess għal informazzjoni rilevanti sabiex tkun tista' timmonitorja l-funzjonament xieraq ta' din id-Direttiva u twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha fl-ambitu tal-politiki tal-kompetizzjoni . Dan l-aċċess għall-informazzjoni mill-Kummissjoni ma jeżonerax lil Stat Membru mill-obbligi tiegħu li jinnotifika kull għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-intermedjarji u għall-kontribwenti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika lista tal-arranġamenti transkonfinali rappurtati li jistgħu potenzjalment jintużaw għal finijiet tal-evitar tat-taxxa, mingħajr ma ssir ebda referenza għall-intermedjarju jew kontribwent.

    Emenda 7

    Proposta għal direttiva

    Premessa 7

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (7)

    Huwa rikonoxxut li l-iżvelar ta' arranġamenti ta' ppjanar transkonfinali u potenzjalment aggressiv tat-taxxa jkollu iktar ċans li jikseb l-effett ta' deterrent previst tiegħu fejn l-informazzjoni rilevanti tkun laħqet lill-awtoritajiet tat-taxxa fi stadju bikri, fi kliem ieħor qabel ma l-arranġamenti żvelati jkunu ġew implimentati b'mod effettiv. Meta l-obbligu ta' żvelar jiġi trasferit lill-kontribwenti, ikun prattiku li l-obbligu ta' żvelar ta' dawk l-arranġamenti ta' ppjanar transkonfinali u potenzjalment aggressiv tat-taxxa jiġi impost fi stadju aktar tard , billi l-kontribwenti jistgħu ma jkunux konxji tan-natura tal-arranġamenti fil-mument meta jibdewhom . Biex jiġu ffaċilitati l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, l-iskambju awtomatiku sussegwenti ta' informazzjoni dwar dawn l-arranġamenti jista' jseħħ kull tliet xhur.

    (7)

    Huwa rikonoxxut li l-iżvelar ta' arranġamenti ta' ppjanar transkonfinali u potenzjalment aggressiv tat-taxxa jkollu iktar ċans li jikseb l-effett ta' deterrent previst tiegħu fejn l-informazzjoni rilevanti tkun laħqet lill-awtoritajiet tat-taxxa fi stadju bikri, fi kliem ieħor qabel ma l-arranġamenti żvelati jkunu ġew implimentati b'mod effettiv. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu imposti penali adegwati biex jipprevjenu u jrażżnu dawn l-arranġamenti. Meta l-obbligu ta' żvelar jiġi trasferit lill-kontribwenti, ikun prattiku li l-obbligu ta' żvelar ta' dawk l-arranġamenti ta' ppjanar transkonfinali u potenzjalment aggressiv tat-taxxa jiġi impost fi stadju aktar tard. Biex jiġu ffaċilitati l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, l-iskambju awtomatiku sussegwenti ta' informazzjoni dwar dawn l-arranġamenti jista' jseħħ kull tliet xhur.

    Emenda 8

    Proposta għal direttiva

    Premessa 9a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (9a)

    Ir-rwol u l-importanza dejjem jikbru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-mudelli tan-negozju u l-istrutturi tat-taxxa ta' korporazzjonijiet kbar ikomplu jenfasizzaw l-urġenza ta' skambju aħjar ta' informazzjoni dwar arranġamenti għall-evitar tat-taxxa, minħabba d-diversi possibbiltajiet faċli li l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jagħti għat-trasferiment artifiċjali tal-profitti.

    Emenda 9

    Proposta għal direttiva

    Premessa 9b (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (9b)

    In-nuqqas ta' rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż u komprensiv dwar iċ-ċifri finanzjarji rilevanti ta' intrapriżi multinazzjonali kbar ikkontribwixxa għall-affidabbiltà fqira tad-data aggregata dwar l-istrutturi offshore, enfasizzata mill-fatt li ħafna mill-istrutturi riċenti ta' profil għoli għall-evitar tat-taxxa ma jidhrux fil-bażijiet tad-data attwali tal-kontijiet finanzjarji korporattivi u kummerċjali. Dawn il-lakuni fl-istatistika jfixklu t-tentattivi tal-awtoritajiet tat-taxxa li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju dwar ġurisdizzjonijiet b'riskju u jenfasizzaw l-ħtieġa għal aktar skambju ta' informazzjoni dwar l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa.

    Emenda 10

    Proposta għal direttiva

    Premessa 10

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (10)

    Peress li l-għan primarju ta' din il-leġiżlazzjoni jenħtieġ li jiffoka fuq l-iżgurar tal-funzjonament xieraq tas-suq intern, ikun kruċjali jekk ma ssirx regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet previsti. Għal din ir-raġuni jkun meħtieġ li tiġi limitata kwalunkwe regola komuni dwar l-iżvelar għal sitwazzjonijiet transkonfinali, jiġifieri sitwazzjonijiet f'aktar minn Stat Membru wieħed jew fi Stat Membru u pajjiż terz. F'dawn iċ-ċirkostanzi, minħabba l-impatt potenzjali fuq il-funzjonament tas-suq intern, tista' tiġi ġġustifikata l-ħtieġa li jiġi promulgat sett komuni ta' regoli, minflok ma titħalla l-kwistjoni biex tiġi indirizzata fil-livell nazzjonali.

    (10)

    Peress li l-għan primarju ta' din il-leġiżlazzjoni jenħtieġ li jiffoka fuq l-iżgurar tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-limitazzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa , ikun kruċjali jekk ma ssirx regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet previsti. Għal din ir-raġuni jkun meħtieġ li tiġi limitata kwalunkwe regola komuni dwar l-iżvelar għal sitwazzjonijiet transkonfinali, jiġifieri sitwazzjonijiet f'aktar minn Stat Membru wieħed jew fi Stat Membru u pajjiż terz. F'dawn iċ-ċirkostanzi, minħabba l-impatt potenzjali fuq il-funzjonament tas-suq intern, tiġi ġġustifikata l-ħtieġa li jiġi promulgat sett komuni ta' regoli, minflok ma titħalla l-kwistjoni biex tiġi indirizzata fil-livell nazzjonali. Jekk Stat Membru jimplimenta aktar miżuri ta' rappurtar nazzjonali ta' natura simili, jenħtieġ li l-informazzjoni addizzjonali miġbura tkun kondiviża ma' Stati Membri oħra jekk tkun rilevanti.

    Emenda 12

    Proposta għal direttiva

    Premessa 11a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (11a)

    Peress li l-Istati Membri kollha jista' ma jkollhomx inċentiv biex ifasslu u jimplimentaw penali effettivi u sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa jkun awtomatiku fir-rigward ta' penali imposti, kif ukoll fir-rigward ta' sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru ma jkun impona ebda penali.

    Emenda 13

    Proposta għal direttiva

    Premessa 13

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (13)

    Sabiex jiġu mtejba l-prospetti għall-effettività ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu penali kontra l-ksur ta' regoli nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati fil-prattika b'mod effettiv , li jkunu proporzjonali u li jkollhom effett dissważiv .

    (13)

    Sabiex jiġu mtejba l-prospetti għall-effettività ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu penali kontra l-ksur ta' regoli nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u jiżguraw li dawn il-penali , inklużi penali finanzjarji, jiġu applikati minnufih fil-prattika, li jkunu effettivi, proporzjonati u li dissważivi . L-Istati Membri jenħtieġ li jippreżentaw lill-Kummissjoni u jippubblikaw lista ta' intermedjarji u kontribwenti li kellhom penali imposti fuqhom skont din id-Direttiva, inklużi l-isem, in-nazzjonalità u l-post ta' residenza.

    Emenda 14

    Proposta għal direttiva

    Premessa 14

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (14)

    Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni f'konnessjoni mal-aġġornar tal-karatteristiki distintivi sabiex fil-lista tal-karatteristiki distintivi jiġu inklużi arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa jew serje ta' arranġamenti b’reazzjoni għal informazzjoni aġġornata dwar dawk l-arranġamenti jew is-serje ta' arranġamenti li tirriżulta mill-iżvelar obbligatorju ta' dawn l-arranġamenti .

    (14)

    Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni f'konnessjoni mal-aġġornar tal-karatteristiki distintivi . Jenħtieġ li kull sentejn, il-Kummissjoni tippubblika abbozz ta' aġġornament tal-lista tal-karatteristiki distintivi li jiddefinixxu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa sabiex tinkludi kwalunkwe arranġament ġdid jew modifikat tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa li jkun ġie identifikat mill-aħħar aġġornament li ġie ppubblikat u jenħtieġ li jinġieb fis-seħħ fi żmien erba' xhur mill-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' aġġornament .

    Emenda 15

    Proposta għal direttiva

    Premessa 15a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (15a)

    Sabiex jiġu żgurati l-użu u l-interpretazzjoni uniformi tal-karatteristiki distintivi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja regolarment l-attivitajiet tal-awtoritajiet tat-taxxa, skont din id-Direttiva.

    Emenda 16

    Proposta għal direttiva

    Premessa 18

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (18)

    Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern bl-iskoraġġiment tal-użu tal-arranġamenti transkonfinali ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri meta jaġixxu individwalment b'mod mhux koordinat, iżda pjuttost jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-fatt li għandu fil-mira tiegħu skemi li jiġu żviluppati biex potenzjalment jieħdu vantaġġ minn ineffiċjenzi fis-suq li joriġinaw fl-interazzjoni fost regoli tat-taxxa nazzjonali mhux ugwali, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan , b'mod speċjali meta jiġi kkunsidrat li huwa limitat għal arranġamenti ta' dimensjoni transkonfinali ta' aktar minn Stat Membru wieħed jew ta' Stat Membru u pajjiż terz.

    (18)

    Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu limitati b'mod sinifikanti l-konsegwenzi katastrofiċi tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fil-kontijiet pubbliċi u li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern bl-iskoraġġiment tal-użu tal-arranġamenti transkonfinali ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri meta jaġixxu individwalment b'mod mhux koordinat, iżda pjuttost jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-fatt li għandu fil-mira tiegħu skemi li jiġu żviluppati biex potenzjalment jieħdu vantaġġ minn ineffiċjenzi fis-suq li joriġinaw fl-interazzjoni fost regoli tat-taxxa nazzjonali mhux ugwali, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanjiet , b'mod speċjali meta jiġi kkunsidrat li huwa limitat għal arranġamenti ta' dimensjoni transkonfinali ta' aktar minn Stat Membru wieħed jew ta' Stat Membru u pajjiż terz.

    Emenda 17

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 3 – punt 18 – punt c

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (c)

    waħda jew aktar mill-partijiet għall-arranġamenti jew għas-serje ta' arranġamenti twettaq negozju f'ġurisdizzjoni oħra permezz ta' stabbiliment permanenti li jkun jinsab f'dik il-ġurisdizzjoni u l-arranġament jew is-serje ta' arranġamenti jiffurmaw parti jew it-totalità tan-negozju ta' dak l-istabbiliment permanenti;

    (c)

    waħda jew aktar mill-partijiet għall-arranġamenti jew għas-serje ta' arranġamenti twettaq attività ta' negozju f'ġurisdizzjoni oħra permezz ta' stabbiliment permanenti jew ta' korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż ta' kwalunkwe tip li jinsabu f'dik il-ġurisdizzjoni u l-arranġament jew is-serje ta' arranġamenti jiffurmaw parti jew it-totalità tan-negozju ta' dak l-istabbiliment permanenti;

    Emenda 18

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 3 – punt 18 – punt d

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (d)

    waħda jew aktar mill-partijiet għall-arranġamenti jew għas-serje ta' arranġamenti twettaq negozju f'ġurisdizzjoni oħra permezz ta' stabbiliment permanenti li ma jinsabx f'dik il-ġurisdizzjoni u l-arranġament jew is-serje ta' arranġamenti jiffurmaw parti jew it-totalità tan-negozju ta' dak l-istabbiliment permanenti ;

    (d)

    waħda jew aktar mill-partijiet għall-arranġamenti jew għas-serje ta' arranġamenti twettaq attività ta' negozju f'ġurisdizzjoni oħra mingħajr ma toħloq preżenza taxxabbli f'dik il-ġurisdizzjoni;

    Emenda 19

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 3 – punt 20

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    20.

    “karatteristika distintiva” tfisser karatteristika tipika ta' arranġament jew ta' serje ta' arranġamenti li hija elenkata fl-Anness IV.

    20.

    “karatteristika distintiva” tfisser arranġament jew serje ta' arranġamenti li huma elenkati fl-Anness IV.

    Emenda 20

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 3 – punt 23 – punt ca (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (ca)

    kontribwent huwa s-sid benefiċjarju ta' kontribwent ieħor, skont id-Direttiva (UE) 2015/849.

    Emenda 21

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 1a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    1a.     Filwaqt li jwettqu awditi statutorji tad-dikjarazzjonijiet tal-klijenti tagħhom, l-awdituri għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi ta' identifikazzjoni u żvelar dwar ksur potenzjali mill-entità awditjata, jew l-intermedjarji tagħha, tal-obbligi ta' identifikazzjoni u żvelar stipulati f'dan l-Artikolu li l-awditur sar konxju tagħhom. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jirrikjedi lill-awdituri li jippreżentaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dwar tali ksur fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol, b'effett mill-jum wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti tal-awditjar.

    Emenda 22

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 2 – subparagrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti lill-intermedjarji d-dritt ta' rinunzja mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli jew serje ta' dawn l-arranġamenti fejn ikunu intitolati għal privileġġ professjonali legali skont il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar dan l-arranġament jew is-serje ta' arranġamenti għandu jkun ir-responsabbiltà tal-kontribwent u l-intermedjarji għandhom jinfurmaw lill-kontribwenti b'din ir-responsabbiltà minħabba l-privileġġ.

    2.   Kull Stat Membru jista', fejn ikun xieraq, jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti lill-intermedjarji d-dritt ta' rinunzja mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli jew serje ta' dawn l-arranġamenti fejn ikunu intitolati għal privileġġ professjonali legali skont il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar dan l-arranġament jew is-serje ta' arranġamenti għandu jkun ir-responsabbiltà tal-kontribwent u l-intermedjarji għandhom jinfurmaw lill-kontribwenti bil-miktub b'din ir-responsabbiltà minħabba l-privileġġ u għandhom iżommu konferma tar-riċevuta ffirmata mill-kontribwent. Il-kontribwent għandu jirrapporta l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tat-taxxa dwar l-arranġament rapportabbli transkonfinali jew serje ta' tali arranġamenti fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol.

    Emenda 23

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 4

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jitlob lill-kontribwenti jippreżentaw informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli li ġew implimentati bejn [data tal-ftehim politiku] u l-31 ta' Diċembru 2018 L-intermedjarji u l-kontribwenti, kif xieraq, għandhom jippreżentaw informazzjoni dwar dawk l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli sal-31 ta' Marzu 2019.

    4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jitlob lill-intermedjarji, lill-awdituri u lill-kontribwenti jippreżentaw informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli li huma attivi … [fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] u dawk li ser jidħlu fis-seħħ wara.

    Emenda 24

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 4a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    4a.     Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jivvaluta l-arranġamenti tat-taxxa żvelati permezz tal-iskambju ta' informazzjoni previsti minn din id-Direttiva, kif ukoll biex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa lill-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom.

    Emenda 25

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 6 – punt a

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (a)

    l-identifikazzjoni ta' intermedjarji u kontribwenti, inklużi isimhom, ir-residenza tagħhom għal finijiet tat-taxxa, u n-numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent (TIN) u, fejn xieraq, il-persuni li huma intrapriżi assoċjati għall-intermedjarju jew il-kontribwent;

    (a)

    l-identifikazzjoni ta' intermedjarji jew, fejn applikabbli, awdituri, u kontribwenti, inklużi isimhom , in-nazzjonalità , ir-residenza tagħhom għal finijiet tat-taxxa, u n-numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent (TIN) u, fejn xieraq, il-persuni li huma intrapriżi assoċjati għall-intermedjarju jew il-kontribwent;

    Emenda 26

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 6 – punt c

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (c)

    sommarju tal-kontenut tal-arranġament transkonfinali rapportabbli jew is-serje ta' dawn l-arranġamenti, inkluża referenza għall-isem li bih huma magħrufin b'mod komuni, jekk ikun hemm, u deskrizzjoni f'termini astratti tal-attivitajiet jew l-arranġamenti ta' negozju rilevanti, mingħajr ma jirriżulta fl-iżvelarta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali, jew ta' proċess kummerċjali, jew ta' informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubblika;

    (c)

    sommarju tal-kontenut tal-arranġament transkonfinali rapportabbli jew is-serje ta' dawn l-arranġamenti, inkluża referenza għall-isem li bih huma magħrufin b'mod komuni, jekk ikun hemm, u deskrizzjoni f'termini astratti tal-attivitajiet jew l-arranġamenti ta' negozju rilevanti, mingħajr ma jirriżulta fl-iżvelar ta' proprjetà intellettwali, sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali, jew ta' proċess kummerċjali, jew ta' informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubblika;

    Emenda 27

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 6 – punt d

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (d)

    id-data li fiha għandha tinbeda jew li fiha bdiet l-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli jew tal-ewwel pass f'serje ta' dawn l-arranġamenti;

    (d)

    id-data tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli jew tal-ewwel pass f'serje ta' dawn l-arranġamenti;

    Emenda 28

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 6 – punt e

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (e)

    id-dettalji tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tat-taxxa li l-applikazzjoni tagħhom toħloq benefiċċju fuq it-taxxa , jekk applikabbli;

    (e)

    id-dettalji tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tat-taxxa li jifformaw il-bażi għall-arranġamenti rapportabbli jew għas-serje ta' arranġamenti , jekk applikabbli;

    Emenda 29

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 6 – punt h

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (h)

    l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna fl-Istati Membri l-oħra, jekk ikun hemm, li x'aktarx tiġi affettwata mill-arranġament transkonfinali rapportabbli jew minn serje ta' dawn l-arranġamenti, li tindika ma' liema Stati Membri huma konnessi l-intermedjarji jew il-kontribwenti affettwati.

    (h)

    l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna fl-Istati Membri l-oħra, jekk ikun hemm, li x'aktarx tiġi affettwata mill-arranġament transkonfinali rapportabbli jew minn serje ta' dawn l-arranġamenti, li tindika ma' liema Stati Membri huma konnessi l-intermedjarji , l-awdituri jew il-kontribwenti affettwati.

    Emenda 30

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 7

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    7.   Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi miżuri biex tiġi standardizzata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, bħala parti mill-proċedura li tistabbilixxi l-formola standard prevista fl-Artikolu 20(5).

    7.   Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi , u tipprovdi riżorsi suffiċjenti, meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi miżuri biex tiġi standardizzata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, bħala parti mill-proċedura li tistabbilixxi l-formola standard prevista fl-Artikolu 20(5).

    Emenda 31

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 8aaa – paragrafu 8

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    8.   Il-Kummissjoni ma għandux ikollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti ( a ), (c) u ( h ) tal-paragrafu 6.

    8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti ( b ), (c) , (d), (e), (f) u ( g ) tal-paragrafu 6. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli pubblikament lista tal-arranġamenti transkonfinali rapportati, mingħajr ma ssir ebda referenza għall-intermedjarju jew kontribwent rispettiv.

    Emenda 32

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 21 – paragrafu 5 – subparagrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2017, tiżviluppa u tipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku għal direttorju ċentrali sikur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8a għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f'dawk il-paragrafi.

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2017, tiżviluppa u tipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku għal direttorju ċentrali sikur dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni , b'aċċess limitat għall-Istati Membri u l-Kummissjoni, fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8a għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f'dawk il-paragrafi.

    Emenda 33

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 21 – paragrafu 5 – subparagrafu 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2018, tiżviluppa u tipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku għal direttorju ċentrali sikur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-paragrafi 5 , 6 u 7 tal-Artikolu 8aaa għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f'dawk il-paragrafi.

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2018, tiżviluppa u tipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku għal direttorju ċentrali sikur dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni , b'aċċess limitat għall-Istati Membri u l-Kummissjoni, fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-Artikolu 8aaa għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f'dawk il-paragrafi. Barra minn hekk, l-informazzjoni skambjata skont l-iskambju awtomatiku previst fl-Artikoli 8, 8a u 8aaa, għandha tkun disponibbli wkoll permezz tad-direttorju ċentrali, b'aċċess limitat għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.

    Emenda 34

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 21 – paragrafu 5 – subparagrafu 3

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f'dak id-direttorju . Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f’dak id-direttorju, iżda fil-limitazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8a(8) u 8aaa(8) . L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f'dak id-direttorju. L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

    Emenda 35

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 23 – paragrafu 3

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw valutazzjoni annwali lill-Kummissjoni dwar l-effettività tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni msemmi fl-Artikoli 8, 8a, 8aa u 8aaa kif ukoll ir-riżultati prattiċi miksuba. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-forma u l-kundizzjonijiet tal-komunikazzjoni għal dik il-valutazzjoni annwali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw valutazzjoni annwali lill-Kummissjoni dwar l-effettività tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni msemmi fl-Artikoli 8, 8a, 8aa u 8aaa ; il-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni skambjata; u l-bidliet leġiżlattivi proposti jew implimentati bbażati fuq il-lakuni fil-qafas regolatorju żvelati minn din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-forma u l-kundizzjonijiet tal-komunikazzjoni għal dik il-valutazzjoni annwali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2). Abbażi ta' dawn il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti leġiżlattivi biex jingħalqu l-lakuni fil-liġi eżistenti .

    Emenda 36

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5a (ġdid)

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 23 – paragrafu 3a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (5a)

    Fl-Artikolu 23, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.     L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-għadd ta' arranġamenti jew serje ta' arranġamenti żvelati, kif ikklassifikat fl-Anness IV, flimkien ma' deskrizzjoni ta' tali arranġamenti, in-nazzjonalitajiet tal-kontribwenti li jibbenefikaw minn dawn l-arranġamenti u l-għadd u l-firxa ta' penali imposti fuq l-intermedjarji jew il-kontribwenti li jiżvelaw tali arranġamenti. Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport pubbliku annwali b'din l-informazzjoni.”.

    Emenda 37

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5b (ġdid)

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 23 – paragrafu 3b (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (5b)

    Fl-Artikolu 23, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3b.     Kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni lista ta' arranġamenti transkonfinali li huma meqjusa mill-awtorità tat-taxxa rilevanti bħala konformi ma' din id-Direttiva.”.

    Emenda 38

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 23 aa – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 26a biex temenda l-Anness IV, sabiex tinkludi fil-lista tal-karatteristiki distintivi, arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa jew serje ta' arranġamenti bħala reazzjoni għal informazzjoni aġġornata dwar dawk l-arranġamenti jew is-serje ta' arranġamenti li tirriżulta mill-iżvelarobbligatorju ta' dawn l-arranġamenti.”.

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 26a biex temenda l-Anness IV, sabiex tinkludi fil-lista tal-karatteristiki distintivi, arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa jew serje ta' arranġamenti bħala reazzjoni għal informazzjoni aġġornata dwar dawk l-arranġamenti jew is-serje ta' arranġamenti li tirriżulta mill-iżvelar obbligatorju ta' dawn l-arranġamenti. Hija għandha tagħmel dan kull sentejn abbażi tal-informazzjoni li ser tkun disponibbli dwar arranġamenti ġodda jew modifikati tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, filwaqt li tippubblika l-kriterji ġodda tagħha f'forma ta' abbozz erba' xhur qabel ma ddaħħalhom fis-seħħ .

    Emenda 39

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 25a – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u dwar l-Artikoli 8aa u 8aaa, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”.

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u dwar l-Artikoli 8aa u 8aaa, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-Kummissjoni tista' tippubblika tabella indikattiva ta' penali .

    Emenda 40

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8

    Direttiva 2011/16/UE

    Artikolu 26a – paragrafu 5a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    5a.     Sa … [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], u kull tliet snin minn dakinhar, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Emenda 41

    Proposta għal direttiva

    Anness 1

    Direttiva 2011/16/UE

    Anness IV – Il-kriterju tal-vantaġġ prinċipali – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-kriterju se jiġi ssodisfat jekk il-vantaġġ prinċipali ta' arranġament jew ta' serje ta' arranġamenti huwa li jikseb vantaġġ fuq it-taxxa jekk jista' jiġi stabbilit li l-vantaġġ huwa r-riżultat li wieħed jista' jistenna li jikseb minn dan l-arranġament, jew minn serje ta' arranġamenti, inkluż billi jieħu vantaġġ tal-mod speċifiku li l-arranġament jew is-serje ta' arranġamenti huma strutturati.

    Il-kriterju se jiġi ssodisfat jekk wieħed mill-vantaġġi prinċipali ta' arranġament jew ta' serje ta' arranġamenti huwa li jikseb vantaġġ fuq it-taxxa jekk jista' jiġi stabbilit li l-vantaġġ huwa r-riżultat li wieħed jista' jistenna li jikseb minn dan l-arranġament, jew minn serje ta' arranġamenti, inkluż billi jieħu vantaġġ tal-mod speċifiku li l-arranġament jew is-serje ta' arranġamenti huma strutturati.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0310.

    (27)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).

    (27)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).


    Top