Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XR1091

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea tal-2018

    ĠU C 272, 17.8.2017, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 272/1


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea tal-2018

    (2017/C 272/01)

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    Wara li kkunsidra:

    ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tiegħu għall-2015-2020 u tat-8 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017;

    il-Protokoll ta’ Kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea ta’ Frar 2012;

    1.

    jenfasizza l-ħtieġa għal Unjoni Ewropea kapaċi tikseb mill-ġdid il-fiduċja ta-ċittadini fil-proġett Ewropew; Unjoni li iktar tħaddan approċċ minn fuq għal isfel fir-rigward tal-għoti ta’ soluzzjonijiet proporzjonati, effettivi u f’waqthom għall-isfidi ewlenin u komuni li l-bliet, ir-reġjuni u l-istati ma jistgħux jindirizzaw waħedhom;

    2.

    jimpenja ruħu li jikkontribwixxi għall-Proċess ta’ Reflecting Europe dwar il-Futur tal-Ewropa, fost l-oħrajn permezz ta’ opinjoni tal-KtR li tibni fuq il-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa u billi jorganizza djalogi maċ-ċittadini f’komunitajiet lokali, bl-għan li jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess Ewropew ta’ dawn il-komunitajiet;

    3.

    ser jakkumpanja l-proċess tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni Ewropea billi jenfasizza l-kwistjonijiet speċifiċi li jaffettwaw lill-gvernijiet lokali u reġjonali madwar is-27 Stat Membru li fadal u billi jeżamina, minn perspettiva lokali u reġjonali, kwistjonijiet rilevanti għar-relazzjoni futura tal-UE mal-livell ta’ governanza lokali u reġjonali fir-Renju Unit, inkluż flimkien man-nazzjonijiet devoluti;

    Impjiegi, tkabbir, investiment u politika ta' koeżjoni

    4.

    jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal strateġija fit-tul tal-UE li tieħu post l-Istrateġija Ewropa 2020, bil-għan li jiġi żgurat tkabbir intelliġenti, sostenibbli, inklużiv, reżiljenti u kompetittiv u tingħata direzzjoni għas-Semestru Ewropew, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE u l-politiki tal-UE;

    5.

    jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tal-Aġenda 2030, li ġew adottati min-Nazzjonijiet Uniti u ntlaqgħu mill-Kummissjoni, u f’dan ir-rigward jitlob li jiġi rivedut il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għas-sovrappożizzjoni tal-istrateġija tal-Aġenda 2030 fuq dik tal-Ewropa 2020, u li jiġu riveduti l-elementi prinċipali fid-dawl tal-SDGs il-ġodda;

    6.

    ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-bżonn li titqies strateġija Ewropea dwar id-demografija, li tipprovdi tweġiba wiesgħa, ikkoordinata u inklużiva għat-tibdil demografiku u li din l-istrateġija jkollha disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jiġu ffaċjati l-isfidi li hija maħsuba għalihom;

    7.

    jistenna li l-proposta dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal wara l-2020, li l-Kummissjoni waslet biex tippreżenta qabel tmiem l-2017, tiżgura li l-infiq tal-UE fit-tul ikun prevedibbli, li tipproponi riforma tar-riżorsi proprji tal-UE, u tiggarantixxi l-unità tal-baġit tal-UE, biex tippreżenta aktar miżuri ta’ semplifikazzjoni kif ukoll li jiġi stabbilit perjodu ta’ 5 + 5 snin b’reviżjoni ta’ nofs it-term sostanzjali u obbligatorja wara l-ewwel ħames snin;

    8.

    jopponi bil-qawwa kwalunkwe xenarju għall-UE27 sal-2025, kif hemm fil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li jkun inaqqas l-isforzi tal-UE fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni. Għall-kuntrarju, jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġislattiva komprensiva għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u effettiva wara l-2020 u jfakkar, kif mitlub f’okkażjonijiet preċedenti, dwar il-ħtieġa għal kapitolu ġdid fi ħdan is-7 Rapport ta’ Koeżjoni li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-koeżjoni territorjali. Il-proposta leġislattiva għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà, is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli, u tirrifletti l-ħtiġijiet u l-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-riżultati tal-eżerċizzju ta’ semplifikazzjoni, tkun ibbażata fuq grupp wieħed ta’ regoli u tqis il-konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati kollha rilevanti involuti; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi kompleta u dettaljata tal-impatt territorjali tal-abbozz ta’ leġislazzjoni u jesprimi li huwa lest jikkoopera mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni; jappela biex il-proposti dwar il-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 jkunu jinkludu l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ ġestjoni tal-FSIE sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu jaġixxu bħala awtoritajiet ta’ ġestjoni fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea;

    9.

    jistieden lill-Kummissjoni biex kontinwament tirrevedi u timmonitorja l-valur miżjud tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-impatt tiegħu mil-lat tal-koeżjoni u biex tikklassifika r-rapportar dwar Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni u Indikaturi Ewlenin tal-Monitoraġġ skont il-benefiċjarji u skont ir-reġjuni fil-livell ta’ NUTS II, u jistedinha tippubblika dawn l-indikaturi. B’mod urġenti, jenħtieġu aktar ċarezza u gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar kif il-FEIS jiġi kkombinat ma’ skemi oħrajn tal-UE bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u fuq kollox biex titħeġġeġ parteċipazzjoni ikbar tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali fil-ġestjoni ta’ dan il-fond, b’mod partikolari għall-istabbiliment ta’ pjattaformi finanzjarji reġjonali jew plurireġjonali, anke f’sinerġija mal-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni; madankollu, huwa kontra fil-prinċipju li r-riżorsi jiġu trasferiti mill-politika ta’ koeżjoni għal programmi ġestiti b’mod ċentrali;

    10.

    jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta rfinata għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) wara l-2020 li tista’ tħeġġeġ inizjattivi biex jiġi implimentat in-netwerk komprensiv u biex in-netwerk TEN-T ikun kollegat fir-reġjuni tal-fruntiera, jitjiebu l-konnessjonijiet ma’ żoni periferiċi, u ssir enfasi fuq l-hekk imsejħa l-konnessjonijiet transkonfinali neqsin; jappella għall-Awtostradi tal-Baħar biex jiżguraw ukoll konnessjonijiet ma’ żoni remoti, b’mod partikolari bejn il-gżejjer u ċ-ċentri reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġija fost ir-riżorsi finanzjarji tal-FSIE, is-CEF u l-Fondi SIE sabiex ikun żgurat l-aqwa użu mill-finanzjament kollu disponibbli tal-UE;

    11.

    itenni t-talbiet tiegħu biex tiġi inkluża l-elaborazzjoni tal-viżjoni territorjali tal-2050 fil-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummisjoni għall-2018; jenfasizza l-ħtieġa għal viżjoni territorjali ġdida billi l-Iskema għall-Iżvilupp tal-Ispazju Ewropew tal-1999 trid tiġi aġġornata;

    12.

    jenfasizza l-ħtieġa ta’ segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE sabiex jiġu sistematizzati r-riżultati tas-sħubijiet tematiċi, jiġu deskritti l-elementi ta’ governanza aħjar u jkunu trasferibbli għall-proposti leġislattivi li jmiss għall-QFP wara l-2020. Dan l-approċċ għandu jikkontribwxxi għat-tħejjija tal-Politika ta’ Koeżjoni futura wara l-2020 u l-istrateġija wara Ewropa 2020;

    13.

    jistenna, f’dan il-kuntest, segwitu speċifiku għas-Sħubija Tematika Urbana dwar l-akkomodazzjoni. Dan is-segwitu jista’ jieħu l-forma ta’ aġenda Ewropea dwar l-akkomodazzjoni, li tkun tikkoordina kwistjonijiet ta’ akkomodazzjoni li s’issa ġew indirizzati biss permezz ta’ politiki settorjali bħalma huma l-Aġenda Urbana, l-iżvilupp sostenibbli, il-politika ta’ koeżjoni, il-politika tal-kompetizzjoni jew inizjattivi soċjali bħall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b’mod orizzontali;

    14.

    jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta qabel tmiem l-2017 il-proposti tagħha għall-Programm Qafas li jmiss għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li għandu jibni fuq Orizzont 2020 u jżomm viżjoni strateġika dwar kwistjonijiet li jaffettwaw il-ġejjieni tal-Ewropa, mhux soġġetti għal soluzzjonijiet baġitarji fuq medda qasira ta’ żmien, kif ukoll li jinstab bilanċ bejn l-eċċellenza u l-koeżjoni bil-għan li jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni u dan fid-dawl tal-isfidi soċjali eżistenti;

    15.

    jiġbed l-attenzjoni għall-mudell stabbilit permezz tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien biex tiżdied il-komunikazzjoni u l-impatt ta’ riżultati ta’ riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi;

    16.

    itenni l-bżonn li jinħoloq qafas komuni għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni informali u mhux formali sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ proċeduri nazzjonali rilevanti;

    17.

    jistenna bil-ħerqa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali fl-2018 billi tintrabat ma’ strateġiji lokali u reġjonali kulturali kif ukoll relatati mat-turiżmu;

    18.

    jappella lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri konkreti biex jiġu indirizzati ostakoli għall-investiment u jitnaqqas id-distakk tal-investiment; jenfasizza b’mod partikolari li l-livell ta’ investiment pubbliku – li iżjed minn nofsu jsir mill-bliet u r-reġjuni – għadu baxx wisq, parzjalment minħabba restrizzjonijiet introdotti minn mekkaniżmi ta’ kontroll baġitarju fil-livell tal-UE u nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi miżuri li jagħmlu l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir iżjed favorevoli għat-tkabbir u li jiffaċilita iżjed l-investimenti strateġiċi u fit-tul, l-ewwel nett bis-separazzjoni tal-kofinanzjament reġjonali/nazzjonali mill-kalkolu tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bil-għan li jiġi żgurat li r-riżorsi tal-Fondi Strutturali jkunu konformi b’mod konsistenti ma’ dawn ir-regoli, fid-dawl tal-għan komuni tagħhom; itenni wkoll l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt tar-regoli tal-ESA tal-2010 dwar l-abbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinvestu u jipprovdu kjarifika dwar it-trattament tas-sħubijiet pubbliċi-privati taħt ir-regoli tal-Eurostat;

    19.

    b’konformità mad-dikjarazzjoni Cork 2.0, itenni t-talba tiegħu għal White Paper dwar Aġenda Rurali għall-UE sabiex isservi bħala punt ta’ tluq għal politika ta’ żvilupp rurali għal wara l-2020, u jappella għal miżuri prattiċi għall-“verifika rurali” tal-politiki tal-UE; l-għarfien tat-territorji bħala ċentri ta’ żvilupp u innovazzjoni li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għan ta’ koeżjoni territorjali;

    20.

    jappella għal Politika Agrikola Komuni (PAK) imġedda wara l-2020 biex tikkontribwixxi għat-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali u biex jinżammu l-kwalità għolja, is-sigurtà u sikurezza tal-ikel fl-Ewropa; li tkun aktar konsistenti mal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli u tindirizza d-distakk urban-rurali; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tas-semplifikazzjoni tal-PAK, l-introduzzjoni ta’ aktar flessibilità fil-ġestjoni tagħha, it-tnaqqis tal-piżijiet fuq il-produtturi, l-orjentazzjoni lejn politika li tiffoka aktar fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività, li toffri aktar appoġġ immirat lill-bdiewa żgħażagħ; jappella li jittieħed approċċ divrenzjat għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-qasam tal-PAK li jagħmilha possibbli li jiġu applikati miżuri speċifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tas-setturi tal-biedja f’dawn ir-reġjuni;

    21.

    jistenna lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-għoti u l-organizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u biex jistimulaw il-kooperazzjoni Ewropea f’dan il-qasam, pereżempju permezz tat-twaqqif ta’ programm simili għall-programm Erasmus għal professjonisti tal-kura tas-saħħa;

    22.

    jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora l-prinċipju ta’ reżiljenza għad-diżastri fil-Fondi u l-politiki tagħha b’tali mod li ma jkunx kompromess l-iżvilupp sostenibbli u reżiljenti tal-ekonomiji tagħna;

    23.

    jappella għal politika sostenibbli tal-ikel fil-livell tal-UE li tindirizza l-kwalità tal-ikel, il-produzzjoni tal-ikel, l-agrikoltura, is-sajd, l-iżvilupp rurali, l-ambjent, is-saħħa, in-nutrizzjoni, l-impjiegi u l-politika tal-konsumatur b’mod komprensiv, u jiġi promoss mod iżjed sostenibbli ta’ produzzjoni u xejriet ta’ konsum;

    24.

    jappella lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrateġija tat-turiżmu tal-2010 u tniedi politika tat-turiżmu integrata tal-UE bi programm ta’ ħidma pluriennali u tiżgura linja baġitarja ddedikata għall-finanzjament ta’ proġetti tat-turiżmu Ewropej wara l-2020; itenni f’dan il-kuntest l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi Grupp ta’ Kuntatt dwar it-Turiżmu interistituzzjonali, sabiex jappoġġja t-tnedija ta’ pjattaformi ta’ investiment tat-turiżmu reġjonali li jgħinu lil destinazzjonijiet turistiċi u l-SMEs tagħhom jakkwistaw aċċess għal fondi għall-proġetti u l-attivitajiet tagħhom;

    25.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi aġenda ambizzjuża fil-qasam tal-ekonomija blu u l-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani u tittraduċi d-Dikjarazzjoni li se tiġi adottata taħt il-Presidenza Maltija f’linji gwida tal-politika; itenni l-importanza tal-aċċess għal finanzjament għal industriji marini emerġenti li għandhom il-potenzjal li jwasslu l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku madwar l-Ewropa; f’dan il-kuntest ifakkar lill-Kummissjoni dwar is-sejħa tal-KtR biex tinħoloq komunità tal-għarfien u tal-innovazzjoni, li għandha tinkoraġġixxi t-trasferiment ta’ ideat mir-riċerka tal-baħar għas-settur privat;

    26.

    japprova s-sejħa għal strateġija ġdida tal-UE dwar l-Alkoħol li għandha tkopri oqsma bħall-informazzjoni lill-konsumatur, il-kummerċjalizzazzjoni u s-sikurezza fit-triq; jinnota wkoll li huwa essenzjali li l-Pjani ta’ Azzjoni Konġunti jiġu estiżi u/jew jiġi stabbilit wieħed ġdid għat-tfal u ż-żgħażagħ;

    Konnessjoni mill-ġdid maż-żgħażagħ Ewropej

    27.

    jappoġġja l-implimentazzjoni u t-tħeġġiġ kontinwi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u t-tnedija tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni territorjali taż-żewġ inizjattivi; jenfasizza l-importanza li jiġi involut is-settur privat f’dawn l-iskemi kemm fit-tfassil tagħhom kif ukoll fil-finanzjament tagħhom sabiex il-ħiliet taż-żgħażagħ jiġu abbinati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

    28.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-għodod ta’ komunikazzjoni tagħha maċ-ċittadini żgħażagħ u tintegrahom ma’ dawk tal-istituzzjonijiet l-oħrajn; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reviżjoni ppjanata tal-Istrateġija Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-perjodu wara l-2018;

    L-Unjoni Ekonomika u Monetarja

    29.

    jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-effiċjenza, is-sjieda u l-leġittimità tal-governanza u l-koordinazzjoni ekonomika fl-UE; jappella lill-Kummissjoni biex taħdem mal-PE u mal-Kunsill fuq Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew abbażi tal-proposta tal-KtR;

    30.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-KtR b’mod strutturat fis-segwitu tal-partijiet tal-White Paper dwar il-futur tal-UE relatati ma’ aktar integrazzjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

    31.

    itenni s-sejħa tiegħu għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; jistenna li proposta leġislattiva għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandha tippermetti li jiġu indirizzati d-drittijiet tal-ħaddiema u l-mobilità tal-ħaddiema f'suq tax-xogħol li qed jinbidel filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà; din il-proposta ma għandhiex tkun limitata biss għal-liġi mhux vinkolanti (“soft law”) li tikkomplementa l-acquis eżistenti, iżda għandha tinkludi miżuri bl-istess intensità bħal dawk għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, peress li dan jgħin iżżid il-perċezzjoni taċ-ċittadini ta’ UE iżjed soċjali, li kapaċi ssolvi l-problemi tagħhom;

    L-istrateġija tas-Suq Uniku, l-SMEs, il-kompetizzjoni, l-industrija u s-Suq Uniku Diġitali

    32.

    jirrakkomanda aktar semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, b’mod speċifiku fir-rigward tas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) permezz ta’ rieżami sostenzjali tad-Deċiżjoni u l-Qafas rilevanti (“pakkett Almunia”); jappella wkoll għal ambitu usa’ għar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, speċifikament fir-rigward tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u biex jiġu appoġġjati kemm il-mikrointrapriżi kif ukoll l-istart ups;

    33.

    jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, inkluża d-direttiva dwar ir-rimedji, li tista’ twassal għal aġġustamenti u semplifikazzjoni sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet ta’ entitajiet lokali u reġjonali iżgħar mingħajr ma tiġi perikolata ċ-ċertezza legali;

    34.

    itenni l-appell tiegħu għal “Small Business Act” għall-Ewropa (SBA) riveduta u msaħħa; itenni l-impenn tiegħu stess li jippromovi l-implimentazzjoni tal-SBA permezz tal-iskema tiegħu ta’ EER (Reġjun Intraprenditorjali Ewropew), kif ukoll l-inizjattiva Start-up u Scale-up; f’dan il-kuntest, jappella għal tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-ħolqien tar-regolamentazzjoni intelliġenti;

    35.

    jimpenja ruħu biex jaħdem mal-Kummissjoni fi ħdan il-Pjattaforma Broadband li għadha kif ġiet stabbilita biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ broadband b’veloċità għolja aħjar u aktar veloċi fir-reġjuni Ewropej kollha, u b’mod partikolari fiż-żoni rurali u b’popolazzjoni baxxa, u biex jiġu identifikati kmieni miżuri addizzjonali biex jingħeleb id-distakk diġitali, u jiġu newtralizzati l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-aċċess għan-netwerks tal-broadband fir-reġjuni ultraperiferiċi;

    36.

    jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara l-ambitu tal-applikazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi fl-ekonomija kondiviża/kollaborattiva; jistenna wkoll bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-forza tax-xogħol f’forom ġodda ta’ impjieg speċifiċi għall-ekonomija kondiviża/kollaborattiva; jistenna lill-Kummissjoni tappoġġja l-istabbiliment ta’ “Forum ta’ bliet tal-ekonomija kollaborattiva”, fejn il-KtR ikun parti interessata ewlenija;

    Politika kummerċjali tal-UE

    37.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-dimensjoni lokali u reġjonali tkun ikkunsidrati fit-tfassil tal-politika kummerċjali tal-UE meta tinnegozja ftehimiet kummerċjali ġodda u jitlob l-aċċess kontinwu għad-dokumenti rilevanti tan-negozjati permezz tal-proċedura tal-kamra tal-qari kif stabbilit għan-negozjati tat-TTIP;

    L-Unjoni tal-Enerġija, il-politika dwar il-klima u l-ambjent

    38.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja t-talba tal-KtR għall-istituzzjonalizzazzjoni progressiva tar-rwol tal-livell lokali u reġjonali tal-gvern fil-governanza tal-klima globali permezz tat-twaqqif ta’ ftehimiet formali mas-Segretarjat tal-UNFCCC;

    39.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-impatti u l-implikazzjonijiet territorjali li l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-kummerċ tal-UE tista’ toħloq fir-reġjuni u fl-awtoritajiet lokali, kemm mil-lat ta’ impjiegi kif ukoll dak ambjentali, u għalhekk jitlob li jkun involut aktar mill-qrib fit-tfassil tal-politika futura dwar il-kummerċ;

    40.

    jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura konsistenza bejn il-proposti l-aktar reċenti u dawk li ġejjin fil-futur dwar il-politika tal-klima u tal-enerġija, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi rinnovabbli; jissuġġerixxi li għandha tingħata iżjed enfasi fuq inizjattivi jew kampanji li huma bbażati fuq l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-kisba tal-miri stabbiliti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra;

    41.

    itenni li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jiġi integrat fil-politiki u l-għodod ta’ finanzjament li jeżistu u jappella lill-Kummissjoni biex toffri alternattivi ta’ kisba tas-setgħa adatti għar-reġjuni u l-bliet fid-dawl tar-reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima; itenni l-impenn tiegħu li jaħdem mal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat aktar il-kunċett ta’ kontributi determinati fil-livell lokali u reġjonali sabiex titħeġġeġ l-azzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali;

    42.

    bl-għan li jkun hemm proposta għal Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, jistieden lill-KE biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiftħu djalogu bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali meta jkunu qegħdin jabbozzaw pjani nazzjonali dwar il-klima u l-enerġija;

    43.

    jistenna bil-ħerqa kooperazzjoni mill-qrib dwar ir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), anke peremzz tal-Pjattaforma Teknika konġunta għall-Kooperazzjoni u l-Ambjent u jappella għal aktar involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogi li ġejjin bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jixtieq jikkontribwixxi għall-kontrolli ta’ idoneità u r-rieżamijiet ta’ Direttivi ambjentali ewlenin li għandhom jiġu mnedija mill-Kummissjoni fl-2018, anke permezz ta’ Opinjoni ta’ Prospettiva;

    44.

    huwa impenjat li jikkontribwixxi b’mod attiv għall-Pjan ta’ Azzjoni għal implimentazzjoni mtejba tad-Direttivi dwar l-Ambjent tal-UE; jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni u l-azzjonijiet mistennija fl-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE sal-2020 b’mod f’waqtu, u li fl-2018 tressaq proposta għal qafas legali u finanzjarju għal netwerk Trans-Ewropew għall-Infrastruttura Ekoloġika (TEN-G);

    45.

    fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari, jappella għall-iffissar ta’ miri għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart kummerċjali u industrijali, lil hinn mill-iskart solidu muniċipali;

    46.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tadotta approċċ differenzjat u flessibbli bbażat fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni u l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas fir-reviżjonijiet tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb u d-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi, u l-proposta leġislattiva dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma;

    47.

    iwissi lill-Kummissjoni li l-globalizzazzjoni tal-Patt tas-Sindki m’għandhiex tneħħi l-enfasi mill-involviment essenzjali tal-livelli lokali u reġjonali u l-ħtieġa biex jiġu żviluppati l-għanijiet u l-metodoloġija tal-Patt kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri neċessarji biex tissalvagwardja r-rappreżentazzjoni ta’ strutturi sottonazzjonali differenti ta’ daqsijiet differenti fl-istrutturi tal-Patt kif ukoll biex jiġu preżervati l-prinċipji ta’ sħubija u ta’ governanza f’diversi livelli; jistenna bil-ħerqa li jaqdi rwol attiv fil-Kunsill ta’ Fundatur tal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija (GCoM);

    48.

    jenfasizza l-ħtieġa għal sħubija u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-grupp ta’ Ambaxxaturi tal-Patt tas-Sindki tal-KtR u l-Bord ta’ Konsulenza Politika tal-Patt tas-Sindki Ewropew;

    Il-ġustizzja, is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali u l-migrazzjoni

    49.

    japprova r-rapport tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2016 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li jinkorpora strumenti eżistenti, u jappella biex dan ikun applikabbli fil-livelli kollha ta’ gvern;

    50.

    jappoġġja bil-qawwa l-isforzi fil-livell tal-UE biex tiġi implimentata riforma komprensiva u effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ olistiku fil-qasam tal-asil u l-integrazzjoni ta’ persuni li jfittxu asil, li jippromovi politiki sostenibbli, li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom u huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ reċiproċità;

    51.

    jappella lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri leġislattivi sabiex jiġu stabbiliti mezzi legali addizzjonali biex in-nies jiġu fl-UE – sew jekk biex ifittxu l-protezzjoni internazzjonali, refuġju umanitarju jew opportunitajiet ta’ xogħol, edukazzjoni, riċerka jew investiment; il-migrazzjoni legali hija wieħed mill-erba’ pilastri tal-ġestjoni tal-migrazzjoni skont l-Aġenda tal-UE għall-Migrazzjoni tal-2015 u tali miżuri jkunu jgħinu biex jiġu indirizzati mhux biss sfidi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fit-tul u nuqqas ta’ ħaddiema fl-UE, iżda huma wkoll element importanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

    52.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tissemplifika u tħaffef il-proċeduri ta’ finanzjament u tagħti lir-reġjuni u l-bliet aċċess dirett għar-riżorsi finanzjarji mfassla biex jindirizzaw kriżijiet umanitarji u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

    53.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin fil-qsim tal-aħjar prattiki li l-KtR enfasizza fil-qasam ta’ deradikalizzazzjoni ta’ ġellieda li jirritornaw u l-prevenzjoni ta’ radikalizzazzjoni ġdida;

    54.

    jenfasizza li programmi taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għandhom ikunu implimentati l-aktar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u li kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ ġestjoni għandha tkun stabbilita għal dan l-għan;

    55.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli żżid il-finanzjament mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika u ttejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali ma’ msieħba fl-Afrika ta’ Fuq dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni;

    L-istabbiltà u l-kooperazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea

    56.

    jenfasizza l-kontribut konkret tal-KtR, permezz tal-kumitati konsultattivi konġunti (JCCs) u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu ma’ pajjiżi kandidati u li huma kandidati potenzjali, għall-għan tal-politika ta’ tkabbir tal-Kummissjoni li jitrawmu l-istabilità u l-prosperità; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tikkoorganizza l-avvenimenti annwali Jum it-Tkabbir flimkien mal-KtR;

    57.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tagħmel progress fir-rigward tal-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess ta’ migrazzjoni, li l-ġestjoni tiegħu hija primarjament kompetenza tar-reġjuni, u biex tippromovi fi ħdan l-Istati Membri kondiviżjoni bbażata fuq is-solidarjetà tal-piżijiet u tar-responsabbiltajiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali. Għalhekk, il-KtR jistenna bil-ħerqa l-istrateġija globali ġdida, li għandha tiġi implimentata b’mod addizzjonali għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2010-2014), b’tali mod li titqies is-sitwazzjoni tat-tfal nieqsa jew mhux akkumpanjati;

    58.

    itenni r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fis-soċjetà, filwaqt li jħeġġeġ li jiġi pprovdut aktar appoġġ għal riformi ta’ deċentralizzazzjoni, ta’ bini tal-kapaċità u amministrattivi lokali fil-pajjiżi tal-viċinat;

    59.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja kooperazzjoni minn isfel għal fuq b’riżorsi finanzjarji u amministrattivi adegwati, filwaqt li jtenni l-ħtieġa biex jiġu introdotti għodod ġodda għall-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi tal-adeżjoni u l-pajjiżi tal-PEV fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tiġi sostitwita l-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali preċedenti;

    60.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-kooperazzjoni mal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), kif ukoll it-Task Force tal-Ukrajna tal-KtR, speċjalment meta jiġu implimentati programmi reġjonali u inizjattivi ġodda;

    61.

    jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva ta’ Nikosija, il-proġett ta’ bini ta’ kapaċità tagħha mmirat lejn it-tisħiħ tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-muniċipalitajiet Libjani permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali mal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej;

    62.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa r-rwol dejjem jikber tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi u msieħba attivi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, notevolment fil-kuntest tal-proposta għal Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ġdid u l-futur tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku u l-UE;

    63.

    jilqa’ l-proposta għal pakkett ta’ Pjan ta’ Investiment Estern għall-Afrika u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-UE, immirata lejn il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti u biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi msieħba u jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-KtR fit-tfassil tal-pjan bħala l-leħen tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE;

    64.

    itenni s-sejħa tiegħu għal strateġija tal-UE kompleta dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali; f’dan il-kuntest, jenfasizza l-valur miżjud tal-prijoritizzazzjoni ta’ aktar żvilupp tad-diplomazija kulturali bil-għan li jiġi introdott fil-politika barranija tal-UE;

    Iċ-ċittadinanza, il-governanza u tfassil aħjar tal-liġijiet

    65.

    jistenna bil-ħerqa li jkun involut bis-sħiħ f’dibattiti futuri dwar kif għandhom jitjiebu l-governanza demokratika u l-effikaċja tal-Unjoni Ewropea, li għandhom jiġu mnedija mal-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa; ifakkar dwar il-ħtieġa li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-KtR fi kwalunkwe passi formali li jistgħu jiġu previsti għar-riforma tat-Trattati tal-UE;

    66.

    itenni l-importanza li titkompla tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-politiki kollha tal-Kummissjoni Ewropea;

    67.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni sabiex torganizza kampanja ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni mifruxa mal-UE kollha dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, u biex tipproponi inizjattivi mmirati biex jgħinu liċ-ċittadini biex jivvutaw u joħorġu bħala kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019;

    68.

    itenni l-appell tiegħu biex jiġi rivedut il-qafas legali eżistenti tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) biex dan isir aktar aċċessibbli u faċli għall-utent u b’mod partikolari biex jitjiebu d-dispożizzjonijiet dwar is-segwitu ta’ ECIs li jirnexxu sabiex jiġi mmobilizzat il-potenzjal sħiħ ta’ dan l-istrument għall-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini;

    69.

    ifakkar li l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar trid titwettaq fi spirtu ta’ governanza f’diversi livelli u jenfasizza r-rwol speċifiku li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’firxa ta’ oqsma affettwati mir-regolazzjoni tal-UE, kif ukoll ir-rwol tagħhom bħala l-entitajiet li jimplimentaw din il-leġislazzjoni u jiġġestixxu l-fondi tal-UE; jenfasizza li r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom jipprovdulhom opportunitajiet tajbin biex jevalwaw l-oqfsa regolatorji eżistenti u biex jidentifikaw bidliet possibbli;

    70.

    jistieden lill-Kummissjoni timplimenta Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali (TIA) bħala prattika standard fil-valutazzjoni tal-impatt tal-leġislazzjoni li potenzjalment jista’ jkollha effetti territorjali asimmetriċi u fl-aġenda usa’ dwar regolamentazzjoni aħjar;

    71.

    jistenna kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tas-sussidjarjetà;

    72.

    jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE u lill-President tal-Kunsill Ewropew.

    Brussell, it-22 ta’ Marzu 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    Top