This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE2470
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the European Council, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on Building a stronger Europe: the role of youth, education and culture policies’ (COM(2018) 268 final) on ‘Proposal for a Council Recommendation on promoting automatic mutual recognition of higher education and upper secondary education diplomas and the outcomes of learning periods abroad’ (COM(2018) 270 final — 2018/0126 (NLE)) on ‘Proposal for a Council Recommendation on High Quality Early Childhood Education and Care Systems’ (COM(2018) 271 final — 2018/0127 (NLE)) and on ‘Proposal for a Council Recommendation on a comprehensive approach to the teaching and learning of languages’ (COM(2018) 272 final — 2018/0128 (NLE))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura” (COM(2018) 268 final); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż” (COM(2018) 270 final — 2018/0126 (NLE)); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja” (COM(2018) 271 final — 2018/0127 (NLE)); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi” (COM(2018) 272 final — 2018/0128 (NLE))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura” (COM(2018) 268 final); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż” (COM(2018) 270 final — 2018/0126 (NLE)); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja” (COM(2018) 271 final — 2018/0127 (NLE)); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi” (COM(2018) 272 final — 2018/0128 (NLE))
EESC 2018/02470
ĠU C 62, 15.2.2019, p. 136–141
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 62/136 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura”
(COM(2018) 268 final)
dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż”
(COM(2018) 270 final — 2018/0126 (NLE))
dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja”
(COM(2018) 271 final — 2018/0127 (NLE))
dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi”
(COM(2018) 272 final — 2018/0128 (NLE))
(2019/C 62/23)
Relatur: |
Tatjana BABRAUSKIENĖ |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
26.9.2018 |
Adottata fil-plenarja |
18.10.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
538 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
117/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Il-KESE:
1.1. |
jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva bħala l-pass li jmiss lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) biex jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi. Dan huwa essenzjali għal aktar kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri filwaqt li tiġi żgurata l-kompetenza nazzjonali tagħhom fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja; |
1.2. |
jemmen li l-inizjattiva l-ġdida għandha tkun parti minn viżjoni fit-tul għall-politiki tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja u fl-aspetti kollha tagħhom fil-qafas tal-Istrateġija UE2020 u l-Qafas Strateġiku ET2020 u t-tħejjija għall-istrateġiji li jmiss tal-UE. Dan jinkludi l-viżjonijiet u l-istrateġiji għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali kif ukoll għat-tagħlim għall-adulti; |
1.3. |
jenfasizza li l-ewwel u qabel kollox l-edukazzjoni għandha tiffoka fuq it-tagħlim olistiku, iċ-ċittadinanza demokratika u l-valuri komuni Ewropej, biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku, is-swieq miftuħa, it-tkabbir sostenibbli u l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali, filwaqt li tirrispetta u tarrikkixxi d-diversità kulturali u trawwem sens ta’ appartenenza; |
1.4. |
jirrimarka li r-rwol tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja huwa li jħejji u li jappoġġja liż-żgħażagħ u lill-adulti sabiex ikunu ċittadini demokratiċi responsabbli u jkunu impjegabbli f’impjieg ġust, impjiegi ta’ kwalità u produttivi u mgħammra b’ħiliet adegwati; |
1.5. |
jemmen li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA) għandha tkun inklużiva lejn kulħadd u għalhekk iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jieħdu passi biex tintlaħaq inklużività reali fit-tagħlim formali u dak mhux formali, u jiġi promoss u stmat it-tagħlim informali; |
1.6. |
jiġbed l-attenzjoni tal-gvernijiet għal-lakuni li għad fadal fl-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità għal tfal minn ambjenti soċjoekonomikament żvantaġġati, b’mod partikolari l-gruppi ta’ minoranza, il-migranti, it-tfal b’diżabilità u t-tfal li jgħixu f’żoni rurali f’reġjuni differenti tal-Ewropa. Huwa fundamentali li l-EEA tappoġġja b’mod attiv l-integrazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol b’fokus speċifiku fuq il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-esperjenzi ta’ xogħol tagħhom; |
1.7. |
huwa tal-fehma li l-kisba tal-objettivi ta’ din l-inizjattiva tirrikjedi investiment sostenibbli fl-edukazzjoni nazzjonali ta’ aktar minn 5 % tal-PDG kull pajjiż u l-appoġġ ta’ strumenti ta’ finanzjament disponibbli tal-UE, inkluż il-programm Erasmus+, u l-proċess tas-Semestru Ewropew; |
1.8. |
jemmen li bħala parti mill-Qafas Ewropew għall-Kompetenzi Ewlenin, it-tagħlim tal-lingwi u l-validazzjoni tal-ħiliet lingwistiċi miksuba b’mod mhux formali u b’mod informali għandu jiġi appoġġat minn finanzi pubbliċi sostenibbli. It-tagħlim tal-lingwi għandu jkun immirat lejn iż-żgħażagħ u l-adulti kollha, u jappoġġja lil dawk fil-bżonn, filwaqt li jiġi promoss bħala parti mit-tagħlim familjari u jittejjeb bħala parti mit-tagħlim formali u dak mhux formali; |
1.9. |
jappoġġja s-sejħa tal-proposta għal aktar investiment fl-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema tal-lingwi biex jingħeleb in-nuqqas ta’ għalliema tal-lingwi kkwalifikati; |
1.10. |
jilqa’ bi pjaċir l-għan tal-proposta li tkompli tħeġġeġ lill-gvernijiet biex itejbu l-aċċess u l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Tabilħaqq hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li l-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta’ kwalità u finanzjarjament aċċessibbli hija d-dritt tat-tfal u l-familji kollha, u li jitqies ir-rwol importanti tat-tagħlim fil-familja li jgħin lill-ġenituri jiksbu fiduċja fir-rwol tagħhom u jikkontribwixxi għat-tagħlim tal-adulti; |
1.11. |
jappoġġja l-proposta li l-persunal tal-ECEC jkollhom ambjent tax-xogħol favorevoli u li tiġi msaħħa l-professjonalizzazzjoni tagħhom; iħeġġeġ li jiġu żgurati l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim kif ukoll il-bilanċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-professjoni; |
1.12. |
jirrikonoxxi l-importanza tar-rikonoxximent transfruntier tal-perjodi ta’ tagħlim f’kull forma ta’ edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni għolja kif ukoll ta’ kwalifiki sekondarji għolja akkwistati fl-edukazzjoni u fit-taħriġ ġenerali u vokazzjonali li jagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja fil-pajjiż ta’ oriġini. Il-mobbiltà fit-tagħlim hija kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, u għandha tissaħħaħ b’fiduċja fil-programmi u fil-kwalifiki u tkun ibbażata fuq sistemi żviluppati tajjeb ta’ assigurazzjoni tal-kwalità; |
1.13. |
jirrimarka li l-għodod, l-istrumenti u l-prinċipji Ewropej għall-edukazzjoni għolja u dik vokazzjonali għandhom jikkomplementaw u jappoġġjaw lil xulxin (QEK – Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, ECVET – Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, EQAVET – Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità, EQAR – Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja, eċċ.) filwaqt li hemm bżonn li l-prinċipju tal-eżiti tat-tagħlim jiġi implimentat bis-sħiħ fl-Ewropa biex jintlaħaq ir-rikonoxximent awtomatiku tal-mobbiltà fit-tagħlim fl-Ewropa; |
1.14. |
jenfasizza li l-inizjattiva għandha tiffoka wkoll fuq ir-rikonoxximent ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali barra mill-pajjiż u tirrikonoxxi r-rwol tal-partijiet interessati, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili biex jirrikonoxxu l-eżiti tat-tagħlim u r-rwol tal-persunal ta’ gwida biex jappoġġjaw il-proċess; iħeġġeġ lill-Grupp Konsultattiv tal-QEK u lis-Cedefop biex itejbu l-Inventarju Ewropew dwar il-Validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (VNFIL) u l-linji gwida Ewropej għall-VNFIL bħala standards ta’ kwalità għall-gvernijiet, għall-imsieħba soċjali u għall-partijiet interessati biex itejbu l-proċessi ta’ validazzjoni; |
1.15. |
jenfasizza l-ħtieġa li ssir diskussjoni – fil-livelli kollha – dwar il-kisba ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għolja fl-ECEC, it-titjib tat-tagħlim tal-lingwi u r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tat-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja fost il-gvernijiet, fost min iħaddem u t-trade unions fi djalogu soċjali effiċjenti, flimkien ma’ partijiet interessati oħra. |
2. Kuntest politiku
2.1. |
Ir-responsabbiltà primarja għall-politiki dwar l-edukazzjoni u l-kultura hija tal-Istati Membri. Madankollu, matul is-snin l-Unjoni Ewropea kellha rwol komplementari importanti kif stabbilit fl-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa fl-interess komuni ta’ kull Stat Membru li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala fatturi ewlenin għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir ekonomiku u għall-ġustizzja soċjali kif ukoll biex tiġi esperjenzata l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha. |
2.2. |
Waqt is-Summit Soċjali ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, ġie pproklamat l-EPSR li jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għat-tagħlim tul il-ħajja, iggwidat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017) 673. Dan wassal għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 li sejħu lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex imexxu ’l quddiem l-aġenda diskussa f’Gothenburg. |
2.3. |
L-hekk imsejjaħ l-ewwel pakkett dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ppropona r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill COM(2018) 23 (adottata fit-22 ta’ Mejju 2018), li tibbaża fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-2015. Ġie mħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016) 379 tal-14 ta’ Ġunju 2016. |
2.4. |
Fit-22 ta’ Mejju, il-KE ppubblikat it-tieni pakkett dwar l-edukazzjoni li jinkludi proposti addizzjonali għall-ħolqien ta’ EEA sal-2025. |
2.5. |
Din l-Opinjoni tal-KESE tkopri t-tieni pakkett dwar l-edukazzjoni, li jiffoka fuq sfidi addizzjonali li għandhom jiġu indirizzati għall-kisba ta’ EEA inklużiva u ta’ kwalità għolja, bħat-tagħlim tal-lingwi, ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-istudji fil-livell sekondarju, u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal ta’ kwalità. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Il-KESE jemmen li t-twaqqif tal-EEA għal aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri filwaqt li tiġi żgurata l-kompetenza nazzjonali tagħhom fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja, huwa strateġija ewlenija biex l-iżvilupp soċjali, ekonomiku, demografiku, ambjentali u teknoloġiku jiġi indirizzat u promoss u b’hekk tinkiseb l-integrazzjoni kompetittiva tal-Ewropa bħala qawwa ekonomika fid-dinja filwaqt li tiġi żgurata dimensjoni soċjali qawwija. |
3.2. |
L-inizjattiva hija pass suċċessiv eċċellenti lejn l-implimentazzjoni tal-EPSR biex jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni u għal gwida ġenerali u vokazzjonali ta’ kwalità u inklużivi tul il-ħajja tan-nies (1), iggwidata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017) 673 li tħabbar l-EEA. |
3.3. |
Il-KESE jenfasizza li l-objettiv kondiviż tagħna huwa li l-edukazzjoni tiffoka fuq l-edukazzjoni olistika, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, b’attenzjoni speċjali għaċ-ċittadinanza demokratika u għall-valuri Ewropej u l-identità Ewropea komuni, biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku, it-tkabbir sostenibbli u l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali, filwaqt li tirrispetta u tarrikkixxi d-diversità kulturali u sens ta’ appartenenza għall-UE. |
3.4. |
Filwaqt li tissottolinja r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja fit-tħejjija taż-żgħażagħ u tal-adulti biex ikunu ċittadini demokratiċi u li jiġu impjegati b’mod ġust f’impjiegi ta’ kwalità, l-EEA għandha tkun ukoll inklużiva lejn kulħadd, b’attenzjoni speċjali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, u jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jieħdu passi biex tintlaħaq inklużività reali fit-tagħlim formali, informali u dak mhux formali, filwaqt li tkun rispettata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. |
3.5. |
F’dan is-sens, filwaqt li jfakkar fl-Opinjoni tiegħu (2), il-KESE jqis li l-EEA għandha tissuġġerixxi wkoll lill-gvernijiet modi kif jipprovdu appoġġ attiv għall-integrazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, b’enfasi speċifika fuq il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-esperjenzi ta’ xogħol tagħhom. |
3.6. |
Is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ jirrikjedu ż-żmien għar-riformi u l-aġġustamenti. Il-KESE jixtieq jara l-inizjattiva l-ġdida bħala parti minn viżjoni fit-tul tal-politiki tal-UE dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-tagħlim tul il-ħajja, bl-isem “Qasam Ewropew għat-Tagħlim tul il-Ħajja 2025” fil-qafas tal-Istrateġija UE2020 u l-Qafas Strateġiku ET2020, u bħala tħejjija għall-istrateġiji li jmiss tal-UE. |
3.7. |
Sabiex jinkisbu ECEC ta’ kwalità għolja u inklużiva, it-titjib tat-tagħlim tal-lingwi, u r-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati tat-tluq mill-iskola sekondarja, dawn l-inizjattivi jeħtieġ li jiġu diskussi fil-livelli kollha fost il-gvernijiet, min iħaddem u t-trejdjunjins fi djalogu soċjali effiċjenti, flimkien ma’ partijiet interessati oħra, l-aktar importanti huma għalliema u edukaturi oħra, ġenituri, gwida lill-għalliema u l-istudenti, iżda wkoll ma’ korpi komunitarji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
3.8. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-inizjattiva “Universitajiet Ewropej” bħala proċess minn isfel għal fuq biex l-universitajiet jiġu mħeġġin jistabbilixxu netwerks għall-ħolqien ta’ lawrji konġunti, għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-istudenti u biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim tal-lingwi. Filwaqt li jfakkar fl-Opinjoni tiegħu (3), iħeġġeġ l-inklużività u d-diversità fit-twaqqif ta’ netwerks ta’ tagħlim, ta’ persunal ta’ riċerka u ta’ studenti, u li tinfetaħ il-possibbiltà tat-twaqqif ta’ netwerks għall-universitajiet kollha fil-Proċess ta’ Bolonja. |
3.9. |
Filwaqt li jqis l-idea tal-Kard Ewropea tal-Istudenti, il-KESE jħeġġeġ biex din l-inizjattiva tibni fuq is-sistema ta’ suċċess tal-kard tal-istudenti u taġġorna l-kards tal-istudenti diġà eżistenti. Jirreferi għall-Opinjoni tiegħu (4) meta jtenni li l-valur miżjud ta’ kwalunkwe kard ġdida għandu jiġi identifikat b’mod ċar u għandu jkun komplementari għal dawk eżistenti. |
3.10. |
Il-kisba tal-objettivi tal-EEA tirrikjedi investiment sostenibbli fl-edukazzjoni nazzjonali ta’ aktar minn 5 % tal-PDG kull pajjiż u l-appoġġ ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE taħt il-QFP li jmiss, b’mod partikolari l-programm Erasmus+ u l-FEIS. Il-KESE jixtieq li fost il-prijoritajiet tagħhom il-programm Erasmus+ futur u l-Istrateġija għaż-Żagħżagħ futura jinkludu edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja olistiċi u inklużivi. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ir-rwol tas-Semestru Ewropew biex jappoġġja r-riformi strutturali biex tittejjeb il-politika tal-edukazzjoni f’konformità ma’ din l-inizjattiva. |
3.11. Titjib tat-tagħlim u tal-apprendiment tal-lingwi
3.11.1. |
Il-KESE jemmen li din l-inizjattiva hija essenzjali minħabba li l-livelli ta’ kompetenza lingwistika fost l-istudenti fi tmiem tal-edukazzjoni obbligatorja huma ġeneralment baxxi, u jeżistu differenzi kbar ħafna bejn l-Istati Membri (5). B’żieda fil-mobbiltà intra-Ewropea, kif ukoll numri bla preċedent ta’ tfal fl-età tal-iskola li ġejjin minn pajjiżi terzi li jitkellmu lingwi differenti, hemm bżonn li nerġgħu nqisu l-isfidi u l-opportunitajiet quddiemna sabiex nagħmlu l-multilingwiżmu assi vera tal-UE. Il-lingwi għandhom jingħataw valur indaqs, u għalhekk it-tagħlim tal-lingwi tal-UE u dawk mhux tal-UE għandu jingħata appoġġ. |
3.11.2. |
L-iskejjel għandhom bżonn l-appoġġ biex jinħoloq ambjent ta’ tagħlim multilingwu filwaqt li jinstab bilanċ ġust bejn it-tagħlim ta’ lingwi barranin u livell għoli ta’ żvilupp fil-litteriżmu u fil-komunikazzjoni fil-lingwa(i) materna(i). It-tagħlim integrat tal-kontenut u tal-lingwa jista’ jippromovi l-mobbiltà u l-integrazzjoni. L-użu aktar effiċjenti ta’ għodod diġitali u dawk online għat-tagħlim tal-lingwi huwa essenzjali. Dan jirrikjedi li tiġi żgurata l-kwalità u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom kif ukoll aċċess, appoġġ u affordabbiltà għal kulħadd, filwaqt li jitqies il-fatt li l-persuni jistgħu jkollhom bżonn l-għajnuna biex ikunu jifilħu jħallsu, jagħżlu u jużaw għodod adatti għall-vantaġġ tagħhom. |
3.11.3. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-enfasi fuq it-tagħlim tal-lingwi mill-perspettiva tat-tisħiħ tal-fehim reċiproku, il-mobbiltà u, għalhekk, iċ-ċittadinanza Ewropea. 64 miljun adult b’ħiliet baxxi jeħtieġ li jtejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom, inklużi l-ħiliet lingwistiċi tagħhom (6), sabiex ikunu ċittadini Ewropej attivi, biex iżommu l-impjiegi u biex itejbu l-prospetti ta’ impjieg tagħhom. Għall-individwi, it-tagħlim tal-lingwi joħloq opportunitajiet personali u professjonali, għas-soċjetà jrawwem għarfien kulturali, fehim reċiproku u koeżjoni soċjali, u għall-kumpaniji, ħaddiema mgħammra b’kompetenzi lingwistiċi u interkulturali jgħinuhom jirnexxu u jikbru fi swieq globali. |
3.11.4. |
It-tagħlim tal-lingwi għandu jkun immirat lejn kulħadd u jappoġġja lil dawk fil-bżonn, filwaqt li jiġi mtejjeb bħala parti mit-tagħlim formali, informali u mhux formali, u jiġi implimentat bħala parti mill-Qafas Ewropew għall-Kompetenzi Ewlenin u appoġġjat minn finanzi pubbliċi sostenibbli. |
3.11.5. |
Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-2018 (7) jipproponu li “il-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema għandha tiġi promossa bil-għan li jittejbu l-ħiliet ta’ impjegabbiltà u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi jista’ jitqies bħala ostaklu ewlieni għall-mobbiltà. Il-KESE jenfasizza li l-proposta għandha tkun immirata lejn studenti ferm lil hinn minn dawk fl-edukazzjoni obbligatorja, u jisħaq dwar it-tagħlim tal-lingwi għal kulħadd, minn età żgħira sa wara l-irtirar, b’attenzjoni speċjali għall-IVET (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali) u s-CVET (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi), l-edukazzjoni għolja u t-tagħlim għall-adulti. |
3.11.6. |
Il-politika dwar it-tagħlim tal-lingwi għandha tkun immirata lejn l-apprendiment bil-prattika, permezz ta’ skambji ta’ studenti, attivitajiet volontarji u attivitajiet oħrajn bħall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, appoġġjati mill-Programmi Erasmus+ attwali u futuri. |
3.11.7. |
In-nuqqas ta’ għalliema tal-lingwi kkwalifikati huwa tabilħaqq problema serja, u l-KESE jilqa’ bi pjaċir is-sejħa tal-proposta għal aktar investiment fl-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema tal-lingwi, biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti ta’ kwalifiki professjonali tal-pajjiżi tal-UE. |
3.12. Sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja
3.12.1. |
Il-punt ta’ riferiment tal-Istrateġija ET2020 għall-parteċipazzjoni ta’ 95 % tat-tfal bejn l-età ta’ 4 u l-iskola obbligatorja fil-ECEC kważi ntlaħaq. Madankollu, 17-il miljun tifel u tifla minn aktar minn 32 miljun taħt l-età ta’ skola obbligatorja fl-UE għad m’għandhomx aċċess għall-provvediment tas-servizzi tat-tfulija bikrija. Barra minn hekk, għad hemm lakuni fl-aċċess ugwali għal tfal minn ambjenti soċjoekonomikament żvantaġġati, b’mod partikolari l-gruppi ta’ minoranza, il-migranti, it-tfal b’diżabilità u t-tfal li jgħixu f’żoni rurali f’reġjuni differenti tal-Ewropa. |
3.12.2. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-għan tal-proposta sabiex il-gvernijiet ikomplu jiġu mħeġġa jtejbu l-aċċess u l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Tabilħaqq hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jiġi żgurat id-dritt tat-tfal u l-familji kollha għal ECEC ta’ kwalità għolja u finanzjarjament aċċessibbli. Servizzi ta’ kwalità għolja għandhom rwol deċiżiv biex itejbu l-eżiti edukattivi, inkluż l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali. Il-parteċipazzjoni fl-ECEC ta’ kwalità għolja twassal għall-kisba ta’ ħiliet bażiċi ogħla u hija għodda preventiva b’saħħitha kontra t-tluq bikri mill-iskola. |
3.12.3. |
Il-KE tisħaq dwar konsistenza qawwija ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Il-KESE japprezza b’mod partikolari r-rabta mal-Proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (8) u jagħraf il-ħtieġa għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura formali ta’ kwalità tajba madwar l-Ewropa. Il-KESE appoġġja din l-interazzjoni reċiproka f’ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jitnaqqsu d-diskrepanzi mhux ġustifikati fil-pagi, kif ukoll biex jitqies ir-rwol importanti tat-tagħlim fil-familja li jgħin lill-ġenituri jkunu kunfidenti fir-rwol tagħhom u jgħin biex jikkontribwixxi għat-tagħlim għall-adulti. |
3.12.4. |
Il-persunal tal-ECEC għandu jingħata appoġġ biex itejjeb il-professjonalizzazzjoni tiegħu u biex jiżviluppa ambjent tax-xogħol favorevoli. L-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persunal tat-tagħlim tal-ECEC għandhom ikunu ta’ kwalità għolja filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-edukaturi u tat-tfal, eż. kif tiġi żgurata l-inklużività, it-tagħlim ta’ valuri demokratiċi. |
3.12.5. |
Skont l-OECD (2015) (9) il-professjoni tat-tagħlim qed tiffaċċja żbilanċ kbir bejn is-sessi peress li 7 minn kull 10 għalliema huma nisa. Fil-pajjiżi tal-OECD (2015) 97 % tal-għalliema fil-livell preprimarju u 83 % tal-għalliema fil-livell primarju huma nisa, filwaqt li huma biss 43 % tal-għalliema li huma nisa fl-edukazzjoni terzjarja. L-iżbilanċ bejn is-sessi fost il-persunal u li jiġu attirati aktar għalliema rġiel sabiex jiġu żgurati mudelli ta’ rwol maskili għat-tfal fis-settur tal-ECEC huma kwistjonijiet li għadhom jeħtieġu azzjoni urġenti, fejn hemm żbilanċ bejn is-sessi konness mal-istatus eżistenti, is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema f’dan is-settur. |
3.13. Rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi u ta’ perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż
3.13.1. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-inizjattiva għandha l-għan li jiġi żgurat li kull student, apprendist jew student li jkun temm esperjenza ta’ tagħlim barra mill-pajjiż, kemm jekk għal kwalifika kif ukoll għall-mobbiltà fit-tagħlim, jista’ jkollu dik l-esperjenza awtomatikament rikonoxxuta għall-finijiet ta’ tagħlim ulterjuri. Il-mobbiltà fit-tagħlim trawwem kompetenzi u esperjenzi li huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol u għandha tiġi msaħħa permezz tal-promozzjoni ta’ fiduċja fil-programmi ta’ studju u fil-kwalifiki. |
3.13.2. |
Sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni ta’ snin/perjodi sħaħ tal-iskola, il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent transfruntier ta’ perjodi ta’ tagħlim fl-edukazzjoni sekondarja u fl-edukazzjoni għolja kif ukoll ta’ kwalifiki fl-edukazzjoni sekondarja għolja li tagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja fil-pajjiż ta’ oriġini. |
3.13.3. |
Il-KESE jenfasizza li l-inizjattiva għandha tiffoka wkoll fuq ir-rikonoxximent ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali barra mill-pajjiż u tirrikonoxxi r-rwol tal-partijiet interessati, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fir-rikonoxximent tal-eżiti tal-istudju u tat-tagħlim (10). F’dan ir-rigward, ifakkar fir-rwol importanti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-VNFIL u t-titjib ulterjuri tas-sistemi ta’ validazzjoni nazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Grupp Konsultattiv tal-QEK u lis-Cedefop biex itejbu l-Inventarju Ewropew dwar il-VNFIL (11) u biex itejbu l-linji gwida Ewropej għall-VNFIL (12) bħala standards ta’ kwalità għall-gvernijiet, għall-imsieħba soċjali u għall-partijiet interessati biex itejbu l-proċessi ta’ validazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu rikonoxxuti l-kundizzjonijiet meħtieġa, is-sinerġiji u l-benefiċċji tat-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-VNFIL u s-servizzi ta’ gwida u ta’ konsulenza (13). |
3.13.4. |
Il-permeabbiltà u l-fiduċja bejn l-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja għadhom ta’ sfida madwar l-Ewropa, iżda anke fil-pajjiżi. L-edukazzjoni akkademika u vokazzjonali għandha tingħata l-istess valur. L-għodod u l-istrumenti Ewropej u l-prinċipji għall-edukazzjoni għolja u dik vokazzjonali għandhom jappoġġjaw lil xulxin (QEK, ECVET, EQAVET, EQAR, eċċ.) filwaqt li l-prinċipju tal-eżiti tat-tagħlim jeħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ biex jintlaħaq rikonoxximent awtomatiku tal-mobbiltà għat-tagħlim fl-Ewropa. |
Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) ĠU C 173, 31.5.2017, p. 1.
(2) ĠU L 264, 20.7.2016, p. 19.
(3) ĠU L 71, 24.2.2016, p. 11.
(4) ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55.
(5) Eurydice: Tagħrif Ewlieni Dwar it-Tagħlim tal-Lingwi fl-Iskejjel fl-Ewropa – Edizzjoni tal-2017.
(6) Cedefop (2017). Investing in skills pays off: the economic and social cost of low-skilled adults in the EU (L-investiment fil-ħiliet jagħti r-riżultati: il-kost ekonomiku u soċjali ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet fl-UE). Lussemburgu: L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet. Dokument ta’ riċerka ta’ Cedefop; Nru 60.
(7) https://ec.europa.eu/info/publications/2018-european-semester-employment-guidelines_en
(8) COM(2017) 253 final – 2017/085 (COD).
(9) OECD: Education at a Glance, 2017.
(10) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49.
(11) http://www.cedefop.europa.eu/en/events-and-projects/projects/validation-non-formal-and-informal-learning/european-inventory
(12) http://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/3073
(13) Cedefop (li jmiss), Validation of non-formal and informal learning and career guidance (Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u gwida vokazzjonali) (Mhux disponibbli bil-Malti).