EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0316(03)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39816 — Il-Provvisti tal-Gass Upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

C/2017/1748

ĠU C 81, 16.3.2017, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/9


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39816 — Il-Provvisti tal-Gass Upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

(2017/C 81/09)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’dawk il-każijiet fejn ikollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni li tobbliga li ksur jinġieb fi tmiemu l-partijiet ikkonċernati joffru li jidħlu għal irbit li jkun jissodisfa t-tħassib indikat lilhom mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha – li dak l-irbit isir vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-limitu taż-żmien għal dan stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-każ

(2)

Fit-22 ta' April 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet rigward l-allegat ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) minn OAO Gazprom u OOO Gazprom Export (“Gazprom”) dwar is-swieq għall-provvista bl-ingrossa upstream tal-gass naturali f'kull wieħed minn dawn il-pajjiżi: il-Bulgarija, l-Estonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakkja (l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant). Dan id-dokument huwa valutazzjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(3)

Il-valutazzjoni preliminari tal-Kummisjoni hija li Gazprom hija dominanti fit-tmint iswieq kollha tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għall-provvista bl-ingrossa upstream tal-gass. L-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni hija li Gazprom setgħet abbużat minn din il-pożizzjoni dominanti kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE.

(4)

B'mod partikolari, Gazprom setgħet implimentat strateġija abbużiva ġenerali billi imponiet restrizzjonijiet territorjali fil-ftehimiet tal-provvista tagħha fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu projbizzjonijiet tal-esportazzjoni, klawżoli tad-destinjazzjoni u miżuri ekwivalenti li setgħu żammew żammew lura l-fluss transfruntiera tal-gass.

(5)

Dawn ir-restrizzjonijiet territorjali setgħu ppermettew lil Gazprom biex issegwi politika ta' prezzijiet inġusti f'ħames Stati Membri, jiġifieri fil-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, billi titlob prezzijiet mingħand min ibiegħ bl-ingrossa li kienu ogħla mill-prezziijiet tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent.

(6)

Gazprom setgħat ukoll abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq fuq is-suq tal-provvista bl-ingrossa upstream tal-gass naturali fil-Bulgarija billi tagħmel il-provvista tal-gass dipendenti fuq investiment fil-proġett tal-pipeline South Stream.

(7)

Il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattika ta' Gazprom għandha l-potenzjal li toħloq xkiel lill-fluss ħieles tal-gass fis-Suq Intern, li tbaxxi l-likwidità u l-effiċjenza tas-swieq tal-gass u li twassal għal prezzijiet ogħla tal-gass naturali.

3.   Il-kontenut prinċipali tal-impenji offruti

(8)

Gazprom ma taqbilx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu, hija offriet li tieħu impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, biex tittratta t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-elementi ewlenin tal-impenji huma deskritti hawn taħt.

(9)

Gazprom se timpenja ruħha li tintroduċi għadd ta' bidliet għall-kuntratti relevanti tagġha biex tneħħi l-ostakli għall-fluss ħieles tal-gass bi prezzijiet kompetittivi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant:

(a)

Gazprom mhux se tapplika u mhux se tintroduċi xi dispożizzjonijiet kuntrattwali fil-kuntratti tagħha għall-provvista tal-gass fil-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li jistgħu direttament jew indirettament jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jagħmlu inqas attraenti ekonomikament l-abbiltà tal-klijenti li jesportaw mill-ġdid jew ibiegħu mill-ġdid il-gass. Gazprom se timpenja ruħha wkoll li ma tintroduċi ebda miżura bħal din fil-kuntratti futuri tagħha tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

(b)

Gazprom se tiżgura l-introduzzjoni tal-bidliet meħtieġa raġonevoli fil-kuntratti Bulgari u Griegi tagħha, kemm-il darba jkun hemm kunses mill-kontrapartijiet kuntrattwali tagħha, li huma neċessarji għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta' interkonnessjoni bejn il-Bulgarija u l-Istati Membri l-oħra tal-UE.

(c)

Gazprom se toffri lill-klijenti relevanti tagħha fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant il-possibbiltà li jitolbu li l-volumi tal-gass kontrattwali tagħhom kollha jew parti minnhom konsenjati lejn ċerti punti ta' konsenja fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom ikunu konsenjati lejn punt ieħor ta' konsenja użat minn Gazprom għall-provvisti għall-Bulgaija u l-Istati Baltiċi. Gazprom se timpenja ruħha li toffri din il-possibbiltà sakemm il-klijent jibqa' ma jkunx jista' jagħmel l-arranġamenti tiegħu għat-trasport tal-gass mill-punt tal-konsenja kontrattwali relevanti lejn il-Bulgarija jew l-Istati Baltiċi.

(d)

Gazprom se toffri li tintroduċi jew klawżola ta' reviżjoni tal-prezz fil-kuntratti mal-klijenti relevanti taghħha li għad ma għandhomx klawżola bħal din jew biex temenda kull klawżola ta' reviżjoni eżistenti tal-prezz. Gazprom se timpenja ruħha li tagħti ċans lill-klijent relevanti tagħha biex jiskatta reviżjoni tal-prezz fuq il-bażi li l-prezz kuntrattwali ma jkunx qed jirrifletti, fost oħrajn, l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-fruntiera fil-Ġermanja, Franza u l-Italja jew l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass fiċ-ċentri tal-likwidità tal-gass fl-Ewropa Kontinentali. Il-partijiet se jkunu wkoll jistgħu jirreferu għall-istess punti te' referenza kompetittivi meta jirrevedu l-prezz kuntrattwali. Gazprom se timpenja wkoll ruħha li żżid il-frekwenza u l-veloċità tar-reviżjonijiet tal-prezz. Għall-klijenti relevanti tagħha, Gazprom se timpenja wkoll ruħha li tintroduċi l-istess dispożizzjonijiet għal reviżjoni tal-prezz f'kuntratti futuri.

(e)

Gazprom mhix se titlob għad-danni minħabba t-twaqqif tal-proġett South Stream mill-kontrapartijiet Bulgari. It-twaqqif ġie konfermat minn Gazprom.

(10)

Jinħtieġ li dawn l-impenji jissodisfaw it-tħassib tal-Kummissjoni billi jassiguraw il-fluss ħieles tal-gass bi prezzijiet kompetittivi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Gazprom se tinżamm milli taqsam is-swieq tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant billi sserraħ fuq restrizzjonijiet territorjali espliċiti jew miżuri kuntrattwali oħra li jkollhom l-effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet territorjali. Il-Kummissjoni tinnota li s-sitwazzjoni fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tjiebet f'dik li hija l-infrastruttura li tgħaqqad tal-gass u f'dik li hija l-abbiltà tal-klijenti tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant biex jagħmlu kummerċ transfruntiera bil-gass, jew permezz ta' flussi b'lura jew permezz ta' tpartit tal-gass. Madankollu, l-istess possibbiltajiet għadhom mhux preżenti b'mod suffiċjenti fl-Istati Baltiċi u fil-Bulgarija.

(11)

L-impenji se jikkumpensaw għan-nuqqas ta' disponibbiltà tal-flussi tal-gass bejn, fuq naħa il-bqija tal-Ewropea Ċentrali u tal-Lvant u fuq in-naħa l-oħra, il-Bulgarija jew l-Istati Baltiċi. Gazprom se tipprovdi lill-klijenti tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant bil-possibbiltà li jagħmlu operazzjonijiet ta' tpartit biex ikunu jistgħu jiksbu iktar likwidità tal-gass fl-Istati Baltiċi u fil-Bulgarija. Gazprom se tkun tista' titlob għal dan ħlas għas-servizz, kif tista' tagħmel għal tpartit tipiku fis-swieq fejn huwa disponibbli t-trasport tal-gass. Il-possibbiltà ta' operazzjonijiet ta' tpartit bħal dawn se tkun ta' importanza partikulari fil-każ li l-prezzijiet tal-gass fl-Istati Baltiċi jew fil-Bulgarija kellhom ivarjaw b'mod sinifikattiv mill-bqija tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

(12)

Jinħtieġ li dawn l-impenji jissodisfaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet għall-ħames Stati Membri billi jippermettu lill-klijenti biex jiskattaw reviżjoni tal-prezz permezz tal-kuntratti tagħhom jekk il-prezz kuntrattwali, iter alia, ivarja mill-prezzijiet f'hubs likwidi aċċettati ġeneralment fl-Ewropa Kontinentali. L-impenji se jipprovdu wkoll gwida sostantiva espliċita dwar il-punti ta' referenza kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent li għandhom jintuża fir-reviżjoni tal-prezz. Dan se jassigura li l-klijenti fil-ħames Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant se jiksbu dritt kuntrattwali espliċitu biex jirreferu għall-prezzijiet kompetittivi u dawk taċ-ċentru tal-likwidità tal-gass meta jirrevedu l-prezz kuntrattwali tagħhom. Ir-referenza espliċita għall-punti ta' referenza kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent se turi sewwa l-importanza tagħhom għall-arbitri, f'każ li n-negozjati għal reviżjoni tal-prezz ikunu segwiti b'arbitraġġ. Dan kollu se jassigura li fil-futur il-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ma jisvijawx b'mod sinifikattiv mill-punti ta' referenza.

(13)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-Bulgarija, l-impenji se jneħħu wkoll it-theddida ta' azzjonijiet għad-danni, indipendentement minn jekk it-talbiet ikunux validi jew le, kontra kontropartijiet Bulgari wara t-twaqqif tal-proġett South Stream. Dan se jassigura li l-allegat abbuż li għamlet Gazprom fuq l-investiment fl-infrastruttura tal-gass fil-Bulgarija jkun imċaħħad mill-effetti tiegħu.

(14)

L-impenji jinsabu ppubblikati kollha bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fuq:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

4.   Stedina għall-kummenti

(15)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-impenji mniżżlin fil-qosor hawn fuq u ppubblikati fuq l-internet fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni huma vinkolanti.

(16)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn seba' ġimgħat wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. It-terzi persuni interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kull informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra jinħtieġ li titħassar u tiġi ssostitwita kif xieraq b'sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(17)

Jinħtieġ li r-risposti u l-kummenti jkunu preferibbilment motivati u jinħtieġ li jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema b'xi parti tal-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi soluzzjoni possibbli.

(18)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bir-referenza AT.39816 — Il-Provvisti tal-Gass Upstream fl-Ewropea Ċentrali u tal-Lvant jew permezz tal-e-mail (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), permezz tal-fax (+32 22950128) jew permezz tal-posta, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE rispettivament. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ din in-notifika, jinħtieġ li r-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn dan ikun applikabbli.


Top