EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017SC0651

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Valutazzjoni ta' Impatt dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 (riformulazzjoni) [...]

SWD/2017/0651 final - 2017/0293 (COD)

Brussell, 8.11.2017

SWD(2017) 651 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Valutazzjoni ta' Impatt dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 (riformulazzjoni)

[...]

{COM(2017) 676 final}
{SWD(2017) 650 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar riformulazzjoni ta’ Proposta għal Regolament li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) 510/2011

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Ir-Regolamenti attwali jistabbilixxu miri tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet ġodda fl-UE kollha kemm hi sal-2020/2021. L-istandards irrappreżentaw għodda fundamentali fl-isforzi lejn l-innovazzjoni u l-investimenti f’teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Għenu lill-industrija awtomobilistika tal-UE biex iżżomm pożizzjoni minn ta’ quddiem fit-teknoloġija globali u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi ġodda. Il-konsumaturi bbenefikaw minn kostijiet aktar baxxi għall-fjuwil.

Madankollu ġew identifikati l-problemi ewlenin li ġejjin: 1) adozzjoni insuffiċjenti tal-aktar vetturi effiċjenti, inklużi vetturi b’livelli ta’ emissjonijiet baxxi jew żero, biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi u tittejjeb il-kwalità tal-arja, b’mod partikolari fiż-żoni urbani; 2) il-konsumaturi fl-UE ma jgawdux mill-iffrankar li jista’ jkun hemm; 3) ir-riskju li l-vantaġġ kompetittiv tal-UE jintilef minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni fit-tul fit-teknoloġiji tal-vetturi b’emissjonijiet baxxi.

X'inhu mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-inizjattiva hija maħsuba biex: 1) tikkontribwixxi għall-ksib tal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u mill-vannijiet b’mod kosteffikaċi, 2) tnaqqas il-kostijiet tal-konsum tal-fjuwil għall-konsumaturi, 3) issaħħaħ il-kompetittività tal-industrija awtomobilistika tal-UE u tistimula l-impjiegi.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Mingħajr azzjoni ulterjuri mill-UE x’aktarx ikun hemm tnaqqis sostanzjali addizzjonali żgħir tas-CO2 minn karozzi u vannijiet ġodda. L-istandards tas-CO2 lil hinn mill-2020 se jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-miri vinkolanti tagħhom għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet proposti fir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. L-inizjattivi nazzjonali u lokali waħedhom x’aktarx ikunu inqas effikaċi għaliex jissograw li jkunu inkoerenti u b’hekk is-suq intern ikun frammentat.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għalfejn? 

Ġew ikkunsidrati diversi għażliet ta’ politika għall-kwistjonijiet li ġejjin:

1)Il-miri għall-emissjonijiet tas-CO2;

2)Distribuzzjoni tal-isforzi bejn il-manifatturi;

3)Inċentivi għal vetturi b'livell ta' emissjonijiet baxxi jew żero (LEV/ZEV)

4)Elementi għall-implimentazzjoni kosteffikaċi

5)Tisħiħ tal-governanza

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Fir-rigward tal-livelli ta’ mira, il-manifatturi b’mod ġenerali jappoġġaw miri inqas ambizzjużi għall-2030, meta mqabbla mal-NGOs ambjentali u tal-konsumaturi li huma favur miri aktar ambizzjużi, kemm għall-2025 kif ukoll għall-2030. Fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-isforz, il-manifatturi jappoġġaw kurva ta’ valuri limitu abbażi tal-massa, filwaqt li l-NGOs jippreferu li tittieħed il-footprint bħala parametru ta’ utilità. Filwaqt li l-industrija awtomobilistika hija fil-biċċa l-kbira kontra mandat għal-LEV/ZEV, il-produtturi tal-batteriji u tal-elettriku, l-investituri fl-infrastruttura, bliet Ewropej bi problemi ta’ kwalità tal-arja, kif ukoll il-maġġoranza tal-NGOs tal-ambjent u tat-trasport, appellaw għal approċċ bħal dan. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi ħadu pożizzjoni newtrali dwar dan.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

It-tnaqqis addizzjonali tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi bejn l-2005 u l-2030, ’il fuq mil-linja ta’ referenza, ivarja minn 4 sa 11.4 punti perċentwali. Bejn l-2020 u l-2030, l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja jonqosu bejn 2 u 8 punti perċentwali għan-NOx u sa 10 punti perċentwali għall-PM2.5. Għall-vannijiet, it-tnaqqis addizzjonali tal-emissjonijiet tas-CO2 bejn l-2005 u l-2030 ivarja minn 4.8 sa 14.1 punti perċentwali. L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja mill-vannijiet jonqsu sa 9 (NOx) jew 10 (PM2.5) punti perċentwali bejn l-2020 u l-2030.

Il-benefiċċji għall-konsumatur f’termini tal-“kost totali tas-sjieda” għal “karozza ġdida medja” tal-2030 huma ta’ bejn EUR 1,000 u 2,000 matul ħajja utli ta’ 15-il sena. Għal “vann ġdid medju tal-2030”, dan l-iffrankar huwa bejn 3,800 EUR u 4,400 EUR. L-iffrankar nett jokkorri kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni utent, biex b’hekk ikun ta’ beneffiċċju anke għall-gruppi ta’ konsumaturi bi dħul baxx.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

Il-kostijiet tal-manifattura se jiżdiedu u dan se jkollu impatt fuq il-prezz tal-vetturi, u b’hekk il-konsumaturi/in-negozji se jiffaċċjaw kostijiet bil-quddiem ogħla għall-vetturi ġodda. Dawn il-kostijiet jiżdiedu jekk ikun hemm livelli ta’ mira tas-CO2 aktar stretti għall-flotta kollha. Għal karozza ġdida medja rreġistrata fl-2030, dawn ivarjaw minn EUR 400 sa 2,700. Għal vann medju tal-2030, ivarjaw minn EUR 400 sa 2,400.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-analiżi turi impatti ekonomiċi pożittivi, anke għall-SMEs. Il-manifatturi ż-żgħar tal-karozzi, b’inqas minn 1,000 vettura ġdida rreġistrata fl-UE fis-sena huma eżentati mill-istandards tas-CO2. L-SMEs, bħala utenti ta’ vannijiet aktar effiċjenti, se jibbenefikaw bil-kbir mill-iffrankar tal-fjuwil. Fil-katina tal-valur tal-vetturi, l-SMEs li jipproduċu teknoloġiji konvenzjonali jaf ikollhom bżonn jadattaw, iżda se jibbenefikaw ukoll mid-domanda addizzjonali għal teknoloġiji ġodda u aktar effiċjenti.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

In-nuqqas ta’ introjtu mid-dazji tal-fjuwil fl-2030 huwa stmat għal madwar 0.04% tal-PDG tal-UE-28. Fix-xenarji kollha vvalutati, huwa stmat li dan tpatti għalih żieda fit-tassazzjoni indiretta.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Qafas regolatorju ambizzjuż, iżda wkoll realistiku u kosteffikaċi, għall-karozzi u l-vannijiet għandu jgħin lill-industrija awtomobilistika tal-UE żżomm il-kompetittività globali tagħha u l-aċċess għas-swieq. Minħabba t-tnaqqis fil-ħtieġa għall-fjuwils fossili, il-qagħda tal-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija se titjieb, u l-akbar vantaġġi jirriżultaw fit-terminu medju.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

L-effikaċja tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tista’ terġa’ tiġi eżaminata fl-2024, biex tkun allinjata mar-rieżami ta’ leġiżlazzjoni oħra bħalma hi l-proposta għall-ETS u għar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi.

Top