Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0692

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta’ trab tal-ħalib xkumat

    COM/2017/0692 final - 2017/0310 (NLE)

    Brussell, 24.11.2017

    COM(2017) 692 final

    2017/0310(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta’ trab tal-ħalib xkumat


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Madwar 400 000 tunnellata ta’ trab tal-ħalib xkumat (SMP) attwalment qed jinżammu fi stokkijiet pubbliċi. Dan il-volum huwa ekwivalenti għal terz tal-kummerċ dinji totali ta’ SMP fl-ewwel nofs tal-2017. Is-sempliċi eżistenza ta’ dawn l-istokkijiet qed tkun ta’ piż fuq is-suq.

    Kif irrapportat mill-Bord Ekonomiku tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, id-differenza bejn il-prezzijiet tax-xaħam u tal-proteini hija akbar minn qatt qabel. Il-proporzjon bejn il-prezz tal-butir u l-prezz tal-SMP varja għal għaxar snin madwar medja ta’ 1,4 (minimu ta’ 0,8 u massimu ta’ 1,7) u minn Mejju 2016 żdied biex laħaq il-livelli attwali qrib għal 4/1. Quddiem din id-differenza bla preċedent bejn il-prezzijiet tal-butir u tal-SMP, l-offerti għall-intervent pubbliku għandhom it-tendenza li jseħħu f’sitwazzjoni fejn ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni tas-suq għall-mobilizzazzjoni ta’ strumenti li jservu bħala xibka ta’ sikurezza.

    Kif previst fir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq, l-intervent pubbliku bi prezz fiss se jerġa’ jibda minn Marzu 2018 sa Settembru 2018 fi ħdan limitu kwantitattiv ta’ 109 000 tunnellata metrika kull sena.

    L-esperti tas-suq jivvalutaw id-domanda għolja għax-xaħam tal-butir bħala fenomenu strutturali u l-SMP se jibqa’ de facto prodott sekondarju b’livelli aktar baxxi ta’ valorizzazzjoni sakemm ma jkunx hemm swieq ġodda. F’xenarju bħal dan, ir-riskju li minn Marzu li ġej l-SMP ikollu jinxtara permezz tal-intervent pubbliku huwa reali. Jekk dan iseħħ, filwaqt li l-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola ikunu f’livelli sodisfaċenti, l-intervent pubbliku b’mod ċar ikun qed jitbiegħed mill-għan tiegħu li jiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola.

    Għalhekk, hija meħtieġa soluzzjoni biex fl-2018 jiġi evitat ix-xiri sfurzat ta’ SMP bi prezz fiss mingħajr il-ġustifikazzjoni tas-suq għal dan. Għal dan l-għan, il-limitu li bih għandu jsir intervent pubbliku bi prezz fiss fl-2018 jenħtieġ li jiġi stabbilit għal żero. Dan iwassal għall-ftuħ ta’ proċedura tal-offerti mill-1 ta’ Marzu 2018, meta jibda l-perjodu tal-intervent pubbliku, fejn il-Kummissjoni, b’votazzjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ liema volumi jenħtieġ li jinxtraw b’xiri sfurzat u b’liema prezz għax-xiri sfurzat.

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżura prevista f’dan ir-Regolament ikollha impatt immedjat fuq is-suq u sabiex l-operaturi tas-suq ikunu jistgħu jiġu infurmati fi żmien xieraq qabel il-bidu tal-kampanja ta’ intervent li jmiss, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    Din il-proposta hija konsistenti mal-ispirtu tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, bl-għan li jiġu stabbilizzati s-swieq u jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola.

    Il-proposta hija konsistenti mal-Artikolu 43(3) tat-TFUE li b’konformità miegħu l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Mhux applikabbli

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta taqa’ taħt kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri u hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    Għażla tal-istrument

    Mhux applikabbli

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli

    Ġbir u użu tal-kompetenzi

    Mhux applikabbli

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli

    Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

    Mhux applikabbli

    Drittijiet fundamentali

    Mhux applikabbli

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    L-impatt finanzjarju jiddependi mill-kwantitajiet/il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat (SMP) offruti u mill-kwantitajiet/il-prezzijiet aċċettati, bejn Marzu u Settembru 2018, li jiddependu mill-evoluzzjoni tas-suq tal-SMP.

     



    5.    ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Mhux applikabbli

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Mhux applikabbli

    2017/0310 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta’ trab tal-ħalib xkumat

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Sa tmiem Lulju 2017 ġie rrappurtat li l-istokkijiet ta’ intervent pubbliku tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni kienu ta’ 357 359 tunnellata. Barra minn hekk, ġew offruti 22 710 tunnellata għax-xiri sfurzat bi prezz fiss sakemm jagħlaq il-perjodu ta’ intervent fit-30 ta’ Settembru 2017.

    (2)Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib qed jesperjenza differenza bla preċedent bejn il-prezzijiet tax-xaħam u l-prezzijiet tal-proteini minħabba domanda partikolarment għolja għall-butir.

    (3)Fl-2018, il-konsenji tal-ħalib fl-Unjoni mistennija li jiżdiedu u jwasslu għal żieda fil-produzzjoni tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat.

    (4)X’aktarx li fl-2018, minkejja l-prezzijiet relattivament baxxi tal-proteini tal-ħalib, il-prezzijiet tal-ħalib mhux ipproċessat imħallsa lill-bdiewa se jibqgħu f’livell li jwassal biex il-produzzjoni tal-ħalib issir remunerattiva minħabba d-domanda attwalment qawwija għall-butir u l-ġobon.

    (5)Dawn l-elementi tas-suq qed joħolqu sitwazzjoni eċċezzjonali għas-sena 2018 li jeħtieġ li titqies b’mod speċifiku fir-rigward tal-operat tal-mekkaniżmu tal-intervent pubbliku għall-prodotti tal-ħalib.

    (6)L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 1 jistabbilixxi limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat bil-prezz fiss imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament. Ladarba dawk il-limiti jintlaħqu, ix-xiri sfurzat għandu jitwettaq permezz ta’ proċedura tal-offerti biex jiġi determinat il-prezz massimu tax-xiri sfurzat.

    (7)Sabiex jiġi evitat li t-trab tal-ħalib xkumat jinxtara bi prezz fiss f’sitwazzjoni li tmur kontra l-għanijiet tax-xibka ta’ sikurezza, jenħtieġ li kull intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat jiġi operat bi proċedura tal-offerti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-limitu kwantitattiv għax-xiri sfurzat ta’ trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss jiġi stabbilit għal żero għas-sena 2018.

    (8)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 jiġi emendat skont dan.

    (9)Sabiex ikun żgurat li l-miżuri temporanji previsti f’dan ir-Regolament ikollhom impatt immedjat fuq is-suq u sabiex l-operaturi tas-suq ikunu jistgħu jiġu infurmati fi żmien xieraq qabel il-bidu tal-kampanja ta’ intervent li jmiss, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

    “Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, fis-sena 2018, il-limitu kwantitattiv għax-xiri sfurzat ta’ trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għandu jkun ta’ 0 tunnellati.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

    FS/17/MvD/aj Ares (2017) 5672905

    6.142.2017.1

    agri.ddg3.g.3(2017)5670846

    DATA: 13.10.2017

    1.

    INTESTATURA TAL-BAĠIT:

    Ara hawn taħt għall-previżjoni baġitarja.

    05 02 12 02 (Miżuri ta’ ħżin għat-trab tal-ħalib xkumat)

    APPROPRJAZZJONIJIET:

    Baġit 2017: EUR 19-il miljun;

    Abbozz tal-Baġit 2018: EUR 12-il miljun

    2.

    TITOLU:

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjonijiet kwantitattivi applikabbli għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat

    3.

    BAŻI ĠURIDIKA:

    L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    4.

    GĦANIJIET:

    li jkun evitat li t-trab tal-ħalib xkumat jinxtara b’xiri sfurzat bi prezz fiss meta dan ma jkunx meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet tax-xibka ta’ sikurezza minħabba l-prezzijiet għoljin tal-prodotti l-oħra tal-ħalib. Jenħtieġ li l-intervent pubbliku għat-trab tal-ħalib xkumat jiġi operat bi proċedura tal-offerti.

    5.

    IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI

    PERJODU TA’ 12-IL XAHAR

    (f’miljuni ta’ EUR)

    SENA FINANZJARJA

    2018

    (f’miljuni ta’ EUR)

    SENA FINANZJARJA

    2019

    (f’miljuni ta’ EUR)

    5.0

    NEFQA

    -    IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
    (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)

    -    AWTORITAJIET NAZZJONALI

    -    OĦRAJN

    p.m.

    p.m.

    p.m.

    5.2

    METODU TA’ KALKOLU:

    Ara l-osservazzjonijiet

    6.0

    IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?

    Mhux applikabbli

    6.1

    IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?

    Le

    6.2

    SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?

    Le

    6.3

    SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?

    Ara l-osservazzjoni

    OSSERVAZZJONIJIET:

    L-impatt finanzjarju jiddependi mill-kwantitajiet/il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat (SMP) offruti u mill-kwantitajiet/il-prezzijiet aċċettati, bejn Marzu u Settembru 2018, li jiddependu mill-evoluzzjoni tas-suq tal-SMP.

    (1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).
    Top