EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4805

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni” (COM(2018) 630 final — 2018/0328 (COD))

EESC 2018/04805

ĠU C 159, 10.5.2019, p. 63–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 159/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni”

(COM(2018) 630 final — 2018/0328 (COD))

(2019/C 159/10)

Relatur: Antonio LONGO

Korelatur: Alberto MAZZOLA

Konsultazzjoni

Il-Kunsill Ewropew, 5.10.2018

Il-Parlament Ewropew, 1.10.2018

Bażi legali

L-Artikoli 173(3), 188 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

9.1.2019

Adottata fis-sessjoni plenarja

23.1.2019

Nru tas-Sessjoni plenarja

540

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

143/5/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jikkunsidraha bħala adatta għall-iżvilupp ta’ strateġija industrijali għaċ-ċibersigurtà u strateġika biex tintlaħaq awtonomija diġitali soda u komprensiva. Dawn il-fatturi huma indispensabbli għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ difiża Ewropea fid-dawl tal-gwerra ċibernetika fis-seħħ li toħloq ir-riskju li xxekkel is-sistemi politiċi, ekonomiċi u soċjali.

1.2.

Il-Kumitat jinnota li kull strateġija dwar iċ-ċibersigurtà ma tistax ma tqisx is-sensibilizzazzjoni mifruxa u l-imġiba sigura tal-utenti kollha.

1.3.

Il-Kumitat jaqbel mal-għanijiet ġenerali tal-proposta u huwa konxju li aspetti speċifiċi tal-funzjonament se jkunu soġġetti għal analiżi sussegwenti. Madankollu, peress li huwa Regolament, huwa jqis li ċerti aspetti sensittivi relatati mal-governanza, il-finanzjament u l-kisba tal-objettivi stabbiliti għandhom jiġu ddefiniti minn qabel. Huwa importanti li n-Netwerk futur u ċ-Ċentru jibnu, kemm jista’ jkun, fuq il-kapaċitajiet ċibernetiċi u l-għarfien espert tal-Istati Membri, u li l-kompetenzi m’għandhomx jiffukaw biss fuq it-twaqqif taċ-Ċentru l-ġdid. Barra minn hekk wieħed għandu jevita, li l-attivitajiet tan-Netwerk futur u taċ-Ċentru jikkoinċidu ma’ dawk ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u korpi eżistenti.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-estensjoni tas-sħubija fid-dinja industrijali, abbażi ta’ impenji sodi mil-lat xjentifiku u ta’ investiment, filwaqt li jinkludiha fil-Bord Governattiv fil-futur. F’każ ta’ kooperazzjoni tripartitika bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-industrija, il-preżenza ta’ intrapriżi li jkunu ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE għandha tkun limitata għal dawk li jkun ilhom xi żmien stabbiliti fir-reġjun Ewropew u li jkunu involuti b’mod sħiħ fil-bażi teknoloġika u industrijali Ewropea, bil-kundizzjoni li jkunu soġġetti għal mekkaniżmi adegwati ta’ skrinjar u ta’ kontroll, kif ukoll li jirrispettaw il-prinċipju tar-reċiproċità u tal-obbligi tas-segretezza.

1.5.

Iċ-ċibersigurtà għandha tkun impenn komuni tal-Istati Membri kollha, li għalhekk iridu jieħdu sehem fil-Bord Governattiv b’mod li jrid jiġi definit. Fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati Membri, tista’ tintuża l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE maħsuba għal kull wieħed minnhom.

1.6.

Il-proposta għandha tispjega aħjar b’liema mod iċ-Ċentru jkun jista’ jintervjeni fil-koordinazzjoni tal-finanzjamenti tal-programmi Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa u speċjalment skont liema linji gwida se jitfasslu u jiġu allokati l-akkwisti eventwali. Dan l-aspett huwa fundamentali biex jiġu evitati duplikazzjonijiet jew trikkib. Barra minn hekk, sabiex tiżdied l-allokazzjoni finanzjarja, huwa rrakkomandat li jiġu estiżi s-sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE (pereżempju l-Fondi Reġjonali, il-Fondi Strutturali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropea, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-InvestEU…).

1.7.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġu ddefiniti l-metodi ta’ kooperazzjoni u r-rapporti bejn iċ-Ċentru Ewropew u ċ-Ċentri Nazzjonali. Barra minn hekk, huwa importanti li ċ-Ċentri Nazzjonali jiġu ffinanzjati mill-UE, tal-anqas għall-ispejjeż amministrattivi, sabiex tiġi ffaċilitata l-armonizzazzjoni amministrattiva u tal-kompetenzi bil-għan li jitnaqqas id-distakk li jeżisti bejn il-pajjiżi Ewropej.

1.8.

Il-Kumitat itenni l-importanza tal-kapital uman u jittama li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jista’ jippromovi, f’kollaborazzjoni mal-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u ċ-ċentri ta’ taħriġ ta’ livell għoli, edukazzjoni u taħriġ ta’ eċċellenza, anke permezz ta’ perkorsi speċifiċi ta’ tagħlim universitarju u fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Bl-istess mod, huwa importanti li jingħata appoġġ speċifiku għan-negozji ġodda u għall-SMEs.

1.9.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġu ċċarati aħjar l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza u l-linji ta’ demarkazzjoni bejn il-mandat taċ-Ċentru u dak tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), filwaqt li jiġu ddefiniti b’mod ċar l-arranġamenti ta’ kollaborazzjoni u appoġġ reċiproku u jiġu evitati kompetenzi u sforzi duplikati. Problemi simili jiġu affrontati minn korpi oħra li jieħdu ħsieb iċ-ċibersigurtà, bħall-EDA, il-Europol u s-CERT-EU, u huwa rrakkomandat li jinħolqu mekkaniżmi simili ta’ djalogu strutturat bejn il-korpi differenti.

2.   Qafas attwali taċ-ċibersigurtà

2.1.

Iċ-ċibersigurtà hija waħda mit-temi li tinsab fuq quddiem nett fl-aġenda tal-UE, peress li hija fattur essenzjali għad-difiża tal-istituzzjonijiet, tan-negozji, taċ-ċittadini, kif ukoll strument neċessarju għaż-żamma stess tad-demokraziji. Fost il-fenomeni l-aktar ta’ tħassib, hemm iż-żieda esponenzjali tal-malwer li jinxtered fl-Internet permezz ta’ sistemi awtomatiċi, li minn 130 000 fl-2007 żdied għal 8 miljuni fl-2017. Barra minn hekk, l-Unjoni hija importatur nett ta’ prodotti u soluzzjonijiet ta’ ċibersigurtà, li joħloq problema ta’ kompetittività ekonomika u ta’ sigurtà ċivili u militari.

2.2.

Minkejja li l-UE għandha kompetenzi u esperjenzi importanti fil-qasam taċ-ċibersigurtà, jidher li l-industrija tas-settur, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka għadhom jidhru frammentati, mhux allinjati u neqsin minn strateġija ta’ żvilupp komuni. Dan huwa minħabba l-fatt li s-setturi rilevanti fil-qasam taċ-ċibersigurtà (eż. l-enerġija, l-ispazju, id-difiża u t-trasport) ma jiġux appoġġjati biżżejjed, u bl-istess mod is-sinerġiji bejn iċ-ċibersigurtà ċivili u dik tad-difiża ma jiġux sfruttati.

2.3.

Sabiex tindirizza l-isfidi dejjem jikbru, fl-2013 l-Unjoni stabbilixxiet strateġija għaċ-ċibersigurtà sabiex tippromovi ekosistema ċibernetika affidabbli, sikura u miftuħa (1). Sussegwentement, fl-2016 ġew adottati l-ewwel miżuri speċifiċi għas-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni (2). Dan il-proċess wassal għall-ħolqien tas-sħubija pubblika-privata (“cPPP”) dwar iċ-ċibersigurtà.

2.4.

Fl-2017, il-Komunikazzjoni bit-titolu “Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE” (3) innotat il-ħtieġa li jiġu żgurati ż-żamma u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet teknoloġiċi essenzjali fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni biex jiġi protett is-suq uniku diġitali u, b’mod partikolari, biex jiġu protetti n-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni kruċjali u jiġu fornuti servizzi fundamentali ta’ ċibersigurtà.

2.5.

Għalhekk, l-Unjoni għandu jkollha s-setgħa li tissalvagwardja r-riżorsi u l-proċessi diġitali tagħha stess u tikkompeti fis-suq dinji taċ-ċibersigurtà sakemm tilħaq awtonomija diġitali soda u komprensiva (4).

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza (jew iċ-“Ċentru”) se jkollu l-objettiv li jiffaċilita u jikkoordina l-ħidma tan-netwerk taċ-ċentri nazzjonali u li jaġixxi bħala referenza għall-komunità tal-kompetenzi fir-rigward taċ-ċibersigurtà, jistabbilixxi l-aġenda teknoloġika b’rabta maċ-ċibersigurtà u jiffaċilita l-aċċess għall-kompetenzi miksuba.

3.2.

B’mod partikolari, iċ-Ċentru għandu jimplimenta l-partijiet rilevanti tal-Programmi Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa billi jalloka l-fondi u jieħu ħsieb l-akkwisti. Meta jitqiesu l-investimenti sostanzjali fiċ-ċibersigurtà li saru fi nħawi oħra tad-dinja u meta titqies il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni u kondiviżjoni tar-riżorsi tas-settur fl-Ewropa, qed jiġi propost li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza jiġi kkonfigurat bħala sħubija Ewropea li jkollha bażi legali doppja, b’mod li jiġu ffaċilitati l-investimenti konġunti tal-Unjoni, tal-Istati Membri u/jew tal-industrija.

3.3.

Il-proposta tipprevedi li l-Istati Membri jikkontribwixxu b’ammont proporzjonat għall-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza u tan-netwerk. L-allokazzjoni finanzjarja prevista mill-UE hija ta’ madwar EUR 2 biljun mill-Programm Ewropa Diġitali; l-ammont li jiġi mill-Programm Orizzont Ewropa għandu jiġi ddeterminat; il-kontribuzzjoni totali tal-Istati Membri għandha tkun tal-anqas daqs dik tal-UE.

3.4.

Il-korp deċiżjonali prinċipali se jkun il-Bord Governattiv, li fih se jiġu rrappreżentati l-Istati Membri kollha, iżda se jkollhom id-dritt għall-vot dawk biss li jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja. Il-mekkaniżmu ta’ votazzjoni se jsegwi l-prinċipju tal-maġġoranza doppja, stabbilita għal 75 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja u għal 75 % tal-voti. Il-Kummissjoni se jkollha 50 % tal-voti. Iċ-Ċentru se jiġi assistit minn Kunsill Konsultattiv Industrijali u Xjentifiku li se jiżgura d-djalogu man-negozji, il-konsumaturi u l-partijiet ikkonċernati l-oħra.

3.5.

Filwaqt li jaħdem f’kuntatt mill-qrib man-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni u mal-komunità tal-kompetenzi fir-rigward taċ-ċibersigurtà, iċ-Ċentru għandu jikkostitwixxi l-korp eżekuttiv prinċipali għar-riżorsi finanzjarji tal-UE ddedikati għas-sigurtà tal-informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi proposti, l-Ewropa Diġitali u l-Orizzont Ewropa.

3.6.

Iċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni se jintgħażlu mill-Istati Membri. Dawn għandu jkollhom kompetenzi teknoloġiċi fir-rigward taċ-ċibersigurtà jew ikunu jistgħu jaċċessawhom direttament, b’mod partikolari f’oqsma bħall-kriptografija, is-servizzi ta’ sigurtà tal-ICT, id-detezzjoni awtomatika ta’ intrużjonijiet, is-sigurtà tas-sistemi, tan-netwerks, tas-softwer u tal-applikazzjonijiet u l-aspetti umani u soċjali tas-sigurtà u tal-privatezza. Barra minn hekk, għandu jkollhom il-kapaċità li jikkomunikaw u jikkoordinaw b’mod effiċjenti mal-industrija u mas-settur pubbliku, fosthom l-awtoritajiet maħtura skont id-Direttiva (UE) 2016/1148.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jikkunsidraha bħala strateġika għall-iżvilupp taċ-ċibersigurtà f’konformità mad-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-Summit ta’ Tallinn ta’ Settembru 2017. F’din iċ-ċirkostanza, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern stiednu lill-UE biex issir “mexxej globali fil-qasam taċ-ċibersigurtà sal-2025, sabiex tiżgura l-fiduċja, il-kunfidenza u l-protezzjoni taċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-intrapriżi onlajn tagħna u tippermetti li jkun hemm Internet ħieles u regolat mil-liġi”.

4.2.

Il-KESE jtenni li tinsab għaddejja gwerra ċibernetika reali li għandha r-riskju li xxekkel is-sistemi politiċi, ekonomiċi u soċjali, tattakka s-sistemi tal-informazzjoni tal-istituzzjonijiet, l-infrastrutturi kruċjali (l-enerġija, it-trasport, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji…) u l-intrapriżi, u, permezz tal-aħbarijiet foloz, taffettwa wkoll il-proċessi elettorali u demokratiċi b’mod ġenerali (5). Għalhekk, għandu jkun hemm sensibilizzazzjoni qawwija kif ukoll reazzjoni soda u minnufih. Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ li tiġi stabbilita strateġija industrijali ċara u appoġġjata sew għaċ-ċibersigurtà bħala prekundizzjoni indispensabbli biex tintlaħaq l-awtonomija diġitali. Il-KESE jqis li l-programm ta’ ħidma għandu jagħti prijorità lis-setturi identifikati mid-Direttiva (UE) 2016/1148, li tapplika għan-negozji li jipprovdu servizzi essenzjali, irrispettivament jekk dawn ikunux pubbliċi jew privati, minħabba r-rilevanza tagħhom għas-soċjetà (6).

4.3.

Il-Kumitat jinnota li kull strateġija dwar iċ-ċibersigurtà ma tistax ma tqisx is-sensibilizzazzjoni mifruxa u l-imġiba sigura tal-utenti kollha. Għal din ir-raġuni, kull inizjattiva teknoloġika għandha tiġi akkumpanjata minn kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni adegwati bil-għan li tinħoloq “kultura ta’ sigurtà diġitali” (7).

4.4.

Il-Kumitat jaqbel mal-għanijiet ġenerali tal-proposta u huwa konxju li aspetti speċifiċi tal-funzjonament se jkunu soġġetti għal analiżi sussegwenti. Madankollu, peress li huwa Regolament, huwa jqis li ċerti aspetti sensittivi relatati mal-governanza, il-finanzjament u l-kisba tal-objettivi stabbiliti għandhom jiġu ddefiniti minn qabel. Huwa importanti li n-Netwerk futur u ċ-Ċentru jibnu, kemm jista’ jkun, fuq il-kapaċitajiet ċibernetiċi u l-għarfien espert tal-Istati Membri, u li l-kompetenzi m’għandhomx jiffukaw biss fuq it-twaqqif taċ-Ċentru l-ġdid. Barra minn hekk wieħed għandu jevita, li l-attivitajiet tan-Netwerk futur u taċ-Ċentru jikkoinċidu ma’ dawk ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u korpi eżistenti.

4.5.

Il-KESE jfakkar li, fl-Opinjoni tiegħu TEN/646 dwar L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà (8), huwa ppropona kooperazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata tripartitika bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-industrija, inklużi l-SMEs, filwaqt li l-istruttura attwali, li l-forma ġuridika tagħha għandha tissaħħaħ aktar, tipprevedi b’mod sostanzjali sħubija pubblika-privata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

4.6.

Il-KESE jappoġġja l-estensjoni tas-sħubija fid-dinja industrijali, abbażi ta’ impenji sodi mil-lat xjentifiku u ta’ investiment, filwaqt li jinkludiha fil-Bord Governattiv fil-futur. Il-KESE jappoġġja l-estensjoni tas-sħubija fid-dinja industrijali, abbażi ta’ impenji sodi f’termini xjentifiċi u ta’ investiment, filwaqt li jinkludiha fil-Bord Governattiv fil-futur. Il-ħolqien ta’ Kunsill Konsultattiv Industrijali u Xjentifiku jista’ ma jiżgurax id-djalogu kostanti man-negozji, il-konsumaturi u l-partijiet ikkonċernati l-oħra. Barra minn hekk, fil-kuntest il-ġdid imfassal mill-Kummissjoni mhuwiex ċar liema rwol se jkollha l-Organizzazzjoni Ewropea taċ-Ċibersigurtà (ECSO), li nħolqot f’Ġunju 2016 fuq inizjattiva tal-Kummissjoni bħala kontroparti tal-Kummissjoni u li l-kapital tan-netwerk u tal-għarfien tagħha m’għandux jinxtered.

4.6.1.

F’każ ta’ sħubija tripartitika, huwa importanti li tingħata attenzjoni għal dawk in-negozji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. B’mod partikolari, il-KESE jenfasizza li din għandha tkun ibbażata fuq mekkaniżmu strett sabiex tiġi evitata l-preżenza ta’ intrapriżi li jkunu ġejjin minn pajjiż mhux tal-UE, li jistgħu jxekklu s-sigurtà u l-awtonomija tal-Unjoni. Il-klawsoli relatati ddefiniti fl-EDIDP (9) għandhom jiġu applikati f’dan il-kuntest ukoll.

4.6.2.

Fl-istess waqt, il-KESE jirrikonoxxi li ċerti intrapriżi li jkunu ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE, iżda li jkunu ilhom stabbiliti fir-reġjun Ewropew u li jkunu involuti b’mod sħiħ fil-bażi teknoloġika u industrijali Ewropea, jistgħu jkunu utli ħafna għall-proġetti tal-UE, u għandu jkollhom aċċess bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi adegwati ta’ skrinjar u ta’ kontroll fuq dawn l-intrapriżi, kif ukoll bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-prinċipju tar-reċiproċità u tal-obbligi tas-segretezza.

4.7.

Iċ-ċibersigurtà għandha tkun impenn komuni tal-Istati Membri kollha, li għalhekk iridu jieħdu sehem fil-Bord Governattiv b’mod li jrid jiġi definit. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu finanzjarjament u b’mod adegwat għall-inizjattiva tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati Membri, tista’ tintuża l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE maħsuba għal kull wieħed minnhom.

4.8.

Il-KESE jaqbel dwar il-fatt li kull Stat Membru għandu l-libertà li jaħtar rappreżentant tiegħu stess fil-Bord Governattiv taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-profili kurrikulari tar-rappreżentanti nazzjonali jkunu ddefiniti b’mod ċar, filwaqt li jintegraw il-kompetenzi strateġiċi u teknoloġiċi ma’ dawk maniġerjali, amministrattivi u baġitarji.

4.9.

Il-proposta għandha tispeċifika aħjar b’liema mod ikun jista’ jintervjeni ċ-Ċentru fil-koordinazzjoni tal-finanzjamenti tal-programmi Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, li s’issa għadu qed jiġi nnegozjat, u speċjalment skont liema linji gwida se jitfasslu u jiġu allokati l-akkwisti eventwali. Dan l-aspett huwa fundamentali biex jiġu evitati duplikazzjonijiet jew trikkib. Barra minn hekk, sabiex tiżdied l-allokazzjoni finanzjarja, huwa rrakkomandat li jiġu estiżi s-sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE (pereżempju l-Fondi Reġjonali, il-Fondi Strutturali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-InvestEU…). Il-Kumitat jixtieq li n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali jkun involut fil-ġestjoni u l-koordinazzjoni tal-fondi.

4.10.

Il-KESE jinnota li l-Bord Konsultattiv għandu jkun magħmul minn 16-il membru u li l-mekkaniżmi, li permezz tagħhom jinkiseb aċċess għad-dinja tan-negozju, l-universitajiet, ir-riċerka u l-konsumaturi, mhumiex speċifikati. Il-Kumitat iqis utli u xieraq li l-membri ta’ dan il-bord ikunu persuni b’livell għoli ta’ għarfien fis-suġġett u li jirrappreżentaw, b’mod ibbilanċjat, is-setturi varji involuti.

4.11.

Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġu ddefiniti l-metodi ta’ kooperazzjoni u r-rapporti bejn iċ-Ċentru Ewropew u ċ-Ċentri Nazzjonali. Barra minn hekk, huwa importanti li ċ-Ċentri Nazzjonali jiġu ffinanzjati mill-UE, tal-anqas għall-ispejjeż amministrattivi, sabiex tiġi ffaċilitata l-armonizzazzjoni amministrattiva u tal-kompetenzi bil-għan li jitnaqqas id-distakk li jeżisti bejn il-pajjiżi Ewropej.

4.12.

F’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (10), il-KESE jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ta’ eċċellenza tar-riżorsi umani fis-settur taċ-ċibersigurtà, anki permezz ta’ korsijiet fl-iskejjel, u dawk universitarji u postuniversitarji speċifiċi. Huwa importanti wkoll li jiġi offrut appoġġ finanzjarju adegwat għall-SMEs u għan-negozji ġodda tas-settur (11), li huma fundamentali għall-iżvilupp ta’ riċerka avvanzata ħafna.

4.13.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġu ċċarati aħjar l-oqsma ta’ kompetenza rispettivi u l-linji ta’ demarkazzjoni bejn il-mandat taċ-Ċentru u dak tal-ENISA, filwaqt li jiġu ddefiniti b’mod ċar il-metodi ta’ kollaborazzjoni u l-appoġġ reċiproku u jiġu evitati kompetenzi u sforzi duplikati (12). Fil-Proposta għal Regolament, tiġi prevista l-preżenza ta’ delegat tal-ENISA bħala osservatur permanenti fil-Bord Governattiv, iżda din il-preżenza mhijiex garanzija ta’ djalogu strutturat bejn iż-żewġ korpi. Problemi simili jiġu affrontati minn korpi oħra li jieħdu ħsieb iċ-ċibersigurtà, bħall-EDA, il-Europol u s-CERT-EU. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li wieħed jinnota l-memorandum ta’ qbil iffirmat f’Mejju 2018 bejn l-ENISA, l-EDA, il-Europol u s-CERT-EU.

Brussell, it-23 ta’ Jannar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  JOIN(2013) 1 final.

(2)  Direttiva (UE) 2016/1148 Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni.

(3)  JOIN(2017) 450 final.

(4)  ĠU C 227, 28.06.2018, p. 86.

(5)  Rappost ta’ informazzjoni dwar “L-użu tal-midja bħala influwenza fuq il-proċessi soċjali u politiċi fl-UE u l-pajjiżi tal-viċinat tal-Lvant”, Is-Sinjura Vareikytė, 2014.

(6)  ĠU C 227, 28.06.2018, p. 86.

(7)  ĠU C 227, 28.06.2018, p. 86.

(8)  ĠU C 227, 28.06.2018, p. 86.

(9)  COM(2017) 294.

(10)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 25.

(11)  ĠU C 227, 28.06.2018, p. 86.

(12)  ĠU C 227, 28.06.2018, p. 86


Top