This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE1695
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the European Council, the Council, the European Central Bank, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Action Plan: Financing Sustainable Growth’ (COM(2018) 97 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (COM(2018) 97 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (COM(2018) 97 final)
EESC 2018/01695
ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73–82
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 62/73 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”
(COM(2018) 97 final)
(2019/C 62/12)
Relatur: |
Carlos TRIAS PINTÓ |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 10.4.2018 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adottata fis-sezzjoni |
7.9.2018 |
Adottata fil-plenarja |
17.10.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
538 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
164/6/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li tiffaċċja l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u tittejjeb ir-reżiljenza taż-żona tal-euro, sistema soda għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli fit-tul hija l-aktar xprun importanti sabiex tiġi rkuprata l-fiduċja fis-suq u sabiex it-tfaddil jiġi marbut mal-investimenti sostenibbli, billi jipprovdu sorsi komplementari ta’ finanzjament lill-SMEs u jsaħħu l-proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika u soċjali. |
1.2 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li jaqbel li “L-Ewropa tista’ ssir [madwar id-dinja] id-destinazzjoni magħżula għal investimenti sostenibbli” (1). Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-UE. B’mod aktar ġenerali, dan jikkonċerna l-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu, inklużiv u sostenibbli, impjieg għal kulħadd u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd (Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8). |
1.3 |
Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati b’mod armonjuż, permezz ta’ sforz konġunt min-naħa ta’ kulħadd, inklużi l-atturi fis-settur finanzjarju, il-kumpaniji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet. Barra minn hekk, il-kisba ta’ tranżizzjoni lejn mudell ta’ tkabbir sostenibbli huwa kompitu kumpless u huwa bla dubju proċess gradwali filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet settorjali. |
1.4 |
Jenħtieġ li jipprevalu viżjoni olistika, kooperazzjoni u aktar integrazzjoni bejn l-Istati Membri. Huwa ta’ importanza kbira li f’dan il-qasam, l-UE kollha titkellem b’vuċi waħda u ssegwi l-istess approċċ. Dan mhux biss se jgħin jinkisbu l-għanijiet stabbiliti, iżda se jippermetti wkoll progress f’oqsma importanti oħra bħall-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni Bankarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Aġenda Diġitali. |
1.5 |
Il-mudelli ekonomiċi sostenibbli għandu jkollhom sistema finanzjarja diversa li fiha banek ta’ diversi daqsijiet u mudelli ta’ negozju jkunu jistgħu joperaw fuq l-istess livell, ma’ atturi finanzjarji oħra. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-istandards ikunu iżjed kompleti, iżjed konsistenti u implimentati b’mod ġust, b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. |
Fil-fehma tal-KESE, l-orjentament mill-ġdid tal-flussi kapitali lejn ekonomija aktar sostenibbli, għandu assolutament jimxi id f’id mal-inklużjoni finanzjarja u l-koeżjoni soċjali, f’Ewropa fejn ħadd ma’ jaqa’ lura. Fil-fatt, iż-żieda fid-diskrepanzi bejn l-introjtu taċ-ċittadini tista’ tkun ostaklu għat-tkabbir sostenibbli, u l-governanza korporattiva u istituzzjonali għandha, għalhekk, tibbilanċja mill-ġdid is-sitwazzjoni attwali.
1.6 |
Għandu jiġi żgurat livell adatt ta’ koerenza fost l-oqfsa finanzjarji eżistenti diversi fil-livell dinji, filwaqt li jittieħdu bħala referenza komuni l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, u jsir immappjar tat-Tassonomija Sostenibbli fil-konfront tagħhom (2). It-tassonomija mġedda tal-UE proposta fil-Pjan ta’ Azzjoni għandha tiġi promossa fil-livell dinji u tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni b’mod uniformi u simultanju fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi żgurat li din tiġi riveduta u aġġornata fuq bażi regolari. |
1.7 |
Fil-qosor, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-iffinanzjar tat-tkabbir sostenibbli, li għandu jwassal sabiex il-katina tal-valur kollha kemm hi tkun iktar sostenibbli, iżda jagħmel diversi osservazzjonijiet dwar l-azzjonijiet tal-pjan u l-implimentazzjoni tiegħu:
|
1.8 |
L-istudji (9) juru li l-investituri jixtiequ li l-investimenti tagħhom iqisu l-aspetti klimatiċi, ambjentali u soċjali. Sabiex jiġi ffaċilitat aċċess aktar faċli u sikur għall-investituri, għandhom jinħolqu “prodotti finanzjarji sostenibbli prinċipali pan-Ewropej”, bl-ewwel prodotti jkunu l-“Prodotti tal-Pensjoni Personali pan-Ewropej” (PEPP). Il-promozzjoni internazzjonali ta’ dawn il-prodotti siguri u sostenibbli ser tkun mod kif jiġi attirat l-investiment barrani lejn l-Ewropa. |
1.9 |
Il-komunikazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet hija importanti ħafna jekk iċ-ċittadini jridu jkunu konxji ta’ dak li l-UE qiegħda tagħmel għalihom. Tinħtieġ responsabbiltà kondiviża bejn l-atturi pubbliċi u privati kollha u l-edukazzjoni finanzjarja (10) għandha tkun obbligatorja, sabiex ikun żgurat li n-nies jifhmu dan l-approċċ ġdid u b’hekk jinkoraġġixxu l-investiment bl-imnut soċjalment responsabbli u sostenibbli u l-produzzjoni ta’ beni u servizzi. |
1.10 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali biex tallinja l-preferenzi tal-investituri mad-destinazzjoni tal-investiment. Fid-dawl tal-esperjenzi ta’ valur miżjud fit-Tagħlim Awtomatiku marbut mal-ESG (li jikkombina indikaturi SRI, punti ta’ riferiment tas-sostenibbiltà, eċċ.), għandha tiġi eżaminata t-tassonomija l-ġdida f’dawn l-inizjattivi emerġenti. Għandhom jiġu analizzati wkoll is-soluzzjonijiet tat-tagħlim awtomatiku sabiex il-banek u l-investituri jkunu jistgħu jżidu s-self għal setturi speċifiċi jew attivitajiet li jinkludu l-prinċipji tal-ESG. |
1.11 |
Il-KESE pubblikament jappella lill-koleġislaturi biex jiddiskutu u jadottaw malajr it-tliet proposti leġislattivi li jirriżultaw mill-Pjan ta’ Azzjoni li ġie adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Mejju 2018. |
2. Introduzzjoni: nimxu lejn ix-xenarju l-ġdid
2.1 |
Iż-żieda aċċellerata fil-finanzjalizzazzjoni jew fil-profondità finanzjarja tal-ekonomiji bdiet fl-1971 meta l-Istati Uniti abbandunaw l-istandard dollaru-deheb u l-flus saru aktar fiduċjarji u intanġibbli, dipendenti fuq il-fiduċja. Sat-tmeninijiet, il-massa monetarja (M2) kienet tirrappreżenta madwar 50 % tal-PDG globali, simili għad-derivattivi finanzjarji. |
2.2 |
Wara li naqas waqt il-kriżi, dan l-ammont irritorna għal-livelli preċedenti fl-2015, billi l-assi finanzjarji ġew immultiplikati b’4 għall-M2 u d-derivattivi b’aktar minn 10. |
2.3 |
Dan l-iżbilanċ bejn l-ekonomija reali u dik finanzjarja qiegħed dejjem jikber minħabba ż-żieda ta’ FinTech u InsurTech, li qed jitolbu biex isiru aktar sforzi li jwasslu għal regolazzjoni u superviżjoni tajba sabiex tiġi żgurata stabbiltà finanzjarja. |
2.4 |
Is-17 il-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-2030 tan-NU u l-Ftehim ta’ Pariġi biex tiġi adattata u tinbena reżiljenza għat-tibdil fil-klima għandhom jiżguraw stabbiltà, irkupru u bilanċ aħjar bejn is-soċjetajiet inklużivi u l-ekonomiji avvanzati. |
2.5 |
F’konformità mal-ispirtu tat-Trattati tal-UE u l-politiki sussegwenti mwettqa, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, aktar effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-UE, iżda wkoll sabiex jiġu integrati d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza bbilanċjati. |
2.6 |
Tabilħaqq, ir-rispons Ewropew għall-Aġenda 2030 jeħtieġ li jikkonforma mat-Trattati u jikseb viżjoni fit-tul ta’ sostenibbiltà li fiha t-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ambjentali jimxu id f’id u jappoġġjaw lil xulxin. |
2.7 |
Is-sistema finanzjarja tista’ taqdi rwol importanti fl-indirizzar tal-isfidi tas-sostenibbiltà, speċjalment biex jiġu attirati l-fondi neċessarji sabiex jingħalaq id-distakk annwali ta’ investiment ta’ kważi EUR 180 biljun meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-miri tal-UE għall-klima u l-enerġija sal-2030 (11). F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappoġġja l-osservazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-finanzi sostenibbli li t-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE trid isseħħ fl-ekonomija reali, u b’hekk titħeġġeġ kooperazzjoni stabbli bejn l-atturi pubbliċi u privati. |
2.8 |
It-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli ser tkun akkumpanjata mit-tekonoloġiji u l-innovazzjoni diġitali u għandha tipproteġi u tippromovi l-valuri globali (12), kif jistqarr is-Segretarju Ġenrali tan-NU. Ir-riskji legali u operazzjonali ta’ “blockchain”, il-muniti kriptografiċi u l-kuntratti intelliġenti qed jiżdiedu minħabba n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni u opaċità. Sabiex jiġu protetti aħjar il-konsumaturi u l-investituri, sabiex tiġi mħarsa l-integrità tas-swieq u tiġi evitata prattika dannuża (l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu), jeħtieġ li jiġu inċentivati s-sigurtà u t-trasparenza tan-netwerks ta’ innovazzjoni finanzjarja (13). |
2.9 |
Il-proġetti relatati mal-għanijiet tal-COP21 (14) jeħtieġu kapital suffiċjenti, stabbli u impenjat, kemm finanzjarju kif ukoll intanġibbli (uman, teknoloġiku u forom oħra ta’ kapital relazzjonali, inkluż il-kapital istituzzjonali). |
2.10 |
Huwa kruċjali li jiġu adatti l-politiki pubbliċi, jitħeġġu l-atturi privati u jissaħħu r-riżorsi baġitarji tal-UE u li l-ekonomija tiġi allokata bi trasparenza u perspettiva fit-tul. |
2.11 |
Viżjoni sostenibbli teżiġi konnessjoni aktar mill-qrib, aktar komprensiva u olistika b’politiki speċifiċi bħall-Unjoni tal-Enerġija, l-Aġenda Diġitali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sabiex jiġi stimolat l-investiment soċjali u ekoloġiku, kemm pubbliku kif ukoll privat. |
2.12 |
Dan il-ħsieb jinsab ukoll fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) tal-UE, u l-KESE huwa tal-fehma li l-kapital privat, il-finanzjament tal-FEIS (Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi) u fondi oħra tal-UE għandhom jiġu kkombinati b’mod effiċjenti sabiex l-investimenti jiġu trażmessi lejn il-kumpaniji li jippreżentaw esternalitajiet soċjali u ambjentali pożittivi. |
2.13 |
Issa huwa l-waqt li naġixxu. L-Ewropa ilha għal dawn l-aħħar tmienja u għoxrin sena fuq quddiem nett f’dak li għandu x’jaqsam mas-sostenibbiltà, madankollu mhijiex waħedha. |
3. Finanzjament għal dinja aktar sostenibbli
3.1 |
Kull ma jmur qed niffaċċjaw il-konsegwenzi katastrofiċi u imprevidibbli tat-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis fir-riżorsi. Dawn l-avvenimenti spiss jaggravaw l-esklużjoni soċjali jew l-inugwaljanza. |
3.2 |
L-Artikolu 3 tat-Trattat UE jiddikjara li l-UE għandha tippromovi tkabbir sostenibbli li jirrispetta l-ambjent. L-urġenza klimatika issa saret prijorità assoluta, inkluż għall-KESE, u tikkostitwixi qafas globali ta’ azzjoni mhux biss għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll għall-atturi ekonomiċi, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini. Għaldaqstant, għandha tiġi organizzata tranżizzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali wiesgħa u, fuq kollox, iffinanzjata. |
3.3 |
Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati b’mod armonjuż, permezz ta’ sforz konġunt minn kulħadd. Is-settur finanzjarju irid ikollu rwol importanti biex iwassal il-fondi, it-tfaddil u l-investimenti taċ-ċittadini, ta’ dawk li jfaddlu u tal-investituri fl-ekonomija. Fl-aħħarnett hija fl-ekonomija fejn isseħħ it-transizzjoni prorpja u, għalhekk, ir-rwol tal-kumpaniji huwa essenzjali u indispensabbli. L-awtoritajiet se jkollhom jindirizzaw ir-responsabbiltajiet tagħhom f’dan ir-rigward. |
3.4 |
L-Ewropa se tkunu tista’ tadotta pożizzjoni b’saħħitha biss jekk ikun hemm kunsens massimu dwar il-pjan. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien u jlaqqgħu l-isforzi tagħhom. L-approċċi individwali u l-interess personali għandhom jitwarrbu favur proġett konġunt għall-futur, li fl-istess ħin għandu jissalvagwardja l-futur tal-ġenerazzjonijiet li jmiss. Tabilħaqq, ir-rispons Ewropew għall-Aġenda 2030 jirrikjedi viżjoni fit-tul għas-sostenibbiltà u għanijet ċari, fejn it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ambjentali jimxu id f’id u jappoġġjaw lil xulxin. |
3.5 |
Approċċ għall-perjodu ta’ żmien twil għal tkabbir sostenibbli jeħtieġ jimxi id f’id ma’ politiki pubbliċi li jivvalutaw b’mod adatt l-esternalitajiet negattivi u l-alternattivi ta’ investiment sostenibbli u mhux sostenibbli. Dan għandu jkun akkumpanjat ukoll mill-prevedibbiltà tajba li toffri politika industrijali integrata aħjar fi ħdan il-ktajjen tal-valur globali, madwar l-Istati Membri kollha. Dan għandu jsir permezz ta’ analiżi dettaljata segwita minn proċess politiku adatt li jeħtieġ ikun appoġġjat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. |
3.6 |
Il-KESE jenfasizza li t-tkabbirsostenibbli għandu jirreferi għal dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza f’approċċ ibbilanċjat, globali u komprensiv allinjat mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha u mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, li jistabbilixxi kundizzjonijiet trasversali minimi li ma jistgħux jiġu ssostitwiti. Dan il-livell limitu invjolabbli minimu huwa inkorporat fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ persuni vulnerabbli (bħan-nisa u t-tfajliet; it-tfal; ir-refuġjati u l-ħaddiema migranti; il-persuni b’diżabbiltà, eċċ.) (15) u huwa msaħħaħ permezz ta’ konformità ma’ governanza fiskali tajba. |
3.7 |
Fid-dawl tal-evidenza vasta li ċ-ċittadini Ewropej jixtiequ li t-tfaddil u l-investimenti tagħhom ikunu relatati ma’ għanijiet soċjali u ambjentali, huma għandhom ikunu awtonomizzati u jkunu konnessi mal-kwistjonijiet marbutin mal-finanzi sostenibbli. |
3.8 |
Għal dan il-għan, is-sistema finanzjarja għandha fl-aħħar mill-aħħar għandha tfittex li tkun trasparenti, fattwali u komprensibbli għaċ-ċittadini tal-UE. It-titjib fl-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sostenibbiltà u l-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju (fehim aħjar ta’ kif jaħdem il-finanzjament) huma elementi essenzjali f’dan ir-rigward. |
4. Riorjentazzjoni tal-flussi kapitali lejn ekonomija sostenibbli
4.1 |
Sa mill-ħolqien tiegħu, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) immobilizza investiment pubbliku u privat fi proġetti tal-UE strateġikament importanti u ġie ġestit f’konformità mal-lista ta’ proġetti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI): investimenti f’enerġija ambjentali u effiċjenza fir-riżorsi, ilma, setturi diġitali, trasport, eċċ. |
4.2 |
Madankollu, lil hinn mill-FEIS, tinħtieġ kopertura akbar f’setturi oħra, speċjalment dawk iffukati fuq l-infrastruttura soċjali u l-istituzzjonijiet li jsaħħu l-pożizzjoni tal-kapital intanġibbli taż-żgħażagħ, tan-nisa u ta’ setturi soċjali esklużi jew vulnerabbli oħra. |
4.3 |
L-għoti ta’ self li jirriżulta mit-tfaddil lokali jidher li huwa kritiku biex jippermetti tkabbir ekonomiku sostenibbli, u dan ifisser l-iffinanzjar ta’ proġetti sostenibbli tal-SMEs permezz ta’ banek lokali. |
4.4 |
Fil-fehma tal-KESE, il-finanzjament tal-FEIS għandu jiżdied billi jinkorpora kapital mill-aġenziji finanzjarji u l-banek pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, li għandhom jaġixxu bħala netwerk sabiex flimkien ifasslu perspettiva fit-tul aktar strateġika u inklużiva, li ssegwi definizzjoni komuni ta’ dak li “sostenibbli” tfisser fil-verità, kif ukoll jiddeskrivu pjan direzzjonali tranżizzjonali biex il-kumpaniji jiġu dekarbonizzati. |
4.5 |
Fl-istess ħin, il-KESE jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeżamina l-fattibbiltà ta’ rata ta’ interess ekoloġika u soċjali sabiex jitħeġġeġ l-investiment u s-self sostenibbli, u jaqbel mal-Parlament Ewropew sabiex jitqiesu b’mod espliċitu l-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza fil-linji gwida tiegħu dwar il-programmi ta’ xiri. |
4.6 Sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata għal attivitajiet sostenibbli
4.6.1 |
Il-metodi tradizzjonali għall-kalkoli u t-twettiq tal-valutazzjoni tal-impatt għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid. Definizzjonijiet mill-ġdid aktar affidabbli tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi għandhom jiġu stabbiliti, filwaqt li jiġu rrikonċiljati l-valuri ekonomiċi u ambjentali ta’ prijorità ma’ dawk tas-soċjetà u s-sopravivenza tar-razza umana. |
4.6.2 |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa urġenti li jiġi attivat l-ewwel stadju tal-bini ta’ “Tassonomija tas-Sostenibbiltà” robusta iżda dinamika, li tiżgura konsistenza tas-suq u gwida ċara dwar dak li huwa ekoloġiku, soċjali u relatat ma’ governanza tajba, abbażi ta’ approċċ olistiku. |
4.6.3 |
Is-sinsla ta’ dan il-proċess huwa Grupp Espert tekniku dwar il-finanzi sostenibbli li għandu f’kull ħin ikun jista’ jipprovdi għarfien espert bi kwalifiki għoljin dwar is-setturi industrijali strateġiċi sabiex tinbena tassonomija ekoloġika u soċjali soda u affidabbli. |
4.6.4 |
Il-mandat tal-grupp għandu jibda b’għanijiet ċari mil-lat tal-kontenut u taż-żmien, u l-ewwel pass għandu jkun ir-riunifikazzjoni tat-tassonomija l-ġdida ma’ klassifikazzjonijiet internazzjonali eżistenti oħra (attivitajiet ekonomiċi, okkupazzjonijiet, studji, eċċ.), sabiex dawn jikkonformaw aktar mill-qrib mal-kriterji u r-referenzi tan-NU. |
4.6.5 |
It-tassonomija Ewropea għandha tinkludi tliet livelli:
|
4.6.6 |
Hemm bżonn urġenti li jiġu kklassifikati t-tipi differenti ta’ benefiċċji ta’ investimenti li jistgħu jiġu attribwiti għall-introduzzjoni tal-fattur ta’ sostenibbiltà (tassonomija). Barra minn hekk, il-kriterji pożittivi għandhom jiġu kkomplementati minn impatti negattivi għall-ambjent (16), sabiex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati l-assi mhux sostenibbli. |
4.6.7 |
It-tassonomija l-ġdida għandha tkun marbuta mal-istrateġija u l-pjan ta’ investiment tal-UE għal tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Jeħtieġ li tinkludi l-attivitajiet finanzjarji favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS) (17) u fis-setturi tar-Regolament dwar il-Qsim tal-Isforz (18). |
4.7 Standards u tikketti għal prodotti finanzjarji sostenibbli
4.7.1 |
L-iffaċilitar ta’ aċċess aktar faċli u sikur għall-investituri huwa essenzjali biex jitwessgħu s-swieq finanzjarji sostenibbli. L-istandards Ewropej dwar il-finanzi sostenibbli għandhom jitfasslu bir-reqqa, filwaqt li jiġi esplorat l-istandard minimu ta’ Investiment Soċjalment Responsabbli (SRI). |
4.7.2 |
Għal dan il-għan, l-ewel pass għandu jkun l-introduzzjoni ta’ Standard tal-UE tal-Bonds Ekoloġiċi (EU GBS) uffiċjali u li tiġi kkunsidrata tikketta jew ċertifikat tal-Bonds Ekoloġiċi tal-UE, soġġett għal reviżjoni esterna obbligatorja, sabiex jiġu ggarantiti investimenti b’impatt pożittiv. Fil-kuntest tal-“Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: Prodotti Aħjar, Aktar Għażla”, il-KESE jirrakkomanda (19) li l-Kummissjoni tiddefinixxi prodotti li jistgħu jitqabblu faċilment u li jkunu kompletament trasparenti, sempliċi u li għandhom l-istess karatteristiċi. |
4.7.3 |
Dan jiftaħ il-possibbiltà li jiġu offruti “prodotti sostenibbli prinċipali pan-Ewropej” u li jiġu pprovduti għodod ta’ tqabbil (20) adatti, indipendenti, u ċċertifikati b’mod obbligatorju għal prodotti finanzjarji sostenibbli differenti fid-diversi ġurisdizzjonijiet legali tal-UE. |
4.7.4 |
Il-konfigurazzjoni ta’ “Prodotti tal-Pensjoni Personali pan-Ewropej”(PEPP) (21), kif prevista fil-proposta leġislattiva adottata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2017, se teżiġi li l-fornituri tal-pensjoni jiżvelaw pubblikament jekk u kif dawn jinkludu fatturi ESG fis-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju tagħhom, iżda dawn id-dispożizzjonijiet ma jobbligawhomx iqisu l-fatturi ESG fil-politiki ta’ investiment tagħhom. L-inklużjoni ta’ dan l-obbligu jgħin biex jiġi estiż l-użu tagħha bħala waħda mis-soluzzjonijiet ta’ sostenibbiltà. |
4.7.5 |
Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jestendu f’mument f’waqtu dan l-obbligu fil-prodotti kollha marbuta mal-pensjonijiet. Dan jgħin biex jiġi estiż l-użu tiegħu bħala wieħed mis-soluzzjonijiet ta’ sostenibbiltà għall-problemi bl-iskema attwali tad-distribuzzjoni. |
4.8 It-trawwim tal-investiment fi proġetti sostenibbli
4.8.1 |
Skont l-għanijiet strateġiċi mġedda tal-politika industrijali tal-UE, ir-riorjentazzjoni tal-allokazzjoni tal-kapital lejn investimenti fit-tul għandha tiġi allinjata mal-ħidma li ġejja: għajnuna għat-tkabbir tal-SMEs, appoġġ lir-reġjuni inqas żviluppati, l-immodernizzar tal-infrastruttura u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni permezz tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. |
4.8.2 |
Fir-rigward tal-isfida li jiġi kkompletat l-investiment ta’ infrastruttura sostenibbli, hija meħtieġa politika makroprudenzjali usa’ li tqis l-impatti fiżiċi (żieda fl-esponiment għar-riskji tat-tibdil fil-klima), b’konformità ma’ Solvibbiltà II. Pereżempju, kodiċijiet tal-bini li jnaqqsu l-impatt ta’ katastrofi naturali jeżiġi li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jikkalibraw mill-ġdid l-immaniġġjar tar-riskju f’konformità mal-prinċipji l-ġodda ta’ assigurazzjoni sostenibbli. |
4.8.3 |
Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ tal-FEIS 2.0 u l-EFSD. Fir-rigward tal-QFP 2021-2027, jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ InvestEU, li għandha tinvolvi aktar kapital privat u għandha tkun tista’ tilħaq is-suq tal-bonds, assigurazzjoni u pjani tal-pensjoni. |
4.8.4 |
Jeħtieġ jiġi identifikat aktar kapital privat biex l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, jiġu mħeġġin u appoġġjati fl-investimenti tagħhom fl-innovazzjoni u fir-riċerka u l-iżvilupp. |
4.8.5 |
Finalment, il-KESE jirrakkomanda identifikazzjoni aħjar ta’ fejn inizjattivi pubbliċi u privati eżistenti jiksbu infrastruttura sostenibbli u reżiljenti massima sabiex jiġu rreplikati fl-UE kif ukoll f’pajjiżi msieħba, bl-użu ta’ soluzzjonijiet skont l-iskala. |
4.9 Konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà f’pariri finanzjarji
4.9.1 |
Kif ġie ddikjarat fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-obbligi ta’ investituri istituzzjonali u ta’ maniġers tal-assi rigward is-sostenibbiltà” (22), il-KESE huwa favur l-emendar tad-Direttiva MiFID II u tad-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni (IDD), sabiex jiġi żgurat li jsir neċessarju li jiġi eżaminat kif jistgħu jiġu inklużi l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-investuri. Għaldaqstant il-konsulenti jkunu jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet adatti dwar prodotti finanzjarji, jipprovdu informazzjoni ċara dwar ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali assoċjati mad-diversi fatturi ta’ sostenibbiltà. |
4.9.2 |
Il-KESE jappoġġja l-idea li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tinkludi preferenzi tad-dispożizzjoni dwar is-sostenibbiltà fil-linji gwida tal-valutazzjoni tal-adegwatezza. |
4.10 Punti ta’ riferiment tas-sostenibbiltà
4.10.1 |
Metodoloġija komuni li tkejjel il-prestazzjoni mhux finanzjarja ta’ investiment sostenibbli hija l-aħjar għan. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-regolament favur l-armonizzazzjoni tal-punti ta’ riferiment li jinkludu l-emittenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u jqisha bħala l-ewwel pass li għandu jiġi estiż għal punti oħra ta’ riferiment tas-sostenibbiltà. |
4.10.2 |
Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex testendi l-fokus tagħha għall-qasam soċjali permezz tal-Grupp Espert tekniku, li għandu jkun responsabbli biex jikkonsulta lill-partijiet interessati kollha u jippubblika rapport dwar it-tfassil u l-metodoloġija tal-indiċi tal-punt ta’ riferiment dwar il-karbonju. |
5. L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tar-riskji
Is-sostenibbiltà tindirizza s-sett ta’ riskji assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-ġid u ma tistax tevita l-impatt tal-estrazzjoni, tal-ksib u tad-deterjorament tar-riżorsi.
5.1 Sostenibbiltà fir-riċerka tas-suq u fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu
5.1.1 |
Il-KESE insista li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni għandhom ikunu ħielsa mill-kunflitti ta’ interess kollha sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tal-fornituri tar-riċerka/tal-għoti ta’ punteġġ. Barra minn hekk, hija meħtieġa ġustifikazzjoni trasparenti u f’waqtha tal-metodoloġija li jużaw, każ b’każ. |
5.1.2 |
L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu eżistenti ma jqisux biżżejjed l-influwenza tat-tendenzi ESG ta’ tfixkil fuq l-affidabbiltà tal-kreditu futura tal-emittenti. Il-KESE jitlob li jkun hemm standards u superviżjoni tal-UE ċari dwar l-inklużjoni tal-fatturi ESG fil-klassifikazzjonijiet għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kollha li joperaw fl-UE. Huwa jitlob ukoll li jiġi stabbilit proċess ta’ akkreditament għal “Ditta ta’ Finanzjament Ekoloġiku” (Green Finance Brand) mill-aġenti ċċertifikati tal-ESMA. |
5.1.3 |
Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-akkreditazzjoni tal-atturi: banek, maniġers tal-fondi, eċċ. Dan jimponi iżjed obbligi fuq l-atturi finanzjarji differenti u jevita ċerti tendenzi li jiġi inkluż pjan ta’ prodotti sostenibbli bħala elemnt ta’ greenwashing. |
5.1.4 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi eżaminat il-ħolqien ta’ klassifikazzjoni sovrana tal-kreditu ekoloġiku. L-għoti ta’ klassifikazzjoni “ekoloġika” ċara flimkien ma’ klassifikazzjoni għall-oajjiż tinkoraġġixxi wkoll lill-pajjiżi jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. Fl-istess ħin, tista’ tkun ta’ stimolu biex jiġi attirat l-investiment barrani. |
5.2 L-obbligi ta’ sostenibbiltà tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi: dmir fiduċjarju
5.2.1 |
L-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASEs) għandhom jiggarantixxu konformità stretta mal-funzjonijiet tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja. |
5.2.2 |
Dan jirrikjedi approċċ aktar olistiku minn dak previst fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, li jipprijoritizza r-relazzjonijiet fil-qasam edukattiv, fattorjali, tal-ġeneru, ġeografiku, razzjali jew etniku, reliġjuż, kulturali jew oqsma oħra ta’ diversità. |
5.2.3 |
Bħala parti fundamentali mill-obbligi legali tagħhom, l-investituri għandhom jinteraġixxu mal-klijenti b’mod proattiv biex jiksbu fehim tal-interessi mhux finanzjarji tagħhom, filwaqt li jipprovdu wkoll informazzjoni ċara dwar ir-riskji u l-benefiċċji finanzjarji potenzjali assoċjati mal-fatturi ESG. |
5.2.4 |
Ir-regolaturi, l-investituri, il-maniġers tal-assi, l-impjegati fl-industrija tal-finanzi u l-konsulenti għandhom jaġixxu fl-aħjar interessi tal-benefiċjarju (pereżempju pensjonanti futuri) jew tal-klijent (investituri fil-livell tal-konsumatur jew istituzzjonali). L-attivitajiet kollha fil-korpi ta’ governanza u tal-votazzjoni għandhom ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-valur sostenibbli tal-assi ta’ investiment, f’konformità mad-dmirijiet fiduċjarji. Dawn għandhom jirrapportaw dwar kif jużaw id-drittijiet tal-vot tagħhom bħala detenturi tal-assi tal-fondi. |
5.2.5 |
Billi tiċċara l-obbligi tal-investituri b’rabta mal-fatturi tas-sostenibbiltà, l-UE ssaħħaħ l-investiment fit-tul (il-finanzi sostenibbli huma marbuta b’mod assjomatiku ma’ perspettiva fit-tul). |
5.3 Rekwiżiti prudenzjali għall-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni
5.3.1 |
Dan l-aħħar, il-KESE enfasizza r-rwol li jistgħu jaqdu l-banek permezz tal-funzjonijiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni bejn it-tfaddil responsabbli u l-investiment soċjalment responsabbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-rekwiżiti kapitali għall-banek jiksbu trattament aktar favorevoli meta jinvestu fl-ekonomija ekoloġika u fid-diversi operazzjonijiet ta’ “self inklużiv” mhux kumplessi u fit-tul, bħall-ipoteki, partikolarment dawk marbuta mal-effiċjenza enerġetika, l-installazzjoni tal-pannelli solari, eċċ. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu ħlasijiet addizzjonali ta’ kapital għall-investimenti f’assi b’impatti negattivi għall-ambjent sabiex jingħata inċentiv għal tranżizzjoni pożittiva għal attivitajiet sostenibbli. Konsiderazzjoni għandha possibbilment tingħata lil alternattivi li minnhom jibbenefikaw direttament dawk li jissellfu u l-investituri finali eż. inċentivi fiskali. Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għandu jeżerċita superviżjoni speċifika f’dan ir-rigward (23). |
5.3.2 |
Madankollu, fil-kalkolu tal-Assi Mwieżna għar-Riskju (RWAs), mudelli ta’ klassifikazzjoni tal-banek aġġornati għandhom dejjem jirriflettu l-aktar livell ta’ riskju attwali assoċjat ma’ dawk l-assi sostenibbli, li jippreservaw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
5.3.3 |
Fid-dawl ta’ dan, jeħtieġ li jiġu ddefiniti aħjar il-perimetri tal-hekk imsejjaħ “fattur ta’ sostenn ekoloġiku”, biex b’hekk jiġi żgurat li hemm evidenza empirika kompleta u rigoruża abbażi ta’ definizzjoni ċara u preċiża ta’ x’nifhmu b’investiment ekoloġiku. Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Responsabbli (RRI), fil-qafas tal-Orizzont 2020 u tal-Orizzont Ewropa takl-ġejjieni, jistgħu jkunu mezz eċċellenti biex jinkisbu riżultati xjentifiċi. |
5.3.4 |
Fil-qosor, sabiex tinżamm ir-reżiljenza u l-istabbiltà finanzjarja, dan ix-xenarju l-ġdid jirrikjedi taħlita soda tal-immaniġġjar tar-riskji finanzjarji mar-riskji mhux finanzjarji, filwaqt li jitqies l-impatt tal-ESG fuq ir-redditu finanzjarju, u jiġu adatti r-regoli kif imiss, fi proċess dinamiku. Kif iddikjarat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Finanzi Sostenibbli (24), il-Kummissjoni għandha tippromovi l-inklużjoni ta’ riskji ta’ sostenibbiltà fil-qafas ta’ Basel IV. |
6. It-trawwim tat-trasparenza u ta’ perspettiva fit-tul
6.1.1 |
Il-finanzi sostenibbli jitolbu qafas ta’ inċentivi li jidderieġi mill-ġdid il-flussi kapitali lejn l-investimenti meħtieġa, li jiżgura tranżizzjoni ekoloġika u soċjali ġusta għall-Ewropa, fejn it-tmexxija tiegħu fil-valuri tagħti lin-negozji Ewropej vantaġġ kompetittiv. |
6.2 Divulgazzjoni u kontabilità
6.2.1 |
Il-KESE jinnota li d-Direttiva tal-UE dwar id-divulgazzjoni ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja ġiet trasposta bi ftit ambizzjoni u b’metodoloġija li ma kinitx armonizzata, li taffettwa biss korporazzjonijiet kbar u li b’hekk ikkontribwixxiet ftit li xejn għal investiment sostenibbli ġust u komprensiv fl-Ewropa. |
6.2.2 |
Is-sostenibilità toħloq għadda ta’ tħassib u sfidi ġodda fejn jirrigwarda l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja bħat-trasformazzjoni diġitali, kriterji ġodda ta’ kejl, standardizzazzjoni, dmirijiet obbligatorji, mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda, eċċ.. Fil-fatt, it-tassonomiji u l-metodoloġiji għar-rappurtar għandhom ikunu standardizzati kemm jista’ jkun possibbli u regoli għandhom jiġu adattati sabiex jilħqu aktar NFI u NFI aktar disponibbli. Dan jagħti lir-regolaturi u lis-superviżuri tas-suq perspettiva aħjar tat-tendenzi globali u, għalhekk, kapaċità aħjar biex jaġixxu f’dan ir-rigward. Dan l-istadju attwali nirreferu għalih bħala “kontroll tal-idoneità” u se jqis konsiderazzjonijiet b’konformità mat-Task Force tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja dwar Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima, wara l-konsultazzjoni pubblika li nediet il-Kummissjoni. |
6.2.3 |
Fir-rigward tal-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, l-“Iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment” għandha tinkorpora wkoll ir-riskji u l-benefiċċji intanġibbli iżda finanzjarjament materjali, mill-perspettiva tal-kontabilità (25), assoċjati mal-finanzjament ta’ proġett ta’ finanzjament kollettiv. |
6.2.4 |
Il-KESE jappoġġja wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS 9) (26) u jitlob b’mod urġenti li ssir valutazzjoni tal-impatt tal-IFRSs fuq l-investimenti sostenibbli. |
6.2.5 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-obbligu tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) li jivvaluta l-impatt tal-IFRSs ġodda jew riveduti fuq l-investimenti sostenibbli u li jeżamina t-trattamenti ta’ kontabilità alternattivi potenzjali. |
6.2.6 |
Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni tistieden lill-ESMA:
|
6.3 Governanza korporattiva u perspettiva fuq perjodu qasir wisq ta’ żmien tas-suq kapitali
6.3.1 |
Bosta investituri jixtiequ jkunu jafu jekk kumpanija tużax metodi ta’ kontabbiltà preċiżi u trasparenti, u jekk l-azzjonisti komuni jistgħux jivvutaw fuq kwistjonijiet importanti. Huma jridu wkoll li l-kumpaniji jevitaw kunflitti ta’ interess fl-għażla tagħhom tal-membri tal-bord, tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni u tal-awdituri. |
6.3.2 |
Wasal iż-żmien li nqisu serjament mhux biss il-fattur E (ambjentali) u l-fattur S (soċjali) (standards, tikketti, fattur ta’ sostenn ekoloġiku u soċjali għal rekwiżiti prudenzjali, punti ta’ riferiment ta’ sostenibbiltà), iżda wkoll il-fattur G (ta’ governanza korporattiva), filwaqt li neskludu l-benefiċċji kollha u nneħħu l-klassifikazzjonijiet ta’ sostenibbiltà għal dawk il-kumpaniji li jevitaw id-divulgazzjoni trasparenti ta’ aspetti ewlenin, bħal governanza fiskali, drittijiet tal-bniedem, korruzzjoni, ħasil tal-flus u attivitajiet illeċiti oħra. |
7. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni
7.1 |
Il-KESE jitlob li jiġu allinjati l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-mekkaniżmi Ewropej kollha involuti, billi jinbidlu l-mandati tagħhom jekk ikun meħtieġ, sabiex dawn jinġiebu konformi mal-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ żmien tal-Pjan ta’ Azzjoni. |
7.2 |
L-inċertezza dwar ir-riskji futuri u n-nuqqas ta’ divulgazzjoni tar-riskju fit-tul huma r-restrizzjonijiet ewlenin għal analiżi tal-medda ta’ żmien (tabilħaqq, għadd żgħira ta’ stimi tal-analiżi ikopru aktar minn 5 snin). |
7.3 |
L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jaqdu rwol ewlieni fil-monitoraġġ tas-sostenibbiltà. Għandha tiġii eżaminata l-possibbiltà li tinkiseb metodoloġija komuni tal-UE għall-analiżi tax-xenarji rilevanti, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-fatturi tar-riskji ESG minn perspettiva fit-tul, u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) jista’ jinkorporahom gradwalment fl-ittestjar tal-istress tagħhom. |
7.4 |
Fl-aħħar nett, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) għandha tħejji u tippromovi l-konformità mal-istandards internazzjonali ta’ regolazzjoni u superviżjoni (27) fl-ambitu tal-finanzi sostenibbli, sabiex b’hekk jiġi żgurat li l-arkitettura l-ġdida tas-sostenibbiltà tkun konsistenti fid-dinja kollha. |
Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (COM(2018)97 final), kapitolu 6 — It-triq 'il quddiem.
(2) Ara l-abbozz ta’ tassonomija tal-BEI: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/180131-sustainable-finance-final-report-annex-3_en.pdf
(3) Qafas ta’ materjalità tanalizza dawk il-fatturi li huma l-aktar rilevanti għall-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji, li jinkludi fatturi ta’ sostenibbiltà finanzjarjament materjali.
(4) Il-bonds koperti huma obbligi ta’ dejn maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u garantiti minn pool ta’ assi delimitat li d-detenturi tal-bonds għandhom rikors dirett għalih bħala kredituri preferuti. Ara l-Proposti l-ġodda għal Regolament li ġejjin: COM(2018) 93 final – 2018/0042 (COD) u COM(2018) 94 final – 2018/043 (COD)
(5) Il-qafas ta’ Basel huwa ftehim regolatorju internazzjonali li introduċa sensiela ta’ riformi għat-titjib tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni u l-ġestjoni tar-riskji fis-settur bankarju. L-istandards kollha tal-Kumitat ta’ Basel huma rekwiżiti minimi li japplikaw għall-banek attivi internazzjonalment u, għalhekk, inklużi fid-dispożizzjonijiet f’dan il-qafas dwar is-sostenibbiltà ser jgħinu sabiex id-dinja kollha timxi fl-istess direzzjoni. https://www.bis.org/bcbs/basel3.html
(6) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2016.078.01.0011.01.ENG
(7) Għall-pożizzjoni komprensiva tal-KESE, ara l-Opinjoni ECO/460 dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).
(8) Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tal-inqas 25 % tal-infiq tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-għanijiet klimatiċi għall-perjodu 2021-2027 (fil-perjodu 2014-2020, il-persentaġġ kien stabbilit għal 20 %).
(9) https://www.morganstanley.com/pub/content/dam/msdotcom/ideas/sustainable-signals/pdf/Sustainable_Signals_Whitepaper.pdf
(10) Ara r-rapport tal-OECD/IOSCOThe Application of Behavioural Insights to Financial Literacy and Investor Education Programmes and Initiatives
(11) Supra, il-Pjan ta’ Azzjoni, Introduzzjoni Ġenerali, punt 1.1.
(12) L-għan huwa li jiġi definit kif is-sistema tan-nazzjonijiet Uniti ser tappoġġja l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji biex jitħaffef il-pass tat-tilħiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u li jiġi ffaċilitat l-allinjament tagħhom għall-valuri minquxa fil-Karta tan-NU, id-Dikjarazjoni Universali tad-0Drittijiet tal-Bniedem u r-regoli u l-istandards tal-Liġijiet Internazzjonali. http://www.un.org/en/newtechnologies/images/pdf/SGs-Strategy-on-New-Technologies.pdf
(13) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-FinTech (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 61).
(14) COP21: Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima 2015.
(15) Ara b’mod partikolari, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-istandards tax-xogħol tal-ILO.
(16) Ara “Recommendation of the Council on Common Approaches for Officially Supported Export Credits and Environmental and Social Due Diligence” tal-OECD [Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar Approċċi Komuni għal Krediti ta’ Esportazzjoni Appoġġati Uffiċjalment u Diliġenza Dovuta Ambjentali u Soċjali].
(17) Kif elenkati fid-Direttiva 2008/87/KE, Anness I – emendata bid-Direttiva 2009/29.
(18) Regolament dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013.
(19) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi (ĠU C 434, 15.12.2017, p. 51).
(20) Abbażi tal-prinċipji ewlenin tal-għodod ta’ tqabbil (Key principles for comparison tools).
(21) Fi tmiem l-2016, l-assi f’arranġamenti dwar pensjonijiet iffinanzjati u privati qabżu l-USD 38 triljun fiż-żona tal-OECD.
(22) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-obbligi ta’investituri istituzzjonali u ta’ maniġers tal-assi igward is-sostenibbiltà”, punt 3.8 (Ara p. 97 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(23) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-tlestija tal-Unjoni Bankarja (ĠU C 237, 6.7.2018, p. 46).
(24) http://www.europarl.europa.eu/news/mt/press-room/20180529IPR04517/meps-back-resolution-on-sustainable-finance
(25) L-entrati ta’ dikjarazzjoni finanzjarja huma materjali jekk dawn jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-utenti. Il-kunċett tal-materjalità huwa l-prinċipju tal-kontabilità aċċettat universalment li jgħid li d-ditti tar-rappurtar għandhom jiżvelaw kwalunkwe kwistjoni bħal din. https://www.business-case-analysis.com/materiality-concept.html
(26) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2016-0381+0+DOC+XML+V0//MT
(27) Ara “Methodology for Assessing Implementation of the IOSCO Objectives and Principles of Securities Regulation”