Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017SC0181

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi and Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni fuq il-vetturi

    SWD/2017/0181 final - 2017/0114 (COD)

    Brussell, 31.5.2017

    SWD(2017) 181 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi
    and
    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni fuq il-vetturi

    {COM(2017) 275 final}
    {SWD(2017) 180 final}



    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-Impatt dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE

    A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

    X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

    Huma indirizzati erba’ problemi:

    1.It-trasport bit-triq huwa responsabbli għal 17 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE u l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi u b’żero emissjonijiet mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u tal-enerġija għall-2030

    2.Il-kwalità tat-toroq tal-UE sejra lura, minħabba tnaqqis fl-investimenti infrastrutturali u manutenzjoni postposta, mingħajr ma jitqiesu l-impatti ekonomiċi fit-tul

    3.Ċerti Stati Membri introduċew tariffi bbażati fuq iż-żmien (vignettes), li jiddiskriminaw kontra sewwieqa barranin okkażjonali

    4.It-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni ġġenerati minn vetturi tat-triq jirrappreżentaw kostijiet sinifikanti għas-soċjetà

    Dawn il-problemi kollha jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ pprezzar ġust u effiċjenti tat-toroq. Madankollu, l-applikazzjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq fl-UE mhijiex kompleta u hija frammentata, li ftit li xejn tirrifletti l-kost reali tal-użu tat-toroq.

    X’għandu jinkiseb?

    L-għan huwa li jiġi promoss it-trasport bit-triq sostenibbli u ekwitabbli permezz tal-applikazzjoni aktar estiża tal-prinċipji ta’ “l-utent iħallas” u “min iniġġes iħallas”, u b’hekk:

    1.Isir kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fit-trasport permezz tal-ipprezzar

    2.Isir kontribut għal kwalità adegwata tat-toroq

    3.Jiġi żgurat li l-iskemi ta’ tariffi tat-toroq ma jiddiskriminawx kontra s-sewwieqa mhux residenti, u

    4.It-tariffi tat-toroq jintużaw bħala għodda effikaċi fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni.

    X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

    Emissjonijiet għolja tas-CO2 huma problema globali li titlob azzjoni miftiehma fil-livelli kollha. Il-problema tad-diskriminazzjoni kontra sewwieqa mhux residenti hija ta’ natura transfruntiera, u tista’ tissolva biss fuq livell supranazzjonali. Id-degradazzjoni tal-kwalità tat-toroq, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni għandhom implikazzjonijiet kemm lokali kif ukoll għall-UE kollha. Il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali hija meħtieġa biex jiġi żgurat il-moviment ħieles tal-persuni u tal-merkanzija madwar l-Unjoni.

    B. Soluzzjonijiet

    X’inhuma l-għażliet varji biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

    L-għażliet ta’ politika (policy options/PO) ivarjaw skont il-livell ta’ intervent, minn relattivament ħfief għal dawk impenjattivi ħafna.

    L-aktar miżuri importanti ta’ PO1 huma s-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti, l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għax-xarabanks/kowċijiet u għal dispożizzjonijiet tan-nondiskriminazzjoni, għall-vetturi ħfief.

    PO2 tibni fuq PO1 u tintroduċi l-varjazzjoni tal-ħlasijiet abbażi tal-emissjonijiet tas-CO2 bit-tneħħija gradwali tal-vignettes għall-HDVs (HGVs u xarabanks/kowċijiet), filwaqt li tinċentiva l-introduzzjoni ta’ tariffi bbażati fuq id-distanza.

    PO3 b’żewġ varjanti, tinkludi miżuri addizzjonali għall-karozzi u għall-vannijiet, tindirizza l-konġestjoni interurbana (3a u 3b) kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ sustanzi li jniġġsu permezz tad-differenzjazzjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet tal-utenti għall-vetturi ħfief (PO3b).

    PO4 tneħħi gradwalment il-vignettes għall-vetturi kollha u tesiġi l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-kostijiet esterni tal-HDVs.

    PO3b hija l-għażla ppreferuta. PO4 tkun iktar effettiva biex jintlaħqu l-għanijiet, iżda tinvolvi kostijiet ogħla. Soġġett għal deċiżjoni politika, ċerti miżuri ta’ PO4 jistgħu jiżdiedu ma’ PO3b b’perjodu ta’ introduzzjoni gradwali twil biżżejjed biex jippermetti l-adattament gradwali u jittaffew il-kostijiet.

    X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

    PO1 hija ġeneralment appoġġata mill-partijiet ikkonċernati, minkejja li ċerti Stati Membri jopponu l-miżuri dwar il-kwalità tat-toroq. Il-promozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi (PO2) għandha appoġġ wiesa’, filwaqt li ftit huma l-Istati Membri li jopponu l-eliminazzjoni gradwali tal-vignettes għall-HGVs. Il-miżuri dwar it-tariffi tal-konġestjoni (PO3) intlaqgħu b’ċertu xettiċiżmu, iżda l-partijiet ikkonċernati qablu li jekk jiddaħħlu, dawn it-tariffi għandhom japplikaw għall-vetturi kollha. Għall-PO4 kien hemm ċertu riżervi, peress li fiha obbligazzjoni qawwija għall-Istati Membri.



    C. Impatti tal-għażla ppreferuta

    X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?

    PO3b

    ·tnaqqas il-kostijiet tal-konġestjoni b’EUR 9 biljun sal-2030, tipprovdi dħul addizzjonali mill-ħlasijiet għall-użu tat-toroq ta’ EUR 10 biljun fis-sena u tgħin biex jiżdied l-investiment fit-toroq b’25 %

    ·tnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet ta’ CO2, ta' NOx u ta’ materja partikolata

    ·ittejjeb is-saħħa pubblika u tnaqqas il-kostijiet tat-tniġġis tal-arja u tal-inċidenti (EUR 0,37 biljun sal-2030)

    ·tippermetti l-ġenerazzjoni ta’ 208 000 impjieg ġdid u benefiċċji addizjonali ta’ 0,19 % tal-PDG, kif ukoll

    ·tikkontribwixxi għat-trattament ugwali taċ-ċittadini tal-UE billi tnaqqas bin-nofs il-prezz tal-vignettes għal perjodi qosra.

    X'inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?

    Il-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija jista’ jiżdied b'1,1 %, u l-kostijiet għall-passiġġieri ma jinbidlux. Il-kostijiet għall-awtoritajiet jinkludu l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ pedaġġ jew l-espansjoni ta’ dawk li diġà jeżistu għall-Istati Membri kkonċernati (investiment ta’ darba ta’ EUR 1,2-1,4 biljun, b’kollox), u kostijiet operattivi ta’ EUR 168-200 miljun fis-sena. L-estensjoni tat-tariffi għall-użu tat-triq għal partijiet ġodda tan-netwerk u għal gruppi ta’ utenti ġodda tista’ żżid il-kostijiet tal-konformita għall-utenti tat-toroq b’EUR 198-228 miljun fis-sena.

    X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

    Kważi 100 % tal-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija bit-triq huma SMEs. L-estensjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq iżidulhom il-kostijiet tal-konformità; madankollu, il-biċċa l-kbira tal-kostijiet addizzjonali jgħaddu għal fuq il-klijenti, biex b’hekk ikun hemm żieda marġinali (inqas minn 0,25 %) fil-prezzijiet. Il-possibbiltà li jitnaqqsu t-taxxi fuq il-vetturi tista’ tikkompensa għal parti miż-żieda fil-kost.

    Żieda fl-investiment fl-infrastruttura jkollha impatt pożittiv qawwi fuq l-industrija tal-bini.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

    Is-settur pubbliku se jibbenefika mid-dħul addizzjonali, li jirriżulta għas-skapitu tal-investiment fl-introduzzjoni u t-tħaddim tas-sistemi elettroniċi ġodda għall-ġbir tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq. L-impatt nett fuq il-baġits tal-Istati Membri jista’ jammonta għal bilanċ pożittiv ta’ kważi EUR 10 biljun fis-sena.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħrajn?

    Huwa mistenni tnaqqis sinifikanti fil-konsum tad-diżil (b’1,3%).

    Proporzjonalità?

    L-inizjattiva sempliċement tikkontribwixxi għall-ilħiq tal-għanijiet. Minflok ma tesiġi l-applikazzjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq, tikkoordina u tiffaċilita l-azzjoni nazzjonali. Il-kostijiet għall-Istati Membri, għan-negozji u għaċ-ċittadini huma limitati meta mqabbla mal-benefiċċji potenzjali. B’hekk ma jisbqux dak li huwa meħtieġ biex jissolvew il-problemi identifikati u biex jintlaħqu l-għanijiet.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

    Il-Kummissjoni se tevalwa l-leġiżlazzjoni l-ġdida fl-2025.

    Top