EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017SC0115

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL biex tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex ikunu infurzaturi aktar effettivi u jiġi żgurat funzjonament xieraq tas-suq intern

SWD/2017/0115 final - 2017/063 (COD)

Brussell, 22.3.2017

SWD(2017) 115 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

biex tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex ikunu infurzaturi aktar effettivi u jiġi żgurat funzjonament xieraq tas-suq intern

{COM(2017) 142 final}
{SWD(2017) 114 final}
{SWD(2017) 116 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt  dwar it-tisħiħ tal-kompetizzjoni fl-UE għall-benefiċċju tan-negozji u l-konsumaturi –Tisħiħ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni

A. Ħtieġa għal azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Fl-2004, permezz tar-Regolament 1/2003, ġiet stabbilita sistema deċentralizzata għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. L-għan tagħha kien li jiġi żgurat li jkun hemm aktar infurzar billi tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex ikunu infurzaturi flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Għalkemm l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni taw spinta sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE f’dawn l-aħħar għaxar snin, dawn jistgħu jagħmlu aktar. Kull sena jiġi akkumulat telf ta’ bejn EUR 181 biljun u EUR 320 biljun minħabba l-eżistenza ta’ kartelli mhux skoperti li normalment iżidu l-prezzijiet b’bejn 17 % u 30 %. Stħarriġ riċenti u ħidma fil-proċess tas-Semestru Ewropew juru li għadd ta’ setturi għadhom ibatu minn nuqqas ta’ kompetizzjoni madwar l-Ewropa. Teżisti rabta li hija stabbilita b’mod ċar bejn ir-rwol u l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jaġixxu u jinforzaw bis-sħiħ ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u jiżguraw kompetizzjoni fis-swieq.

Hemm erba’ kawżi tal-problemi sottostanti li jaffettwaw il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex ikunu infurzaturi iktar effettivi u s-sistema deċentralizzata stabbilita permezz tar-Regolament 1/2003:

1.in-nuqqas ta’ għodod effettivi tal-kompetizzjoni

2.in-nuqqas ta’ setgħat effettivi biex jiġu imposti multi ta’ deterrent

3.id-diverġenzi fi programmi ta’ klemenza jiskoraġġixxu lill-kumpaniji madwar l-Ewropa milli jiddikjaraw il-verità

4.in-nuqqas ta’ salvagwardji biex l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jaġixxu b’mod indipendenti meta jinfurzaw ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u jkollhom ir-riżorsi li jeħtieġu sabiex iwettqu l-ħidma tagħhom.

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistgħux jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, jiddgħajjef wieħed mill-aspetti ewlenin tas-suq uniku, jiġifieri li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Ewropa. Inqas infurzar effettiv mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ifisser li l-kundizzjonijiet biex is-swieq jiffunzjonaw b’mod effiċjenti mhumiex żgurati. In-negozji ma jistgħux jikkompetu b’mod ġust abbażi tal-merti tagħhom u jiffaċċjaw ostakoli biex jidħlu fis-suq. Il-konsumaturi ma jgawdux mill-benefiċċji tal-infurzar tal-kompetizzjoni, jiġifieri prezzijiet aktar baxxi, kwalità aħjar, għażla usa’ u l-innovazzjoni tal-prodotti.

X’inhuma l-objettivi li jridu jinkisbu?

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jsiru infurzaturi iktar effettivi, dan jiżgura li l-potenzjal sħiħ tas-sistema deċentralizzata ta’ infurzar jiġi realizzat permezz tar-Regolament 1/2003. Dan isaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-swieq fl-Ewropa (l-objettiv ġenerali). Dan jirrikjedi l-kisba tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

1.Jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom investigazzjoni effettiva u għodod ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

2.Jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu imposti multi deterrenti;

3.Jiġi ggarantit li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom programm ta’ klemenza mfassal tajjeb li jiffaċilita l-applikazzjoni għall-klemenza f’ġuriżdizzjonijiet multipli; kif ukoll

4.Jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom riżorsi suffiċjenti u jkunu jistgħu jinfurzaw ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni b’mod indipendenti.

X’inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE (is-sussidjarjetà)? 

L-UE għandha tieħu azzjoni biex tindirizza l-problemi identifikati minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni qed japplikaw ir-regoli tal-UE li għandhom dimensjoni transfruntiera. Azzjoni ta’ infurzar minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni waħda fi Stat Membru jista’ jkollha impatt fuq il-kompetizzjoni, in-negozji u l-konsumaturi fi Stati Membri oħrajn, pereżempju kartell nazzjonali tipikament jeskludi l-kompetituri minn Stati Membri oħrajn. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhomx il-mezzi u l-istrumenti neċessarji ta’ infurzar (pereżempju nuqqas ta’ riżorsi), dan jista’ jwassal għal konsegwenzi negattivi diretti għan-negozji u l-konsumaturi mhux biss fl-Istat Membru tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata iżda anki fi Stati Membri oħrajn, kif ukoll fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jikkooperaw fl-Ewropa kollha. Stat Membru Y ma jistax jindirizza n-nuqqas ta’ mezzi u strumenti tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-Istat Membru X, għalhekk, l-azzjoni tal-UE biss tista’ tindirizza din il-problema.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet varji biex jintlaħqu l-objettivi? Hemm xi għażla preferuta? Jekk le, għaliex?

Għażla 1:    l-ebda azzjoni mill-UE (xenarju ta' referenza)

Għażla 2:    azzjoni li ma torbotx biss

Għażla 3:    azzjoni leġiżlattiva tal-UE sabiex l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiġu pprovduti b'minimu ta' mezzi u strumenti biex ikunu infurzaturi effettivi, ikkumplimentata minn azzjoni li ma torbotx u ċerti regoli dettaljati limitati fejn xieraq

Għażla 4:    azzjoni leġiżlattiva tal-UE sabiex l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiġu pprovduti b’mezzi u strumenti uniformi u dettaljati

L-għażla ppreferuta hija l-għażla 3:

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-kategoriji kollha tal-partijiet ikkonċernati (inklużi kumpaniji u assoċjazzjonijiet industrijali, ditti legali, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u awtoritajiet pubbliċi) iqisu li għandha tittieħed azzjoni biex tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex ikunu infurzaturi iktar effettivi. Dan ġie kkonfermat permezz ta’ konsultazzjoni pubblika li ntemmet fit-12 ta’ Frar 2016 u f’laqgħat mal-partijiet konċernati.

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jingħataw is-setgħa bl-inqas mezzi u strumenti meħtieġa biex ikunu infurzaturi iktar effettivi, dan iwassal għal infurzar aktar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u aktar tixrid ta’ kultura tal-kompetizzjoni madwar l-Ewropa. Dan jirriżulta f’aktar swieq kompetittivi miftuħa, fejn il-kumpaniji jikkompetu aktar b’mod ġust abbażi tal-merti tagħhom, li jippermettilhom jiġġeneraw il-ġid u joħolqu impjiegi u jsiru aktar attraenti għall-investituri. Aktar kompetizzjoni żżid il-produttività – fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku. Infurzar aktar effettiv tal-kompetizzjoni jipproteġi lill-konsumaturi Ewropej minn prattiki kummerċjali li jżommu l-prezzijiet tal-oġġetti u s-servizzi artifiċjalment għoljin u jtejjeb l-għażla tagħhom ta’ prodotti u servizzi innovattivi bi prezzijiet affordabbli. L-istandards minimi komuni rigward l-għodod ta' investigazzjoni u ta’ sanzjonar inaqqsu l-eżiti diverġenti għall-kumpaniji u jagħmlu l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni aktar prevedibbli. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-UE jkunu jistgħu jikkooperaw aħjar ma’ xulxin. L-ispejjeż għan-negozji, li għandhom attività transfruntiera, marbuta mal-adattament għal oqfsa legali differenti, jitnaqqsu jew saħansitra jaqgħu. Din l-għażla hija appoġġata minn għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati. Il-valutazzjoni tal-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta, kemm f’termini kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi (pereżempju l-impatt pożittiv fuq il-Produttività Totali tal-Fatturi – ingredjent ewlieni tal-PDG) turi li l-benefiċċji se jaqbżu bil-kbir l-ispejjeż tal-implimentazzjoni.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla ppreferuta fil-biċċa l-kbira tkun tinvolvi spejjeż ta’ implimentazzjoni tal-inizjattiva leġiżlattiva għal amministrazzjonijiet pubbliċi, xi kostijiet għal taħriġ u familjarizzazzjoni mal-bidliet introdotti u potenzjalment żieda limitata tal-persunal f’xi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-kumpaniji jħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet ta’ adattament inizjali limitata f’dak li għandu x’jaqsam ma’ familjarizzazzjoni mar-regoli l-ġodda (li jkunu jvarjaw skont l-Istat Membru li joperaw fih). Inġenerali, il-kostijiet għan-negozji li għandhom attività transfruntiera marbutin mal-adattament għal oqfsa legali differenti jitnaqqsu jew saħansitra jaqgħu.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Infurzar aktar effettiv tal-kompetizzjoni jirriżulta fi swieq kompetittivi iktar miftuħa, li fihom in-negozji kollha, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, jistgħu jikkompetu b’mod ġust abbażi tal-merti tagħhom u jikbru fis-suq uniku kollu. 

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni diġà għandhom il-qafas bażiku għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, iżda jiffaċċjaw ċerti nuqqasijiet jew limitazzjonijiet. L-ispejjeż tal-implimentazzjoni jkunu varjabbli skont la liema punt ikun hemm diġà fis-seħħ regoli li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex ikunu infurzaturi effettivi. Ikun hemm kostijiet ukoll għal dawk l-Istati Membri li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom ma għandhomx biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-għoti ta’ setgħat effettivi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni se jsir biss sal-punt fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat u jiżgura rispett xieraq għad-drittijiet fundamentali.

Proporzjonalità

L-istabbiliment ta’ standards minimi biex tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jinfurzaw b’mod effettiv ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jiżgura bilanċ bejn li jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi filwaqt li ma jkunx hemm tfixkil bla bżonn fit-tradizzjonijiet nazzjonali. L-Istati Membri xorta jkunu jistgħu jistabbilixxu standards ogħla u jadattaw ir-regoli għal speċifiċitajiet nazzjonali.

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-politika?

Il-leġiżlazzjoni ġdida tal-UE se tkun immonitorjata u evalwata matul il-perjodu tal-implimentazzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali. Evalwazzjoni ex-post ssir ħames snin wara l-implimentazzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali biex jiġi vvalutat jekk l-objettivi jkunux intlaħqu.

Top