Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017SC0456

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta’ sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk u d-dokument ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk

SWD/2017/0456 final

Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar l-atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 15(11) u l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, jiġifieri d-Direttiva 2014/40/UE

A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Il-problema hija l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, li għadu f’livell għoli fl-UE. Il-prodotti illeċiti tat-tabakk mhumiex konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll fuq it-tabakk u jipprovdu provvisti tat-tabakk bi prezz irħis b’mod artifiċjali li jaffettwaw kemm ikun prevalenti t-tipjip u kemm in-nies jibdew ipejpu. L-Artikolu 15 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE (id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk) għandhom l-għan li jindirizzaw dan billi jipprevedu sistemi ta’ traċċabbiltà u ta’ karatteristiċi tas-sigurtà għall-prodotti tat-tabakk fl-UE sabiex il-katina tal-provvista tkun sigura u l-prodotti jkunu jistgħu jiġu awtentikati b’mod iktar faċli. Skont id-dispożizzjonijiet dwar it-traċċabbiltà (mogħtija fl-Artikolu 15), il-pakketti individwali kollha tal-prodotti tat-tabakk immanifatturati fis-suq tal-UE, maħsubin għal dan is-suq jew imqiegħda fih iridu jkunu mmarkati b’identifikatur uniku, u l-movimenti tagħhom iridu jkunu rreġistrati tul il-katina kollha tal-provvista (mil-livell tal-manifattur sal-aħħar livell qabel l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut). Skont id-dispożizzjonijiet dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà (mogħtija fl-Artikolu 16), il-pakketti individwali kollha tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jrid ikollhom karatteristika tas-sigurtà biex ikunu jistgħu jiġu awtentikati b’mod iktar faċli. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta’ dawn is-sistemi.

Dawn l-atti għandhom jittrattaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

(1) l-immarkar tal-pakketti b’identifikatur uniku;

(2) ir-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tad-dejta lejn faċilità tal-ħżin tad-dejta;

(3) l-ipproċessar u l-ħżin tad-dejta u l-aċċess għaliha;

(4) il-kompatibbiltà tal-komponenti tas-sistema ta’ traċċabbiltà; u

(5) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà.

X’għandu jinkiseb?

Il-miżuri mistennija jippermettu l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Barra minn hekk, huma se jippermettu lill-UE tħares l-obbligi internazzjonali tagħha skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk 1

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?

Se tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistemi ta’ traċċabbiltà u tal-karatteristiċi tas-sigurtà fl-UE kollha, u b’hekk l-Istati Membri se jkunu jistgħu jħarsu l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jiżguraw li s-sistemi jaħdmu b’mod fattibbli u interoperabbli, u b’mod li jkun koerenti mal-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-għanijiet? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tindirizza l-kwistjonijiet pendenti ewlenin marbutin mas-sistemi li jridu jiġu stabbiliti. Dawn l-atti u d-diversi għażliet tal-politika biex jiġu indirizzati qed jingħataw hawn taħt.

1a. L-immarkar tal-pakketti b’identifikatur uniku: din il-kwistjoni tinsab fil-qalba tas-sistema ta’ traċċabbiltà. Huwa importanti ferm li r-responsabbiltajiet marbutin mal-immarkar tal-pakketti jitqassmu tajjeb sabiex jitħares ir-rekwiżit li l-awtoritajiet jikkontrollaw is-sistema (skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk).

Ġew ivvalutati l-għażliet tal-politika li ġejjin:

1a/1: mudell imħaddem mill-industrija;

1a/2: mudell imħaddem minn parti terza;

1a/3: mudell b’soluzzjoni mħallta.

1b. Ir-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tad-dejta: element ewlieni li jrid jitqies huwa ż-żmien li jgħaddi minn meta jseħħ avveniment u meta dan jintbagħat fis-sistema (jew fis-sistemi) tal-ħżin tad-dejta. Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk ma tispeċifika l-ebda regola dwar dan.

Ġew ivvalutati l-għażliet tal-politika li ġejjin: 

1b/1: intervall li jkun qrib il-ħin reali;

1b/2: intervall ta’ ġurnata;

1b/3: intervall ta’ ġimgħa.

1c. L-ipproċessar u l-ħżin tad-dejta u l-aċċess għaliha: huwa essenzjali li jkun hemm ħżin sikur tad-dejta li lill-awtoritajiet kompetenti jkun jagħtihom aċċess sħiħ għad-dejta.

Ġew ivvalutati l-għażliet tal-politika li ġejjin:

1c/1: ħżin deċentralizzat għal kull manifattur jew importatur;

1c/2: ħżin deċentralizzat għal kull Stat Membru;

1c/3: mudell ikkombinat.

2. Il-kompatibbiltà tal-komponenti tas-sistema ta’ traċċabbiltà: sabiex ikun iktar faċli li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu l-proċess ta’ skennjar, l-informazzjoni għandha titpoġġa fuq il-pakketti tat-tabakk b’mod definit minn qabel. Għandu jiġi ddefinit is-sett ta’ portaturi tad-dejta awtorizzati.

Ġew ivvalutati l-għażliet tal-politika li ġejjin: 

2/1: portatur tad-dejta wieħed għal kull livell tal-imballaġġ;

2/2: sett limitat ta’ portaturi tad-dejta għal kull livell;

2/3: sistema ħielsa.

3. Il-karatteristiċi tas-sigurtà: il-metodu kif jiġu applikati l-karatteristiċi tas-sigurtà huwa importanti sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom, li dawn ikunu jħarsu r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u li jkunu jippermettu l-innovazzjoni.

Ġew ivvalutati l-għażliet tal-politika li ġejjin:

3/1: l-istampar jew it-twaħħil;

3/2: l-istampar jew it-twaħħil jew taħlita ta’ stampar u twaħħil.

(L-għażliet ippreferuti huma mmarkati b’tipa grassa.)

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa liema għażla?

Fil-każ tal-kwistjoni 1a., ħafna mill-operaturi ekonomiċi kienu favur l-għażla 1a/1. L-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika u ħafna mill-fornituri tas-soluzzjonijiet kienu favur l-għażla 1a/2. B’mod ġenerali, l-Istati Membri kienu favur l-għażla 1a/3.

Fil-każ tal-kwistjoni 1b., ħafna mill-operaturi ekonomiċi kienu favur l-għażla 1b/2. L-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika u ħafna mill-Istati Membri kienu favur l-għażla 1b/1. B’mod ġenerali, l-għażla 1b/3 tqieset li mhix daqshekk effettiva.

Fil-każ tal-kwistjoni 1c., b’mod ġenerali l-operaturi ekonomiċi qablu mal-għażla 1c/1. Ħafna mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika saħqu fuq l-importanza li jkun hemm ħarsa ġenerali ċentralizzata tad-dejta (kif inhu l-każ fil-każ tal-għażla 1c/3).

Fil-każ tal-kwistjoni 2. u tal-kwistjoni 3., b’mod ġenerali l-partijiet ikkonċernati qablu li l-iktar għażliet adattati kienu l-għażla 2/2 u l-għażla 3/2 rispettivament.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

L-għażliet ippreferuti mistennija jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi u soċjali konsiderevoli, li huma stmati li jlaħħqu EUR 3.8 biljun fis-sena. Dan se jseħħ għax jonqsu l-prodotti illeċiti tat-tabakk li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni fl-UE. Filwaqt li dan se jinbidel parzjalment b’żieda fil-bejgħ legali ta’ dawn il-prodotti, dan se jwassal ukoll għal tnaqqis (ta’ 0.6 %) fit-tabakk kollu kkunsmat u b’hekk se jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Iż-żieda fil-bejgħ legali se twassal għal żieda fid-dħul mit-taxxa u se twassal biex l-operaturi ekonomiċi jkollhom iktar qligħ.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Ġie stmat li se jkun hemm spejjeż ta’ EUR 159 miljun fis-sena, fosthom EUR 138 miljun għas-sistema ta’ traċċabbiltà. Dan l-ammont jinkludi l-ispejjeż tat-twaqqif u tat-tħaddim. Is-suppożizzjoni hi li l-operaturi ekonomiċi se jġarrbu l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż, li huma stmati li se jkunu ta’ EUR 155 miljun. Ġie stmat li l-ispiża unitarja tas-sistema ta’ traċċabbiltà se tkun ta’ inqas minn nofs ċenteżmu tal-euro. X’aktarx li dan ma jsarrafx f’żidiet kbar fil-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk immanifatturati fl-UE.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Jista’ jkun li l-SMEs jintlaqtu iktar mill-ispejjeż tal-implimentazzjoni tas-sistemi milli jintlaqtu l-kumpaniji l-kbar. Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk tirrikonoxxi dan u tipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni itwal għall-prodotti tat-tabakk, minbarra s-sigaretti u t-tabakk tal-brim, li l-manifatturi tagħhom ħafna drabi jkunu l-SMEs, u b’hekk dawn għandhom żmien itwal biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda 2 . X’aktarx li jkun previst perjodu ta’ tranżizzjoni ieħor għall-SMEs ukoll, pereżempju b’rabta mal-intervalli tal-ħin għar-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tad-dejta. Mistenni jkun hemm ukoll konsegwenzi pożittivi mhux intenzjonati b’rabta mal-kompetittività u mal-innovazzjoni fis-settur li jipprovdi t-teknoloġiji tat-traċċabbiltà u tal-karatteristiċi tas-sigurtà.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Il-miżuri mistennija jwasslu għal dħul addizzjonali ta’ EUR 2 biljun fis-sena mit-taxxi li jinġabru (jiġifieri mill-VAT u mid-dazji tas-sisa). F’dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż, l-awtoritajiet kompetenti mistennija jkollhom spejjeż ta’ madwar EUR 4 miljun fis-sena.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħrajn?

Ġie stmat li l-ispiża unitarja tas-sistema ta’ traċċabbiltà se tkun ta’ inqas minn 0.5 ċenteżmi. X’aktarx li dan mhux se jsarraf f’żidiet kbar fil-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk immanifatturati fl-UE. Għalhekk, il-miżuri mhux mistennija jkollhom impatt negattiv fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq il-kompetittività tal-industrija tat-tabakk tal-UE.

Il-proporzjonalità

L-għażliet kollha ġew evalwati mil-lat tal-proporzjonalità billi ġie vvalutat l-estent safejn dawn:

(1) huma adattati biex jintlaħqu l-għanijiet operattivi identifikati;

(2) huma meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet; u

(3) jippermettu li jintlaħqu dawk l-għanijiet bl-iktar benefiċċji possibbli u bl-inqas spejjeż possibbli.

L-għażliet li kienu jissodisfaw dawn il-kriterji bl-aħjar mod ġew identifikati bħala l-għażliet ippreferuti. Huma u jiġu vvalutati l-għażliet ippreferuti, tqiesu l-benefiċċji stmati meta mqabbla mal-ispejjeż stmati.

D. Segwitu

Meta se tiġi eżaminata mill-ġdid din il-politika?

Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, il-Kummissjoni trid tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn ħames snin mill-20 ta’ Mejju 2016.

(1)

Ara d-dokument fis-sit li ġej: http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/80873/1/9789241505246_eng.pdf?ua=1&ua=1 . Il-Protokoll ġie adottat waqt il-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk f’Novembru tal-2012. Fiż-żmien meta kien qed jitħejja dan l-abbozz, minbarra l-UE kienu rratifikaw il-Protokoll sitt Stati Membri tagħha, li kienu l-Awstrija, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall u Spanja.

(2)      L-Artikolu 15(13) tad-Direttiva 2014/40/UE jistabbilixxi li s-sistemi ta’ traċċabbiltà u l-karatteristiċi tas-sigurtà għandhom ikunu fis-seħħ sal-20 ta’ Mejju 2019 għas-sigaretti u għall-prodotti tat-tabakk tal-brim u sal-20 ta’ Mejju 2024 għall-prodotti tat-tabakk l-oħrajn kollha.
Top