Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3104

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku” (COM(2018) 334 final — 2018/0173 (CNS)) dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni)” (COM(2018) 346 final — 2018/0176 (CNS)) dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni)” (COM(2018) 341 final — 2018/0187 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistru elettroniku” (COM(2018) 349 final — 2018/0181 (CNS))

    EESC 2018/03104

    ĠU C 62, 15.2.2019, p. 108–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 62/108


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku”

    (COM(2018) 334 final — 2018/0173 (CNS))

    dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa

    (riformulazzjoni)”

    (COM(2018) 346 final — 2018/0176 (CNS))

    dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa

    (riformulazzjoni)”

    (COM(2018) 341 final — 2018/0187 (COD))

    u dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistru elettroniku”

    (COM(2018) 349 final — 2018/0181 (CNS))

    (2019/C 62/17)

    Relatur:

    Jack O’CONNOR

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 5.7.2018

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13.6.2018

    Kummissjoni Ewropea, 25.5.2018

    Bażi legali

    Artikoli 113 u 114 tat-TFUE

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    3.10.2018

    Adottata fil-plenarja

    17.10.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    538

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    193/0/9

    1.   Sommarju u konklużjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-miżuri inklużi f’dan il-pakkett propost mill-Kummissjoni. Jemmen li dawn, fil-biċċa l-kbira tagħhom, se jiksbu l-għanijiet stabbiliti – jiġifieri, jipprovdu aktar ċertezza u ċarezza rigward it-trattament ta’ ċerti prodotti alkoħoliċi, jiffaċilitaw il-kummerċ transfruntier taħt sistemi simplifikati u modernizzati, u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u legali fuq l-intrapriżi żgħar.

    1.2.

    Il-KESE huwa konxju mill-kontribut differenti li d-dħul mit-taxxa tas-sisa jagħti fl-Istati Membri, b’mod partikolari t-tassazzjoni tas-sisa fuq il-prodotti alkoħoliċi. Barra minn hekk, hemm relazzjonijiet kulturali varji ma’ prodotti partikolari, għanijiet soċjali (eż. is-saħħa), u objettivi tal-intrapriżi (eż. il-promozzjoni ta’ intrapriżi żgħar, l-innovazzjoni). Għalhekk, priniċpju ta’ gwida għandu jipprevedi l-aktar diskrezzjoni possibbli biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw it-tassazzjoni tas-sisa fuq prodotti alkoħoliċi għall-ħtiġijiet u l-objettivi nazzjonali fl-oqsma tal-istruttura tat-tassazzjoni, u l-kuntesti kulturali u soċjali. Il-KESE jinsab sodisfatt li dan il-prinċipju ġie rrispettat mit-tibdil propost.

    1.3.

    Sal-punt li d-definizzjonijiet jingħataw aktar ċarezza u konsistenza (eż. legalment u ekonomikament indipendenti, is-sidru, eċċ.); li l-aċċess għal kummerċ transfruntier għal produtturi żgħar isir aktar sempliċi b’mod amministrattiv u jiġi modernizzat permezz ta’ sistemi aġġornati tal-IT; li jiġu ċċarati l-proċess u l-kundizzjonijiet għal alkoħol żnaturat – il-KESE jappoġġja l-miżuri inklużi fil-pakkett ta’ reviżjonijiet. Dawn se jnaqqsu l-inċertezza amministrattiva u legali kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi, li jirriżulta fi tnaqqis fl-ispejjeż u t-tneħħija ta’ ostakoli. Barra minn hekk, għandu jiġi kkummissjonati rapport fis-suq tal-ispirtu illeċitu.

    1.4.

    Hemm żewġ oqsma ta’ tħassib. L-ewwel hija l-proposta biex jiżdied il-limitu l-iktar baxx tad-dazju għal birer minn 2,8 fil-mija tal-volum għal 3,5 fil-mija tal-volum. Minkejja li din qed titressaq bħala miżura tas-saħħa hemm tħassib li din tista’, b’mod pervers, iżżid il-konsum alkoħoliku. Madankollu, minħabba li din se titħalla fakultattiva għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, il-KESE jappoġġja din il-proposta iżda jitlob għal reviżjoni fi żmien ħames snin biex jiġi vvalutat l-impatt fi kwalunkwe Stat Membru li jagħmel użu minn din il-proposta.

    1.4.1.

    It-tieni, il-Kummissjoni tipproponi li tirrazzjonalizza l-metodu tal-kejl tal-grad Plato ta’ “prodott lest” fuq il-birra, fuq il-bażi li dan għandu jsir fi tmiem il-proċess tal-produzzjoni tal-birra. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) riċentament interpretat id-Direttiva attwali b’tali mod li l-grad Plato għandu jitkejjel qabel jiġu miżjuda zokkor/sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, għall-finijiet tal-ġbir tas-sisa. Madankollu, il-KESE jinnota li dan il-metodu jintuża biss fi tliet Stati Membri. Dan ikun jeħtieġ ħdax-il Stat Membru li jbiddlu l-metodu tagħhom, (il-bqija tal-Istati Membri ma jużawx il-metodu Plato). Għalhekk, fuq il-bażi tal-introduzzjoni tal-inqas xkiel possibbli, il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni. Dan ikun jeħtieġ biss tliet Stati Membri li jibdlu l-metodu tagħhom.

    2.   Sommarju tal-proposti tal-Kummissjoni

    2.1.

    Il-proposti tal-Kummissjoni huma maqsuma f’żewġ partijiet. Dawn huma l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku; u d-Direttiva proposta tal-Kunsill li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa. Hemm żewġ proposti oħra li huma ta’ natura amministrattiva li jappoġġaw il-proposti li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi direttivi ġenerali għad-dazju tas-sisa. Dawn huma l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa fir-rigward tal-kontenut ta’ reġistru elettroniku; u l-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni).

    2.2.

    Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/83/KEE: il-proposti tal-Kummissjoni jindirizzaw kwistjonijiet f’erba’ oqsma: (i) it-trattament tal-alkoħol żnaturat, (ii) rati mnaqqsa għal produtturi żgħar u l-klassifika ta’ ċertu xorb alkoħoliku, (iii) xorb b’qawwa alkoħolika baxxa, u (iv) il-kejl tal-grad Plato ta’ birra magħmula ħelwa/aromatizzanti.

    2.2.1.

    It-trattament ta’ alkoħol żnaturat: attwalment, hemm rikonoxximent reċiproku inkonsistenti ta’ alkoħol kompletament żnaturat (CDA) bejn l-Istati Membri filwaqt li hemm interpretazzjonijiet differenti tal-użu indirett ta’ alkoħol parzjalment żnaturat (PDA). Il-Kummissjoni tipproponi li (a) tiċċara r-rikonoxximent reċiproku ta’ CDA u timmodernizza l-proċeduri għal notifika mill-Istati Membri ta’ formulazzjonijiet ġodda għalihom; (b) tiżgura t-trattament indaqs ta’ PDA għal użu indirett; u (c) tirrikjedi movimenti ta’ alkoħol żnaturat parzjalment li jaqbżu 90 fil-mija ta’ Qawwa Alkoħolika Effettiva skont il-Volum (ABV) u oġġetti mhux kompleti li fihom l-alkoħol li jridu jitlestew permezz tas-Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli Intrakomunitarji ta’ Prodotti Soġġetti għas-Sisa (ECMS).

    2.2.2.

    Rati mnaqqsa għal produtturi żgħar u l-klassifika ta’ ċertu xorb alkoħoliku: l-Istati Membri jistgħu jagħtu rati mnaqqsa lil produtturi żgħar tal-birra u l-alkoħol etiliku. Il-produtturi żgħar iridu jkunu “legalment u ekonomikament indipendenti”; madankollu, dan mhuwiex iddefinit b’mod adegwat. Dan jirriżulta f’inċertezza u spejjeż amministrattivi/ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw rati mnaqqsa għal produtturi żgħar ta’ xorb alkoħoliku ieħor. Dan iqiegħed fi żvantaġġ lil produtturi tas-sidru żgħar. Il-Kummissjoni tipproponi li (a) jiġi ddefinit “legalment u ekonomikament indipendenti” u jiġi introdott ċertifikat uniformi għal produtturi tal-birra żgħar, inklużi produtturi tas-sidru, fl-UE kollha (1); u li (b) jiġu introdotti rati mnaqqsa fakultattivi għal produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti (2).

    2.2.3.

    Xorb b’Qawwa Alkoħolika Baxxa: L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa fuq xorb b’qawwa alkoħolika baxxa. Dan huwa rilevanti għal xi prodotti alkoħoliċi biss (eż. il-birra). Il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied il-livell limitu minn volum ta’ 2,8 fil-mja għal volum ta’ 3,5 fil-mija (3). Ġie argumentat li l-livell limitu għal birra b’qawwa alkoħolika baxxa huwa baxx wisq, u dan jagħmel ħsara lill-innovazzjoni tal-prodott u jipprovdi ftit li xejn inċentiv biex jiġi żviluppat dan is-sottosettur. Bħala konsegwenza, il-konsumaturi mhumiex qed jaqilbu għal birer b’qawwa alkoħolika baxxa, li jdgħajjef lill-politika tas-saħħa.

    2.2.4.

    Il-kejl tal-grad Plato ta’ birra magħmula ħelwa/aromatizzanti: Id-dazju tas-sisa huwa ntaxxat fuq birra b’referenza għall-grad Plato ta’ “prodott finali” f’14-il membru. Ħdax-il Stat ikejlu fi tmiem il-proċess tal-produzzjoni tal-birra filwaqt li t-tlieta l-oħra jagħmlu dan qabel jiġu miżjuda ġulepp taz-zokkor jew sustanzi aromatiċi. (L-Istati Membri li jifdal ma jużawx il-metodoloġija Plato, iżda jużaw il-kejl tal-ABV – qawwa alkoħolika effettiva skont il-Volum). It-terminu “prodott finali” mhuwiex definit fid-Direttiva u dan jirriżulta fi tliet interpretazzjonijiet differenti. Dan jirriżulta f’kejl mhux uniformi u, għalhekk, iwassal għal differenzi fid-dazju tas-sisa applikat għal prodotti li jista’ jkollhom l-istess kontenut alkoħoliku. Huwa aċċertat ukoll li l-proċeduri ta’ monitoraġġ huma ta’ piż meta jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti varji għall-kejl tal-grad Plato fit-tliet interpretazzjonijiet differenti (eż. il-monitoraġġ meħtieġ fil-birrerija aktar milli mill-flixkun). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (4) interpretat id-Direttiva attwali b’tali mod li l-grad Plato għandu jitkejjel qabel il-proċess aħħari, u għalhekk jiġu esklużi s-sustanzi miżjuda. Il-Kummissjoni tipproponi li tiċċara d-dispożizzjoni relatata mal-kejl tal-grad Plato tal-birra – b’mod partikolari, meta għandu jseħħ il-kejl tal-grad Plato (5). Din tipprevedi kejl fi tmiem il-proċess (jiġifieri b’kont meħud ta’ kwalunkwe sustanzi miżjuda). Dan se jiċċara b’mod effettiv id-definizzjoni ta’ “prodott finali”.

    2.3.

    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni) Dan it-tieni pakkett ta’ miżuri huwa ta’ natura teknika, li jinkludi miżuri biex jirrazzjonalizzaw it-trasport ta’ oġġetti tas-sisa. Il-proċeduri tad-dazju tas-sisa u doganali mhux dejjem huma allinjati jew sinkronizzati, li joħloq kwistjonijiet meta jiġu importati jew esportati oġġetti soġġetti għas-sisa. F’xi sitwazzjonijiet, il-proċeduri tad-dazju tas-sisa huma kkumplikati jew ivarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, minħabba r-riskju fiskali għoli għaż-żamma u ċ-ċaqliq tal-oġġetti soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju, dawn l-arranġamenti jintużaw l-aktar minn kumpaniji kbar. L-SMEs jużaw proċeduri, li huma aktar adattati għal konsenji żgħar u numri żgħar ta’ movimenti iżda jirriżultaw f’piż regolatorju ogħla għal kull moviment. Dan jikkawża spiża amminstrattiva u ta’ konformità żejda, u sforz għal negozji kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali. Dan għaliex xi passi fil-proċeduri jridu jitwettqu b’mod manwali u jkunu soġġetti għal rekwiżiti li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, dawn il-passi huma sors ta’ frodi tat-taxxa. Il-Kummissjoni qed tipproponi numru ta’ miżuri biex jiġu ssimplifikati dawn il-proċessi li jkopru l-interazzjoni mal-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għas-sisa, dazju minn negozju għal negozju u sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

    2.3.1.

    Interazzjoni mal-Importazzjoni: M’hemmx rekwiżiti dokumentarji standard biex tintalab eżenzjoni mid-dazju tas-sisa mar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. Eżenzjoni minn ħlas mar-rilaxx tista’ tintalab jekk l-oġġetti jridu jiġu mċaqalqa mill-post tal-importazzjoni taħt l-EMCS, iżda m’hemm l-ebda rekwiżit ta’ evidenza standard, għall-kuntrarju tal-arranġamenti għall-eżenzjoni mill-VAT mal-importazzjoni għal provvisti intra-UE. Il-Kummissjoni qed tipproponi rekwiżit li konsenjatur u l-konsenjatarju jiġu ddikjarati (l-Istati Membri għandhom l-għażla li jirrikjedu l-identifikazzjoni tal-moviment tas-sisa assoċjat mal-oġġetti).

    2.3.2.

    Interazzjoni mal-Esportazzjoni: M’hemmx sinkronizzazzjoni armonizzata bejn l-EMCS u l-ECS. Il-movimenti jridu jingħalqu b’mod manwali meta l-esportazzjonijiet invalidati ma jiġux irrapportati lill-EMCS. Dan jista’ jwassal għal piżijiet amministrattivi fuq negozji (eż. dewmien fir-rilaxx ta’ garanziji), frodi potenzjali u distorsjonijiet tas-suq. Il-Kummissjoni qed tipproponi rekwiżit biex jiġi identifikat il-konsenjatur tas-sisa u l-ARC (Kodiċi Amministrattiv ta’ Referenza) tal-moviment EMCS. Ikun hemm ukoll obbligu li tiġi rrapportata sitwazzjoni eċċezzjonali min-naħa tal-esportazzjoni lill-EMCS (eż. nuqqas ta’ ħruġ mill-UE, invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni) sabiex tittejjeb is-sinkronizzazzjoni.

    2.3.3.

    Allinjament tat-Tranżitu: Minbarra l-kombinazzjoni tal-EMCS u l-ECS, jintużaw proċeduri oħra biex tiġi ssorveljata l-esportazzjoni tal-oġġetti soġġetti għas-sisa: il-proċedura esterna u interna tat-tranżitu u l-Kuntratti Uniċi tat-Trasport (STC). L-użu ta’ dawn il-proċeduri jissimplifika l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni għal operaturi ekonomiċi minħabba li jippermetti li dawn jagħlqu l-proċedura tal-esportazzjoni fil-bidu tat-tranżitu u għalhekk jikkompletaw il-moviment fl-EMCS. L-użu ta’ dawn il-proċeduri ta’ esportazzjoni simplifikati, madankollu, irriżulta fgħadd ta’ kwistjonijiet: evidenza dgħajfa ta’ eżenzjoni tad-dazju tas-sisa, l-ebda prova ta’ ħruġ fiżiku, garanziji rilaxxati qabel il-ħruġ attwali tal-oġġetti u superviżjoni dgħajfa. Dan jista’ jwassal għal opportunitajiet ta’ frodi u inċertezzi legali li joħolqu kumplessitajiet u konfużjoni fil-livell tal-kumpaniji. Attwalment, mhuwiex legalment possibbli li l-moviment tas-sisa jingħalaq billi jinfetaħ it-tranżitu. Il-Kummissjoni tipproponi li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jużaw mod issimplifikat kif jesportaw oġġetti soġġetti għas-sisa billi jużaw il-proċedura esterna tat-tranżitu qabel l-esportazzjoni qabel ma jużaw l-EMCS sal-fruntiera esterna. Dan jipprovdi ġestjoni adegwata tal-garanzija u jipprevjeni lill-oġġetti milli jisparixxu fid-destinazzjoni, minħabba li l-oġġetti, li saru oġġetti mhux tal-Unjoni mal-bidu tat-tranżitu estern, ikunu taħt superviżjoni doganali sakemm l-oġġetti joħorġu mit-territorju doganali.

    2.3.4.

    Dazju Mħallas minn Negozju għal Negozju (B2B): il-proċedura attwali għaċ-ċaqliq ta’ oġġetti li għalihom tħallas id-dazju minn negozju għal negozju hija bbażata fuq il-karta. Din tintuża minn SMEs billi ma tirrikjedix maħżen tat-taxxa għad-dispaċċ jew l-irċevuti. Iżda l-proċedura hija skaduta, mhux ċara u ta’ piż. Il-Kummissjoni qed tipproponi li dawn il-movimenti jiġu awtomizzati permezz tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EMCS, iffaċilitati mill-ħolqien ta’ żewġ kategoriji ġodda: konsenjatur ċertifikat u konsenjatarju ċertifikat. Dan se jnaqqas u jissimplifika l-ispejjeż għal SMEs u jintroduċi aktar effiċjenzi.

    2.3.5.

    Sitwazzjonijiet Eċċezzjonali: Sitwazzjonijiet eċċezzjonali jirreferu għal firxa ta’ kontinġenzi: il-kwantità ta’ oġġetti li jaslu f’destinazzjoni hija aktar baxxa mill-kwantità ddikjarata fid-dispaċċ (inklużi nuqqasijiet nazzjonali bħall-evaporazzjoni tal-petrol) jew ogħla; il-konsenjatarju jirrifjuta r-responsabbiltà għall-oġġetti; il-kanċellazzjoni uffiċjali tal-moviment; eċċ. Dawn is-sitwazzjonijiet mhumiex deskritti mil-lat leġislattiv li jwassal biex l-Istati Membri jużaw proċeduri differenti biex jivvalutaw in-nuqqasijiet, jipproċessaw ir-rifjut u livelli limiti għal telf permissibbli. Dan jista’ joħloq kumplessità u konfużjoni. Id-Direttivi diġà jiżguraw li l-kwantitajiet jitkejlu b’mod komuni. Il-Kummissjoni taċċetta li trid tagħmel lill-awtoritajiet nazzjonali aktar konxji tagħhom. Madankollu, tipproponi intervent ġdid sabiex jiġu standardizzati l-limiti tat-telf permissibbli.

    2.4.

    Hemm żewġ proposti oħra li huma ta’ natura amministrattiva li jappoġġaw il-proposti li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa.

    2.4.1.

    Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa fir-rigward tal-kontenut ta’ reġistru elettroniku tikkonċerna l-awtomatizzazzjoni tas-superviżjoni tal-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed u li jkunu qed jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali f’dak l-Istat Membru.

    2.4.2.

    Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni) takkumpanja r-Regolament tal-Kunsill t’hawn fuq u tagħti effett lill-awtomazzjoni tas-sorveljanza tal-movimenti tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

    3.   Kummenti

    3.1.   Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/83/KEE

    3.1.1.

    Trattament ta’ alkoħol żnaturat (2.2.1 hawn fuq). Il-KESE jemmen li l-proposti tal-Kummissjoni huma tajbin u għandha tipproċedi. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ fehim aktar komprensiv dwar is-suq tal-ispirtu illeċitu. Għalhekk, għandu jiġu kkummissjonat rapport dwar dan sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati għodod aħjar biex din tiġi indirizzata.

    3.1.2.

    Rati mnaqqsa għal produtturi żgħar u l-klassifikazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku (2.2.2 hawn fuq). Għal darb’ oħra, il-KESE jemmen li l-proposti tal-Kummissjoni ser jindirizzaw il-problemi attwali u jwasslu għal aktar ċarezza filwaqt li jittejjeb ir-reġim sabiex jinżamm inċentiv biex jgħin lill-produtturi ż-żgħar. Il-KESE jemmen li, fil-futur, il-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni lill-introduzzjoni ta’ rata mnaqqsa simili b’livelli limitu riveduti għal distillaturi tal-ispirtu.

    3.1.3.

    Xorb b’qawwa alkoħolika baxxa (2.2.3 hawn fuq). Il-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-kwistjoni huma iktar kontroversjali. Hemm ftit evidenza li saret ħsara lill-innovazzjoni tal-prodott. Hemm evidenza aneddottali ta’ preżenza dejjem tikber ta’ birer b’qawwa alkoħolika baxxa fost il-produtturi, inklużi produtturi żgħar. Kwalunkwe benefiċċju tas-saħħa jirrikjedi li l-konsumaturi ta’ birra b’qawwa alkoħolika standard jingħataw inċentiv biex jaqilbu għall-alkoħol b’qawwa alkoħolika baxxa bil-volum rivedut. Jekk dan ma jseħħx, imbagħad jista’ jirriżulta biex il-konsumaturi ta’ birra b’qawwa alkoħolika baxxa jżidu l-kontenut alkoħoliku tagħhom. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li dawn il-proposti mhumiex vinkolanti fuq l-Istati Membri: kull Stat Membru jżomm id-diskrezzjoni li jżomm livell limitu aktar baxx u jnaqqas rati tas-sisa. Għalhekk, il-KESE jaċċetta dawn il-proposti. Madankollu, għandu jsir rieżami fi żmien ħames snin f’dawk l-Istati Membri li jibbenefikaw minn dawn id-dispożizzjonijiet biex jitkejjel sa liema punt kien hemm bidla fil-konsum lejn prodotti b’qawwa alkoħolika baxxa u lil hinn minn dawk ta’ qawwa standard.

    3.1.4.

    Kejl tal-livell tal-grad ta’ Plato tal-birra magħmula ħelwa/aromatizzanti (2.2.4 hawn fuq): il-KESE jirrikonoxxi li l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-kwistjoni jistgħu jkunu kontroversjali, speċjalment fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tad-Direttiva attwali. Id-dikjarazzjoni li l-proċess ta’ kejl tal-kontenut ta’ alkoħol qabel jiġu miżjuda zokkor/sustanzi li jagħtu l-ħlewwa huwa amministrattivament ta’ xkiel hija kkontestata minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi. Madankollu tliet Stati Membri biss attwalment ikejlu qabel jiġu miżjuda zokkor/sustanzi li jagħtu l-ħlewwa filwaqt li l-ħdax li jifdal li jużaw il-metodoloġija ta’ Plato jużaw il-metodu konsistenti mal-proposti tal-Kummissjoni. Minħabba dan, u l-benefiċċji li jirriżultaw minn definizzjoni konsistenti ta’ “prodott finali”, huwa anqas ta’ tfixkil li tliet Stati Membri jemendaw il-metodoloġija tagħhom aktar milli ħdax-il Stat Membru jkunu mistennija jibdluha. Għandu jiġu nnotat ukoll li meta dawn il-prodotti jiġu esportati, id-differenzi fil-metodoloġija Plato mhumiex rilevanti, billi l-kejl ABV huwa meħtieġ. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-proposti tal-Kummissjoni huma l-inqas ta’ tfixkil u jkollhom il-benefiċċju li jipproteġu d-dħul mit-taxxa.

    3.2.   Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni)

    3.2.1.

    Il-KESE jemmen li l-miżuri li jinsabu f’din il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tkopri l-interazzjoni tal-importazzjoni u l-esportazzjoni, l-allinjament tat-tranżitu, dazji mħallsa minn negozju għal negozju u sitwazzjonijiet eċċezzjonali se jkollhom l-effett maħsub; jiġifieri, li jissemplifikaw it-trasport ta’ oġġetti tas-sisa, jallinjaw is-sisa u l-proċeduri doganali, inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u ta’ konformità għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali u jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti.

    3.3.   Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 u l-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni)

    3.3.1.

    Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti peress li amministrattivament jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-proposti li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi d-direttivi ġenerali għad-dazju tas-sisa.

    Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  L-Artikolu 4 u l-Artikolu 13a.

    (2)  L-Artikolu 13.

    (3)  L-Artikolu 5

    (4)  C-30/17 – Kompania Piwowarska, 17 ta’ Mejju 2018.

    (5)  L-Artikolu 3.


    Top