EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0619

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

COM/2017/0619 final - 2017/0269 (NLE)

Brussell, 24.10.2017

COM(2017) 619 final

2017/0269(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

{SWD(2017) 348 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fid-9 ta’ Frar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża C-585/15, Raffinerie Tirlemontoise SA vs État belge li permezz tagħha hija ddikjarat bħala invalidu r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 tat-12 ta’ Ottubru 2000 dwar l-iffissar tal-imposti ta’ produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001, tal-11 ta’ Ottubru 2001, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.

L-imposti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni kienu oriġinarjament stabbiliti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 tat-13 ta’ Settembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor. Dan ir-regolament ippreveda sistema ta’ awtofinanzjament tas-settur taz-zokkor stabbilita minn imposti tal-produzzjoni flessibbli.

Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor kienet ibbażata fuq il-prinċipju li l-produtturi jenħtieġ li jġorru r-responsabbiltà finanzjarja kollha għat-telf imġarrab f’kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni permezz tar-rimi ta’ dik il-parti tal-produzzjoni tal-Komunità taħt il-kwota li tikkostitwixxi eċċess għall-konsum intern tal-Komunità, u fuq differenzjal tal-garanziji tal-prezz għar-rimi, li jirrifletti l-kwota tal-produzzjoni allokata għal kull impriża.

Il-prinċipju tar-responsabbiltà finanzjarja kien żgurat billi l-produtturi jiġu ddebitati imposta tal-produzzjoni bażika fuq il-produzzjoni kollha taz-zokkor A u B, li hija limitata għal 2 % tal-prezz tal-intervent taz-zokkor abjad, u imposta B imħallsa fuq il-produzzjoni taz-zokkor B sal-limitu ta’ 37,5 % ta’ dak il-prezz. Fejn dawk l-imposti ma ppermettewx li tintlaħaq il-mira ta’ awtofinanzjament tas-settur f’kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, ir-regolament (KE) Nru 2038/1999 ippreveda imposta addizzjonali li għandha tiġi ddebitata lill-produtturi. L-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 ippreveda l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-imposti.

Il-Qorti, fis-sentenza tagħha msemmija hawn fuq, ma poġġitx fid-dubju s-sistema tal-imposti tal-produzzjoni u l-prinċipju li skontu l-produtturi taz-zokkor kellhom iġorru r-responsabbiltà finanzjarja kollha għat-telf imġarrab f’kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni meta kienet tintrema’ dik il-parti tal-produzzjoni fil-qafas tal-kwota li tikkostitwixxi eċċess għall-konsum intern tal-Unjoni, u kienu għalhekk soġġetti għal imposta fuq il-produzzjoni tagħhom fil-qafas tal-kwota, li għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi kopert it-telf imġarrab matul is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001.

Madankollu, il-Qorti qatgħetha li l-Kummissjoni żbaljat fil-kalkoli tal-imposti annwali stabbiliti għall-perjodu inkwistjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999. Hi sabet li l-metodu użat mill-Kummissjoni fir-Regolamenti tagħha (KE) Nru 2267/2000 u Nru 1993/2001 biex tiffissa l-imposti kien żbaljat, għaliex dan wassal għal stima akbar tal-ispejjeż li kellhom jiġu koperti u, konsegwentement, għal debitu żejjed għall-produtturi taz-zokkor.

Is-sentenza ħalliet vojt ġuridiku fir-rigward tas-somma eżatta tal-imposti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001. Għalhekk, jenħtieġ li l-imposti stabbiliti għal dawn is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda, ikkalkulati skont il-metodu vvalidat mill-Qorti, b’effett retroattiv, sabiex ikunu konformi mas-sentenza.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat tat-TFUE, “L-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null…għandu jkun marbut li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”. Għalhekk, wara t-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 2267/2000 u tar-Regolament (KE) Nru 1993/2001, jeħtieġ li għall-perjodu inkwistjoni jiġu ffissati imposti ġodda.

Mill-1999 ’il hawn, il-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor inbidel: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, u reġa’ tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007. Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 ma jistax jibqa’ jservi bħala l-bażi ġuridika għall-korrezzjoni tal-imposti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandiex is-setgħa li tadotta l-att legali korrettiv meħtieġ sabiex timplimenta s-sentenza.

Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-imposti. Minħabba n-natura tar-Regolament propost, l-Artikolu 43(3) tat-TFUE jidher li huwa l-bażi ġuridika xierqa għall-iffissar tal-imposti taz-zokkor ikkoreġuti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni.

Fis-sentenza tagħha msemmija hawn fuq, il-Qorti ċċarat l-elementi kollha li jridu jittieħdu inkonsiderazzjoni għall-kalkolu tat-“telf medju”, fit-tifsira tal-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, li jrid jintuża għall-istima tat-“telf ġenerali” li għandu jiġi kopert mill-imposti tal-produzzjoni. B’mod partikolari, it-“telf medju” għandu jiġi kkalkulat billi wieħed jiddividi r-rifużjonijiet totali effettivi imħallsin bit-total tal-kwantitajiet taz-zokkor tal-kwota esportati, irrispettivament jekk kinux esportati b’rifużjoni jew mingħajrha. L-applikazzjoni tal-metodu l-ġdid indikat mill-Qorti twassal għal tnaqqis sostanzjali tat-“telf medju” u tat-“telf ġenerali”, li għandhom jiġu koperti bl-imposta għall-perjodu inkwistjoni.

Għalhekk, ir-Regolament propost se jistabbilixxi l-imposti tal-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-metodoloġija kkjarifikata mill-Qorti. Dan se jippermetti lill-Istati Membri jikkalkulaw ir-rimborż dovut lill-produtturi taz-zokkor fir-rigward tal-imposti żejda li huma kienu ġew iddebitati matul l-istess perjodu. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu r-rimborż lill-produtturi taz-zokkor li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imposti riveduti skont il-liġi nazzjonali applikabbli inklużi l-perijodi nazzjonali ta’ limitazzjoni. Jenħtieġ li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi li talbu għal rimborż bi dritt u f’waqtu jiġu rimborżati.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-imposti tal-produzzjoni għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 se tħalli impatt fuq l-ammont, li l-produtturi taz-zokkor kellhom iħallsu lil dawk li jkabbru l-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta A jew B, u l-ammont ta’ dawn l-imposti ddebitati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni ikkonċernati.

Fil-fatt, skont l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor fis-seħħ sal-2006, dawn l-imposti kienu tħallsu mill-manifatturi taz-zokkor, iżda dawn tal-aħħar rkupraw 60 % ta’ dawn l-ispejjeż mill-produtturi tal-pitravi, billi ħallsu prezz aktar baxx għall-pitravi. Meta l-ammonti tal-imposti kienu stabbiliti taħt il-livell massimu tal-imposti A jew B (jiġifieri 2 % u 37,5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad rispettivament), l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) 2038/1999 ippreveda li l-manifatturi taz-zokkor kellhom iħallsu l-bejjiegħa tal-pitravi 60 % tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta inkwistjoni u l-ammont tal-imposta ta’ bażi jew l-imposta B effettivament iddebitata.

Għalhekk, dan l-att korrettiv legali jistabbilixxi l-prezzijiet riveduti li jenħtieġ li l-produtturi taz-zokkor iħallsu lura lill-bejjiegħa tal-pitravi. Jenħtieġ li tiġi rimborżata biss id-differenza bejn l-ammonti qodma u dawk ġodda lill-bejjiegħa tal-pitravi .

Ir-rimborż tal-imposti taz-zokkor jikkostitwixxi korrezzjoni tal-imposti fuq iz-zokkor li oriġinarjament tħallsu lir-riżorsi proprji tal-UE. L-Istati Membri jridu jistabbilixxu l-intitolamenti l-ġodda tal-imposti taz-zokkor abbażi tal-imposti l-ġodda sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2018.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Istati Membri dokument ta’ ħidma relatat mad-determinazzjoni tal-imposti taz-zokkor ikkoreġuti u mas-segwiment tas-sentenza tal-Qorti tad-9 ta’ Frar 2017. Dan id-dokument ta’ ħidma ġie ppreżentat u diskuss fil-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli fit-28 ta’ Settembru 2017.

Għadd ta’ Stati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tħejji att legali li jikkoreġi l-imposti, li jenħtieġ li jinkludi rimborż mill-baġit tal-Unjoni tal-imgħax fuq ir-rimborżi li saru jew li se jsiru lill-produtturi taz-zokkor li ħallsu l-imposti żejda fis-snin rilevanti, mill-Istati Membri kkonċernati. Xi delegazzjonijiet issuġġerew ukoll li jenħtieġ li l-imgħax jiġi kkalkolat b’rata uniformi fil-livell Ewropew.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-reviżjoni tal-imposti tal-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 se twassal għal korrezzjoni negattiva ta’ EUR 116 318 466, li għandha tiġi ddebitata lir-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE. Minbarra l-ammont imsemmi, l-Istati Membri jistgħu jitolbu mingħand il-Kummissjoni r-rimborż tal-imgħax effettivament imħallas minnhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, sabiex isir ir-rimborż tal-imposti żejda miġbura għas-snin rilevanti. Din in-nefqa għandha tiġi ddebitata separatament lill-baġit tal-UE mill-Istati Membri kkonċernati wara l-preżentazzjoni tal-provi korrispondenti tal-ħlas.

 5.    ELEMENTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni se toħroġ, b’mod parallel, Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff li jakkumpanja din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill, sabiex jiġu ċċarati ċerti elementi relatati mar-rimborż tal-ammont prinċipali u l-imgħax, ir-rimborż lill-bejjiegħa tal-pitravi, il-proċedura tal-kontabilità u l-monitoraġġ tal-proċess tar-rimborż.

2017/0269 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 33(8) u l-Artikolu 34(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 1 , jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta regoli dettaljati dwar l-imposti ta’ produzzjoni bażiċi u dwar il-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali, li jinġabru minn detenturi tal-kwota li joperaw fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.

(2)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 2 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001 3 stabbilew l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor.

(3)Fil-qafas tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 4 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 2038/1999. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 318/2006 5 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1260/2001. Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006, li sussegwentement ġie revokat u inkorporat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 6 , issostitwixxa s-sistema tal-imposta varjabbli tal-produzzjoni taz-zokkor li tikkonsisti mill-awtofinanzjament tas-sistema tal-kwota tal-produzzjoni permezz ta’ tariffa fuq il-produzzjoni ġdida bil-għan li tikkontribwixxi għall-iffinanzjar tan-nefqa li sseħħ fis-settur taz-zokkor fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għaz-zokkor. Din it-tariffa fuq il-produzzjoni temporanja baqgħet applikabbli sat-30 ta’ Settembru 2017 skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(4)Bis-Sentenza tad-9 ta’ Frar 2017 8 , ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001 kienu ddikjarati bħala invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2038/1999 irid jiġi interpretat b’mod li jinftiehem li, għall-fini tal-kalkolu tat-telf medju, jeħtieġ li wieħed jiddividi l-ammont totali tan-nefqa effettiva għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ dawk il-prodotti li ġew esportati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fil-fatt tħallsux jew le fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

(5)Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 irid jiġi interpretat b’mod li jinftiehem li, għall-fini tal-kalkolu globali tal-imposti fuq il-produzzjoni, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf medju kkalkulat billi wieħed jiddividi l-ammont totali tan-nefqa effettiva għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni bl-ammont totali tal-kwantitajiet esportati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fil-fatt tħallsux jew le fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

(6)Għalhekk għall-konformità mas-sentenza tal-Qorti, jeħtieġ li jkunu ffissati l-imposti tal-produzzjoni u l-imposti addizzjonali fil-livell adatt.

(7)B’mod partikolari, it-“telf medju” jeħtieġ jiġi kkalkulat billi wieħed jiddividi r-rifużjonijiet totali effettivi mħallsin bit-total tal-kwantitajiet esportati, irrispettivament minn jekk kinux esportati b’rifużjoni jew mingħajrha. L-applikazzjoni tal-metodu indikat mill-Qorti twassal għal tnaqqis sostanzjali tat-“telf medju” u tat-“telf ġenerali”, li għandhom jiġu koperti bl-imposta għall-perjodu inkwistjoni.

(8)Ir-reviżjoni tal-imposti tal-produzzjoni għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 se tħalli impatt fuq l-ammont li l-produtturi taz-zokkor kellhom iħallsu lil dawk li jkabbru l-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta A jew B, u l-ammont ta’ dawn l-imposti ddebitati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni konċernati.

(9)Fil-fatt, skont ir-regoli li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor fis-seħħ mill-2006, dawn l-imposti kienu jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor, iżda dawn tal-aħħar rkupraw 60 % ta’ dawn l-ispejjeż mill-produtturi tal-pitravi, billi ħallsu prezz aktar baxx għall-pitravi. L-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 ppreveda li meta l-ammonti tal-imposti kienu stabbiliti taħt il-livell massimu tal-imposti A jew B (jiġifieri 2 % u 37,5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad rispettivament), il-manifatturi taz-zokkor kellhom iħallsu l-bejjiegħa tal-pitravi 60 % tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta inkwistjoni u l-ammont tal-imposta ta’ bażi jew l-imposta B effettivament iddebitata.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-ammonti riveduti li l-produtturi taz-zokkor li għandhom iħallsu lura lill-bejjiegħa tal-pitravi . Jenħtieġ li l-bejjiegħa tal-pitravi jiġu rimborżati biss bid-differenza bejn l-ammonti qodma u dawk ġodda.

(11)Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, it-telf ġenerali mhux kopert mit-taxxi, ikkalkulat mill-ġdid skont il-metodu indikat mill-Qorti, jammonta għal EUR 66 941 664. Jenħtieġ li l-koeffiċjent imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 jiġi stabbilit skont dan u li japplika retroattivament għal dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(12)Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, it-telf ġenerali mhux kopert mit-taxxi, ikkalkulat skont il-metodu indikat mill-Qorti, jammonta għal EUR 49 376 802.

(13)Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex ikun żgurat trattament uniformi tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati fi Stati Membri differenti, jeħtieġ li tiġi stabbilita data komuni li fiha l-imposti ffissati b’dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti, fit-tifsira tat-tieni u tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 9 .

(14)L-operaturi ekonomiċi kienu ġew iddebitati imposti żejda għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu r-rimborż lill-operaturi ekonomiċi li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imposti riveduti skont il-liġi nazzjonali applikabbli inklużi perjodi nazzjonali ta’ limitazzjoni. Jenħtieġ li dawn jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi li talbu għal rimbors bi dritt u f’waqtu jiġu rimborżati.

(15)Jenħtieġ li l-kalkolu tal-imposti tal-produzzjoni u l-imposti addizzjonali stabbiliti b’dan ir-Regolament japplika mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt (1) tal-Anness.

2.Il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 għandu jkun dak stabbiliti fil-punt (2) tal-Anness.

3.L-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi, fir-rigward tal-imposti A jew B għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, għandu jkun dak stabbiliti fil-punt (3) tal-Anness.

Artikolu 2

Id-data tal-istabbiliment, kif imsemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 609/2014, tal-imposti ffissati b’dan ir-Regolament, għandha tkun mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2018.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika:

mit-13 ta’ Ottubru 2000 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000;

mit-12 ta’ Ottubru 2001 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

FS/17/4938476

6.2.2017.1

DATA: 06.09.2017

1.

INTESTATURA TAL-BAĠIT:

Ara hawn taħt għall-previżjoni baġitarja.

Kapitolu 1 1 - Artikolu 1 1 0 (Imposti tal-produzzjoni relatati mas-sena kummerċjali 2005/2006 u mas-snin ta’ qabel):

05 07 02 (Soluzzjoni ta’ tilwim)

APPROPRJAZZJONIJIET:

B2017;

DB 2018

p.m.;

p.m.

EUR 29 miljun

EUR 22,3 miljun

2.

TITOLU:

REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.

3.

BAŻI ĠURIDIKA:

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.

OBJETTIVI:

Dan ir-regolament għandu l-għan li jistabilixxi retroattivament il-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 sa 2000/2001, ikkalkolati mill-ġdid fuq il-bażi tal-metodoloġija ikkjarifikat mill-Qorti.

5.

IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI

PERJODU TA’ 12-IL XAHAR

(f’miljuni ta’ EUR)

SENA FINANZJARJA

2018

(f’miljuni ta’ EUR)

SENA FINANZJARJA

2019

(f’miljuni ta’ EUR)

5.0

NEFQA

-    IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)

-    AWTORITAJIET NAZZJONALI

-    OĦRAJN

102,2

102,2

Mhux applikabbli

5.1

DĦUL

-    RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
(IMPOSTI/DAZJI DOGANALI) – Ara l-kummenti

-    NAZZJONALI

-93,1

-93,1

Mhux applikabbli

5.2

METODU TA’ KALKOLU:

Ara l-osservazzjonijiet

6.0

IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?

Mhux applikabbli

6.1

IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?

Le

6.2

SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?

Le

6.3

SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?

Ara l-osservazzjoni

OSSERVAZZJONIJIET:

Fid-9 ta’ Frar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża C-585/15, Raffinerie Tirlemontoise SA vs État belge li permezz tagħha hija ddikjarat bħala invalidu r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 tat-12 ta’ Ottubru 2000 dwar l-iffissar tal-imposti ta’ produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001, tal-11 ta’ Ottubru 2001, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.

Din is-sentenza segwiet ir-raġunament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012 (is-sentenza Jülich II) 10 , li permezz tagħha l-metodu korrett li kellu jintuża biex jiġu kkalkulati l-imposti fuq iz-zokkor ġie kkjarifikat. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi huma intitolati għar-rimborż tas-somom li ħallsu żejda rigward l-imposti tal-produzzjoni invalidi li tħallsu fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni rilevanti. Dawn l-imposti żejda ġew akkumulati favur il-baġit tal-Unjoni wara tnaqqis tat-tariffi tal-ġbir li ġew akkumulati favur il-baġits nazzjonali skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/(UE, Euratom) dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan l-att legali korrettiv li jistabilixxi retroattivament l-imposti tal-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-metodoloġija ikkjarifikata mill-Qorti fil-kawża msemmija hawn fuq Jülich II. Wara s-sentenza u skont il-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu, ir-rimbors tad-differenza bejn l-imposti l-qodma u l-imposti kkalkulati mill-ġdid lill-operaturi għandu jinkludi l-imgħax kumpensatorju, ibbażat fuq ir-regoli nazzjonali.

L-ammont totali li għandu jiġi rrimborżat lill-Istati Membri huwa dan:

Riżorsi proprji — ammont prinċipali

EUR 66,9 miljun għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u EUR 49,4 miljun għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001; b’kollox EUR 116,3 miljun * 80 % = EUR 93,1 miljun ta’ imposti wara l-ġbir ta’ ħlasijiet.

Imgħax kumpensatorju

L-imgħax kumpensatorju mitlub mhuwiex inkluż fl-ammonti li jaqgħu fl-ambitu tar-riżorsi proprji. Ir-rati tal-imgħax se jiġu ddeterminati mil-liġi nazzjonali u għalhekk l-ammont finali ma jistax jiġi ddeterminat b’mod definittiv f’dan il-waqt. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar ir-rati ta’ imgħax nazzjonali mill-kawża Jülich u jekk wieħed jassumi medja ta’ spejjeż ta’ mgħax ta’ 5 % kull sena, l-ammont prinċipali dovut għal 1999/2000 jiżdied b’90 % tal-imgħax (18*5 %) u l-ammont prinċipali dovut għal 2000/2001 jiżdied b’85 % (17*5 %).

Dan itella’ t-total tal-ispejjeż tal-imgħax stmati għal (66,9*90 %) + (49,4*85 %) = EUR 102,2 miljun.

L-ammont se jitħallas mil-linja baġitarja 05 07 02 – Soluzzjoni ta’ tilwim. Il-pagamenti huma mistennija li jsiru fis-sena baġitarja tal-2018.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 tat-13 ta’ Settembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, 25.9.1999, p. 1).
(2) Commission Regulation (EC) No 2267/2000 of 12 October 2000 fixing the production levies and the coefficient for calculating the additional levy in the sugar sector for the marketing year 1999/2000 (ĠU L 259, 13.10.2000, p. 29).
(3) Commission Regulation (EC) No 1993/2001 of 11 October 2001 fixing the production levies in the sugar sector for the marketing year 2000/2001 (ĠU L 271, 12.10.2001, p. 15).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, 30.06.2001, p. 1).
(5) Council Regulation (EC) No 318/2006 of 20 February 2006 on the common organisation of the markets in the sugar sector (ĠU L 58, 28.02.2006, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(8) Il-Kawża C-585/15, Raffinerie Tirlemontoise, ECLI:EU:C:2017:105.
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).
(10) Il-Kawżi magħquda C-113/10, C 147/10 u C 234/10, Zuckerfabrik Jülich et, ECLI:EU:C:2012:591.
Top

Brussell, 24.10.2017

COM(2017) 619 final

ANNESS

ta’ [...]

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-iffissar tal-imposti ta’ produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

{SWD(2017) 348 final}


(1)

L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor imsemmija fl-Artikolu 1(1)

(2)

Il-koeffiċjenti neċessarji għal kalkolu tal-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2) għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000: 0,10034

(3)

L-ammont li l-produtturi taz-zokkor iridu jħallsu lil dawk li jkabbru l-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta B u l-ammont tal-imposta effettivament imħallsa, imsemmija fl-Artikolu 1(3)

(1) Prezz fir-rigward tal-imposta B għal kull tunnellata ta’ pitravi tal-kwalità standard (EUR).

Top